This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0060
Opinion of Advocate General Ćapeta delivered on 25 April 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati l-25 ta’ April 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati l-25 ta’ April 2024.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:368
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fil‑25 ta’ April 2024 (1)
Kawża C‑60/23
Skatteverket
vs
Digital Charging Solutions GmbH
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 14, 15 u 24 – Punti ta’ ċċarġjar għal vetturi elettriċi – Provvista ta’ apparat għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, provvista tal-elettriku neċessarju u provvista ta’ għajnuna teknika u servizzi tal-informatika – Klassifikazzjoni bħala ‘provvista ta’ merkanzija’ jew ‘provvista ta’ servizzi’ – Artikolu 14(1), Artikolu 14(2)(c) u Artikolu 28 – Natura u rwol tal-fornitur tal-apparat f’din il-provvista”
I. Introduzzjoni
1. Fl-Unjoni Ewropea hemm żieda kostanti fin-numru ta’ vetturi elettriċi (VE) rreġistrati (2). Dan huwa konformi mal-Patt Ekoloġiku Ewropew intiż li sas-sena 2050 jirrendi lill-Unjoni Ewropea kontinent bi klima newtrali. L-użu tal-VE jeħtieġ infrastruttura li takkumpanjah, bħalma huma l-punti ta’ ċċarġjar.
2. B’mod parallel mal-bidliet fid-dinja reali, jeħtieġ li jiġu adottati liġijiet jew li l-liġijiet li diġà jeżistu jiġu interpretati (mill-ġdid) sabiex jiġu rregolati r-relazzjonijiet il-ġodda li jirriżultaw minn tali bidla. Din l-kawża tindirizza dan is-suġġett, peress li l-qorti nazzjonali qiegħda titlob interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT (3), meta din tiġi applikata għal tranżazzjonijiet li jirriżultaw mill-użu tal-apparat għall-iċċarġjar tal-VE (bħalma hija kard jew applikazzjoni).
3. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari twieldet minn tilwima quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja) bejn Digital Charging Solutions GmbH (DCS), kumpannija inkorporata taħt id-dritt Ġermaniż, u l-Iskatteverket (l-Aġenzija tat-Taxxa Svediża) dwar il-validità tad-deċiżjoni dwar it-taxxa ta’ dawn tal-aħħar bid-data tat‑8 ta’ April 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar it-taxxa”).
II. L-isfond għat-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi magħmula u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
4. DCS għandha l-post tan-negozju tagħha fil-Ġermanja u ma għandha ebda stabbiliment fiss fl-Isvezja. Din il-kumpannija tipprovdi lill-utenti tal-VE fl-Isvezja l-aċċess għan-network ta’ punti ta’ ċċarġjar. Permezz ta’ dan in-network, l-utenti jirċievu informazzjoni f’ħin reali dwar il-prezzijiet, il-post u d-disponibbiltà tal-punti ta’ ċċarġjar, flimkien ma’, funzjonijiet biex jiġu identifikati l-punti ta’ ċċarġjar u għall-ippjanar tar-rotta.
5. Il-punti ta’ ċċarġjar fuq in-network ma humiex imħaddma minn DCS imma mill-operaturi tal-punti ta’ ċċarġjar (OPĊ) li magħhom DCS ikkonkludiet kuntratti. DCS tipprovdi lill-utenti tal-VE b’kard u applikazzjoni għall-awtentikazzjoni li tippermettilhom jiċċarġjaw il-vetturi tagħhom fil-punti ta’ ċċarġjar (iktar ’il quddiem l-“utenti tal-kard/applikazzjoni”). Meta tintuża l-kard jew l-applikazzjoni, is-sessjoni tal-iċċarġjar tiġi rreġistrata mal-OPĊ, li mbagħad joħroġ fattura lil DCS għal dik is-sessjoni ta’ ċċarġjar tal-utent. Il-fattura tinħareġ fuq bażi mensili fi tmiem kull xahar u l-ħlas irid isir fi żmien 30 jum.
6. Fuq il-bażi tal-fatturi rċevuti mill-OPĊ, DCS tiffattura lill-utenti tal-kard/applikazzjoni, l-ewwel għall-kwantità ta’ elettriku pprovdut fuq bażi mensili, u t-tieni għall-aċċess għan-network u s-servizzi anċillari. Il-prezz tal-elettriku pprovdut ivarja skont il-kwantità ċċarġjata, iżda jinġabar prezz fiss għall-aċċess u s-servizz ipprovdut, li jiġi ffatturat indipendentement minn jekk l-utent jixtrix, fil-fatt, elettriku matul il-perijodu rilevanti jew le. Ma huwiex possibbli li persuna tixtri biss elettriku mingħand il-kumpannija mingħajr ma tħallas, fl-istess ħin, għall-aċċess għan-network.
7. Fl‑14 ta’ April 2021, DCS talbet deċiżjoni dwar it-taxxa mingħand l-iSkatterättsnämnden (il-Kummissjoni tad-Dritt Fiskali, l-Isvezja). Fit‑8 ta’ April 2022, l-aġenzija tal-Gvern tat deċiżjoni li tgħid li l-provvista pprovduta minn DCS kienet tikkostitwixxi tranżazzjoni kumplessa kkaratterizzata prinċipalment bil-provvista tal-elettriku lill-utenti u li l-post tal-kunsinna kellu jitqies li huwa fl-Isvezja.
8. L-iSkatteverket (l-Aġenzija tat-Taxxa Svediża) ippreżentat rikors quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn talbet konferma ta’ dik id-deċiżjoni dwar it-taxxa. DCS ukoll appellat quddiem din il-qorti, fejn talbet li tiġi emendata d-deċiżjoni dwar it-taxxa. Quddiem il-qorti nazzjonali din il-kumpannija argumentat li kien hemm żewġ provvisti, jiġifieri provvista ta’ elettriku u provvista ta’ servizzi (il-faċilitazzjoni tal-aċċess għan-network tal-punti ta’ ċċarġjar), b’mod li l-unika parti mill-provvista li għandha tiġi ntaxxata fl-Isvezja hija l-parti li tikkonsisti fil-provvista tal-elettriku.
9. Kif jidher mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-iSkatterättsnämnden (il-Kummissjoni tad-Dritt Fiskali, l-Isvezja) hija maqsuma. Minn naħa, il-maġġoranza tieħu l-pożizzjoni li l-OPĊ jipprovdu l-elettriku lil DCS, li min-naħa tagħha tipprovdiha lill-utenti. Għaldaqstant, din hija katina ta’ tranżazzjonijiet li fihom l-OPĊ ma humiex marbutin kuntrattwalment ma’ dawn l-utenti.
