Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0080

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-13 ta’ Ġunju 2024.


    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:513

    Edizzjoni Provviżorja

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    RICHARD DE LA TOUR

    ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2024 (1)

    Kawża C80/23

    Proċeduri kriminali

    vs

    V.S.,

    fil-preżenza ta’

    Ministerstvo na vatreshnite raboti, Glavna direktsia za borba s organiziranata prestapnost

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il‑Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir‑rigward tal-ipproċessar ta’ data personali– Direttiva (UE) 2016/680 – Persuna mqiegħda taħt investigazzjoni – Reġistrazzjoni mill-pulizija ta’ data personali – Data sensittiva – Data bijometrika u ġenetika – Eżekuzzjoni forzata – Għanijiet ta’ prevenzjoni u investigazzjoni ta’ reati kriminali – Konklużjoni tal-investigazzjoni pendenti – Paragun ma’ data personali miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet oħra – Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-Pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49) –Interpretazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi – Artikolu 10 – Artikolu 6(a) – Evalwazzjoni tal-kriterju ta’ ‘verament […] meħtieġ’ tal-ipproċessar ta’ data sensittiva mill-awtoritajiet kompetenti – Kundizzjonijiet – Verifika”






    I.      Introduzzjoni

    1.        Id-djalogu bejn il-qrati mhux dejjem jintemm wara l-ewwel skambju bejn l-interlokuturi kkonċernati. Huwa possibbli li jkun hemm djalogu itwal bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti nazzjonali li tkun diġà rreferietilha kawża meta din tal-aħħar tqis, wara li tkun ħadet konjizzjoni tad-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja, li informazzjoni li jidhrilha li hija indispensabbli sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha tkun għadha nieqsa. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

    2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sofiyski gradski sad (il‑Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) tirrigwarda l-Artikolu 6(a) u l‑Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir‑rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il‑prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2008/977/ĠAI (2), kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (3).

    3.        Hija t-tieni talba li din il-qorti qed tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kuntest tal-istess kawża prinċipali (4). Din tirrigwarda talba mressqa mill-awtoritajiet tal-pulizija Bulgari sabiex jipproċedu bl-eżekuzzjoni forzata tal-ġbir tad-data fotografika, tal-marki tas-swaba’ u ġenetika (5) ta’ V.S. għal finijiet ta’ reġistrazzjoni. Wara li tqiegħdet taħt investigazzjoni għal reat ikklassifikat bħala intenzjonali, u, għalhekk, suġġett għall‑prosekuzzjoni ex officio, V.S. intalbet tissottometti ruħha għal din ir-reġistrazzjoni tad-data tagħha, li hija rrifjutat li tagħmel. L-awtoritajiet tal-pulizija kienu għalhekk talbu lill-qorti tar-rinviju tordna l-eżekuzzjoni forzata tar-reġistrazzjoni mill-pulizija.

    4.        It-talba tal-awtoritajiet tal-pulizija magħmula lil din il-qorti kienet tindika li kienu nġabru provi suffiċjenti dwar il-ħtija ta’ V.S. Fiha kien spjegat li hija kienet uffiċjalment investigata għaliex wettqet reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio u li kienet irrifjutat li tissuġġetta ruħha għall-ġbir tad-data tagħha. Ma’ din it-talba kienu ġew annessi biss il-kopji tal-att li jqiegħed lil V.S. taħt investigazzjoni u tad‑dikjarazzjoni li fiha rrifjutat l-għoti tal-kunsens tagħha għar‑reġistrazzjoni mill-pulizija. Fid-dawl ta’ dawn il-provi biss, l‑imsemmija qorti kellha, skont id-dritt nazzjonali tagħha, tordna l‑eżekuzzjoni forzata tar-reġistrazzjoni mill-pulizija tad-data ta’ V.S.

    5.        Madankollu, fil-mument tal-eżami tat-talba, il-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali sitwazzjoni mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2016/680 f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-ġbir u l-ipproċessar ta’ data sensittiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet id-domandi ta’ din il-qorti fis-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I.

    6.        Meta għamlet żewġ domandi preliminari ġodda lill-Qorti tal‑Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju spjegat li kienet għad ma rnexxilhiex tistabbilixxi jekk setgħetx, mingħajr ma tikser id-dritt tal-Unjoni, tordna tali eżekuzzjoni.

    7.        Dawn id-domandi jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa waħda, tispjega t-termini tas-sentenza tagħha Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I f’dak li jikkonċerna r-rekwiżit li l-ipproċessar li jirrigwarda kategoriji partikolari ta’ data personali, ikkunsidrati bħala data sensittiva, li jinsabu fl-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2 016/680 (6) ikun “verament […] meħtieġ” u, min-naħa l-oħra, tispjega dak li huwa mistenni mill-qorti tar-rinviju sabiex tirrimedja l-inkompatibbilità ma’ din id-direttiva tal-leġiżlazzjoni Bulgara relatata mar-reġistrazzjoni mill‑pulizija.

    II.    Ilkuntest ġuridiku

    8.        F’dak li jirrigwarda l-kuntest ġuridiku, nirreferi għall-punti 3 sa 34 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I.

    III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomandi preliminari

    9.        Il-qorti tar-rinviju tindika li ħadet konjizzjoni ta’ din is-sentenza fis‑26 ta’ Jannar 2023. Madankollu hija tqis li ċerti ċirkustanzi ma ġewx ikkjarifikati u li hija għadha ma hijiex f’pożizzjoni tistabbilixxi jekk għandhiex tagħti, jew le, l-awtorizzazzjoni ta’ ġbir tad-data bijometrika u ġenetika ta’ V.S.

    10.      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal awtorizzazzjoni għal eżekuzzjoni forzata li ġiet ippreżentata lilha mill‑awtoritajiet tal-pulizija, hija ma tistax tipproċedi għall-verifiki indikati fil-punt 133 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, għaliex ma għandhiex il-bażi dokumentarja neċessarja għal dan il-għan. Id-dritt Bulgaru jipprevedi, fil-fatt, li hija għandha tiddeċiedi biss abbażi tat-talba (7) – li ssemmi l-proċeduri kriminali pendenti fil‑konfront ta’ V.S., tiddikjara li ġew miġbura biżżejjed provi dwar il‑ħtija tagħha u tikkonferma li tqiegħdet taħt investigazzjoni –, li magħha huma annessi l-att li jqiegħdha taħt investigazzjoni u r-rifjut bil-miktub ta’ V.S. li tissuġġetta lilha nnifisha għar-reġistrazzjoni mill-pulizija. Ma jistipulax li dokumenti oħra mill-proċess għandhom jintbagħtu lill-qorti tar-rinviju.

