Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0054

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Jannar 2024.
    WY vs Laudamotion GmbH u Ryanair DAC.
    Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(1) – Artikolu 7(1) – Kumpens lill-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira – Telf ta’ ħin – Titjira ta’ sostituzzjoni pprenotata mill-passiġġier innifsu – Passiġġier li jasal fid-destinazzjoni finali b’inqas minn tliet sigħat dewmien wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst – Assenza ta’ kumpens.
    Kawża C-54/23.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:74

     SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

    25 ta’ Jannar 2024 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(1) – Artikolu 7(1) – Kumpens lill-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira – Telf ta’ ħin – Titjira ta’ sostituzzjoni pprenotata mill-passiġġier innifsu – Passiġġier li jasal fid-destinazzjoni finali b’inqas minn tliet sigħat dewmien wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst – Assenza ta’ kumpens”

    Fil-Kawża C‑54/23,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Frar 2023, fil-kawża

    WY

    vs

    Laudamotion GmbH,

    Ryanair DAC,

    IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

    komposta minn K. Jürimäe, Presidenta ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. Medina,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Laudamotion GmbH, minn W. Nassall, Rechtsanwalt,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, G. von Rintelen, G. Wilms u N. Yerrell, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 5 sa 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, WY, passiġġier tal-ajru, u, min-naħa l-oħra, Laudamotion GmbH u Ryanair DAC, dwar ir-rifjut ta’ dawn iż-żewġ trasportaturi bl-ajru li jikkumpensaw lil dan il-passiġġier minħabba dewmien fil-wasla ta’ titjira li għaliha kellu prenotazzjoni kkonfermata.

    Il‑kuntest ġuridiku

    3

    Skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 261/2004:

    “Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.”

    4

    L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Skop”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika:

    (a)

    għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

    […]

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-kondizzjoni li l-passiġġieri:

    (a)

    għandhom reżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira in kwistjoni u. ħlife fil-każ ta’ kanċellazzjoni msejħa fl-Artikolu 5, jippreżentaw lilhom infushom għal check-in,

    kif stabbilit u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi) mil-trasportatur ta’ l-ajru, l-operatur tat-tourjew l-aġent tal-vjaġġ awtorizzat,

    jew, jekk l-ebda ħin hu indikat,

    mhux aktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat; […]

    […]”

    5

    L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

    (a)

    jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

    […]

    (ċ)

    jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

    […]

    (iii)

    huma informati [ma jkunux informati] bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

    6

    L-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, intitolat “Dewmien”, huwa fformulat kif ġej:

    “Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

    (a)

    għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

    (b)

    għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra‑Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

    (ċ)

    għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

    passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

    (i)

    l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

    (ii)

    meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

    (iii)

    meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).”

    7

    L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

    (a)

    EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

    […]”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    8

    WY ipprenota titjira bir-ritorn ma’ Ryanair bejn Düsseldorf (il-Ġermanja) u Palma de Mallorca (Spanja), prevista għall‑31 ta’ Ottubru 2019. Peress li ġie informat minn Laudamotion, li kienet it-trasportatur bl-ajru li jopera, li t-tluq tat-titjira ’l barra (iktar ’il quddiem it-“titjira inizjali”) kien ser jittardja b’sitt sigħat, dan il-passiġġier ipprenota huwa stess titjira ta’ sostituzzjoni sabiex ma jitlifx appuntament professjonali li kellu f’Palma de Mallorca. Grazzi għal din it-titjira ta’ sostituzzjoni, huwa finalment wasal fid-destinazzjoni b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat wara l-ħin previst tal-wasla tat-titjira inizjali. L-imsemmi passiġġier, li jiddikjara li huwa kien ippreżenta ruħu fil-ħin sabiex jagħmel check‑in għat-titjira inizjali, talab, b’mod partikolari, mingħand Laudamotion kumpens fl-ammont ta’ EUR 250, taħt l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004. Huwa talab ukoll lil Ryanair tagħtih informazzjoni dwar l-ammont ta’ taxxi mhux użati u dwar il-ħlas ta’ dak l-ammont.

