Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0048

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati l-5 ta’ Settembru 2024.
Alajärven Sähkö Oy e.a. u Elenia Verkko Oyj vs Energiavirasto.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Markkinaoikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva (UE) 2019/944 – Artikolu 57(4) u (5) – Indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tagħha – Linji gwida maħruġa minn Stat Membru – Emenda leġiżlattiva intiża għat-tnaqqis tal-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku – Deċiżjoni dwar il-metodi ta’ kontroll tat-tariffi għall-użu tan-network tal-elettriku adottata mill-awtorità regolatorja kkonċernata wara din l-emenda – Teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħlijiet preparatorji tal-liġi li wettqet l-imsemmija emenda.
Kawża C-48/23.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:695

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑5 ta’ Settembru 2024 ( 1 )

Kawża C‑48/23

Alajärven Sähkö Oy et,

Elenia Verkko Oyj

vs

Energiavirasto

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva (UE) 2019/944 – Artikolu 57(4) u (5) – Indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Artikolu 59 – Dmirijiet u kompetenzi ta’ dawn l-awtoritajiet – Stabbiliment ta’ metodi ta’ kontroll – Leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan li tbaxxi l-prezz tad-distribuzzjoni tal-elettriku mingħajr ma taffettwa direttament it-tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jew il-metodi għall-kalkolu tagħhom – Deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja biex tadatta kif xieraq il-metodi ta’ kontroll tagħha – Dritt tal-gvern ta’ Stat Membru li joħroġ linji gwida ġenerali li ma jikkonċernawx id-dmirijiet u l-kompetenzi tal-awtorità regolatorja – Portata ta’ dan id-dritt”

I. Daħla

1.

Id-Direttiva (UE) 2019/944 ( 2 ) tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-kuntest tas-suq intern tal-elettriku. B’mod partikolari, dawn l-awtoritajiet għandhom id-dmir li jiffissaw jew japprovaw, skont il-kriterji ta’ trasparenza, it-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni u/jew il-metodi tal-kalkolu tagħhom.

2.

Sa liema punt din id-direttiva tippermetti lill-gvern ta’ Stat Membru jbaxxi l-livell tal-ispejjeż tal-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, sabiex inaqqas it-tariffi għall-konsumaturi, mingħajr ma jippreġudika l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja).

3.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Alajärven Sähkö Oy et u Elenia Verkko Oyj (iktar ’il quddiem “Elenia”), operaturi tan-network, dwar deċiżjonijiet tal-Energiavirasto (l-Aġenzija tal-Enerġija, il-Finlandja), jiġifieri l-awtorità regolatorja nazzjonali, li tibdel il-metodi ta’ kontroll tagħha relatati mad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-operaturi tan-network wara l-adozzjoni ta’ liġi intiża sabiex jitbaxxew il-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

4.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin tal-enerġija u l-provvista tal-elettriku, flimkien mad-dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jinħolqu swieq tal-enerġija li jkunu tabilħaqq integrati, kompetittivi, iffokati fuq il-konsumaturi, flessibbli, ġusti u trasparenti fl-Unjoni.

Permezz tal-vantaġġi ta’ suq integrat, din id-Direttiva timmira li tiżgura prezzijiet tal-enerġija u spejjeż għall-konsumaturi li huma raġonevoli u trasparenti, livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista u tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn sistema tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Din tistabbilixxi regoli ewlenin li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku tal-Unjoni […] u regoli dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri.

Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll mezzi għall-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni sabiex jikkooperaw lejn il-ħolqien ta’ suq intern interkonness bis-sħiħ għall-elettriku li jżid l-integrazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, kompetizzjoni libera u sigurtà tal-provvista.”

5.

L-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħatra u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità regolatorja waħda fil-livell nazzjonali.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u jiżguraw li din teżerċita is-setgħat tagħha b’mod imparzjali u trasparenti. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta twettaq il-kompiti regolatorji kkonferiti fuqha permezz ta’ din id-Direttiva u l-leġislazzjoni relatata, l-awtorità regolatorja:

a)

tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra;

b)

għandha tiżgura li l-persunal tagħha u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tagħha:

i)

jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess tas-suq; u

ii)

ma jitolbux jew jieħdu istruzzjonijiet diretti mill-ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti regolatorji. Dak ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-kooperazzjoni mill-qrib, fejn ikun il-każ, ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra rilevanti jew għal-linji gwida ġenerali ta’ politika maħruġa mill-gvern li ma jkunux relatati mad-dmirijiet u setgħat regolatorji taħt l-Artikolu 59.

5.   Sabiex tkun protetta l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li:

(a)

l-awtorità regolatorja tista’ tieħu deċiżjonijiet awtonomi, b’mod indipendenti minn kwalunkwe entità politika;

[…]”

6.

L-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

a)

jiffissaw jew japprovaw, bi qbil mal-kriterji ta’ trasparenza, tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom, jew it-tnejn li huma;

[…]

m)

jistabbilixxu jew japprovaw standards u rekwiżiti għall-kwalità tas-servizz u l-kwalità tal-forniment jew jikkontribwixxu għalihom, flimkien ma’ awtoritajiet kompetenti oħra u jissorveljaw il-konformità u jirrevedu l-prestazzjoni fl-imgħoddi tas-sigurtà tan-netwerk u r-regoli ta’ affidabilità u;

[…]

7.   L-awtoritajiet regolatorji, ħlief fejn l-[Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)] hija kompetenti biex tistipula u tapprova t-termini u l-kondizzjonijiet jew il-metodoloġiji għall-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida skont il-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2019/943 [ ( 3 )] skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2019/942 [ ( 4 )] minħabba n-natura kkoordinata tagħhom, għandhom ikunu responsabbli għall-iffissar jew l-approvazzjoni fi żmien biżżejjed qabel ma jidħlu fis-seħħ għall-inqas tal-metodoloġiji nazzjonali użati sabiex jiġu kkalkulati jew stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet għal:

a)

il-konnessjoni u l-aċċess għan-netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom, dawk it-tariffi jew il-metodoloġiji għandhom jippermettu li l-investimenti meħtieġa fin-netwerks jsiru b’mod li jippermetti lil dawk l-investimenti jiżguraw il-vijabbiltà tan-netwerks;

[…]”

B.   Id‑dritt Finlandiż

7.

L-Artikolu 19 tas-sähkömarkkinalaki (588/2013) (il-Liġi Nru 588/2013 dwar is-Suq tal-Elettriku), kif emendata bil-laki sähkömarkkinalain muuttamisesta (730/2021) (il-Liġi Nru 730/2021 li temenda l-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 730/2021” ( 5 )) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku”), intitolat “Obbligu ta’ żvilupp tan-network”, jipprovdi:

“Sabiex jiżgura provvista ta’ elettriku ta’ kwalità suffiċjenti għall-utenti tan-network tiegħu, l-operatur tan-network għandu jmantni, jopera u jiżviluppa n-network tal-elettriku tiegħu u l-konnessjonijiet ma’ networks oħra skont ir-rekwiżiti stabbiliti għall-operat tan-networks tal-elettriku u l-ħtiġijiet raġonevoli tal-utenti tan-network.

