Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0039

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
    Keva et vs Skatteverket.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Högsta förvaltningsdomstolen.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni ta’ dividendi rċevuti minn fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku – Differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti u l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti – Eżenzjoni tal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti biss – Paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Neċessità li jiġi ssalvagwardjat l-għan imfittex mill-politika soċjali – Neċessità li jiġi mħares tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri.
    Kawża C-39/23.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:648

    Edizzjoni Provviżorja

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    29 ta’ Lulju 2024 (*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni ta’ dividendi rċevuti minn fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku – Differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti u l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti – Eżenzjoni tal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti biss – Paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Neċessità li jiġi ssalvagwardjat l-għan imfittex mill-politika soċjali – Neċessità li jiġi mħares tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri”

    Fil-Kawża C‑39/23,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Suprema Amministrattiva, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura

    Keva,

    Landskapet Ålands pensionsfond,

    Kyrkans Centralfond

    vs

    Skatteverket,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: A. Lamote, amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2024,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Keva, Landskapet Ålands pensionsfond u Kyrkans Centralfond, minn K. Äimä u K. Grüssner,

    –        għal Skatteverket, minn K. Hjelmberg u U. Vretendahl,

    –        għall-Gvern Svediż, minn C. Meyer-Seitz u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Spanjol, minn A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin, A. Ferrand u W. Roels, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2024,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Keva, il-Landskapet Ålands pensionsfond (il-Fond ta’ Pensjoni tal-Provinċja ta’ Åland, il-Finlandja) u l-Kyrkans Centralfond (il-Fond Ċentrali tal-Knisja, il-Finlandja), tliet fondi ta’ rtirar irregolati mid-dritt pubbliku li nħolqu fil-kuntest tal-iskema Finlandiża ta’ pensjoni professjonali, u, min-naħa l-oħra, l-iSkatteverket (l-amministrazzjoni fiskali, l-Isvezja) dwar it-trattament fiskali fl-Isvezja tad-dividendi mqassma minn kumpanniji Svediżi lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt internazzjonali

     Il-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD

    3        Il-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) adotta, fit-30 ta’ Lulju 1963, rakkomandazzjoni dwar it-tneħħija tat-taxxa doppja u stieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri jikkonformaw ruħhom, fil-kuntest tal-konklużjoni jew tar-reviżjoni ta’ konvenzjonijiet bilaterali, ma’ “mudell ta’ konvenzjoni sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-patrimonju”, imħejji mill-Kumitat għall-Affarijiet Fiskali tal-OECD u anness mal-imsemmija rakkomandazzjoni (iktar ’il quddiem il-“Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD”). Dan il-mudell ta’ konvenzjoni fiskali jiġi rrevedut u emendat regolarment. Dan huwa wkoll is-suġġett ta’ kummentarji approvati mill-Kunsill tal-OECD.

    4        L-Artikolu 24 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, intitolat “Nondiskriminazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Iċ-ċittadini ta’ Stat kontraenti ma għandhom ikunu suġġetti fl-Istat kontraenti l-ieħor għal ebda taxxa jew obbligu relatat, li jkun differenti jew iktar oneruż minn dawk li huma jew jistgħu jkunu suġġetti għalihom iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat l-ieħor li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-residenza. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5        Il-punt 10 tal-kummentarji fuq l-Artikolu 24 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD jipprovdi:

    6        Il-punt 12 ta’ dawn il-kummentarji jipprovdi:

    “[...] l-immunitajiet fiskali li Stat jagħti lill-organi u lid-dipartimenti pubbliċi tiegħu stess huma ġġustifikati mill-fatt li dawn l-organi u dipartimenti jikkostitwixxu partijiet integrali minnu u li s-sitwazzjoni tagħhom fl-ebda mument ma tista’ titqabbel ma’ dik tal-organi u tad-dipartimenti pubbliċi tal-Istat l-ieħor. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-Konvenzjoni Fiskali bejn il-Pajjiżi Nordiċi

    7        Skont l-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni bejn il-Pajjiżi Nordiċi maħsuba sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-patrimonju, iffirmata f’Ħelsinki fit-23 ta’ Settembru 1996 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Fiskali bejn il-Pajjiżi Nordiċi”), id-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti ta’ Stat kontraenti lil persuna residenti fi Stat kontraenti ieħor huma taxxabbli wkoll fl-Istat kontraenti li fih il-kumpannija li tħallas id-dividendi hija residenti. Jekk il-benefiċjarju effettiv tad-dividend ikun persuna residenti tal-Istat kontraenti l-ieħor, it-taxxa miġbura ma tistax taqbeż 15 % tal-ammont gross tad-dividend.