10. Min-naħa l-oħra, minoranza fl-iSkatterättsnämnden (il-Kummissjoni tad-Dritt Fiskali, l-Isvezja) tieħu l-pożizzjoni li DCS tipprovdi lill-utenti b’servizz li jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-provvista ta’ network ta’ punti ta’ ċċarġjar u l-fatturazzjoni sussegwenti, li jimplika li hija tagħtihom xi forma ta’ kreditu għax-xiri ta’ elettriku (4). Dan l-approċċ jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li l-utenti huma liberi li jagħżlu fost kundizzjonijiet bħalma huma l-kwalità, il-kwantità, il-ħin tax-xiri u l-mod tal-użu tal-elettriku.
11. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) Provvista lill-utent ta’ [VE] li tikkonsisti fl-iċċarġjar tal-vettura f’punt ta’ ċċarġjar tikkostitwixxi provvista ta’ oġġetti taħt l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 15(1) tad-[Direttiva dwar il-VAT]?
(2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, tali provvista għandha għaldaqstant titqies li hija preżenti fl-istadji kollha ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet li tinkludi kumpannija intermedjarja, fejn il-katina ta’ tranżazzjonijiet tkun akkumpanjata minn kuntratt f’kull stadju, iżda l-utent tal-vettura biss għandu d-dritt li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet bħall-kwantità, il-ħin tax-xiri u l-post tal-iċċarġjar, kif ukoll kif l-elettriku għandu jintuża?”
12. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn DCS, mill-iSkatteverket (l-Aġenzija tat-Taxxa Svediża), mill-Gvern Ungeriż u mill-Kummissjoni Ewropea.
13. Inżammet seduta fis‑7 ta’ Frar 2024, li fiha l-Gvern Svediż u l-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali.
III. Il‑kuntest ġuridiku
14. L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi li “‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli”.
15. L-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva jaqra:
“Flimkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kull waħda minn dawn li ġejjin għandha tiġi kkunisdrata bħala provvista ta’ merkanzija:
[...]
(c) it-trasferiment ta’ merkanzija skond kuntratt li bih titħallas kummissjoni meta jsir xiri jew bejgħ.”
16. L-Artikolu 28, li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi, jipprovdi:
“Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.”
17. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-raġunament applikat għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT japplika wkoll għall-provvista ta’ merkanzija bbażata fuq kuntratt li bih titħallas kummissjoni meta jsir xiri, skont l-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT (5).
IV. Analiżi
18. L-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi li, għall-iskopijiet tal-VAT, l-elettriku huwa proprjetà tanġibbli.
19. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li tranżazzjoni kumplessa li tikkonsisti fil-provvista tal-elettriku lil batterija ta’ vettura u l-aċċess għal apparat tal-iċċarġjar u l-provvista tal-għajnuna teknika u tal-informatika neċessarja jikkostitwixxi provvista ta’ merkanzija fis-sens tal-Artikolu 14(1) u tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-VAT (6).
20. Dan jidher li jirrispondi għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tat-tieni domanda.
21. Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment kif id-Direttiva dwar il-VAT tapplika għal kull stadju tat-tranżazzjoni involuta fl-iċċarġjar ta’ VE permezz tal-użu ta’ kard jew applikazzjoni.
22. Biex tirrispondi din id-domanda, huwa importanti li jiġi enfasizzat mill-ewwel li l-kriterji fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT huma realtajiet ekonomiċi u kummerċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet dan f’diversi okkażjonijiet (7).
23. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-analiżi tinbeda billi nistaqsu kif iseħħ(u) t-tranżazzjoni(jiet) inkwistjoni f’dan il-każ.
24. Jiena fhimt li DCS tipprovdi żewġ provvisti differenti: provvista ta’ servizzi u provvista ta’ merkanzija.
25. Il-provvista ta’ servizzi tikkonsisti fil-provvista ta’ kard jew applikazzjoni li tipprovdi informazzjoni dwar, u tippermetti l-aċċess għan-network ta’ punti ta’ ċċarġjar. Għal din il-provvista ta’ servizzi, DSC toħroġ fattura (mensili) bi prezz fiss, irrispettivament minn jekk l-elettriku jinxtarax jew le. Fuq il-bażi tal-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-post ta’ “provvista” ta’ dak is-servizz huwa fil-Ġermanja, peress li dan huwa l-post fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizz.
26. Il-provvista ta’ merkanzija, jiġifieri l-elettriku, hija provvista separata mill-provvista ta’ servizzi. Għal din tal-ewwel, tinħareġ fattura fi tmiem kull xahar, skont il-kwantità ta’ elettriku użat.
27. Jekk il-fatturi separati ma jeskludux neċessarjament provvista unika kumplessa u għaldaqstant tranżazzjoni unika (8), meta żewġ provvisti ma jkunux jidhru li huma daqshekk konnessi li jkunu jikkostitwixxu provvista ekonomika indiviżibbli, ikun artifiċjali li dawn ma jinżammux separati. Konsegwentement, huma għandhom, fil-prinċipju, jitqiesu bħala tranżazzjonijiet distinti u indipendenti għall-iskopijiet tal-VAT (9).
28. Jekk il-provvisti fil-kawża prinċipali jitqiesu bħala provvista unika kumplessa iktar milli żewġ provvisti, din, fil-fehma tiegħi, twassal biex jiġu injorati l-arranġamenti kuntrattwali rilevanti, u għaldaqstant tinjora r-realtajiet ekonomiċi u kummerċjali (10).
29. Il-fatt li jiġi aċċettat li l-aċċess għan-network huwa awtonomu mill-provvista tal-elettriku huwa, fil-fehma tiegħi, l-iktar rappreżentazzjoni legali realistika għall-iskopijiet tat-trattament tal-VAT tar-relazzjonijiet legali involuti. Għaldaqstant, l-argument ta’ DSC quddiem il-qorti tar-rinviju (ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jidher li huwa korrett.
30. Waqt is-seduta, kemm il-Kummissjoni u kif ukoll il-Gvern Svediż qablu li l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-aċċess għan-network, iffatturat b’mod separat, ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Għaldaqstant, il-qofol hawnhekk huwa l-klassifikazzjoni legali tat-tranżazzjonijiet fit-tieni provvista, li jikkonsistu fil-provvista ta’ elettriku.
