Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0185

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2024.
    protectus s.r.o., anciennement BONUL, s.r.o. vs Výbor Národnej rady Slovenskej republiky na preskúmavanie rozhodnutí Národného bezpečnostného úradu.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2013/488/UE – Informazzjoni kklassifikata – Approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità (ASF) – Revoka tal-approvazzjoni – Nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni klassifikata li fuqha huwa bbażat l-irtirar – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aċċess għall-proċess – Prinċipju ta’ kontradittorju – Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
    Kawża C-185/23.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:409

    Edizzjoni Provviżorja

    KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    RICHARD DE LA TOUR

    ippreżentati fis‑16 ta’ Mejju 2024 (1)

    Kawża C185/23

    protectus s.r.o., li kienet BONUL s.r.o.,

    vs

    Výbor Národnej rady Slovenskej republiky na preskúmavanie rozhodnutí Národného bezpečnostného úradu

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2013/488/UE – Informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni Ewropea – Approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità (ASF) – Revoka tal-approvazzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Aċċess għall-fajl – Artikolu 51 – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”






    I.      Introduzzjoni

    1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat‑23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2), kif ukoll tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 51(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3).

    2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn protectus s.r.o., li kienet BONUL s.r.o. (iktar ’il quddiem “protectus” jew ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u l-Výbor Národnej rady Slovenskej republiky na preskúmavanie rozhodnutí Národného bezpečnostného úradu (il-Kumitat tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka għall-Eżami mill-Ġdid ta’ Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju ta’ Sigurtà Nazzjonali) (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”) fir-rigward taċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tar-rikors ippreżentat minn protectus kontra d-deċiżjoni tan-Národný bezpečnostný úrad (l-Uffiċċju ta’ Sigurtà Nazzjonali, Slovakkja) (iktar ’il quddiem il-“USN”) li tannulla ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali, u bħala konsegwenza ta’ dan l-annullament, li tirrevoka ċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali tagħha.

    3.        Skont id-dritt Slovakk, iċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali għandha l-għan li tawtorizza persuna taċċedi għal informazzjoni kklassifikata skont id-dritt nazzjonali. Iċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali jippermetti, min-naħa tiegħu, li persuna taċċedi għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“IKUE”).

    4.        Id-deċiżjoni li annullat iċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li minnha kienet tibbenefika protectus ttieħdet għar-raġuni li kien ġie stabbilit riskju għas-sigurtà fir-rigward ta’ din l-impriża abbażi, parzjalment, ta’ informazzjoni kklassifikata. Barra minn hekk, f’din id-deċiżjoni, il-USN ikkunsidrat li l-annullament ta’ din iċ-ċertifikazzjoni kienet twassal neċessarjament għal dak taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali tagħha, sa fejn id-dritt nazzjonali jistabbilixxi rabta bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà.

    5.        Il-qasam tal-IKUE għadu mhux is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni ta’ portata orizzontali fid-dritt tal-Unjoni, iżda ta’ deċiżjonijiet proprji għal kull istituzzjoni tal-Unjoni (4). Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-IKUE ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni ħlief b’mod parzjali u limitat. F’dan il-qasam, id-dritt tal-Unjoni jibbaża ruħu fuq is-sistemi nazzjonali diġà eżistenti ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata abbażi ta’ livell ta’ protezzjoni ekwivalenti.

    6.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà waslet sabiex tiddeċiedi diversi drabi dwar il-bilanċ li għandu jsir bejn id-dritt għal rimedju effettiv u l-interessi invokati għall-ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ żvelar ta’ ċerta informazzjoni, b’mod partikolari meta dawn l-interessi jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali. Madankollu, din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar dan il-bilanċ fir-rigward ta’ IKUE.

    7.        B’risposta għad-domandi magħmula min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka) sabiex jiġu stabbiliti l-isfumaturi ta’ tali bilanċ, jiena ser niddefendi l-pożizzjoni li ġejja.

    8.        L-ewwel nett, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li, meta qorti nazzjonali hija mitluba tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni li tirrevoka lil persuna approvazzjoni ta’ sigurtà li tippermettilha jkollha għarfien ta’ IKUE, b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/488, tali sitwazzjoni tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, skont dak previst fl-Artikolu 51(1) tal-Karta. Minn dan isegwi li, fil-fehma tiegħi, din tapplika fil-kuntest ta’ din il-kawża.

    9.        It-tieni nett, ser nispjega għaliex, fl-opinjoni tiegħi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti li ġew espressi mill-parti l-kbira tal-parteċipanti f’din il-proċedura sabiex isostnu li l-Artikolu 47 tal-Karta ma japplikax fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dwar il-mertu, ser nindika r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-qasam dwar il-protezzjoni ta’ IKUE, li l-leġiżlazzjoni Slovakka tipprevedi suffiċjentement garanziji sabiex tipproteġi d-drittijiet tad-difiża tal-persuni li l-approvazzjoni ta’ sigurtà tagħhom tiġi rrevokata.

    10.      It-tielet nett, ser nippreċiża li l-garanziji li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, iwasslu sabiex jiġi impost li qorti, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ revoka ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà bbażata parzjalment fuq informazzjoni kklassifikata, għandha s-setgħa li tawtorizza l-aċċess tal-persuna suġġett ta’ din id-deċiżjoni għall-fajl tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà li jinkludi tali informazzjoni.

    II.    Ilfatti talkawża prinċipali u ddomandi preliminari

    11.      Fis‑6 ta’ Settembru 2018, l-USN ħareġ lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tawtorizzaha jkollha għarfien ta’ informazzjoni kklassifikata ta’ livell “Sigriet ħafna”, tibgħat informazzjoni kklassifikata ta’ livell “Sigriet” bil-karta jew elettronikament kif ukoll toħloq informazzjoni kklassifikata ta’ livell “Sigriet”. Barra minn hekk, fuq talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-USN ħareġ, fil‑15 ta’ Novembru 2018, ċertifikat ta’ sigurtà industrijali għal-livell SECRET UE/EU SECRET.

    12.      Imbagħad, l-USN sar jaf b’informazzjoni mhux ikklassifikata li tindika, b’mod partikolari, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew id-diretturi tagħha kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali, li kienet ikkonkludiet kuntratti ma’ kumpanniji suġġett ta’ tali investigazzjoni, li kienet ħallset lil dawn il-kumpanniji somom mhux tas-soltu, u li kienu jeżistu suspetti ta’ rabtiet bejn il-persunal tagħha u kumpannija oħra li magħha kienet wieġbet għal sejħiet għal offerti, u għalhekk iż-żewġ kumpanniji kienu għamlu offerti taħt kontroll komuni.

    13.      L-USN kiseb ukoll informazzjoni oħra inkluża f’dokumenti li kienu kklassifikati bħala provi bil-miktub ikklassifikati.

    14.      L-USN offra lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-possibbiltà li tesprimi ruħha dwar ċerta informazzjoni miksuba, iżda mhux fuq id-diversi provi bil-miktub ikklassifikati u lanqas fuq l-informazzjoni li kienet inkluża fihom.

    15.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Awwissu 2020, l-USN annulla ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali u ċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. L-annullament ta’ din iċ-ċertifikazzjoni kien ibbażat fuq il-konstatazzjoni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tippreżenta riskju għas-sigurtà minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni kummerċjali li tista’ tippreġudika l-interessi tar-Repubblika Slovakka fil-qasam tas-sigurtà u ta’ aġir li jmur kontra l-interessi ekonomiċi ta’ dan l-Istat Membru. Skont il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-USN irrefera, minn naħa, għal informazzjoni mhux ikklassifikata li huwa espona fid-dettall, u min-naħa l-oħra, għal informazzjoni kklassifikata li ma ppreċiżax il-kontenut tagħha. Fl-imsemmija deċiżjoni, l-USN ippreċiża wkoll li l-annullament taċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali kien jimplika dak taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali, sa fejn il-validità ta’ dan iċ-ċertifikat kien jiddependi fuq dik ta’ din iċ-ċertifikazzjoni.

    16.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-Kumitat kontra din id-deċiżjoni tal-USN. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija argumentat prinċipalment li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tikkonsulta l-fajl tal-USN, u lanqas li jkollha għarfien tal-kontenut tal-provi bil-miktub ikklassifikati. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat ukoll il-konklużjonijiet tal-USN, sa fejn dawn kienu bbażati fuq informazzjoni mhux ikklassifikata.

    17.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Novembru 2020, il-Kumitat ċaħad dan ir-rikors.

    18.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka).

    19.      Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li d-drittijiet proċedurali tagħha fil-qasam ta’ aċċess għall-kontenut tal-fajl ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ limitazzjoni assoluta għall-unika raġuni ġenerali li dan kien jirrigwarda informazzjoni kklassifikata. Hija tikkritika wkoll il-fatt li l-avukat tagħha kien ġie rrifjutat l-aċċess għal tali informazzjoni mid-Direttur tal-USN, abbażi ta’ raġunijiet ġenerali ħafna. Hija tikkontesta wkoll il-kunsiderazzjonijiet fattwali u ġuridiċi differenti li abbażi tagħhom l-USN u l-Kumitat ibbażaw il-konklużjoni tagħhom li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tippreżenta riskju għas-sigurtà.

    20.      Wara l-preżentazzjoni tal-imsemmi rikors, il-ġurisdizzjoni għall-eżami tiegħu ġiet trasferita lin-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka). Fit‑28 ta’ Settembru 2022, l-USN bagħat lil din tal-aħħar il-fajl kollu, inkluż il-provi bil-miktub ikklassifikati. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2022, il-President tal-Awla adita mir-rikors eskluda l-konsultazzjoni ta’ dawn il-partijiet ikklassifikati tal-fajl.

    21.      Fl-istess jum, l-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali talab lil din il-qorti li jkun jista’ jikkonsulta l-provi bil-miktub ikklassifikati mibgħuta mill-USN. Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ottubru 2022, il-President tal-Awla adita mir-rikors ċaħad din it-talba, filwaqt li talab lill-USN jikkunsidra eventwali awtorizzazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ dawn il-provi lil dan l-avukat. Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Novembru 2022, l-USN awtorizza biss il-komunikazzjoni ta’ żewġ provi bil-miktub ikklassifikati. Mill-banda l-oħra, huwa rrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għall-komunikazzjoni tal-provi bil-miktub ikklassifikati l-oħra inkwistjoni, għar-raġuni li din il-komunikazzjoni setgħet twassal għall-iżvelar ta’ sorsi ta’ informazzjoni u tikkomprometti l-investigazzjonijiet magħmula fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Jannar 2023, l-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali talab mill-ġdid li jkun jista’ jikkonsulta l-provi bil-miktub ikklassifikati kollha, billi bbaża ruħu, fost oħrajn, fuq l-Artikolu 47 tal-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (5).

    22.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-Karta fil-proċedura prinċipali.

    23.      F’dan ir-rigward, hija tenfasizza, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet ta’ validità taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali jkunu ddeterminati mid-dritt Slovakk, li jorbot il-validità ta’ tali ċertifikat ma’ dik ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali, mingħajr ma jirregola b’mod iktar dettaljat l-ipproċessar ta’ IKUE, u lanqas l-aċċess għaliha. Madankollu, hija tirrileva li d-Deċiżjoni 2013/488 timponi fuq l-Istati Membri ċerti obbligi konkreti fil-qasam ta’ approvazzjoni ta’ kuntratturi, li huma ddefiniti, fl-Appendiċi A ta’ din id-deċiżjoni, bħala kull individwu jew entità ġuridika li jkollha l-kapaċità ġuridika li tassumi kuntratti. Huwa għalhekk li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija deċiżjoni meta huma joħorġu jew jirrevokaw iċ-ċertifikati ta’ sigurtà industrijali. Il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2013/488 jirreferu għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li dawn l-awtoritajiet għandhom josservaw ma għandux effett fuq din il-konstatazzjoni, sa fejn l-Istati Membri għandhom japplikaw din id-deċiżjoni billi jużaw il-mezzi u l-proċeduri tad-dritt nazzjonali.

    24.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li l-leġiżlazzjoni Slovakka applikabbli ma kinitx adottata sabiex tiżgura l-implimentazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni partikolari u li hija tistabbilixxi rabta bejn il-validità taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali u ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali nazzjonali ma jfissirx li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma jistax jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Din il-qorti tirrileva wkoll li l-istħarriġ tad-deċiżjoni kkontestata li hija għandha twettaq jista’ jikkostitwixxi sitwazzjoni li fiha Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni u li la l-bażi legali tad-Deċiżjoni 2013/488 u lanqas l-Artikolu 346(1)(a) TFUE ma jistgħu jeskludu l-applikazzjoni tal-Karta.