    8        L-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni Fiskali bejn il-Pajjiżi Nordiċi tipprevedi metodi sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja. Fir-rigward tal-persuni li għandhom ir-residenza tagħhom fil-Finlandja, huwa previst li dawn il-persuni għandhom, bħala regola ġenerali, id-dritt li jnaqqsu mit-taxxa fuq id-dħul Finlandiż ammont ugwali għat-taxxa fuq id-dħul imħallsa skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat kontraenti ieħor u skont l-imsemmi ftehim.

     Id-dritt Svediż

    9        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-kupongskattelagen (1970:624) (il-Liġi (1970:624) dwar it-Taxxa fuq id-Dividendi), it-taxxa fuq id-dividendi għandha, bħala regola ġenerali, titħallas favur l-Istat għal kull tqassim ta’ dividendi ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata Svediżi.

    10      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, huma suġġetti għal din it-taxxa l-persuni ġuridiċi barranin li għandhom dritt għal dividendi jekk id-dividendi mħallsa ma jirrigwardawx id-dħul minn attività ekonomika jew kummerċjali eżerċitata permezz ta’ stabbiliment permanenti li jopera fl-Isvezja.

    11      L-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi jipprevedi li t-taxxa fuq id-dividendi għandha tinġabar bir-rata ta’ 30 % tad-dividendi mqassma. Madankollu, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tal-istess liġi jirriżulta li jekk it-taxxa fuq id-dividendi tkun inġabret lil hinn mill-ammont dovut skont ftehim maħsub sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, il-benefiċjarju jkollu dritt għar-rimbors tas-somom miżmuma żejda.

    12      L-Artikoli 3 u 4 tal-Kapitolu 6 tal-inkomstskattelagen (1999:1229) (il-Liġi (1999:1229) dwar it-Taxxa fuq id-Dħul) jipprovdu li l-persuni ġuridiċi Svediżi huma, bħala regola ġenerali, suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul kollu tagħhom fl-Isvezja u barra mill-pajjiż.

    13      L-Artikolu 7 tal-Kapitolu 6 ta’ din il-liġi jipprevedi li l-persuni ġuridiċi barranin huma parzjalment suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, jiġifieri li huma suġġetti biss għad-dħul imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 ta’ dan il-kapitolu, li minnu jirriżulta li dan l-issuġġettar parzjali jkopri, fost l-oħrajn, id-dħul li joriġina minn stabbiliment fiss jew minn proprjetà immobbli li tinsab fl-Isvezja.

    14      Skont il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 7 tal-imsemmija liġi, l-Istat huwa totalment eżentat mill-obbligu fiskali. Din id-deroga tapplika għall-Istat Svediż bħala tali, iżda mhux għall-impriżi pubbliċi.

    15      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi (1999:1229) dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jipprovdi li t-termini u l-espressjonijiet li jinsabu f’din il-liġi jinkludu wkoll is-sitwazzjonijiet barranin ekwivalenti, sakemm ma jiġix indikat jew sakemm ma jirriżultax mill-kuntest li huma koperti biss is-sitwazzjonijiet Svediżi. It-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 2 jippreċiża li l-ewwel paragrafu ma japplikax għad-dispożizzjonijiet dwar l-Istat.

    16      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Kapitolu 6 tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-Istati barranin u l-entitajiet barranin għandhom jiġu ttrattati daqslikieku huma kumpanniji barranin.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17      Fl-Isvezja, il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku jagħmlu parti mill-Istat u jibbenefikaw mill-eżenzjoni fiskali mogħtija lid-dħul tiegħu. Il-kompitu prinċipali ta’ dawn il-fondi ta’ pensjoni huwa l-amministrazzjoni tal-kapital li jikkostitwixxi parzjalment il-pensjonijiet tax-xjuħija bbażati fuq id-dħul u jagħmel parti mill-pensjoni tax-xjuħija Svediża. L-iskema ġenerali ta’ pensjoni tax-xjuħija hija hi stess parti mis-sistema ta’ sigurtà soċjali pubblika u obbligatorja.

