Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0014

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
    XXX vs État belge, représenté par la Secrétaire d’État à l’Asile et la Migration.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Conseil d'État.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva (UE) 2016/801 – Kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju – Artikolu 20(2)(f) – Applikazzjoni għal ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ studju – Għanijiet oħra – Rifjut ta’ viża – Raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni – Assenza ta’ traspożizzjoni – Prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-prattiki abbużivi – Artikoli 34(5) – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-14/23.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:647

    Edizzjoni Provviżorja

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    29 ta’ Lulju 2024 (*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva (UE) 2016/801 – Kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju – Artikolu 20(2)(f) – Applikazzjoni għal ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ studju – Għanijiet oħra – Rifjut ta’ viża – Raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni – Assenza ta’ traspożizzjoni – Prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-prattiki abbużivi – Artikoli 34(5) – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

    Fil-Kawża C‑14/23 [Perle] (i),

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura

    XXX

    vs

    État belge, irrappreżentat mis-secrétaire d’État à l’Asile et la Migration,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, Z. Csehi, u I. Jarukaitis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

    Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Ottubru 2023,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal XXX, minn D. Andrien, avocat,

    –        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn E. Derriks u K. de Haes, avocats,

    –        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Očková u J. Vláčil, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Litwan, minn E. Kurelaitytė, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux u T. Schell, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

    –        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn E. M. M. Besselink, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u A. Katsimerou, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU 2016, L 132, p. 21), b’mod partikolari l-punt 3 tal-Artikolu 3, l-Artikolu 20(2)(f) u l-Artikolu 34(5) tagħha, kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn XXX u l-État belge (l-Istat Belġjan), irrappreżentat mis-secrétaire d’État à l’Asile et la Migration (is-Segretarju tal-Istat għall-Ażil u l-Migrazzjoni), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtiha l-awtorizzazzjoni ta’ residenza mitluba sabiex tkun tista’ ssegwi studji fil-Belġju.

     Ilkuntest ġuridiku

     Iddritt talUnjoni

    3        Il-premessi 2, 3, 14, 41 u 60 tad-Direttiva 2016/801 jiddikjaraw:

    “(2)      Din id-Direttiva għandha tirrispondi għall-ħtieġa identifikata fir-rapporti ta’ implimentazzjoni dwar id-Direttivi [tal-Kunsill 2004/114/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU 2004, L 375, p. 12),] u [tal-Kunsill 2005/71/KE tat‑12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika (ĠU 2005, L 289, p. 15),] sabiex tirrimedja n-nuqqasijiet identifikati, sabiex tiżgura aktar trasparenza u ċertezza legali u sabiex toffri qafas legali koerenti għal kategoriji differenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu fl-Unjoni [Ewropea]. Għandha għalhekk tissimplifika u tirrazzjonalizza d-dispożizzjonijiet eżistenti għal dawk il-kategoriji fi strument uniku. Minkejja d-differenzi bejn il-kategoriji koperti minn din id-Direttiva, huma jikkondividu wkoll numru ta’ karatteristiċi biex b’hekk huwa possibbli li jiġu indirizzati permezz ta’ qafas legali komuni fil-livell tal-Unjoni.

    (3)      Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għall-għan previst mill-Programm ta’ Stokkolma, li jqarreb il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-immigrazzjoni minn barra l-Unjoni hija sors wieħed ta’ nies b’ħiliet għoljin, u huma dejjem aktar mfittxija, b’mod partikolari, studenti u riċerkaturi. Huma għandhom rwol importanti fil-formazzjoni tar-riżorsa prinċipali tal-Unjoni – il-kapital uman – għax jiżguraw tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u għalhekk jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

    [...]

    (14)      Sabiex tiġi promossa l-Ewropa kollha kemm hi bħala ċentru dinji ta’ eċċellenza għall-istudji u t-taħriġ, il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ dawk li jixtiequ jidħlu fl-Unjoni għal dawn l-għanijiet għandhom jitjiebu u jiġu simplifikati. [...]

    [...]

    (41)      Fil-każ ta’ dubji li jikkonċernaw ir-raġunijiet tal-applikazzjoni għal ammissjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-verifiki xierqa jew jesiġu evidenza sabiex jivvalutaw, skont il-każ, ir-riċerka, l-istudji, it-taħriġ, is-servizz volontarju, l-iskema ta’ skambju ta’ skulari jew proġett edukattiv jew au pairing intenzjonat tal-applikant u jiġġieled kontra l-abbuż jew użu ħażin tal-proċedura stabbilita f’din id-Direttiva.

    [...]

    (60)      Kull Stat Membru għandu jiżgura li informazzjoni adegwata u regolarment aġġornata tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali, speċjalment fuq l-internet, rigward l-entitajiet ospitanti approvati għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ammissjoni ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri għall-finijiet ta' din id-Direttiva.”

    4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

    [...]

    (3)      ‘student’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie aċċettat minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja u jkun ammess fit-territorju ta’ Stat Membru biex isegwi bħala attività prinċipali kors ta’ studju full-time li jwassal għal kwalifika ta’ edukazzjoni għolja rikonoxxuta minn dak l-Istat Membru, inklużi diplomi, ċertifikati u lawrji dottorali, f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja, fejn jista’ jkopri kors preparatorju qabel it-tali edukazzjoni, skont il-liġi nazzjonali, jew taħriġ obbligatorju;

    [...]”

