This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0376
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 11 July 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati l-11 ta’ Lulju 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati l-11 ta’ Lulju 2024.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:616
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil‑11 ta’ Lulju 2024 (1)
Kawża C‑376/23
SIA “BALTIC CONTAINER TERMINAL”
vs
Valsts ieņēmumu dienests
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja))
“Rinviju għal domanda preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Introduzzjoni ta’ merkanzija minn żona libera – Obbligi ta’ detentur f’żona libera li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni – Responsabbiltà tad-dejn doganali fil-każ ta’ ksur ta’ obbligu – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi permezz ta’ prassi amministrattivi – Estensjoni tal-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza li annullat sanzjoni imposta minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi doganali”
I. Introduzzjoni
“Wieħed irid ikollu fiduċja fil-bniedem, inkella ma jkunx jista’ jgħix.” (Anton Pawlowitsch Tschechow, kittieb u drammaturgu Russu mill-1860 sal‑1904).
1. Il-fiduċja meħtieġa għall-ħajja tinkludi wkoll fiduċja fil-prattika kostanti tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea? Il-portata ta’ tali protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi testendi wkoll għall-azzjoni illegali tal-awtoritajiet nazzjonali, mhux biss fid-dawl tad-dritt nazzjonali, iżda wkoll tad-dritt tal-Unjoni? Meta qorti tkun diġà kkonkludiet f’sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata, li ma kienx hemm ksur ta’ obbligi doganali u annullat sanzjoni imposta b’dan il-fatt b’mod parallel, il-persuna kkonċernata jista’ jkollha aspettattivi leġittimi fil-fatt li, fil-kuntest ta’ proċedura oħra, l-awtoritajiet tal-Istat xorta waħda ma jaċċettawx nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi doganali u minħabba f’hekk jistabbilixxu djun doganali?
2. Dawn il-kwistjonijiet kollha ta’ prinċipju jistgħu jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura. Fl-aħħar mill-aħħar, jeħtieġ li tinbidel il-prassi amministrattiva kostanti tal-amministrazzjoni fiskali Latvjana. Sa issa, il-merkanzija tħalliet toħroġ miż-żona libera kkonċernata abbażi tad-dokument tat-trasport tal-merkanzija (iktar ’il quddiem il-“polza tal-vjeġġ CMR” (2)) kull darba li, wara verifika tal-merkanzija, l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu waħħlu fuq il-polza tal-vjeġġ CMR timbru doganali u firma bħala “merkanzija tal-Unjoni”. Id-detentur taż-żona libera kien ivverifika din tal-aħħar, irreġistraha u neħħa l-merkanzija miż-żona libera. Apparentement, f’Lulju 2019, l-amministrazzjoni fiskali biddlet din il-prattika kostanti u akkużat lid-detentur taż-żona libera li ħareġ il-merkanzija miż-żona libera matul il-perijodu bejn l‑2018 u Lulju 2019, mingħajr ma daħħal numru ta’ referenza tal-moviment. Il-kwistjoni dwar jekk in-numru ta’ referenza tal-moviment kellux effettivament ikun kopert mid-dritt tal-Unjoni għandha issa tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-qorti tar-rinviju, dan ma jidhirx ċar.
3. Qorti oħra (l-Awla Kriminali tal-Qorti Reġjonali ta’ Riga, il-Latvja) kienet, min-naħa l-oħra, preċedentement ċaħdet l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligi tagħha fil-qasam doganali, mingħajr ma pproduċiet provi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Id-detentur taż-żona libera aġixxa skont il-prassi stabbilita tal-awtoritajiet fiskali u dan ma seta’ jidentifika ebda dispożizzjoni legali li minnha jirriżulta l-obbligu li titwettaq verifika iktar fil-fond tal-merkanzija indikata mill-amministrazzjoni fiskali bħala “merkanzija tal-Unjoni”.
4. Madankollu, b’mod parallel, l-amministrazzjoni fiskali ffissat id-dazji fuq l-importazzjoni u l-VAT fir-rigward tad-detentur taż-żona libera, minħabba li l-ħruġ tal-merkanzija miż-żona libera kien seħħ bi ksur tal-obbligi tiegħu. Għal din ir-raġuni, id-detentur taż-żona libera huwa (ukoll) responsabbli għad-djun doganali korrispondenti. Il-persuna kkonċernata topponi din id-deċiżjoni.
5. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi dwar il-mod li bih hija għandha tissodisfa l-obbligi tagħha bħala detentur ta’ żona libera meta żewġt iqrati tal-Istat diġà jevalwaw b’mod differenti l-portata tagħhom u li d-domanda tidher li hija vaga wisq sabiex ikollha titlob minn qabel interpretazzjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Lussemburgu. Barra minn hekk, hija tistaqsi dwar il-prevedibbiltà ta’ bidla fil-prattika amministrattiva b’effett retroattiv. Għall-kuntrarju, hija setgħet tibbaża ruħha, bħal ma fil-fatt għamlet, fuq il-prattika preċedenti. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li din ġiet ikkonfermata f’sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata minn qorti Latvjana.
II. Il‑kuntest ġuridiku
6. Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża fid-dritt tal-Unjoni huwa pjuttost kumpless. Dan jikkonsisti fi tliet atti legali differenti, jiġifieri regolament, regolament delegat u regolament ta’ implimentazzjoni.
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Regolament (UE) Nru 952/2013 (3) (iktar’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”)
7. L-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jirregola l-ħolqien ta’ dejn doganali:
“1. Għal merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, it-tneħħija tagħha mis-superviżjoni doganali, jew il-moviment, l-ipproċessar, il-ħażna, il-ħażna temporanja, id-dħul temporanju ta’ tali merkanzija fit-territorju jew it-tneħħija tagħha minnu;
[…]
3. Fil-każijiet imsemmija taħt il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, id-debitur għandu jkun kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
a) kwalunkwe persuna li kienet meħtieġa tissodisfa l-obbligi konċernati; […]”
8. L-Artikolu 158(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li jinsab fil-Kapitolu 2 (It-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jirregola d-dikjarazzjoni doganali tal-merkanzija kif ukoll is-sorveljanza doganali tal-merkanzija tal-Unjoni:
“1. Il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali, minbarra l-proċedura ta’ żona ħielsa, għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni doganali xierqa għall-proċedura partikolari.”
9. Id-dokumenti meħtieġa għal dan l-għan huma ddefiniti fl-Artikolu 163 tal-Kodiċi Doganali:
“1. Id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa għall-applikazzjoni tal-provvedimenti li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha hi ddikjarata l-merkanzija, għandhom ikunu fil-pussess tad-dikjarant u għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali fil-ħin li tkun ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali.
2. Id-dokumenti ta’ sostenn iridu jingħataw lill-awtoritajiet doganali fejn jintalab li jsir hekk mil-leġislazzjoni tal-Unjoni jew fejn ikun meħtieġ għall-kontrolli doganali.
(3) F’każijiet speċifiċi, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jfasslu d-dokumenti ta’ sostenn dment li huma jkunu awtorizzati biex jagħmlu dan mill-awtoritajiet doganali.”
10. Skont l-Artikolu 211(1)(b) tal-Kodiċi Doganali, l-operat ta’ faċilitajiet ta’ ħażna għall-maħżen doganali ta’ merkanzija f’żona libera huwa suġġett għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni:
“1. Awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali hija meħtieġa għal dan li ġej:
(b) l-operat tal-faċilitajiet ta’ ħażna għall-ħażna doganali tal-merkanzija, minbarra meta l-operatur tal-faċilità ta’ ħażna hija l-awtorità doganali nnifisha.”
Il-kondizzjonijiet li bihom jitħalla l-użu ta' proċedura waħda jew aktar minn dawk imsemmijin fl-ewwel subparagrafu jew l-operat ta’ faċilitajiet ta’ ħażna għandhom ikunu stabbiliti fl-awtorizzazzjoni.”