    18      Keva huwa l-fond ta’ rtirar li jamministra l-pensjonijiet tal-impjegati tas-settur muniċipali fil-Finlandja. Huwa għandu l-kompitu prinċipali li jamministra l-fondi tal-assigurazzjoni tal-pensjoni professjonali prevista mil-liġi. Keva jiġbor il-kontribuzzjonijiet tal-irtirar u jħallas il-pensjonijiet. Huwa persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku fis-sens tad-dritt Finlandiż u huwa eżentat mit-taxxa fil-Finlandja.

    19      Il-Fond ta’ Pensjoni tal-Provinċja ta’ Åland huwa l-fond ta’ rtirar responsabbli mill-amministrazzjoni tal-pensjonijiet tal-impjegati impjegati mill-provinċja ta’ Åland. Il-kompitu prinċipali tiegħu huwa li jamministra l-fondi tal-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni professjonali. Madankollu, hija l-provinċja ta’ Åland li hija responsabbli, fost l-oħrajn, għall-ħlas tal-pensjonijiet tal-impjegati. Ir-riżorsi tal-Fond ta’ Pensjoni tal-Provinċja ta’ Åland huma separati mill-baġit tal-provinċja ta’ Åland. Dan il-fond ma għandux personalità ġuridika distinta, iżda jagħmel parti mill-provinċja ta’ Åland. Huwa parzjalment eżenti mit-taxxa fil-Finlandja u ma jħallasx taxxa fuq id-dividendi mħallsa minn kumpanniji b’ishma konġunti.

    20      Il-Fond Ċentrali tal-Knisja kien il-fond ta’ rtirar tal-impjegati tal-Knisja Evanġelika Luterana tal-Finlandja sal-1 ta’ Jannar 2016. Huwa kien jamministra l-fondi mħallsa fil-kuntest tal-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni professjonali. Il-ħlas tal-pensjonijiet tal-irtirar għan-nom tiegħu kien amministrat minn Keva. Il-Fond Ċentrali tal-Knisja ma għandux personalità ġuridika distinta, iżda jagħmel parti mill-Knisja Evanġelika Luterana tal-Finlandja. Fil-prattika, huwa eżentat mit-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja.

    21      Matul il-perijodu bejn is-sena 2003 u s-sena 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċevew dividendi minn kumpanniji Svediżi li kienu suġġetti għat-taxxa fuq id-dividendi fl-Isvezja. Sa fejn dawn id-dividendi ma ġewx intaxxati fil-Finlandja, it-taxxa fuq id-dividendi li huma ġew suġġetti għaliha fl-Iżvezja ma setgħetx titnaqqas kif previst mill-Konvenzjoni Fiskali bejn il-Pajjiżi Nordiċi.

    22      Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-amministrazzjoni fiskali Svediża r-rimbors tat-taxxa fuq id-dividendi li huma kienu ġew suġġetti għaliha fl-Isvezja. Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma sostnew li l-ġbir tat-taxxa fuq id-dividendi kien imur kontra l-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, sa fejn dawn kienu paragunabbli mal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Svediż, li huma eżentati mill-obbligu fiskali fl-Isvezja.

    23      L-amministrazzjoni fiskali ċaħdet dawn it-talbiet għar-raġuni li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Svediż.

    24      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu azzjonijiet quddiem il-Förvaltningsrätten i Falun (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Falun, l-Isvezja) kontra d-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni fiskali, li ġew miċħuda minħabba li l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Svediż għandhom ċerti differenzi fir-rigward tal-kompiti u tal-organizzazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-eżenzjoni fiskali tal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Svediż hija ġġustifikata mill-fatt li huma jagħmlu parti mill-Istat Svediż. Peress li din hija eżenzjoni li hija ġġustifikata għal raġunijiet li ma humiex purament fiskali, il-ġbir tat-taxxa fuq id-dividendi ma jistax jitqies li huwa diskriminatorju fid-dawl tal-Artikolu 63 TFUE.