    11.      Il-qorti tar-rinviju tindika li interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali tagħha tkun possibbli jekk tuża regoli ġenerali tan‑Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem il-“KPK”), b’mod partikolari l-Artikolu 158 tiegħu (8), minflok ir-regola speċjali li tikkostitwixxi l-Artikolu 68 taz-ZMVR. Hekk ikun jista’ jkollha l-proċess sħiħ. Fil-fatt, il-miżuri ta’ investigazzjoni adottati matul il-proċeduri kriminali preliminari (9) li jinvolvu indħil fl-isfera privata tal-persuni, bħall-ġbir ta’ data dwar rabtiet jew l-eżami tal-persuna, huma implimentati mill-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni wara awtorizzazzjoni minn qabel ta’ mħallef. Il-proċess tal-proċedura mbagħad jintbagħat lil dan tal-aħħar li jista’ b’hekk jeżamina d-dokumenti kollha sabiex jevalwa l-fondatezza tat-talba għal awtorizzazzjoni minn qabel (10). Il-qorti tar-rinviju tidentifika r-raġunijiet ta’ din id-differenza ta’ sistema ġuridika bil-mod segwenti: minn naħa waħda, il-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika huwa mitlub mill-pulizija u mhux mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u, min-naħa l-oħra, dan il-ġbir iseħħ biss fil-perspettiva li din id-data tkun eventwalment użata fil-futur, jekk tirriżulta li hija neċessarja.

    12.      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-fatt li l-proċess jintbagħat sabiex tingħata l-awtorizzazzjoni minn qabel ma huwiex meqjus, fid-dritt Bulgaru, bħala li jostakola l-iżvolġiment tal-investigazzjoni kriminali. Il‑ġustifikazzjoni tal-fatt li l-proċess tal-proċedura ma jintbagħatx lill‑qorti adita b’talba għal awtorizzazzjoni għal eżekuzzjoni forzata ta’ reġistrazzjoni mill‑pulizija għalhekk ma tistax tkun ibbażata fuq il-motiv imsemmi fil‑punt 100 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, jiġifieri r-riskju ta’ ostakolu għall-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni kriminali.

    13.      Issa, jekk minn din is-sentenza jirriżulta li huwa konformi mal‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (11) li l‑proċess ma jintbagħatx lill-qorti adita b’talba għal awtorizzazzjoni għal eżekuzzjoni furzata tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif hija tista’ tipproċedi bil-verifiki li jirriżultaw mill-qari tal-punti 132 u 133 tal‑imsemmija sentenza sabiex tevalwa l-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ”, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, fir-rigward tal‑ipproċessar tad-data bijometrika u ġenetika ta’ V.S. u sabiex tivverifika jekk in-natura u l-gravità tar-reat li dwaru hija investigata fil‑proċeduri kriminali jew provi oħra rilevanti, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-reat, ir-rabta eventwali tal-imsemmi reat ma’ proċeduri oħra pendenti, il-fedina penali jew il-profil individwali ta’ V.S., jistgħu jindikaw li huma ta’ natura li jistabbilixxu tali neċessità.

    14.      Il-qorti tar-rinviju għalhekk tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2016/680 għandux ikun interpretat fis-sens li l-verifika tal‑kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tista’ ssir minkejja li l-qorti ma għandhiex aċċess għall-proċess kollu jew jekk, min-naħa l-oħra, tali stħarriġ jirrikjedix li jkun hemm aċċess għall-proċess kollu, anki jekk il‑Qorti tal-Ġustizzja tidher li ddeċidiet li huwa leġittimu li l-qorti ma jkollhiex il-proċess (12).

    15.      It-tieni nett, f’każ li d-Direttiva 2016/680 kellha timponi li l‑proċess jintbagħat kollu, il-qorti tar-rinviju tqis li hija jkollha tipproċedi bl-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni. Tali evalwazzjoni tkun mitluba peress li mill‑punti 130 u 131 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I jirriżulta li s-sempliċi fatt li persuna tkun investigata ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat il-kriterju ta’ ġbir li huwa “verament […] meħtieġ” u li huwa neċessarju li jkun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li l-persuna inkwistjoni wettqet ir-reat kriminali.

    16.      Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li għandu jkun possibbli li jiġi evalwat jekk it-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni huwiex suffiċjentement sostnut mill-provi anki minħabba l-fatt li, l-ewwel nett, huwa rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680; it‑tieni nett, din l-evalwazzjoni għandha, fi kwalunkwe każ, issir fil-kuntest tal-proċeduri rregolati mill-Artikolu 158 tal-KPK li huma l-eqreb għal dawk irregolati mill-Artikolu 68(5) taz-ZMVR; it-tielet nett, il‑possibbiltà li tali evalwazzjoni ssir sussegwentament ma teskludix li, fid-data tal-għoti tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja tal-ġbir furzat tad-data bijometrika u ġenetika, it-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni ma jkunx sostnut fattwalment; ir-raba’ nett, l-għan tad‑Direttiva 2016/680 huwa preċiżament li jiġi stabbilit mekkaniżmu intiż sabiex jiġi evitat li data personali, b’mod partikolari data bijometrika u ġenetika, tinġabar fl-assenza ta’ bażi legali għal dan il-għan, aspett li għandu jiġi vverifikat immedjatament, u, il-ħames nett, mill-inqas parti mill‑verifiki neċessarji fis-sens tal-punti 132 u 133 tas‑sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I tippreżupponi preċiżament li jiġu evalwati l-provi miġbura, peress li minn dawn il-punti jirriżulta li n-natura u l-gravità tar-reat kif ukoll iċ‑ċirkustanzi li fihom ir‑reat ġie kommess għandhom jiġu evalwati. Issa, sabiex jiġu evalwati dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-persuna inkwistjoni wettqet ir-reat kriminali, fejn din l-evalwazzjoni tippreżupponi li jkunu diġà jeżistu biżżejjed provi.

    17.      L-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ kemm il-ġbir huwa “verament […] meħtieġ” tippreżupponi wkoll li tkun saret evalwazzjoni tal-provi li fuqhom huwa bbażat it-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni u tal-eżistenza ta’ raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-persuna wettqet reat kriminali.

    18.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta hija jkollha l-proċess tal‑kawża, jekk hux ser tkun obbligata twettaq verifika sħiħa tal-legalità tal-ġbir furzat, inkluż f’dak li jirrigwarda l-fondatezza tat-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni jew jekk għandhiex tillimita ruħha biss sabiex tivverifika ċirkustanzi oħra, imsemmija fil-punti 132 u 133 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, mhux rilevanti għal din il-kwistjoni (bħall-fedina penali jew il-profil tal‑persuna indagata) mingħajr ma twettaq verifika tat-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni.

    19.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

    “1)      Ir-rekwiżit li ssir verifika abbażi tal-kriterju ta’ ‘verament […] meħtieġ’ fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva [2016/680], kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 133 tas-sentenza [Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I], ikun issodisfatt jekk din il-verifika titwettaq biss abbażi tal-att li jqiegħed lill‑persuna kkonċernata taħt investigazzjoni u tar-rifjut bil-miktub ta’ din il-persuna li tinġabar id-data bijometrika u ġenetika tagħha, jew huwa meħtieġ li l-qorti jkollha l-atti kollha tal-proċess tal‑kawża li, skont il-liġi nazzjonali għandhom jingħaddu lill-qorti meta titressaq talba, fil-kuntest tal-kawża kriminali, għal awtorizzazzjoni li jitwettqu miżuri ta’ investigazzjoni li jinvolvu indħil fl-isfera legali tal-persuni fiżiċi?