31. It-tranżazzjonijiet involuti fil-provvista ta’ elettriku jikkonċernaw ir-relazzjoni bejn l-OPĊ u DCS u r-relazzjoni bejn DCS u l-utent tal-kard/applikazzjoni. Ma teżisti ebda relazzjoni diretta bejn l-OPĊ u l-utent tal-kard/applikazzjoni, u dan lanqas ma huwa kkontestat f’dan il-każ.
32. Hemm tliet modi possibbli kif ir-relazzjonijiet involuti jistgħu jiġu kklassifikati għall-iskopijiet tal-VAT.
33. L-ewwel wieħed jirriżulta mil-linja ta’ ġurisprudenza Auto Lease Holland (11). Din il-linja ta’ ġurisprudenza tittratta t-tranżazzjoni bejn DCS u l-utent tal-kard/applikazzjoni bħala provvista ta’ servizzi li tagħti kreditu (u għaldaqstant eżentat mill-VAT taħt l-Artikoli 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT). Dan l-approċċ ma narahx xieraq biex jintuża għal mod kif jiġu ttrattati dawn it-tranżazzjonijiet. Madankollu, peress li dan l-approċċ huwa propost mill-minoranza fi ħdan l-iSkatterättsnämnden (il-Kummissjoni tad-Dritt Fiskali, l-Isvezja), l-ewwel ser nanalizza din l-għażla (A).
34. It-tieni għażla hija t-trattament taż-żewġ tranżazzjonijiet bħala bejgħ suċċessiv, it-tnejn ippreżentati taħt l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT; dan huwa l-hekk imsejjaħ “mudell bejgħ-xiri”. Din hija l-pożizzjoni tal-maġġoranza fi ħdan l-iSkatterättsnämnden (il-Kummissjoni tad-Dritt Fiskali, l-Isvezja), kif ukoll tal-parteċipanti kollha f’dawn il-proċeduri. Ser nanalizza din l-għażla taħt it-Taqsima (B).
35. It-tielet possibbiltà hija li t-tranżazzjonijiet involuti jinftiehmu bħala li huma bbażati fuq mudell ta’ kummissjoni taħt l-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT. Din l-għażla, għalkemm la tqajmet mit-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas mill-parteċipanti fil-parti tal-proċedura bil-miktub, ġiet diskussa waqt is-seduta. Din l-għażla hija, fil-fehma tiegħi, l-iktar klassifikazzjoni xierqa għat-tranżazzjonijiet involuti f’dan il-każ. Ser nittratta l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT taħt it-Taqsima (C).
A. Il‑linja tal‑ġurisprudenza Auto Lease Holland
36. Is-sentenzi Auto Lease Holland u Vega International kienu jikkonċernaw il-mod kif għandhom jiġu ttrattati, għal skopijiet ta’ VAT, tranżazzjonijiet involuti fl-użu tal-kards tal-karburant. Iċ-ċirkustanzi ta’ dawk iż-żewġ każijiet ma humiex identiċi, imma għandhom xi karatteristiċi komuni. It-tnejn li huma jinvolvu atturi multipli barra mill-utent tal-kard, il-fornitur tal-kard u l-fornitur tal-enerġija, u t-tnejn kienu jikkonċernaw bejgħ suċċessiv permezz ta’ tranżazzjoni finanzjarja. F’dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet enfasi inqas fuq il-provvista tal-merkanzija (karburant), milli fuq il-modalitajiet tal-ħlas ta’ din il-provvista (12).
37. Ir-riżultat fis-sentenza Vega International, li huwa biss il-konsegwenza loġika tas-sentenza Auto Lease Holland, kien il-konstatazzjoni li t-tranżazzjoni bejn l-emittent tal-kard u l-utent tal-kard kienet tammonta għal servizz ta’ għoti ta’ kreditu.
38. Madankollu, kif juru l-kummentarji (13) u d-diskussjonijiet fi ħdan il-Kumitat tal-VAT (14), dawk il-każijiet qajmu tħassib differenti. Ħafna kritiċi lmentaw il-fatt li l-interpretazzjoni proposta wasslet għall-inviżibbiltà tal-intermedjarju.
39. Fil-fehma tiegħi, huwa dubjuż kemm iċ-ċirkustanzi konkreti ta’ dawn il-każijiet huma paragunabbli maċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. B’mod iktar ġenerali, il-mudell ta’ negozju tal-iċċarġjar tal-VE ma huwiex l-istess bħal dak tal-iċċarġjar tal-karburant, minn tal-inqas mhux fil-mument. Filwaqt li huwa possibbli li vettura mhux elettrika tiġi ċċarġjata bil-kard tal-karburant jew b’xi kard oħra jew bil-kontanti, u huwa possibbli li dan isir f’xi pompa tal-petrol, dan ma hux minnu għall-iċċarġjar tal-VE. Il-VE jużaw sistemi ta’ ċċarġjar differenti u jistgħu jiġu ċċarġjati biss fil-punti ta’ ċċarġjar inklużi fin-network inkwistjoni. L-iċċarġjar ma jistax isir mingħajr l-użu ta’ kard/applikazzjoni li tippermetti l-aċċess għan-network rispettiv. Finalment, huwa paċifiku li l-kards/applikazzjonijiet tal-VE ma humiex strumenti ta’ ħlas.
40. Barra minn hekk, jekk it-tranżazzjoni bejn l-emittent tal-kard u l-utent tal-kard/applikazzjoni hija tranżazzjoni mhux taxxabbli, differenti (għoti ta’ kreditu), l-utent ma jkunx jista’ jnaqqas il-VAT jekk ikun persuna taxxabbli, peress li l-fattura għall-elettriku tinħareġ biss mill-OPĊ lill-emittent tal-kard.
41. Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet tal-linja ta’ ġurisprudenza Auto Lease Holland ma humiex awtomatikament trasponibbli għal mudelli u operazzjonijiet ta’ negozju differenti tal-apparat għall-iċċarġjar tal-VE, għaldaqstant ma għandhomx jintużaw barra miċ-ċirkustanzi li fihom ingħataw dawk id-deċiżjonijiet (15).
