Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0121

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati l-11 ta’ Lulju 2024.


    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:615

    Edizzjoni Provviżorja

    KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fil‑11 ta’ Lulju 2024 (1)

    Kawża C121/23 P

    Swissgrid AG

    vs

    IlKummissjoni Ewropea

    “Appell – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2017/2195 – Artikolu 1(6) u (7) – Operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (TSOs) tal-elettriku – Parteċipazzjoni fil-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard għall-ibbilanċjar tal-enerġija – Pjattaforma Ewropea TERRE – Ittra tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjuta l-parteċipazzjoni ta’ TSO tal-elettriku li jopera fl-Isvizzera u li teżiġi l-esklużjoni tiegħu – Rikors għal annullament – Artikolu 263 TFUE – Att li jista’ jiġi kkontestat – Inċidenza diretta – Setgħa diskrezzjonali – Assenza ta’ dritt individwali għall-awtorizzazzjoni – Dritt għal trattament diliġenti u imparzjali tal-fajl u għal teħid ta’ pożizzjoni motivat – Dritt għal smigħ – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittjiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv”






    I.      Introduzzjoni

    1.        Din il-kawża ser tagħti l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-isfumaturi tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat”, u jekk ikun il-każ, ir-rabtiet tiegħu mal-“inċidenza diretta” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    2.        Din il-kawża tirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li abbażi tagħha l-att kontenzjuż ġie adottat, jiġifieri r-Regolament (UE) 2017/2195 (2), tirriżerva lill-awtur tagħha, jiġifieri lill-Kummissjoni Ewropea, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, jiġifieri setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-adozzjoni ta’ awtorizzazzjoni. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kompetenza limitata tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, min-naħa l-oħra, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jinvokaw dritt individwali għall-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni. Madankollu, f’tali sitwazzjoni, huwa ġġustifikat li jiġi kkunsidrat li att li jirrifjuta din l-awtorizzazzjoni ma jistax jiġi kkontestat minn tali operaturi għar-raġuni li ma huwiex intiż “biex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi [tagħhom], billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali [tagħhom]” (3), jew fi kliem ieħor, minħabba li dan l-att ma huwiex legalment vinkolanti, u għalhekk, ma jippreġudikahomx?

    3.        Dan huwa preċiżament l-approċċ li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea adottat fid-digriet tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Swissgrid vs Il‑Kummissjoni (T‑127/21, mhux ippubblikat, EU:T:2022:868, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2022:868), ikkontestat mill-appellanti Swissgrid AG fil-kuntest ta’ dan l-appell. Permezz ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tar-rikorrenti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni allegatament kontenuta f’ittra ffirmata minn direttriċi tad-Direttorat Ġenerali tal-Enerġija (iktar ’il quddiem id-“DG ‘Enerġija’”) tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra kontenzjuża”). F’din l-ittra, id-Direttriċi kienet irrifjutat li tawtorizza, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, il-parteċipazzjoni tal-Isvizzera, inkluż tal-appellanti, fil-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard għall-ibbilanċjar tal-enerġija, b’mod partikolari fil-pjattaforma Trans European Replacement Reserves Exchange (Pjattaforma Ewropea ta’ Skambji Transkonfinali ta’ Riżervi ta’ Sostituzzjoni, iktar ’il quddiem, il-“pjattaforma TERRE”).

    4.        Issa, kif ser nuri fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-assimilazzjoni ta’ assenza ta’ kompetenza limitata ma’ assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat jidhirli li hija ekwivalenti għal ċaħda ta’ ġustizzja. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, f’dan il-każ, l-ittra kontenzjuża twieġeb għal talba għal awtorizzazzjoni mressqa mill-appellanti, wara l-adozzjoni ta’ opinjonijiet favorevoli kemm mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (iktar ’il quddiem “TSOs”) tal-elettriku li jipparteċipaw fil-pjattaforma TERRE kif ukoll mill-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (iktar ’il quddiem l-“ACER”). Fil-fatt, la l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u lanqas l-assenza ta’ dritt individwali għall-kisba ta’ ċertu aġir min-naħa tagħha ma jistgħu, fihom innifishom, jeskludu l-atti tagħha mill-istħarriġ tal-legalità tal-qorti tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE. Għall-kuntrarju, din il-qorti għandha tkun f’pożizzjoni li tistħarreġ jekk, bl-adozzjoni tal-pożizzjoni espressa fl-ittra kontenzjuża, il-Kummissjoni baqgħetx fil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha li tagħtiha l-leġiżlazzjoni inkwistjoni u għalhekk setgħetx teżerċitaha kif esposta f’din l-ittra.

    II.    Il-kuntest ġuridiku: irRegolament 2017/2195

    5.        L-Artikolu 1 tar-Regolament 2017/2195, intitolat “Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, b’mod partikolari:

    “1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi linji gwida ddettaljati dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku, inkluż l-istabbiliment ta’ prinċipji komuni għall-akkwist u l-issetiljar tar-riżervi għall-konteniment tal-frekwenzi, tar-riżervi għar-restawr tal-frekwenza u tar-riżervi ta' rimpjazzament kif ukoll metodoloġija komuni għall-attivazzjoni tar-riżervi tar-restawr tal-frekwenza u tas-sostituzzjoni.

    2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni (‘TSOs’), operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni (‘DSOs’) inklużi sistemi tad-distribuzzjoni magħluqa, awtoritajiet regolatorji, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija [...], in-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni (ENTSO‑E), partijiet terzi li lilhom ġew delegati responsabbiltajiet jew assenjati u parteċipanti tas-suq oħra.

    [...]

    6.      Il-pjattaformi Ewropej għall-iskambju tal-prodotti standard għall-ibbilanċjar tal-enerġija jistgħu jinfetħu għat-TSOs li joperaw l-Iżvizzera diment li l-liġi nazzjonali tagħha tkun timplimenta d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq tal-elettriku u diment li jkun hemm ftehim intergovernattiv dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-elettriku bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera, jew jekk l-esklużjoni tal-Iżvizzera tista’ twassal għal flussi ta’ enerġija fiżika mhux skedati minn ġewwa l-Iżvizzera u b’hekk tipperikola s-sigurtà tas-sistema fir-Reġjun.

