This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0134
Opinion of Advocate General Pikamäe delivered on 13 June 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fit-13 ta’ Ġunju 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fit-13 ta’ Ġunju 2024.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:512
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
PIKAMÄE
ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2024 (1)
Kawża C‑134/23
Somateio “Elliniko Symvoulio gia tous Prosfyges”,
Astiki Mi Kerdoskopiki Etaireia “Ypostirixi Prosfygon sto Aigaio”
vs
Ypourgos Exoterikon,
Ypourgos Metanastefsis kai Asylou
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti u rtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 38 – Kunċett ta’ ‘pajjiż terz bla perikolu’ – Kwalifika tat-Turkija bħala ‘pajjiż terz bla perikolu’ – Ftehim UE Turkija dwar ir-riammissjoni ta’ persuni b’residenza irregolari – Suspensjoni, de facto, tar-riammissjoni ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali”
I. Daħla
1. F’din il-kawża, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32/UE (2).
2. It-tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju saru fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tindika lit-Turkija bħala pajjiż ġeneralment bla perikolu fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali filwaqt li, minkejja ftehim ta’ riammissjoni konkluż mal-Unjoni Ewropea, dan il-pajjiż issospenda b’mod ġenerali u mingħajr ebda perspettiva prevedibbli ta’ bidla f’din il-pożizzjoni r-riammissjoni fit-territorju tiegħu ta’ dawn l-applikanti.
3. Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, minn naħa, ir-rabta bejn il-kundizzjonijiet ta’ indikazzjoni ta’ pajjiż bħala ġeneralment bla perikolu u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” għal applikant partikolari għall-protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-portata tar-rekwiżit ta’ ammissjoni jew ta’ riammissjoni tal-applikant previst fl-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32.”
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Il‑Ftehim UE‑Turkija dwar ir‑riammissjoni
4. Fis‑16 ta’ Diċembru 2013, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija kkonkludew Ftehim dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (iktar ’il quddiem il-“Ftehim UE‑Turkija dwar ir-riammissjoni”) (3). Dan il-Ftehim ġie rratifikat f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑14 ta’ April 2014 (4).
5. L-Artikolu 4 tal-Ftehim UE‑Turkija dwar ir-riammissjoni jistipula:
“1. It-Turkija għandha tirriammetti, wara applikazzjoni minn Stat Membru u mingħajr ebda formalità oħra min-naħa ta’ dak l-Istat Membru għajr dawk previsti f’dan il-Ftehim, il-persuni kollha ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi li ma jkunux jissodisfaw, jew li ma jkunux għadhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dħul, il-preżenza jew ir-residenza fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti kemm-il darba, f’konformità mal-Artikolu 10, jiġi stabbilit li tali persuni:
[…]
c) ikunu daħlu illegalment u direttament fit-territorju tal-Istati Membri wara permanenza, jew tranżitu fit-territorju tat-Turkija.
2. L-obbligu ta’ riammissjoni prevista f’Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika jekk:
[…]”
6. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/551 tat‑23 ta’ Marzu 2016 (5), l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Ftehim UE-Turkija dwar ir-riammissjoni għandu japplika mill‑1 ta’ Ġunju 2016.
2. Id‑Direttiva 2013/32
7. L-Artikoli 31, 33, 35 u 38 tad-Direttiva 2013/32 huma rilevanti għal din il-kawża.
B. Id‑dritt Grieg
1. Il‑liġi Griega dwar il‑protezzjoni internazzjonali
8. In-Nomos 4636/2019 peri diethnous prostasias kai alles diatakseis, fil-verżjoni tagħha emendata bin-Nomos 4686/2020 (il-Liġi dwar il-protezzjoni internazzjonali u dispożizzjonijiet oħra, kif emendata, FEK A’ 169/01.11.2019 u FEK A’ 96/12.05.2020, iktar ’il quddiem il-“Liġi Griega dwar il-protezzjoni internazzjonali”), tittrasponi d-Direttiva 2013/32 fl-ordinament ġuridiku Elleniku.
9. L-Artikolu 86 tal-Liġi Griega dwar il-protezzjoni internazzjonali huwa fformulat kif ġej:
“1. Pajjiż għandu jitqies bħala pajjiż terz bla perikolu għal applikant partikolari meta l-kriterji li ġejjin ikunu ssodisfati kollha:
a) l-applikant ma jkollux għaliex jibża’ la għal ħajtu u lanqas għal-libertà tiegħu minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija f’xi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu;
b) dak il-pajjiż jirrispetta l-prinċipju ta’ non-refoulement konformement mal-Konvenzjoni ta’ Genève;
c) ma jeżisti ebda riskju ta’ dannu serju għall-applikant fis-sens tal-Artikolu 15 ta’ din il-liġi;
d) dak il-pajjiż jipprojbixxi, konformement mad-dritt internazzjonali, it-tneħħija ta’ individwu lejn pajjiż fejn hemm riskju li jkun suġġett għal tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra;
e) teżisti l-possibbiltà li wieħed jitlob l-istatus ta’ refuġjat u, jekk jingħata status ta’ refuġjat, li jirċievi protezzjoni konformement mal-Konvenzjoni ta’ Genève; u
f) teżisti konnessjoni bejn l-applikant u dak il-pajjiż terz, li abbażi tagħha jkun raġonevoli li l-applikant imur f’dak il-pajjiż. It-tranżitu tal-applikant minn pajjiż terz jista’ […] jitqies bħala konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz, rabta li abbażi tagħha jkun raġonevoli li l-applikant imur f’dak il-pajjiż.
2. L-issodisfar tal-kriterji msemmija hawn fuq għandu jiġi eżaminat każ b’każ u għal kull applikant individwali, sakemm il-pajjiż terz ma jkunx ġie indikat bħala ġeneralment bla perikolu u inkluż fil-lista nazzjonali ta’ pajjiżi terzi bla perikolu. Jekk dan ikun il-każ, l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” fuq il-bażi li l-pajjiż terz ma jkunx bla perikolu fiċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu.