    2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għall-ewwel domanda,] fil‑kuntest tal-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ ‘verament […] meħtieġ’ fis‑sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 6(a) tagħha, il-qorti tista’, wara li tkun ingħatat il-proċess tal-kawża, tevalwa wkoll jekk hemmx raġunijiet serji li jindikaw li l-persuna indagata wettqet ir-reat indikat fl-att li jqiegħda taħt investigazzjoni?”

    20.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ungeriż u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Bulgaru u dak Ungeriż kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li saret fl‑20 ta’ Marzu 2024, li matulha dawn il-partijiet wieġbu wkoll b’mod orali għad-domandi li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    IV.    Analiżi

    21.      Sabiex id-djalogu li dwaru tkellimt iktar ’il fuq (13) jirnexxi u jippermetti liż-żewġ partijiet interessati jifhmu u jinftehmu, dawn tal‑aħħar għandhom jiżguraw li jesprimu ruħhom f’lingwa li tinftiehem minnhom it-tnejn.

    22.      Il-Kummissjoni pproponiet li d-djalogu għandu jintemm pjuttost ħesrem billi talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara d-domandi preliminari bħala inammissibbli għaliex huma bbażati fuq qari żbaljat tas‑sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I. Min-naħa l‑oħra, jiena tal-opinjoni li għandu jipprevali approċċ iktar didattiku u li, fi kwalunkwe każ, dawn id-domandi huma ammissibbli (14).

    23.      Peress li, għall-qorti tar-rinviju, mill-qari tagħha tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, ħarġu domandi ġodda, għandu jkun żgurat li din fehmet is-sentenza tajjeb. Dan ma jidhirx li huwa l-każ.

    24.      Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa, fl-opinjoni tiegħi żbaljata, li l-Qorti tal-Ġustizzja tatha l-mandat li timla hija stess, billi timprovizza b’verifika ad hoc, il-lakuni tad-dritt nazzjonali tagħha. Barra minn hekk, ir‑rwol mogħti lill-awtoritajiet kompetenti mid-Direttiva 2016/680 fir‑rigward tal-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ”, kundizzjoni indispensabbli tal-ipproċessar tad-data sensittiva, ma jidhirx li ġie milqugħ tajjeb. Fl-aħħar nett, il-bilanċ korrett bejn il-verifika ta’ dan il-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” u dak tal-fondatezza tat-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni evidentament ma ġiex impost, skont il-qari mill-qorti tar-rinviju tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I.

    25.      Konsegwentament, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ kooperazzjoni ġdida li nbdiet bejnha u l-qorti tar-rinviju, tagħti lil din tal-aħħar risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li biha hija adita. Biex tagħmel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għal domanda li fil-verità ma ġietx magħmula lilha, li r‑risposta tagħha hija bbażata, parzjalment, fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. Din hija għalhekk xi ħaġa mhux normali għall-Qorti tal‑Ġustizzja.

    26.      Għalhekk, huwa importanti ferm, għall-analiżi sussegwenti, li jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju ma hijiex adita bil-verifika tal‑evalwazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti skont il-punt 7 tal‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680 (f’dan il-każ, l-awtoritajiet tal‑pulizija), tal-kriterju ta’ kemm huwa “verament […] meħtieġ” li jipproċedu bil-ġbir u l-ipproċessar tad-data sensittiva ta’ V.S. U dan bir‑raġun: id-dritt Bulgaru ma jistipulax li tali evalwazzjoni għandha ssir minn dawn l-awtoritajiet.

    27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari jqajmu l-mistoqsija fundamentali preliminari segwenti: il-qorti tar-rinviju tista’, permezz tal‑verifika tagħha biss issa bbażata fuq l-Artikolu 158 tal-KPK (15) – li jistipula miżuri ta’ investigazzjoni fil-proċeduri kriminali ta’ dritt komuni u, b’mod partikolari, teħid ta’ kampjun bil-għan li jiġi stabbilit profil tad‑DNA –, tiżgura l-effettività sħiħa u kompleta tal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2016/680?

    28.      Jien nipproponi li għandu jiġi konkluż li l-interpretazzjoni konformi proposta ma hijiex tali li tagħmel is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2016/680 (A). Risposta għaż-żewġ domandi magħmula għandha tkun utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kwistjoni tal-kawża prinċipali biss fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu approċċ differenti. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, huwa b’mod sussidjarju u fi tmiem analiżi iktar mgħaġġla li ser nagħti elementi ta’ risposta għal dawn id-domandi (B).

    A.      Issentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, lobbligu ta’ interpretazzjoni konformi u ddefinizzjoni taluffiċċju talqorti tarrinviju

    29.      Qabelxejn, għandna mmorru lura fuq il-prinċipji li għandhom jiġu misluta mis-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, qabel ma jiġu eżaminati, sussegwentament, ir-riżultati li għalihom għandha twassal l-interpretazzjoni li biha l-qorti tar-rinviju tipproponi li tipproċedi sabiex tkun tista’ tiġi evalwata, finalment, jekk din l‑interpretazzjoni hijiex verament ta’ natura li tagħmel id-dritt Bulgaru konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, kif jirriżultaw minn din is-sentenza.

    1.      Ilprinċipji tassentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I

    30.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod partikolari mistoqsija dwar jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), u mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija b’reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tiddetermina u li turi, minn naħa, li dan il‑ġbir huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet konkreti intiżi u, min‑naħa l-oħra, li dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu permezz tal‑ġbir ta’ parti biss tad-data kkonċernata (16).

    31.      Peress li l-ipproċessar tal-kategoriji partikolari ta’ data li tikkostitwixxi d-data bijometrika u ġenetika għandu jkun awtorizzat “biss meta verament meħtieġ” (17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali pproċessar jista’ jitqies bħala meħtieġ biss f’numru limitat ta’ każijiet u li din il-ħtieġa għandha tiġi evalwata b’mod partikolarment rigoruż (18), peress li l-għan tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 huwa protezzjoni ikbar lill-persuni li d-data sensittiva tagħhom ser tkun is-suġġett tal‑ipproċessar (19).

    32.      Fir-rigward tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk indikat li jekk huwiex “verament […] meħtieġ” il-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika tal-persuni mixlija għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħhom għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan il-ġbir, fejn dawn l-għanijiet għandhom ikunu speċifiċi, espliċiti u leġittimi. Barra minn hekk, id-data miġbura għandha tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li huwa meħtieġ fid-dawl tal-għanijiet li għalihom hija pproċessata (20). Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandhom jipprevedu li l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu minn awtorità kompetenti għall-finijiet indikati fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 u jispeċifikaw tal-inqas l‑għanijiet tal-ipproċessar, id-data personali kkonċernata u l-finijiet tal‑ipproċessar (21). Dawn tal-aħħar għandhom ikunu ddefiniti b’mod suffiċjentement preċiż u konkret sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l‑ipproċessar huwiex “verament […] meħtieġ” (22).

    33.      Ma’ dan jiżdied stħarriġ partikolarment strett tal-osservanza tal‑prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data. Minn naħa waħda, l-għan imfittex ma jkunx jista’ jintlaħaq b’mod raġonevoli b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. Il-kontrollur tal-ipproċessar għandu jiżgura li dan l-għan ma jistax jiġi ssodisfatt bl-użu ta’ kategoriji ta’ data minbarra dawk elenkati fl‑Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 (23). Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ “verament […] meħtieġ” jimplika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza partikolari tal-għan li tali pproċessar huwa intiż li jilħaq (24).