    25      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn dawn is-sentenzi quddiem il-Kammarrätten i Sundsvall (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Sundsvall, l-Isvezja). Dawn l-appelli ġew miċħuda minħabba li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-Isvezja tittratta fiskalment lil Stat Membru ieħor jew lil organu pubbliku mhux residenti bl-istess mod bħall-Istat Svediż. Barra minn hekk, l-eżenzjoni fiskali li minnha jibbenefika l-Istat Svediż sempliċement tevita l-moviment ta’ fondi fi ħdan is-settur pubbliku. Il-fondi ta’ rtirar irregolati mid-dritt pubbliku Finlandiżi u l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Svediż għalhekk ma jinsabux f’sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.

    26      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni minn dawn is-sentenzi quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar awtorizzathom jippreżentaw appell dwar il-kompatibbiltà tal-ġbir tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti lil fondi ta’ rtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti mal-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

    27      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-trattament tal-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti li jirċievu dividendi minn kumpanniji residenti huwiex inqas favorevoli minn dak li jibbenefikaw minnu l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti.

    28      Minn naħa, il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Svediż jagħmlu parti mill-Istat, bħala entità ġuridika, u l-assi li huma jżommu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat. Issa, l-eżenzjoni fiskali li minnha jibbenefikaw id-dividendi ta’ kumpanniji residenti rċevuti minn dawn il-fondi tippermetti li jiġi evitat il-moviment f’ċirku magħluq ta’ dawn ir-riżorsi mingħajr vantaġġ ekonomiku reali għall-Istat. Għalhekk, il-fatt li l-Istat Svediż jeżerċita d-dritt tiegħu li jintaxxa l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti mingħajr ma jissuġġetta ruħu għat-taxxa huwa stess ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jiddisswadi lill-Istati Membri l-oħra milli jinvestu fl-Isvezja permezz tal-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku tagħhom.

    29      Min-naħa l-oħra, approċċ ieħor huwa li jiġi kkunsidrat li, jekk huma biss id-dividendi rċevuti mill-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku residenti li huma eżentati mit-taxxa, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil istituzzjonijiet tal-istess natura iżda mhux residenti huma ntaxxati, dawn tal-aħħar ikunu żvantaġġati, u dan jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

    30      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk, f’dan il-każ, il-fondi ta’ pensjonijiet irregolati mid-dritt pubbliku residenti u l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti jinsabux f’sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.

    31      Minn naħa, fis-sistema tas-sigurtà soċjali Svediża, il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti jservu bħala fondi ta’ stabbilizzazzjoni għall-Istat f’dak li jirrigwarda l-pensjonijiet tax-xjuħija bbażati fuq id-dħul. B’hekk, ma teżisti l-ebda sitwazzjoni li fiha istituzzjoni tal-irtirar irregolata mid-dritt pubbliku mhux residenti tista’ de facto tingħata l-istess kompitu bħall-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti. Konsegwentement, istituzzjoni tal-irtirar irregolata mid-dritt pubbliku mhux residenti qatt ma tista’ ssib ruħha f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-Istat Svediż u tal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku tiegħu.

    32      Min-naħa l-oħra, jista’ jiġi kkunsidrat li, jekk l-għan iddikjarat tal-eżenzjoni fiskali li minnha jibbenefikaw l-Istat Svediż u l-fondi ta’ pensjoni tiegħu rregolati mid-dritt pubbliku huwa s-semplifikazzjoni amministrattiva, l-għan ikun ukoll li titnaqqas in-neċessità li jiġu allokati lill-awtoritajiet pubbliċi l-ammonti li jikkorrispondu għat-taxxi li huma jkollhom iħallsu jekk huma ma jkunux eżentati mit-taxxa sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom ta’ interess ġenerali. Fir-rigward ta’ dan l-għan tal-aħħar, l-istituzzjonijiet li huma rregolati bl-istess mod u li għandhom l-istess kompitu fi Stati Membri oħra jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli.