    9

    It-talba ta’ WY kontra Laudamotion ġiet miċħuda kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell. Il-qorti tal-appell qieset li, minkejja li t-titjira inizjali waslet b’dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat, Laudamotion ma kinitx obbligata tħallas il-kumpens mitlub, peress li WY ma kienx tela’ abbord din it-titjira u kien wasal fid-destinazzjoni finali b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li t-titjira ta’ sostituzzjoni tkun ġiet ipprenotata mill-passiġġier innifsu. B’hekk, WY ma sofra ebda inkonvenjenza talli ma telax abbord it-titjira inizjali. Mill-banda l-oħra, huwa għandu dritt, abbażi tad-dritt ċivili Ġermaniż, għar-rimbors tat-titjira ta’ sostituzzjoni li huwa stess ipprenota.

    10

    WY ippreżenta rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Dik il-qorti tqis li l-eżitu ta’ dan ir-rikors jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a), tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

    11

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumpens imsemmi f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar jibbenefika minnu l-passiġġier tal-ajru li jkun ġarrab telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar mal-wasla fid-destinazzjoni finali tiegħu. Konsegwentement, dan il-kumpens ma għandux jingħata lill-passiġġier li t-titjira tiegħu tista’ tkun suġġetta għal dewmien twil u li, minħabba f’hekk, jipprenota huwa stess titjira ta’ sostituzzjoni li tippermettilu jasal fid-destinazzjoni finali b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst tat-titjira inizjali.

    12

    Huwa possibbli li mid-digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, easyJet Airline (C‑756/18, EU:C:2019:902, punti 33 et seq) jiġi dedott li d-dritt għal kumpens minħabba dewmien twil ta’ titjira huwa, bħala prinċipju, mogħti biss lill-passiġġieri li jkunu telgħu abbord it-titjira kkonċernata u li jkunu effettivament waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, il-fatt li t-trasportatur bl-ajru jkun, bħal f’dan il-każ, naqas mill-obbligu tiegħu li jipproponi titjira ta’ sostituzzjoni li tippermetti lill-passiġġieri jevitaw li jġarrbu d-dewmien imħabbar tat-titjira inizjali.

    13

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li huwa minnu li, mis-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 61) jirriżulta li, fil-każ ta’ dewmien twil jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, trasportatur bl-ajru huwa obbligat, b’mod partikolari, joffri lill-passiġġier il-possibbiltà ta’ rotta differenti, diretta jew indiretta, fuq titjira operata minnu stess jew minn trasportatur ieħor u li ddum inqas sabiex tasal mit-titjira sussegwenti tat-trasportatur ikkonċernat, sakemm tali rotta differenti ma tkunx tikkostitwixxi, għal dan tal-aħħar, sagrifiċċju insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument inkwistjoni. B’dan premess, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu waħdu ma jistax jagħti lok għal dritt għal kumpens, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jingħata kumpens għal kull tip ta’ inkonvenjenza, iżda biss f’każ ta’ telf ta’ ħin ta’ mill-inqas tliet sigħat. L-inkonvenjenza mġarrba mill-passiġġier inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix għalhekk inkonvenjenza serja, fis-sens ta’ dan ir-regolament, kif jirriżulta mis-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Air Nostrum (C‑191/19, EU:C:2020:339, punt 32).

    14

    Madankollu, dik il-qorti tqis li huwa possibbli li s-sitwazzjoni tiġi kkunsidrata minn angolu differenti fid-dawl tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 li jipprevedi li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira, il-passiġġieri għandhom jiġu kkumpensati jekk ma tiġix offruta lilhom titjira b’rotta differenti b’telf ta’ ħin ta’ inqas minn tliet sigħat. Fil-fatt, anki jekk qabel il-mument—u mhux iktar tard—li l-passiġġier għandu jippreżenta ruħu sabiex jagħmel check‑in, ikun hemm biżżejjed indikazzjonijiet sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni li l-wasla tat-titjira fid-destinazzjoni finali ser ikollha dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat wara l-ħin inizjalment previst, ma jistax ikun meħtieġ minn dan il-passiġġier, għall-finijiet tal-kumpens tiegħu, li huwa jippreżenta ruħu fil-ħin sabiex jagħmel check‑in jew li huwa effettivament jitla’ abbord it-titjira. Barra minn hekk, il-ħin tal-wasla tal-imsemmi passiġġier fid-destinazzjoni finali huwa wkoll irrilevanti għal dan il-għan.