    34.      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod espliċitu li “leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija għal reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio hija, bħala prinċipju, kuntrarja għar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2016/680” (25). Tali leġiżlazzjoni “tista’ twassal, b’mod indifferenzjat u ġġeneralizzat, għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-parti l-kbira tal-persuni mixlija peress li l-kunċett ta’ ‘reat kriminali intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio’ huwa ta’ natura partikolarment ġenerali u jista’ japplika għal ħafna reati kriminali, indipendentement min-natura tagħhom u mill‑gravità tagħhom” (26). B’mod partikolari, “is-sempliċi fatt li persuna tiġi mixlija għal reat kriminali intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio ma jistax jitqies bħala element li jippermetti, waħdu, li jiġi preżunt li l-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika tagħha huwa verament meħtieġ fid-dawl tal‑finijiet li huwa jkopri u fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall‑protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal‑Karta, li jirriżultaw minnha” (27).

    35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi indikat li, anki jekk jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-persuna inkwistjoni wettqet reat kriminali, li jiġġustifika li tiġi investigata – li jippreżupponi li jkunu diġà jeżistu biżżejjed provi –, jista’ jkun hemm każijiet fejn il-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika ma jkun iddettat minn ebda ħtieġa konkreta għall-finijiet tal-proċeduri kriminali pendenti (28). Il-probabbiltà li l-ġbir ta’ din id-data jkun verament meħtieġ fil-kuntest ta’ proċeduri oħra ma tistax tiġi preżunta, iżda għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ elementi oħra rilevanti bħal, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tar‑reat preżunt li għalih l-persuna kkonċernata tkun indagata, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan ir-reat, ir-rabta possibbli tiegħu ma’ proċeduri pendenti oħrajn, il‑fedina penali jew il-profil individwali ta’ din il-persuna (29).

    36.      Huwa għalhekk wara li tat dawn l-indikazzjonijiet kollha li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li “tivverifika jekk, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2016/680, huwiex possibbli li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi [l-eżekuzzjoni forzata tar-reġistrazzjoni mill-pulizija] tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dritt nazzjonali jippermettix l-evalwazzjoni li tali ġbir kemm tad-data bijometrika kif ukoll tad-data ġenetika tal-persuna kkonċernata għall-finijiet tar‑reġistrazzjoni tagħha, huwa ‘verament […] meħtieġ’. B’mod partikolari, hemm lok, f’dan ir-rigward, li jiġi vverifikat jekk in-natura u l-gravità tar-reat li l-persuna kkonċernata, fil-proċeduri kriminali fil‑kawża prinċipali, hija ssuspettata li wettqet jew jekk elementi oħra rilevanti, bħa[ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan ir-reat, ir-rabta possibbli tal-imsemmi reat ma’ proċeduri pendenti oħrajn, il-fedina penali jew il‑profil individwali ta’ din il-persuna], jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanzi ta’ natura li jistabbilixxu li l-ġbir huwa ‘verament […] meħtieġ’. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li l-ġbir tad-data tal-istatus ċivili [...] ma jippermettix, waħdu, li jkunu ssodisfatti l-għanijiet imfittxija” (30).

    37.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar ħafna li, “[f]il-każ li d-dritt nazzjonali ma jiggarantixxix tali stħarriġ tal-miżura ta’ ġbir tad-data bijometrika u ġenetika, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura l-effett sħiħ tal-imsemmi Artikolu 10 billi tiċħad it-talba tal‑awtoritajiet tal-pulizija sabiex jawtorizzaw l-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir” (31).

    2.      Irraġunijiet talinkompatibbiltà talleġiżlazzjoni Bulgara malArtikolu 10 tadDirettiva 2016/680 u nnuqqasijiet talinterpretazzjoni konformi proposta

    38.      Il-konklużjoni (32) li għaliha waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, minkejja li fiha l-prekawzjonijiet tas-soltu (33), hija ċara: is-sistema tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, li l-eżekuzzjoni forzata tagħmel parti minnha, ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c) u mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id‑direttiva.

    39.      Ir-rappreżentant tal-Gvern Bulgaru ma sostna xejn iktar waqt is‑sottomissjoni tiegħu f’din il-kawża meta rrikonoxxa l-impossibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti li jevalwaw il-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tar-reġistrazzjoni mill-pulizija u indika lill-Qorti tal-Ġustizzja li kien ġie informat mill-Ministeru għall-Intern li kienet ser tiġi adottata emenda għall-Artikolu 68 taz-ZMVR, li kellha tistabbilixxi l-obbligu għall‑awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw, każ b’każ, ir-rekwiżit ta’ “verament […] meħtieġ” fir-rigward tal-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ persuni mixlija.

    40.      Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx ruħha għal din il‑konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà u inkarigat lill-qorti tar-rinviju tivverifika jekk kienx possibbli li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-eżekuzzjoni forzata tar-reġistrazzjoni mill-pulizija tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. Sabiex tagħmel dan, hija, b’mod partikolari, tat mandat lil din il-qorti sabiex tivverifika jekk id-dritt nazzjonali jippermettix li jiġi evalwat il-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” fir-rigward tal-ġbir ta’ data għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha (34).

    41.      Sabiex tinterpreta l-Artikolu 68 taz-ZMVR b’mod konformi mal‑Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, il-qorti tar-rinviju tipproponi li tapplika, fil-mument li tiddeċiedi dwar it-talba għal awtorizzazzjoni għal eżekuzzjoni forzata tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, il-garanziji previsti fl-Artikolu 158 tal‑KPK, li minnhom jidher li jirriżulta li l-ġbir ta’ provi fil-forma ta’ data bijometrika u ġenetika fil-kuntest tal-investigazzjoni kriminali għandu, bħala regola, ikun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel tal-qorti, li tista’ tivverifika l-ħtieġa għall-finijiet tal-investigazzjoni kriminali abbażi tal-provi kollha tal-proċess tal-proċedura li għandu jkollha għad‑dispożizzjoni tagħha.

    42.      Madankollu, minn naħa waħda, kif korrettament irrilevat il‑Kummissjoni, il-punt 133 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I ma għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li evalwazzjoni tal-kriterju ta’ kemm huwa “verament […] meħtieġ” il-ġbir ta’ data, magħmula mill-qorti tar-rinviju stess, tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680. Min-naħa l-oħra, jiena tal-opinjoni li l-assenza ta’ evalwazzjoni, mitluba mill‑imsemmi Artikolu 10, tal-kriterju ta’ kemm huwa “verament […] meħtieġ” il-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika ta’ V.S. mill-awtoritajiet kompetenti stess, ma tistax tiġi kkumpensata mill-qorti tar-rinviju, minħabba r-rwol ċentrali ta’ dawn l-awtoritajiet fis-sistema implimentata minn din id‑direttiva (35). B’hekk, il-kwistjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tal‑kriterju ta’ kemm huwa “verament […] meħtieġ” il-ġbir tad-data sensittiva, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, hija kwistjoni separata, possibbilment sussegwenti, minn dik tal-evalwazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ tali ħtieġa.