    7.      Soġġett għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 6, il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard għall-enerġija tal-ibbilanċjar għandha tiddeċidiha l-Kummissjoni abbażi ta' opinjoni tal-Aġenzija [għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija] u t-TSOs kollha f’konformità mal-proċeduri stipulati fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 4. Id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tat-TSOs Żvizzeri għandhom ikunu konsistenti mad-drittijiet u mar-responsabbiltajiet tat-TSOs li joperaw fl-Unjoni, sabiex ikun hemm funzjonament mingħajr xkiel tas-suq tal-ibbilanċjar fil-livell tal-Unjoni u sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-partijiet konċernati kollha.”

    III. Ilfatti li wasslu għallkawża

    6.        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 2 sa 10 tad-digriet appellat, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    7.        L-appellanti hija kumpannija b’responsabbiltà limitata tad-dritt Svizzeru, li tikkostitwixxi l-uniku TSO tal-elettriku fl-Isvizzera. Hija tipparteċipa fin-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni tal-Elettriku (European Network of Transmission System Operators for Electricity, iktar ’il quddiem l-“ENTSO-E”).

    8.        Numru ta’ TSOs tal-elettriku, fosthom l-appellanti, iddisinjaw il-pjattaforma TERRE, li fiha hija diġà pparteċipat (4), ċertament, mingħajr ma kisbet minn qabel l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għal dan il-għan.

    9.        Fis‑7 ta’ Settembru 2017, it-TSOs tal-elettriku kollha, miġbura fi ħdan l-ENTSO-E, taw opinjoni favorevoli għall-awtorizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, għar-raġuni li t-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(6) tal-istess regolament kienet issodisfatta.

    10.      Fl‑10 ta’ April 2018, l-ACER ukoll tat opinjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195. F’din l-opinjoni, l-ACER enfasizzat li, b’mod ġenerali, hija kienet taqbel mal-evalwazzjoni tat-TSOs tal-elettriku dwar l-effettività li tippreżenta parteċipazzjoni sħiħa tal-Isvizzera f’dawn il-pjattaformi (5). Barra minn hekk, hija enfasizzat li kien importanti li l-Isvizzera timplimenta r-Regolament 2017/2195 kollu u dispożizzjonijiet assoċjati miegħu, sabiex it-TSOs tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea u fl-Isvizzera jkunu fuq l-istess livell.

    11.      Fil‑31 ta’ Lulju 2020, id-Deputat Direttur Ġenerali tad-DG “Enerġija” tal-Kummissjoni bagħat ittra lill-ENTSO-E, kif ukoll lill-appellanti, li fiha enfasizza s-sorpriża tiegħu dwar l-intenzjoni tat-TSOs tal-elettriku li jinkludu lill-appellanti fil-pjattaforma TERRE bħala membru sħiħ u enfasizza li l-akkoppjament u l-ibbilanċjar tas-swieq kienu jaqgħu f’kuntest komplet ta’ drittijiet u obbligi legalment vinkolanti li l-Isvizzera kienet għadha ma qablitx miegħu. Minħabba f’hekk, l-operaturi u TSOs tal-elettriku Svizzeri ma kellhomx, bħala prinċipju, dritt li jipparteċipaw f’din il-pjattaforma. Barra minn hekk, huwa fakkar li l-Kummissjoni ma kienet tat ebda eċċezzjoni lill-Isvizzera skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195.

    12.      Fid‑29 ta’ Settembru 2020, l-appellanti wieġbet lill-Kummissjoni billi argumentat li l-parteċipazzjoni sħiħa tagħha fil-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar kienet indispensabbli għal raġunijiet ta’ sigurtà tas-sistema elettrika. Essenzjalment, hija sostniet li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha fil-proċess tal-kalkolu tal-kapaċità tal-Unjoni u l-inklużjoni tagħha fl-analiżi tas-sigurtà operattiva kienu insuffiċjenti. Barra minn hekk, hija rreferiet għar-raġunijiet li jinsabu fl-opinjoni tal-ENTSO-E tas‑7 ta’ Settembru 2017 kif ukoll f’dik tal-ACER tal‑10 ta’ April 2018.

    13.      Fil‑5 ta’ Novembru 2020, l-ENTSO-E wieġeb lill-Kummissjoni. F’din it-tweġiba, filwaqt li enfasizzaw li d-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar kienet tal-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, it-TSOs tal-elettriku fakkru li huma, kif ukoll l-ACER, kienu taw opinjoni favorevoli għal tali parteċipazzjoni.

    14.      Fit‑8 ta’ Diċembru 2020, l-appellanti bagħtet ittra lill-Kummissjoni li fiha hija fakkret li t-TSOs tal-elettriku tal-Unjoni kif ukoll l-ACER kienu taw opinjoni favorevoli għall-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma TERRE u talbitha tawtorizza l-imsemmija parteċipazzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195.

    15.      Fl-ittra kontenzjuża tas‑17 ta’ Diċembru 2020, mibgħuta lill-ENTSO-E bi tweġiba għall-ittra tiegħu tal‑5 ta’ Novembru 2020, id-Direttriċi tad-DG “Enerġija” tal-Kummissjoni, l-ewwel nett, enfasizzat li l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-proġett tal-pjattaforma TERRE ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni applikabbli, jiġifieri l-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195. It-tieni nett, hija fakkret li l-opinjoni tal-ACER kienet tenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni mill-Isvizzera tar-Regolament 2017/2195 kollu u tad-dispożizzjonijiet li kienu assoċjati miegħu. It-tielet nett, id-Direttriċi rrilevat li ċerti miżuri kienu jilqgħu b’mod suffiċjenti għar-riskji li kienu jippreżentaw il-flussi fiżiċi tal-elettriku mhux skedati, u għalhekk, li l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar ma kinitx neċessarja. F’dan ir-rigward, hija sostniet li l-bażi tas-sigurtà operattiva tinsab, minn naħa, fil-kalkolu (mill-ġdid) tal-kapaċitajiet, u min-naħa l-oħra, fil-koordinazzjoni tas-sigurtà operattiva fuq bażi reġjonali, li diġà kienu jinkludu lill-Isvizzera. Ir-raba’ nett, id-Direttriċi kkonkludiet li l-Kummissjoni ma ratx raġuni sabiex tadotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Isvizzera tipparteċipa fil-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar, fosthom il-pjattaforma TERRE. Il-ħames nett, hija talbet lit-TSOs tal-elettriku jeskludu lill-appellanti mill-pjattaforma TERRE, mhux iktar tard mill‑1 ta’ Marzu 2021. L-appellanti ġiet innotifikata b’kopja ta’ din l-ittra permezz ta’ posta elettronika.