B. Il‑mudell “bejgħ‑xiri” (Artikolu 41(1) tad‑Direttiva dwar il‑VAT)
42. Il-mudell “bejgħ-xiri” jqis it-tranżazzjonijiet inkwistjoni bħala bejgħ suċċessiv b’katina orizzontali unika ta’ konsenji. DCS tixtri l-elettriku mill-OPĊ u mbagħad tbigħu lill-utent tal-kard/applikazzjoni.
43. Għall-iskopijiet tal-VAT, dan il-mudell huwa bbażat fuq l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT. Kull tranżazzjoni hija provvista ta’ merkanzija separata, li, skont din id-dispożizzjoni tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.
44. Kif ġie spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-trasferiment tad-dritt ta’ sid ikopri kull trasferiment ta’ proprjetà tanġibbli minn parti waħda li jagħti s-setgħa lill-parti l-oħra biex attwalment tiddisponi minnha bħallikieku kien sidha (16).
45. Dan jista’ jidher bħala li jeżiġi li sabiex it-tranżazzjoni tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ merkanzija, għandha tiġi ttrasferita xi forma ta’ kontroll fuq il-merkanzija (17). Dan huwa partikolarment diffiċli meta l-merkanzija pprovduta hija l-enerġija, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, li ma tistax tiġi ttrasferita jew maħżuna faċilment (18).
46. Fil-fatt, b’paragun ma’ oġġetti oħra (kif muri fl-Artikoli 15(1), u l-Artikoli 38 u 39 tad-Direttiva dwar il-VAT), l-elettriku għandu natura speċifika, b’waħda mill-karatteristiċi hija li huwa ħafna iktar diffiċli minn merkanzija oħra li wieħed jintraċċa l-fluss fiżiku tiegħu (19).
47. B’dan applikat għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ikun meħtieġ li d-dritt ta’ sid tal-elettriku jkun irid jiġi ttrasferit mill-OPĊ lil DCS, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jbigħu sussegwentement lill-utent tal-kard/applikazzjoni. Naturalment, dan ma huwiex il-każ fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Pjuttost, il-merkanzija tiġi ttrasferita direttament mill-OPĊ lill-utent tal-kard/applikazzjoni. Għaldaqstant, la l-pussess attwali tal-elettriku, u lanqas it-titolu legali fuqu, ma jiġu ttrasferiti formalment mill-OPĊ lil DCS.
48. Madankollu, il-liġi tippermetti trasferiment legali fittizju tad-dritt ta’ proprjetà mingħajr trasferiment attwali.
49. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, jista’ jkun hemm raġunijiet legali għaliex il-merkanzija ma ġietx irċevuta direttament mill-emittent tal-fattura bħalma hija, inter alia, l-eżistenza ta’ żewġ istanzi ta’ bejgħ suċċessivi tal-istess merkanzija li, fuq struzzjonijiet, jiġu ttrasportati direttament mill-ewwel bejjiegħ lit-tieni persuna li takkwista l-merkanzija, bir-riżultat li jkun hemm żewġ provvisti suċċessivi fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, iżda biss trasport wieħed effettiv. Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-ewwel xerrej ikun sar il-proprjetarju tal-oġġetti kkonċernati fil-mument ta’ dan it-trasport, peress li l-eżistenza ta’ provvista fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma timplikax it-trasferiment tal-proprjetà legali tal-oġġett (20).
50. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali jistgħu jinftiehmu li jaqgħu taħt il-mudell “bejgħ-xiri”, li jimplika istanzi ta’ bejgħ suċċessivi. Hija teżiġi l-użu tal-finzjoni li d-dritt li persuna tiddisponi mill-elettriku bħala sid kien ittrasferit mill-OPĊ lil DCS, li jippermetti lil din tal-aħħar tbigħ suċċessivament il-merkanzija inkwistjoni.
51. Għall-iskopijiet tal-VAT, iż-żewġ tranżazzjonijiet huma tranżazzjonijiet taxxabbli. Peress li l-fattura għall-elettriku tinħareġ mill-emittent tal-kard lill-utent tal-kard/applikazzjoni, dan tal-aħħar jista’ jnaqqas il-VAT jekk ikun persuna taxxabbli.
52. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, DCS la twiegħed lill-OPĊ li tixtri xi ammont ta’ elettriku, u lanqas ma tiddeċiedi tixtrih. Hija fil-fatt l-azzjoni tal-utent tal-kard/applikazzjoni li tniedi l-proċess tax-xiri meta huwa jiddeċiedi f’liema post ta’ ċċarġjar jiġi ordnat l-elettriku u xi kwantità ta’ elettriku jkollu jiġi ttrasferit, u hija f’dik il-vettura tal-utent li sseħħ il-provvista.
53. Għaldaqstant, ħlief għar-riskju li ma tirċevix ħlas mill-utent tal-kard/applikazzjoni, DCS ma tiħux xi riskju imprenditorjali f’dik il-provvista ta’ elettriku peress li meta hija toħroġ il-fattura lill-utent, kollox ikun mibjugħ kkunsinnat diġà.
54. Għaldaqstant ta’ min jiġi esplorat jekk l-għażla l-oħra, jiġifieri, dik li tissuġġetta t-tranżazzjonijiet inkwistjoni għall-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT toqgħodx iktar għar-realtà ekonomika tal-iċċarġjar tal-VE.
C. Il‑mudell tal‑aġent tal‑kummerċ (Artikolu 14(2)(c) tad‑Direttiva dwar il‑VAT)
55. Il-mudell tal-aġent tal-kummerċ jiddeskrivi t-tranżazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ bħala li tinvolvi aġent bħala intermedjarju bejn l-OPĊ u l-utent tal-kard/applikazzjoni.
56. Jista’ jkun hemm żewġ tipi ta’ mudelli ta’ aġenti tal-kummerċ: il-mudell tal-aġent tal-bejgħ u l-mudell tal-aġent tax-xiri (21).
57. Fil-mudell tal-aġent tal-bejgħ, il-prinċipal huwa l-OPĊ, filwaqt li l-aġent huwa l-emittent tat-tagħmir (bħalma hija DCS). F’dan il-mudell, l-emittent tat-tagħmir ibigħ l-elettriku f’ismu proprju, imma għall-benefiċċju tal-OPĊ, lill-utent tal-kard/applikazzjoni.