    15

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    Dritt għal kumpens għal dewmien ta’ titjira ta’ mill-inqas tliet sigħat, skont l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament [Nru 261/2004], huwa ġeneralment eskluż jekk il-passiġġier, fil-każ ta’ riskju ta’ dewmien twil, jieħu titjira ta’ sostituzzjoni li kien irriżerva huwa stess u għalhekk jilħaq id-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat, jew dritt għal kumpens jista’ fi kwalunkwe każ jiġi previst f’din is-sitwazzjoni jekk, qabel il-mument li fih il-passiġġier għandu jippreżenta ruħu għal check‑in, ikunu diġà jeżistu indizji suffiċjenti u ċerti, li sal-wasla lejn id-destinazzjoni finali kien ser ikun hemm dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat?

    (2)

    [F’din l-ipoteżi tal-aħħar,] id-dritt għal kumpens minħabba dewmien tat-titjira ta’ mill-inqas tliet sigħat skont l-Artikoli 5, 6 u 7 [ta’ dan ir-regolament] jippreżupponi, fis-sitwazzjoni msemmija iktar ’il fuq, li l-passiġġier jippreżenta ruħu fil-ħin għal check‑in konformement mal-Artikolu 3(2)(a) [tal-imsemmi regolament]?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    16

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-kawża prinċipali toriġina mid-dewmien ta’ ajruplan li jkun ser itir, is-suġġett tagħha huwa r-riperkussjonijiet li dan id-dewmien seta’ ħoloq mal-wasla. Fil-fatt, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali qiegħed jitlob kumpens minħabba d-dewmien probabbli tat-titjira inkwistjoni sabiex tasal fid-destinazzjoni finali li ma kienx ser iħallih jasal fil-ħin għal appuntament professjonali f’Palma de Mallorca. Issa, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jikkonċerna biss id-dewmien ta’ titjira wara l-ħin tat-tluq inizjalment previst. Minn dan jirriżulta li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa li, skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, passiġġier ikun intitolat għalih, f’sitwazzjoni fejn it-titjira tiegħu tasal fid-destinazzjoni finali tagħha b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar wara l-ħin previst tal-wasla, ma huwiex suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 6 (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Folkerts, C‑11/11, EU:C:2013:106, punti 3637).

    17

    Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali qiegħed jitlob, abbażi tad-dritt Ġermaniż, ir-rimbors tal-ispejjeż tat-trasport ta’ sostituzzjoni li huwa stess ipprenota, b’tali mod li din id-domanda tikkonċerna biss id-dritt tal-imsemmi rikorrent fil-kawża prinċipali li jingħata kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, minħabba d-dewmien twil ta’ titjira.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li passiġġier tal-ajru li, minħabba riskju ta’ dewmien twil mal-wasla, fid-destinazzjoni finali, tat-titjira li fuqha jkollu prenotazzjoni kkonfermata, jew saħansitra indikazzjonijiet suffiċjenti dwar tali dewmien, ikun ipprenota huwa stess titjira ta’ sostituzzjoni u jkun wasal fid-destinazzjoni finali b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat wara l-ħin tal-wasla oriġinarjament previst tat-titjira inizjali, jista’ jibbenefika mid-dritt għal kumpens.

    19

    Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, il-passiġġieri ta’ titjiriet li jittardjaw jistgħu, minn naħa, jiġu ekwiparati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati u jistgħu, min-naħa l-oħra, jeżerċitaw dan id-dritt għal kumpens f’sitwazzjoni fejn huma jkunu ġarrbu, minħabba t-titjira li tittardja, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn huma jkunu waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur bl-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 606169, kif ukoll tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International – Azores Airlines (Ħsara fis-sistema ta’ provvista ta’ karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    20

    Fil-fatt, il-passiġġieri tat-titjiriet li jittardjaw iġarrbu, bħal fil-każ tal-passiġġieri li t-titjira inizjali tagħhom tkun ġiet ikkanċellata, telf ta’ ħin irriversibbli u, għaldaqstant, inkonvenjenza simili. Issa, fir-rigward tat-titjiriet li jittardjaw, din l-inkonvenjenza timmaterjalizza ruħha mal-wasla fid-destinazzjoni finali, b’mod li, għall-finijiet tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, id-dewmien għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-ħin previst tal-wasla f’din id-destinazzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Folkerts, C‑11/11, EU:C:2013:106, punti 3233).