    5        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.      L-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taħt din id-Direttiva għandha tkun soġġetta għall-verifika ta’ evidenza dokumentata li turi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jilħaq:

    (a)      il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7; u

    (b)      il-kundizzjoni speċifiċi rilevanti fl-Artikoli 8, 11, 12, 13, 14 jew 16.

    2.      L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-applikant jipprovdi l-evidenza dokumentata msemmija fil-paragrafu 1 b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat jew fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni determinata minn dak l-Istat Membru.

    3.      Fejn il-kundizzjonijiet ġenerali kollha u l-kundizzjonijiet speċifiċi rilevanti kollha għall-ammissjoni jintlaħqu, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu intitolati għal awtorizzazzjoni.

    Fejn Stat Membru joħroġ permessi ta’ residenza biss fit-territorju tiegħu u jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissjoni stabbiliti f’din id-Direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu joħroġ għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz il-viża meħtieġa.”

    6        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2016/801, intitolat “Kundizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fir-rigward tal-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taħt din id-Direttiva, l-applikant għandu:

    (a)      jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu, kif iddeterminat mil-liġi nazzjonali, u, jekk mitlub, applikazzjoni għal viża u viża valida jew, fejn applikabbli, permess ta’ residenza validu jew viża valida għal permanenza twila; l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-perijodu ta’ validità tad-dokument ta’ vjaġġar jkopri mill-inqas it-tul ta’ żmien tal-permanenza ppjanata;

    (b)      jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun minorenni taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, jippreżenta awtorizzazzjoni tal-ġenituri jew dokument ekwivalenti għall-permanenza ppjanata;

    (c)      jippreżenta evidenza li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jew, jekk previst fil-liġi nazzjonali, li applika għal assigurazzjoni medika għar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat; l-assigurazzjoni għandha tkun valida għal kemm iddum il-permanenza ppjanata;

    (d)      jipprovdi evidenza, jekk l-Istat Membru hekk jitlob, li d-drittijiet imposti biex tiġi ttrattata l-applikazzjoni previsti fl-Artikolu 36 tħallsu;

    (e)      jipprovdi l-evidenza mitluba mill-Istat Membru kkonċernat li, matul il-permanenza ppjanata, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ser ikollu riżorsi biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż ta’ sussistenza mingħajr ma jkollu jirrikorri għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru, u l-ispejjeż tal-vjaġġ lura. Il-valutazzjoni tar-riżorsi suffiċjenti għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ u għandha tqis ir-riżorsi li jkunu ġejjin, fost l-oħrajn, minn għotja, borża ta’ studju jew fellowship, kuntratt tax-xogħol validu jew offerta vinkolanti ta’ impjieg jew impenn finanzjarju minn organizzazzjoni għal skema ta’ skambju ta’ skulari, entità li tospita t-trainees, organizzazzjoni għal skema ta’ servizz volontarju, familja ospitanti jew organizzazzjoni li sservi ta’ medjatur għall-au pairs.”

    7        L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Kundizzjonijiet speċifiċi għall-istudenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Minbarra l-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 7, fir-rigward tal-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għall-fini ta’ studji, l-applikant għandu jipprovdi evidenza:

    (a)      li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ġie aċċettat minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja biex jagħmel kors ta’ studju;

    (b)      jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li l-miżati mitluba mill-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tħallsu;

    (c)      jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li għandhom għarfien suffiċjenti tal-lingwa tal-kors li ser jiġi segwit;

    (d)      jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ser ikollu riżorsi suffiċjenti biex ikopri l-ispejjeż tal-istudji.”

    8        L-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet għal rifjut”, jiddikjara, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni fejn:

    (a)      il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7 u l-kundizzjonijiet speċifiċi rilevanti stipulati fl-Artikoli 8, 11, 12, 13, 14 jew 16 ma jintlaħqux;

    (b)      id-dokumenti ppreżentati jkunu nkisbu b’mod frodulenti, jew ġew iffalsifikati, jew imbagħbsa.

    (c)      l-Istat Membru kkonċernat jippermetti biss l-ammissjoni permezz ta’ entità ospitanti approvata u l-entità ospitanti ma tkunx approvata.

    2.      L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni fejn:

    [...]

    (f)      l-Istat Membru jkollu evidenza jew raġunijiet serji u oġġettivi biex ikun stabbilit li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li applika għalihom biex ikun ammess.”

    9        L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2016/801, intitolat “Raġunijiet għall-irtirar jew għar-rifjut ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew, fejn applikabbli, jirrifjutaw li jġeddu awtorizzazzjoni fejn:

    [...]

    (d)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrisjedi għal finijiet differenti minn dawk li għalihom iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ġie awtorizzat jirrisjedi.”

    10      Skont l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Attivitajiet ekonomiċi minn studenti”:

    “1.      L-istudenti, barra mill-ħin ta’ studju tagħhom u soġġett għar-regoli u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-attività rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat, għandhom ikunu intitolati li jiġu impjegati u jistgħu jkunu intitolati jeżerċitaw attività ekonomika bħala persuni li jaħdmu għal rashom, soġġett għal-limitazzjonijiet previsti fil-paragrafu 3.

    2.      Fejn jeħtieġ, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-istudenti u/jew lill-impjegaturi awtorizzazzjoni minn qabel skont il-liġi nazzjonali.

    3.      Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-akbar għadd ta’ sigħat fil-ġimgħa jew jiem jew xhur fis-sena permessi għal din l-attività, li ma għandhiex tkun inqas minn 15‑il siegħa fil-ġimgħa, jew l-ekwivalenti f’jiem jew xhur fis-sena. Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat tista’ tittieħed inkonsiderazzjoni.”