    43.      L-interpretazzjoni konformi ma’ dik li l-qorti tar-rinviju tipproponi għalhekk ma tirriżultax, fl-opinjoni tiegħi, fl-eliminazzjoni mill-ordinament ġuridiku Bulgaru tal-elementi kollha ta’ inkompatibbiltà mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 li huwa għandu.

    44.      Sabiex wieħed jikkonvinċi ruħu minn dan, ikun biżżejjed li jiġu kkunsidrati l-elementi segwenti.

    45.      L-ewwel nett, jekk mhux sejjer żball, fil-kuntest tas-sistema prevista fl-Artikolu 158 tal-KPK (36), hija biss il-ħtieġa tal-ġbir fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-dispożizzjoni li għandha tiġi evalwata mill-qorti. L-awtorizzazzjoni minn qabel sabiex tipproċedi bil-ġbir tad‑data kkonċernata mill-miżura ta’ investigazzjoni tista’ tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi diġà miġbura li jqajmu dubji serji dwar il-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-ksur u li jistgħu jsostnu l-utilità ta’ dan il-ġbir sabiex tingħalaq l-investigazzjoni.

    46.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jirrikjedi li kriterju ta’ verament meħtieġ, hekk imsaħħaħ, jiġi evalwat mill‑awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, bil-kundizzjoni li ssir verifika mill-qorti tar-rinviju, l-għanijiet tar-reġistrazzjoni mill-pulizija jidhru ikbar minn dak li għandu jintlaħaq mill-Artikolu 158 tal-KPK.

    47.      Fil-fatt, mill-punt 99 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I jirriżulta li r-reġistrazzjoni mill-pulizija għandha żewġ għanijiet essenzjali, jiġifieri, minn naħa waħda, il-konfrontazzjoni ma’ data diġà miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali oħra sabiex eventwalment jingħalqu u, min-naħa l-oħra, l-użu ta’ din id-data fil-kuntest tal-investigazzjoni kriminali pendenti (37). Matul is-seduta li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, il-Gvern Bulgaru indika li l-għan prinċipali tar-reġistrazzjoni mill-pulizija kien jikkonsisti fl-użu ta’ data miġbura fil-kuntest tal-kawża kriminali pendenti. L-eventwali użu futur ta’ din id-data jikkostitwixxi għan sekondarju. Minn naħa l-oħra, il‑qorti tar-rinviju tiddikjara li, fil-każ tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, il‑ġbir ta’ data ssir biss fil-perspettiva li tiġi eventwalment użata fil‑futur, jekk ikun meħtieġ (38).

    48.      Tali dikjarazzjoni tqajjem tliet settijiet ta’ mistoqsijiet (39). Fil-fatt, fl-ewwel lok, peress li l-Artikolu 68 taz-ZMVR kellu għan identiku għal dak li għandu jintlaħaq mill-Artikolu 158 tal-KPK, tista’ ssir il-mistoqsija dwar f’liema każ il-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika għandu jirrikjedi l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-qorti u f’liema każ dan ma jkunx meħtieġ. Jidher għalhekk li hemm, għall-istess għan, żewġ proċeduri paralleli li joffru garanziji sinjifikattivament differenti. Ir-reġistrazzjoni mill-pulizija tikkostitwixxi għalhekk mod ta’ kisba ta’ provi użati fil-kuntest tal-proċedura pendenti. Il-qorti tar-rinviju fakkret repetutament li din ir‑reġistrazzjoni “hija differenti mill-proċedura kriminali li minnha [hija] ma tagħmilx parti” (40).

    49.      Fit-tieni lok, jekk, kif jiddikjara l-Gvern Bulgaru, l-għan prinċipali tar-reġistrazzjoni mill-pulizija huwa l-ġbir tal-provi fil-kuntest tal‑investigazzjoni kriminali pendenti, il-fatt li l-leġiżlazzjoni għandha bħala effett li tawtorizza, bħala regola, il-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika ta’ persuna indagata “sempliċement” minħabba frodi fiskali jħalli, mill-inqas, lil dak li jkun perpless (41).

    50.      Barra minn hekk, l-Artikolu 158 tal-KPK ma jistipulax li l-qorti tista’ tikkunsidra, fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni li hija lesta li tagħti, il‑kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” fir-rigward tar‑reġistrazzjoni mill‑pulizija għal finijiet ta’ paragun mad-data miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet oħra, li wara kollox jidher li huwa wieħed mill‑għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni Bulgara li fuqha hija bbażata r-reġistrazzjoni mill-pulizija.

    51.      Fit-tielet lok, jirriżulta b’mod ċar mill-kunsiderazzjonijiet espressi fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-reġistrazzjoni mill-pulizija mhux dejjem huma stabbiliti b’mod ċar. Ma jibqgħux hekk kieku kellu jiġi applikat l-Artikolu 158 tal-KPK.

    52.      It-tieni nett, l-effettività tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 tiġi evitata b’mod ċar jekk il-kwistjoni tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tal-ipproċessar ta’ data sensittiva kellha tqum għall-ewwel darba biss meta tingħata l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-qorti tal‑miżura ta’ ġbir, skont l-Artikolu 158 tal-KPK.

    53.      Minn qari flimkien tal-Artikoli 27 u 68 taz-ZMVR jirriżulta li l‑persuni li jintalbu jkunu suġġetti għar-reġistrazzjoni mill-pulizija jikkostitwixxu kategorija wiesgħa ta’ persuni (42) u hija dejjem l-istess data li tinġabar mingħand dawn il-persuni, mingħajr ebda distinzjoni. Kull persuna indagata jkollha tissuġġetta ruħha b’mod awtomatiku, għall‑finijiet tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, għall-ġbir tal-istess kategoriji ta’ data, mingħajr ma, f’xi mument, l-awtoritajiet kompetenti, skont il-punt 7 tal‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, jeżaminaw il-kwistjoni dwar jekk il-ġbir tad-data sensittiva huwiex verament meħtieġ għall-finijiet tal‑konklużjoni tal-investigazzjoni kriminali pendenti jew sabiex jintefa’ dawl fuq investigazzjonijiet oħra. Barra minn hekk, mill-punti 113 u 114 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I jirriżulta li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali ma titlobx li l-ħtieġa konkreta li tipproċedi bil‑ġbir tad-data kollha kkonċernata bir-reġistrazzjoni mill-pulizija tkun ikkonstatata u li l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tistabbilixxi u turi li dan il-ġbir huwa verament meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet konkreti li għandhom jintlaħqu ma huwiex previst.

    54.      Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi konkluż li r‑reġistrazzjoni mill-pulizija kif prevista fl-Artikolu 68 taz-ZMVR hija verament meħtieġa ma humiex previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li l-ipproċessar tad-data bijometrika u ġenetika mill-awtoritajiet kompetenti għal finijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2016/680 ma huwiex protett b’garanziji adattati (43). L-applikazzjoni tal-Artikolu 158 tal-KPK ma hijiex tali li tibdel din il-konstatazzjoni.