11. L-Artikolu 214(1) tal-Kodiċi Doganali jirregola r-reġistri li għandhom isiru fil-proċeduri doganali partikolari, li fosthom hemm, skont l-Artikolu 210(b) ta’ dan il-kodiċi, il-ħażna f’żona libera:
“1. Ħlief għall-proċedura ta’ tranżitu, jew fejn hu provdut mod ieħor, id-detentur tal-awtorizzazzjoni, id-detentur talproċedura, u l-persuni kollha li jeżerċitaw attività li tinvolvi lħażna, it-tħaddim jew l-ipproċessar ta’ merkanzija, jew il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’żoni ħielsa, għandhom iżommu kotba xierqa f’forma approvata mill-awtoritajiet doganali.
Il-kotba ikunu jinkludu l-informazzjoni u d-dettalji li jippermettu lill-awtoritajiet doganali li jissorveljaw il-proċedura kkonċernata, b’mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-merkanzija mqiegħda taħt dik il-proċedura, l-istatus doganali tagħha u l-movimenti tagħha.”
12. L-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali jirregola l-finalizzazzjoni ta’ proċedura partikolari, bħal dik ta’ ħażna f’żona libera:
“1. Minbarra fil-każ tal-proċedura ta’ tranżitu, u mingħajr ħsara għall-Artikolu 254, proċedura speċjali għandha tingħalaq meta l-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura, jew il-prodotti pproċessati, jitqiegħdu taħt proċedura doganali sussegwenti, ikunu ttieħdu ’l barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, jew inqerdu u ma tħalla l-ebda skart, jew huma abbandunati f'idejn l-Istat taħt l-Artikolu 199.
2. Il-proċedura ta’ transitu għandha tiġi rilaxxata mill-awtoritajiet doganali meta jkunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu, abbażi ta’ tqabbil tad-data disponibbli lill-uffiċċju doganali tat-tluq u dik disponibbli lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, li l-proċedura ntemmet sew.
3. L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi rregolazzata s-sitwazzjoni tal-merkanzija li rigward tagħha ma gietx rilaxxata proċedura taħt il-kondizzjonijiet preskritti.
4. Il-proċedura għandha tingħalaq f'ċertu limitu ta’ żmien, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor.”
13. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(c) tal-Kodiċi Doganali jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa ġenerali li ġejja:
“Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa biex tadotta atti delegati, taħt l-Artikolu 284, li jiddeterminaw dawn li ġejjin:
(c) it-tip ta’ informazzjoni u d-dettalji li għandhom jinsabu fir-reġistri msemmija fl-Artikoli 148(4) u 214(1).”
2. Ir‑Regolament Delegat tal‑Kummissjoni (UE) Nru 2015/2446 (4) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Delegat”)
14. L-Artikolu 178(1)(b),(c),(d) u (f), u l-Artikolu 178(2) u (3) tar-Regolament Delegat jipprovdu:
“1. Ir-rekords imsemmija fl-Artikolu 214(1) tal-Kodiċi għandu jkun fihom dan li ġej:
(b) l-MRN jew, fejn dan ma jeżistix, kwalunkwe numru jew kodiċi ieħor li jidentifika d-dikjarazzjonijiet doganali li permezz tiegħu l-merkanzija titqiegħed taħt il-proċedura speċjali u, meta l-proċedura tkun ġiet rilaxxata skont l-Artikolu 215(1) tal-Kodiċi, informazzjoni dwar il-mod kif il-proċedura tkun ġiet rilaxxata;
(c) dejta li tippermetti mingħajr dubju l-identifikazzjoni ta’ dokumenti doganali li ma jkunux dikjarazzjonijiet doganali, ta’ kwalunkwe dokumenti oħra rilevanti għat-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura speċjali u ta’ kwalunkwe dokumenti oħra rilevanti għar-rilaxx korrispondenti tal-proċedura;
(d) dettalji ta’ marki, numri ta’ identifikazzjoni, numru u tip ta’ pakketti, il-kwantità u d-deskrizzjoni kummerċjali jew teknika normali tal-merkanzija u, fejn rilevanti, il-marki ta’ identifikazzjoni tal-kontejner meħtieġa biex tiġi identifikata l-merkanzija;
(f) status doganali tal-merkanzija;
2. Fil-każ ta’ żoni ħielsa, ir-rekords għandhom, flimkien mal-informazzjoni pprovduta fil-paragrafu 1, jinkludu dan li ġej:
(a) dettalji li jidentifikaw id-dokumenti tat-trasport għall-merkanzija li tidħol jew toħroġ miż-żoni ħielsa;
(b) dettalji dwar l-użu jew il-konsum ta’ merkanzija li r-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera jew dħul temporanju tagħha ma jinvolvix applikazzjoni ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew miżuri stabbiliti taħt il-politika agrikola komuni u kummerċjali skont l-Artikolu 247(2) tal-Kodiċi.
3. L-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw il-ħtieġa għal ftit mill-informazzjoni prevista fil-paragrafi 1 u 2, fejn dan ma jaffettwax ħażin is-sorveljanza doganali u kontrolli tal-użu ta’ poċedura speċjali.”
3. Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 (5) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament ta’ Implimentazzjoni”)
15. Il-mod kif għandha tiġi prodotta l-prova tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni jirriżulta mill-Artikoli 199 et seq. tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. L-Artikolu 200(1), (3) u (4) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi f’dan ir-rigward:
“1. L-uffiċċju doganali kompetenti għandu japprova u jirreġistra l-mezz ta’ prova tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 199(1)(b) u (c) ta’ dan ir-Regolament, ħlief għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 128(1) ta’ [ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013], u jikkomunika l-MRN ta’ dawk il-mezzi ta’ prova lill-persuna kkonċernata.
3. Il-mezz ta’ prova msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi ppreżentat lill-uffiċċju doganali kompetenti meta l-merkanzija tkun ippreżentata wara d-dħul mill-ġdid fit-territorju doganali tal-Unjoni, billi jiġi indikat l-MRN tagħha.
4. Dak l-uffiċċju doganali kompetenti għandu jissorvelja l-użu tal-mezz ta’ prova msemmi fil-paragrafu 1 bil-ħsieb li jiżgura b’mod partikolari li l-mezz ta’ prova ma jintużax għal merkanzija oħra minbarra dik li jkun inħareġ għaliha.”
16. L-Artikolu 211 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jirrigwarda l-prova tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni li l-valur tagħha ma jaqbiżx EUR 15 000 u huwa fformulat kif ġej:
“Fil-każ ta’ merkanzija li għandha l-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni li l-valur tagħha ma jaqbiżx EUR 15 000-il, tista’ tingħata prova tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni billi tiġi prodotta l-fattura jew id-dokument tat-trasport relatat ma’ dik il-merkanzija sakemm dan jirreferi biss għal merkanzija li jkollha l-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni.”
17. L-Artikolu 226 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jippreċiża l-MRN u huwa fformulat kif ġej:
“Għajr għall-każijiet meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali bil-fomm jew b’att li jitqies li jkun dikjarazzjoni doganali, jew meta d-dikjarazzjoni doganali tieħu l-forma ta’ dħul fir-rekords tad-dikjarant skont l-Artikolu 182 tal-Kodiċi, lawtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw lid-dikjarant dwar l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali u għandu jipprovdih b’MRN għal dik id-dikjarazzjoni u bid-data tal-aċċettazzjoni tiegħu. Dan l-Artikolu ma għandux japplika qabel id-dati rispettivi tat-twettiq tal-AES, tal-NCTS u tal-aġġornament tas-sistemi nazzjonali tal-importazzjoni msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/255/UE jkunu operazzjonali.”
B. Id‑dritt Latvjan
18. L-Artikolu 153(3) tal-Administratīvā procesa likums (il‑Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva) jipprovdi:
“Il-fatti kkonstatati fil-motivi ta’ sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata ma għandhomx jiġu pprovati mill-ġdid fil-kuntest tal-eżami ta’ kawża amministrattiva li tinvolvi l-istess partijiet.”
19. L-Artikolu 16(3) u (4) tal-Likums “Par tiesu varu” (l-Att dwar is-Sistema Ġudizzjarja) jipprovdi:
“(3) Skont il-proċedura prevista mil-liġi, sentenza torbot lill-qorti waqt l-eżami ta’ kawżi oħra konnessi ma’ din il-kawża.
(4) Dawn is-sentenzi għandhom saħħa legali, jorbtu lil kulħadd u għandhom jiġu osservati bl-istess mod bħal-liġijiet.”