    11      L-Artikolu 34 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Garanziji ta’ proċedura u trasparenza”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.      L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew għat-tiġdid tagħha u jinnotifikaw lill-applikant bil-miktub bid-deċiżjoni, f’konformità mal-proċeduri ta’ notifika skont il-liġi nazzjonali, mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 90 jum mid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni kompluta.

    2.      B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan fl-Artikolu, fil-każ li l-proċedura ta’ ammissjoni hija relatata ma’ entità ospitanti approvata kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 15, id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni kompluta għandha tittieħed mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 60 jum.

    3.      Fejn l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni pprovduta b’appoġġ għall-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-applikant f’perijodu raġonevoli dwar l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u jistabbilixxu skadenza raġonevoli biex din tiġi pprovduta. Il-perijodu msemmi fil-paragrafi 1 jew 2 għandu jiġi sospiż sakemm l-awtoritajiet kompetenti jkunu rċevew l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa. Jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti addizzjonali ma jkunux ġew ipprovduti fi żmien l-iskadenza, l-applikazzjoni tista’ ma tintlaqax.

    4.      Ir-raġunijiet għal deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli jew li ma tilqax applikazzjoni jew li tirrifjuta t-tiġdid għandhom jingħataw lill-applikant bil-miktub. Ir-raġunijiet għal deċiżjoni li tirtira awtorizzazzjoni għandhom jingħataw bil-miktub liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Ir-raġunijiet għal deċiżjoni li tirtira awtorizzazzjoni jistgħu jingħataw bil-miktub ukoll lill-entità ospitanti.

    5.      Kwalunkwe deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli jew li ma tilqax applikazzjoni, li tirrifjuta t-tiġdid, jew li tirtira awtorizzazzjoni għandha tkun miftuħa għal kontestazzjoni legali fl-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-liġi nazzjonali. In-notifika bil-miktub għandha tispeċifika l-qorti jew l-awtorità amministrattiva li quddiemha jista' jitressaq l-appell u l-limitu ta’ żmien għat-tressiq tal-appell.”

    12      L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2016/801 intitolat “Trasparenza u aċċess għall-informazzjoni” jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli faċilment għall-applikanti l-informazzjoni dwar il-evidenza dokumentarja kollha meħtieġa għal applikazzjoni u l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza, inklużi d-drittijiet, l-obbligi u s-salvagwardji proċedurali, taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u, fejn applikabbli, tal-membri tal-familja tagħhom. Dan għandu jinkludi, fejn applikabbli, il-livell tar-riżorsi suffiċjenti fix-xahar, inklużi r-riżorsi suffiċjenti meħtieġa biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-istudji jew l-ispejjeż tat-taħriġ, mingħajr preġudizzju għal eżami individwali ta’ kull każ, u d-drittijiet imposti applikabbli.

    L-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru għandhom jippubblikaw il-listi tal-entitajiet ospitanti approvati għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Il-verżjonijiet aġġornati ta’ dawn il-listi għandhom jiġu ppubblikati mill-aktar fis possibbli wara kwalunkwe modifika li ssirilhom.”

    13      L-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprevedi:

    “1.      L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit‑23 ta’ Mejju 2018. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Huma għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti dwar id-direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza għandha ssir u kif dik id-dikjarazzjoni għandha titfassal.

    2.      L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.”

     Iddritt Belġjan

    14      Skont l-Artikolu 58 tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi dwar id-Dħul fit-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin) (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”):

    “Meta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fir-Renju titressaq f’uffiċċju diplomatiku jew konsulari Belġjan minn barrani li jixtieq isegwi fil-Belġju studji fit-tagħlim superjuri jew isegwi fih sena preparatorja għat-tagħlim superjuri, din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata jekk il-parti kkonċernata ma tkunx tinsab f’wieħed mill-każijiet previsti fil-punti 5 sa 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, u jekk tipproduċi d-dokumenti li ġejjin:

    1°      dikjarazzjoni maħruġa minn stabbiliment ta’ tagħlim konformement mal-Artikolu 59;

    2°      il-prova li hija għandha mezzi suffiċjenti ta’ għajxien;

    3°      ċertifikat mediku li minnu jirriżulta li ma ssofrix minn xi marda jew diżabbiltà elenkata fl-anness ta’ din il-liġi;

    4°      ċertifikat li jikkonstata l-assenza ta’ kundanni għal reati jew delitti tad-dritt ordinarju, jekk il-parti kkonċernata għandha iktar minn 21 sena.

    [...]”

    15      L-Artikolu 39/2(2) ta’ din il-liġi jiddikjara:

    “Il-Conseil [du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju)] għandu jiddikjara l-annullament, permezz ta’ sentenzi, dwar ir-rikorsi l-oħra minħabba ksur tar-rekwiżiti formali kemm essenzjali, kif ukoll preskritti taħt piena ta’ nullità, eċċess jew użu ħażin ta’ poter.”

     Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

    16      Fis‑6 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadina ta’ pajjiż terz, ressqet, fuq il-bażi tal-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, applikazzjoni għal viża bil-għan li tistudja fil-Belġju.

    17      Peress li l-għoti ta’ din il-viża ġie rrifjutat lilha permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2020, minħabba li fost l-inkoerenzi fil-pjan ta’ studji tagħha kienet tirriżulta assenza ta’ intenzjoni reali li ssegwi studji fil-Belġju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet, fit‑28 ta’ Settembru 2020, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), li ċaħad it-talba tagħha permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2020.