In-network tal-elettriku għandu jkun iddisinjat, mibni u mantnut b’tali mod li:

(1)

in-network tal-elettriku jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kwalità marbuta mal-operat ta’ network tal-elettriku u l-kwalità teknika tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku tkun ukoll tajba;

[…]

(6)

l-operatur tan-network ikun jista’ jipprovdi servizzi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni lill-utenti tan-network tiegħu b’mod kosteffiċjenti;

[…]”

8.

L-Artikolu 51 ta’ din il-liġi, intitolat “Rekwiżiti ta’ kwalità marbuta mal-operat tas-sistema ta’ distribuzzjoni”, jinkludi dispożizzjonijiet iddettaljati f’dan ir-rigward.

9.

L-Artikolu 52 tal-imsemmija liġi, intitolat “Pjan ta’ żvilupp tas-sistema ta’ distribuzzjoni”, jipprevedi:

“L-iżvilupp ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jkun ibbażat fuq pjan ta’ żvilupp tas-sistema ta’ distribuzzjoni li jkun trasparenti u għandu jinkludi:

1)

pjan għal investimenti kbar fis-sistema ta’ distribuzzjoni li huma meħtieġa għaż-żamma tal-kapaċità ta’ trażmissjoni ta’ din is-sistema u għall-konnessjoni ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku u ta’ tagħbijiet ġodda li jiżdiedu mas-sistema ta’ distribuzzjoni matul l-għaxar snin li ġejjin, inklużi l-punti tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi u l-ħtieġa għall-provvista tal-elettriku mill-art lill-bastimenti tal-baħar miftuħ u lil dawk tal-ilmijiet internita’;

2)

miżuri li l-implimentazzjoni tagħhom twassal biex ir-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 51 u 119 jkunu japplikaw u jinżammu fis-sistema ta’ distribuzzjoni;

3)

pjan dwar l-użu possibbli ta’ flessibbiltà fil-konsum tal-elettriku u l-ħżin tal-elettriku, l-użu possibbli ta’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika mill-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u l-użu possibbli ta’ riżorsi oħra, bħala għażla fir-rigward tal-espansjoni tal-kapaċità ta’ trażmissjoni tas-sistema ta’ distribuzzjoni;

[…]”

10.

L-Artikolu 119 tal-istess liġi, intitolat “Dispożizzjoni tranżitorja dwar is-sigurtà tal-operat tas-sistema ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi:

“L-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2 u 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51, fiż-żona ta’ responsabbiltà tiegħu, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2028. Ir-rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfatti sal‑31 ta’ Diċembru 2019 għal mill-inqas 50 % tal-utenti kollha tas-sistema ta’ distribuzzjoni, minbarra r-residenzi sekondarji, u sal‑31 ta’ Diċembru 2023 għal mill-inqas 75 % tal-utenti kollha tas-sistema ta’ distribuzzjoni, minbarra r-residenzi sekondarji.

Jekk il-proporzjon ta’ kejbils taħt l-art ta’ vultaġġ medju taż-żona ta’ responsabbiltà tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ma jkunx iktar minn 60 % fil‑31 ta’ Diċembru 2018, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jikkonforma mar-rekwiżiti fil-punti 2 u 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 fiż-żona ta’ responsabbiltà tiegħu sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2036. F’dan il-każ, ir-rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfatti għal mill-inqas 75 % tal-utenti kollha tas-sistema ta’ distribuzzjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2028, minbarra r-residenzi sekondarji.”

11.

Fil-kuntest tax-xogħol preparatorju tal-Liġi Nru 730/2021, il-memorandum ta’ spjegazzjoni ddettaljat dwar l-emenda tal-Artikolu 119 tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku jindika, b’mod partikolari, dan li ġej. L-estensjoni tal-perijodu ta’ implimentazzjoni tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-operat tas-sistema ta’ distribuzzjoni se tbiddel b’mod sinjifikattiv l-ambjent regolatorju tal-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni. L-effetti ta’ orjentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 119 tal-imsemmija liġi għandhom ikunu allinjati mal-bqija tal-kontroll tan-network. Konsegwentement, il-proposti għall-modifika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ifissru wkoll li l-metodi ta’ kontroll tal-iffissar tat-tariffi tan-network għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-estensjoni tal-perijodu ta’ implimentazzjoni tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-provvista u l-bidliet relatati fl-investimenti tal-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u l-finanzjament tagħhom. L-effetti tal-bidla fl-ambjent tal-operat għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, pereżempju, fid-diversi elementi ta’ finanzjament tal-investimenti u ta’ inċentiv għalihom li jinsabu fil-metodi ta’ kalkolu tat-tariffi tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni.

12.

L-Artikolu 6 tal-laki sähkö- ja maakaasumarkkinoiden valvonnasta (590/2013) (il-Liġi Nru 590/2013 dwar is-Sorveljanza tas-Suq tal-Elettriku u tal-Gass), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sorveljanza”), intitolat “Kompiti tal-Aġenzija tal-Enerġija bħala awtorità regolatorja nazzjonali”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Aġenzija tal-Enerġija, li taġixxi bħala awtorità regolatorja nazzjonali fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea applikabbli għas-setturi tal-elettriku u tal-gass naturali, għandha tkun responsabbli b’mod partikolari li:

1)

tistabbilixxi, skont il-proċedura prevista minn din il-liġi, il-metodi għall-iffissar tat-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni għall-operaturi ta’ networks tal-elettriku u tal-gass naturali;

[…]

7)

tissorvelja l-osservanza tar-regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tas-sistemi tal-elettriku u tal-gass naturali, tevalwa l-prestazzjoni tal-passat tan-networks u tipparteċipa fl-iżvilupp tar-rekwiżiti relatati mal-kwalità tas-servizz tan-networks tal-elettriku u tal-gass naturali u mal-provvista tal-elettriku u tal-gass naturali.

[…]”

13.

Skont l-Artikolu 10 ta’ din il-liġi, intitolat “Kundizzjonijiet u metodi stabbiliti mill-Aġenzija tal-Enerġija”:

“L-Aġenzija tal-Enerġija għandha, permezz ta’ deċiżjoni (deċiżjoni ta’ ffissar), tistabbilixxi, għall-operatur tan-network, l-operatur tan-network prinċipali responsabbli mis-sistema, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni responsabbli mis-sistema, kif ukoll l-operatur ta’ installazzjoni tal-ipproċessar tal-gass naturali likwifikat, il-kundizzjonijiet għall-użu tas-servizzi u l-metodi tal-iffissar tat-tariffi tas-servizzi li ġejjin, qabel l-introduzzjoni tagħhom:

1)

il-metodi għad-determinazzjoni, matul il-perijodu ta’ kontroll, tar-remunerazzjoni għall-operat tan-network dovuta lill-operatur tan-network u tat-tariffi imposti għas-servizz ta’ trażmissjoni;

[…]”

14.