58. Fil-mudell tal-aġent tax-xiri, il-prinċipal huwa l-utent tal-kard/applikazzjoni, u l-aġent huwa DCS. F’dan il-mudell, l-emittent tat-tagħmir (DCS) tixtri l-elettriku mill-OPĊ f’isimha imma għall-benefiċċju tal-utent tal-kard/applikazzjoni. Dan il-mudell huwa l-aħjar wieħed li jiddeskrivi s-sitwazzjoni f’dan il-każ, peress li x-xiri tal-elettriku jseħħ, kif għidt diġà (ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet), fuq l-inizjattiva tal-utent tal-kard/applikazzjoni.
59. Legalment, iż-żewġ mudelli ta’ aġenti tal-kummerċ huma mibnija fuq l-Artikolu 14(2)(c) u l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT (22). L-Artikolu 28 jipprevedi li fejn persuna taġixxi bħala aġent, jiġifieri f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, dik il-persuna għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet is-servizz inkwistjoni hija stess. Anki jekk l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT jittratta biss il-provvista ta’ servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-artikolu jista’ jiġi applikat ukoll għall-provvista ta’ merkanzija (23).
60. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 14(2)(c) ta’ dik id-direttiva joħloq il-finzjoni legali ta’ żewġ provvisti ta’ merkanzija li jseħħu konsekuttivament, li huma suġġetti għall-VAT (24).
61. Għaldaqstant, biex jaqgħu taħt il-mudell tal-aġent tal-kummerċ, it-tranżazzjonijiet involuti jridu jissodisfaw żewġ rekwiżiti. L-ewwel, irid ikun hemm mandat li permezz tiegħu l-aġent tal-kummerċ jintervjeni, f’isem il-prinċipal, fil-provvista tal-oġġetti u/jew tas-servizzi u, it-tieni, li jkun hemm identiċità bejn il-provvista tal-oġġetti u/jew tas-servizzi akkwistati mill-aġent tal-kummerċ u l-provvista tal-oġġetti u/jew tas-servizzi mibjugħa jew ittrasferiti lill-prinċipal (25).
62. Waqt is-seduta, il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni qablu li fiċ-ċirkustanzi involuti fil-kawża prinċipali, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu ssodisfatti.
63. Jiena naqbel.
64. Dwar l-ewwel kundizzjoni tal-mandat, is-sitwazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi deskritta b’mod iktar preċiż bħala trasferiment tal-oġġetti bbażat fuq il-mandat, fejn l-utent tal-kard/applikazzjoni huwa l-prinċipal u DCS l-aġenta, iktar milli ftehimiet bilaterali suċċessivi. Anki l-formulazzjoni tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li DCS tidher bħala intermedjarja.
65. Huwa minnu li ma hemmx talba espliċita mill-utent tal-kard/applikazzjoni lil DCS biex tixtri l-elettriku f’ismu kull darba li jkun ser ikun hemm l-iċċarġjar. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li x-xerrej ma huwiex meħtieġ li jagħti espliċitament mandat lill-aġent tal-kummerċ (26). B’mod alternattiv, il-preżentazzjoni tal-kard/applikazzjoni fil-post tal-iċċarġjar tista’ tinftiehem bħala mandat lill-aġent biex jixtri ammont ta’ elettriku speċifiku.
66. Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, ġie argumentat li l-provvista ta’ elettriku mill-OPĊ lit-tagħmir tal-kard ma hijiex identika għall-provvista ta’ elettriku mill-emittent tat-tagħmir lill-utent peress li, f’dan l-aħħar każ, hemm elementi addizzjonali għall-provvista ta’ elettriku (27).
67. Dan jista’ jkun minnu f’ċerti ċirkustanzi (28).
68. Madankollu, f’dan il-każ, il-provvista tas-servizzi li tirrigwarda l-użu tal-kard/applikazzjoni hija distinta mill-provvista tal-elettriku (ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Il-provvista ta’ elettriku rimanenti ma tkunx differenti bejn it-tranżazzjoni bejn l-OPĊ u DCS u t-tranżazzjoni bejn DCS u l-utent tal-kard/applikazzjoni.
69. Għaldaqstant, jidher li ż-żewġ kundizzjonijiet – il-preżenza ta’ mandat u l-identiċità tal-provvisti – huma ssodisfatti fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, u għaldaqstant, it-tranżazzjonijiet inkwistjoni joqogħdu fil-mudell tal-aġent tax-xiri.
70. Finalment, l-applikazzjoni tal-mudell tal-aġent tal-kummerċ għal sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ dan il-każ tkun tippermetti lill-utent tal-kard/applikazzjoni li huwa persuna taxxabbli, li jnaqqas il-VAT, peress li huwa jirċievi fattura bil-VAT minn DCS.
D. Il‑mudell tal‑aġent tal‑kummerċ bħala għażla iktar xierqa fiċ‑ċirkustanzi ta’ dan il‑każ
71. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li t-tranżazzjonijiet involuti fil-mudell kummerċjali inkwistjoni f’dan il-każ jistgħu jaqgħu kemm taħt l-Artikolu 14(1) u taħt l-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT. Kemm il-mudell “bejgħ-xiri” u l-mudell tal-aġent tal-kummerċ jistgħu jiddeskrivu dawn it-tranżazzjoni suċċessivi u l-katina ta’ kunsinni.
72. Il-kwistjoni hija, liema dispożizzjoni għandha tiġi applikata?
73. Fil-fehma tiegħi, għall-mudell kummerċjali bħalma huwa dak f’dan il-każ, il-mudell tal-aġent tal-kummerċ kif deskritt fl-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa l-iktar mudell xieraq għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-VAT.
74. Għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 14(2)(c) tagħha, jista’ jiġi osservat li d-definizzjoni ta’ tranżazzjoni li hija s-suġġett tal-Artikolu 14(2)(c) ma tagħmel ebda riferiment għad-“dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli”, kif jissemma fl-Artikolu 14(1). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, filwaqt li jiġborhom flimkien taħt l-istess kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija”, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiddistingwi t-tranżazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT minn dik imsemmija fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, fejn dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet ma kinux iddefiniti skont l-istess termini (29). Għaldaqstant, għalkemm it-tnejn li huma jittrattaw il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija”, l-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa awtonomu mill-Artikolu 14(1) tagħha (30).
75. Jidher mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-VAT, u huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza, li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jikkostitwixxi, fir-rigward tad-definizzjoni ġenerali stabbilita fil-paragrafu 1 tiegħu, lex specialis, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha għandhom natura awtonoma fir-rigward ta’ dawk ta’ dan il-paragrafu 1 (31).