    18      Il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) ikkonstata, f’din is-sentenza, li, skont l-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza titressaq minn ċittadin ta’ pajjiż terz li “jixtieq isegwi fil-Belġju studji fit-tagħlim superjuri jew isegwi fih sena preparatorja għat-tagħlim superjuri”. Minn dan huwa ddeduċa li din id-dispożizzjoni timponi lill-awtoritajiet kompetenti l-obbligu li jivverifikaw ir-rieda reali tal-applikant li jistudja fil-Belġju.

    19      Il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) qies ukoll li kien possibbli li jirrifjuta l-għoti tal-viża mitluba fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 58 jekk l-intenzjoni tal-applikant ma tkunx li jistudja, anki jekk l-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 kien għadu ma ġiex traspost fl-ordinament ġuridiku Belġjan minkejja l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 40(1) tagħha, ġaladarba l-possibbiltà ta’ rifjut previst f’dan l-Artikolu 20(2)(f) kienet tirriżulta wkoll mill-imsemmi Artikolu 58. B’hekk ikkunsidra li l-applikazzjoni tal-istess Artikolu 58 kien konformi mal-imsemmi Artikolu 20(2)(f).

    20      Permezz ta’ att tad‑19 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), li huwa l-qorti tar-rinviju, b’appell fil-kassazzjoni kontra l-imsemmija sentenza.

    21      Fil-kuntest ta’ dan l-appell, hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) ikkunsidra b’mod żbaljat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet konformi mal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801, meta din l-aħħar dispożizzjoni ma kinitx ġiet trasposta fid-dritt Belġjan u li d-dritt nazzjonali ma jippreċiżax ir-raġunijiet serji u oġġettivi li jippermettu li jiġi stabbilit li ċittadina ta’ pajjiż terz kienet ser tirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom kienet talbet l-ammissjoni tagħha fit-territorju Belġjan.

    22      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni wkoll li, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “student”, iddikjarat fil-punt 3 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, huwa biss permess li jiġi żgurat li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ressaq applikazzjoni għal viża għal finijiet ta’ studju jiġi ammess fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri u mhux li jiġi vverifikat li l-applikant għandu r-rieda li jistudja.

    23      Min-naħa l-oħra, l-État belge isostni li dan l-Artikolu 58 jirrikonoxxi l-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw l-intenzjoni tal-applikant li jistudja, konformement mal-premessa 41 tal-imsemmija direttiva, u dan indipendentement mit-traspożizzjoni tal-Artikolu 20(2)(f) tagħha, fejn huwa possibbli li jiġu rikjesti l-provi kollha neċessarji biex tiġi evalwata l-koerenza tal-applikazzjoni ta’ ammissjoni.

    24      Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li, peress li l-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 jippermetti li tiġi miċħuda t-talba mressqa fuq il-bażi ta’ din id-direttiva jekk jirriżulta li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu r-rieda li jirrisjedi għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom huwa jitlob l-ammissjoni tiegħu, l-Istati Membri neċessarjament għandhom dritt jivverifikaw li l-intenzjoni ta’ dan iċ-ċittadin hija realment dik li jwettaq l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti. Madankollu, hija tqis li għandha tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, fid-dawl tad-dubji tagħha u tal-fatt li hija ser tiddeċiedi b’mod definittiv.

    25      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm ukoll lok li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ddeterminat jekk, kif issostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2)(f) tal-imsemmija direttiva tirrikjedix, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ applikazzjoni għal residenza, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi espressament li din l-applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda meta l-Istat Membru ospitanti jkollu fil-pussess tiegħu provi u raġunijiet serji u oġġettivi sabiex jistabbilixxi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu l-intenzjoni li jirrisjedi għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom huwa jitlob l-ammissjoni tiegħu, u, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni tippreċiża liema huma l-provi jew ir-raġunijiet serji u oġġettivi li jippermettu li jiġi kkonstatat li dan huwa l-każ.

    26      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tallega li l-modalitajiet tal-istħarriġ eżerċitat mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) jiksru r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801 jimponi lill-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu li d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw l-applikazzjonijiet ta’ residenza jkunu jistgħu jiġu kkontestati u tqis li l-modalitajiet proċedurali ta’ tali kontestazzjoni għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    27      Hija tippreċiża li l-kontestazzjoni prevista mid-dritt Belġjan, fl-Artikolu 39/2(2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, hija rikors għall-annullament u dan huwa stħarriġ ta’ legalità li ma jagħtix setgħa ta’ bidla lill-qorti kompetenti, jiġifieri l-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), li ma jippermettilhiex, konsegwentement, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jew li tagħti deċiżjoni ġdida minflok dawn l-awtoritajiet. Madankollu, fil-każ ta’ annullament ta’ tali deċiżjoni, dawn l-awtoritajiet ikunu suġġetti għall-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-dispożittiv tas-sentenza u mar-raġunijiet li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha.

    28      Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-assenza ta’ setgħa ta’ bidla fi ħdan il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) tmur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, mill-prinċipju ta’ effettività u mill-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

    29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Fid-dawl tal-Artikolu 288 [TFUE], tal-Artikoli 14 u 52 tal-[Karta], tal-Artikoli 3, 5, 7, 11, 20, 34, 35 u 40 tad-Direttiva [2016/801] u tal-premessi 2 u 60 tagħha, [kif ukoll] tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza, il-possibbiltà ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal residenza, mogħtija lill-Istat Membru mill-Artikolu 20(2)(f) tad-direttiva, għandha, sabiex tintuża mill-imsemmi Stat, tkun espressament prevista mil-leġiżlazzjoni tiegħu? Jekk dan huwa l-każ, ir-raġunijiet serji u oġġettivi għandhom ikunu ppreċiżati mil-leġiżlazzjoni tiegħu?