    16.      F’riżoluzzjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2023, il-Parlament Ewropew jenfasizza, b’mod partikolari, li l-istabbiltà tan-network u s-sigurtà tal-provvista u tat-tranżitu fis-settur tal-elettriku jiddependu fuq kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Isvizzera u ddikjara li huwa inkwetat dwar il-fatt li l-esklużjoni tas-settur tal-enerġija Svizzeru tqajjem riskji sistematiċi għaż-żona armonizzata tal-Ewropa kontinentali. Skont il-Parlament, sal-konklużjoni ta’ ftehim-qafas bejn l-Unjoni u l-Isvizzera, huwa neċessarju li jinstabu soluzzjonijiet tekniċi fil-livell tat-TSOs u li l-Isvizzera tiġi integrata fil-kalkoli tal-kapaċità tal-Unjoni sabiex jitnaqqsu l-ikbar riskji li jheddu l-istabbiltà tan-network reġjonali u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija (6).

    IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ddigriet appellat

    17.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Frar 2021, l-appellanti ppreżentat ir-rikors skont l-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament tad-deċiżjoni allegatament kontenuta fl-ittra kontenzjuża.

    18.      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà billi argumentat li l-ittra kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, peress li din ma tipproduċix effetti legali vinkolanti, bħala korrispondenza informali bejn rappreżentanti tat-TSOs tal-elettriku u d-DG “Enerġija” fil-livell tas-servizzi tiegħu. Barra minn hekk, l-appellanti ma ġġustifikatx il-locus standi tagħha, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-ittra ma kinitx tirrigwardaha direttament.

    19.      Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti bħala inammissibbli, peress li l-ittra kontenzjuża ma kinitx att li jista’ jiġi kkontestat b’rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

    20.      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-kuntest legali li fih taqa’ l-ittra kontenzjuża jipprekludi li din tiġi kklassifikata bħala “att intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti”, fis-sens tal-ġurisprudenza (7). Skont il-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195 ma jipprevedix id-dritt li l-appellanti titlob jew tikseb mill-Kummissjoni l-awtorizzazzjoni sabiex l-Isvizzera, u għalhekk tat-TSOs tal-elettriku stabbiliti fiha, jipparteċipaw fil-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar, b’mod partikolari, il-pjattaforma TERRE. Il-Qorti Ġenerali tqis li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni tibqa’ fid-dritt li tirrifjuta din il-parteċipazzjoni, fl-eventwalità nnifisha li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(6) ta’ dan ir-regolament li jiġġustifikaw tali awtorizzazzjoni jkunu ssodisfatti. Essenzjalment, hija tirrileva li minkejja li l-osservanza taż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(6) tal-imsemmi regolament jippermettu lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tawtorizza tali parteċipazzjoni, din id-dispożizzjoni ma timponilha ebda obbligu f’dan is-sens. Barra minn hekk, kull interpretazzjoni oħra ċċaħħad it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(7) tal-istess regolament mill-effett utli tagħha (8).

    21.      Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza lill-Isvizzera u, għalhekk, lit-TSOs tal-elettriku stabbiliti fiha, jipparteċipaw fil-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar tiddependi biss mill-għażla tal-Kummissjoni, li f’dan ir-rigward, għandha setgħa diskrezzjonali. Skont il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti, bħala TSO tal-elettriku Svizzeru, ma għandha ebda dritt individwali li titlob jew tikseb mill-Kummissjoni l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera, u għalhekk, tat-TSOs tal-elettriku stabbiliti fiha fil-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar. Għalhekk, l-“ittra [kontenzjuża] ma tistax [...] tikkostitwixxi deċiżjoni li jista’ jkollha effetti legali fir-rigward tar-rikorrenti, ta’ natura li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tagħha [...], peress li hija ma tippreġudika ebda dritt individwali li jista’ jillimita s-setgħa ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li f’dan il-każ, hija diskrezzjonali” (9).

    V.      Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

    22.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2023, l-appellanti ppreżentat dan l-appell.

    23.      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    –        tannulla d-digriet appellat;

    –        tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;

    –        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-fondatezza tar-rikors, u

    –        tirriżerva l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell.

    24.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    –        tiċħad l-appell u

    –        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    25.      L-osservazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja nstemgħu waqt is-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2024.

    VI.    Evalwazzjoni

    A.      Osservazzjonijiet preliminari

    26.      Permezz tal-ewwel u t-tieni aggravju, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-ittra kontenzjuża ma tipproduċix effetti legali fir-rigward tagħha, ta’ natura li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tagħha, għar-raġuni li din bl-ebda mod ma tippreġudika dritt individwali li jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195.

    27.      Nipproponi li dawn iż-żewġ aggravji jiġu kkunsidrati flimkien.

    28.      Fl-ewwel lok, ser nevalwa l-kwistjoni dwar jekk l-ittra kontenzjuża tissodisfax il-kriterji tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat”, billi nieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sustanza tagħha u l-intenzjoni tal-awtur tagħha (Taqsima B).