    33      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-paragun għandux isir mal-Istat Svediż bħala tali jew biss mal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku stess. Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jwettqu ċerti kompiti li huma differenti minn dawk imwettqa mill-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Svediż. Senjatament, dawn tal-aħħar ma humiex inkarigati li jirċievu l-kontribuzzjonijiet tal-irtirar u lanqas li jħallsu l-pensjonijiet, iżda għandhom biss il-kompitu li jamministraw il-fondi tal-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjonijiet tax-xjuħija bbażati fuq id-dħul. Madankollu, dawn il-kompiti l-oħra jitwettqu minn organi oħra, fi ħdan l-Istat Svediż, li jibbenefikaw ukoll mill-eżenzjoni fiskali.

    34      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk restrizzjoni eventwali tistax tiġi ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

    35      F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll żewġ approċċi. Minn naħa, id-differenza fit-trattament inkwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li jitħares l-għan imfittex mill-politika soċjali Svediża u l-finanzjament tagħha. Issa, it-tassazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti tfisser li l-Istat Svediż għandu jalloka d-dħul fiskali korrispondenti lil dawn il-fondi sabiex jevita li dawn jużaw il-fondi tagħhom stess. Min-naħa l-oħra, it-telf ta’ dħul jew diffikultajiet amministrattivi ma jikkostitwixxux raġunijiet validi li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

    36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “(1)      Il-fatt li d-dividendi mħallsa minn kumpanniji nazzjonali lil istituzzjonijiet tal-irtirar pubbliċi barranin huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi korrispondenti ma humiex intaxxati jekk jakkumulaw lill-Istat proprju permezz tal-fondi ta’ pensjoni ġenerali tiegħu, jikkostitwixxi trattament diskriminatorju negattiv li jinvolvi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, fil-prinċipju, mill-Artikolu 63 TFEU?

    (2)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, liema huma l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ jekk istituzzjoni tal-irtirar pubblika barranija hijiex f’sitwazzjoni li hija oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-Istat proprju u l-fondi ġenerali ta’ pensjoni tiegħu?

    (3)      Restrizzjoni potenzjali tista’, għal raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, titqies iġġustifikata?”

     Fuq id-domandi preliminari

    37      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha d-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji residenti lil istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi ddistribwiti lil fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti huma eżentati mill-ħlas ta’ tali taxxa.

    38      Skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam tat-tassazzjoni diretta fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (sentenzi tas-27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2023:339, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2023, Cartrans Preda, C‑461/21, EU:C:2023:632, punt 61).

    39      Fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar din il-libertà fundamentali ma jagħmlux distinzjoni bejn l-impriżi privati u l-impriżi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑174/04, EU:C:2005:350, punt 32). Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux lis-settur pubbliku mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

    40      L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri. Il-miżuri pprojbiti minn din id-dispożizzjoni, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti ta’ dan l-Istat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenzi tas-27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2023:339, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2024, JD (Kundizzjoni ta’ residenza), C‑562/22, EU:C:2024:55, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41      B’dan premess, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax id-dritt li l-Istati Membri għandhom li “japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”.

    42      Sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija, min-naħa tagħha, limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (sentenzi tas-27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2023:339, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2023, BA Suċċessjonijiet – Politika soċjali tal-akkomodazzjoni fl-Unjoni), C‑670/21, EU:C:2023:763, punt 54).

    43      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li hemm lok, għalhekk, li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi taħt l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-Artikolu 65(3) TFUE. Issa, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital, huwa meħtieġ li d-differenza fit-trattament li tirriżulta minnha tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li din id-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenzi tas-27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2022:339, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2023, BA (Suċċessjonijiet – Politika soċjali tal-akkomodazzjoni fl-Unjoni), C‑670/21, EU:C:2023:763, punt 55).

    44      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, l-eżistenza eventwali ta’ differenza fit-trattament, sussegwentement, l-eventwali paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, fl-aħħar nett, il-possibbiltà li t-trattament iddifferenzjat jiġi ġġustifikat.

     Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

    45      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fir-rigward tat-trattament fiskali tad-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti fl-Isvezja, previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 7 tal-Liġi (1999:1229) dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti huma eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn prevista għal dan it-tip ta’ dividendi, filwaqt li l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti ma jibbenefikawx minn tali eżenzjoni.