76. Meta tranżazzjoni tkun tista’ taqa’ kemm taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ġenerali u kif ukoll taħt dak tal-lex specialis, hija għandha tkun suġġett għal din tal-aħħar, għax inkella ma jkun hemm ebda raġuni għall-eżistenza tar-regola speċifika.
77. Barra minn hekk, jekk ir-relazzjoni inkwistjoni tiġi deskritta b’riferiment għall-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT, dan ikun inqas “finzjoni” milli wieħed jinvoka l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva. Li wieħed jinvoka din l-aħħar dispożizzjoni, ikun jeħtieġ li wieħed jassumi li l-elettriku jiġi pprovdut b’mod suċċessiv, imma ttrasportat darba waħda biss, iżda madankollu kull waħda mill-partijiet involuti kellhom il-possibbiltà li jiddisponu minnu bħala proprjetarju. Il-mudell tal-aġent tal-kummerċ taħt l-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva tal-VAT flimkien mal-Artikolu 28 tagħha, jipprovdi li għandu jitqies li l-intermedjarju rċieva u pprovda l-elettriku huwa stess (ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għaldaqstant ikun meħtieġ biss li wieħed jassumi addizzjonalment li l-utent tal-kard/applikazzjoni ta l-mandat lil DCS biex tixtri l-elettriku għalih, imma f’isimha, kull darba li huwa juża l-kard/applikazzjoni (ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
78. Jekk ir-raġunament ikun ibbażat fuq l-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT dan jevita d-diffikultajiet għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ proprjetarju li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli (32).
79. B’żieda ma’ dan, jekk ir-raġunament ikun ibbażat fuq l-istess dispożizzjoni, dan ikun jirrifletti aħjar in-natura vera tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali li jinvolvu l-apparat għall-iċċarġjar tal-VE, bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali.
80. Huwa minnu li l-Kumitat tal-VAT ħareġ Linji Gwida fuq l-Apparat għall-Iċċarġjar tal-VE, li jissuġġerixxu l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT (33). Madankollu, dawn il-linji gwida ma humiex sempliċi u eżawrjenti daqskemm wieħed jaħseb jew jistenna.
81. L-ewwel, dawn il-linji gwida jkopru, għall-parti kbira tagħhom, ir-relazzjoni bejn l-OPĊ u l-emittent tat-tagħmir (34), u ma jkoprux neċessarjament il-mudelli kollha tan-negozju tal-iċċarġjar tal-VE.
82. F’mudell fejn ikun hemm, bħal f’dan il-każ, żewġ provvisti separati, u għaldaqstant żewġ tranżazzjonijiet separati – jiġifieri, provvista ta’ servizz, li titħallas bi prezz fiss, indipendentement minn jekk l-elettriku jinxtarax wara jew le, u provvista ta’ merkanzija, jiġifieri l-elettriku, li jiġi ffatturat fi tmiem kull xahar, huwa possibbli wkoll li jiġi applikat l-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva tal-VAT.
83. Fil-fehma tiegħi, dan huwa indikattiv li DCS ma taġixxix bħala fornitur tal-elettriku reali għaliex ma tieħu ebda riskju imprenditorjali f’dik il-provvista. Għall-kuntrarju, din il-kumpannija għandha rwol ekonomiku fil-provvista tal-merkanzija fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, tista’ titqies bħala intermedjarju (35).
84. Għaldaqstant, jidhirli li jkun iktar preċiż f’termini ta’ realtajiet ekonomiċi u kummerċjali li jekk ikun hemm istanzi ta’ bejgħ differenti tal-istess oġġetti b’mod li l-oġġetti partikolari li, fuq struzzjonijiet, jiġu ttrasportati direttament mill-ewwel bejjiegħ lill-persuna li takkwista l-oġġetti, bir-riżultat li jkun hemm żewġ provvisti suċċessivi, il-persuna tan-nofs taġixxi biss bħala intermedjarja.
85. L-aħħar imma mhux l-inqas, jekk l-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT jintgħażel biex jirregola t-tranżazzjoni tat-tip bħal f’dan il-każ, ikun qiegħed jiġi żgurat b’mod trasparenti d-dritt għat-tnaqqis (36) li jkollu l-utent tal-kard/applikazzjoni. Konsegwentement, is-soluzzjoni proposta tkun konsistenti mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali (37).
86. Għaldaqstant, nikkunsidra li l-għażla bbażata fuq l-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT hija l-iktar soluzzjoni li tixraq għaċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali.
87. Huwa biss jekk iż-żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva tal-VAT (il-mandat u l-identiċità tal-provvisti) ma jkunux issodisfatti li l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva għandu jkun applikabbli fil-kawża prinċipali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.
88. Jekk jiġi applikat l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, kif issuġġerit mil-Linji Gwida fuq l-Apparat għall-iċċarġjar tal-VE (ara l-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet), allura d-DCS tkun tikkwalifika bħala “negozjant taxxabbli” fis-sens tal-Artikolu 38(2) ta’ din id-direttiva u l-provvista tal-elettriku mill-OPĊ lil DCS titqies li sseħħ fil-post fejn in-negozjant taxxabbli (DCS) stabbilixxa n-negozju tiegħu skont l-Artikolu 38(1) ta’ din id-direttiva. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, dan il-post ikun il-Ġermanja.
89. Fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-provvista tal-elettriku minn DCS lill-utent tal-kard/applikazzjoni li jiċċarġja l-VE tiegħu jew tagħha għandha titqies li saret fil-post fejn is-sewwieq attwalment juża u jikkonsma l-elettriku, jiġifieri, fil-post fejn ikun jinsab il-punt tal-iċċarġjar. F’dan il-każ, il-post huwa l-Isvezja.
90. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-fehma li d-Direttiva dwar il-VAT għandha tkun interpretata bħala li tfisser li l-iċċarġjar ta’ VE f’network ta’ punti ta’ ċċarġjar li utent ikollu aċċess għalihom permezz ta’ abbonament konkluż ma’ kumpannija li ma hijiex l-operatur tal-punt ta’ ċċarġjar jimplika li l-elettriku kkunsmat jiġi kkunsinnat minn dak l-operatur lil dak l-utenti, u l-kumpannija li toffri aċċess għal dawk il-punti ta’ ċċarġjar taġixxi, f’dik il-provvista, bħala aġent tal-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 14(2)(c) ta’ din id-direttiva.