    2)      L-eżami tal-applikazzjoni għal viża għal studji, jeżiġi li l-Istat Membru jivverifika l-volontà u l-intenzjoni tal-barrani li jagħmel l-istudji tiegħu, minkejja li l-Artikolu 3 tad-direttiva [2016/801] jiddefinixxi l-istudent bħala dak li huwa ammess fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri u li r-raġunijiet ta’ ċaħda tal-applikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 20(2)(f) huma fakultattivi u mhux vinkolanti bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 20(1) tad-direttiva?

    3)      L-Artikolu 47 tal- [Karta], il-prinċipju ta’ effettività u l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, jeħtieġu li r-rimedju, organizzat mid-dritt nazzjonali kontra deċiżjoni li tirrifjuta talba għal ammissjoni fit-territorju għal finijiet ta’ studji, jippermetti lill-qorti tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-awtorità amministrazzjoni b’dik tagħha u li tirriforma d-deċiżjoni ta’ dik l-awtorità, jew stħarriġ tal-legalità li jippermetti lill-qorti tiċċensura illegalità, b’mod partikolari żball manifest ta’ evalwazzjoni, billi tannulla d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva huwa suffiċjenti?”

     Fuq iddomandi preliminari

     Fuq lewwel żewġ domandi

    30      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li kemm mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801, li jipprevedi li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrifjuta applikazzjoni meta jkollu fil-pussess tiegħu provo jew raġunijiet serji u oġġettivi biex jistabbilixxi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrisjedi għal raġunijiet oħra minbarra dawk li għalihom huwa jitlob l-ammissjoni tiegħu, ġie traspost espressament fid-dritt Belġjan biss wara l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    31      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li, fis-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2020 tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), din tal-aħħar qieset li, anki fl-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom il-possibbiltà, konformement mad-dritt tal-Unjoni, li jirrifjutaw applikazzjoni għal viża ta’ studju fil-Belġju meta l-intenzjoni reali tal-applikant ma tkunx dik li jistudja.

    32      Barra minn hekk, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jikkonferma li l-Artikolu 20(2)(f) ta’ din id-direttiva kien għadu ma ġiex espressament traspost fid-dritt nazzjonali waqt il-perijodu rilevanti għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Belġjan ippreċiża, fl-estensjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li fihom isostni li l-awtoritajiet kompetenti għandhom il-possibbiltà, indipendentement mit-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jivverifikaw l-intenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ressaq applikazzjoni għal viża biex isegwi studji, li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax din id-dispożizzjoni iżda tirrigwarda l-kunċett ta’ “student”, hekk kif iddefinit fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.

    33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2016/801, b’mod partikolari fid-dawl tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li Stat Membru, filwaqt li ma jkunx ittraspona l-Artikolu 20(2)(f) ta’ din id-direttiva, jirrifjuta applikazzjoni għall-ammissjoni fit-territorju tiegħu għal finijiet ta’ studju minħabba li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ressaq din l-applikazzjoni mingħajr ma kellu l-intenzjoni reali li jistudja fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

    34      Bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ressaq tali applikazzjoni għandu dritt għal awtorizzazzjoni li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali ffissati fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2016/801 u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli skont it-tip ta’ applikazzjoni mressqa, f’dan il-każ dawk previsti fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva għall-applikazzjonijiet għal ammissjoni għal finijiet ta’ studju.

    35      Għalhekk, skont dan l-Artikolu 5(3), l-Istati Membri għandhom obbligu joħorġu titolu ta’ residenza għal finijiet ta’ studju lill-applikant li jkun issodisfa r-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikoli 7 u 11 tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya, C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 31).

    36      Issa, ebda wieħed minn dawn ir-rekwiżiti ma jagħmel riferiment espliċitu għall-eżistenza ta’ intenzjoni reali li jiġu segwiti studji fuq it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

    37      Għaldaqstant, skont prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-partijiet fil-kawża ma jistgħux jagħmlu użu frawdolenti jew abbużiv tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et, C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    38      Minn dan jirriżulta li Stat Membru għandu jirrifjuta l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiġu invokati mhux bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda bil-għan li jinkiseb benefiċċju minn vantaġġ mogħti mid-dritt tal-Unjoni minkejja li r-rekwiżiti sabiex jinkiseb benefiċċju minn dan il-vantaġġ ikunu ġew issodisfatti biss formalment (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et, C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 98).

    39      Il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi għandu, konsegwentement, jiġi invokat kontra persuna meta din tinvoka ċerti regoli tad-dritt tal-Unjoni li jipprevedu vantaġġ b’tali mod li ma jkunx koerenti mal-għanijiet imfittxija minn dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et, C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 102).