    46      Tali differenza fit-trattament fiskali twassal għal trattament żvantaġġuż tad-dividendi mħallsa lill-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti, li jista’ jiddisswadi lil dawn l-istituzzjonijiet milli jinvestu f’kumpanniji stabbiliti fl-Isvezja (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI‑Fonds AEVN, C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 39).

    47      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju bl-argument tal-Gvern Svediż li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, ma jimplikax li Stat li jagħti vantaġġi fiskali speċjali lill-organi pubbliċi tiegħu stess huwa obbligat jagħti l-benefiċċju tal-istess vantaġġi lill-organi pubbliċi ta’ Stat ieħor, kif jirriżulta mill-punti 10 u 12 tal-kummentarji dwar dan l-Artikolu 24.

    48      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan il-gvern ma jistax jinvoka dawn il-punti tal-kummentarji dwar l-Artikolu 24 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD sabiex jevita l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Damseaux, (C‑128/08, EU:C:2009:471, punt 34).

    49      Fir-rigward tal-argument tal-Gvern Svediż li jipprovdi li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, dan ma jimponi ebda obbligu komuni fuq l-Istati Membri sabiex dawn jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri l-oħra, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa paċifiku li d-dritt tal-Unjoni jirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2022, Gerencia Regional de Salud de Castilla y León, C‑86/21, EU:C:2022:310, punt 18, u tat-30 ta’ Ġunju 2022, INSS (Kumulu ta’ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali), C‑625/20, EU:C:2022:508, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li, bħala prinċipju, hija pprojbita mill-Artikolu 63 TFUE.

     Fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet

    51      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li n-natura paragunabbli jew le ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-għan u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni tirriflettix differenza tas-sitwazzjoni oġġettiva (sentenzi tas-27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2023:339, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2023, BA (Suċċessjonijiet – Politika soċjali tal-akkomodazzjoni fl-Unjoni), C‑670/21, EU:C:2023:763, punt 59).

    52      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għanijiet u tal-għan tal-iskema Svediża fil-qasam tat-tassazzjoni tad-dividendi, jirriżulta, essenzjalment, mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-eżenzjoni fiskali li minnha jibbenefikaw id-dividendi ta’ kumpanniji rċevuti mill-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti hija maħsuba sabiex jiġi evitat il-moviment f’ċirku magħluq tar-riżorsi pubbliċi tal-Istat Svediż.

    53      F’dan ir-rigward, il-Gvern Svediż jikkonferma li l-eżenzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 7 tal-Liġi (1999:1229) dwar it-taxxa fuq id-dħul għandha l-għan li tevita moviment f’ċirku magħluq ta’ riżorsi pubbliċi tal-Istat Svediż u jżid li din l-eżenzjoni hija maħsuba sabiex tippromwovi l-istabbiltà u l-vijabbiltà tal-iskema Svediża tal-pensjonijiet.

    54      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea ssostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-imsemmija eżenzjoni ma għandhiex l-għan li tikkontribwixxi għall-finanzjament tas-sistema tas-sigurtà soċjali Svediża, iżda hija maħsuba sabiex tiġi evitata tassazzjoni tad-dividendi ta’ kumpanniji mħallsa minn kumpanniji u rċevuti mill-fondi ta’ pensjonijiet irregolati mid-dritt pubbliku residenti li twassal għal moviment f’ċirku magħluq ta’ riżorsi pubbliċi. Fil-fatt, din l-istituzzjoni tqis li l-għan impliċitu tal-istess eżenzjoni huwa li jiġi evitat li l-organi pubbliċi bħall-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Svediżi jingħataw riżorsi mill-baġit tal-Istat sabiex tiġi kkumpensata t-taxxa li altrimenti huma jkollhom iħallsu.

    55      F’dan il-kuntest, sa fejn l-iskema Svediża fil-qasam tal-eżenzjoni tad-dividendi rċevuti minn fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku hija maħsuba sabiex jiġi evitat moviment f’ċirku magħluq ta’ riżorsi pubbliċi tal-Istat Svediż, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li tali fond ta’ pensjoni jagħmel parti mill-Istat Svediż ma jpoġġihx neċessarjament f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ istituzzjoni tal-irtirar irregolata mid-dritt pubbliku li ma hijiex residenti.