    25.      Fil-każ li l-Karta tkun applikabbli għall-proċedura prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni u tal-prattika Slovakka relatati mal-informazzjoni kklassifikata mal-Artikolu 47 tal-Karta.

    26.      Din il-qorti tippreċiża li, permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni, tali informazzjoni hija aċċessibbli, mingħajr restrizzjoni, mill-qrati li għandhom jiddeċiedu dwar rikorsi kontra deċiżjonijiet bbażati fuqha. L-avukat ta’ parti rikorrenti ma jistax, min-naħa tiegħu, jaċċedi għal din l-informazzjoni ħlief wara li jikseb l-awtorizzazzjoni tal-awtorità li identifikat l-informazzjoni kklassifikata inkwistjoni, mingħajr ma r-rifjut li tingħata din l-awtorizzazzjoni jista’ jiġi mistħarreġ minn qorti. Barra minn hekk, dan l-avukat jibqa’ marbut bi dmir ta’ kunfidenzjalità u għalhekk ma jistax jiżvela lill-klijent tiegħu l-kontenut ta’ informazzjoni kklassifikata li għaliha kellu aċċess.

    27.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tindika li jista’ jkun previst li l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tkun dedotta mis-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (6), moqri flimkien mal-Artikolu 45(4) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ rtirar ta’ tali protezzjoni tkun ibbażata biss fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-persuna kkonċernata jew il-konsulent tagħha ma jistgħux jaċċedu għal din l-informazzjoni ħlief wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni għal dan il-għan, ma jiġux ikkomunikati wkoll is-sustanza tal-motivi li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jużaw, għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni li għaliha seta’ jkollhom aċċess (7). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fl-imsemmija sentenza, li sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata, il-fakultà tal-qorti kompetenti li taċċedi għall-fajl ma tistax tissostitwixxi l-aċċess għall-informazzjoni inkluża f’dan il-fajl mill-persuna kkonċernata jew mill-konsulent tagħha (8).

    28.      Skont il-qorti tar-rinviju, huwa madankollu neċessarju li jiġi ddeterminat jekk is-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et, li tirrigwarda l-qasam ta’ proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, hijiex totalment trasponibbli għal dan il-każ. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ma huwiex evidenti li r-regoli previsti mid-Deċiżjoni 2013/488, b’mod partikolari fl-Artikolu 11 u fl-Anness V tagħha għall-finijiet tal-għoti ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità (ASF) mill-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà, jistgħu jkunu l-bażi, għall-benefiċċju tal-kuntrattur ikkonċernat, ta’ dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, li tiegħu jista’ jinvoka l-protezzjoni abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb ukoll preċiżazzjonijiet dwar il-kontenut tal-protezzjoni ġudizzjarja li tirriżulta minn dan l-artikolu u dwar is-setgħat li hija għandu jkollha sabiex tiggarantixxi d-drittijiet li jirriżultaw mill-imsemmi artikolu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikolu 51(1) tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni meta waħda mill-qrati tiegħu tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ kumitat speċjali tal-Parlament tal-imsemmi Stat li tkun ikkonfermat, fl-appell, deċiżjoni amministrattiva tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà li annullat (irrevokat), fir-rigward ta’ persuna ġuridika:

    –        minn naħa, iċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tawtorizzaha taċċedi informazzjoni kklassifikata skont id-dritt nazzjonali,

    –        min-naħa l-oħra, u esklużivament bħala konsegwenza tal-annullament tal-imsemmija ċertifikazzjoni, ukoll iċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali maħruġ lill-imsemmija persuna ġuridika sabiex ikun jista’ jkollha aċċess għal informazzjoni kklassifikata bħala ‘SECRET UE/EU SECRET’ fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-Anness V tad-[Deċiżjoni 2013/488]?

    2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħhom

    a)      id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà li tannulla (tirrevoka) iċ-ċertifikazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija ma tindikax l-informazzjoni kklassifikata li wasslet lill-imsemmija awtorità tikkonkludi li l-kundizzjonijiet għall-annullament (revoka) tagħhom ġew osservati, iżda sempliċiment tirreferi għad-dokument rilevanti tal-fajl ta’ din l-awtorità li jinkludi l-informazzjoni kklassifikata inkwistjoni,

    b)      il-persuna ġuridika kkonċernata la jkollha aċċess għall-fajl tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà u lanqas għad-diversi dokumenti li fihom tinsab l-informazzjoni kklassifikata li wasslet lill-imsemmija awtorità tannulla (tirrevoka) iċ-ċertifikazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija,

    c)      l-avukat tal-persuna ġuridika kkonċernata jista’ jkollu aċċess għal dan il-fajl u għal dawn id-dokumenti, iżda biss bil-kunsens tad-direttur tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà, u jekk meħtieġ bil-kunsens ta’ awtorità oħra li tkun ippreżentat l-imsemmija dokumenti lil awtorità nazzjonali ta’ sigurtà, u, wara li kellu aċċess għalihom, dan l-avukat jibqa’ obbligat li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-kontenut tal-fajl u ta’ dawn id-dokumenti,

    d)      madankollu, il-qorti li tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq fl-ewwel domanda jkollha aċċess sħiħ għal dan il-fajl u għal dawn id-dokumenti?

    3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu (jew saħansitra jobbligaw) direttament lil qorti li tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq fl-ewwel domanda li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni u l-prattika deskritti fit-tieni domanda u li tawtorizza lill-persuna ġuridika kkonċernata jew lill-avukat tagħha li jkollhom aċċess għall-fajl tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà, u jekk meħtieġ għad-dokumenti li fihom tinsab l-informazzjoni kklassifikata, jekk l-imsemmija qorti tiddeċiedi li dan huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv u proċedura kontradittorja?

    4.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, l-Artikolu 51(1) u (2) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li s-setgħa ta’ qorti li tawtorizza l-aċċess għall-fajl, u jekk meħtieġ għad-dokumenti, skont il-formulazzjoni tat-tielet domanda, tikkonċerna:

    –        biss il-partijiet tal-fajl jew tad-dokumenti li jinkludu l-informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sigurtà industrijali fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488, jew

    –        anki l-partijiet tal-fajl u tad-dokumenti li jinkludu l-informazzjoni rilevanti esklużivament għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sigurtà industrijali fis-sens tad-dritt nazzjonali, jiġifieri lil hinn mir-raġunijiet previsti mid-Deċiżjoni 2013/488?”

    30.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Kumitat, il-Gvern Slovakk u Estonjan, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

    31.      Fit‑30 ta’ Jannar 2024 inżammet seduta għas-sottomissjonijiet orali, fil-preżenza ta’ protectus, tal-Kumitat, tal-Gvern Slovakk u dak Franċiż, tal-Kunsill kif ukoll tal-Kummissjoni.

    III. Analiżi

    32.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb preċiżazzjonijiet min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-bilanċ li għandu jsir bejn id-dritt għal rimedju effettiv u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni, ibbażata b’mod partikolari fuq informazzjoni kklassifikata, li tirrevoka, minn naħa, ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tippermetti aċċess għal informazzjoni kklassifikata minn Stat Membru, u min-naħa l-oħra, ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizza l-aċċess għal IKUE.

    33.      Sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Slovakka, sa fejn din tillimita l-aċċess tal-persuna kkonċernata għall-informazzjoni kklassifikata li kienet il-bażi tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, u dwar is-setgħat li għandu jkollha l-qorti kompetenti sabiex tiggarantixxi d-drittijiet ta’ din il-persuna.

    A.      Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

    34.      Il-Kumitat isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex twieġeb għat-talba għal deċiżjoni preliminari, għar-raġuni li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    35.      Peress li l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward huma intiżi sabiex jistabbilixxu li l-Karta ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali, dawn għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari, li tirrigwarda dan il-punt. Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, għandu jiġi indikat li l-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-kawża prinċipali taqa’ taħt il-mertu ta’ din id-domanda (9).

    B.      Fuq lewwel domanda preliminari

    36.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 51(1) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni meta waħda mill-qrati tiegħu tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni li tannulla, minn naħa, ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tippermetti aċċess għal informazzjoni kklassifikata minn Stat Membru, u min-naħa l-oħra, ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizza l-aċċess għal IKUE, fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488.

    37.      L-informazzjoni kklassifikata, il-kundizzjonijiet sabiex wieħed ikollu għarfien tagħha, il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ u annullament taċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali kif ukoll il-proċedura relattiva huma rregolati fid-dritt Slovakk miż-zákon č. 215/2004 Z. z. o ochrane utajovaných skutočností (il-Liġi Nru 215/2004 dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Kklassifikata (10)).

    38.      Mill-Artikolu 50(1) tal-Liġi Nru 215/2004 jirriżulta li, “[j]ekk il-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà turi li l-imprenditur jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 [(11)], l-USN joħroġlu ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali”. Skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, “[j]ekk l-USN jikkonstata li l-imprenditur ma għadux jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet tas-sigurtà industrijali stabbiliti fl-Artikolu 46 jew li huwa kiser b’mod serju jew diversi drabi l-obbligi marbuta mal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata, huwa jannulla l-validità taċ-ċertifikazzjoni”. Huwa abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li l-USN iddeċieda li jannulla ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li kienet ingħatat lil protectus.

    39.      Il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali huma, min-naħa tagħhom, previsti fl-Artikolu 5(6) tal-vyhláška č. ‑134/2016 Z. z. o personálnej bezpečnosti (id-Digriet Nru 134/2016 dwar is-Sigurtà fir-Rigward tal-Persunal) (12) li jirreferi għall-kundizzjonijiet ta’ ħruġ taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà ta’ persuna fiżika previsti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-artikolu. Minn dawn id-dispożizzjonijiet flimkien, jirriżulta b’mod partikolari, minn naħa, li ċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali jindika l-livell massimu ta’ klassifikazzjoni ta’ IKUE li għaliha persuna jista’ jkollha aċċess u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li permezz tagħhom l-aċċess ta’ din il-persuna għall-informazzjoni kklassifikata huwa awtorizzat (13). Min-naħa l-oħra, il-validità ta’ dan iċ-ċertifikat hija marbuta ma’ dik taċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali (14).

    40.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni li fiha qorti nazzjonali tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni li tannulla dawn l-awtorizzazzjonijiet ta’ sigurtà fil-kuntest ġuridiku nazzjonali hekk deskritt tikkostitwixxix implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar liema hu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri. Dan huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Dan l-artikolu tal-Karta jikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minnhom (15). Għalhekk, meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li tiżgura r-rispett tagħhom (16). Għall-kuntrarju, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom innifishom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (17).

    41.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jippreżupponi l-eżistenza ta’ element ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali kkonċernata li tmur lil hinn mill-fatt li s-suġġetti kkonċernati jkunu qrib xulxin jew li wieħed minn dawn is-suġġetti jkollu effett indirett fuq l-ieħor, u dan fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja (18).

    42.      Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax taħt l-“implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, għandu jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex bħala għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk din għandhiex għanijiet oħra minbarra dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk tista’ taffettwa indirettament lil dan tal-aħħar, kif ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwaha (19).

    43.      Preċedentement indikajt li l-protezzjoni ta’ IKUE għadha mhix is-suġġett ta’ regoli ta’ portata orizzontali fid-dritt tal-Unjoni li jkopru l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni. Għalhekk, is-sistema ta’ din il-protezzjoni tirriżulta minn diversi atti, li huma proprji għal kull istituzzjoni jew korp tal-Unjoni.

    44.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssemmi d-Deċiżjoni 2013/488 bħala r-regola tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet min-naħa ta’ din il-qorti dwar l-għażla tagħha li titlob l-interpretazzjoni ta’ din id-deċiżjoni pjuttost milli ta’ oħra, fil-fehma tiegħi, għandna nitilqu mill-premessa li fuqha hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, jiġifieri li l-qorti nazzjonali għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi l-qafas leġiżlattiv u fattwali tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, u li d-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (20). Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża prinċipali inkwistjoni għandha ssir fir-rigward tal-imsemmija deċiżjoni.

    45.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu indikati l-obbligi differenti li d-Deċiżjoni 2013/488, li kienet adottata mill-Kunsill skont is-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tiegħu, timponi fuq l-Istati Membri.

    46.      Kif tindika l-premessa 1 ta’ din id-deċiżjoni, hija intiża sabiex “ikunu żviluppati attivitajiet tal-Kunsill fl-oqsma kollha li jeħtieġu trattament ta’ informazzjoni klassifikata, [billi] tkun stabbilita sistema komprensiva ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata li tkopri lill-Kunsill, lis-Segretarjat Ġenerali tiegħu u lill-Istati Membri”. Minn din il-perspettiva, mill-premessa 3 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li “[s]kont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali u safejn huwa meħtieġ għall-funzjonament tal-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw din id-Deċiżjoni meta l-awtoritajiet, il-persunal jew il-kuntratturi kompetenti tagħhom jittrattaw IKUE, sabiex kull wieħed ikun jista’ jkun assigurat li jingħata livell ekwivalenti ta’ protezzjoni lill-IKUE”.