    29.      Fit-tieni lok, ser neżamina l-effetti fuq il-klassifikazzjoni ta’ din l-ittra bħala att li jista’ jiġi kkontestat ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni jew diskrezzjonali tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, fir-rigward tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni, u għall-kuntrarju, tal-eventwali assenza ta’ kompetenza limitata f’dan ir-rigward jew ta’ dritt individwali tal-appellanti li tikseb tali awtorizzazzjoni (Taqsima C).

    30.      Fit-tielet lok, sussidjarjament, fir-rigward tat-tieni aggravju, ser nanalizza l-portata u l-limiti ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni jew diskrezzjonali bi tweġiba għall-argument tal-appellanti li, f’dan il-każ, hija kellha dritt individwali li għalih kien jikkorrispondi obbligu tal-Kummissjoni li tagħtiha din l-awtorizzazzjoni. F’dan il-kuntest, ser inwieġeb ukoll għat-tielet aggravju intiż sabiex jargumenta li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-digriet appellat f’dan ir-rigward (Taqsima D).

    B.      Ilkriterji ġurisprudenzjali li jirregolaw ilkunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat u ssustanza talittra kontenzjuża

    31.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ittra kontenzjuża tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li rrikonoxxiet li kull att, tkun xi tkun il-forma tiegħu, intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja. Sabiex jiġi evalwat jekk att jipproduċix tali effetti u jistax, għalhekk, ikun is-suġġett ta’ azzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati kriterji oġġettivi u s-sustanza ta’ dan l-att. F’dan ir-rigward, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali (10), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu, is-setgħat tal-istituzzjoni li hija l-awtriċi tiegħu (11), kif ukoll l-intenzjoni segwita minn din tal-aħħar (12).

    32.      Mill-banda l-oħra, jevita l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE kull att li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti, bħall-atti preparatorji u l-atti purament ta’ implimentazzjoni, is-sempliċi rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, kif ukoll, bħala prinċipju, l-istruzzjonijiet interni (13).

    33.      Għalhekk, il-fatt li l-ittra kontenzjuża ma għandhiex il-forma ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni, iżda dik ta’ ittra sempliċi ffirmata minn direttriċi tad-DG “Enerġija”, ma għandux effett fuq il-klassifikazzjoni tagħha bħala “att li jista’ jiġi kkontestat” (14). Li kieku kien mod ieħor, il-Kummissjoni tkun tista’ tevita l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni billi tinjora r-rekwiżiti formali li jirregolaw l-adozzjoni tal-att kontenzjuż, rekwiżiti li huma meħtieġa fid-dawl tas-sustanza vera tiegħu, fosthom dawk tal-kompetenza tad-dipartiment li aġixxa, tal‑identifikazzjoni korretta ta’ dan l-att bħala “deċiżjoni” jew anki tan-notifika formali tiegħu lid-destinatarju tiegħu (15).

    34.      Fir-rigward tas-sustanza tal-ittra kontenzjuża, b’mod partikolari tal-kontenut u tal-formulazzjoni tagħha, inkluża l-intenzjoni tal-awtur tagħha li tirriżulta minnha, il-Qorti Ġenerali tinnota l-fatt li din l-ittra, l-ewwel nett, tfakkar li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-pjattaforma TERRE hija possibbli biss jekk il-Kummissjoni tawtorizza minn qabel lill-Isvizzera tipparteċipa f’din il-pjattaforma, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195, it-tieni nett, tenfasizza li l-kundizzjonijiet ta’ tali parteċipazzjoni ma jidhrilhiex li huma ssodisfatti attwalment, u t-tielet nett, titlob lit-TSOs tal-elettriku jeskludu lill-appellanti mill-imsemmija pjattaforma, mhux iktar tard mill‑1 ta’ Marzu 2021 (16).

    35.      Din it-tielet kunsiderazzjoni tindika, fiha nnifisha, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tattribwixxi konsegwenzi legali lill-ittra kontenzjuża li setgħu jippreġudikaw lir-rikorrenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma teħodhomx inkunsiderazzjoni fil-bqija tal-analiżi tagħha. Fil-fatt, huwa mingħajr ma lanqas evalwat il-portata tal-kunsiderazzjonijiet esposti fl-ittra kontenzjuża jew l-intenzjoni tal-awtur tagħha, li hija sussegwentement iddeċidiet biss dwar il-“kuntest ġuridiku” li fiha taqa’ din l-ittra, li fil-fehma tagħha, jipprekludi li tiġi kklassifikata bħala “att intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti” (17).

    36.      Nikkunsidra li dan l-approċċ huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi, b’mod partikolari, sa fejn ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kontenut tal-ittra kontenzjuża jippreġudika manifestament lill-appellanti. Minn naħa, ir-rifjut tal-awtorizzazzjoni tal-appellanti, bħala TSO tal-elettriku Svizzeru u membru tal-ENTSO-E, sabiex tipparteċipa b’mod sħiħ fil-pjattaforma TERRE, bħat-TSOs tal-elettriku tal-Unjoni, jaffettwa l-interessi tagħha iktar u iktar peress li kienet diġà pparteċipat f’din il-pjattaforma, anki jekk ma kinitx membru sħiħ tagħha u ma setgħetx tinvoka dritt individwali f’dan ir-rigward (18). Min-naħa l-oħra, f’din l-ittra, il-Kummissjoni qieset il-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-pjattaforma TERRE sa dakinhar illegali u talbet lit-TSOs tal-elettriku tal-Unjoni, billi użat lingwaġġ imperattiv, enfasizzat b’tipa skura (19), sabiex jeskluduha minnha sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Marzu 2021. Barra minn hekk, hawnhekk hija semmiet il-possibbiltà ta’ azzjonijiet għal kumpens għad-danni kkawżati mill-esklużjoni mitluba tal-appellanti mill-pjattaforma TERRE (20). Issa, ir-rifjut li tadotta deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni flimkien mat-talba għat-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti f’din il-pjattaforma, li jistgħu jagħtu lok għal azzjoni għal kumpens għad-danni, huma intiżi neċessarjament sabiex jipproduċu effetti legali li jaffettwaw l-interessi tal-appellanti billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. Għalhekk, hija ma tistax tiġi mċaħħda mid-dritt, skont l-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 47 TFUE tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn ir-rifjuti u talba quddiem il-qrati tal-Unjoni.