    55.      Jekk il-kriterju ta’ kemm huwa “verament […] meħtieġ” il-ġbir u l‑ipproċessar tad-data sensittiva ma huwiex iddefinit mil-liġi u lanqas żgurat mill-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, ma għandhiex tkun il-qorti li tikkumpensa, waħidha, sabiex ittaffi għan-nuqqas, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, ta’ dawn iż-żewġ fażijiet preliminari. Fuq dan il-punt, naqbel mal-pożizzjoni espressa mill‑Kummissjoni waqt is-seduta, li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa stħarriġ sekondarju, fis-sens li huwa stħarriġ, mill-qorti, tal-evalwazzjoni tal‑kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” magħmul mill-awtoritajiet kompetenti, skont dak li ġie previst mil-liġi. Inżid li nistgħu leġittimament niddubitaw il-kriterji li l-qorti tar-rinviju tista’ tapplika waqt tali stħarriġ, peress li l-kunċett tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” ma huwiex legalment iddefinit.

    56.      It-tielet nett, anki jekk il-garanziji offruti mill-Artikolu 158 tal‑KPK ikunu suffiċjenti – quod non –, ma jistgħux ikunu ta’ benefiċċju għall-persuni indagati b’reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio li ma jkunux opponew ir-reġistrazzjoni mill-pulizija. Il-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tal-ipproċessar qatt ma jiġi evalwat mill‑awtoritajiet kompetenti għal dawn il-persuni, kif ġie ikkonfermat waqt is-seduta mill-Gvern Bulgaru (44). Din hija sitwazzjoni partikolarment preokkupanti. Fil-fatt, huwa raġonevoli li jiġi preżunt li l‑kapaċitajiet ta’ reżistenza ta’ persuna li tkun għadha kemm ġiet innotifikata b’inġunzjoni tal-pulizija sabiex tissuġġetta ruħha għar‑reġistrazzjoni mill‑pulizija jiċkienu b’mod partikolari. Il-konformità tad-dritt nazzjonali li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 158 tal‑KPK hija għalhekk biss parzjali, peress li r-reġistrazzjoni mill-pulizija mingħajr l-eżami tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” mill‑awtoritajiet kompetenti tista’ sseħħ għall-persuni kollha li jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tiegħu – partikolarment wiesgħa – li ma jkunux opponew din ir-reġistrazzjoni (45).

    3.      Konklużjoni

    57.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l‑Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal‑Artikolu 4(1)(a) sa (c) u mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 133 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, fid‑dawl tal-għanijiet kollha li hija għandha tilħaq, għandha ssir, b’mod effettiv, mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jipproċedu għal din ir‑reġistrazzjoni, qabel ma jkunu jistgħu, jekk ikun il-każ, jitolbu l‑eżekuzzjoni furzata tagħha. Ma huwiex biżżejjed, għal dan il-għan, li l‑evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tar-reġistrazzjoni mill-pulizija ssir, għall-ewwel darba, mill-qorti li tintalab tawtorizza l-eżekuzzjoni forzata, biss f’każ ta’ rifjut tal-persuna indagata li tissuġġetta lilha nnifisha għal din ir-reġistrazzjoni u biss fir-rigward ta’ wieħed mill-għanijiet li allegatament għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi l-bażi legali tagħha.

    58.      L-interpretazzjoni konformi ma’ dik li l-qorti tar-rinviju tipproponi li tagħti għalhekk ma tidhirx li hija biżżejjed sabiex id-dritt Bulgaru jkun konformi mar-rekwiżiti li għadni kemm fakkart. Għalhekk, din il-qorti għandha, skont kif diġà antiċipat il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑punt 134 tas-sentenza tagħha Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, tiċħad it-talba tal-awtoritajiet tal-Pulizija li tawtorizza l‑eżekuzzjoni forzata tal-ġbir tad-data ta’ V.S.

    B.      Fuq iddomandi preliminari

    59.      Peress li d-domandi preliminari jitilqu mill-premessa li l-qorti tar‑rinviju tista’ tpatti għan-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni Bulgara fil‑qasam tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali, mill-awtoritajiet kompetenti, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2016/680, permezz tal-applikazzjoni ta’ regoli tal‑proċedura kriminali u li nikkunsidra li dan ir-rimedju ma huwiex biżżejjed sabiex din il-leġiżlazzjoni tista’ tkun ikkunsidrata bħala konformi mad-dritt tal-Unjoni, huwa b’mod sussidjarju li ser nittratta dawn id-domandi, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ta’ opinjoni differenti.

    60.      Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega jekk il-verifika tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tal‑ipproċessar ta’ data sensittiva jistax issir abbażi biss tal-att li jqiegħed lill-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni jew jekk huwiex neċessarju li jiġu mibgħuta lilha l-atti kollha tal-proċess (l-ewwel domanda preliminari) sabiex tevalwa hija stess jekk hemmx raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-persuna indagata wettqet ir-reat imsemmi fl-att li jqiegħdha taħt investigazzjoni (it-tieni domanda preliminari).

    61.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tidher li qed tidentifika ċerta tensjoni bejn, minn naħa waħda, il-punti 100 u 101 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I u, min-naħa l-oħra, il-punti 130 sa 133 ta’ dik is-sentenza.

    62.      Fil-punt 100 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “it-tneħħija b’mod temporanju mill-istħarriġ tal-qorti l-evalwazzjoni tal-provi li fuqhom hija bbażata l-imputazzjoni tal-persuna kkonċernata, u għalhekk il-ġbir tad‑data bijometrika u ġenetika tagħha, tista’ tirriżulta li hija ġġustifikata matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali. Fil-fatt, tali stħarriġ, matul din il-fażi, jista’ jostakola l-iżvolġiment tal-investigazzjoni kriminali li matulha din id-data tinġabar u jista’ jillimita eċċessivament il-kapaċità tal-investigaturi li jiċċaraw ksur ieħor abbażi ta’ paragun ta’ din id-data mad-data miġbura waqt investigazzjonijiet oħra. Din il‑limitazzjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva għalhekk ma hijiex sproporzjonata, kemm-il darba d-dritt nazzjonali jiggarantixxi sussegwentement stħarriġ ġudizzjarju effettiv”. Minn dan hija ddeduċiet li l-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludix li qorti nazzjonali, meta tiddeċiedi dwar talba għal awtorizzazzjoni għal eżekuzzjoni forzata tal-ġbir ta’ data sensittiva ta’ persuna indagata “ma jkollhiex il‑possibbiltà li tevalwa l-provi li fuqhom tkun ibbażata din l‑imputazzjoni, sa fejn id-dritt nazzjonali jiggarantixxi sussegwentement stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-kundizzjonijiet tal-imsemmija imputazzjoni, li minnhom tirriżulta l-awtorizzazzjoni sabiex isir dan il‑ġbir.” (46).