L-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi, intitolat “Emenda tad-deċiżjoni ta’ ffissar”, jipprovdi:

“L-Aġenzija [tal-Enerġija] tista’ temenda deċiżjoni ta’ ffissar billi tadotta deċiżjoni ġdida, fuq talba tad-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ ffissar jew fuq l-inizjattiva tal-Aġenzija [tal-Enerġija] stess. Deċiżjoni ta’ ffissar adottata għal perijodu ta’ żmien determinat tista’ tiġi emendata fuq l-inizjattiva tad-destinatarju tagħha jew tal-Aġenzija [tal-Enerġija], u deċiżjoni ta’ ffissar adottata għal perijodu ta’ żmien indeterminat tista’ tiġi emendata fuq l-inizjattiva tal-Aġenzija [tal-Enerġija] jekk:

[…]

2)

l-emenda tkun ibbażata fuq bidla fil-leġiżlazzjoni.

[…]”

III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

15.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Novembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Novembru 2015”), l-Aġenzija tal-Enerġija stabbilixxiet, għar-raba’ u l-ħames perijodi ta’ kontroll, inklużi, rispettivament, minn naħa, bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u l‑31 ta’ Diċembru 2019 u, min-naħa l-oħra, bejn l‑1 ta’ Jannar 2020 u l‑31 ta’ Diċembru 2023, metodi ta’ kontroll relatati mad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-operaturi għall-operat ta’ network kif ukoll mat-tariffi imposti għas-servizz ta’ trażmissjoni tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“metodi ta’ kontroll inizjali”).

16.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Diċembru 2021”), l-Aġenzija tal-Enerġija emendat id-deċiżjonijiet tagħha tat‑30 ta’ Novembru 2015, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2022 u l‑31 ta’ Diċembru 2023, fir-rigward tal-metodi ta’ kontroll inizjali. Id-deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Diċembru 2021 jistabbilixxu li l-Aġenzija tal-Enerġija qajmet, fuq inizjattiva tagħha stess, il-kwistjoni tal-metodi ta’ kontroll wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Awwissu 2021, tal-Liġi Nru 730/2021.

17.

Fis‑17 u fid‑19 ta’ Jannar 2022, Alajärven Sähkö u Elenia rispettivament adixxew lill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Diċembru 2021 minħabba li dawn kienu biddlu l-metodi ta’ kontroll inizjali billi aġġornaw il-prezzijiet unitarji użati fil-kalkolu tal-bażi ta’ remunerazzjoni tal-operaturi ta’ network tal-elettriku u billi eliminaw il-metodu fakultattiv applikat għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rata ta’ interessi mingħajr riskju. Fir-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li l-Aġenzija tal-Enerġija ma kinitx adottat dawn id-deċiżjonijiet b’mod indipendenti, fil-kapaċità tagħha bħala awtorità regolatorja indipendenti, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 57 tad-Direttiva 2019/944.

18.

Fir-risposta tagħha, l-Aġenzija tal-Enerġija talbet lill-qorti tar-rinviju tiċħad dawn ir-rikorsi billi sostniet, b’mod partikolari, li l-bidla fil-metodi ta’ kontroll inizjali kienet tagħmel parti mill-emendi magħmula għal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku u għal-Liġi dwar is-Sorveljenza. Hija esponiet li l-leġiżlatur nazzjonali kien qies li dawn l-emendi kienu konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali u li dawn sempliċement kienu jistabbilixxu linji gwida ġenerali.

19.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li hija għandha tiddeċiedi dwar jekk l-Aġenzija tal-Enerġija setgħetx, permezz tad-deċiżjonijiet tagħha tal‑15 ta’ Diċembru 2021, tbiddel, f’nofs perijodu ta’ kontroll, il-metodi ta’ kontroll inizjali. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk l-emendi magħmula għal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku bil-Liġi Nru 730/2021 kinux jippreġudikaw l-indipendenza ta’ din l-aġenzija, li hija l-awtorità regolatorja nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2019/944.

20.

F’dan ir-rigward, l-imsemmija aġenzija ġġustifikat dawn id-deċiżjonijiet essenzjalment bix-xogħol preparatorju tal-Liġi Nru 730/2021. L-imsemmija deċiżjonijiet jindikaw b’mod partikolari li, wara l-emendi tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku li jirriżultaw minn din il-liġi, l-istess aġenzija bdiet tipprepara bidla fil-metodi ta’ kontroll inizjali sabiex tagħmilhom konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Skont l-istess deċiżjonijiet, l-għan prinċipali ta’ dawn l-emendi kien li l-Aġenzija tal-Enerġija tingħata għodod ġodda biex tinfluwenza l-iżvilupp tal-prezzijiet tat-trażmissjoni tal-elettriku mingħajr ma jiġi kompromess l-iżvilupp ta’ networks tal-elettriku intelliġenti u filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista.

21.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li, skont l-abbozz ta’ liġi tal-Gvern li wassal għall-adozzjoni tal-Liġi Nru 730/2021 (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ liġi”), l-għan tal-emendi li saru għal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku kien li jfittex li jrażżan iż-żieda fil-prezzijiet ta’ distribuzzjoni tal-elettriku permezz ta’ miżuri intiżi li jnaqqsu l-livell tal-ispejjeż tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni u li jtaffu ż-żieda fil-livell tal-ispejjeż. F’dan ir-rigward, l-abbozz ta’ liġi kien jittratta l-bidliet fil-metodi ta’ kontroll li l-Aġenzija tal-Enerġija implimentat wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 730/2021, filwaqt li enfasizza li r-reviżjoni ta’ dawn il-metodi ma kinitx suġġetta għall-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni li tirrigwarda direttament il-kontenut tal-imsemmija metodi.

22.

L-abbozz ta’ liġi jippreċiża wkoll li l-Aġenzija tal-Enerġija esponiet, f’rapport qafas imħejji għat-Työ- ja elinkeinoministeriö (Ministeru għall-Ekonomija u għax-Xogħol, il-Finlandja) fil-kuntest tax-xogħol preparatorju tal-Liġi Nru 730/2021, li, minħabba l-emendi proposti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-operaturi ta’ network tal-elettriku, hija diġà kellha tibdel, għall-perijodu ta’ kontroll attwali, il-metodi ta’ kontroll inizjali. Skont evalwazzjoni ta’ dan il-Ministeru li tinsab fl-abbozz ta’ liġi, il-bidliet fil-metodi ta’ kalkolu applikabbli għat-tariffi ta’ distribuzzjoni mħabbra minn din l-aġenzija għandhom effett sinjifikattiv fuq ir-remunerazzjonijiet tal-operaturi ta’ networks u fuq dawk irreġistrati mis-sidien tagħhom. Barra minn hekk, l-abbozz ta’ liġi jinkludi stimi tal-effetti ekonomiċi li jirriżultaw mill-bidliet fil-metodi ta’ kontroll fir-rigward tal-livell ta’ remunerazzjoni awtorizzat tal-operaturi ta’ networks ta’ distribuzzjoni u tat-tariffi ta’ distribuzzjoni imposti minn dawn tal-aħħar fuq il-klijenti tagħhom.