3. Ordni ministerjali konġunta tal-Ministru għall-Protezzjoni taċ-Ċittadini u tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, adottata fuq proposta tad-Direttur tas-Servizz tal-Ażil, tiddetermina liema pajjiżi terzi huma indikati bħala bla perikolu fis-sens ta’ dan l-artikolu għal ċerti kategoriji ta’ applikanti għall-ażil, skont il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom (relatati mar-razza, ir-reliġjon, fost oħrajn) għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. L-elementi li jitqiesu għall-adozzjoni tal-ordni ministerjali konġunta msemmija hawn fuq (ir-reġim legali intern tal-pajjiż terz, il-ftehimiet internazzjonali bilaterali jew multilaterali jew il-ftehimiet konklużi bejn il-pajjiż terz u l-Unjoni Ewropea u l-prattika nazzjonali) iridu jkunu aġġornati u ġejjin minn sorsi ta’ informazzjoni affidabbli, inklużi sorsi diplomatiċi uffiċjali fil-Greċja u barra mill-pajjiż, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri l-oħra dwar il-kunċett ta’ ‘pajjiż terz bla perikolu’, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Din il-lista għandha tiġi riveduta b’mod obbligatorju f’Novembru ta’ kull sena. Meta jinstab li kien hemm bidliet sinjifikattivi fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta’ pajjiż indikat bħala pajjiż terz bla perikolu, dik l-indikazzjoni għandha tiġi riveduta mill-iktar fis possibbli u qabel l-iskadenza annwali msemmija fis-sentenza preċedenti. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ indikazzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni Ewropea.
[…]
5. Meta l-pajjiż terz imsemmi hawn fuq ma jippermettix lill-applikant jidħol fit-territorju tiegħu, l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi eżaminata fuq il-merti mill-awtoritajiet li huma kompetenti biex jiddeċiedu.
[…]”
2. L‑ordnijiet ministerjali konġunti
10. Bis-saħħa tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 86 tal-Liġi Griega dwar il-protezzjoni internazzjonali, ġiet adottata l-Koini Ypourgiki Apofasi 42799/3.6.2021, intitolata “Kathorismos triton choron pou charaktirizontai os asfaleis kai katartisi ethnikou katalogou, kata ta orizomena sto arthro 86 tou nomou 4636/2019 (A’169)” [l-Ordni Ministerjali Konġunta 42799/3.6.2021, intitolata “Determinazzjoni tal-pajjiżi terzi indikati bħala bla perikolu u l-istabbiliment ta’ lista nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86 tal-Liġi 4636/2019 (A’169)”, FEK B 2425/7.6.2021, iktar ’il quddiem l-“ewwel ordni ministerjali”], li tipprovdi li t-Turkija hija pajjiż terz bla perikolu għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom huwa s-Sirja, l-Afganistan, il-Pakistan, il-Bangladexx u s-Somalja.
11. L-ewwel ordni ministerjali konġunta ġiet issostitwita mill-Koini Ypourgiki Apofasi 458568/15.12.2021, intitolata “Tropopoiisi tis yp.ar. 42799/3.6.2021 koinis apofasis ton Ypourgon Exoterikon kai Metanastefsis kai Asylou ‘Kathorismos triton choron pou charaktirizontai os asfaleis kai katartisi ethnikou katalogou, kata ta orizomena sto arthro 86 tou nomou 4636/2019 (A’ 169)’” (l-Ordni Ministerjali Konġunta 458568/15.12.2021 li temenda l-Ordni Ministerjali Konġunta 42799/3.6.2021, tal-Ministeri tal-Affarijiet Barranin u tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil intitolata “Determinazzjoni tal-pajjiżi terzi indikati bħala bla perikolu u l-istabbiliment ta’ lista nazzjonali kif definit fl-Artikolu 86 tal-Liġi 4636/2019 (A’169)”, FEK B’ 5949/16.12.2021, iktar ’il quddiem it-“tieni ordni ministerjali”.
12. It-tieni ordni ministerjali konġunta mill-ġdid tindika lit-Turkija bħala pajjiż terz bla perikolu għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom huwa s-Sirja, l-Afganistan, il-Pakistan, il-Bangladexx u s-Somalja.
III. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari
13. Is-Somateio “Elliniko Symvoulio gia tous Prosfyges” u l-Astiki Mi Kerdoskopiki Etaireia “Ypostirixi Prosfygon sto Aigai” (iktar ’il quddiem, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”), li jaħdmu favur ir-refuġjati, ippreżentaw rikors quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) kontra l-ewwel ordni ministerjali u mbagħad kontra t-tieni ordni ministerjali, minħabba, b’mod partikolari, li dawn jiksru l-Artikolu 86 tal-Liġi Griega dwar il-protezzjoni internazzjonali u l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32.
14. B’mod partikolari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, minn naħa, li l-possibbiltà ta’ riammissjoni fit-Turkija tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali msemmija f’dawn l-ordnijiet ma hijiex iggarantita “minn ftehimiet internazzjonali” u, min-naħa l-oħra, li ma teżistix perspettiva raġonevoli li l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ser jiġu riammessi f’dan il-pajjiż terz peress li t-Turkija, minn Marzu 2020 u mill-pandemija tal-Covid‑19, iffriżat ir-riammissjoni fit-territorju tagħha.
15. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, wara li kkonstatat li kien biss ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra t-tieni ordni ministerjali li kien ammissibbli, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkritikaw in-nuqqas ta’ obbligu legali tat-Turkija ta’ riammissjoni ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali mill-Greċja, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fid-dawl b’mod partikolari tal-Ftehim UE‑Turkija dwar ir-riammissjoni, il-qorti tar-rinviju qieset li t-Turkija kienet assumiet tali obbligu legali.
16. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-osservanza effettiva mit-Turkija tal-imsemmi obbligu, fid-dawl tal-fatt, ammess ukoll mill-awtoritajiet Griegi, li dan il-pajjiż terz waqqaf ir-riammissjoni fit-territorju tiegħu, mix-xahar ta’ Marzu 2020 u mingħajr ma tista’ tinbidel fil-futur qrib din iċ-ċirkustanza, ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew meqjusa bħala inammissibbli fil-Greċja abbażi tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”.
17. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal opinjonijiet differenti li ngħataw fi ħdanha dwar din il-kwistjoni.
18. Skont l-opinjoni tal-maġġoranza tal-membri li jifformaw din il-qorti, il-possibbiltà ta’ riammissjoni tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali fil-pajjiż terz ikkonċernat hija prerekwiżit għall-indikazzjoni ta’ dan il-pajjiż bħala “pajjiż terz bla perikolu” fis-sens tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għan, imfakkar b’mod partikolari fil-premessa 18 u li huwa espress ukoll fl-Artikolu 31(2) tagħha, li jiġi ggarantit ipproċessar kemm jista’ jkun malajr tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali. Interpretazzjoni differenti sempliċement ittawwal it-tul tal-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-inċertezza dwar ir-residenza tal-applikant fil-pajjiż fejn huwa ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu, mingħajr ma jiġi eskluż ir-riskju li jintbagħat lura lejn pajjiż fejn jista’ jiġi ppersegwitat jew il-possibbiltà ta’ tfixkil tar-relazzjonijiet internazzjonali. Minn dan isegwi li Stat Membru ma jistax jistabbilixxi lista nazzjonali ta’ pajjiżi terzi ġeneralment bla perikolu, kif awtorizzat mill-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2013/32, jekk il-pajjiż terz inkwistjoni ma jiggarantixxix l-osservanza effettiva tal-obbligu legali li jkun assuma. Għaldaqstant, il-maġġoranza tal-membri li jifformaw il-qorti tar-rinviju jaqblu li r-rikors għal annullament kontra t-tieni ordni ministerjali konġunta għandu jintlaqa’.
19. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li membri oħra tal-qorti jaqblu fuq interpretazzjoni differenti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32. Skont dawn il-membri, l-eżami tal-kundizzjoni ta’ aċċettazzjoni effettiva tar-riammissjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ma jikkostitwixxix element ta’ validità tal-att leġiżlattiv li jindika pajjiż bħala ġeneralment bla perikolu, iżda għandu jitwettaq fi stadji ulterjuri tal-proċedura amministrattiva. Din hija kundizzjoni li tirregola l-validità, jew tal-att individwali li permezz tiegħu applikazzjoni konkreta għal protezzjoni internazzjonali titqies bħala inammissibbli skont il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, jiġifieri tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ tali att. Fil-fehma ta’ dawn il-membri tal-qorti tar-rinviju, ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra t-tieni ordni ministerjali konġunta għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.
20. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 38 tad-Direttiva [2013/32], moqri flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (ta’ natura regolamentari) li tindika bħala ġeneralment bla perikolu għal kategoriji speċifiċi ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali pajjiż terz li, minkejja li assuma l-obbligu legali li jippermetti li tali kategoriji ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, jitħallew jidħlu lura fit-territorju rispettiv tiegħu, effettivament jirrifjuta għal perijodu twil (f’dan il-każ, iktar minn għoxrin xahar) id-dħul lura, mingħajr ma jirriżulta li ġiet eżaminata l-possibbiltà li tali pajjiż jibdel il-pożizzjoni tiegħu fil-futur qarib? jew fis-sens li
2) id-dħul lura fil-pajjiż terz ma jikkostitwixxix kundizzjoni kumulattiva għall-adozzjoni ta’ att nazzjonali (ta’ natura regolamentari) li jindika pajjiż terz bħala ġeneralment bla perikolu għal kategoriji speċifiċi ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, iżda jikkostitwixxi kundizzjoni kumulattiva għall-adozzjoni ta’ att individwali li jirrifjuta applikazzjoni speċifika għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li jeżisti ‘pajjiż terz bla perikolu’? jew fis-sens li
3) id-dħul lura fil-‘pajjiż terz bla perikolu’ hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata biss fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, meta d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ibbażata fuq il-motiv ta’ ‘pajjiż terz bla perikolu’?”
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
21. Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil‑31 ta’ Marzu 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li sema’ lill-Imħallef Relatur u lill-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li din it-talba tintlaqa’.
22. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Grieg, Ċek, Ġermaniż, Ċiprijott, Ungeriż u Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
23. Waqt is-seduta tal‑14 ta’ Marzu 2024, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet orali.
V. Analiżi
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari
24. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 jipprekludux li Stat Membru jindika, permezz ta’ att ta’ portata ġenerali, pajjiż terz bħala “pajjiż terz bla perikolu” meta, qabel din l-indikazzjoni, dan il-pajjiż, minkejja l-impenn legali li kien għamel, ikun iddeċieda li jissospendi de facto r-riammissjoni fit-territorju tiegħu tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali.
25. Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha fformulati bħala alternattiva għall-ewwel domanda, din il-qorti tistaqsi jekk l-adozzjoni ta’ att speċifiku li jqis applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli skont il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” tiddependix fuq l-ammissjoni jew għar-riammissjoni tal-applikant fit-territorju ta’ dan il-pajjiż, jew jekk din il-kundizzjoni għandhiex tiġi vverifikata biss fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
26. Issa, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija qorti hija adita biss b’rikors għal annullament ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li telenka lit-Turkija f’lista nazzjonali ta’ pajjiżi terzi bla perikolu, jiġifieri t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax il-validità ta’ deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà individwali meħuda abbażi tal-Artikolu 33(2)(c) tad-Direttiva 2013/32. Minn din il-perspettiva, ikun possibbli li jitqies li r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja se tagħti għall-ewwel domanda preliminari hija biżżejjed għall-qorti tar-rinviju biex tiddeċiedi dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali (6) u li t-tieni u t-tielet mistoqsijiet preliminari huma inammissibbli.