    47.      Għalhekk, kif jipprevedi l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2013/488, hija “tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-IKUE”. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, “[d]awn il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi għandhom japplikaw għall-Kunsill u s-[Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (iktar ’il quddiem is-“SĠK”] u jiġu rispettati mill-Istati Membri skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali rispettivi tagħhom, sabiex kull wieħed minnhom ikun jista’ jiġi assigurat li jingħata livell ekwivalenti ta’ protezzjoni lill-IKUE”.

    48.      Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-Deċiżjoni, “‘[IKUE]’ tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal magħżul minn klassifikazzjoni ta’ sigurtà tal-UE, li l-iżvelar mhux awtorizzat tiegħu jista’ jikkawża gradi differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni Ewropea jew għal Stat Membru wieħed jew aktar”.

    49.      Il-protezzjoni ta’ IKUE teħtieġ l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri meta l-atturi ekonomiċi jkollhom aċċess għal tali informazzjoni.

    50.      F’din il-perspettiva, l-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni 2013/488 jiddefinixxi s-“sigurtà industrijali” bħala “l-applikazzjoni ta’ miżuri biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ IKUE minn kuntratturi u subkuntratturi f’negozjati ta’ qabel kuntratt u matul iċ-ċiklu ta’ ħajja kollu ta’ kuntratti klassifikati. Tali kuntratti m’għandhomx jinvolvu aċċess għal informazzjoni klassifikata TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET”.

    51.      L-applikazzjoni ta’ tali miżuri hija meħtieġa, peress li, skont l-Artikolu 11(2) tad-Deċiżjoni 2013/488, “[i]s-SĠK jista’ jagħti, permezz ta’ kuntratt, kompiti li jinvolvu jew jimplikaw l-aċċess jew it-trattament jew il-ħżin ta’ IKUE minn entitajiet industrijali jew entitajiet oħrajn reġistrati fi Stat Membru [...]”.

    52.      F’dan il-kuntest, il-protezzjoni ta’ IKUE timplika b’mod partikolari li:

    –        bħala awtorità kontraenti, is-SĠK għandu jiżgura li l-istandards minimi ta’ sigurtà industrijali previsti fid-Deċiżjoni 2013/488 u msemmija fil-kuntratt ikunu osservati waqt l-għoti ta’ kuntratti kklassifikati lil entitajiet industrijali jew oħrajn (Artikolu 11(3));

    –        l-awtorità ta’ sigurtà nazzjonali, l-awtorità ta’ sigurtà kompetenti jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra ta’ kull Stat Membru għandha tiżgura, sa fejn huwa possibbli taħt d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari nazzjonali, li l-kuntratturi u s-subkuntratturi rreġistrati fit-territorju tal-imsemmi Stat jieħdu il-miżuri kollha xierqa sabiex jipproteġu l-IKUE fil-kuntest ta’ negozjati prekuntrattwali u waqt l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt klassifikat (Artikolu 11(4)), u

    –        l-awtorità ta’ sigurtà nazzjonali, l-awtorità ta’ sigurtà kompetenti jew kwalunkwe awtorità oħra kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha tiżgura, skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u r-regolamentari nazzjonali, li l-kuntratturi u s-subkuntratturi rreġistrati fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, li jipparteċipaw f’kuntratti jew subkuntratti kklassifikati li jeħtieġu aċċess għal informazzjoni kklassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew SECRET UE/EU SECRET fi ħdan il-faċilitajiet tagħhom, fl-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti jew matul l-istadju prekuntrattwali, ikollhom ASF fil-livell rilevanti ta’ klassifikazzjoni (Artikolu 11(5)).

    53.      Fl-Appendiċi A tad-Deċiżjoni 2013/488, il-kuntratt ikklassifikat huwa ddefinit bħala “kuntratt li jsir mis-SĠK ma’ kuntrattur għall-provvista ta’ oġġetti, twettiq ta’ xogħlijiet jew il-forniment ta’ servizzi, li l-prestazzjoni tagħhom teħtieġ jew tinvolvi l-aċċess għal IKUE jew il-ħolqien tagħha”. Min-naħa tagħha, l-ASF hija ddefinita bħala “determinazzjoni amministrattiva minn [awtorità ta’ sigurtà nazzjonali] jew [awtorità ta’ sigurtà kompetenti] li, mill- perspettiva ta’ sigurtà, faċilità tista’ tippermetti livell adegwat ta’ protezzjoni tal IKUE ta’ livell speċifiku ta’ klassifikazzjoni”.

    54.      Kif jindika l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2013/488, ir-responsabbiltà tal-implimentazzjoni tal-prinċipji bażiċi u tal-istandards minimi ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ IKUE hija, b’mod partikolari, imposta fuq l-Istati Membri.

    55.      Għalhekk, dawn għandhom jieħdu “l-miżuri xierqa kollha, skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, biex jiżguraw li meta tiġi ttrattata jew maħżuna IKUE, tiġi rispettata [d-Deċiżjoni 2013/488]” minn serje ta’ persuni, fosthom dawk li huma “debitament awtorizzati, bis-saħħa tal-funzjonijiet tagħhom, biex ikollhom aċċess għal IKUE” (Artikolu 15(3)(c)) u l-“kuntratturi tal-Istati Membri, kemm jekk fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll jekk barra l-pajjiż” (Artikolu 15(3)(d)).

    56.      Barra minn hekk, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2013/488, l-Artikolu 16(3)(a) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li l-Istati Membri jaħtru awtorità ta’ sigurtà nazzjonali responsabbli mill-arranġamenti ta’ sigurtà intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ IKUE, b’mod partikolari, sabiex:

    –        “l-IKUE miżmuma minn kwalunkwe dipartiment, korp jew aġenzija nazzjonali, pubblika jew privata, fil-pajjiż jew barra l-pajjiż, hija protetta f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni” (Artikolu 16(3)(a)(i));

    –        “l-arranġamenti ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ IKUE huma spezzjonati jew ivvalutati perjodikament” (Artikolu 16(3)(a)(ii)), u

    –        “l-individwi kollha impjegati f’amministrazzjoni nazzjonali jew minn kuntrattur li jistgħu jingħataw aċċess għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla, huma mogħtija approvazzjoni ta’ sigurtà adatta jew huma awtorizzati debitament b’mod ieħor skont il-funzjonijiet tagħhom f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali” (Artikolu 16(3)(a)(iii)).

    57.      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-Deċiżjoni 2013/488 timponi serje ta’ obbligi konkreti fuq l-Istati Membri fil-qasam ta’ protezzjoni ta’ IKUE. Fost dawn l-obbligi hemm dak li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni, li fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, għandhom aċċess għal IKUE, jiksbu approvazzjoni ta’ sigurtà min-naħa ta’ awtorità ta’ sigurtà nazzjonali.

    58.      Fil-qosor, id-Deċiżjoni 2013/488 tipprevedi responsabbiltà ġenerali tal-Istati Membri għall-osservanza ta’ din id-deċiżjoni minn ċerti persuni (Artikolu 15(3)), sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni ta’ arranġamenti intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ IKUE (Artikolu 16(3)) jew sabiex il-kuntratturi u s-subkuntratturi li jipparteċipaw f’kuntratti kklassifikati jkollhom ASF (Artikolu 11(5)).

    59.      Nosserva li d-Deċiżjoni 2013/488 ma timponix biss b’mod ġenerali obbligu, għall-persuni li fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom għandhom aċċess għal IKUE, li jiksbu approvazzjoni ta’ sigurtà min-naħa ta’ awtorità ta’ sigurtà nazzjonali. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tistabbilixxi wkoll ċerti regoli bħala qafas tal-proċedura ta’ approvazzjoni u l-kundizzjonijiet tagħha.

    60.      Għalhekk, l-Anness V tal-imsemmija deċiżjoni jinkludi, fit-Titolu III, il-paragrafi 8 sa 13 li ġejjin:

    “8.      ASF għandha tingħata mill-[awtorità ta’ sigurtà nazzjonali] jew l-[awtorità ta’ sigurtà kompetenti] jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra ta’ Stat Membru biex tindika, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, li entità industrijali jew entità oħra tista’ tipproteġi IKUE fil-livell adatt ta’ klassifikazzjoni (CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew SECRET UE/EU SECRET) fil-faċilitajiet tagħha. Hija għandha tiġi ppreżentata lis-SĠK, bħala l-awtorità kontraenti, qabel kuntrattur jew subkuntrattur jew kuntrattur jew subkuntrattur potenzjali jkun jista’ jingħata aċċess għal IKUE.

    9.      Meta tkun qed toħroġ ASF, l-[awtorità ta’ sigurtà nazzjonali] jew l-[awtorità ta’ sigurtà kompetenti] rilevanti għandha, bħala minimu:

    a)      tevalwa l-integrità tal-entità industrijali jew entità oħra;

    b)      tevalwa s-sjieda, il-kontroll, jew il-potenzjal għal influwenza żejda li tista’ tiġi kkunsidrata bħala riskju għas-sigurtà;

    c)      tivverifika li l-entità industrijali jew kwalunkwe entità oħra tkun stabbiliet sistema ta’ sigurtà fil-faċilità li tkopri l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa għall-protezzjoni ta’ informazzjoni jew materjal klassifikat CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew SECRET UE/EU SECRET skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni;

    d)      tivverifika li l-istatus ta’ sigurtà tal-persunal għal amministraturi, proprjetarji u impjegati li jkunu meħtieġa li jkollhom aċċess għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew SECRET UE/EU SECRET jkun ġie stabbilit skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni; u

    e)      tivverifika li l-entità industrijali jew kwalunkwe entità oħra tkun ħatret Uffiċjal ta’ sigurtà ta’ Faċilità li jkun responsabbli għall-ġestjoni tagħha biex jiġu infurzati l-obbligi ta’ sigurtà f’tali entità.

    10.      Fejn rilevanti, is-SĠK, bħala l-awtorità kontraenti, għandu jinnotifika lill-[awtorità ta’ sigurtà nazzjonali]/[awtorità ta’ sigurtà kompetenti] jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra li tenħtieġ ASF fl-istadju prekuntrattwali jew għall-prestazzjoni tal-kuntratt. ASF jew [approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal (PSC)] għandhom jintalbu fl-istadju prekuntrattwali fejn IKUE klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew SECRET UE/EU SECRET għandha tiġi pprovduta matul il-proċess tal-irkant.

    11.      L-awtorità kontraenti m’għandhiex tagħti kuntratt klassifikat lill-offerent preferut qabel ma tkun irċeviet konferma mill-[awtorità ta’ sigurtà nazzjonali]/[awtorità ta’ sigurtà kompetenti] jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra tal-Istat Membru li fih il-kuntrattur jew is-subkuntrattur ikkonċernat huwa reġistrat, li, fejn meħtieġ, tkun inħarġet ASF adatta.

    12.      L-[awtorità ta’ sigurtà nazzjonali]/[awtorità ta’ sigurtà kompetenti] jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra li ħarġet ASF għandha tinnotifika lis-SĠK bħala awtorità kontraenti dwar kwalunkwe tibdil li jolqot lill-ASF. Fil-każ ta’ subkuntratt, l-[awtorità ta’ sigurtà nazzjonali]/[awtorità ta’ sigurtà kompetenti] jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra għandha tiġi informata kif adatt.

    13.      L-irtirar ta’ ASF mill-[awtorità ta’ sigurtà nazzjonali]/[awtorità ta’ sigurtà kompetenti] rilevanti jew kwalunkwe awtorità ta’ sigurtà kompetenti oħra għandu jikkostitwixxi raġuni biżżejjed biex is-SĠK, bħala l-awtorità kontraenti, ittemm kuntratt klassifikat jew teskludi offerent mill-kompetizzjoni”.

    61.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni hekk deskritti, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix implimentazzjoni ta’ dan id-dritt, fil-fehma tiegħi, għandha ssir distinzjoni bejn l-approvazzjoni li minnha kienet tibbenefika protectus sabiex taċċedi għal informazzjoni kklassifikata skont id-dritt nazzjonali u dik li tippermettilha li jkollha għarfien ta’ IKUE.