    40      Jeħtieġ ulterjorment li jiġi ppreċiżat li sa fejn fatti frawdolenti jew abbużivi ma jistgħux iservu bħala bażi għal dritt previst mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ir-rifjut ta’ vantaġġ fuq il-bażi ta’ direttiva, f’dan il-każ, tad-Direttiva 2016/801, ma jimponix obbligu fuq l-individwu kkonċernat bis-saħħa ta’ din id-direttiva, iżda huwa biss is-sempliċi konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa għall-finijiet tal-ksib tal-vantaġġ imfittex, previsti mill-imsemmija direttiva fir-rigward ta’ dan id-dritt, huma biss issodisfatti formalment (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et, C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 119 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    41      B’hekk, għalkemm l-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 jipprevedi li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrifjuta applikazzjoni għall-ammissjoni fit-territorju mressqa fuq il-bażi ta’ din id-direttiva meta għandu provi jew raġunijiet serji u oġġettivi biex jistabbilixxi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal għanijiet differenti minn dawk li għalihom qiegħed jitlob l-ammissjoni tiegħu, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li teskludi l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tal-projbizzjoni tal-prattiki abbużivi, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma hijiex suġġetta għal rekwiżit ta’ transpożizzjoni bħalma huma d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et, C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 105 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42      Il-premessa 41 tad-Direttiva 2016/801 tiddikjara, mill-bqija, li, fil-każ ta’ dubju dwar ir-raġunijiet għat-tressiq tal-applikazzjoni għal ammissjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipproċedu għall-verifiki xierqa jew jirrikjedu l-provi neċessarji b’mod partikolari biex jiġġieldu kontra kull użu abbużiv jew frawdolenti tal-proċedura stabbilita minn din id-direttiva.

    43      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom jirrifjutaw il-benefiċċju tad-drittijiet previsti mill-imsemmija direttiva meta dawn jiġu invokati b’mod frawdolenti jew abbużiv, u dan minkejja li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ittraspona dan l-Artikolu 20(2)(f).

    44      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma jkunx intlaħaq u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et, C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2021:11, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    45      F’dan il-każ, għal li jikkonċerna l-għan imfittex mid-Direttiva 2016/801, il-premessi 3 u 14 tagħha jiddikjaraw, minn naħa, li l-immigrazzjoni provenjenti minn pajjiżi esterni għall-Unjoni tirrappreżenta ġabra ta’ persuni kkwalifikati ħafna u li l-istudenti kif ukoll ir-riċerkaturi, b’mod partikolari, huma kategoriji dejjem iżjed imfittxija u, min-naħa l-oħra, li, sabiex jiġi promossa l-Ewropa komplessivament bħala ċentru dinji tal-eċċellenza għall-istudji u t-taħriġ, din id-direttiva għandha l-għan li ttejjeb u tissemplifika l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza tal-persuni li jixtiequ jmorru hemm għal dawn ir-raġunijiet.

    46      F’dan is-sens, l-imsemmija direttiva hija intiża, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 3 tal-Artikolu 3 u mill-Artikolu 11(1)(a) tagħha, li tawtorizza liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru meta jkunu ġew ammessi fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri tal-Istat Membru kkonċernat u biex fiha jsegwu, bħala attività prinċipali, ċiklu ta’ studji full-time li jwassal għall-kisba ta’ titolu ta’ tagħlim superjuri rrikonoxxut minn dan l-Istat Membru.

    47      Peress li, meta tkun inkwistjoni applikazzjoni għal ammissjoni għal finijiet ta’ studju, il-konstatazzjoni ta’ prattika abbużiva tirrikjedi li jiġi stabbilit, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi tal-każ ikkonċernat, li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet ġenerali u partikolari, rispettivament stabbiliti fl-Artikoli 7 u 11 tad-Direttiva 2016/801, li jagħtu dritt għal titolu ta’ residenza għal finijiet ta’ studju, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ressaq l-applikazzjoni għal ammissjoni tiegħu mingħajr ma kellu realment l-intenzjoni li jsegwi, bħala attività prinċipali, ċiklu ta’ studji full‑time li jwassal għall-kisba ta’ titolu ta’ tagħlim superjuri rrikonoxxut minn dan l-Istat Membru.

    48      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li jippermettu li tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ applikazzjoni għal ammissjoni, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn, fid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ residenza, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, ipotetikament, ma jkunx għadu beda ċ-ċiklu ta’ studji identifikat f’din it-talba u, konsegwentement, ma setax kellu l-possibbiltà li jikkonkretizza l-intenzjoni tiegħu li jsegwi, bħala attività prinċipali, ċiklu ta’ studji full‑time li jwassal għall-kisba ta’ titolu ta’ tagħlim superjuri rrikonoxxut minn dan l-Istat Membru, applikazzjoni għal ammissjoni tista’ tiġi miċħuda biss jekk din in-natura abbużiva tirriżulta b’mod suffiċjentement manifest mill-elementi kollha rilevanti li l-awtoritajiet kompetenti għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jevalwaw din l-applikazzjoni.

    49      Fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ speċifiku. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha neċessarji sabiex tiggwidaha f’din l-evalwazzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat, minn naħa, li mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2016/801 jirriżulta li din ma tipprekludix li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li talbu awtorizzazzjoni ta’ residenza għal finijiet ta’ studju jistgħu, barra miż-żmien iddedikat għall-istudji u suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet li huma indikati f’din id-dispożizzjoni, jiġu impjegati jew jeżerċitaw attività ekonomika indipendenti fl-imsemmi Stat Membru. Għaldaqstant, il-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz li ressaq applikazzjoni għal ammissjoni għal finijiet ta’ studju jkollu wkoll l-intenzjoni li jmexxi attività oħra fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ma jistax jitqies li huwa neċessarjament indikazzjoni ta’ prattika abbużiva, b’mod partikolari jekk din l-attività ma taffettwax it-twettiq tal-istudji, bħala attività prinċipali, li jiġġustifikaw din l-applikazzjoni.