27. Minkejja dan, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha (7).
28. F’dan il-każ, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar fundamentali dwar il-konsegwenzi legali marbuta mar-rifjut minn pajjiż terz indikat bħala ġeneralment bla perikolu tad-dħul fit-territorju tiegħu ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali. Minn din il-perspettiva, din il-qorti tixtieq tkun taf il-mument li fih dan ir-rifjut għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u tipprevedi, f’dan ir-rigward, tliet stadji, jiġifieri dak tal-indikazzjoni, minn att ta’ portata ġenerali, ta’ pajjiż terz bħala li huwa bla perikolu, dak tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni individwali ta’ inammissibbiltà skont dan il-kunċett jew dak tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
29. Fid-dawl ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju għandu jkollha, sabiex tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża quddiemha, interpretazzjoni sħiħa tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 sabiex tkun tista’ tidentifika bi preċiżjoni l-konsegwenzi tar-rifjut mill-pajjiż terz ikkonċernat u l-istadju tal-proċedura li fih dan ir-rifjut għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.
30. Fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit, jidhirli li n-neċessità li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju timplika mhux biss li tiġi eżaminata l-ewwel domanda preliminari dwar il-validità ta’ att ta’ portata ġenerali, iżda wkoll, fl-ipoteżi li d-dritt tal-Unjoni ma tipprekludix l-adozzjoni ta’ tali att, it-tieni u t-tielet domandi preliminari dwar l-att individwali adottat skont il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”.
B. Fuq id‑domandi preliminari
31. Qabelxejn, nenfasizza li fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawżi magħquda Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (8), jiena kont sostnejt li l-assenza ta’ ċertezza fir-rigward tal-ammissjoni jew tar-riammissjoni fil-pajjiż terz bla perikolu ma tipprekludix l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 u li d-dħul f’dan il-pajjiż għandu jiġi vverifikat biss fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
32. Madankollu, qabelxejn, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Mejju 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu dwar l-ammissjoni jew ir-riammissjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, minħabba li d-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt ma kinux ammissibbli (9).
33. Sussegwentement, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Grieg fis-seduta li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta' inammissibbiltà bbażati fuq l-indikazzjoni tat-Turkija bħala pajjiż ġeneralment bla perikolu ġiet imfixkla, minn Marzu 2020, mir-rifjut ġenerali u assolut, għal perjodu indefinit u mingħajr perspettiva prevedibbli li din il-pożizzjoni ser tinbidel, minn dan il-pajjiż ta’ riammissjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (10). Issa, din iċ-ċirkustanza, peress li teskludi, ab initio, id-dħul ta’ applikant fit-territorju tal-pajjiż indikat bħala ġeneralment bla perikolu, iwassalni li neskludi t-traspożizzjoni tal-analiżili preċedentement kont propost lill-Qorti tal-Ġustizzja li ssegwi.
34. Madankollu, dan l-element waħdu ma jistax, fil-fehma tiegħi, ikollu l-konsegwenza legali li jikkontesta l-indikazzjoni ta’ pajjiż bħala ġeneralment bla perikolu. Fil-fatt, mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li rekwiżit relatat mal-ammissjoni jew mar-riammissjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma jikkostitwixxix kundizzjoni ta’ validità ta’ tali att. Għalhekk ser nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari (Taqsima 1).
35. Min-naħa l-oħra, inqis, għall-istess raġunijiet, li dan l-artikolu jipprekludi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jkunu jistgħu jadottaw deċiżjoni individwali ta’ inammissibbiltà fondata fuq il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” meta jkunu kisbu, mill-eżami individwali tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, ċertezza li l-applikant ma jkunx ser jiġi ammess jew riammess f’dan il-pajjiż (Taqsima 2).
1. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
36. L-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi lista eżawrjenti tas-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jqisu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli (11). Fost dawn ir-raġunijiet, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu jipprevedi l-possibbiltà li Stat Membru jikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli meta pajjiż, li ma huwiex Stat Membru, jitqies bħala “pajjiż terz bla perikolu” skont l-Artikolu 38 ta’ din id-Direttiva.
37. Permezz tas-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Marzu 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” hija suġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 33(1) sa (4) tal-imsemmija direttiva (12). Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Bobek, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu deskritti, essenzjalment, bħala prinċipji, regoli u garanziji (13).
38. Qabelxejn, skont l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” biss meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu kisbu ċertezza li l-pajjiż terz ikkonċernat josserva l-prinċipji previsti fil-punti a) sa e) ta’ dan il-paragrafu: a) l-applikant għal protezzjoni internazzjonali la jkollu għalfejn jibża’ għal ħajtu u lanqas għal-libertà tiegħu minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, is-sħubija tiegħu f’xi grupp soċjali jew minħabba l-opinjoni politika tiegħu; b) ma hemmx ir-riskju li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jġarrab dannu serju fis-sens tad-Direttiva 2011/95 (14); c) il-prinċipju ta’ non-refoulement huwa rrispettat konformement mal-Konvenzjoni ta’ Genève (15); d) l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tneħħija li jmorru kontra l-projbizzjoni ta’ tortura u ta’ trattament krudili, inuman jew degradanti hija pprojbita, konformement mad-dritt internazzjonali, u e), l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu l-possibbiltà li jitlob ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll, jekk dan l-istatus jingħatalu, li jibbenefika minn protezzjoni konformement mal-Konvenzjoni ta’ Genève.