    62.      Għalhekk, is-sitwazzjoni li wasslet lill-USN, minn naħa, sabiex joħroġ lil protectus ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tawtorizzaha jkollha għarfien ta’ informazzjoni kklassifikata skont id-dritt nazzjonali, u min-naħa l-oħra, sabiex tannulla din iċ-ċertifikazzjoni, ma tikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, id-Deċiżjoni 2013/488 ma tinkludix dispożizzjonijiet intiżi sabiex jirregolaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-aċċess, għall-finijiet previsti mid-dritt nazzjonali, għall-informazzjoni kklassifikata skont dan id-dritt. Barra minn hekk, mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jirriżultax li atti oħra tal-Unjoni jwettqu xi forma ta’ armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-istatus ta’ tali informazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat reċentement fis-sentenza tagħha NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) li r-regoli relatati mal-klassifikazzjoni u d-deklassifikazzjoni ta’ informazzjoni skont leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma humiex is-suġġett ta’ regoli armonizzati b’att tal-Unjoni (21).

    63.      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni Slovakka dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali, bħall-miżuri dwar din iċ-ċertifikazzjoni meħuda mill-awtoritajiet Slovakki, għandhom jiġu kkunsidrati li jaqgħu biss taħt id-dritt nazzjonali u għalhekk, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni li tannulla ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali ma tidhirx li tikkostitwixxi direttament forma ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

    64.      Mill-banda l-oħra, is-sitwazzjoni li wasslet lill-USN, minn naħa, sabiex joħroġ lil protectus ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizzaha jkollha aċċess għal IKUE għal-livell SECRET UE/EU SECRET, u min-naħa l-oħra, sabiex tannulla dan iċ-ċertifikat, jidhirli li tikkostitwixxi, min-naħa tagħha, implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    65.      Fil-fatt, iċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li, infakkar, jindika, skont il-leġiżlazzjoni Slovakka, il-livell massimu ta’ klassifikazzjoni ta’ IKUE li għaliha persuna jista’ jkollha aċċess u l-arranġamenti korrispondenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li permezz tagħha l-aċċess ta’ din il-persuna għall-informazzjoni kklassifikata huwa awtorizzat, jista’ jiġi kkunsidrat li għandu għan u effetti li jkopru dawk tal-ASF prevista mid-Deċiżjoni 2013/488. Barra minn hekk, skont dak li jirriżulta minn din id-deċiżjoni, awtorità ta’ sigurtà nazzjonali, f’dan il-każ l-USN, għandha tmexxi l-proċedura ta’ approvazzjoni. Mil-leġiżlazzjoni Slovakka jirriżulta wkoll li l-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà hija intiża sabiex tippermetti lill-persuna li jkollha tali approvazzjoni jkollha għarfien ta’ informazzjoni kklassifikata b’rabta mat-twettiq ta’ kompiti li jirriżultaw minn trattat internazzjonali li jorbot lir-Repubblika Slovakka (22), li minnu jista’ jiġi dedott li din il-leġiżlazzjoni ma għandhiex għan purament nazzjonali, u għalhekk huwa differenti minn dak li jrid jintlaħaq mid-Deċiżjoni 2013/488.

    66.      Inżid li r-raġunijiet li għalihom l-USN annulla ċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jirrigwardaw, essenzjalment, il-fatt li kienet tippreżenta riskju għas-sigurtà minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni kummerċjali li tista’ tippreġudika l-interessi tar-Repubblika Slovakka fil-qasam ta’ sigurtà u ta’ aġir li jmur kontra l-interessi ekonomiċi ta’ dan l-Istat Membru, jistgħu jiġu analizzati bħala li jfissru li r-rekwiżiti minimi għall-għoti tal-ASF li jinsabu fl-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488 (23) ma baqgħux osservati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    67.      Il-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni Slovakka, il-validità taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali hija marbuta ma’ dik taċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali (24) ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jeskludi s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa tabilħaqq minħabba riskju għas-sigurtà identifikat li ż-żewġ approvazzjonijiet ta’ sigurtà ġew annullati.

    68.      Barra minn hekk, ir-rabta bejn il-validità taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali u dik taċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali jidhirli li hija loġika, għaliex, kif jirrikonoxxi l-Kumitat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jekk jiġi identifikat riskju għas-sigurtà fir-rigward tal-entità inkwistjoni skont id-dritt nazzjonali, dan ir-riskju ma jistax ikun limitat għat-territorju tar-Repubblika Slovakka biss, iżda għandu jestendi neċessarjament għall-oqsma kollha ta’ relazzjonijiet esterni ta’ dan l-Istat Membru. Fil-qasam, l-interessi tal-Istati Membri u l-interessi tal-Unjoni huma marbuta mill-qrib, b’tali mod li huwa normali li riskju għas-sigurtà identifikat fil-livell nazzjonali, abbażi b’mod partikolari ta’ informazzjoni kklassifikata skont id-dritt nazzjonali, jkollu konsegwenza diretta fuq approvazzjoni ta’ aċċess għal IKUE. Din ir-rabta bejn l-interessi tal-Istati Membri u l-interessi tal-Unjoni hija barra minn hekk espressa fid-definizzjoni stess tal-kunċett ta’ IKUE li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2013/488, li jenfasizza l-fatt li tali informazzjoni hija dik “li l-iżvelar mhux awtorizzat [tagħha] jista’ jikkawża gradi differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni Ewropea jew għal Stat Membru wieħed jew aktar” (25).

    69.      Barra minn hekk, il-vulnerabbiltà tal-impriża inkwistjoni tista’ tirriżulta minn informazzjoni kklassifikata skont id-dritt nazzjonali, mingħajr ma dan jeskludi l-eżistenza ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda l-annullament tal-att li japprova l-aċċess ta’ persuna għal IKUE. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-fatt li, kif indikat il-qorti tar-rinviju fil-punti 35 u 37 tad-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, ir-revoka taċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali nazzjonali kienet ibbażata esklużivament fuq il-kriterju ta’ affidabbiltà f’termini ta’ sigurtà, kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma jipprekludix li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, nosserva li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li huma l-Istati Membri biss li għandhom jiddefinixxu l-interessi ta’ sigurtà essenzjali tagħhom u jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali ttieħdet għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ma jistax iwassal għall-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri mill-osservanza neċessarja ta’ dan id-dritt (26).

    70.      Rigward il-fatt li l-leġiżlazzjoni Slovakka ma kinitx adottata speċifikament sabiex tapplika d-Deċiżjoni 2013/488, għandu jitfakkar li l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx adottata sabiex tittrasponi att tal-Unjoni huwa irrilevanti, sa fejn l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni timplimenta effettivament id-dritt tal-Unjoni (27).

    71.      Fil-fehma tiegħi, huwa irrilevanti li d-Deċiżjoni 2013/488 tħalli marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-eżistenza u l-kriterji ta’ riskju għas-sigurtà fil-kuntest tal-proċedura intiża għall-ħruġ, modifika jew revoka ta’ ASF. Din is-sitwazzjoni tikkorrispondi għal dik li fiha att tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri libertà tal-għażla bejn diversi metodi ta’ applikazzjoni jew setgħa ta’ diskrezzjoni jew ta’ evalwazzjoni li tifforma parti integrali mis-sistema stabbilita minn dak l-att (28).

    72.      Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet u l-proċeduri nazzjonali jkunu mmobilizzati għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi previsti mid-Deċiżjoni 2013/488 ma jipprekludix li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Din hija biss espressjoni klassika tar-regola li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tal-istrutturi u tal-proċeduri nazzjonali tagħhom, jiżguraw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jimponu obbligi fuqhom.

    73.      Fil-fehma tiegħi, l-assenza ta’ dritt formali għall-kisba jew għaż-żamma ta’ ASF lanqas tikkostitwixxi kundizzjoni li għaliha tista’ tkun suġġetta l-applikabbiltà tal-Karta.

    74.      Għalhekk, il-protezzjoni ta’ IKUE hija żgurata mill-Istati Membri u l-awtoritjiet ta’ sigurtà nazzjonali tagħhom skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari nazzjonali (29). Din ir-referenza għad-dritt nazzjonali ma tistax tinftiehem bħala li tagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jistabbilixxu b’mod awtonomu l-qafas tal-protezzjoni ta’ IKUE. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw tali protezzjoni b’osservanza tal-istandards stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

    75.      B’mod iktar ġenerali, jidhirli impossibbli li jiġi sostnut li d-dritt tal-Unjoni huwa barrani għad-definizzjoni u għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ IKUE, minkejja li dawn ir-regoli huma intiżi sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-Unjoni. Dan iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-għoti jew ir-revoka ta’ approvazzjoni ta’ aċċess għal tali informazzjoni tista’ titqies bħala l-eżerċizzju mill-Istati Membri ta’ kompetenza rriżervata li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u konsegwentement, taħt dak tal-Karta. Għall-kuntrarju, l-applikazzjoni fil-qasam ta’ protezzjoni ta’ IKUE ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari nazzjonali fil-qasam ta’ informazzjoni kklassifikata għandha, fil-fehma tiegħi, titwettaq b’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

    76.      Mill-elementi preċedenti niddeduċi li, fir-rigward tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ IKUE stabbiliti mid-Deċiżjoni 2013/488, awtorità nazzjonali li tagħti ċertifikat ta’ sigurtà industrijali ekwivalenti għal ASF tagħti awtorizzazzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni. L-effetti ta’ din l-awtorizzazzjoni, l-istess bħal dawk tar-revoka tagħha, huma ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni u għandhom japplikaw essenzjalment fir-relazzjonijiet bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-awtorità nazzjonali kompetenti li tiddeċiedi li tannulla ASF teżegwixxi missjoni ddelegata lilha mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ IKUE. Għalhekk, din l-awtorità għandha tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

    77.      Għal dak li jirrigwarda r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandha tiġi enfasizzata wkoll in-natura partikolarment wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Deċiżjoni 2013/488. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-paragrafu 8 tal-Anness V ta’ din id-deċiżjoni huwa fformulat f’termini ġenerali ħafna sa fejn ma jillimitax il-persuni li għalihom għandha tinħareġ ASF (30).

    78.      Barra minn hekk, dan il-paragrafu jindika li “[ASF] għandha tiġi ppreżentata lis-SĠK [...] qabel kuntrattur jew subkuntrattur jew kuntrattur jew subkuntrattur potenzjali jkun jista’ jingħata aċċess għal IKUE”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-approvazzjoni ta’ sigurtà prevista mid-Deċiżjoni 2013/488 tista’ tingħata lil kuntrattur potenzjali, li hija ġenerali ħafna u tista’ tkopri impriża bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fl-istess sens, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ “kuntrattur” huwa ddefinit fl-Appendiċi A ta’ din id-deċiżjoni bħala “individwu jew entità ġuridika li jkollha l-kapaċità ġuridika li tassumi kuntratti” u mhux bħala persuna attwalment marbuta mal-Kunsill b’kuntratt jew li diġà ħadet passi sabiex tidħol f’relazzjoni kuntrattwali.

    79.      Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ protectus fir-rigward tal-aċċess eventwali tagħha għal IKUE, dak li huwa importanti huwa li, anki jekk fil-fatt tali aċċess qatt ma seħħ, din l-impriża talbet ċertifikat ta’ sigurtà industrijali, li l-għan tiegħu huwa, b’mod partikolari, li jippermetti lill-benefiċjarju tiegħu jkollu għarfien ta’ IKUE. Barra minn hekk, waqt is-seduta protectus indikat li hija kellha kuntratti pendenti mal-Ministerstvo hospodárstva (il-Ministeru għall-Ekonomija, Slovakkja). Issa, ma jistax jiġi eskluż li f’dan it-tip ta’ relazzjonijiet kuntrattwali setgħet ġiet ippreżentata IKUE, minħabba r-rabta tal-qasam dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata fil-livell nazzjonali u dak ta’ IKUE.

    80.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-applikazzjoni għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-kriterji sostnuti fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja twassal, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi kkonstatat, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-parteċipanti kollha f’din il-proċedura, bl-eċċezzjoni ta’ protectus, li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, skont dak previst fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta waħda mill-qrati tiegħu tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni li tannulla ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizza l-aċċess għal IKUE, li huwa ekwivalenti għal ASF, fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi rabta bejn il-validità ta’ dan iċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali u dik ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali nazzjonali, peress li r-revoka tal-imsemmi ċertifikat hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li d-detentur tiegħu jippreżenta riskju għas-sigurtà. Minn dan isegwi li l-Karta għandha tapplika għall-proċedura prinċipali.

    C.      Fuq ittieni domanda preliminari

    81.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-garanziji proċedurali li għandhom jiġu żgurati, b’applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, lil impriża li l-ASF tagħha ġiet annullata minn awtorità ta’ sigurtà nazzjonali abbażi, parzjalment, ta’ informazzjoni kklassifikata li għaliha din l-impriża ma setax ikollha aċċess. B’mod iktar preċiż, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk dan l-artikolu jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix lill-persuna kkonċernata u lill-avukat tagħha aċċess għall-informazzjoni kklassifikata li hija l-bażi tal-annullament tal-ASF u li ma tippermettix lill-qorti tiżgura tali aċċess, minkejja li hija stess għandha aċċess għal din l-informazzjoni kklassifikata.