    51      Minn perspettiva oħra, fil-każ fejn l-applikant ikun impenja ruħu jeżerċita attività, b’mod partikolari ta’ natura professjonali, li t-twettiq tagħha tidher li hija manifestament inkompatibbli mat-twettiq, bħala attività prinċipali, ta’ ċiklu ta’ studji full‑time li jwassal għall-kisba ta’ titolu ta’ tagħlim superjuri rrikonoxxut minn dan l-Istat Membru, dan l-impenn ikun jista’ jikkostitwixxi element li jqajjem dubji dwar ir-raġunijiet reali wara l-applikazzjoni ta’ ammissjoni u, jekk ikun il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, jista’ jikkostitwixxi l-indikazzjoni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu l-intenzjoni jirrisjedi għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom jitlob l-ammissjoni tiegħu.

    52      Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-premessa 41 tad-Direttiva 2016/801 tippreċiża li, fil-każ ta’ dubji dwar ir-raġunijiet wara l-applikazzjoni għal ammissjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jwettqu verifiki xierqa jew jirrikjedu l-provi neċessarji biex jevalwaw skont il-każ, b’mod partikolari, l-istudji li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu l-intenzjoni li jsegwi.

    53      L-inkoerenzi tal-pjan ta’ studju tal-applikant jistgħu għaldaqstant ukoll jikkostitwixxu ċirkustanzi oġġettivi li jikkontribwixxu għall-konstatazzjoni ta’ prattika abbużiva minħabba li l-applikazzjoni ta’ din il-persuna, fil-verità, ikollha għanijiet oħra minbarra t-twettiq ta’ studji, sa fejn dawn l-inkoerenzi jkunu ta’ natura suffiċjentement manifesta u li jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi tal-każ inkwistjoni. B’hekk, ċirkustanza li tista’ tiġi kkunsidrata bħal ordinarja waqt studji superjuri, bħal bidla fl-għażla tal-istudji, ma tistax titqies li hija suffiċjenti waħedha biex jiġi stabbilit li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ressaq applikazzjoni għal ammissjoni għal finijiet ta’ studju ma għandux intenzjoni reali li jistudja fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Bl-istess mod, is-sempliċi ċirkustanza li l-istudji ppjanati ma humiex direttament marbuta mal-għanijiet professjonali mfittxija ma hijiex neċessarjament indikattiva ta’ assenza ta’ rieda li effettivament jiġu segwiti l-istudji li jiġġustifikaw l-applikazzjoni għal ammissjoni.

    54      Għaldaqstant, għandu jiġi enfasizzat li, peress li ċ-ċirkustanzi li jippermettu li jiġi konkluż li applikazzjoni għal ammissjoni għal finijiet ta’ studju hija ta’ natura abbużiva neċessarjament huma speċifiċi għal kull każ inkwistjoni, hekk kif ġie osservat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, ma tistax tiġi stabbilita lista eżawrjenti tal-elementi rilevanti f’dan ir-rigward. B’hekk, in-natura potenzjalment abbużiva ta’ applikazzjoni għal ammissjoni għal finijiet ta’ studju ma tistax tiġi preżunta fir-rigward ta’ ċerti elementi iżda għandha tiġi evalwata każ b’każ, wara li tkun saret evalwazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull applikazzjoni.

    55      F’dan ir-rigward, inkluż fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 50 sa 53 ta’ din is-sentenza, huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom iwettqu l-verifiki kollha xierqa u li għandhom jirrikjedu l-provi neċessarji għal evalwazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni, jekk ikun il-każ billi jistiednu lill-applikant jipprovdi preċiżazzjonijiet u spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward.

    56      F’dan il-kuntest, jeħtieġ ulterjorment li jiġi ppreċiżat, minn naħa, li, għalkemm ir-raġunijiet għal rifjut rilevanti għandhom ikunu marbuta maċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-applikazzjoni kkonċernata, madankollu dan ma għandux bħala effett li jeżenta lill-awtoritajiet kompetenti mill-obbligu li jikkomunikaw dawn ir-raġunijiet bil-miktub lill-applikant, kif inhu previst fl-Artikolu 34(1) u (4) tad-Direttiva 2016/801.

    57      Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma bla ħsara għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jikkonstataw u jissanzjonaw, permezz ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni jew rifjut ta’ tiġdid tagħha, prattika abbużiva possibbli wara li r-residenza tkun ġiet awtorizzata, hekk kif inhu previst fl-Artikolu 21 tal-istess direttiva.

    58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi tkun li d-Direttiva 2016/801, b’mod partikolari fid-dawl tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li Stat Membru, filwaqt li ma jkunx ittraspona l-Artikolu 20(2)(f) ta’ din id-direttiva, jirrifjuta applikazzjoni għall-ammissjoni fit-territorju tiegħu għal finijiet ta’ studju minħabba li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ressaq din l-applikazzjoni mingħajr ma kellu l-intenzjoni reali li jistudja fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru skont il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tal-projbizzjoni tal-prattiki abbużivi.

     Fuq ittielet domanda

    59      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kontestazzjoni kontra deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet kompetenti li tirrifjuta applikazzjoni għall-ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ studju tkun tikkonsisti esklużivament f’rikors għal annullament, mingħajr ma l-qorti adita b’dan ir-rikors ikollha s-setgħa li tissostitwixxi, jekk ikun il-każ, l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-awtoritajiet kompetenti jew li tadotta deċiżjoni ġdida.