    56      Fil-fatt, dan l-għan jista’ jintlaħaq ukoll jekk l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti jibbenefikaw fl-Isvezja minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti bl-istess mod bħall-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti.

    57      F’dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern Svediż u tal-amministrazzjoni fiskali bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li, mill-perspettiva tal-għan li tiġi promossa l-istabbiltà u l-vijabbiltà tal-iskema Svediża tal-pensjonijiet, b’differenza mill-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti, l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti ma għandhomx l-għan li jippromwovu l-istabbiltà finanzjarja u l-vijabbiltà tas-sistema ta’ sigurtà soċjali Svediża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif essenzjalment għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, għalkemm, bħala definizzjoni, kull fond għandu l-għan li jipproteġi l-istabbiltà u l-vijabbiltà ta’ sistema ta’ pensjoni nazzjonali distinta, tali ċirkustanza ma tistax tirrendi impossibbli l-paragun transkonfinali tal-fondi ta’ pensjoni.

    58      Barra minn hekk, l-għan li tiġi promossa l-istabbiltà u l-vijabbiltà tal-iskema Svediża tal-pensjonijiet huwa ddefinit b’tali mod li l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti jissodisfawh, filwaqt li l-istituzzjonijiet kollha tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti huma awtomatikament esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 7 tal-Liġi (1999:1229) dwar it-taxxa fuq id-dħul (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑10/10, EU:C:2011:399, punt 34).

    59      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, l-amministrazzjoni fiskali Svediża kif ukoll il-Gvern Svediż u dak Spanjol sostnew li l-uniku kriterju ta’ distinzjoni stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni ma huwiex ibbażat fuq il-post ta’ residenza, iżda fuq il-fatt li l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti għandhom il-personalità ġuridika tal-Istat Svediż.

    60      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-iskemi ġenerali ta’ pensjoni tax-xjuħija Svediżi u Finlandiżi għandhom l-istess għan soċjali, l-istess funzjoni kif ukoll l-istess tip ta’ organizzazzjoni ġuridika. Il-mod ta’ finanzjament tagħhom huwa identiku u għandhom mod ta’ funzjonament simili. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku Finlandiżi għandhom ċerti karatteristiċi li huma differenti minn dawk tal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Żvediżi peress li dawn l-istituzzjonijiet għandhom forom ġuridiċi differenti. Barra minn hekk, il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Svediżi ma humiex responsabbli għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tal-irtirar u għall-ħlas tal-pensjonijiet, sa fejn dan il-kompitu jitwettaq, madankollu, mill-awtoritajiet pubbliċi Svediżi.

    61      Issa, kif sostniet il-Kummissjoni, essenzjalment, waqt is-seduta, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, il-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tal-irtirar, il-ħlas tal-pensjonijiet kif ukoll il-forma legali tal-fond ikkonċernat ma jidhirx li għandhom rabta diretta mat-trattament fiskali tad-dividendi rċevuti mill-kumpanniji Svediżi.

    62      Għaldaqstant, għandu jitqies li, peress li l-fondi ta’ pensjonijiet irregolati mid-dritt pubbliku residenti biss jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 7 tal-Liġi (1999:1229) dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, sa fejn l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti huma esklużi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni, l-uniku kriterju li jista’ jagħmel distinzjoni bejn il-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku Svediżi u l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti huwa fir-realtà l-post ta’ residenza tal-fondi.

    63      Fid-dawl tal-elementi kollha premessi, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, id-differenza fit-trattament bejn l-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti u l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti, kif ikkonstatata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, tikkonċerna sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.

     Fuq l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

    64      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi ammessa jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jekk hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenzi tas-27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2023:339, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2023, Autoridade Tributária e Aduaneira (Qligħ kapitali fuq trasferimenti ta’ ishma), C‑472/22, EU:C:2023:880, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65      F’dan il-każ, il-Gvern Svediż isostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, il-limitazzjoni tal-eżenzjoni, prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 7 tal-Liġi (1999:1229) dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, għall-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti hija ġġustifikata fid-dawl ta’ żewġ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġifieri, minn naħa, il-ħtieġa li jitħares l-għan imfittex mill-politika soċjali Svediża u l-finanzjament tiegħu kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ territorjalità flimkien man-neċessità li jinżamm tqassim ibbilanċjat tas-setgħat bejn l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-iskema ġenerali tal-pensjonijiet tax-xjuħija bbażati fuq id-dħul.