    82.      Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li mill-Artikolu 26(3) tal-Liġi Nru 215/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 50(6) ta’ din il-liġi, jirriżulta li, meta jiddeċiedi li persuna ma jistax ikollha għarfien ta’ informazzjoni kklassifikata, l-USN għandu jindika fid-deċiżjoni tiegħu l-elementi li huma l-bażi tagħha, il-kunsiderazzjonijiet li ggwidaw l-evalwazzjoni tiegħu tal-provi kif ukoll l-informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni.

    83.      Skont il-prattika tal-USN u dik tal-Kumitat, l-informazzjoni kklassifikata differenti li fuqha huma bbażati d-deċiżjonijiet tagħhom ma jidhrux fil-motivazzjoni tagħhom. Dawn id-deċiżjonijiet jinkludu biss riferiment għat-titolu tal-prova bil-miktub li tinkludi din l-informazzjoni.

    84.      Peress li jinkludu informazzjoni kklassifikata, il-provi bil-miktub ma humiex aċċessibbli mill-persuna suġġetta għal proċedura ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà industrijali.

    85.      Jekk din il-persuna tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tannulla ċertifikazzjoni jew ċertifika ta’ sigurtà industrijali, il-qrati li jeżaminaw dan ir-rikors, skont l-Artikolu 34(1)(f) tal-Liġi Nru 215/2004, huma awtorizzati jkollhom għarfien mingħajr restrizzjoni tal-informazzjoni kklassifikata kollha pprovduta fil-fajl.

    86.      Skont l-Artikolu 35(3) tal-Liġi Nru 215/2004, l-avukat tal-persuna kkonċernata wkoll jista’ jkollu għarfien ta’ din l-informazzjoni kklassifikata, iżda dan biss bil-kunsens tal-awtorità li identifikat l-informazzjoni kklassifikata inkwistjoni u kkomunikata lill-USN. Dan l-avukat ikollu mbagħad dmir ta’ kunfidenzjalità fir-rigward ta’ din l-informazzjoni, li fil-prattika, ifisser li ma jistax jiżvelaha lill-klijent tiegħu.

    87.      Qabel neżamina l-kompatibbiltà tal-garanziji proċedurali hekk deskritti mal-Artikolu 47 tal-Karta, wieħed għandu jistaqsi, kif il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel, dwar l-applikabbiltà ta’ dan l-artikolu għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    1.      Fuq lapplikabbiltà talArtikolu 47 talKarta

    88.      Meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod partikolari mid-dritt għal rimedju effettiv u mid-dritt għal smigħ xieraq sanċiti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (31).

    89.      Mal-ewwel daqqa t’għajn, jista’ jidher li implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, twassal għall-applikabbiltà tal-Artikolu 47 tagħha (32). Għalhekk, hemm ċerta awtomatiċità bejn il-kundizzjoni ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-ħtieġa ta’ osservanza ta’ dan l-aħħar artikolu.

    90.      Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja donnha tindika li din l-awtomatiċità ma hijiex reali.

    91.      Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta f’każ partikolari, tippreżupponi li l-persuna li tibbaża ruħha fuqu tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jew li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (33). Din il-kundizzjoni tiżdied mal-kundizzjoni ġenerali dwar l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 51(1) tal-Karta (34), li hija s-suġġett tal-ewwel domanda.

    92.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju turi d-dubji tagħha dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistax tinvoka dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk ir-regoli previsti mid-Deċiżjoni 2013/488 jistgħux ikunu l-bażi, għall-benefiċċju tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, li hija tista’ tinvoka l-protezzjoni tiegħu abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    93.      Nikkunsidra li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ.

    94.      Huwa minnu li kif indikajt preċedentement, id-Deċiżjoni 2013/488 tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ sabiex jiddeterminaw f’liema każijiet għandha tingħata jew tiġi rrevokata ASF. Għalhekk, l-Anness V ta’ din id-deċiżjoni jimponi fuq l-Istati Membri ċerti verifiki minimi li għandhom isiru qabel tinħareġ AFS, mingħajr madankollu ma jagħti lill-persuni kkonċernati dritt li jiksbu ASF meta jiġu ssodisfati ċerti rekwiżiti. Dawn lanqas għandhom dritt li jżommu l-approvazzjoni tagħhom, minkejja li jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi previsti mill-imsemmija deċiżjoni.

    95.      Madankollu, inqis li minkejja li d-Deċiżjoni 2013/488 ma tagħtix lil impriża la d-dritt li tikseb ASF u lanqas li żżommha, hija madankollu tagħti lill-impriża li kisbet tali approvazzjoni dritt speċifiku li tipparteċipa f’kuntratti kklassifikati tal-Kunsill.

    96.      Fl-istess linja ta’ ideat, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 47 tal-Karta huwiex applikabbli, fil-fehma tiegħi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li deċiżjoni ta’ revoka ta’ ASF jista’ jkollha fuq impriża. F’dan ir-rigward, infakkar li fil-paragrafu 13 tal-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488, huwa previst li “[l]-irtirar ta’ [tali approvazzjoni] jikkostitwixxi raġuni biżżejjed biex is-SĠK, bħala l-awtorità kontraenti, ittemm kuntratt klassifikat jew teskludi offerent mill-kompetizzjoni”. Fid-dawl tal-konsegwenzi negattivi li deċiżjoni ta’ revoka ta’ ASF jista’ jkollha għal impriża, inqis li din tista’ tinvoka b’mod leġittimu l-osservanza tar-rekwiżiti relattivi għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta hija tikkontesta l-legalità ta’ tali deċiżjoni.

    97.      Fi kwalunkwe każ, nirrileva li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni kontra interventi arbitrarji u sproporzjonati fil-qasam tal-attivitajiet privati ta’ kwalunkwe persuna, kemm jekk fiżika jew ġuridika, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (35). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-protezzjoni tista’ tiġi invokata minn persuna ġuridika bħala dritt iggarantit mid‑dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, bil‑għan li tikkontesta, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, att li jikkawżalha preġudizzju (36).

    98.      Peress li l-applikabbiltà tal-Artikolu 47 tal-Karta jidhirli li ġiet stabbilita, għandu jiġi ppreċiżat liema huma l-garanziji proċedurali li impriża bħal protectus tista’ tislet minn dan l-artikolu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    2.      Fuq ilgaranziji li jirriżultaw millArtikolu 47 talKarta filqasam ta’ aċċess għallIKUE

    99.      Il-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tar-regoli proċedurali previsti mil-leġiżlazzjoni Slovakka joriġinaw mill-preżunta differenza bejn il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-Qorti EDB”) u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ limitazzjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju fil-preżenza ta’ informazzjoni kklassifikata.

    100. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti EDB ikkunsidrat determinanti, fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Settembru 2017, Regner vs ir-Repubblika Ċeka (37), sabiex tikkonkludi l-assenza ta’ ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li l-qorti kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ revoka ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà għandha aċċess għall-informazzjoni kklassifikata kollha li fuqha kienet ibbażata l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni (38).

    101. B’applikazzjoni tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, jista’ għalhekk jidher suffiċjenti, fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta u ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li hija biss il-qorti li għandha tipprovdi l-protezzjoni ġudizzjarja lill-persuna kkonċernata, li jista’ jkollha għarfien ta’ informazzjoni kklassifikata.

    102. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali soluzzjoni ma hijiex neċessarjament suffiċjenti fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et.

    103. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddetermina jekk, fil-qasam tal-protezzjoni ta’ IKUE, l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha deċiżjoni li tirrevoka ASF ma tindikax l-informazzjoni kklassifikata li serviet bħala l-bażi tagħha, il-persuna ġuridika kkonċernata ma għandhiex aċċess għall-fajl tal-awtorità ta’ sigurtà nazzjonali li jinkludi tali informazzjoni, l-avukat ta’ din il-persuna ġuridika jista’ jkollu aċċess għal dan il-fajl bil-kundizzjoni li jikseb il-kunsens ta’ din l-awtorità u li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata, u l-qorti nazzjonali li hija responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, għandha, min-naħa tagħha, aċċess għall-informazzjoni kklassifikata kollha kontenuta f’dan il-fajl.

    104. Sabiex tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija, nirrileva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-mod li bih l-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata meta d-dritt ta’ aċċess tagħha għall-fajl ikun ristrett b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, il-modalitajiet konkreti tal-proċeduri stabbiliti għal dan il-għan jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, madankollu, bil-kundizzjoni, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (39).

    105. Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, infakkar li, kif tindika l-qorti tar-rinviju, mill-Artikolu 26(3) tal-Liġi Nru 215/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 50(6) ta’ din il-liġi, jirriżulta li, meta jiddeċiedi li persuna ma jistax ikollha għarfien ta’ informazzjoni kklassifikata skont id-dritt nazzjonali, b’mod partikolari meta jiġi stabbilit li din il-persuna tippreżenta riskju f’termini ta’ sigurtà, l-USN għandu jindika fid-deċiżjoni tiegħu l-provi li fuqhom hija bbażata, il-kunsiderazzjonijiet li ggwidaw l-evalwazzjoni tal-provi kif ukoll l-informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni.

    106. Dawn il-garanziji proċedurali, li jikkonsistu fl-eżistenza ta’ deċiżjoni mmotivata, għandhom japplikaw ukoll fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ revoka ta’ ASF, ħlief bi ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Għalhekk, jidhirli stabbilit li impriża bħal protectus, li hija s-suġġett ta’ tali deċiżjoni, għandha titqiegħed f’pożizzjoni li tkun taf ir-raġunijiet, tal-inqas dawk essenzjali, li huma l-bażi ta’ din id-deċiżjoni, fil-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 215/2004, kif interpretati mill-qrati nazzjonali. Dan jidher li huwa l-każ minħabba r-rabta li l-leġiżlazzjoni Slovakka tistabbilixxi bejn ir-revoka ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali u dik ta’ ċertifikat ta’ sigurtà industrijali.

    107. Madankollu, bilfors għandu jiġi kkonstatat li mill-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jistax jiġi dedott obbligu ta’ komunikazzjoni lill-persuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ revoka tal-ASF tagħha tal-informazzjoni kklassifikata li sservi bħala bażi tagħha. Fil-fatt, kif indikajt preċedentement, skont il-prattika tal-USN u dik tal-Kumitat, l-informazzjoni kklassifikata differenti li fuqha huma bbażati d-deċiżjonijiet tagħhom ma jidhrux fil-motivazzjoni tagħhom. Għalhekk, dan l-aspett għandu jiġi eżaminat mill-angolu tal-prinċipju ta’ effettività.

    108. Fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, għandu jiġi enfasizzat li dan jiġi ssodisfat biss bil-kundizzjoni li r-regola proċedurali inkwistjoni tkun konformi mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (40). Għalhekk, l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li għandhom il-partijiet fil-kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit f’dan l-Artikolu 47, li l-qorti nazzjonali għandha tosserva. Din il-protezzjoni għandha tgħodd kemm fil-livell tal-iffissar tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relattivi għal tali kawżi (41).

    109. Għandu jitfakkar ukoll li l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jimponi, matul proċedura ġudizzjarja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata (42).

    110. Għalhekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, li għandu jitfakkar li huwa suffiċjenti fih innifsu (43), teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha jew minn qari tad-deċiżjoni stess, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li tersaq quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (44). Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li l-persuna kkonċernata tista’ taċċedi mhux biss għar-raġunijiet tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, iżda wkoll għall-elementi kollha tal-fajl li fuqhom ibbażat ruħha l-amministrazzjoni, sabiex tkun tista’ effettivament tieħu pożizzjoni fuq dawn l-elementi (45).

    111. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta, jimplika li l-partijiet fi proċedura għandu jkollhom id-dritt li jkollhom għarfien tad-dokumenti jew osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti intiżi sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiddiskutuhom, li jippreżupponi li l-persuna kkonċernata għandu jkollha għarfien tal-elementi tal-fajl tagħha li huma mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-qorti li għandha tiddeċiedi dwar ir-rimedju eżerċitat kontra din id-deċiżjoni (46).