91. Alternattivament, jekk iż-żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva dwar il-VAT ma jkunux issodisfatti, għandu jiġi kkunsidrat li l-provvista tal-elettriku lill-utent titqies li saret mill-kumpannija li tipprovdi aċċess għan-network tal-punti ta’ ċċarġjar lill-utenti fis-sens tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva.
V. Konklużjoni
92. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja) kif ġej:
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li l-iċċarġjar ta’ vettura elettrika f’network ta’ punti ta’ ċċarġjar li l-utent għandu aċċess għalihom permezz ta’ abbonament konkluż ma’ kumpannija li ma hijiex l-operatur tal-punt ta’ ċċarġjar jimplika li l-elettriku kkunsmat jiġi kkunsinnat minn dak l-operatur lill-utenti, u l-kumpannija li toffri aċċess għal dawk il-punti ta’ ċċarġjar taġixxi, f’dik il-provvista, bħala aġent tal-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 14(2)(c) ta’ din id-direttiva.
Alternattivament, jekk iż-żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 14(2)(c) tad-Direttiva tal-VAT ma jkunux issodisfatti, għandu jiġi kkunsidrat li l-provvista tal-elettriku lill-utent titqies li saret mill-kumpannija li tipprovdi aċċess għan-network tal-punti ta’ ċċarġjar lill-utenti fis-sens tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Ara, pereżempju, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent “New registrations of electric vehicles in Europe”, 24 ta’ Ottubru 2023, disponibbli fuq https://www.eea.europa.eu/en/analysis/indicators/new-registrations-of-electric-vehicles
3 Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat‑22 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2010, L 10, p. 14) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).
4 Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2003, Auto Lease Holland (C‑185/01, EU:C:2003:73, iktar ’il quddiem “Auto Lease Holland”), tat‑3 ta’ Settembru 2015, Fast Bunkering Klaipėda (C‑526/13, EU:C:2015:536, iktar ’il quddiem “Fast Bunkering Klaipėda”); u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Vega International Car Transport and Logistic (C‑235/18, EU:C:2019:412, iktar ’il quddiem “Vega International”).
5 Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, ITH Comercial Timişoara (C‑734/19, EU:C:2020:919, punt 50).
6 Sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (C‑282/22, EU:C:2023:312).
7 Sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1997, DFDS (C‑260/95, EU:C:1997:77, punt 23); tat‑12 ta’ Novembru 2020, ITH Comercial Timişoara (C‑734/19, EU:C:2020:919, punt 48) u tal‑4 ta’ Mejju 2023, Balgarska telekomunikatsionna kompania (C‑127/22, EU:C:2023:381, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
8 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Bookit (C‑607/14, EU:C:2016:355, punt 26).
9 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Mapfre asistencia u Mapfre warranty (C‑584/13, EU:C:2015:488, punt 57).
10 Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-klawżoli kuntrattwali rilevanti jirriflettu, fil-prinċipju, ir-realtà ekonomika u kummerċjali tat-tranżazzjonijiet u għaldaqstant jikkostitwixxu fattur li għandu jittieħdu inkunsiderazzjoni meta wieħed jipprova jidentifika n-natura ta’ tranżazzjoni. Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International (C‑695/20, EU:C:2023:127, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 Din tinkludi s-sentenza Auto Lease Holland u Vega International. Jekk f’xi mumenti nirreferi għas-sentenza Fast Bunkering Klaipėda, kif jagħmlu ħafna kummentarji, il-partikolaritajiet ta’ dak il-każ, li kien jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-provvisti ta’ karburant għall-bastimenti involuti fit-trasport internazzjonali kinux suġġetti għal eżenzjoni mill-VAT, iġegħluni nikkunsidra li dan il-każ ma huwiex paragunabbli għat-tnejn l-oħra (għal fehma simili, ara Ek, M; “The concept of transfer of goods pursuant to a commission contract in EU VAT”, Skattenytt, 2022, p. 3 sa 26, f’p. 19).
12 Ara s-sentenzi Auto Lease Holland (l-punti 34 u 36) u Vega International (punti 39 sa 41).
13 Kirsch, S., u Orban, C., “CJEU confirms that the provision and settlement of fuel cards may constitute a financial service that is exempt from VAT in Vega International case” Intertax, 2019, p. 898 sa 900, (jirreferu għal “konsegwenzi mhux daqshekk ottimi”). Hemm anki xi kritiċi oħra iktar verbali, (Reiß, W., UR 2003, p. 428 sa 441, f’p. 437, u Wäger, UStG, 2. Auflage 2022, punt 3 UStG) li jirreferu għas-sentenza Auto Lease Holland bħala “liġi tat-taxxa ta’ żmien il-ħaġar”; Gómez, D., u Echevarría Zubeldia, G., “The VAT conundrum of fuel cards: Thoughts on the ECJ judgment in Vega International”, Intl. VAT Monitor, 2019, p. 6; Garnito, P., “A look back at EU VAT developments in 2019 regarding insurance and financial services: Part 1” Intl. VAT Monitor, 2020, p. 222 sa 234; Nellen, F., van Doesum, A., Corniejle, S. U van Kesteren, H., Fundamentals of EU VAT law, (it-tieni Edizzjoni, 2020), p. 131; Ek, M; nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. Cit.; VAT Expert Group, Issues arising from recent judgements of the Court of Justice of the EU case C‑235/18 Vega International: Fuel cards, 29 ta’ Marzu 2022, disponibbli f’https://circabc.europa.eu/ui/group/cb1eaff7-eedd-413d-ab88-94f761f9773b/library/dbc22ed9-fcdb-485b-bc90-e9a16a6c4a9f/details. Għal kull fini, jista’ jkun utli li jiġi indikat li l-Grupp ta’ Esperti dwar il-VAT (GEV), li ġie istituzzjonalizzat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2012 li twaqqaf grupp ta’ esperti dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2012, C 188, p. 2-3), huwa separat mill-Kumitat tal-VAT, “Case law, Issues arising from recent judgments of the Court of Justice of the European Union”, Dokument ta’ Ħidma Nru 1067, Lulju 2023, p. 3; Merkx, M., “VAT and business models for charging electric vehicles”, International VAT Monitor, 2021, p. 275 sa 284, f’p. 281.