23.

Barra minn hekk, rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi mfassal fil-kuntest tad-dibattitu parlamentari dwar l-abbozz ta’ liġi semma, b’mod partikolari, li kellha tittieħed azzjoni dwar ir-remunerazzjoni eċċessiva tal-operaturi ta’ network li kienet possibbli permezz tal-metodi ta’ kalkolu applikati. Skont dan ir-rapport, fil-qafas tal-metodi ta’ kontroll inizjali, il-valur tan-network kien jiġi stabbilit abbażi tal-prezzijiet unitarji għal kull komponent iddeterminati mill-Aġenzija tal-Enerġija. Issa, dawn il-prezzijiet unitarji ġew stabbiliti għal perijodu ta’ tmien snin, mis-sena 2016 sas-sena 2023, u għalhekk ma baqgħux jirriflettu l-livell tal-kostijiet reali. Ir-rapport imsemmi jenfasizza l-fatt li fattur essenzjali li fuqu hija bbażata l-leġiżlazzjoni dwar it-tariffi tal-prezzijiet tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-metodoloġiji ta’ kalkolu tat-tariffi huwa l-evalwazzjoni tan-network tal-elettriku, li permezz tagħha tiġi ddeterminata l-bażi tar-remunerazzjoni, u li l-emendi proposti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali kienu speċifikament intiżi sabiex jagħmlu possibbli bidla fil-mudell ta’ kontroll matul il-perijodu ta’ kontroll attwali.

24.

Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li Alajärven Sähkö u Elenia sostnew quddiemha li l-implimentazzjoni tal-għanijiet li jirriżultaw mix-xogħlijiet preparatorji tal-Liġi Nru 730/2021 u l-effett fuq l-indipendenza tal-Aġenzija tal-Enerġija jirriżultaw ukoll mid-dokumenti li huma pproduċew, b’mod partikolari l-materjal ta’ preżentazzjoni pprovdut mill-Ministeru għall-Ekonomija u għax-Xogħol waqt konferenza stampa fil‑15 ta’ Ottubru 2020, u l-materjal ta’ preżentazzjoni użat mill-Ministru għall-Ekonomija matul konferenza stampa fit‑28 ta’ Jannar 2021.

25.

Skont din il-qorti, l-emendi għal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku li jirriżultaw mil-Liġi Nru 730/2021 ma kinux jikkonċernaw, bħala tali, direttament il-metodi ta’ kontroll tal-operaturi ta’ networks applikati mill-Aġenzija tal-Enerġija sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni raġonevoli tal-impriżi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni. Barra minn hekk, dawn il-bidliet la kienu jirrigwardaw direttament il-prezzijiet unitarji użati fil-kalkolu tal-bażi tar-remunerazzjoni u lanqas ir-rata ta’ interessi mingħajr riskju applikata sabiex jiġi ddeterminat il-livell raġonevoli ta’ remunerazzjoni. L-għan tal-imsemmija emendi, kif jirriżulta wkoll mix-xogħol preparatorju tal-Liġi Nru 730/2021, kien li jitbaxxa l-prezz tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Kif indikat f’dan ix-xogħol preparatorju, l-Aġenzija tal-Enerġija kienet ser tingħata l-mezzi u ġustifikazzjonijiet sabiex tbiddel il-metodi ta’ kalkolu ħalli jitbaxxa l-prezz tad-distribuzzjoni tal-elettriku minn nofs il-perijodu ta’ kontroll, peress li dawn il-bidliet ġew esposti u l-effetti tagħhom kienu ġew evalwati minn qabel. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jidhru li kellhom impatt ċar ukoll fuq l-adozzjoni, minn din l-aġenzija, tad-deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Diċembru 2021.

26.

L-imsemmija qorti tqis li hija meħtieġa interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt dwar jekk l-għan intiż li titrażżan iż-żieda fil-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku u li jitbaxxew dawn il-prezzijiet jistax jitqies bħala kwistjoni li ma taqax taħt id-dmirijiet u l-kompetenzi tal-awtorità regolatorja nazzjonali kif previsti fl-Artikolu 59 tad-Direttiva 2019/944, b’mod partikolari meta l-għan tal-emenda leġiżlattiva jkun, pereżempju, li tiżdied il-kosteffiċjenza tal-impriżi tan-network jew jekk, f’dan ir-rigward, jistax ikun ukoll kwistjoni ta’ linji gwida politiċi ġenerali li ma humiex relatati ma’ dawk id-dmirijiet u l-kompetenzi u, jekk dan ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet. L-istess qorti tqis ukoll li għandha tiġi eżaminata l-importanza li għandha tingħata lill-fatt li l-imsemmija dikjarazzjonijiet jinsabu fix-xogħol preparatorju tal-Liġi Nru 730/2021 ( 6 ) u jekk dawn jistgħux jitqiesu bħala linji gwida politiċi fis-sens tal-Artikolu 59 ta’ din id-direttiva.

27.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu applikati u jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat f’liema każijiet ikun hemm indħil fil-kompiti u fil-kompetenzi regolatorji ċentrali tal-awtorità regolatorja nazzjonali b’mod li ma jirrispettax l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva [2019/944], u f’liema każijiet ikun hemm linji gwida ġenerali li ma għandhomx x’jaqsmu mal-kompiti u mal-kompetenzi regolatorji fis-sens tal-Artikolu 59 tad-Direttiva dwar is-suq intern għall-elettriku?

2)

Emenda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali [bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali], li kienet intiża sabiex tinfluwenza l-prezzijiet ta’ distribuzzjoni tal-elettriku bil-mod indikat fix-xogħol preparatorju tal-emenda leġiżlattiva, billi tintroduċi fil-liġi nazzjonali dwar is-suq tal-elettriku emendi rigward l-ambjent regolatorju tal-operaturi tan-network li, minnhom innifishom, ma jaffettwawx direttament it-tariffi ta’ trasport jew ta’ distribuzzjoni u lanqas il-metodi għall-kalkolu ta’ dawn it-tariffi, iżda li, konsegwentement, obbligaw lill-awtorità regolatorja nazzjonali tibdel il-metodi tagħha ta’ kontroll f’nofs il-perijodu ta’ kontroll, tista’ titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva dwar is-suq intern għall-elettriku, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali?”

28.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Alajärven Sähkö, Elenia, l-Aġenzija tal-Enerġija, il-Gvern Finlandiż u dak Ċiprijott, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

29.

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva 2019/944, dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jkollha l-għan, kif indikat fix-xogħol preparatorju tal-liġi inkwistjoni, li tbaxxi l-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku mingħajr ma taffettwa, bħala tali, direttament it-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u/jew il-metodi għall-kalkolu tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 59(1)(a), ta’ din id-direttiva, iżda li l-effett tagħha kien li l-awtorità regolatorja nazzjonali bidlet il-metodi ta’ kontroll tagħha f’nofs perijodu ta’ kontroll.

30.

Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser neżamina, fl-ewwel lok, il-portata tal-indipendenza mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali mid-Direttiva 2019/944 (Taqsima A), imbagħad, fit-tieni lok, l-osservanza tal-indipendenza ta’ dawn l-awtoritajiet fir-rigward tad-dmir tagħhom li jiffissaw jew japprovaw it-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni u/jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom (Taqsima B).

A.   Fuq il‑portata tal‑indipendenza mogħtija lill‑awtoritajiet regolatorji nazzjonali mid‑Direttiva 2019/944

31.

Preliminarjament, l-Artikolu 194(1) TFUE jipprevedi li, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ preservazzjoni u titjib tal-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni, tippromwovi l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli, u li tippromwovi l-interkonnessjoni ta’ networks tal-enerġija ( 7 ). Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-kisba tal-għanijiet previsti fil-paragrafu 1, li ma għandhomx jolqtu d-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 192(2)(c) TFUE. Konsegwentement, it-Trattat FUE, filwaqt li jistabbilixxi l-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, jagħti espressament lill-Istati Membri d-dritt li jiddeċiedu, b’mod partikolari, dwar il-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, hija r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ kompetenzi, dik Ewropea u dik nazzjonali, li tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża.

32.

Adottata abbażi tal-Artikolu 194(2) TFUE, id-Direttiva 2019/944 għandha tinqara flimkien ma’ atti oħra relatati mas-suq tal-elettriku u ppubblikati fl-istess data, jiġifieri, b’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2019/941 ( 8 ) u r-Regolament 2019/943. Din id-direttiva tipprovdi, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, li hija tiddefinixxi regoli essenzjali dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-elettriku tal-Unjoni, b’mod partikolari regoli dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri. Mit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi wkoll mezzi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni bl-għan li jinħoloq suq intern tal-elettriku interkonness bis-sħiħ li jżid b’mod partikolari s-sigurtà tal-provvista.

33.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2019/944 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u jiżguraw li din teżerċita l-kompetenzi tagħha b’mod imparzjali u trasparenti. Sabiex tiġi żgurata tali indipendenza u fit-twettiq tal-kompiti regolatorji mogħtija lill-awtorità regolatorja minn din id-direttiva u l-leġiżlazzjoni relatata, din id-dispożizzjoni tipprevedi, minn naħa, fil-punt (a) tagħha, li l-awtorità regolatorja tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn entitajiet pubbliċi jew privati oħra u, min-naħa l-oħra, fil-punt (b), (i) u (ii) tagħha, li l-persunal ta’ din l-awtorità u l-persuni inkarigati mill-ġestjoni tagħha jaġixxu indipendentement minn kwalunkwe interess kummerċjali u la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet diretti minn ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti regolatorji, liema rekwiżit huwa bla ħsara għall-kooperazzjoni mill-qrib, fejn xieraq, mal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati l-oħra jew għal-linji gwida ġenerali maħruġa mill-gvern li ma jikkonċernawx id-dmirijiet u l-kompetenzi regolatorji previsti fl-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, id-dmir, li jinsab fl-Artikolu 59(1)(a), li jikkonsisti fl-iffissar jew l-approvazzjoni, skont kriterji trasparenti, tat-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom, jew it-tnejn li huma. Barra minn hekk, skont il-kliem tal-Artikolu 57(5)(a) tal-istess direttiva, sabiex tiġi protetta l-indipendenza tal-awtorità regolatorja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-awtorità tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet b’mod awtonomu, indipendentement minn kwalunkwe korp politiku ( 9 ).

34.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni tinterpreta l-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva 2019/944, hija tat diversi sentenzi dwar l-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72, li l-formulazzjoni tiegħu hija simili għal dik ta’ dan l-Artikolu 57(4) u (5). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal din il-kawża, jirriżulta dan li ġej.

35.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “indipendenza”, la l-Artikolu 57 tad-Direttiva 2019/944 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tagħha ma tagħti definizzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għal dak li jirrigwarda l-korpi pubbliċi, dan il-kunċett jindika, fis-sens abitwali tiegħu, status li jiżgura lill-korp ikkonċernat il-possibbiltà li jaġixxi fil-libertà kollha fir-rigward tal-organi li minnhom għandha tiġi żgurata l-indipendenza tiegħu, mingħajr ebda istruzzjoni u ebda pressjoni esterna ( 10 ). Din l-indipendenza deċiżjonali timplika li, fil-kuntest tad-dmirijiet u tal-kompetenzi regolatorji tagħha msemmija fl-Artikolu 59 ta’ din id-direttiva, l-awtorità regolatorja għandha tadotta d-deċiżjonijiet tagħha b’mod awtonomu, abbażi biss tal-interess pubbliku, sabiex tiżgura l-osservanza tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva, mingħajr ma tkun suġġetta għal istruzzjonijiet esterni minn korpi pubbliċi jew privati oħra ( 11 ).

36.

Ir-rispett tal-imsemmija indipendenza huwa ta’ natura obbligatorja de jure u de facto. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompetenza attribwita mid-Direttiva 2019/944 esklużivament lill-awtorità regolatorja u l-indipendenza ta’ din tal-aħħar għandha tiġi ggarantita fir-rigward ta’ kull korp politiku, u għalhekk mhux biss fir-rigward tal-gvern, iżda wkoll fir-rigward tal-leġiżlatur nazzjonali, li ma jistax ineħħi parti minn dawn is-setgħat mill-awtorità regolatorja u jattribwixxihom lil korpi pubbliċi oħra ( 12 ). F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-attribuzzjoni lil awtorità għajr l-awtorità regolatorja tas-setgħha li tiddefinixxi elementi li jiddeterminaw il-kalkolu tat-tariffi fir-rigward ta’ ċerti faċilitajiet ta’ trażmissjoni tal-elettriku, bħall-marġni ta’ profitt, ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni ( 13 ).

37.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva 2019/944 jeżiġi li r-rappreżentanti tal-ministeri nazzjonali ma jistgħux jużaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi proċeduri dwar l-iffissar tal-prezzijiet sabiex jeżerċitaw kwalunkwe pressjoni fuq l-awtorità regolatorja jew sabiex jagħtuha istruzzjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħha fil-kuntest tad-dmirijiet u tal-kompetenzi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 59 ta’ din id-direttiva. Għalkemm l-imsemmija direttiva ma tipprekludix li l-Gvern ta’ Stat Membru, b’mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-ministeri tiegħu, ikun jista’ jsostni l-pożizzjoni tiegħu quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali fir-rigward tal-mod li bih huwa jqis li din l-awtorità tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku fil-kuntest tad-dmirijiet regolatorji tagħha, din il-parteċipazzjoni u, b’mod partikolari, l-opinjonijiet ifformulati minn dawn ir-rappreżentanti matul il-proċeduri dwar l-iffissar tal-prezzijiet ma jistgħux ikunu ta’ natura vinkolanti u lanqas fi kwalunkwe każ ma jistgħu jitqiesu, mill-awtorità regolatorja, bħala istruzzjonijiet li hija għandha tikkonforma ruħha magħhom fl-eżerċizzju tad-dmirijiet u tal-kompetenzi tagħha ( 14 ). Barra minn hekk, ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ ministeri nazzjonali fil-proċeduri dwar l-iffissar tal-prezzijiet ma għandhomx jippreġudikaw il-portata tad-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja, adottati skont id-dmirijiet u l-kompetenzi previsti fl-imsemmi Artikolu 59. B’mod partikolari, fejn tali dmirijiet jew kompetenzi jkunu jeżiġu dan, dawn ir-regoli ta’ parteċipazzjoni ma jistgħux jaffettwaw in-natura obbligatorja u direttament applikabbli tad-deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità, billi jimponu, pereżempju, li dawn id-deċiżjonijiet ikunu, qabel l-implimentazzjoni tagħhom, aċċettati jew awtorizzati minn qabel minn dawn ir-rappreżentanti ( 15 ).