20. Il-Ministru kabineta 2017. gada 22. Augusta noteikumi Nr. 500 “Muitas noliktavu, pagaidu uzglabāšanas un brīvo zonu noteikumi” (id-Digriet Nru 500 tal-Kunsill tal-Ministri tat‑22 ta’ Awwissu 2017 li Jistabbilixxi r-Regoli dwar l-Imħażen Doganali, il-Ħażna Temporanja u ż-Żoni Liberi) jipprevedi, fil-punt 77 tiegħu, li persuna li fiż-żona libera tagħha hija maħżuna merkanzija mhux tal-Unjoni għandha żżomm reġistru tal-merkanzija maħżuna fiż-żona libera. Skont it-Taqsima 78, ir-reġistri għandhom, b’mod partikolari, jinkludu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 178(1)(b) u (c) u fl-Artikolu 178(2) tar-Regolament Delegat 2015/2446. Skont l-imsemmija Taqsima 79, ir-reġistrazzjoni tal-merkanzija mhux tal-Unjoni għandha tindika n-numru tad-dokument doganali jew in-numru tal-polza tal-vjeġġ tal-merkanzija li permezz tagħhom din iddaħħlet fiż-żona libera jew ġiet maħruġa minnha.
III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari
21. SIA “BALTIC CONTAINER TERMINAL” (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) hija d-detentriċi ta’ awtorizzazzjoni għat-tagħbija u għall-ħatt kif ukoll għall-ħażna ta’ merkanzija fiż-żona libera tal-port ħieles ta’ Riga u hija obbligata li żżomm reġistru tal-merkanzija preżenti f’din iż-żona.
22. Il-Valsts ieņēmumu dienests (l‑Amministrazzjoni Fiskali Latvjana, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) wettqet spezzjoni tal-merkanzija li tinsab fiż-żona libera tar-rikorrenti u kkonstatat li, fl‑2018 u fl‑2019, fi tliet każijiet, il-merkanzija kienet ġiet irtirata mingħajr ma tqiegħdet taħt proċedura doganali ulterjuri. Għaldaqstant, il-proċedura speċifika ta’ “żona libera” ma ngħalqitx. L-amministrazzjoni fiskali kkonkludiet li din il-merkanzija kienet effettivament tneħħiet mis-sorveljanza doganali u li, konsegwentement, kienu (ukoll) dovuti djun doganali mir-rikorrenti, skont l-Artikolu 79(1)(a)u(3)(a) tal-Kodiċi Doganali.
23. Fid-dawl tal-ħruġ tagħha miż-żona libera, il-merkanzija kkonċernata ngħatat abbażi tal-polza tal-vjeġġ CMR li tindika l-istatus doganali tagħha bħala “merkanzija tal-Unjoni” (“C”). Dan kien ġie ċċertifikat minn uffiċjal tal-awtoritajiet doganali permezz tat-timbru tad-dwana u tal-firma tiegħu u kien jikkorrispondi għall-prassi kurrenti, għalkemm mhux espressament prevista mil-liġi. Sussegwentement, l-amministrazzjoni fiskali vverifikat l-istatus doganali tal-merkanzija qabel il-ħruġ tagħha mill-port u inkludietha fid-dokumenti ta’ trasport. Madankollu, wara li l-merkanzija tneħħiet miż-żona libera, l-uffiċjali doganali kkonstataw li ma kellhom l-ebda dokument li jiġġustifika l-bidla fl-istatus doganali tal-merkanzija inkwistjoni minn “merkanzija mhux tal-Unjoni” (“N”) għal “merkanzija tal-Unjoni” (“C”).
24. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2019, l-amministrazzjoni fiskali ordnat lir-rikorrenti tħallas lit-Teżor Pubbliku dazji fuq l-importazzjoni kif ukoll it-taxxa fuq il-valur miżjud u l-penalitajiet moratorji korrispondenti. Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni fil-qorti.
25. L-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) ċaħdet ir-rikors. Hija qieset li s-sempliċi tqegħid tat-timbru u tal-firma fuq il-polza tal-vjeġġ CMR ma kienx jippermetti li jiġi ċċertifikat l-istatus doganali bħala merkanzija tal-Unjoni tal-merkanzija importata bħala merkanzija mhux tal-Unjoni. Il-polza tal-vjeġġ CMR ma tippermettix, waħedha, li jkun magħruf taħt liema proċedura doganali sussegwenti tqiegħdet il-merkanzija. Applikazzjoni bin-numru ta’ referenza tal-moviment hija meħtieġa biex jinbidel l-istatus tal-merkanzija (Master Reference Number; iktar ’il quddiem, u sa issa “MRN”) jew inkella polza tal-vjeġġ CMR bit-timbru doganali u bl-MRN. Issa, dan kollu huwa nieqes.
26. Ir-rikorrenti ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja).
27. Ir-rikorrenti tqis li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 79(1)(a) u (3)(a) tal-Kodiċi Doganali ma humiex issodisfatti u li, konsegwentement, l-ebda dejn doganali ma ġie sostnut. Hija żammet ir-reġistri meħtieġa skont l-awtorizzazzjoni maħruġa mill-amministrazzjoni fiskali u tat il-merkanzija lit-trasportatur abbażi tal-polzi tal-vjeġġ CMR ippreżentati. Konformement mal-prassi kurrenti tal-amministrazzjoni fiskali, l-istatus tal-merkanzija, bħala merkanzija tal-Unjoni, indikat mill-uffiċjal tad-dwana, mill-firma tal-uffiċjal tal-awtorità doganali u mit-timbru tad-dwana, kien viżibbli. Hija setgħet għalhekk tistenna li dawn kienu ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera. Dan temm ukoll il-proċedura speċjali taż-żona libera.
28. Fl-istess ħin, ir-rikorrenti kkontestat quddiem ir-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu kolēģija (l-Awla Kriminali tal-Qorti Reġjonali ta’ Riga) sanzjoni amministrattiva li kienet ġiet imposta fuqha għall-istess fatti. Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Frar 2021, din il-qorti annullat is-sanzjoni amministrattiva minħabba li r-rikorrenti ma kinitx kisret id-dispożizzjonijiet tal-proċedura doganali u kienet aġixxiet konformement mal-prassi kurrenti tal-awtoritajiet doganali. B’mod partikolari, l-amministrazzjoni fiskali ma kinitx f’pożizzjoni li tindika leġiżlazzjoni li tobbliga lir-rikorrenti, lil hinn mill-konferma tal-awtoritajiet doganali, tivverifika informazzjoni oħra dwar il-validità tal-bidla fl-istatus tal-merkanzija.
29. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali, il-prassi tal-amministrazzjoni fiskali kienet li uffiċjali tad-dwana jivverifikaw l-istatus doganali qabel ma l-merkanzija titlaq miż-żona libera u li jitwaħħlu l-indikazzjonijiet korrispondenti fuq id-diversi dokumenti ta’ esportazzjoni (ġeneralment il-polza tal-vjeġġ CMR) (l-istatus doganali tal-merkanzija, timbru tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera u firma tal-uffiċjal tad-dwana). Il-proċedura attwalment applikata tipprovdi wkoll li l-bidla fl-istatus doganali tal-merkanzija hija kkonfermata mill-uffiċjal tad-dwana stess u li r-rikorrenti, billi tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni ta’ dan tal-aħħar, tiffinalizza l-proċedura partikolari tal-ħażna “f’żona libera”.
30. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-ħames domandi li ġejjin:
“1) L-Artikolu 178(1)(b) u (c) tar-[Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2015/2446] moqri flimkien mal-Artikolu 214(1) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni] jippermetti l-iffinalizzar tas-sistema speċjali ta’ ‘ħażna f’żona libera’ mingħajr in-numru ta’ referenza tal-moviment (MRN) li jidentifika d-dikjarazzjoni doganali li tat lok għall-applikazzjoni ta’ sistema doganali ġdida ma jkun imniżżel fis-sistema ta’ kontabbiltà elettronika?
2) L-Artikoli 214(1) u 215(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Artikolu 178(1)(b) u (c) tar-Regolament Delegat 2015/2446 jippermettu lid-detentur tas-sistema speċjali ta’ ‘ħażna f’żona libera’ li jiffinalizza din is-sistema abbażi biss ta’ riferiment għall-istatus doganali tal-merkanzija mwaħħal minn aġent doganali fuq id-dokument tat-trasport (polza tal-vjaġġ CMR) mingħajr ma jivverifika personalment il-fondatezza tal-applikazzjoni tal-istatus doganali tal-merkanzija?
3) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, x’inhi l-portata tal-verifika skont l-Artikoli 214(1) u 215(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u tal-Artikolu 178(1)(b) u (c) tar-Regolament Delegat 2015/2446 li tkun suffiċjenti sabiex jitqies li s-sistema speċjali ta’ “ħażna f’żona libera” ġiet ivverifikata b’mod korrett?
4) Id-detentur tas-sistema speċjali ta’ “ħażna f’żona libera” jista’ jkollu aspettattivi leġittimi fil-konferma li toħroġ mill-awtoritajiet doganali skont liema l-istatus doganali tal-merkanzija għadda minn ‘merkanzija mhux tal-Unjoni’ għal ‘merkanzija tal-Unjoni’, filwaqt li din il-konferma ma tindikax il-fondatezza tal-bidla tal-istatus tal-merkanzija, u lanqas ma tinkludi d-data ta’ natura li tiġi stabbilita l-fondatezza tal-imsemmija bidla?
5) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda, il-fatt li, f’kawża oħra quddiem qorti nazzjonali, ġie kkonstatat f’sentenza li saret finali li d-detentur tas-sistema doganali ma kisirx is-sistema doganali ‘ħażna f’żona libera’, jista’, konformement mal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata rrikonoxxut fid-dritt nazzjonali u fid-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxi motiv ta’ eżenzjoni minn dejn doganali mnissel skont l-Artikolu 79(1)(a) u l-Artikolu 79(3)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni?”
31. Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti, il-Latvja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għaż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali.
IV. Analiżi ġuridika
32. Il-ħames domandi preliminari jikkonċernaw essenzjalment żewġ sitwazzjonijiet. L-ewwel tliet domandi jirrigwardaw l-obbligi doganali ta’ reġistrazzjoni u ta’ verifika tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-proċedura speċjali tal-ħażna f’żona libera (iktar ’il quddiem: id-“detentur ta’ żona libera”) li ħareġ ħażna mhux tal-Unjoni maħżuna fiha (ara taħt A). Min-naħa l-oħra, il-ħames domanda tirrigwarda l-estensjoni, fid-dritt nazzjonali, tal-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza li – possibbilment kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni – ċaħdet l-eżistenza ta’ ksur ta’ obbligu ta’ diliġenza tad-detentur ta’ żona libera (ara taħt B.2.). Qabel kollox, ir-raba’ domanda tirrigwarda l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ta’ detentur ta’ żona libera li ispira ruħu mill-prassi preċedenti tal-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru, anki jekk din il-prattika kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara taħt B.1.).
A. Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Kodiċi Doganali tal‑Unjoni
33. Ir-rikorrenti, bħala d-detentriċi ta’ żona libera, hija responsabbli għall-ħlas ta’ dazji fuq l-importazzjoni (iktar ’il quddiem: id-“dejn doganali”). Id-dejn doganali ta’ detentur ta’ żona libera huwa bbażat fuq l-Artikolu 79(1)(a) tal-Kodiċi Doganali. Dan jirriżulta minn ksur ta’ wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għarfien dwar jekk id-dejn doganali tad-dikjarant li jirriżulta mir-rilaxx liberu tal-merkanzija setax sadanittant jiġi eżegwit.
34. Ċertament, id-detentur ta’ żona libera huwa suġġett għal obbligi partikolari (6) li l-ksur tagħhom jista’ jagħti lok għal dejn doganali. Issa, dan huwa biss dejn doganali addizzjonali u in solidum (ara l-Artikolu 84 tal-Kodiċi Doganali) minħabba ksur tal-obbligu tiegħu stess li jiżgura l-irkupru korrett tad-dejn doganali. Id-dejn doganali (oriġinarju) tad-dikjarant (Artikolu 77(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni) għadu jeżisti.
1. Fuq l‑obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ “Master Reference Number”
35. Ir-rikorrenti ma rreġistratx l-MRN u ma introduċietx l-MRN fis-sistema elettronika. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-reġistrazzjoni u l-ikkodifikar tal-MRN kinux imposti fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li n-nuqqas tar-rikorrenti li twettaq l-obbligi tagħha jikkostitwixxi l-ksur tal-obbligu neċessarju għad-determinazzjoni ta’ dejn doganali.
36. L-element determinanti f’dan ir-rigward huwa jekk id-detentur ta’ żona libera għandux dejjem jirreġistra MRN sabiex jevita d-dejn doganali skont l-Artikolu 79(1)(a) u (3) tal-Kodiċi Doganali, f’ismu stess, flimkien mad-dejn doganali tad-dikjarant. L-Artikolu 214(1) tal-Kodiċi Doganali jirregola r-reġistrazzjoni li għandha ssir fil-kuntest tal-proċeduri doganali partikolari. Fost il-proċeduri doganali speċjali hemm, skont l-Artikolu 210(b) tal-Kodiċi Doganali, ukoll il-ħażna f’żona libera.
37. Skont l-Artikolu 214(1) tal-Kodiċi Doganali, id-“detentur tal-proċedura” (f’dan il-każ, il-proċedura tal-ħażna f’żona libera) għandu jżomm ir-reġistrazzjonijiet xierqa, kif approvati mill-awtoritajiet doganali. Ir-reġistri għandhom jinkludu l-informazzjoni u l-elementi li jippermettu lill-awtoritajiet doganali jeżerċitaw sorveljanza fuq il-proċedura kkonċernata; dan jinkludi b’mod partikolari l-identifikazzjoni tal-merkanzija mqiegħda taħt din il-proċedura, l-istatus doganali tagħha u l-movimenti tagħha.
38. L-operat ta’ faċilitajiet ta’ ħażna fid-dawl tal-ħażna doganali ta’ merkanzija f’żona libera, skont l-Artikolu 211(1)(b) tal-Kodiċi Doganali, jeħtieġ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet. Bħala regola ġenerali, din l-awtorizzazzjoni hija akkumpanjata minn obbligi konkreti ta’ reġistrazzjoni għall-finalizzazzjoni ta’ din il-proċedura speċjali permezz tat-tqegħid taħt proċedura doganali oħra (ħafna drabi r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera – Artikolu 77(1)(a) tal-Kodiċi Doganali) tad-dokumentazzjoni u tas-sorveljanza. Madankollu, il-kontenut eżatt tal-permess lir-rikorrenti f’dan il-każ ma jirriżultax mit-talba għal deċiżjoni preliminari.
39. Lil hinn mill-obbligi ta’ kontabbiltà li jistgħu jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni, l-Artikolu 7(c) tal-Kodiċi Doganali jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti ddelegati fir-rigward tat-tip ta’ informazzjoni u tal-elementi li għandhom jiġu inklużi fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 214(1) tal-Kodiċi Doganali. Huwa għalhekk li l-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament Delegat jipprovdi li r-reġistri msemmija fl-Artikolu 214 tal-Kodiċi Doganali għandhom jinkludu “l-MRN jew, fejn dan ma jeżistix, kwalunkwe numru jew kodiċi ieħor li jidentifika d-dikjarazzjonijiet doganali li permezz tiegħu l-merkanzija titqiegħed taħt il-proċedura speċjali u, meta l-proċedura tkun ġiet rilaxxata skont l-Artikolu 215(1) tal-Kodiċi, informazzjoni dwar il-mod kif il-proċedura tkun ġiet rilaxxata”.
40. Minn dan diġà jirriżulta li l-MRN fl-ebda każ ma għandu jiġi rreġistrat b’mod obbligatorju.
41. Minn naħa, fl-ewwel ipoteżi tiegħu, l-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament Delegat jikkonċerna biss l-MRN li jippermetti li jiġu identifikati d-dikjarazzjonijiet doganali “li permezz tiegħu l-merkanzija titqiegħed taħt il-proċedura speċjali”. It-tqegħid taħt il-proċedura speċjali tal-ħażna f’żona libera ma huwiex suġġett għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali (ara l-Artikolu 158(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni). Għaldaqstant, dan jista’ jirrigwarda biss it-tqegħid taħt sistema partikolari oħra. Issa, f’dan il-każ, il-merkanzija ma tqegħditx taħt proċedura partikolari oħra (li toriġina mit-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni), iżda taħt il-proċedura “normali” prevista fit-Titolu VI tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (rilaxx għal ċirkulazzjoni libera). F’dan il-każ, l-ewwel ipoteżi tal-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament Delegat ma teħtieġx ir-reġistrazzjoni tal-MRN.
42. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament Delegat stess jitlaq mill-prinċipju li l-MRN ma jingħatax lil kull dikjarazzjoni doganali. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 226 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet doganali (mhux id-detentur ta’ żona libera) għandhom, fil-prinċipju, joħorġu tali MRN għad-dikjarazzjoni doganali tiegħu. Madankollu, dan ma għandux japplika għal kull dikjarazzjoni doganali u għad-dati rispettivi li fihom jiddaħħlu fis-servizz is-sistemi tal-AES u tal-NCTS u fejn is-sistemi nazzjonali ta’ importazzjoni jiġu adattati skont l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/255/UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx informata dwar il-kwistjoni ta’ jekk dan kienx il-każ f’din il-kawża.
43. Peress li l-amministrazzjoni fiskali tikkomunika l-MRN lid-dikjarant doganali (u mhux lid-detentur ta’ żona libera), l-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament Delegat jeżiġi espressament li d-detentur ta’ żona libera jirreġistra dan in-numru biss jekk ikun jeżisti. Inkella, huwa jissodisfa l-obbligi ta’ reġistrazzjoni tiegħu jekk jirreġistra numru ieħor jew kodiċi li jippermettu li tiġi identifikata l-merkanzija. Għalhekk, kif issostni wkoll ġustament il-Kummissjoni, ir-reġistrazzjoni obbligatorja tal-MRN ma tirriżultax mill-Kodiċi Doganali u mir-Regolament Delegat. Ikun hemm biss id-dritt meta l-merkanzija ma tkunx tqiegħdet taħt proċedura speċjali.
44. Ma’ dan tiżdied ukoll ir-regola stabbilita fl-Artikolu 178(3) tar-Regolament Delegat. Sussegwentement, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għal ċerta informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix neċessarjament ir-reġistrazzjoni tal-MRN. Dak li huwa importanti huwa jekk id-dritt nazzjonali (li jorbot lill-awtoritajiet doganali) jew l-awtorità doganali nazzjonali nnifisha rrinunzjawx għal tali reġistrazzjoni. Jekk iva, in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ma jistax jagħti lok għal dejn doganali.
45. Tali rinunzja tista’ wkoll, f’dan il-każ, titqies, pereżempju, fil-prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet doganali Latvjani, kif ġiet ikkomunikata mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali, il-prassi tal-amministrazzjoni fiskali kienet li tivverifika l-istatus doganali qabel ma l-merkanzija titlaq miż-żona libera u li twaħħal l-indikazzjonijiet korrispondenti fuq id-diversi dokumenti ta’ esportazzjoni (ġeneralment il-polza tal-vjeġġ CMR) (l-istatus doganali tal-merkanzija, it-timbru tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera u l-firma tal-uffiċjal tad-dwana). Dan jidher li jissodisfa l-obbligi ta’ reġistrazzjoni preċedenti.
46. Id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix kundizzjonijiet speċifiċi għal tali rinunzja. Rinunzja impliċita għar-rekwiżit ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament Delegat hija għalhekk ukoll possibbli. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li d-dritt doganali – bħala proċedura tal-massa – jirrikonoxxi d-dikjarazzjonijiet impliċiti. Għalhekk, skont l-Artikolu 158(2) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikoli 135 et seq. u mal-Artikolu 141 tar-Regolament Delegat, teżisti wkoll il-possibbiltà li jsiru dikjarazzjonijiet doganali orali jew impliċiti. Il-kwistjoni dwar jekk il-prassi amministrattiva stabbilita, kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, hijiex rinunzja espressa jew impliċita tal-amministrazzjoni fiskali hija kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-fatti li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din il-qorti.
47. Ir-risposta għall-ewwel domanda hija għalhekk li l-Artikolu 214 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 178 tar-Regolament Delegat, ma jeżiġix b’mod obbligatorju u fil-każijiet kollha mingħand id-detentur ta’ żona libera li huwa jipproċedi għar-reġistrazzjoni ta’ MRN sabiex jissodisfa l-obbligi ta’ reġistrazzjoni tiegħu li huma previsti fih. Għall-kuntrarju, huwa jippermetti lill-awtoritajiet doganali jawtorizzaw espressament jew impliċitament forom differenti ta’ reġistrazzjoni.
2. Finalizzazzjoni tal‑proċedura taż‑żona libera
48. Fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 214 tal-Kodiċi Doganali jippermettix il-finalizzazzjoni tas-sistema speċifika taż-żona libera mingħajr ma tiġi rreġistrata l-MRN. Din tikkonċerna t-tieni alternattiva tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 178(1)(b) tar-Regolament Delegat. Skont din id-dispożizzjoni, l-informazzjoni dwar kif il-proċedura ġiet finalizzata għandha tiġi rreġistrata wkoll.
49. Il-finalizzazzjoni ta’ proċedura doganali partikolari (f’dan il-każ, dik taż-żona libera) skont l-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali għandha tiġi distinta mill-osservanza tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 214 tal-Kodiċi Doganali, kif ġie ttrattat iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-finalizzazzjoni sseħħ biss meta l-merkanzija tkun tqiegħdet taħt proċedura doganali ulterjuri. F’dan il-każ, il-merkanzija ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera (Titolu VI tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni) u l-istatus tagħha huwa mibdul bħala merkanzija mhux tal-Unjoni għal dik tal-Unjoni.
50. L-amministrazzjoni tat-taxxa sempliċement ma tafx għaliex ġara dan. L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Latvja lanqas ma jindikaw għaliex uffiċjal tad-dwana kien ittikkettja u ffirma l-polza tal-vjeġġ CMR “C” (għall-merkanzija tal-Unjoni) jekk din il-merkanzija kellha tibqa’ merkanzija mhux tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, dawn tħallew wara l-verifika ta’ persuna. Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni dwar jekk dan il-ħelsien ingħatax (b’mod partikolari jekk teżistix dikjarazzjoni doganali korrispondenti) u jekk id-dejn doganali sostnut tħallasx mid-dikjarant fid-dwana hija irrilevanti għall-finalizzazzjoni tal-“proċedura taż-żona libera”.
51. Madankollu, il-mod li bih id-detentur ta’ żona libera għandu jżomm ir-reġistri korrispondenti ma huwiex impost b’mod eżawrjenti mid-dritt tal-Unjoni (ara l-punti 35 et seq. iktar ’il fuq). Fl-aħħar nett, il-kwistjoni dwar jekk il-finalizzazzjoni tal-proċedura partikolari taż-żona libera seħħitx permezz tal-polza tal-vjeġġ CMR li għandha timbru u firma tal-amministrazzjoni fiskali tiddependi fuq is-sitwazzjoni legali nazzjonali (kontenut tal-awtorizzazzjoni, jew tar-rinunzja mill-amministrazzjoni fiskali għal ċerti obbligi ta’ reġistrazzjoni). Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha s-setgħa tagħmel din l-evalwazzjoni.
52. Jekk minn prattika stabbilita jirriżulta li l-merkanzija ngħatat lid-dikjarant u li l-istatus tal-merkanzija tal-Unjoni ġie kkonfermat fuq il-polza tal-vjeġġ CMR permezz tat-timbru u tal-firma ta’ uffiċjal tal-finanzi, u li dan iseħħ biss fil-każ ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, id-dokumentazzjoni relatata ma’ din il-polza tal-vjeġġ tidher suffiċjenti sabiex tistabbilixxi wkoll l-approvazzjoni tas-sistema speċjali taż-żona libera permezz tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera. Din tista’ tkun rinunzja espressa jew impliċita għal rekwiżiti oħra ta’ prova, permessa mid-dritt tal-Unjoni.
3. L‑obbligu ta’ verifika u l‑portata tal‑verifika tal‑validità tal‑istatus doganali tal‑merkanzija (it‑tieni u t‑tielet domanda)?
53. Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 214(1) u l-Artikolu 215(1) tal-Kodiċi Doganali jippermettux lid-detentur ta’ żona libera li jiffinalizza l-proċedura taż-żona libera mingħajr ma jkun ivverifika huwa stess il-validità tal-istatus doganali tal-merkanzija u lanqas il-portata ta’ tali obbligu ta’ verifika.
54. L-isfond ta’ din id-domanda huwa l-fatt li l-merkanzija tista’ titqiegħed f’żona libera mingħajr dikjarazzjoni doganali sabiex imbagħad titqiegħed, bħala regola ġenerali, taħt proċedura doganali oħra permezz ta’ dikjarazzjoni doganali magħmula mid-dikjarant doganali. F’dan ir-rigward, oġġetti ta’ tipi differenti (merkanzija tal-Unjoni kif ukoll merkanzija mhux tal-Unjoni) jistgħu, pereżempju, jinħażnu f’żona libera (ara, pereżempju, l-Artikolu 177 tar-Regolament Delegat). Fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-merkanzija maħżuna f’żona libera mbagħad titqiegħed taħt proċeduri doganali speċifiċi oħra (Titolu VII tal-Kodiċi Doganali, bħall-proċedura ta’ dħul temporanju jew ipproċessar) jew inkella taħt il-proċedura doganali ġenerali (Titolu VI tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, rilaxx għal ċirkolazzjoni libera). Dan isir permezz ta’ dikjarazzjoni doganali (Artikolu 158(1) tal-Kodiċi) minn parti terza (jiġifieri, normalment mhux mid-detentur taż-żona libera).
55. Dak li huwa rilevanti għall-kwistjoni ta’ obbligu ta’ verifika jew tal-portata tal-verifika ta’ detentur ta’ żona libera li għandha tiġi deċiża hawnhekk huwa li l-verifika ta’ dikjarazzjoni doganali, skont l-Artikolu 188 tal-Kodiċi Doganali, issir biss mill-awtorità doganali. Din tista’, skont l-Artikolu 189 tal-Kodiċi Doganali, twettaq eżami tal-merkanzija, eċċ. Min-naħa l-oħra, l-obbligi ta’ verifika tad-detentur ta’ żona libera ma jinsabux fil-Kodiċi Doganali. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 194 tal-Kodiċi Doganali, ir-rilaxx tal-merkanzija jingħata esklużivament mill-awtoritajiet doganali (u mhux minn individwu privat), meta l-kundizzjonijiet għat-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura kkonċernata jkunu ssodisfatti. Skont l-Artikolu 195(1) tal-Kodiċi Doganali, ir-rilaxx tal-merkanzija jsir biss jekk dejn doganali jkun tħallas jew ikun ġie ggarantit. Fil-Latvja, ir-rilaxx tal-merkanzija mill-awtorità doganali jidher, fil-prattika, permezz tat-timbru u tal-firma tal-polza tal-vjeġġ CMR.
56. Min-naħa l-oħra, il-proċedura speċifika taż-żona libera hija rregolata mill-Artikoli 210 et seq. tal-Kodiċi Doganali. Madankollu, lanqas ma jirriżulta obbligu li tiġi vverifikata l-eżattezza materjali ta’ dikjarazzjoni doganali ta’ terz minn din it-taqsima. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 214 tal-Kodiċi Doganali jinkludi l-obbligi ta’ kontabbiltà diġà msemmija iktar ’il fuq (punti 35 et seq.). L-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali jirregola l-mument meta proċedura partikolari (bħal dik taż-żona libera) titwettaq, peress li l-motiv prinċipali tar-rilaxx jista’ jkun it-tqegħid taħt proċedura doganali sussegwenti.
57. F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-Artikolu 214(1) tal-Kodiċi Doganali tippreċiża li r-reġistri għandhom jinkludu l-informazzjoni u d-dettalji li jippermettu lill-awtoritajiet doganali li jissorveljaw il-proċedura kkonċernata; dan jinkludi b’mod partikolari l-identifikazzjoni tal-merkanzija mqiegħda taħt din il-proċedura, l-istatus doganali tagħha u l-movimenti tagħha. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 214 tal-Kodiċi Doganali lanqas ma jagħmel riferiment għall-validità tal-istatus doganali jew għal verifika ta’ din il-validità.
58. Minn dan jirriżulta wkoll li għandhom jinżammu biss ir-reġistri tal-istatus doganali, u mhux li l-eżattezza materjali ta’ dan l-istatus għandha tiġi vverifikata. F’dan ir-rigward, l-obbligi ta’ prova fis-seħħ fil-Latvja huma għal darba oħra rilevanti, ħaġa li l-Kummissjoni tidher li qed tinjora. Meta l-awtorità tat-taxxa tkun irrinunzjat (b’mod espliċitu jew impliċitu) għal provi oħra minbarra l-polza tal-vjeġġ CMR li jkollha timbru fuq l-istatus tal-merkanzija u firma tal-uffiċjal doganali (ara l-Artikolu 178(3) tar-Regolament Delegat), lanqas ma jeżistu obbligi oħra fil-qasam tal-provi u wisq inqas obbligi oħra ta’ verifika. Il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex il-każ tista’ tiġi deċiża biss mill-qorti tar-rinviju.
59. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kinitx obbligata tivverifika r-raġunijiet li għalihom it-timbru tal-polza tal-vjeġġ CMR kien twaħħal u r-raġunijiet li għalihom il-merkanzija kienet ġiet iddikjarata bħala merkanzija tal-Unjoni mill-awtoritajiet doganali. Jidher dubjuż ukoll jekk hija tistax tipproċedi b’din il-verifika b’mod effikaċi.
60. Fil-fatt, l-istatus doganali tal-merkanzija jirriżulta mid-dikjarazzjoni doganali ta’ persuna oħra, li għandha tiġi eżaminata mill-awtoritajiet doganali. Jekk il-merkanzija sussegwentement tkun ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera wara deċiżjoni tal-awtorità doganali, l-istatus tagħha bħala merkanzija mhux tal-Unjoni nbidel bħala merkanzija tal-Unjoni. Dan jidher li ġie kkonfermat mill-uffiċjal doganali permezz tat-timbru u tal-firma tal-polza tal-vjeġġ CMR (ara r-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju). La jidher neċessarju u lanqas possibbli li l-verifika ssir minn persuna privata oħra, u lanqas li ssir għal darba oħra. Fil-proċedura attwali wkoll, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti, hija biss l-amministrazzjoni fiskali li tbiddel l-istatus fis-sistema elettronika tar-rikorrenti, mingħajr ma din tkun tista’ tivverifika l-eżattezza tagħha.
61. Il-legalità, u a fortiori d-dritt, tal-validità ta’ deċiżjoni amministrattiva hija normalment ivverifikata minn awtorità oħra (ogħla) jew minn qorti, u mhux minn individwu privat. Jekk ma jeżistux indizji ta’ falsifikazzjoni tal-provi prodotti, f’dan il-każ dwar l-istatus tal-merkanzija, mill-Kodiċi Doganali ma jirriżultax obbligu ta’ verifika ta’ detentur ta’ żona libera li jmur lil hinn mill-obbligi ta’ reġistrazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istatus doganali tal-merkanzija huwiex realment “validu”.
62. Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-finalizzazzjoni tal-proċedura doganali speċjali ta’ “ħażna f’żona libera” ma teħtieġx li d-detentur taż-żona libera jivverifika b’mod awtonomu l-validità tal-istatus tal-merkanzija ċċertifikata mill-amministrazzjoni fiskali. Dan jista’ jkun mod ieħor meta jkun hemm indizji ta’ falsifikazzjoni taċ-ċertifikat. Il-mod li bih dan iċ-ċertifikat għandu jiġi ppreżentat u l-mod kif għandu jiġi pprovat l-istatus tal-merkanzija eliġibbli jirriżulta b’mod definittiv mis-sitwazzjoni legali nazzjonali, peress li l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għal ċerta informazzjoni skont l-Artikolu 178(3) tar-Regolament Delegat.