    37.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali lanqas eżaminat dawn l-aspetti determinanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, li jivvizzja wkoll ir-raġunament tagħha espost fil-punti 23 sa 29 tad-digriet appellat fuq żball ta’ liġi.

    C.      Setgħa diskrezzjonali u assenza ta’ dritt individwali

    38.      Barra minn hekk, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tirreferi għall-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, u għalhekk, għall-assenza ta’ dritt individwali li tinkiseb awtorizzazzjoni għal parteċipazzjoni fil-pjattaforma TERRE sabiex tiddeduċi li l-ittra kontenzjuża la setgħet tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-appellanti u lanqas tibdel is-sitwazzjoni legali tagħha.

    39.      Jidhirli li huwa evidenti li, ladarba l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tipprevedix kompetenza limitata, iżda setgħa ta’ evalwazzjoni jew diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, dan jeskludi, bħala prinċipju, qabel kollox l-eżistenza ta’ dritt individwali li jintalab ċertu aġir min-naħa tagħha, jiġifieri, f’dan il-każ, l-awtorizzazzjoni tal-Isvizzera u tal-appellanti sabiex jipparteċipaw, b’mod partikolari, fil-pjattaforma TERRE. Din il-kunsiderazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-portata eżatta ta’ eventwali setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195 li ser nevalwa fil-punti 51 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    40.      Minn dan isegwi li r-raġunament espost fil-punti 24 sa 29 tad-digriet appellat jistabbilixxi biss evidenza legali rikorrenti rigward sitwazzjoni li fiha individwu jrid jikseb, min-naħa ta’ awtorità li għandha setgħa ta’ evalwazzjoni jew diskrezzjonali, tweġiba jew bidu ta’ azzjoni favorevoli għalih (21). Madankollu, minn dan ma jirriżultax li t-teħid ta’ pożizzjoni definittiva ta’ tali awtorità li tirrifjuta li tuża din is-setgħa fis-sens mixtieq mill-individwu ma jistax ikun ikkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni, għar-raġuni li, fin-nuqqas ta’ dritt individwali f’dan ir-rigward, dan it-teħid ta’ pożizzjoni ma jippreġudikahx. Għalhekk, fil-qasam tal-kompetizzjoni, minkejja li lanjant, b’mod partikolari kompetitur li għandu interess leġittimu, ma jistax jimponi lill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni fis-sens mitlub minnu, xorta għandu dritt għal eżami diliġenti u imparzjali tal-ilment tiegħu u li jikseb tweġiba definittiva motivata min-naħa tal-Kummissjoni, tweġiba li tista’ tiġi kkontestata (22).

    41.      Bl-istess mod, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-istatus proċedurali tal-appellanti, bħala l-unika TSO Svizzeru, fil-kuntest tal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195. Din il-proċedura hija intiża speċifikament sabiex jinkiseb ir-rikonoxximent tal-parteċipazzjoni tal-Isvizzera u tat-TSOs Svizzeri fil-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard għall-ibbilanċjar tal-enerġija permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni abbażi ta’ opinjoni mogħtija mill-ACER u mit-TSOs kollha tal-Unjoni. Għalhekk, f’dan il-każ, din il-proċedura nbdiet abbażi tal-opinjonijiet favorevoli tal-ACER u ta’ dawn it-TSOs sabiex l-appellanti tiġi inkluża fil-pjattoforma TERRE, segwita minn talba min-naħa tagħha f’dan l-istess sens, b’applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament (23).

    42.      Fid-dawl ta’ dan il-għan tal-proċedura skont l-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195 u ta’ din is-sitwazzjoni, l-appellanti setgħet għalhekk, tinvoka, bħal lanjant fid-dritt tal-kompetizzjoni, id-dritt li l-Kummissjoni tittratta l-fajl tagħha, b’mod partikolari t-talba tagħha ta’ awtorizzazzjoni, b’mod diliġenti u imparzjali u timmotiva debitament it-tweġiba definittiva għal din it-talba, sabiex tqegħedha f’pożizzjoni li tikkontesta l-fondatezza tagħha (24). F’dan il-każ, l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti proċedurali kienet iktar neċessarja fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni, jew anki diskrezzjonali, li l-Kummissjoni kellha għall-finijiet tal-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni (25). Issa, il-klassifikazzjoni tal-ittra kontenzjuża bħala “att li ma jistax jiġi kkontestat” tippermetti lill-Kummissjoni tevita kull stħarriġ ġudizzjarju f’dan ir-rigward (26).

    43.      Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kisret dawn ir-rekwiżiti proċedurali li madankollu l-Kummissjoni riedet manifestament tissodisfa permezz tal-ittra kontenzjuża, kif juri wkoll il-fatt li hija kienet bagħtet lill-appellanti kopja. Fil-fatt, il-Kummissjoni esponiet fiha l-pożizzjoni definittiva tagħha kemm dwar l-opinjonijiet tat-TSOs u tal-ACER kif ukoll dwar din it-talba filwaqt li tterminat il-proċedura skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195.

    44.      Minn dan jirriżulta li l-eżistenza fiha nnifisha ta’ tali setgħa diskrezzjonali favur il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, ma hijiex ta’ natura li ċċaħħad l-ittra kontenzjuża minn effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-appellanti, kif imfakkar fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-fatt enfasizzat mill-Qorti Ġenerali li din id-dispożizzjoni ma “timponix” fuq il-Kummissjoni obbligu li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(6) tar-Regolament 2017/2195 ikunu ssodisfatti (27), iżda tirriżervalha “għażla” f’dan ir-rigward (28), ma jeskludix li l-ittra kontenzjuża tbiddel is-sitwazzjoni legali tagħha. Il-Qorti Ġenerali lanqas tista’ tiġġustifika l-approċċ tagħha bil-konstatazzjoni li interpretazzjoni differenti ċċaħħad it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(7) tal-istess regolament mill-effett utli tagħha (29). Dan huwa inqas possibbli ladarba l-analiżi tal-portata u tal-konsegwenzi tal-eżerċizzju tal-allegata setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni taqa’ taħt l-eżami tal-mertu u mhux tal-ammissibbiltà tar-rikors (30).