38.

Għalhekk, il-kompetenzi rriżervati għall-awtorità regolatorja jaqgħu fil-qasam tal-eżekuzzjoni, abbażi ta’ evalwazzjoni teknika speċjalizzata tar-realtà, u, fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi, din l-awtorità hija suġġetta għal prinċipji u għal regoli stabbiliti minn qafas regolatorju iddettaljat fil-livell tal-Unjoni, li jillimitaw il-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha u jipprekluduha milli tagħmel għażliet ta’ natura politika ( 16 ).

39.

Għal liema raġunijiet l-indipendenza tal-awtorità regolatorja għandha tkun ta’ natura obbligatorja? F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-indipendenza sħiħa tal-awtoritajiet regolatorji fil-konfront tal-entitajiet ekonomiċi u tal-entitajiet pubbliċi, kemm jekk ikunu korpi amministrattivi jew korpi politiċi u, f’dan l-aħħar każ, kemm jekk ikollhom setgħa eżekuttiva jew setgħa leġiżlattiva, hija neċessarja sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn l-awtoritajiet ikunu imparzjali u nondiskriminatorji, filwaqt li tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ trattament ipprivileġġjat tal-impriżi u tal-interessi ekonomiċi marbuta mal-gvern, mal-maġġoranza jew, fi kwalunkwe każ, mas-setgħa politika u li, barra minn hekk, is-separazzjoni stretta fil-konfront tas-setgħa politika tippermetti lill-awtoritajiet regolatorji li, bl-azzjoni tagħhom, isegwu pjan fil-tul, li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-direttivi dwar is-suq tal-elettriku ( 17 ). Għalhekk l-għan ta’ din l-indipendenza huwa li tevita l-kunflitti ta’ interess għad-detriment tal-konsumaturi. Awtur osserva li tali indipendenza mis-settur regolat gradwalment sabet konsistenza legali, permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mbagħad fid-dritt sekondarju ( 18 ). Il-ħarsien tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji għandu aspetti differenti, li ġew analizzati b’mod partikolari mill-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija (CEER) ( 19 ).

40.

Għalkemm is-sistema tad-dritt tal-Unjoni tippreferi kunċett wiesa’ ta’ indipendenza fir‑rigward tal-kompetenzi speċifiċi fdati lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ( 20 ), din is-sistema ma teskludix, madankollu, li l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jintervjenu fil-funzjonament tas-suq tal-elettriku. Fil-fatt, l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2019/944 jistabbilixxi l-lista ta’ dmirijiet u kompetenzi mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji. Filwaqt li din il-lista tkopri ħafna oqsma, ma tkoprix is-suq tal-elettriku kollu. L-Istati Membri jistgħu għalhekk jadottaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess dwar is-suq nazzjonali tal-elettriku lil hinn minn dawn id-dmirijiet u kompetenzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 57(4)(b)(ii) ta’ din id-direttiva jipprovdi li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-persunal tal-awtorità regolatorja u tal-persuni inkarigati mill-ġestjoni tagħha huwa mingħajr preġudizzju għal-linji gwida ġenerali maħruġa mill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li tali linji gwida ġenerali la jikkonċernaw il-funzjonijiet u lanqas il-kompetenzi regolatorji msemmija fl-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva ( 21 ).

41.

Kif tippreċiża l-premessa 87 tad-Direttiva 2019/944, din id-direttiva u d-Direttiva 2009/73/KE ( 22 )“ma jċaħdux lill-Istati Membri il-possibbiltà li jistabbilixxu u joħorġu l-politika nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija. Dan ifisser li, skont l-arranġamenti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, jista’ jkun fi ħdan il-kompetenza tal-Istat Membru li jiddetermina l-qafas ta’ politika li fih iridu joperaw l-awtoritajiet regolatorji, pereżempju dwar is-sigurtà tal-provvista. Madankollu, il-linji gwida ġenerali dwar il-politika tal-enerġija maħruġa mill-Istat Membru jenħtieġ li ma jolqtux l-indipendenza jew l-awtonomija tal-awtoritajiet regolatorji.”

42.

Din il-premessa għalhekk tistabbilixxi rabta espliċita bejn, minn naħa waħda, il-linji gwida ġenerali adottati mill-gvern ta’ Stat Membru, li jikkonċernaw mhux biss il-persunal u l-persuni inkarigati mill-ġestjoni tal-awtorità regolatorja, fis-sens tal-Artikolu 57(4)(b)(ii) tad-Direttiva 2019/944, iżda l-atturi kollha fis-suq tal-elettriku, u, min-naħa l-oħra, is-sigurtà tal-provvista, li, skont l-Artikolu 59(1)(m) ta’ dik id-direttiva, mhux neċessarjament taqa’ fil-kompetenza tal-awtorità regolatorja ( 23 ). Mill-imsemmija premessa jirriżulta wkoll li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, b’mod iktar ġenerali, il-politika nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija, kif previst fl-Artikolu 194(2) TFUE ( 24 ). Għalhekk, il-gvern ta’ Stat Membru huwa intitolat li jadotta linji gwida ġenerali, b’mod partikolari dwar is-“sigurtà tal-provvista” tal-elettriku.

43.

Id-Direttiva 2019/944 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “sigurtà tal-provvista”. F’dan ir-rigward, jidher utli li jsir riferiment għar-Regolament 2019/941, li l-Artikolu 2(1) tiegħu jiddefinixxi “sigurtà tal-provvista tal-elettriku” bħala l-“kapaċità ta’ sistema tal-elettriku li tiggarantixxi l-provvista ta’ elettriku lill-konsumaturi b’livell stabbilit b’mod ċar ta’ prestazzjoni, kif iddeterminat mill-Istati Membri kkonċernati”. Din il-kapaċità hija riflessa fi “standard ta’ affidabbiltà”, li jindika, b’mod trasparenti, il-livell neċessarju ta’ sigurtà tal-provvista tal-Istat Membru ( 25 ), u li huwa kkalkolat bl-użu tal-inqas tal-valur ta’ tagħbija mitlufa u l-kost ta’ entrata ġdida matul perijodu ta’ żmien partikolari u għandu jiġi espress bħala “enerġija mbassra mhux ipprovduta” u “tbassir tat-telf tat-tagħbija” ( 26 ).