B. Sussidjarjament: Fuq il‑protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi u l‑estensjoni tal‑awtorità ta’ res judicata (ir‑raba’ u l‑ħames domanda)
63. Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-rikorrenti tibbenefikax tal-inqas minn ċerta protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (li kieku l-merkanzija ma kinitx merkanzija tal-Unjoni u li hija kellha tivverifikaha qabel toħroġ il-merkanzija miż-żona libera). Din il-konklużjoni hija kkorroborata, minn naħa, mill-fatt li l-amministrazzjoni fiskali kkonfermat, permezz tat-timbru u tal-firma fuq il-polza tal-vjeġġ CMR, l-istatus tal-merkanzija tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, qorti oħra diġà rrifjutat b’sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata l-ksur tal-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali. Issa, tali ksur huwa kundizzjoni ta’ dejn doganali (addizzjonali) tad-detentur ta’ żona libera. Għaldaqstant, l-awtorità ta’ res judicata ta’ din id-deċiżjoni tista’ wkoll tostakola l-iffissar ta’ dejn doganali.
64. Madankollu, iż-żewġ domandi jqumu biss jekk kien hemm ksur tar-rekwiżiti fil-qasam tal-provi previsti fl-Artikolu 214 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 178 tar-Regolament Delegat. Dan jiddependi mill-ġdid, skont l-Artikolu 178(3) tar-Regolament Delegat, mid-deċiżjoni meħuda dak iż-żmien mill-awtorità doganali Latvjana dwar il-portata tal-obbligi fil-qasam tal-prova. Kif ġie espost iktar ’il fuq (punti44 et seq.), l-awtoritajiet doganali rrinunzjaw kontinwament għal provi addizzjonali, b’tali mod li dejn doganali addizzjonali tar-rikorrenti huwa pjuttost improbabbli.
65. Huwa biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni kuntrarja jew jekk il-qorti tar-rinviju xorta waħda tikkunsidra li r-rikorrenti naqset milli twettaq l-obbligi doganali tagħha li jqumu d-domandi iktar ’il fuq. Għaldaqstant, dawn ser jiġu eżaminati biss sussidjarjament.
1. Protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi fi prassi amministrattiva li tmur kontra d‑dritt tal‑Unjoni
66. Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jorbot lil kull awtorità nazzjonali inkarigata mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (7). Minn dan isegwi li, fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali u tar-Regolament Delegat, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom josservaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
67. Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ test tad-dritt tal-Unjoni (8). Tali dispożizzjoni preċiża, li minnha jirriżulta neċessarjament li r-rikorrenti kellha tirreġistra l-MRN u li t-timbri u l-firma tal-amministrazzjoni fiskali ma humiex biżżejjed, ma tidhirx hawnhekk. Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni preċiża ma tindika li d-detentur ta’ żona libera għandu jeżamina r-raġuni għall-bidla fl-istatus ta’ merkanzija (ara l-punti 35 et seq iktar ’il fuq). Barra minn hekk, qorti nazzjonali diġà ċaħdet dawn l-obbligi u oħra ma hijiex ċerta, b’tali mod li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar għajnuna fl-interpretazzjoni. B’hekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni differenti, fl-ebda każ wieħed ma jista’ jitkellem dwar “dispożizzjoni ċara” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.
68. Il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi taħt id-dritt tal-Unjoni hija għalhekk possibbli f’dan il-każ. Minbarra dan, l-atti tal-awtoritajiet amministrattivi joħolqu, fl-ispirtu ta’ operatur ekonomiku prudenti u avżat, aspettattiva raġonevoli u leġittima (9).
69. Dan jidher ukoll li huwa l-każ f’din il-kawża. Ir-rikorrenti manifestament ibbażat ruħha fuq il-fatt li hija ssodisfat l-obbligi ta’ reġistrazzjoni tagħha meta rreġistrat il-polza tal-vjeġġ CMR li fuqha l-awtorità doganali, wara verifika, ikkonfermat b’timbru u b’firma l-istatus tal-merkanzija u li minn dan irriżulta t-tqegħid taħt proċedura doganali ulterjuri (f’dan il-każ, ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera). Fil-fehma tagħha, il-proċedura ta’ “ħażna f’żona libera” tlestiet b’mod regolari. Din il-fiduċja għandha l-oriġini tagħha – kif tindika l-qorti tar-rinviju – fil-prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet fiskali Latvjani, probabbilment dovuta għall-bżonnijiet ta’ proċedura tal-massa. Prassi amministrattiva stabbilita li, kif ġie espost iktar ’il fuq, ma tmurx manifestament kontra d-dritt tal-Unjoni, tista’ tkun il-bażi tal-aspettattivi raġonevoli u leġittimi li ma jkunx hemm deroga retroattivament minn din il-prassi.
70. Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li prassi amministrattiva kostanti li, wara verifika mwettqa mill-awtorità doganali, tikkonferma l-istatus tal-merkanzija bit-timbru u bil-firma fuq il-polza tal-vjeġġ CMR u li, fil-passat, kienet dejjem tippermetti il-finalizzazzjoni effettiva tal-proċedura taż-żona libera, tista’ tagħti lok għal protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. L-istess japplika jekk id-dokument ma jippreċiżax ir-raġuni għall-bidla fl-istatus. Fi kwalunkwe każ, dan ma huwiex manifestament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, peress li dan tal-aħħar jippermetti li l-awtoritajiet doganali nazzjonali jissottomettu rekwiżiti ta’ prova diverġenti (ara l-punti 44 et seq iktar ’il fuq).
2. Estensjoni tal‑awtorità ta’ res judicata ta’ deċiżjoni li tmur kontra d‑dritt tal‑Unjoni
71. Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tingħata risposta wkoll sussidjarjament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jistax jipprekludi, f’dan il-każ, l-iffissar ta’ dejn doganali abbażi tal-Artikolu 79(1)(a) u (3)(a) tal-Kodiċi Doganali.
72. Il-kuntest huwa li, fi proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva tar-rikorrenti, ġie konkluż b’sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata li ma kienx hemm ksur ta’ obbligi doganali. Jidher li l-amministrazzjoni fiskali pparteċipat ukoll f’din il-proċedura. Skont id-dritt nazzjonali applikabbli, il-fatti kkonstatati fil-motivi ta’ sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata ma għandhomx jiġu pprovati mill-ġdid fil-kuntest tal-eżami ta’ kawża amministrattiva li tinvolvi l-istess partijiet (Artikolu 153(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva). Barra minn hekk, sentenza hija vinkolanti fuq il-qorti meta teżamina kawżi oħra konnessi ma’ din il-kawża (Artikolu 16(3) u (4) tal-Att dwar is-Sistema Ġudizzjarja). Peress li l-qorti tar-rinviju kkonkludiet b’sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata li ma kienx hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi previsti mill-Kodiċi Doganali, il-qorti tar-rinviju hija prekluża milli tikkonstata dejn doganali li jippreżumi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-Kodiċi Doganali.
73. L-importanza li l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata għandu jidher kemm fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu żgurati kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għal dawn l-appelli ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (10).
74. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk, li kieku jsir hekk, dan jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt (11).
75. Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu organizzati b’tali mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (12). Madankollu, dan tal-aħħar huwa rilevanti biss b’mod kundizzjonali f’dan il-każ. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-estensjoni tal-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza (possibbilment kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni) għad-detriment tal-Istat Membru ma tirrendix iktar diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ individwu.
76. Issa, il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata fid-dritt nazzjonali fil-każ fejn deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata bi ksur tad-dritt tal-Unjoni tkun vinkolanti wkoll għal perijodi oħra li lanqas biss kienu s-suġġett ta’ sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata, għaliex dan lanqas ma jippermetti li tiġi kkoreġuta s-sitwazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fil-futur (13).
77. Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tissuġġerixxi l-Kummissjoni. L-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza għalhekk ma hijiex estiża għal perijodi ġodda futuri, u b’hekk tipprekludi li fil-futur tiġi kkorreġuta s-sitwazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, hija biss l-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza dwar l-evalwazzjoni ġuridika ta’ att partikolari (ksur tal-obbligi ta’ diliġenza bħala detentur ta’ żona libera) li hija ttrasferita mid-dritt tas-sanzjonijiet għad-dritt doganali għall-istess perijodu. Għalhekk, din hija evalwazzjoni ġuridika ta’ att identiku (perijodu identiku) li jiddetermina kemm l-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva kif ukoll id-determinazzjoni ta’ dejn doganali.