    45.      Konsegwentement, il-kunsiderazzjoni esposta fil-punt 23 tad-digriet appellat li l-kuntest ġuridiku li fiha taqa’ l-ittra kontenzjuża jipprekludi li din tiġi kklassifikata bħala “att intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti”, hija vvizzjata minn żball ta’ liġi. L-istess japplika għall-konklużjoni li tinsab fi-punt 29 ta’ dan id-digriet li tipprovdi, essenzjalment, li din l-ittra ma tistax tikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tipproduċi effetti legali fir-rigward tagħha, ta’ natura li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tagħha, peress li ma tippreġudika ebda dritt individwali, li jillimita s-setgħa ta’ deċiżjoni diskrezzjonali tal-Kummissjoni.

    46.      Hija wkoll ivvizzjata bi żball ta’ liġi l-kunsiderazzjoni stabbilita fil-punt 28 tad-digriet appellat li tipprovdi li l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195 ma jagħti ebda dritt lill-appellanti li tibda l-proċedura fih prevista jew li tkun assoċjata magħha, bi kwalunkwe mod, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ. Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal smigħ japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, bħar-rifjut tal-awtorizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-pjattaforma TERRE jew l-esklużjoni tagħha minn din il-pjattaforma, u r-rispett tiegħu huwa impost anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità (31). Għalhekk, l-appellanti kellha din il-garanzija proċedurali u d-dritt li tikseb stħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tagħha mill-Kummissjoni (32). Fi kwalunkwe każ, huwa stabbilit li, f’dan il-każ, il-proċedura skont din id-dispożizzjoni kienet diġà pendenti meta l-appellanti ressqet it-talba tagħha u li tnejn mill-kriterji formali sabiex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri l-opinjoni favorevoli tat-TSOs tal-elettriku miġbura fl-ENTSO-E u tal-ACER, kienu diġà ssodisfatti, b’tali mod li f’dan il-kuntest hija ma setgħetx tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha għal smigħ.

    47.      Barra minn hekk, il-bidla sinjifikattiva tas-sitwazzjoni legali tal-appellanti li tirriżulta hija suffiċjenti sabiex tiġi rrikonoxxuta l-inċidenza diretta tagħha, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretat minn ġurisprudenza stabbilita (33). Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri, li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji tagħha, li għandhom jimplimentawha (34).

    48.      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dan huwa l-każ f’dan il-każ. Fil-fatt, l-ittra kontenzjuża mhux biss tirrifjuta li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera u tal-appellanti fil-pjattaforma TERRE, iżda teżiġi wkoll li din tiġi eskluża minnha mhux iktar tard mill‑1 ta’ Marzu 2021 (35), mingħajr madankollu ma tħalli setgħa ta’ evalwazzjoni lit-TSOs tal-elettriku destinatarji f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, kif esposti sussidjarjament fil-punt 30 tad-digriet appellat, jiksru l-kriterju tal-inċidenza diretta.

    49.      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’ u d-digriet appellat annullat.

    50.      Minkejja n-natura suffiċjenti tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti għall-finijiet tal-annullament tad-digriet ikkontestat, nipproponi li tingħata tweġiba wkoll għat-tieni aggravju sa fejn dan huwa intiż sabiex jikkontesta l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u jargumenta l-eżistenza tad-dritt tal-appellanti li tikseb awtorizzazzjoni, min-naħa tagħha, sabiex tipparteċipa, b’mod partikolari, fil-pjattaforma TERRE. Fil-fatt, din it-tweġiba li tirrigwarda kemm il-mertu kif ukoll l-ammissibbiltà tar-rikors tista’ tkun utli għas-soluzzjoni definittiva tat-tilwima wara li l-kawża eventwalment tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    D.      Portata tassetgħa diskrezzjonali li teskludi leżistenza ta’ dritt individwali sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni

    51.      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti targumenta essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195 ma jagħtiha ebda dritt individwali sabiex titlob u tikseb mill-Kummissjoni l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera, u għalhekk, tat-TSOs li huma stabbiliti fiha, fil-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard għall-ibbilanċjar tal-enerġija (36). Essenzjalment, l-appellanti tqis li peress li l-kriterju formali tal-preżenza ta’ opinjonijiet favorevoli tat-TSOs u tal-ACER, skont din id-dispożizzjoni, kien issodisfatt u li skont dawn l-opinjonijiet, it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(6) tal-istess regolament kienet issodisfatta, il-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni f’dan l-istess sens.

    52.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(6) tar-Regolament 2017/2195 jipprevedi biss il-possibbiltà (“jistgħu”) li l-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard għall-ibbilanċjar tal-enerġija jinfetħu għat-TSOs li joperaw fl-Isvizzera. Dan il-ftuħ huwa possibbli taħt żewġ kundizzjonijiet alternattivi, jiġifieri, minn naħa, meta l-leġiżlazzjoni Svizzera tapplika d-dispożizzjonijiet ewlenin rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jirrigwardaw is-suq tal-elettriku u jkun jeżisti ftehim intergovernattiv dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-elettriku bejn l-Unjoni u l-Isvizzera, u min-naħa l-oħra, jekk l-esklużjoni tal-Isvizzera tkun tista’ twassal għal flussi fiżiċi tal-elettriku mhux skedati li jgħaddu mill-Isvizzera u jipperikolaw is-sigurtà tan-network fir-reġjun.