    112. Madankollu, skont dak previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma huwiex ta’ natura assoluta fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, għandu jitfakkar li d-drittijiet tad-difiża ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti u li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl li huwa korollarju tagħhom jista’ għalhekk ikun limitat, abbażi ta’ bilanċ bejn, minn naħa, id-dritt għal rimedju effettiv tal-persuna kkonċernata, u min-naħa l-oħra, l-interessi invokati għall-ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ żvelar ta’ element tal-fajl lil din il-persuna, b’mod partikolari, meta dawn l-interessi jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali (47). Fil-fatt, jista’ jirriżulta neċessarju, kemm fi proċedura amministrattiva kif ukoll fi proċedura ġudizzjarja, li ma tkunx ikkomunikata ċerta informazzjoni lill-persuna kkonċernata, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali (48).

    113. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta b’mod kostanti li d-drittijiet tad-difiża jisfaxxaw fix-xejn, irrispettivament mis-sensittività tal-qasam inkwistjoni. F’kull kawża, hija tistieden lill-qorti nazzjonali tfittex punt ta’ ekwilibriju bejn id-dritt għal rimedju effettiv u l-preservazzjoni tar-rekwiżiti ta’ sigurtà.

    114. Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ibbilanċjar li għandha twettaq il-qorti nazzjonali ma jistax iwassal, fid-dawl tal-osservanza neċessarja tal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex iċaħħad minn kull effittività d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u jxejjen il-kontenut tad-dritt ta’ rimedju li din il-persuna għandha skont dan l-artikolu, b’mod partikolari billi ma tiġix ikkomunikata lilha, jew jekk ikun il-każ, lir-rappreżentant tagħha, tal-inqas, is-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha (49).

    115. Dan il-bilanċ jista’, mill-banda l-oħra, iwassal sabiex ċerti elementi tal-fajl ma jkunux ikkomunikati lill-persuna kkonċernata, meta l-iżvelar ta’ dawn l-elementi jista’ jikkomprometti b’mod dirett u partikolari s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn dan ikun jista’, b’mod partikolari, iqiegħed f’periklu l-ħajja, is-saħħa jew il-libertà ta’ persuni jew jiżvela l-metodi ta’ investigazzjoni speċifikament użati minn korpi b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali u għalhekk jostakola serjament, jew anki jipprekludi, it-twettiq futur tal-kompiti ta’ dawn il-korpi (50).

    116. Mill-preċedenti jirriżulta li minkejja li d-dritt tal-Unjoni jawtorizza lill-Istati Membri, b’mod partikolari meta s-sigurtà nazzjonali teħtieġ dan, li ma jagħtux lill-persuna kkonċernata aċċess dirett għall-fajl kollu, dan id-dritt ma jistax, mingħajr ksur tal-prinċipju ta’ effettività, id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal rimedju effettiv, jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jqiegħdu lil din il-persuna f’sitwazzjoni fejn la hi u lanqas ir-rappreżentant tagħha ma jkunu f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, b’mod utli, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ proċedura speċifika ddedikata għall-preservazzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tas-sustanza tal-elementi determinanti li jinsabu f’dan il-fajl (51).

    117. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li meta l-iżvelar ta’ informazzjoni li tinsab fil-fajl ikun ġie ristrett għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata ma jkunx żgurat b’mod suffiċjenti mill-possibbiltà ta’ din il-persuna li tikseb, taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni sabiex taċċedi għal din l-informazzjoni flimkien ma’ projbizzjoni totali li tuża l-informazzjoni hekk miksuba għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva jew tal-proċedura ġudizzjarja (52).

    118. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-punt dwar jekk id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata humiex suffiċjentement iggarantiti mill-fakultà tal-qorti kompetenti li taċċedi għall-fajl, għandu jiġi enfasizzat li tali fakultà ma tistax tissostitwixxi l-aċċess għall-informazzjoni li tinsab f’dan il-fajl mill-persuna kkonċernata jew mir-rappreżentant tagħha (53). Għalhekk, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedura ġudizzjarja jimplika mhux li l-qorti kompetenti jkollha l-elementi rilevanti kollha sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha, iżda li l-persuna kkonċernata, jekk ikun il-każ permezz tal-intervent ta’ konsulent, tkun tista’ tinvoka l-interessi tagħha billi tesprimi l-perspettiva tagħha dwar dawn l-elementi (54). Fil-fatt, l-aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl mill-qrati kompetenti u l-istabbiliment ta’ proċeduri li jiggarantixxu li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jiġu rrispettati jikkostitwixxu żewġ rekwiżiti distinti u kumulattivi (55).

    119. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha, fl-istess linja tas-sentenzi preċedenti tagħha, li l-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 47 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 20 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ revoka jew ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza, adottata fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ jibbenefika mid-dritt ta’ residenza derivat skont dan l-Artikolu 20, tkun ibbażata fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew ir-rappreżentant tiegħu ma jistgħux jaċċedu għal din l-informazzjoni ħlief wara li jiksbu awtorizzazzjoni għal dan il-għan, ma tiġix ikkomunikata lilhom ukoll is-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom tali deċiżjonijiet huma bbażati, u fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jużaw, għall-finijiet ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni li għaliha huma jista’ jkollhom aċċess (56).

    120. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dawn l-elementi li joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u jekk il-konklużjonijiet li għalihom waslet sal-lum humiex trasponibbli għall-qasam dwar il-protezzjoni ta’ IKUE, li jista’ jwassal għall-konstatazzjoni li l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    121. Din il-mistoqsija jidhirli li hija leġittima, fid-dawl tal-partikolarità tal-qasam dwar il-protezzjoni ta’ IKUE, li tiddistingwih mill-oqsma li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja, sal-lum, ipprovdiet indikazzjonijiet dwar il-bilanċ li għandu jintlaħaq bejn id-dritt għal rimedju effettiv u l-interessi invokati sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ żvelar ta’ ċerta informazzjoni, u b’mod partikolari meta dawn l-interessi jkunu jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali.

    122. Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (57).

    123. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża hija differenti minn dawk li taw lok għas-sentenzi ZZ, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et u kif ukoll NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata). Fil-fatt, meta tkun inkwistjoni deċiżjoni li tirrestrinġi l-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, jew deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ revoka ta’ tali protezzjoni minħabba theddida għas-sigurtà nazzjonali, jew deċiżjoni li tirrevoka jew tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ jibbenefika minn dritt derivati ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, il-prinċipju huwa dak ta’ komunikazzjoni sħiħa tar-raġunijiet u tal-informazzjoni li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet. Għalhekk, il-limitazzjoni ta’ dan il-prinċipju tidher bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (58).

    124. Fil-qasam dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata, jidhirli li l-loġika għandha tkun bil-kontra, b’tali mod li l-prinċipju huwa dak tal-projbizzjoni ta’ żvelar ta’ tali informazzjoni lill-persuni mhux awtorizzati. L-iżvelar ta’ informazzjoni kklassifikata jikkostitwixxi għalhekk l-eċċezzjoni ta’ din ir-regola u jista’ jseħħ biss favur persuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji sabiex jibbenefikaw minn approvazzjoni ta’ sigurtà. Bħala eċċezzjoni, tali żvelar jista’ ġustament ikun suġġett għal limiti stretti.

    125. Minn dan isegwi li persuna li l-ASF tagħha hija kkontestata minn awtorità ta’ sigurtà nazzjonali ma tistax, fi-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja intiża sabiex tikkontesta deċiżjoni ta’ revoka ta’ din l-approvazzjoni, titlob l-aċċess għall-informazzjoni kklassifikata li fuqha hija bbażata din id-deċiżjoni, kemm jekk din il-klassifikazzjoni tirriżulta mid-dritt nazzjonali kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni. Ikun paradossali li filwaqt li l-approvazzjoni tagħha sabiex tkun tista’ taċċedi għal informazzjoni kklassifikata tkun qed tiġi kkontestata minn awtorità ta’ sigurtà nazzjonali, persuna tista’ tikseb, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-possibbiltà li tikkonsulta informazzjoni ta’ din in-natura li tirrigwardaha. Dan iwassal sabiex tiġi żvelata lilha informazzjoni kklassifikata li kienet il-bażi tad-deċiżjoni intiża sabiex tipprekludiha milli tikkonsulta IKUE u għalhekk li jkollha għarfien ta’ informazzjoni kklassifikata sabiex turi li, għall-kuntrarju ta’ dak li tqis l-awtorità nazzjonali kompetenti, hija għandu jkollha aċċess għal tali informazzjoni. Għalhekk, fid-dawl tal-għan innifsu tad-deċiżjoni ta’ revoka ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà, aċċess għal informazzjoni kklassifikata mill-persuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, inkluż fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, iwassal, fil-fehma tiegħi, għal kontestazzjoni tar-regola li l-persuni li għandhom tali approvazzjoni biss jista’ jkollhom għarfien ta’ din l-informazzjoni.

    126. Ir-rispett tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni kklassifikata lill-persuni li jikkontestaw ir-revoka tal-approvazzjoni ta’ sigurtà tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja huwa ġġustifikat mir-rekwiżiti ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni li huma inerenti għall-qasam dwar il-protezzjoni ta’ IKUE kif ukoll mill-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li għandu jkollhom l-Istati Membri fir-rigward tal-għoti jew tar-revoka ta’ ASF.

    127. Barra minn hekk, kif indikajt preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà wriet il-ħtieġa li ċerti elementi tal-fajl ma jiġux ikkomunikati lill-persuna kkonċernata meta l-iżvelar ta’ dawn l-elementi jista’ jikkomprometti b’mod dirett u partikolari s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn dan jista’ jqiegħed f’periklu l-ħajja, s-saħħa jew il-libertà ta’ persuni jew jiżvela l-metodi ta’ investigazzjoni speċifikament użati minn korpi b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali u għalhekk jostakola serjament, jew anki jipprekludi, it-twettiq futur tal-kompiti ta’ dawn il-korpi (59). Tali imperattivi, li l-Qorti tal-Ġustizzja wriet fl-ewwel lok fis-sentenza tagħha ZZ (60), li magħhom tista’ tiżdied il-ħtieġa li ma jiġux ippreġudikati investigazzjonijiet kriminali pendenti, li l-persuna inkwistjoni jew in-nies tagħha jistgħu jkunu suġġetti għalihom (61), jidhirli li jippreżentaw rilevanza partikolari fil-qasam dwar il-protezzjoni ta’ IKUE.

    128. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-persuni li jitolbu approvazzjoni ta’ sigurtà, l-istess bħal dawk li diġà kisbu tali approvazzjoni, huma s-suġġett ta’ investigazzjonijiet intiżi sabiex jiġi identifikat kwalunkwe elementi li jista’ jqegħedhom f’riskju ta’ rikatt jew ta’ pressjoni bil-għan li jġegħelhom jikkollaboraw ma’ strutturi jew aġenti malizzjużi li jixtiequ jaċċedu għall-informazzjoni kklassifikata fil-pussess tagħhom. Dawn l-investigazzjonijiet huma bbażati fuq kriterji oġġettivi u metodi ta’ investigazzjoni li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk persuna li talbet jew li għandha approvazzjoni ta’ sigurtà tippreżentax, permezz tal-aġir tagħha jew tal-ambjent tagħha, vulnerabbiltà li tista’ tintuża minn terzi sabiex tinkiseb data protetta. Fil-qosor, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiddetermina jekk persuna tistax tiġi kkunsidrata bħala affidabbli jew le mill-perspettiva tas-sigurtà u tal-kunfidenzjalità neċessarja tal-informazzjoni kklassifikata, billi tiżgura li din il-persuna hija leali u denja ta’ fiduċja. Jidhirli li huwa essenzjali li tiġi ppreservata mhux biss in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kklassifikata li tippermetti awtorità ta’ sigurtà nazzjonali tikkonstata li persuna tippreżenta riskju għas-sigurtà, iżda wkoll is-sigriet li għandu jkopri l-provi u l-metodi ta’ investigazzjoni li permezz tagħhom jiġi stabbilit tali riskju.

    129. Għalhekk, l-investigazzjonijiet intiżi għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju għas-sigurtà industrijali għandhom, min-natura, jibbenefikaw minn kunfidenzjalità stretta, u dan iktar u iktar peress li għandu jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tippreġudikax l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni purament nazzjonali li tikkonsisti fil-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata skont id-dritt nazzjonali.

    130. Minn dawn l-elementi jirriżulta li fil-qasam dwar il-protezzjoni ta’ IKUE, ir-rwol tal-qorti nazzjonali mitluba tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ revoka ta’ ASF għandu jkun iggwidat mill-prinċipju ta’ nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni kklassifikata lir-rikorrent li jikkontesta tali deċiżjoni.