44.

Bħala konklużjoni, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-Direttiva 2019/944 hija intiża li ssib bilanċ bejn, minn naħa, ir-rekwiżit li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu indipendenti u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal Stat Membru li jistabbilixxi l-politika enerġetika nazzjonali tiegħu f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva ta’ dawn l-awtoritajiet regolatorji, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku.

B.   Fuq ir‑rispett tal‑indipendenza tal‑awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir‑rigward tad‑dmir tagħhom li jiffissaw jew japprovaw it‑tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, u/jew il‑metodi ta’ kalkolu tagħhom

45.

Skont l-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944, l-awtorità regolatorja għandha d-dmir li tiffissa jew tapprova, skont il-kriterji ta’ trasparenza, tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom, jew it-tnejn li huma ( 27 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 59(7)(a) jipprovdi li, bħala prinċipju, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli għall-iffissar jew l-approvazzjoni, fi żmien biżżejjed qabel ma jidħlu fis-seħħ, għall-inqas tal-metodoloġiji nazzjonali użati sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni u l-aċċess għan-networks nazzjonali, inklużi t-tariffi għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom, dawk it-tariffi jew il-metodoloġiji li għandhom jippermettu li l-investimenti meħtieġa fin-networks jsiru b’mod li jippermetti lil dawk l-investimenti jiżguraw il-vijabbiltà tan-networks. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fis-sens li gvern nazzjonali jista’ jistabbilixxi jew japprova l-metodi ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ aċċess għan-network timmina l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva ( 28 ).

46.

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Liġi Nru 730/2021 ma taffettwa, bħala tali, direttament la t-tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni u lanqas il-metodi għall-kalkolu tagħhom. Madankollu, hija tistaqsi jekk din il-liġi ppreġudikatx indirettament l-indipendenza tal-Aġenzija tal-Enerġija, li sussegwentement immodifikat il-metodi ta’ kontroll tagħha f’nofs perijodu ta’ kontroll.

47.

Għalkemm din il-qorti tagħmel riferiment għal-Liġi Nru 730/2021, hija tirreferi, b’mod iktar preċiż, għax-xogħol preparatorju tagħha, jiġifieri l-abbozz ta’ liġi, imħejji mill-Gvern. Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Alajärven Sähkö u tal-Gvern Finlandiż jirriżulta li, billi adotta din il-liġi, il-Parlament Finlandiż approva f’dan l-istadju l-proposti leġiżlattivi li jinsabu fl-abbozz ta’ liġi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li x-xogħol preparatorju tal-imsemmija liġi jista’ jitqies bħala linji gwida ġenerali maħruġa mill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tad-Direttiva 2019/944 ( 29 ). Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tkun garantita fil-konfront ta’ kull korp politiku, u għalhekk mhux biss fil-konfront tal-gvern tal-Istat Membru kkonċernat, iżda wkoll fil-konfront tal-leġiżlatur nazzjonali.

48.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-għan tal-Liġi Nru 730/2021, kif jirriżulta minn dan ix-xogħol preparatorju, kien li jitbaxxew il-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Finlandja. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, l-abbozz ta’ liġi kien fih stimi tal-effetti ekonomiċi tal-bidliet fil-metodi ta’ kontroll fir-rigward tal-livell ta’ remunerazzjoni awtorizzat tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni u tat-tariffi ta’ distribuzzjoni imposti minnhom fuq il-klijenti tagħhom. Barra minn hekk, Alajärven Sähkö u Elenia jsostnu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-abbozz ta’ liġi kien jinkludi kalkoli preċiżi ħafna dwar il-mod kif id-deċiżjonijiet tal-Aġenzija tal-Enerġija dwar il-metodi ta’ kalkolu kienu ser jiġu affettwati minn din il-liġi.

49.

Il-Gvern Finlandiż jesponi, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-maltempati u kwantitajiet kbar ta’ borra kkawżaw tfixkil kunsiderevoli fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku fil-Finlandja matul is-snin 2000, li wasslu għal qtugħ tal-elettriku. B’riżultat ta’ dan, il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, fil-verżjoni inizjali tagħha, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2013, kienet iffissat miri għall-operaturi tan-network biex tittejjeb is-sigurtà tas-sistemi tad-distribuzzjoni, li kellhom jintlaħqu minnhom fi stadji gradwali sa tmiem l‑2028 fiż-żoni ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom ( 30 ). Matul l‑2016, id-distributuri tal-elettriku informaw lill-klijenti tagħhom dwar żidiet partikolarment għoljin fil-prezzijiet tagħhom, fatt li wassal lill-gvern biex jintroduċi f’din il-liġi dispożizzjonijiet, li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2017, li kellhom l-għan, b’mod partikolari, li jiffaċilitaw l-estensjoni tal-perijodu ta’ implimentazzjoni tar-rekwiżiti relatati mas-sigurtà tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, sabiex jitnaqqas il-livell tal-kostijiet għall-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u titrażżan iż-żieda fil-prezzijiet tat-trażmissjoni tal-elettriku. Il-gvern elett fl‑2019 kien ippreveda t-tkomplija ta’ dawn il-miżuri billi ppropona miżuri dwar l-iżvilupp u s-sigurtà tan-networks ta’ distribuzzjoni, peress li l-Aġenzija tal-Enerġija kienet kompetenti sabiex temenda l-metodi ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.

50.

Dejjem skont il-gvern Finlandiż, il-Liġi Nru 730/2021 għamlet l-emendi li ġejjin: l-ewwel nett, ġie adottat perijodu addizzjonali ta’ tmien snin għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà tal-operat tas-sistema ta’ distribuzzjoni, f’konformità mal-Artikolu 119 il-ġdid tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku; it-tieni nett, ġiet inkluża dispożizzjoni, jiġifieri l-punt 6 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ din il-liġi, li tipprovdi li l-operatur tan-network għandu jkun f’pożizzjoni li jipprovdi servizzi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni lill-utenti tan-network tiegħu b’mod kosteffiċjenti u, it-tielet nett, l-Artikolu 52 tal-imsemmija liġi, dwar il-pjan ta’ żvilupp tas-sistema ta’ distribuzzjoni, ġie ssupplimentat sabiex dan il-pjan fil-futur ikun jista’ jintuża sabiex tiġi mħeġġa u ssorveljata l-effikaċja fil-qasam tal-kostijiet tal-iżvilupp tas-sistema ta’ distribuzzjoni, b’mod partikolari billi rrikjeda li l-imsemmi pjan jindika jekk l-operatur tan-network jirrikorrix għar-rispons attiv għad-domanda, għal miżuri ta’ effiċjenza enerġetika, ta’ ħażna tal-enerġija jew għal riżorsi oħra, bħala għażla fir-rigward tal-espansjoni tal-kapaċità tan-network ta’ distribuzzjoni. Dan il-gvern iżid li, fir-rigward tat-tnaqqis tar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista mwettaq permezz ta’ dawn l-emendi, l-Aġenzija tal-Enerġija kienet iġġustifikata meta biddlet il-metodi ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ distribuzzjoni sabiex timpedixxi lill-operaturi tan-network milli jimponu tariffi ta’ distribuzzjoni għoljin b’mod mhux xieraq fuq il-klijenti tagħhom.