    53.      Skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, il-Kummissjoni għandha setgħa esklużiva li tadotta deċiżjoni (“għandha tiddeċidiha l-Kummissjoni”) li tawtorizza lill-Isvizzera u t-TSOs li joperaw fiha jipparteċipaw fil-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard għall-ibbilanċjar tal-enerġija. Barra minn hekk, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa deċiżjonali tiddependi, minn naħa, fuq is-sodisfazzjon ta’ żewġ kundizzjonijiet sostantivi alternattivi previsti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-istess artikolu, kif imfakkra fil-punt preċedenti, u min-naħa l-oħra, fuq rekwiżit formali, jiġifieri l-eżistenza ta’ opinjoni mogħtija mill-ACER u mit-TSOs kollha, mingħajr ma huwa ppreċiżat jekk tali opinjoni għandhiex tkun pożittiva jew negattiva (“abbażi ta’ opinjoni” (37)).

    54.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li, ladarba l-ACER u t-TSOs tal-Unjoni jagħtu opinjoni pożittiva dwar jekk waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament 2017/2195 hijiex issodisfatta, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera u tat-TSOs li joperaw fiha fil-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard għall-ibbilanċjar tal-enerġija. L-istess japplika għall-argument tagħha li l-użu tal-forma passiva (“għandha tiddeċidiha l-Kummissjoni” jew “shall be decided by the Commission”), fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(7) ta’ dan ir-regolament, jimponilha li tadotta tali deċiżjoni. Dan huwa iktar minnu peress li verżjonijiet lingwistiċi oħrajn jużaw il-forma attiva f’dan ir-rigward (38).

    55.      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament tikkonkludi, essenzjalment, fil-punt 26 tad-digriet appellat, li l-fatt li waħda miż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament 2017/2195 tiġi ssodisfatta “jippermetti biss lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar jekk għandhiex tawtorizza tali parteċipazzjoni, iżda ma timponilhiex li tawtorizzaha”. Fil-fatt, jekk ebda waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma jkunu ssodisfatti, il-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Mill-banda l-oħra, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun issodisfatta, hija tkun tista’ tagħmel dan.

    56.      F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, li dwarha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 27 tad-digriet appellat, hija madankollu irrilevanti. Din it-tieni sentenza tiddetermina biss il-konsegwenzi legali ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, meta din tkun ittieħdet skont l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ, u għalhekk ma tirrigwardax il-kundizzjonijiet preliminari għall-adozzjoni tagħha. Fil-fatt, huwa biss wara li tkun awtorizzata l-parteċipazzjoni tat-TSOs Svizzeri li d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom għandhom “ikunu konsistenti mad-drittijiet u mar-responsabbiltajiet tat-TSOs li joperaw fl-Unjoni, sabiex ikun hemm funzjonament mingħajr xkiel tas-suq tal-ibbilanċjar fil-livell tal-Unjoni u sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-partijiet konċernati kollha” (39). Dan ir-rekwiżit huwa iktar u iktar neċessarju meta d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tkun ibbażata fuq it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(6) tal-istess regolament, sitwazzjoni li fiha ma huwiex iggarantit li l-Isvizzera tapplika, kif previst mill-ewwel kundizzjoni, id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq tal-elettriku. Mill-banda l-oħra, fl-assenza ta’ tali awtorizzazzjoni, u għalhekk, ta’ parteċipazzjoni tat-TSOs Svizzeri, naturalment, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom ma jistgħux ikunu l-istess bħal dawk tat-TSOs tal-Unjoni, u lanqas “ikun hemm funzjonament mingħajr xkiel tas-suq tal-ibbilanċjar fil-livell tal-Unjoni” (40).

    57.      Fl-aħħar nett, il-kunċetti mhux determinati li jaqgħu taħt it-tieni kundizzjoni skont l-Artikolu 1(6) tar-Regolament 2017/2195, kif ukoll il-formulazzjoni miftuħa tagħha jindikaw li l-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa rigward il-kwistjoni dwar jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta. Fil-fatt, din teżiġi analiżi kontrafattwali doppja kumplessa min-naħa tagħha sabiex tiddetermina jekk, minn naħa, l-esklużjoni tal-Isvizzera tistax twassal għal “flussi ta’ enerġija fiżika mhux skedati minn ġewwa l-Iżvizzera”, u jekk, min-naħa l-oħra, tali flussi “tipperikola [jipperikolawx] s-sigurtà tas-sistema fir-Reġjun”. Din il-kunsiderazzjoni tikkonferma li, fir-rigward tas-setgħa deċiżjonali esklużiva tagħha skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tadotta deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għas-sempliċi raġuni li l-ACER u t-TSOs taw opinjoni pożittiva. Dan ikun inqas u inqas il-każ meta, bħal f’dan il-każ, l-opinjoni pożittiva tal-ACER tkun ibbażata biss fuq il-kunsiderazzjoni li l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera tkun soluzzjoni effettiva sabiex jitnaqqsu l-konġestjonijiet u tiżdied is-sigurtà operattiva (41).

    58.      Għalhekk, ċertament, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, jew anki setgħa diskrezzjonali, skont l-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195, li teskludi l-eżistenza ta’ dritt individwali tal-appellanti li tikseb deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Bl-istess mod, din l-evalwazzjoni tirriżulta b’mod suffiċjentement ċar u li jinftiehem mill-punti 24 sa 29 tad-digriet appellat, b’tali mod li ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward (it-tielet aggravju).

    59.      Għaldaqstant, it-tieni aggravju ma jistax jirnexxi. Xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl ta’ dak espost minni fil-punti 31 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma tistax tikkostitwixxi l-bażi tal-konklużjoni tagħha li l-ittra kontenzjuża ma kellhiex effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-appellanti u li din l-ittra kienet tikkostitwixxi għalhekk att li ma jistax jiġi kkontestat.

    VII. Konklużjoni

    60.      Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel aggravju, tannulla d-digriet appellat, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tirriżerva l-ispejjeż.


    1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


    2      Regolament tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU 2017, L 312, p. 6).


    3      Din hija l-formola użata f’ġurisprudenza stabbilita, b’mod partikolari, fis-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 29); tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51); u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Trioplast Industrier vs Il‑Kummissjoni (C‑364/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:1008, punt 28).