39. Sussegwentement, ir-regoli huma stabbiliti fl-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2013/32. F’dan is-sens, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” għandha tkun suġġetta għar-regoli stabbiliti fid-dritt nazzjonali. Dawn ir-regoli jinkludu, b’mod partikolari, a) dawk li jipprevedu l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali u l-pajjiż terz ikkonċernat sal-punt li jagħmel raġonevoli r-ritorn ta’ dan l-applikant lejn l-imsemmi pajjiż; b) dawk relatati mal-metodi applikati mill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw li l-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” jista’ jiġi applikat għal pajjiż speċifiku jew għal applikant partikolari għall-protezzjoni internazzjonali; c) dawk, f’konformità mad-dritt internazzjonali, li jippermettu eżami individwali biex jiġi ddeterminat jekk il-pajjiż terz ikkonċernat huwiex bla perikolu għal applikant għall-protezzjoni internazzjonali partikolari u li jippermettu, f’dan il-kuntest, li dak l-applikant jikkontesta kemm l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu kif ukoll l-eżistenza ta’ konnessjoni bejnu u bejn dak il-pajjiż.
40. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ dawn il-garanziji u minbarra din il-possibbiltà ta’ kontestazzjoni, l-Artikolu 38(3) tad-Direttiva 2013/32 jimponi fuq l-Istati Membri, li jeżegwixxu deċiżjoni fondata biss fuq il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, l-obbligu li jinformaw lill-applikant dwar dan u li jipprovdulu dokument li jinforma lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz, fl-ilsien ta’ dan il-pajjiż, li l-applikazzjoni ma kinitx eżaminata fil-mertu. Barra minn hekk, l-Artikolu 38(4) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, fejn il-pajjiż terz ma jippermettix lill-applikant jidħol fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess għal proċedura konformement mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.
41. Jidhirli li jistgħu jinsiltu żewġ deduzzjonijiet mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32.
42. Fl-ewwel lok, ftit li xejn hemm dubju li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jawtorizzaw lil Stat Membru jindika, permezz ta’ att ta’ portata ġenerali, pajjiż bħala “pajjiż terz bla perikolu”. F’dan ir-rigward, nosserva li l-metodi, li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 38(2)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedu espressament l-“konsiderazzjoni, każ b’każ, tas-sigurtà tal-pajjiż għal applikant partikolari u/jew l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi kkunsidrati bħala ġeneralment bla periklu” (16).
43. Fl-istess sens, l-Artikolu 38(2)(c) tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu regoli li jippermettu lill-applikant jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” fuq il-bażi li l-pajjiż terz huwa ta’ perikolu fiċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu, u minn dan jiġi dedott li l-eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata jista’ jidħol fil-kuntest ta’ att ta’ portata ġenerali adottat minn qabel minn Stat Membru.
44. Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-qari tal-premessa 44 tad-Direttiva 2013/32, li hija intiża għall-istabbiliment ta’ “prinċipji komuni għall-konsiderazzjoni jew indikazzjoni mill-Istati Membri ta’ pajjiżi terzi bħala bla periklu”. B’mod iktar espliċitu, il-premessa 46 ta’ din id-direttiva tippreċiża li “fejn l-Istati Membri […] jinnominaw pajjiżi bħala bla periklu billi jadottaw listi f’dak ir-rigward”, għandhom jibbażaw ruħhom fuq informazzjoni u data rilevanti (17).
45. Fit-tieni lok, inqis li l-validità ta’ att ta’ portata ġenerali li jindika pajjiż terz bħala li huwa bla perikolu ma hijiex suġġetta għal rekwiżit relatat mal-ammissjoni jew mar-riammissjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali.
46. Dwar dan il-punt, jidher neċessarju li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti neċessarji għall-applikazzjoni għal applikant għall-protezzjoni internazzjonali partikolari tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, li jippreżupponu l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 38(1) sa (4) tad-Direttiva 2013/32, u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex pajjiż terz jiġi indikat bħala ġeneralment bla perikolu fir-rigward tal-applikanti kollha għall-protezzjoni internazzjonali jew ta’ ċerti kategoriji tagħhom. Fil-fehma tiegħi, din id-distinzjoni tirriżulta mill-istruttura stess ta’ dan l-artikolu, li tistieden li ssir distinzjoni bejn diversi stadji.
47. F’dan ir-rigward, sabiex tinkiseb ċertezza li, fil-pajjiż terz ikkonċernat, l-applikant ser jiġi ttrattat konformement mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 38(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom iwettqu, fil-kuntest tal-metodi li d-dritt nazzjonali għandu jistabbilixxi skont il-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu, eżami tas-sitwazzjoni fil-pajjiż ikkonċernat. Kif muri mill-formulazzjoni tal-premessa 46 tal-imsemmija direttiva, il-verifika ta’ dawn l-istandards ma tistax tistrieħ biss fuq l-istudju formali ta’ sistema ġuridika partikolari u għandha tkun ibbażata wkoll fuq analiżi aġġornata u konkreta tal-applikazzjoni effettiva minn dan il-pajjiż tal-prinċipji stabbiliti f’dan l-artikolu (18).
48. Jiena ma niċħadx li, fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit, in-natura effettiva tal-ammissjoni jew tar-riammissjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali partikolari għandha rwol essenzjali sa fejn dan ikun jista’ jibbenefika minn trattament konformi mal-prinċipji elenkati fl-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2013/32 biss sa fejn ikun permess li jidħol fil-pajjiż terz ikkonċernat. Madankollu, inqis li l-verifika meħtieġa f’dan l-istadju tirrigwarda ċ-ċertezza li l-applikant ser jiġi ttrattat konformement ma’ dawn il-prinċipji fl-ipoteżi fejn id-dħul tiegħu fit-territorju tal-pajjiż terz sussegwentement iseħħ.
49. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-dħul tal-applikant fil-pajjiż terz ma huwiex, bħala tali, fost il-prinċipji stabbiliti f’dan l-artikolu u jittieħed inkunsiderazzjoni biss waqt l-eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali. Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32.
50. Minn naħa, l-Artikolu 38(2)(a) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu regoli nazzjonali dwar l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn applikant partikolari u l-pajjiż terz ikkonċernat b’tali mod li jkun raġonevoli li dan l-applikant imur f’dan il-pajjiż. Loġikament, l-evalwazzjoni individwali ta’ konnessjoni li tista’ tiġġustifika d-dħul ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali fil-pajjiż ikkonċernat tista’ ssir biss ladarba l-Istat Membru jkun żgura ruħu, skont il-metodi ta’ indikazzjoni stabbiliti mid-dritt nazzjonali, li l-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 38(1) tal-imsemmija direttiva, li huma neċessarji sabiex dan il-pajjiż jiġi indikat li huwa ġeneralment bla perikolu, ikunu ssodisfatti.
51. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi l-konsegwenzi tar-rifjut minn pajjiż terz tad-dħul ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali partikolari. Tali sitwazzjoni tikkorrispondi għalhekk għall-istadju fejn, minkejja l-eżistenza ta’ raġunijiet sabiex wieħed jaħseb li l-applikant ser jiġi ammess jew riammess fil-pajjiż terz bla perikolu, ir-rifjut minn dan il-pajjiż tad-dħul ta’ dan l-applikant fit-territorju tiegħu jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu jiggarantixxi lill-applikant l-aċċess għal proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu skont il-prinċipji bażiċi u l-garanziji fundamentali previsti minn din id-direttiva. Minn dan jirriżulta li n-natura effettiva tal-ammissjoni jew tar-riammissjoni la tikkostitwixxi element neċessarju għall-klassifikazzjoni ta’ “pajjiż terz bla perikolu” iżda biss kundizzjoni, li għandha tiġi vverifikata fil-mument tal-eżekuzzjoni, indispensabbli għall-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett għal applikant partikolari.
52. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-eżami tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunċett tal-“ewwel pajjiż ta’ ażil” li jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 33(2)(b) tad-Direttiva 2013/32, raġuni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dwar dan il-punt, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva jirriżulta li dan il-kunċett japplika jekk l-applikant ikun diġà ġie rrikonoxxut bħala refuġjat f’dan il-pajjiż u jkun għadu jista’ jirrikorri għal dik il-protezzjoni, jew igawdi, diversament, protezzjoni suffiċjenti f’dak il-pajjiż, inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju ta’ non-refoulement, sakemm jiġi riammess f’dak il-pajjiż.
53. Il-kunċetti tal-“ewwel pajjiż ta’ ażil” u ta’ “pajjiż terz bla perikolu” għalhekk għandhom l-għan komuni li jissuġġettaw għall-applikazzjoni tagħhom l-ammissjoni jew ir-riammissjoni tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali. Madankollu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li din il-kundizzjoni għandha tiġi vverifikata ab initio, b’tali mod li l-klassifikazzjoni tal-“ewwel pajjiż ta’ ażil” ma tistax tiġi aċċettata fl-assenza ta’ ammissjoni jew ta’ riammissjoni tal-applikant. B’mod korrispondenti, huwa eskluż mill-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva, li jirreferi għad-dħul ippruvat tal-applikant biss fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-ammissjoni jew ir-riammissjoni effettiva tal-applikanti hija fost il-kundizzjonijiet preliminari għall-indikazzjoni ta’ pajjiż bħala li huwa ġeneralment bla perikolu u għandha tiġi vverifikata biss fl-istadju tal-ipproċessar individwali tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.
54. Minn dawn l-iżviluppi kollha niddeduċi li l-fatt li pajjiż jopponi de facto u b’mod ġeneralizzat ir-riammissjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju tiegħu ma jipprekludix l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tindika lil dan il-pajjiż bħala ġeneralment bla perikolu.
55. Is-soluzzjoni li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta tinvolvi, kif jistiednu t-tieni u t-tielet domandi preliminari, li jiġi ddeterminat sa fejn u f’liema mument tal-proċedura mibdija minn applikant għall-protezzjoni internazzjonali partikolari għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-rifjut tal-pajjiż terz ikkonċernat.
2. Fuq it‑tieni u t‑tielet domandi preliminari
56. Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-rifjut ta’ natura ġenerali u assoluta mill-pajjiż terz indikat bħala ġeneralment bla perikolu jipprekludix l-adozzjoni ta’ att speċifiku li jqis applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli skont l-Artikoli 33(2)(c) u l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 jew jekk il-kundizzjoni dwar l-ammissjoni jew ir-riammissjoni għandhiex tiġi vverifikata biss fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-att.
57. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” jiġi applikat għal applikant għall-protezzjoni internazzjonali partikolari, l-eżami tal-kundizzjoni dwar l-ammissjoni jew ir-riammissjoni ta’ dan l-applikant għandu, fil-prinċipju, jitwettaq f’żewġ stadji, l-ewwel wieħed dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, u t-tieni dwar l-eżekuzzjoni tagħha.
58. Fir-rigward tal-ewwel stadju, mill-Artikolu 38(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li deċiżjoni ta’ inammissibbiltà fondata fuq il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” tista’ tiġi adottata biss fil-kuntest ta’ regoli nazzjonali li jipprevedu li għandu jkun hemm konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat, li abbażi tagħha jkun raġonevoli li l-applikant imur f’dan il-pajjiż. Barra minn hekk, il-premessa 44 ta’ din id-direttiva, li hija ddedikata għal dan il-kunċett, teżenta lill-Istati Membri mill-obbligu tagħhom li jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fil-mertu biss meta “jkun hemm bażijiet għall-kunsiderazzjoni li applikant se jkun ammess jew ammess mill-ġdid f’dak il-pajjiż”. Għalhekk, minn dawn it-testi jirriżulta b’mod ċar li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali b’applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” tippreżumi li l-ammissjoni jew ir-riammissjoni tal-applikant minn dan il-pajjiż tkun probabbli jew, tal-inqas, plawżibbli.
59. Huwa biss wara dan l-ewwel stadju li l-Istati Membri jridu jivverifikaw l-effettività tal-ammissjoni jew tar-riammissjoni tal-applikant. Jekk jirriżulta li, minkejja l-eżistenza tal-probabbiltà msemmija iktar ’il fuq, il-pajjiż terz ikkonċernat ma jawtorizzax id-dħul tal-applikant fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri ma jistgħux jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà u għandhom, konformement mal-Artikolu 38(4) tal-imsemmija direttiva, jippermettu lil din il-persuna tibda proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali.