    63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, din id-darba meta interpretat l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, li “is-sempliċi fatt li persuna tiġi mixlija għal reat kriminali intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio ma jistax jitqies bħala element li jippermetti, waħdu, li jiġi preżunt li l-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika tagħha huwa verament meħtieġ fid-dawl tal-finijiet li huwa jkopri u fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet fundamentali [...] li jirriżultaw minnha” (47). Hija kompliet billi indikat li, “minn naħa għalkemm jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l‑persuna inkwistjoni wettqet reat kriminali, li jiġġustifika l-imputazzjoni tagħha, li jippreżupponi li jkunu diġà jeżistu biżżejjed provi tal‑involviment ta’ din il-persuna fir-reat, jista’ jkun hemm każijiet fejn il-ġbir kemm ta’ data bijometrika kif ukoll tad-data ġenetika ma jkun iddettat minn ebda ħtieġa konkreta għall-finijiet tal-proċeduri kriminali pendenti” (48). Min-naħa l-oħra “il-probabbiltà li d-data bijometrika u ġenetika ta’ persuna mixlija tkun verament meħtieġa fil-kuntest ta’ proċeduri oħra minbarra dik li fil-kuntest tagħha din l-imputazzjoni tkun seħħet tista’ tiġi ddeterminata biss fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, bħal, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tar-reat preżunt li għalih hija tkun ġiet mixlija, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan ir-reat, ir-rabta possibbli tal-imsemmi reat ma’ proċeduri pendenti oħrajn, il-fedina penali jew il-profil individwali tal-persuna inkwistjoni” (49).

    64.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-fatt li l-qorti kompetenti, sabiex tawtorizza l-eżekuzzjoni forzata tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, ma tistax twettaq verifika, fuq il-mertu, tal-kundizzjonijiet tal-imputazzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali tal-ġbir (50) jista’ jikkostitwixxi limitazzjoni permessa tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba r‑riskju ta’ ostakolu għat-tmexxija korretta tal-investigazzjoni kriminali.

    65.      F’dak li jirrigwarda l-verifika tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tal-ġbir, mill-punti 130 sa 133 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I ma jirriżultax li l-Qorti tal-Ġustizzja talbet verifika tal-fondatezza tat-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni. Hija sempliċement indikat li t-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni kien jikkostitwixxi, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti, sabiex jiġi kkonstatat il‑kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tal-ġbir tad-data sensittiva tal‑persuna kkonċernata. Barra minn hekk, l-elementi msemmija fil‑punt 132 ta’ din is-sentenza, bħan-natura u l-gravità tar-reat, iċ‑ċirkustanzi partikolari ta’ dan ir-reat, ir-rabta eventwali tal-imsemmi reat ma’ proċeduri oħra pendenti, il-fedina penali jew il-profil individwali tal-persuna kkonċernata, huma kriterji distinti minn dawk li fuqhom huwa bbażat it-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni, jiġifieri, bħala regola, il-preżenza ta’ indizji gravi u konkordanti li jwasslu sabiex wieħed jaħseb li l-persuna kkonċernata wettqet reat.

    66.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-verifika, mill-qorti, tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tal-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika ma jirrikjedix l-istħarriġ tal-fondatezza tat-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni. L-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2016/680 lanqas ma jirrikjedi, mingħajr madankollu ma jopponiha, il-komunikazzjoni tal-proċess sħiħ tal-kawża, bil-kundizzjoni li l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ”, skont il‑modalitajiet indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 133 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, tkun tista’ ssir b’mod effettiv abbażi biss tal-att li jqiegħed lill‑persuna kkonċernata taħt investigazzjoni.

    67.      Fl-aħħar nett, peress li l-kliem tat-tieni domanda preliminari jsemmi wkoll l-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680, ser nillimita ruħi sabiex infakkar, għall-finijiet ta’ kompletezza, li dan l-artikolu jobbliga, bħala regola, lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li jkun hemm distinzjoni ċara bejn id-data tal-kategoriji differenti ta’ persuni kkonċernati, b’tali mod li l-istess grad ta’ indħil fid-dritt fundamentali tagħhom għall‑protezzjoni tad-data personali tagħhom ma jiġix impost fuqhom mingħajr distinzjoni, tkun xi tkun il-kategorija li jagħmlu parti minnha (51). Skont dan l-istess artikolu, waħda minn dawn il-kategoriji hija magħmula mill-“persuni li fir-rigward tagħhom hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li huma wettqu jew huma fil-proċess li jwettqu reat kriminali”.

    68.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ numru suffiċjenti ta’ provi tal-ħtija ta’ persuna tikkostitwixxi, bħala prinċipju, raġuni serja sabiex wieħed jemmen li din wettqet il-ksur u li l-Artikolu 6(a) tad‑Direttiva 2016/680 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir forzat ta’ data bijometrika u ġenetika għall-finijiet tar‑reġistrazzjoni tagħha li tikkonċerna persuni li fir-rigward tagħhom jinġabru provi suffiċjenti li huma ħatja li wettqu reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio u li jkunu ġew mixlija għal din ir‑raġuni (52). Kuntrarjament għall-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar‑rinviju, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tirrikjedi li l-qorti inkarigata mill-verifika tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” ta’ miżura ta’ ġbir ta’ data sensittiva għandha tiżgura l-fondatezza tat-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni filwaqt li tevalwa hija stess il-provi li fuqhom huwa bbażata.

    69.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 6(a) u l‑Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, il-verifika, mill-qorti, tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tal-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika ma jirrikjedix l-istħarriġ tal-fondatezza tal-att li jqiegħed lill-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni. Lanqas ma jirrikjedu, mingħajr madankollu ma jopponu dan, il-komunikazzjoni tal-proċess kollu tal-kawża, bil-kundizzjoni li l‑evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ”, skont il‑modalitajiet indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑punt 133 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, tkun tista’ ssir b’mod effettiv abbażi biss tal-att li jqiegħed lill‑persuna kkonċernata taħt investigazzjoni.

    V.      Konklużjoni

    70.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, Bulgarija) bil-mod segwenti:

    Prinċipalment:

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir‑rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il‑prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2008/977/ĠAI, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c) u l-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    –        l-evalwazzjoni, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 133 tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-Pulizija (C‑205/21, EU:C:2023:49), tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, fid‑dawl tal-għanijiet kollha li hija għandha tilħaq, għandha ssir, b’mod effettiv, mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jipproċedu għal din ir‑reġistrazzjoni, qabel ma jkunu jistgħu, jekk ikun il-każ, jitolbu l‑eżekuzzjoni furzata tagħha.

    –        Ma huwiex biżżejjed, għal dan il-għan, li l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tar-reġistrazzjoni mill-pulizija ssir, għall‑ewwel darba, mill-qorti li tintalab tawtorizza l‑eżekuzzjoni forzata, biss f’każ ta’ rifjut tal-persuna indagata li tissuġġetta lilha nnifisha għal din ir-reġistrazzjoni u biss fir-rigward ta’ wieħed mill‑għanijiet li allegatament għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi l-bażi legali tagħha.

    Sussidjarjament

    L-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    il-verifika, mill-qorti, tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ” tal-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika ma tirrikjedix l-istħarriġ tal-fondatezza tat-tqegħid tal-persuna kkonċernata taħt investigazzjoni. Lanqas ma jirrikjedu, mingħajr madankollu ma jopponu dan, il-komunikazzjoni tal-proċess kollu tal-kawża, bil-kundizzjoni li l‑evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “verament […] meħtieġ”, skont il‑modalitajiet indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑punt 133 tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-Pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49), tkun tista’ ssir b’mod effettiv abbażi biss tal-att li jqiegħed lill‑persuna kkonċernata taħt investigazzjoni.