    131. Madankollu, kif diġà indikajt, jidhirli li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata fuq l-idea fundamentali li, irrispettivament mis-sensittività tal-qasam inkwistjoni, id-drittijiet tad-difiża ma jistgħux jisfaxxaw fix-xejn u l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti nazzjonali abbażi tal-informazzjoni rilevanti kollha ma tistax tissostitwixxi l-eżerċizzju effettiv ta’ dawn id-drittijiet mill-persuna kkonċernata jew mir-rappreżentant tagħha. Id-drittijiet ta’ difiża, li huma indispensabbli, minn naħa, sabiex il-persuna suġġett ta’ deċiżjoni ta’ revoka ta’ ASF tkun tista’ tesprimi l-perspettiva tagħha, u min-naħa l-oħra, sabiex il-qorti tkun tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ din id-deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti, jippreżupponu, fil-fehma tiegħi, li din il-persuna ma tkunx f’injoranza assoluta ta’ dak li qed jiġi allegat fil-konfront tagħha. Barra minn hekk, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ revoka ta’ ASF ma jirriżultawx neċessarjament minn informazzjoni kklassifikata, kif turi s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali. Għandu jiżdied li eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, li permezz tiegħu l-persuna li tiġi mċaħħda minn dritt li jirriżulta minn ASF għandu jkollha l-possibbiltà li tikkontesta l-ilmenti fil-konfront tagħha, ma għandux jiġi affettwat mill-fatt li din il-persuna ma tistax titlob dritt li tikseb jew iżżomm tali approvazzjoni.

    132. Għalhekk, nikkunsidra li, minkejja li fil-qasam dwar il-protezzjoni ta’ IKUE, il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tal-elementi kkomunikati lill-persuna suġġetta għal deċiżjoni ta’ revoka ta’ ASF għandu jipprevali, din il-persuna jew, jekk ikun il-każ, ir-rappreżentant tagħha, għandu jkollhom għarfien, tal-inqas tas-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Tali garanzija minima tirriżulta b’mod kostanti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (62). Madankollu, ser nagħti l-limiti segwenti fil-kuntest speċifiku tal-qasam inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    133. Fl-ewwel lok, il-garanzija li l-persuna kkonċernata jew, jekk ikun il-każ, ir-rappreżentant tagħha, għandu jiġi kkomunikat lilhom, tal-inqas, is-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ revoka ta’ ASF ma tistax twassal sabiex tiżvela, tal-inqas parzjalment, informazzjoni kklassifikata. Din il-komunikazzjoni tas-sustanza tar-raġunijiet għandha għalhekk issir f’osservanza tal-kunfidenzjalità stretta ta’ din it-tip ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, tali komunikazzjoni għandha ssir f’osservanza tal-interessi pubbliċi l-oħra li ċċitajt preċedentement, bħall-ħtieġa li ma jiġux żvelati metodi ta’ investigazzjoni jew li ma jiġux ippreġudikati investigazzjonijiet kriminali pendenti.

    134. Fit-tieni lok, nikkunsidra li, sabiex id-drittijiet tad-difiża tal-persuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ revoka tal-ASF tagħha jkunu suffiċjentement iggarantiti, ma huwiex neċessarju li din il-persuna tiġi kkomunikata s-sustanza tar-raġunijiet kollha li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Fl-opinjoni tiegħi, huwa suffiċjenti li l-imsemmija persuna jkollha għarfien tas-sustanza tar-raġunijiet li jikkostitwixxu, skont il-qorti nazzjonali, bażi suffiċjenti sabiex tiġi sostnuta l-imsemmija deċiżjoni, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni kif ukoll tal-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li għandu jkollha l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam dwar il-protezzjoni ta’ IKUE (63).

    135. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-leġiżlazzjoni Slovakka tinkludi b’mod suffiċjenti garanziji, li meħuda flimkien, jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ persuna suġġett ta’ deċiżjoni ta’ revoka ta’ ASF.

    136. F’dan id-dawl, infakkar li, skont l-indikazzjonijiet pprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-qorti li tistħarreġ il-legalità ta’ din id-deċiżjoni għandha aċċess għall-fajl kollu tal-awtorità ta’ sigurtà nazzjonali. Barra minn hekk, minkejja li l-persuna ġuridika kkonċernata ma għandhiex aċċess għal dan il-fajl li jinkludi l-informazzjoni kklassifikata li serviet, flimkien ma’ elementi oħra, bħala l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, l-avukat ta’ din il-persuna ġuridika jista’ jkollu aċċess għall-imsemmi fajl bil-kundizzjoni li jikseb il-kunsens ta’ din l-awtorità u jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata. Barra minn hekk, nirrileva li matul il-proċedura ġudizzjarja, fuq talba tal-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-USN ikkomunikalu żewġ provi bil-miktub ikklassifikati.

    137. Minbarra din l-informazzjoni kklassifikata, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-USN kellu għarfien ta’ informazzjoni mhux ikklassifikata li kienet tindika, b’mod partikolari, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew id-diretturi tagħha kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali, li hija kienet ikkonkludiet kuntratti ma’ kumpanniji suġġett ta’ tali investigazzjoni, li hija kienet ħallset lil dawn il-kumpanniji ammonti mhux tas-soltu, u li kienu jeżistu suspetti ta’ rabtiet bejn il-persunal tagħha u kumpannija oħra li magħha hija kienet wieġbet għal sejħiet għal offerti, u għalhekk iż-żewġ kumpannija għamlu offerta taħt kontroll komuni. Huwa stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħet tesprimi ruħha dwar l-informazzjoni hekk miksuba mill-USN.

    138. Barra minn hekk, l-annullament mill-USN taċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali, li kellu bħala konsegwenza awtomatika dak taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali, kien ibbażat fuq il-konstatazzjoni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ippreżentat riskju għas-sigurtà minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni kummerċjali li tista’ tippreġudika l-interessi tar-Repubblika Slovakka fil-qasam tas-sigurtà u aġir li jmur kontra l-interessi ekonomiċi ta’ dak l-Istat Membru. Bħala motivazzjoni għal din id-deċiżjoni, l-USN irrefera, minn naħa, għal informazzjoni mhux ikklassifikata li huwa espona fid-dettall, u min-naħa l-oħra, għal informazzjoni kklassifikata li tagħha ma ppreċiżax il-kontenut.

    139. Kif tindika l-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkontesta fir-rikors tagħha l-kunsiderazzjonijiet fattwali u legali differenti li abbażi tagħhom l-USN u l-Kumitat ibbażaw il-konklużjoni tagħhom li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tippreżenta riskju għas-sigurtà, li jippreżupponi li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu magħrufa mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li għalhekk, kienet f’pożizzjoni li tikkontestahom.

    140. Minn dawn l-elementi niddeduċi li b’applikazzjoni tal-garanziji previsti mil-leġiżlazzjoni Slovakka, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tinstabx f’sitwazzjoni fejn ma tafx dak li qed jiġi allegat fil-konfront tagħha, minkejja li hija ma kellhiex, fl-opinjoni tiegħi, ġustament, l-informazzjoni kklassifikata kollha li tagħha hija riedet li jkollha għarfien. L-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jwassluni, għall-kuntrarju, sabiex nikkunsidra li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet ikkomunikata s-sustanza tar-raġunijiet li jistgħu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti insostenn tad-deċiżjoni ta’ revoka tal-ASF tagħha, li ovvjament għandu jiġi vverifikat mil-qorti tar-rinviju. Dan ifisser li, jekk din il-qorti tqis li r-raġunijiet stabbiliti f’din id-deċiżjoni huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikawha, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li għandu jkollha l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam dwar il-protezzjoni ta’ IKUE, u li dawn ir-raġunijiet setgħu jiġu diskussi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jidher li kien il-każ, ma hemmx lok li jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża.

    141. Konsegwentement, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha deċiżjoni li tannulla ASF ma tindikax l-informazzjoni kklassifikata li serviet bħala l-bażi tagħha u l-persuna ġuridika kkonċernata ma għandhiex aċċess għall-fajl tal-awtorità ta’ sigurtà nazzjonali li jinkludi din l-informazzjoni, peress li, l-ewwel nett, l-avukat ta’ din il-persuna ġuridika jista’ jkollu aċċess bil-kundizzjoni li jikseb il-kunsens ta’ din l-awtorità u li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata, it-tieni nett, il-qorti nazzjonali responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni għandha aċċess għall-informazzjoni kklassifikata kollha kontenuta fl-imsemmi fajl, u t-tielet nett, l-imsemmija persuna ġuridika kellha għarfien tas-sustanza tar-raġunijiet li jistgħu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti insostenn tal-imsemmija deċiżjoni, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    D.      Fuq ittielet u rraba’ domanda preliminari

    142. Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi li qorti, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni li tannulla ASF ibbażata parzjalment fuq informazzjoni kklassifikata, għandha s-setgħa li tawtorizza l-aċċess tal-persuna ġuridika suġġett ta’ din id-deċiżjoni għall-fajl tal-awtorità ta’ sigurtà nazzjonali li jinkludi tali informazzjoni. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb ukoll preċiżazzjonijiet dwar il-portata ta’ tali setgħa.

    143. Għandu jiġi ppreċiżat li t-tielet domanda saret mill-qorti tar-rinviju fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda tagħha fis-sens li l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludi l-leġiżlazzjoni Slovakka. Kif indikajt preċedentement, mingħajr ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel din il-qorti, il-garanziji previsti minn din il-leġiżlazzjoni, meħuda flimkien, jidhirli li huma suffiċjenti sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża ta’ persuna suġġetta għal deċiżjoni ta’ revoka ta’ ASF.

    144. Madankollu, jidhirli li huwa utli li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju dwar jekk l-Artikolu 47 tal-Karta jimponix li qorti responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità ta’ tali deċiżjoni għandha, lil hinn mill-garanziji previsti mil-leġiżlazzjoni Slovakka, is-setgħa li tawtorizza l-aċċess tal-persuna kkonċernata għall-fajl kollu li jinkludi informazzjoni kklassifikata.

    145. Dwar dan l-aspett, is-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fis-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) tista’, fl-opinjoni tiegħi, tapplika biss a fortiori, fil-qasam tal-protezzjoni ta’ IKUE (64).

    146. Għalhekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq it-tagħlimiet meħuda mis-sentenza tagħha ZZ (65) sabiex tiddeċiedi li l-Istati Membri jistgħu jirriżervaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam ta’ sigurtà s-setgħa li jikkomunikaw jew le raġunijiet jew provi, sa fejn il-qorti kompetenti jkollha s-setgħa li tislet il-konsegwenzi mid-deċiżjoni finalment mogħtija f’dan ir-rigward minn dawn l-awtoritajiet (66).

    147. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali soluzzjoni hija ta’ natura li meta awtorità nazzjonali tostakola b’mod inġustifikat il-komunikazzjoni tal-elementi kollha jew parti minnhom li huma l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni, tiżgura l-osservanza sħiħa tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn hija tiggarantixxi li l-ksur, minn din l-awtorità, ta’ obbligi proċedurali imposti fuqha ma jwassalx sabiex id-deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u dokumenti li l-applikant ma kellux għarfien tagħhom u li għalhekk ma kienx f’pożizzjoni li jieħu pożizzjoni dwarhom (67).

    148. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 47 tal-Karta jimplika li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tistħarreġ deċiżjoni bbażata fuq informazzjoni kklassifikata għandu neċessarjament ikollha s-setgħa li tiddikklassifika ċerta informazzjoni u tikkomunika hija stess din l-informazzjoni lir-rikorrent, peress li tali deklassifikazzjoni u tali komunikazzjoni ma humiex indispensabbli sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva waqt l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (68).

    149. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nikkunsidra li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li qorti, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni li tannulla ASF ibbażata parzjalment fuq informazzjoni kklassifikata, għandu jkollu setgħa li tawtorizza l-aċċess tal-persuna ġuridika suġġett ta’ din id-deċiżjoni għall-fajl tal-awtorità ta’ sigurtà nazzjonali li jinkludi tali informazzjoni.

    150. Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lit-tielet domanda, fil-fehma tiegħi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata r-raba’ domanda.

    IV.    Konklużjoni

    151. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka) tkun kif ġej:

    1)      L-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni meta waħda mill-qrati tiegħu tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni li tannulla ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizza l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni Ewropea, li huwa ekwivalenti għal approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità (ASF), fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-Anness V tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488 tat‑23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali twettaq rabta bejn il-validità ta’ dan iċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali u dik ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali nazzjonali, peress li r-revoka tal-imsemmi ċertifikat hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li d-detentur tiegħu jippreżenta riskju għas-sigurtà.