60. Għaldaqstant, meta l-Istati Membri jkunu kisbu, sa mill-ewwel stadju, ċertezza li l-applikant ma huwiex ser ikun jista’ jmur fil-“pajjiż terz bla perikolu”, il-verifika mwettqa, waqt it-tieni stadju, tan-natura effettiva tal-ammissjoni jew tar-riammissjoni tkun mingħajr skop. F’tali sitwazzjoni, inqis li, minħabba l-impossibbiltà kkonstatata, sa mill-ewwel stadju, ta’ ammissjoni jew ta’ riammissjoni tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw fir-rigward ta’ dan l-applikant deċiżjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”.
61. Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li l-pajjiż ikkonċernat kien indikat minn qabel minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħala li huwa ġeneralment bla perikolu. Fil-fatt, din l-indikazzjoni, li hija suġġetta biss għaċ-ċertezza tal-osservanza tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2013/32, ma tiddependix fuq il-karatterizzazzjoni tal-eżistenza ta’ raġunijiet sabiex wieħed jemmen li applikant partikolari ser jiġi ammess jew riammess f’dan il-pajjiż.
62. Barra minn hekk, jidhirli li żewġ elementi jikkonfermaw din l-analiżi.
63. Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari, li “[h]uwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut” (19). Madankollu, inqis li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ikun kuntrarju għall-obbligu ta’ ħeffa li jirriżulta minn dan l-artikolu li wieħed jistenna sal-mument tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni bħala inammissibbli sabiex jinsiltu l-konsegwenzi ta’ sitwazzjoni magħrufa fl-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.
64. Fit-tieni lok, din is-soluzzjoni hija espliċitament riprodotta mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament (UE) 2024/1348 (20). Għalhekk, mill-premessa 53 u mill-Artikolu 38(1)(b) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma jistgħux jirrifjutaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli abbażi tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” meta jkun ċar, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, li l-applikant ma huwiex ser jiġi ammess jew riammess fil-pajjiż terz ikkonċernat.
65. F’dan il-punt tar-raġunament tiegħi, jidhirli li huwa importanti li tiġi ppreżentata, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Grieg waqt is-seduta, il-proċedura segwita mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż peress li turi d-diffikultajiet imqajma minn prattika li tikkonsisti fl-istennija sal-mument tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà meta jkun diġà stabbilit li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma huwiex ser jiġi awtorizzat, minħabba s-sospensjoni ġenerali tar-riammissjonijiet, jidħol fil-pajjiż terz ikkonċernat.
66. Skematikament, din il-proċedura tista’ tiġi deskritta kif ġej. Qabelxejn, l-awtoritajiet Griegi jadottaw deċiżjoni li tiċħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minħabba li, permezz ta’ att ta’ portata ġenerali, it-Turkija ġiet indikata, fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ applikanti, bħala pajjiż terz bla perikolu.
67. Sussegwentement, fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Greċja tindirizza lit-Turkija sabiex issir taf jekk hijiex lesta tawtorizza lill-applikant jidħol fit-territorju tagħha. Billi l-awtoritajiet Torok jirrifjutaw li jwieġbu għat-talbiet kollha mressqa f’dan is-sens, l-awtoritajiet Griegi jistennew għal perijodu ta’ żmien, li ġie deskritt bħala “raġonevoli” (21) waqt is-seduta, sabiex jikkonstataw l-impossibbiltà li l-applikant jiġi riammess.
68. Fl-aħħar nett, ladarba ssir din il-konstatazzjoni, il-Gvern Grieg indika li hija l-persuna kkonċernata li għandha tressaq applikazzjoni ġdida f’dan is-sens peress li, skont il-leġiżlazzjoni Griega, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx l-obbligu li jeżaminaw mill-ġdid ex officio l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (22).
69. Din il-preżentazzjoni twassalni sabiex nagħmel osservazzjonijiet addizzjonali, ta’ natura li jikkorroboraw l-analiżi tiegħi, dwar il-portata tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jeżaminaw fil-mertu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fil-każ fejn l-applikant ma jkunx awtorizzat jidħol fit-territorju tal-pajjiż terz bla perikolu.
70. Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2013/32, “applikant” ifisser “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħditx”, filwaqt li deċiżjoni finali hija ddefinita fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva bħala “deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jingħatawx status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja taħt id-[Direttiva 2011/95] [...]”. Minn dan jirriżulta, kif diġà sostnejt fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawżi magħquda Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (23), li migrant jitlef l-istatus tiegħu ta’ applikant biss fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li teskludi r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna li teħtieġ protezzjoni sussidjarja jew, fi kliem ieħor, ta’ deċiżjoni fuq il-mertu.
71. Issa, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” hija maħsuba biex tippermetti lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru jittrasferixxu r-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż ieħor li huwa ċert li se jittratta lill-migrant konformement mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2013/32. Minn din il-perspettiva, dan il-kunċett jiggarantixxi lill-persuna kkonċernata eżami tal-mertu tal-applikazzjoni tagħha għall-protezzjoni internazzjonali, jew fl-Istat Membru li lilu hija tippreżenta l-applikazzjoni tagħha, jew, fil-każ ta' ammissjoni jew riammissjoni effettiva, fil-pajjiż terz ikkonċernat.
72. Abbażi ta’ dawn l-elementi, jidhirli li għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet.
73. L-ewwel waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet tikkorrispondi għal dik fejn Stat Membru, wara li jkun ikkonstata li hemm raġunijiet għalfejn jitqies li l-applikant imur fil-pajjiż ikklassifikat bħala “terz bla perikolu”, jadotta deċiżjoni ta’ inammissibbiltà. Jekk jirriżulta, fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li dan il-pajjiż ma jawtorizzax id-dħul fit-territorju tiegħu ta’ din il-persuna, din iżżomm l-istatus tagħha ta’ applikant, b’tali mod li l-Istat Membru jkollu jkompli ex officio l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.