    21

    L-element kruċjali li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tekwipara d-dewmien twil ta’ titjira mal-wasla mal-kanċellazzjoni ta’ titjira huwa marbut mal-fatt li l-passiġġieri ta’ titjira affettwata minn dewmien twil iġarrbu, bħall-passiġġieri ta’ titjira kkanċellata, dannu li jimmaterjalizza ruħu minn telf ta’ ħin irriversibbli, ta’ tliet sigħat jew iktar, li jista’ jiġi rrimedjat biss b’kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 525361; tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 54, kif ukoll tat‑12 ta’ Marzu 2020, Finnair, C‑832/18, EU:C:2020:204, punt 23). B’hekk, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira jew ta’ dewmien twil ta’ titjira sabiex tasal fid-destinazzjoni finali tagħha, id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 huwa intrinsikament marbut mal-eżistenza ta’ dan it-telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar.

    22

    Dan ifisser li passiġġier tal-ajru li ma jitlax abbord it-titjira li fuqha kellu prenotazzjoni kkonfermata u li, grazzi għal titjira ta’ sostituzzjoni li huwa stess kien ipprenota, jasal fid-destinazzjoni finali b’inqas minn tliet sigħat ta’ dewmien wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur bl-ajru, ma jġarrabx tali telf ta’ ħin u għalhekk ma jistax jibbenefika mill-imsemmi dritt għal kumpens.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 2 tiegħu, ir-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż sabiex jirrimedja d-diffikultajiet u l-“inkonvenjenzi serji” li jġarrbu l-passiġġieri waqt trasport bl-ajru. Issa, għalkemm il-fatt li passiġġier tal-ajru jkun sab huwa stess titjira ta’ sostituzzjoni jista’ jikkawża inkonvenjenza għall-passiġġier ikkonċernat, tali inkonvenjenza ma tistax madankollu titqies bħala waħda “serja”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, minħabba li dan il-passiġġier ikun wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2020, Air Nostrum, C‑191/19, EU:C:2020:339, punti 30 sa 33, kif ukoll tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines, C‑826/19, EU:C:2021:318, punti 4243).

    24

    Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li passiġġier tal-ajru li, minħabba riskju ta’ dewmien twil mal-wasla, fid-destinazzjoni finali, tat-titjira li fuqha jkollu prenotazzjoni kkonfermata, jew saħansitra indikazzjonijiet suffiċjenti dwar tali dewmien, ikun ipprenota huwa stess titjira ta’ sostituzzjoni u jkun wasal fid-destinazzjoni finali b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst tat-titjira inizjali, ma jistax jibbenefika mid-dritt għal kumpens.

    Fuq it‑tieni domanda

    25

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. Fil-fatt, f’sitwazzjoni fejn id-dewmien mal-wasla, fid-destinazzjoni finali, ta’ titjira jkun inqas minn tliet sigħat wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst, il-passiġġieri ta’ din it-titjira ma jistgħux jibbenefikaw mill-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004. Huwa għalhekk irrilevanti, f’dan il-każ, jekk dawn il-passiġġieri jkunux ippreżentaw ruħhom fil-ħin sabiex jagħmlu check‑in, kif jeħtieġ l-Artikolu 3(2)(a) ta’ dan ir-regolament.

    Fuq l‑ispejjeż

    26

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91

     

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

     

    passiġġier tal-ajru li, minħabba riskju ta’ dewmien twil mal-wasla, fid-destinazzjoni finali, tat-titjira li fuqha jkollu prenotazzjoni kkonfermata, jew saħansitra indikazzjonijiet suffiċjenti dwar tali dewmien, ikun ipprenota huwa stess titjira ta’ sostituzzjoni u jkun wasal fid-destinazzjoni finali b’dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat wara l-ħin tal-wasla oriġinarjament previst tat-titjira inizjali, ma jistax jibbenefika mid-dritt għal kumpens.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top