78. L-obbligu impost fuq l-Istati Membri mid-dritt tal-Unjoni li jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi dissważivi lanqas ma jwassal għal ksur tal-awtorità ta’ res judicata (14). Sentenza kriminali ta’ skaġunar, li, skont id-dritt nazzjonali, kellha l-awtorità ta’ res judicata fir-rigward ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tirrigwarda l-istess fatti bħal dawk sostnuti fis-sentenza kriminali, hija wkoll irrilevanti fid-dritt tal-Unjoni (15) daqs sentenza ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ liberazzjoni. F’dan il-każ, l-obbligu li jiġi ffissat id-dejn doganali lanqas ma jista’ jeżiġi l-annullament tal-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza fir-rigward tal-att innifsu u sa fejn id-dritt intern jipprevedi tali estensjoni tal-awtorità ta’ res judicata.
79. Peress li, fiż-żewġ każijiet, qorti ta’ Stat Membru tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja dwar l-eżistenza ta’ ksur ta’ obbligi doganali u huwa probabbli li l-istess partijiet (ir-rikorrenti u l-amministrazzjoni fiskali) jintervjenu fiż-żewġ proċeduri, pożizzjoni kuntrarja tista’ twassal għal problemi marbuta mal-prinċipju ta’ ne bis in idem (16).
80. Min-naħa l-oħra, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Avio Lucos (17) kienet tikkonċerna każ ieħor. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ effettività fil-fatt li deċiżjoni ġudizzjarja ġiet estiża, b’mod amministrattiv, għar-rimedji ċivili u għad-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw l-istess relazzjoni ġuridika, għad-detriment tar-rikorrent.
81. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża CRPNPAC u Vueling Airlines, li ċaħdet l-awtorità ta’ res judicata tad-dritt ċivili ta’ sentenza kriminali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni għad-detriment ta’ persuna privata, kienet tikkonċerna wkoll każ differenti (18). Fil-fatt, dan il-każ ma jirrigwardax rabta bejn persuna privata u sentenza li hija sfavorevoli għaliha bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.
82. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-prinċipju nazzjonali tal-awtorità ta’ res judicata jipprevjeni l-iffissar ta’ dejn doganali minħabba ksur ta’ obbligu msemmi fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali, meta qorti nazzjonali tkun diġà, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni, ikkonkludiet f’sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata li ma kienx hemm ksur ta’ obbligi doganali matul l-istess perijodu.
V. Konklużjoni
83. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) kif ġej:
1) L-Artikolu 214 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 178 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/1446, ma jeżiġix li d-detentur ta’ żona libera jirreġistra fil-każijiet kollha “Master Reference Number” sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu ta’ reġistrazzjoni u jiffinalizza l-proċedura speċjali taż-żona libera.
2) Il-kwistjoni dwar jekk il-finalizzazzjoni tal-proċedura taż-żona libera tistax issir permezz tar-reġistrazzjoni tal-polza tal-vjeġġ CMR li għandha t-timbru u l-firma tal-awtorità tat-taxxa tiddependi mill-kontenut tal-awtorizzazzjoni jew tar-rinunzja mill-amministrazzjoni fiskali għal ċerti obbligi ta’ reġistrazzjoni. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha s-setgħa tagħmel din l-evalwazzjoni.
3) Il-finalizzazzjoni tal-proċedura partikolari taż-żona libera ma teħtieġx li d-detentur taż-żona libera jivverifika b’mod awtonomu l-validità tal-istatus tal-merkanzija ċċertifikata mill-amministrazzjoni fiskali, fl-assenza ta’ indizji ta’ falsifikazzjoni taċ-ċertifikat inkwistjoni. Il-mod li bih dan iċ-ċertifikat għandu jidher u l-mod kif l-istatus tal-merkanzija eliġibbli għandu jiġi pprovat jirriżulta mis-sitwazzjoni legali nazzjonali, peress li l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għal ċerta informazzjoni skont l-Artikolu 178(3) tar-Regolament Delegat 2015/2446.
4) Prassi amministrattiva kostanti li, wara verifika mwettqa mill-awtoritajiet fiskali fuq il-polza tal-vjeġġ CMR, tikkonferma l-istatus tal-merkanzija bit-timbru u bil-firma u li, fil-passat, kienet dejjem tippermetti l-finalizzazzjoni effettiva tal-proċedura ta’ ħażna f’żona libera, tista’ toħloq aspettattivi leġittimi, anki jekk id-dokument ma jippreċiżax ir-raġuni għall-bidla fl-istatus tal-merkanzija. Fi kwalunkwe każ, dan ma huwiex manifestament kuntrarju għal dispożizzjonijiet ċari tal-Kodiċi Doganali, peress li dan tal-aħħar jippermetti rekwiżiti ta’ prova diverġenti.
5) Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-prinċipju nazzjonali tal-awtorità ta’ res judicata jipprekludi l-iffissar ta’ dejn doganali minħabba ksur ta’ obbligu skont l-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 952/2013, meta qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni, tkun diġà kkonkludiet f’sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata li ma kienx hemm ksur ta’ obbligi doganali mill-istess att matul l-istess perijodu.
1 Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.
2 Din l-abbrevjazzjoni tfisser “Convention relative au contrat de transport international de marchandises par route”.
3 Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni), fil-verżjoni tiegħu tal‑14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 354, p. 32).
4 Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fil-verżjoni tat-28 ta’ Lulju 2015 (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41 u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60).
5 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fil-verżjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018 (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35 u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195).
6 Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Eurogate Distribution (C‑28/11, EU:C:2012:533, punti 27 et seq., dwar il-proċedura tal-ħażna doganali). Simili għall-proċedura tal-ipproċessar: sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Döhler Neuenkirchen (C‑262/10, EU:C:2012:559, punt 41) – “il-benefiċjarji tagħha huma obbligati josservaw b’mod strett l-obbligi li jirriżultaw minnha”.
7 Ġurisprudenza stabbilita: ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Sense Visuele Communicatie en Handel vof (C‑36/21, EU:C:2022:556, punt 26); ara f’dan is-sens is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets (C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 48); u tas-26 ta’ April 1988, Krücken (C‑316/86, EU:C:1988:201, punt 22).
8 Ġurisprudenza stabbilita: ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2022, Sense Visuele Communicatie en Handel vof (C‑36/21, EU:C:2022:556, punt 28); is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse (C‑516/16, EU:C:2017:1011, punt 69); tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm (C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 52); u tas‑26 ta’ April 1988, Krücken (C‑316/86, EU:C:1988:201, punt 24).
9 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Agroferm (C‑568/11, EU:C:2013:35, punt 59), u s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2006, Elmeka (C‑181/04 sa C‑183/04, EU:C:2006:563, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Sentenzi tad-9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva) (C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 37), tas‑16 ta’ Lulju 2020, UR (Issuġġettar tal-avukati għall-VAT) (C‑424/19, EU:C:2020:581, punt 22); tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia (C‑34/19, EU:C:2020:148, punt 64); tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin (C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 26); u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 22).
11 Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, UR (Issuġġettar tal-avukati għall-VAT) (C‑424/19, EU:C:2020:581, punt 23), u tal-11 ta’ Settembru 2019, Călin (C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, UR (Issuġġettar tal-avukati għall-VAT) (C‑424/19, EU:C:2020:581, punt 25); tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia (C‑34/19, EU:C:2020:148, punt 58); tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 54); u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 24).
13 Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, UR (Issuġġettar tal-avukati għall-VAT) (C‑424/19, EU:C:2020:581, punti 31 u 32).
14 Sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca (C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192, punt 35).
15 Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca (C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192, punt 35).
16 Dan huwa konċepibbli għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dan il-prinċipju huwa rilevanti fir-relazzjonijiet bejn il-proċeduri kriminali u l-proċeduri fiskali; ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197). F’dan ir-rigward, ma jidhirx li huwa eskluż li dan il-prinċipju jista’ jkun rilevanti wkoll fir-relazzjonijiet bejn il-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva u l-proċedura fiskali.
17 Ara t-tagħlim wiesa’ ħafna fis-sentenza tas-7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑116/20, EU:C:2022:273, punti 97 u 105).
18 Sentenza tat-2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines (C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punti 95 et seq).