74. It-tieni waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet tikkorrispondi għal dik tal-kawża prinċipali. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu, mingħajr ma jkun jista’ jadotta deċiżjoni ta’ inammissibbiltà skont il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, ikompli bl-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (24).
75. Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanza fejn Stat Membru jkun kiseb, sa mill-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, ċertezza li l-applikant ma huwiex ser jiġi awtorizzat imur fit-territorju ta’ pajjiż indikat bħala ġeneralment bla perikolu, l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà fondata fuq il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”.
VI. Konklużjoni
76. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li tingħata risposta kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja):
77. L-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tindika pajjiż terz bħala ġeneralment bla perikolu fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali meta, minkejja l-obbligu legali tiegħu, dan il-pajjiż ikun issospenda, b’mod ġenerali u mingħajr perspettiva prevedibbli ta’ bidla f’din il-pożizzjoni, l-ammissjoni jew ir-riammissjoni ta’ dawn l-applikanti;
– jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkunsidra, skont il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta, mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni, l-Istat Membru jkun kiseb ċertezza li l-pajjiż terz ikkonċernat ma huwiex ser jippermetti lill-applikant jidħol fit-territorju tiegħu.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).
3 ĠU 2014, L 134, p. 3, rettifika fil-ĠU 2014, L 331, p. 40.
4 ĠU 2014, L 134, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 331, p. 40.
5 Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni dwar Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni dwar l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 6 tal-[Ftehim UE-Turkija dwar ir-riammissjoni] mill‑1 ta’ Ġunju 2016 (ĠU 2016, L 95, p. 9).
6 Fuq dan il-punt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid (Tkeċċija ta’ vittma tat-traffikar tal-bnedmin) (C‑66/21, EU:C:2022:809, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).
7 Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Hewlett Packard Development Company (C‑367/21, EU:C:2024:61, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
8 C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:294, punti 111 sa 114 kif ukoll 127.
9 Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 172 sa 174).
10 Il-pożizzjoni tal-Gvern Tork tinsab fis-Sitt Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (COM(2022) 243 final). F’din il-komunikazzjoni indirizzata lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tinnota b’mod partikolari: “Bi tweġiba għal talbiet ripetuti mill-awtoritajiet Griegi u mill-Kummissjoni Ewropea rigward it-tkomplija tal-operazzjonijiet ta’ ritorn, it-t-Turkija ddikjarat li ma kienet se sseħħ l-ebda operazzjoni ta’ ritorn sakemm jintemmu l-pushbacks allegati tul il-fruntiera bejn it-Turkija u l-Greċja ma tirrevokax id-deċiżjoni tagħha li tikkunsidra t-Turkija bħala Pajjiż Terz bla Perikolu”).
11 Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti) (C‑216/22, EU:C:2024:122, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 36). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Ftehim UE‑Turkija dwar ir-riammissjoni jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom ċerti kategoriji ta’ migranti jistgħu jiġu riammessi fit-territorju Tork. Dan il-ftehim jistabbilixxi biss qafas legali ġenerali distint mir-regoli proċedurali komuni previsti għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali rregolati mid-Direttiva 2013/32. Minn dan isegwi li dan il-ftehim ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-kunċett ta' “pajjiż terz bla perikolu”, li jiddependi biss fuq l-issodisfar tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 33(1) sa (4)tad-Direttiva 2013/32.
13 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża LH (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2019:1056, punt 42).
14 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).
15 Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954)).
16 Tqegħid fil-korsiv minni stess.
17 Għandu jiġi rrilevat li r-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024) jipprevedi b’mod espliċitu, fl-Artikolu 60 u 64 tiegħu, il-possibbiltà li pajjiż terz jiġi indikat bħala pajjiż terz bla perikolu kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali.
18 Ara wkoll l-UNHCR “UNHCR Statement on safe country concepts and the right to an effective remedy in admissibility procedures”, Settembru 2019.
19 Dan l-obbligu huwa kkonkretizzat b’mod partikolari fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 2013/32, li jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami titlesta mill-iktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami xieraq u eżawrjenti.
20 Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024). Dan ir-regolament ġdid japplika, bis-saħħa tal-Artikolu 79(3) għal proċedura ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fir-rigward tal-applikazzjonijiet ippreżentati mit‑12 ta’ Ġunju 2026, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel din id-data jibqgħu rregolati mid-Direttiva 2013/32.
21 Nirrileva li, lil hinn minn din id-deskrizzjoni, il-Gvern Grieg indika, waqt is-seduta, li dan il-perijodu kien jikkorrispondi għal diversi xhur mingħajr ma seta’ jikkomunika informazzjoni iktar preċiża dwar it-tul eżatt tiegħu. Fi kwalunkwe każ, inqis li tali perijodu huwa ta’ natura purament artifiċjali peress li huwa ċert li l-applikant ma huwiex ser jiġi riammess fit-territorju Tork. Fil-fehma tiegħi, tali konstatazzjoni tikkaratterizza n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ħeffa impost mid-Direttiva 2013/32.
22 Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Grieg, din l-applikazzjoni l-ġdida għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli u, konsegwentement, għandha tkun is-suġġett ta’ eżami tal-mertu. Tali obbligu jidher li jirriżulta mill-Artikolu 86(5) tal-Liġi Griega dwar il-protezzjoni internazzjonali li jipprovdi li “[m]eta l-pajjiż terz imsemmi hawn fuq ma jippermettix lill-applikant jidħol fit-territorju tiegħu, l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi eżaminata fuq il-merti mill-awtoritajiet li huma kompetenti biex jiddeċiedu.”
23 C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:294, punt 118.
24 Fil-fehma tiegħi, minbarra l-każ ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, xejn ma jipprekludi lil Stat Membru, li jkompli bl-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, milli jinvoka motiv ieħor ta’ inammissibbiltà elenkat fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32.