    1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


    2      ĠU 2016, L 119, p. 89 u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6.


    3      C‑205/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I”, EU:C:2023:49.


    4      Minkejja li l-Kawża C‑205/21 ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis‑Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), din kienet ġiet xolta matul il-proċedura u l-kawża prinċipali għalhekk kienet ittrasferita, fil-mori tal-kawża, quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija): ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 51).


    5      Kampjun meħud bil-għan li jiġi stabbilit il-profil tad-DNA tal-persuna investigata huwa parti mid-data miġbura waqt din ir-reġistrazzjoni mill-pulizija.


    6      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 63).


    7      Ir-rikors fil-kawża prinċipali jindika l-bażi legali tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, jiġifieri l-Artikolu 68(1) taż-zakon za Ministerstvoto na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Interni) (DV nru 53, tas‑27 ta’ Ġunju 2014, iktar ’il quddiem iz-“ZMVR”) u l-Artikolu 11(4) tan-naredba za reda za izvarshvane i snemane na politseyska registratsia (ir-Regolament li jirregola l-Modalitajiet ta’ Implimentazzjoni tar-Reġistrazzjoni mill-Pulizija) (DV nru 90, tal‑31 ta’ Ottubru 2014).


    8      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 158 tal-KPK jirrigwarda l-eżami ta’ persuna bħala miżura ta’ investigazzjoni fil-kuntest tal‑proċedura preliminari. Dan l-eżami jista’ jwassal għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika. L-eżami tal-persuna jsir bil-kunsens bil-miktub tagħha. Fl-assenza ta’ kunsens, il-Prosekutur għandu jitlob l-awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jipproċedi bl-eżekuzzjoni forzata tal-eżami lill-imħallef tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti jew tal-qorti tal-ewwel istanza tar-reġjun li quddiemha titressaq il-kawża (Artikolu 158(3) tal-KPK). Fil-każ ta’ urġenza, l-eżami jsir mingħajr awtorizzazzjoni, iżda permezz tal-introduzzjoni ta’ talba għal approvazzjoni a posteriori (Artikolu 158(4) tal-KPK). Skont l-indikazzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal‑Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, il-proċess tal-proċedura jintbagħat lill-qorti, li tista’ teżamina d-dokumenti kollha sabiex tevalwa l-fondatezza tat-talba għal awtorizzazzjoni minn qabel jew ta’ approvazzjoni a posteriori.


    9      Fuq talba, jidher, tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku: ara l-punti 16 u 24 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


    10      Jew tat-talba għal approvazzjoni a posteriori, skont il-każ.


    11      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


    12      Skont il-konklużjoni misluta mill-qorti tar-rinviju tal-punti 100 u 101 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I.


    13      Ara l-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    14      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki fejn tkun teżisti ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà interpretat l-istess dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-konfront tal-istess leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandux iwassal sabiex id-domandi jitqiesu inammissibbli (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll il-punt 22)). Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-domandi magħmula għandhom rabta diretta mal‑kawża prinċipali u huma rilevanti sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwarha. Din it-talba fiha, barra minn hekk, biżżejjed elementi sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ dawn id-domandi u sabiex tingħata risposta utli għalihom. Għalhekk huma għandhom jitqiesu bħala ammissibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes (C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 25)).


    15      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    16      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 114).


    17      Infakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għan tal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2016/680 huwa li tiġi żgurata protezzjoni ikbar fir-rigward ta’ dan l‑ipproċessar li, minħabba s-sensittività partikolari tad-data inkwistjoni u l-kuntest li fih tiġi pproċessata, jista’ jikkawża, kif jirriżulta mill-premessa 37 ta’ din id‑direttiva, riskji sinjifikattivi għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali, bħad‑dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


    18      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 118).


    19      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 120).


    20      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 122).


    21      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 123).


    22      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 124).


    23      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punti 125 u 126).


    24      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 127).


    25      Sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 128). Korsiv miżjud minni.


    26      Sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 129).


    27      Sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 130).


    28      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 131).


    29      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 132).


    30      Sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 133).


    31      Sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 134). B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li rrikonoxxiet l-effett dirett tal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2016/680. Fil-fatt, qorti nazzjonali ma hijiex obbligata, abbażi biss tad‑dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jekk din l-aħħar dispożizzjoni ma jkollhiex effett dirett (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment) (C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 74)].


    32      Imfakkra fil-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I.


    33      Peress li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali: ara, fost ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva) (C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 31).


    34      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 133).


    35      Infakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 huwa ddefinit b’mod preċiż b’riferiment għal dawn l-awtoritajiet peress li mill-Artikolu 2(1) ta’ din id‑direttiva jirriżulta li hija “tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill‑awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1)”.


    36      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    37      L-Artikolu 27 taz-ZMVR jistipula, minn naħa tiegħu, li d-data rreġistrata mill‑pulizija bis-saħħa tal-Artikolu 68 taz-ZMVR hija użata biss fil-kuntest tal‑protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u taż-żamma tal‑ordni pubbliku.


    38      Ara l-punt 25 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


    39      Infakkar li d-definizzjoni preċiża u konkreta tal-għanijiet hija prerekwiżit essenzjali sabiex il-kunċett ta’ “verament […] meħtieġ” tal-ipproċessar ikun jista’ jiġi evalwat: ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 124).


    40      Punt 21 tad-domanda preliminari. Ara, ukoll, il-punt 6 ta’ din it-talba.


    41      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni, fil-kuntest tal‑kawża prinċipali, tal-Artikolu 158 tal-KPK jippermetti lill-qorti timmodula l‑kwantità u l-kwalità tad-data, partikolarment sensittiva, li għandha tinġabar.


    42      Ara, ukoll, is-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 78).


    43      Skont l-indikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jinsabu fis-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 63).


    44      F’dan ir-rigward, infakkar li l-premessa 37 tad-Direttiva 2016/680 tistipula li “il‑kunsens mis-suġġett tad-data ma għandux fih innifsu jipprovdi bażi legali għall‑ipproċessar ta’ tali data personali sensittiva mill-awtoritajiet kompetenti”. Fi kwalunkwe każ, minn naħa waħda, il-kunsens tal-persuna ma jikkostitwixxix eżenzjoni mill-obbligu li tiġi evalwat il-kriterju tal-ġbir “verament […] meħtieġ” u, min-naħa l-oħra, din il-ħtieġa għandha tkun ivverifikata anki qabel l-espressjoni tal-kunsens.


    45      Il-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma fihx informazzjoni dwar il-possibbiltà għal dawn il-persuni li jippreżentaw rikors skont dak previst fl-Artikolu 54 tad‑Direttiva 2016/680. Kemm il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari (ara l-punt 25 ta’ din it-talba) kif ukoll il-Gvern Bulgaru waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidhru madankollu li jqisu li ma hemmx rimedju ġudizzjarju possibbli f’każ bħal dan.


    46      Sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 101).


    47      Sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 130).


    48      Sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 131).


    49      Sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 132).


    50      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 88).


    51      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 83).


    52      Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punti 85 u 86).

    Top