    60      Skont l-Artikolu 34(5) ta’ din id-direttiva, kwalunkwe deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli jew li tirrifjuta applikazzjoni jew kull deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid jew ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni tista’ tiġi kkontestata fl-Istat Membru kkonċernat konformement mad-dritt nazzjonali.

    61      Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għall-ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ studju, dan l-Artikolu 34(5) jagħti espressament liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ressaq tali applikazzjoni l-possibbiltà li jippreżenta rikors konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li adotta din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N., C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 41).

    62      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-karatteristiċi tal-proċedura ta’ kontestazzjoni msemmija fl-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801 għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N., C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 44).

    63      Issa, id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, ikun fittizju li kieku l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru kellu jippermetti li deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u obbligatorja tibqa’ ineffettiva għad-detriment ta’ parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punti 35 u 36). Dan huwa partikolarment minnu meta l-kisba tal-benefiċċju effettiv tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, hekk kif irrikonoxxuti minn deċiżjoni ġudizzjarja, jimplika l-osservanza ta’ imperattivi ratione temporis.

    64      B’hekk, meta tkun inkwistjoni deċiżjoni amministrattiva nazzjonali li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-benefiċċju effettiv tad-drittijiet tal-parti kkonċernata li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, għandha imperattivament tiġi adottata b’ħeffa, min-neċessità, taħt l-Artikolu 47 tal-Karta, li tiġi żgurata l-effettività tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni amministrattiva inizjali li tirrifjuta l-applikazzjoni tagħha, jirriżulta li kull Stat Membru għandu jfassal id-dritt nazzjonali tiegħu b’tali mod li, fil-każ ta’ annullament tagħha, deċiżjoni ġdida tiġi adottata f’terminu qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni li tinsab fis-sentenza li tat l-annullament (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65      Għalhekk, fir-rigward ta’ tali applikazzjonijiet għall-ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ studju, il-fatt li l-qorti adita hija kompetenti biex tiddeċiedi biss dwar l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li tirrifjuta tali applikazzjoni, mingħajr ma tkun tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik ta’ dawn l-awtoritajiet jew mingħajr ma tkun tista’ tadotta deċiżjoni ġdida, huwa suffiċjenti, bħala prinċipju, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 47 ta-Karta, bil-kundizzjoni li, jekk ikun il-każ, l-imsemmija awtoritajiet ikunu marbuta bl-evalwazzjoni li tinsab fis-sentenza li tagħti l-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

    66      Barra minn hekk, jekk, fil-kuntest ta’ tali rikors, il-qorti adita jkollha biss setgħa ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li tirrifjuta tali applikazzjoni għal ammissjoni, għandha tingħata attenzjoni sabiex il-kundizzjonijiet li fihom dan ir-rikors huwa eżerċitat u, jekk ikun il-każ, is-sentenza adottata sussegwentement tiġi eżegwita, ikunu tali li jippermettu, bħala prinċipju, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida f’terminu qasir, b’tali mod li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz suffiċjentement diliġenti jkun jista’ jibbenefika mill-effettività sħiħa tad-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 2016/801.

    67      Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 34(5) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li kontestazzjoni kontra deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet kompetenti li tirrifjuta applikazzjoni għall-ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ studju tkun tikkonsisti esklużivament f’rikors għal annullament, mingħajr ma l-qorti adita b’dan ir-rikors ikollha s-setgħa li tissostitwixxi, jekk ikun il-każ, l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-awtoritajiet kompetenti jew li tadotta deċiżjoni ġdida, sa fejn il-kundizzjonijiet li fihom dan ir-rikors huwa eżerċitat u, jekk ikun il-każ, is-sentenza adottata sussegwentement tiġi eżegwita, ikunu ta’ natura li jippermettu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida f’terminu qasir, konformi mal-evalwazzjoni li tinsab fis-sentenza li tat l-annullament, b’tali mod li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz suffiċjentement diliġenti jkun jista’ jibbenefika mill-effettività sħiħa tad-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 2016/801.

     Fuq lispejjeż

    68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing, b’mod partikolari fid-dawl tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tagħha,

    għandha tiġi interpretata fis-sens li:

    ma tipprekludix li Stat Membru, filwaqt li ma jkunx ittraspona l-Artikolu 20(2)(f) ta’ din id-direttiva, jirrifjuta applikazzjoni għall-ammissjoni fit-territorju tiegħu għal finijiet ta’ studju minħabba li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ressaq din l-applikazzjoni mingħajr ma kellu l-intenzjoni reali li jistudja fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru skont il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tal-projbizzjoni tal-prattiki abbużivi.

    2)      L-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma jipprekludix li kontestazzjoni kontra deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet kompetenti li tirrifjuta applikazzjoni għall-ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ studju tkun tikkonsisti esklużivament f’rikors għal annullament, mingħajr ma l-qorti adita b’dan ir-rikors ikollha s-setgħa li tissostitwixxi, jekk ikun il-każ, l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-awtoritajiet kompetenti jew li tadotta deċiżjoni ġdida, sa fejn il-kundizzjonijiet li fihom dan ir-rikors huwa eżerċitat u, jekk ikun il-każ, is-sentenza adottata sussegwentement tiġi eżegwita, ikunu ta’ natura li jippermettu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida f’terminu qasir, konformi mal-evalwazzjoni li tinsab fis-sentenza li tat l-annullament, b’tali mod li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz suffiċjentement diliġenti jkun jista’ jibbenefika mill-effettività sħiħa tad-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 2016/801.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


    i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

    Top