14 Kumitat tal-VAT, “Case law, Issues arising from recent judgments of the Court of Justice of the European Union” Dokument ta’ Ħidma Nru 1008, Marzu 2021, p. 11; Idem, “Case Law, Issues arising from recent judgments of the Court of Justice of the European Union” Dokument ta’ Ħidma Nru 1020, Ottubru 2021, Idem, “Case Law, Issues arising from recent judgments of the Court of Justice of the European Union” Dokument ta’ Ħidma Nru 1046, Ottubru 2022; Idem, “Case Law, Issues arising from recent judgments of the Court of Justice of the European Union” Dokument ta’ Ħidma Nru 1064 FINAL, 20 ta’ Marzu 2023 u Idem, “Case Law, Issues arising from recent judgments of the Court of Justice of the European Union” Dokument ta’ Ħidma Nru 1067, Lulju 2023.
15 Gómez, D., u Echevarría Zubeldia, G., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, op. cit.
16 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe (C‑320/88, EU:C:1990:61, punt 7) u tas‑27 ta’ April 2023, Fluvius Antwerpen (C‑677/21, EU:C:2023:348, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Ek, M; iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit. p. 8.
18 Għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ karburant, l-Avukata Ġenerali Sharpston qieset fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Fast Bunkering Klaipėda (C‑526/13, EU:C:2015:156, punt 42): “Malli l-karburant jiġi kkunsinnat fit-tankijiet ta’ bastiment użat għan-navigazzjoni fl-ibħra fil-miftuħ, huwa estremament diffiċli li wieħed jimmaġina li xi ħadd jista’ ‘jiddisponi minnu’ jekk mhux bl-ikkunsmar tiegħu mill-bastiment ikkonċernat (u għaldaqstant mill-operatur tiegħu) sabiex jilħaq ir-rekwiżiti ta’ enerġija tiegħu. Kwalunkwe mod ieħor li bih il-proprjetarju legali tal-karburant, li ma huwiex l-operatur tal-bastiment, jiddisponi minnu jidher li jkun jeħtieġ intervent fiżiku mhux prattiku [...]. Fil-prattika, ma teżisti ebda possibbiltà li l-karburant ma jiġix ikkunsmat għall-bżonnijiet tal-bastiment u jidher li ma huwiex plawżibbli li l-intermedjarju, għaż-żmien li huwa jkun jista’ jitqies li huwa l-proprjetarju legali, jkun jixtieq jassumi responsabbiltajiet ta’ proprjetarju (fil-forma ta’, pereżempju, spejjeż għall-ħażna u assigurazzjoni) biex huwa jkun jista’ jiddisponi minnu mod ieħor”. Ara wkoll, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Fast Bunkering Klaipėda (C‑526/13, EU:C:2015:536, punt 52).
19 Merkx, M., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, op. cit. p. 280.
20 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Kuršu zeme (C‑273/18, EU:C:2019:588, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Gómez, D., u Echevarría Zubeldia, G., iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, op.cit.; Ek, M; iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, p. 6, op.cit.; Kumitat tal-VAT, “Case law, Issues arising from recent judgments of the Court of Justice of the European Union” Dokument ta’ Ħidma Nru 1046, Ottubru 2022, p. 7.
22 Kultant ikun hemm diskussjonijiet fir-rigward tad-differenzi bejn aġenti tal-kummerċ li jkunu magħrufa u dawk li jkunu moħbija, peress li xi Stati Membri iqisu lil wieħed jew l-ieħor b’mod differenti mill-perspettiva tal-liġi tal-kuntratti ( (Nellen, F., van Doesum, A., Corniejle, S. U van Kesteren, H., Fundamentals of EU VAT Law, (Edizzjoni Nru 2, 2020, p. 130). Madankollu, dan imur lil’hinn mill-iskop ta’ dawn il-konklużjonijiet (f’dan ir-rigward, ara Ek, M; iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit. p. 10).
23 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑274/15, EU:C:2017:333, punt 88) u tat‑12 ta’ Novembru 2020, ITH Comercial Timişoara (C‑734/19, EU:C:2020:919, punt 50).
24 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, ITH Comercial Timişoara (C‑734/19, EU:C:2020:919, punti 49 u 50).
25 Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, ITH Comercial Timişoara (C‑734/19, EU:C:2020:919, punt 51).
26 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, UCMR - ADA (C‑501/19, EU:C:2021:50, punti 44 u 47).
27 Merkx, M., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, op. cit. p. 281.
28 Dan ikun minnu jekk il-provvista tal-elettriku ma tkunx tista’ tiġi mifruda mill-provvista ta’ servizzi konnessi oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel provvista mill-OPĊ lill-emittent tal-kard tkun provvista unika (ta’ merkanzija), filwaqt li t-tieni provvista mill-emittent tal-kard lill-utent tkun provvista konġunta (ta’ merkanzija u servizzi). Dan jidher li kien il-każ fiċ-ċirkustanzi tas-sentenza tal-20 ta’ April 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (C‑282/22, EU:C:2023:312).
29 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2017, Mercedes-Benz Financial Services UK (C‑164/16, EU:C:2017:734, punt 31); tat‑13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław (C‑665/16, EU:C:2018:431, punt 35); tal‑25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Transformazzjoni tad-dritt ta’ użufrutt) (C‑604/19, EU:C:2021:132, punt 54).
30 Nellen, F., van Doesum, A., Corniejle, S. U van Kesteren, H., Fundamentals of EU VAT Law, Edizzjoni Nru 2, 2020, p. 130.
31 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław (C‑665/16, EU:C:2018:431, punt 36) u s-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Fluvius Antwerpen (C‑677/21, EU:C:2023:348, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2018, Gmina Wrocław (C‑665/16, EU:C:2018:431, punti 35 u 41).
33 Linji Gwida li jirriżultaw mil-laqgħa Nru 118 tad‑19 ta’ April 2021, Document C‑taxud.c.1(2021)6657619-1018.
34 Skont Merkx, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, op. cit. p. 279), dawn il-linji gwida “ħadu pożizzjoni biss għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-provvista mill-OPĊ”.
35 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2009, Athesia Druck (C‑1/08, EU:C:2009:108, punt 36).
36 Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li dan il-każ ma jikkonċernax dan id-dritt.
37 Il-kunċett ta’ newtralità fiskali għandu s-sinjifikat partikolari tiegħu fit-teorija tat-tassazzjoni u għaldaqstant, jintużaw fil-qasam tad-dritt tat-taxxa maġenb, u kultant flok il-kunċett ta’ trattament ugwali. (Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Hauptzollamt B (Tnaqqis ta’ taxxa mhux obbligatorju), C‑100/20, EU:C:2021:387, punt 76).