    66      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-neċessità li jitħares l-għan imfittex mill-politika soċjali Svediża, il-Gvern Svediż isostni, minn naħa, li t-tassazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti timplika li d-dħul fiskali korrispondenti għandu jiġi allokat għal dawn il-fondi fil-proposta tal-baġit annwali sabiex l-imsemmija fondi ma jużawx il-fondi tagħhom stess sabiex jiffinanzjaw din it-tassazzjoni. F’każ bħal dan, oqsma oħra ta’ spejjeż jistgħu jiġu pprivileġġati għad-detriment tal-iskema ġenerali tal-pensjonijiet tax-xjuħija bbażati fuq id-dħul, li jnaqqas il-kapaċità tal-istess fondi li jwettqu l-kompitu tagħhom.

    67      Min-naħa l-oħra, dan il-gvern jenfasizza li l-eżenzjoni fiskali li jibbenefikaw minnha l-fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti tippermetti li jiġi ggarantit b’mod partikolari l-istatus awtonomu tal-iskema ġenerali Svediża tal-pensjonijiet tax-xjuħija bbażati fuq id-dħul u jinvoka f’dan ir-rigward is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et (C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tikkostitwixxi ostakolu ġġustifikat għal libertà fundamentali meta din tkun iddettata minn raġunijiet ta’ natura ekonomika li jsegwu għan ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, din l-eżenzjoni tippermetti li jiġi evitat moviment f’ċirku magħluq inutilment oneruż ta’ riżorsi pubbliċi.

    68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-inkonvenjenzi amministrattivi waħedhom ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital (sentenza tas-7 ta’ April 2022, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Eżenzjoni tal-fondi ta’ investiment kuntrattwali), C‑342/20, EU:C:2022:276, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    69      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et (C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677), li kienet tirrigwarda projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni, f’din il-kawża, ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ma taffettwax l-iskema ta’ proprjetà tal-istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti.

    70      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ territorjalità flimkien man-neċessità li jinżamm tqassim ibbilanċjat tas-setgħat bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-iskema ġenerali tal-pensjonijiet tax-xjuħija bbażati fuq id-dħul, il-Gvern Svediż isostni li Stat Membru, skont dan il-prinċipju, għandu d-dritt li jintaxxa d-dħul iġġenerat fit-territorju tiegħu stess. Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq Stat Membru l-obbligu li jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-iskemi ġenerali nazzjonali ta’ pensjoni tax-xjuħija tal-Istati Membri l-oħra.

    71      B’dan il-mod, dan il-gvern isostni, fir-realtà, li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital inkwistjoni hija ġġustifikata mill-bżonn li jinżamm it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

    72      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġustifikazzjoni dedotta mill-ħarsien tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tkun aċċettata meta l-iskema inkwistjoni tkun intiża li tipprekludi aġir ta’ natura li jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tas-27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2022:339, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    73      Madankollu, meta Stat Membru jkun għażel, bħal fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jintaxxax il-fondi residenti fuq id-dħul tagħhom ta’ oriġini nazzjonali, huwa ma jkunx jista’ jinvoka n-neċessità li jiżgura tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġġustifika t-tassazzjoni tal-fondi mhux residenti li jirċievu tali dħul (sentenza tas-27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2022:339, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    74      Minn dan isegwi li lanqas il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ħarsien ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma tista’ tiġi aċċettata.

    75      Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital minħabba li hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

    76      Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, skontha, id-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti lil istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi mqassma lil fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti huma eżentati minn tali taxxa.

     Fuq l-ispejjeż

    77      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, skontha, id-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti lil istituzzjonijiet tal-irtirar irregolati mid-dritt pubbliku mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi mqassma lil fondi ta’ pensjoni rregolati mid-dritt pubbliku residenti huma eżentati minn tali taxxa.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

    Top