    4      Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    5      B’mod iktar preċiż, l-ACER iddikjarat ruħha kif ġej f’dan ir-rigward: “[I]l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard għall-ibbilanċjar tal-elettriku tista’ tkun soluzzjoni effettiva għall-ġlieda kontra problemi eventwali ta’ konġestjoni tan-network Svizzeru u żżid l-effettività tal-kalkolu u tal-allokazzjoni tal-kapaċità interżonali Svizzera, kif ukoll is-sigurtà operattiva globali fir-reġjun.”


    6      Ara l-punti 39 u 40 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal‑4 ta’ Ottubru 2023 dwar ir-relazzjonijiet UE‑Svizzera (2023/2042(INI)) (ĠU 2024, C/2024/1183).


    7      Ara l-punti 19 sa 23 tad-digriet appellat li jirreferu, b’mod partikolari, għas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF (C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 36).


    8      Punti 24 sa 28 tad-digriet appellat.


    9      Punt 29 tad-digriet appellat.


    10      Il-punt 20 fl-aħħar tad-digriet appellat.


    11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 36 u 37); tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, EU:C:2021:426, punti 37 u 38); kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 62 u 63). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda BEI vs ClientEarth u Il‑Kummissjoni vs BEI (C‑212/21 P u C‑223/21 P, EU:C:2022:1003, punt 47) kif ukoll fil-kawża Nemea Bank vs BĊE (C‑181/22 P, EU:C:2023:935, punt 47).


    12      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52).


    13      Sentenza tat‑22 ta’ April 2021, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni (C‑572/18 P, EU:C:2021:317, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punti 44 u 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni (C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 47); id-digriet tat‑22 ta’ Jannar 2010, Makhteshim-Agan Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑69/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:37, punt 38).


    15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punti 44 u 45), li tirrigwarda sempliċi ittra tad-dipartimenti tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika lment fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.


    16      Punt 21 tad-digriet appellat.


    17      Punt 23 tad-digriet appellat.


    18      Ara l-punti 38 sa 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    19      It-test rilevanti li jinsab fil-paġna 3 tal-ittra kontenzjuża jaqra kif ġej (enfasi bħal fl-oriġinali): “The Commission thus asks TSOs to re-establish a situation which is compliant with the conditions for participation in EU platforms in the Electricity Balancing Regulation and exclude Swissgrid from the TERRE platform as of 1 March 2021 at the latest.”


    20      It-test rilevanti espost fl-ewwel paġna tal-ittra kontenzjuża huwa fformulat kif ġej: “This may become relevant in relation to possible damage claims resulting from the required exclusion of Swissgrid from the TERRE platform.”


    21      Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ lanjanti fid-dritt tal-kompetizzjoni jew tal-għajnuna mill-Istat li jitolbu lill-Kummissjoni tuża s-setgħat ta’ investigazzjoni u s-setgħat deċiżjonali tagħha, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni (C‑322/09 P, EU:C:2010:701); tad‑19 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine (C‑351/15 P, EU:C:2017:27); tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Trioplast Industrier vs Il‑Kummissjoni (C‑364/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:1008); u tal‑20 ta’ April 2023, Amazon.com et vs Il‑Kummissjoni (C‑815/21 P, EU:C:2023:308).


    22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Fakro vs Il‑Kummissjoni (C‑149/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:517, punti 42 sa 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    23      Ara wkoll il-punti 52 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    24      Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni (C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punti 45 et seq.), kif ukoll tad‑19 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine, (C‑351/15 P, EU:C:2017:27, punti 35 sa 38).


    25      Ara l-ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14); ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais (C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata: “meta istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija ta’ importanza fundamentali l-osservanza tal-garanziji proċedurali, li fosthom hemm l-obbligu tagħha li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni”). Din il-ġurisprudenza hija l-oriġini tal-Artikolu 41(1) u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta; ara l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), spjegazzjoni Artikolu 41 – Dritt għal amministrazzjoni tajba.


    26      Ara, f’dan ir-rigward, it-tielet u r-raba’ motiv tar-rikors promotur tal-ewwel istanza.


    27      Punti 26 u 27 tad-digriet appellat.


    28      Punt 29 tad-digriet appellat.


    29      Punt 27 fl-aħħar tad-digriet appellat.


    30      Ara wkoll il-punti 56 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 85 u 86), kif ukoll tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ (C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 67). Ara wkoll l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.


    32      Ara, f’dan ir-rigward, it-tielet motiv tar-rikorrenti fir-rikors promotur tal-ewwel istanza.


    33      Sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 38), u tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni (C‑342/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1043, punt 35).


    34      Sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 65 u 66), kif ukoll tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni (C‑342/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1043, punt 37).


    35      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    36      Punti 28 u 29 tad-digriet appellat.


    37      Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn għandhom jinftiehmu bl-istess mod; ara, pereżempju, il-verżjoni Ġermaniża (“auf der Grundlage einer Stellungnahme”), jew il-verżjoni Ingliża (“based on an opinion”).


    38      Ara, b’mod partikolari, il-verżjoni Ġermaniża (“entscheidet die Kommission”), il-verżjoni Daniża (“træffer Kommissionen”), u l-verżjoni Olandiża (“neemt de Commissie”).


    39      Il-verżjoni Ġermaniża u Ingliża jesprimu din il-konsegwenza legali b’mod iktar ċar: “Im Interesse eines reibungslos funktionierenden Regelreservemarkts auf Unionsebene und gleicher Wettbewerbsbedingungen für alle Interessenträger entsprechen die Rechte und Pflichten der schweizerischen ÜNB dabei den Rechten und Pflichten der in der Union tätigen ÜNB”; “The rights and responsibilities of Swiss TSOs shall be consistent with the rights and responsibilities of TSOs operating in the Union, allowing for a smooth functioning of balancing market at Union level and a level-playing field for all stakeholders” (enfasi tiegħi).


    40      Din il-kunsiderazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni dwar jekk l-appellanti impenjatx ruħha volontarjament fil-konfront ta’ TSOs oħra li tosserva r-regoli rilevanti tal-Unjoni, kif iddikjarat waqt is-seduta.


    41      Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-paġna 1 tal-ittra kontenzjuża.

    Top