    2)      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha deċiżjoni li tannulla ASF ma tindikax l-informazzjoni kklassifikata li serviet bħala bażi għaliha u l-persuna ġuridika kkonċernata ma għandhiex aċċess għall-fajl tal-awtorità ta’ sigurtà nazzjonali li jinkludi din l-informazzjoni, peress li, l-ewwel nett, l-avukat ta’ din il-persuna ġuridika jista’ jkollu aċċess għal dan il-fajl bil-kundizzjoni li jikseb il-kunsens ta’ din l-awtorità u jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata, it-tieni nett, il-qorti nazzjonali responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni għandha aċċess għall-informazzjoni kklassifikata kollha kontenuta fl-imsemmi fajl, u t-tielet nett, l-imsemmija persuna ġuridika kellha għarfien tas-sustanza tar-raġunijiet li jistgħu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti insostenn tal-imsemmija deċiżjoni.

    3)      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li qorti, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni li tannulla ASF ibbażata parzjalment fuq informazzjoni kklassifikata, jkollha s-setgħa li tawtorizza l-aċċess tal-persuna ġuridika suġġett ta’ din id-deċiżjoni għall-fajl tal-awtorità ta’ sigurtà nazzjonali li jinkludi tali informazzjoni.


    1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


    2      ĠU 2013, L 274, p. 1.


    3      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


    4      Ara b’mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat‑13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU 2015, L 72, p. 53), u d-Deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tal‑15 ta’ April 2013 dwar ir-regoli applikabbli għall-ipproċessar ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-Parlament Ewropew (ĠU 2014, C 96, p. 1). Għandu jissemma wkoll il-ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, magħqudin fi ħdan il-Kunsill, tal‑4 ta’ Mejju 2011, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata skambjata fl-interess tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011, C 202, p. 13).


    5      C‑159/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et”, EU:C:2022:708.


    6      ĠU 2013, L 180, p. 60.


    7      Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 60).


    8      Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 57).


    9      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (C‑420/22 u C‑528/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata)”, EU:C:2024:34, punt 55, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


    10      Iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 215/2004”.


    11      L-Artikolu 46(c) tal-Liġi Nru 215/2004 jipprevedi b’mod partikolari li ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali ta’ imprenditur tista’ tinħareġ biss lil imprenditur li huwa “affidabbli f’termini ta’ sigurtà”.


    12      Iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 134/2016”.


    13      Ara l-Artikolu 5(1)(d) tad-Digriet Nru 134/2016.


    14      Ara l-Artikolu 5(4)(a) tad-Digriet Nru 134/2016.


    15      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 17 u 19, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); tal‑25 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2022:346, punti 25 u 26), kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2024, Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Craiova et (C‑58/22, EU:C:2024:70, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    16      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19), u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 33).


    17      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Craiova et (C‑58/22, EU:C:2024:70, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    18      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto” (C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    19      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    20      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’Istruzione u INPS (C‑270/22, EU:C:2023:933, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    21      Ara s-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 103).


    22      Ara l-Artikolu 60(7) tal-Liġi Nru 215/2004 li, flimkien mal-Artikolu 5(6) tad-Digriet Nru 134/2016, huwa applikabbli għaċ-ċertifikat ta’ sigurtà nazzjonali.


    23      Ara, b’mod partikolari, il-paragrafu 9(a) u (b) ta’ dan l-anness.


    24      Ara l-Artikolu 5(4)(a) tad-Digriet Nru 134/2016.


    25      Korsiv miżjud minni. L-Appendiċi B tad-Deċiżjoni 2013/488, dwar l-ekwivalenza tal-klassifikazzjonijiet ta’ sigurtà, juri wkoll ir-rabta stretta bejn il-klassifikazzjonijiet nazzjonali u l-klassifikazzjonijiet tal-Unjoni.


    26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo (C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    27      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 28).


    28      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 50).


    29      Ara b’mod partikolari, l-Artikolu 1(2); Artikolu 11(4) sa (6) u l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2013/488. F’loġika ta’ reċiproċità, l-Artikolu 4(3) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li, “[f]ejn l-Istati Membri jintroduċu informazzjoni klassifikata li jkollha marka ta’ klassifikazzjoni ta’ sigurtà nazzjonali fi strutturi jew networks tal-Unjoni, il-Kunsill u s-SĠK għandu jipproteġi dik l-informazzjoni skont ir-rekwiżiti applikabbli għal IKUE fil-livell ekwivalenti kif stabbilit fit-tabella ta’ ekwivalenza ta’ klassifikazzjonijiet ta’ sigurtà li jinsabu fl-Appendiċi B”.


    30      Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    31      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali), (C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    32      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, Funke (C‑626/21, EU:C:2023:412, punt 76).


    33      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett ta’ sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 34); tas‑17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries (C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 32), kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2023, Agenția Națională de Integritate (C‑40/21, EU:C:2023:367, punt 84).


    34      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 42 u 51).


    35      Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk persuna ġuridika li ġiet ordnata mill-awtorità nazzjonali kompetenti tikkomunika ċerta informazzjoni jew sanzjonata minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-ordni għandhiex tingħata l-benefiċċju tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta fil-preżenza ta’ tali deċiżjonijiet, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 51); tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt ta’ rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2021, État luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ persuni taxxabli) (C‑437/19, EU:C:2021:953, punt 87).


    36      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt ta’ rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2021, État luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ persuni taxxabbli) (C‑437/19, EU:C:2021:953, punt 87).


    37      CE:ECHR:2017:0919JUD003528911. Fl-oriġini ta’ din il-kawża, in-Národní bezpečnostní úřad (l-Uffiċċju ta’ Sigurtà Nazzjonali, ir-Repubblika Ċeka) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) kien iddeċieda li jtemm il-validità ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà, maħruġa lir-rikorrent sabiex tippermettilu jokkupa l-funzjoni ta’ assistent tal-Prvního náměstka ministra obrany (il-Viċi Ministru għad-Difiża, ir-Repubblika Ċeka), għar-raġuni li l-persuna kkonċernata kienet tippreżenta riskju għas-sigurtà nazzjonali. Madankollu, id-deċiżjoni ma kinitx issemmi l-informazzjoni kunfidenzjali li fuqha kienet ibbażata; peress li din kienet ikklassifikata fil-kategorija “riżervata”, il-liġi ma kinitx tippermetti l-iżvelar tagħha lill-persuna kkonċernata. It-talba għal annullament tar-rikorrent kienet imbagħad miċħuda mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), li d-dokumenti inkwistjoni kienu trażmessi lilha mill-Uffiċċju. Ir-rikorrent u l-avukat tiegħu ma kinux awtorizzati jikkonsultawhom. Imbagħad ir-rikorsi tar-rikorrent ma kinux ta’ suċċess. Quddiem il-Qorti EDB, ir-rikorrent kien invoka ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950) (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Huwa lmenta l-inugwaljanza tal-proċedura amministrattiva minħabba l-impossibbiltà li jkollu għarfien ta’ prova determinanti, ikklassifikata bħala informazzjoni kunfidenzjali, imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-qrati mill-konvenut.


    38      Ara l-punt 152 ta’ din is-sentenza. Il-proċedura ppreżentata mir-rikorrent quddiem il-qrati nazzjonali kellha żewġ limitazzjonijiet fir-rigward tar-regoli tad-dritt komuni intiża sabiex jiggarantixxu smigħ xieraq: minn naħa, id-dokumenti u informazzjoni kklassifikata ma kinux aċċessibbli la għalih u lanqas għall-avukat tiegħu, u min-naħa l-oħra, peress li d-deċiżjoni ta’ revoka kienet ibbażata fuq tali dokumenti, ir-raġunijiet bażi tad-deċiżjoni ma kinux ikkomunikati lilu (punt 150). Waqt l-eżami tal-proċedura inkwistjoni kollha, il-Qorti EDB ikkonkludiet li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti EDB, ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-setgħat mogħtija lill-qrati nazzjonali. Għalhekk, il-qrati kellhom aċċess għad-dokumenti kklassifikati kollha, mingħajr restrizzjoni, li fuqhom l-Uffiċċju kien ibbaża ruħu sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu; huma kellhom is-setgħa jwettqu eżami dettaljat tar-raġunijiet invokati mill-Uffiċċju sabiex ma jikkomunikax id-dokumenti kklassifikati u jordnaw il-komunikazzjoni ta’ dawk li jqisu li ma kienx jistħoqqilhom il-klassifikazzjoni tagħhom; huma setgħu jevalwaw ukoll il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju li tordna r-revoka taċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà u jissanzjonaw, jekk ikun il-każ, deċiżjoni arbitrarja (punt 152). Il-ġurisdizzjoni tagħhom kienet tkopri l-fatti kollha tal-każ u ma kinitx limitata għall-eżami tal-motivi invokati mir-rikorrent, li nstema’ mill-imħallfin u seta’ jissottometti wkoll it-talbiet tiegħu bil-miktub (punt 153). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti EDB qieset li l-qrati aditi kienu eżerċitaw debitament is-setgħat ta’ stħarriġ li huma kellhom f’din it-tip ta’ proċedura, fir-rigward kemm tal-ħtieġa li jżommu l-kunfidenzjalità tad-dokumenti kklassifikati kif ukoll tal-ġustifikazzjoni tar-revoka taċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà tar-rikorrent, billi mmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ inkwistjoni (punt 154).


    39      Ara, b’analoġija, is-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll il-punt 87).


    40      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara et (C‑64/20, EU:C:2021:14, punt 41), li jindikaw li “ir-rekwiżit ta’ effettività, mifhum bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali [...] jikkoinċidi fil-prattika mad-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta”.


    41      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-prinċipju ta’ effettività “ma jinkludix [...] rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantiti mill-Karta” (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 43)).


    42      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    43      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet ta’ xoljiment) (C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-Artikolu 47 tal-Karta huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali”.


    44      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken (C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    45      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    46      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    47      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    48      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza ZZ”, EU:C:2013:363, punt 54).


    49      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    50      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    51      Ara, b’analoġija, is-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    52      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    53      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    54      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    55      Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 59).


    56      Ara s-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 101).


    57      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    58      Ara s-sentenza ZZ (punt 49). Madankollu, f’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-interpretazzjoni stretta ma għandhiex ċċaħħad mill-effett utli tagħha d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tipprevedi d-deroga inkwistjoni. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet sabiex tiddetermina jekk u sa fejn l-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5, p. 46), jippermettu n-nuqqas tal-iżvelar tal-motivi preċiżi u kompleti ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, peress li d-dispożizzjonijiet tagħhom għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta (punt 50). Ara, b’mod iktar ġenerali, dwar ir-regoli li l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    59      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    60      Ara l-punt 66 ta’ din is-sentenza.


    61      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Settembru 2017, Regner vs ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2017:0919JUD003528911, punt 157), li fiha din il-qorti rrilevat li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali għal assoċjazzjoni għal kriminalità organizzata, kompliċità f’abbuż ta’ poter pubbliku, kompliċità f’serq fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi u aġġudikazzjoni pubblika kif ukoll għal kompliċità fi ksur ta’ regoli imperattivi fil-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi. Hija tikkunsidra għalhekk, li wieħed jista’ jifhem għaliex, meta jeżistu tali suspetti, l-awtoritajiet iqisu neċessarju li jaġixxu malajr mingħajr ma jistennew it-tmiem tal-investigazzjoni kriminali, filwaqt li jevitaw l-iżvelar, fi stadju bikri, tas-suspetti dwar il-persuni kkonċernati, li jirriskja li jxekkel l-investigazzjoni kriminali.


    62      Ara s-sentenzi ZZ (punti 65, 68 u 69); Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punti 51, 53 u 60), kif ukoll NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punti 95, 97, 101, 111 u 116). Ninnota wkoll li fis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2017, Regner vs ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2017:0919JUD003528911, punt 160), il-Qorti EDB kienet sensittiva għall-fatt li l-persuna li l-approvazzjoni ta’ sigurtà tagħha tiġi rrevokata jista’ jkollha, sa fejn kompatibbli mal-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità u tat-tmexxija tajba ta’ investigazzjonijiet li jirrigwardawha, indikazzjonijiet anki sommarji tal-allegazzjonijiet sostnuti fil-konfront tagħha.


    63      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’dan ir-rigward, tispira ruħha minn dak li ġie deċiż fil-qasam ta’ miżuri restrittivi fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 130), jiġifieri li, fir-rigward tan-natura preventiva ta’ dawn il-miżuri, jekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-qorti tal-Unjoni tikkunsidra li, tal-inqas, waħda mir-raġunijiet imsemmija fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet hija biżżejjed preċiża u konkreta, li huwa sostnut u li jikkostitwixxi fih innifsu bażi suffiċjenti sabiex issostni din id-deċiżjoni, iċ-ċirkustanza li oħrajn minn dawn il-motivi ma jkunux ma jistax jiġġustifika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Fl-ipoteżi bil-kontra, hija tipproċedi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.


    64      Ara s-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punti 102 sa 116).


    65      Ara s-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifkata) (punti 106 sa 112).


    66      Ara s-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 113).


    67      Ara s-senenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 114).


    68      Ara s-sentenza NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (punt 115).

    Top