51.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari, is-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ proċedura mressqa bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u din tal-aħħar ma għandhiex obbligu li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni li jippermettulha tivvaluta l-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt intern mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ( 31 ).

52.

B’mod ġenerali, is-sempliċi fatt li l-gvern ta’ Stat Membru jipprova jbaxxi l-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku ma jidhirx, bħala tali, li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva 2019/944. Fil-fatt, kif ġie rrilevat preċedentement, din id-direttiva ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jistabbilixxu l-politika tal-enerġija nazzjonali tagħhom.

53.

Ċertament, l-eżerċizzju minn Stat Membru tal-kompetenzi tiegħu fir-rigward tal-istabbiliment tal-politika tal-enerġija nazzjonali tiegħu inevitabbilment jinvolvi, min-natura tiegħu stess, riperkussjonijiet fuq il-kostijiet tal-operat tan-network tal-elettriku. Għalhekk, ma huwiex dejjem faċli, fil-prattika, li ssir distinzjoni bejn l-implimentazzjoni ta’ politika nazzjonali dwar l-enerġija u r-rispett għall-kompetenzi tal-awtorità regolatorja ( 32 ). Minkejja li l-ġurisprudenza tal-Qorti ġiet ikkritikata ( 33 ), jiena jidhirli, għall-kuntrarju, li taqta’ linja bejn il-kompetenzi tal-awtorità regolatorja u dawk tal-Istat Membru.

54.

Fil-fatt, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-politika tal-enerġija nazzjonali tiegħu, Stat Membru għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar il-livell tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, meta ma jkunx attribwixxa din il-kompetenza lill-awtorità regolatorja. Għalhekk, Stat Membru għandu d-dritt li jagħżel standard ta’ affidabbiltà inferjuri għan-networks tal-enerġija tiegħu jekk iqis li l-istandard preċedenti jwassal għal spiża globali eċċessiva, filwaqt li ma jippreġudikax il-vijabbiltà ta’ dawn in-networks. Dan it-tnaqqis tal-istandard ta’ affidabbiltà jwassal, fil-prinċipju, għal tnaqqis fil-kostijiet ta’ investiment għall-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar għandu jimplika tnaqqis fit-tariffi għall-konsumaturi. Dan l-eżerċizzju ma jfissirx li, de facto, l-Istat Membru jistabbilixxi t-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni u/jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom. Fil-fatt, l-influwenza fuq il-metodi ta’ kalkolu tat-tariffi tal-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tidher bħala riżultat kompletament indirett tal-interess leġittimu tal-Istat Membru li jagħżel il-livell tas-sigurtà tiegħu għall-provvista tal-elettriku.

55.

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 194(2) TFUE, Stat Membru huwa kompetenti sabiex jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tal-enerġija tiegħu. Prima facie, il-fatt li Stat Membru jimponi fuq l-operaturi tan-network l-obbligu li jipprovdu servizzi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni lill-utenti b’mod kosteffiċjenti u li l-pjan ta’ żvilupp tas-sistema ta’ distribuzzjoni jista’ fil-futur jippermetti li tiġi mħeġġa u kkontrollata l-kosteffiċjenza tal-iżvilupp ta’ dan in-network jidher li jaqa’ taħt din il-kompetenza. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jfittxu l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi tal-elettriku tagħhom.

56.

Min-naħa l-oħra, peress li l-awtorità regolatorja għandha d-dmir li tiffissa jew tapprova t-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni u/jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom, skont l-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944, hija biss din l-awtorità li għandha tiddetermina l-metodi ta’ kalkolu u l-ammont ta’ dawn it-tariffi. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Gvern ta’ Stat Membru ma jistax jiffissa l-metodi ta’ determinazzjoni tat-tariffi ta’ aċċess għan-network u jiddeċiedi f’liema każijiet u taħt liema qafas l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tiffissa l-imsemmija kundizzjonijiet jew metodi, jew tapprovahom fuq talba tal-operatur ta’ network, kif ukoll f’liema każijiet partikolari ta’ użu tan-network u taħt liema kundizzjonijiet din l-awtorità tista’, f’każijiet speċifiċi, tapprova jew tipprojbixxi tariffi individwali għall-aċċess għal dan in-network ( 34 ).

57.

Għaldaqstant, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-emendi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jkunux konformi mad-Direttiva 2019/944 jekk jiddeterminaw fid-dettall l-effetti tagħhom fuq it-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni u/jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom, sa fejn, skont l-Artikoli 57 u 59 ta’ din id-direttiva, l-awtorità regolatorja għandha l-kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-konsegwenzi tal-emendi magħmula, b’mod partikolari, għall-istandard ta’ affidabbiltà u tirriflettihom fil-metodi ta’ ffissar tal-prezzijiet.

58.

F’dan ir-rigward, Alajärven Sähkö u Elenia jsostnu li l-Ministeru għall-Ekonomija u għax-Xogħol, il-Ministru responsabbli għas-Suq tal-Elettriku u l-Parlament Finlandiż taw lill-Aġenzija tal-Enerġija istruzzjonijiet iddettaljati ħafna dwar l-emendi li hija kellha tagħmel, wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 730/2021, għall-metodi ta’ kontroll li hija kienet iddefinixxiet preċedentement, li jikkostitwixxu metodu indirett sabiex jiffissaw it-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni u/jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom. Min-naħa tagħha, l-Aġenzija tal-Enerġija ssostni li r-rapport qafas tagħha, li kien jirrigwarda l-metodi ta’ kontroll tan-natura raġonevoli tal-iffissar tat-tariffi tal-operat tan-network tal-elettriku, tfassal b’mod indipendenti u li, fl-interess tal-prevedibbiltà tal-proċess leġiżlattiv, huwa mixtieq li l-awtorità regolatorja tkun tista’ tipprovdi opinjoni esperta indipendenti dwar l-impatt potenzjali tal-emendi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Peress li tali opinjoni hija intiża sabiex tiċċara għal-leġiżlatur nazzjonali l-impatt ta’ dawn il-bidliet fuq it-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni u/jew fuq il-metodi ta’ kalkolu tagħhom, inqis li din ma tippreġudikax l-indipendenza tal-awtorità regolatorja fis-sitwazzjoni fejn din setgħet taġixxi b’mod indipendenti, abbażi biss tal-interess pubbliku, sabiex tiżgura l-osservanza tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva, mingħajr ma tkun suġġetta għal istruzzjonijiet esterni minn entitajiet oħra ( 35 ), u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

59.

Inżid li, skont il-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari, l-Aġenzija tal-Enerġija kellha “tibdel il-metodi tagħha ta’ kontroll” wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 730/2021, li tista’ tinftiehem bħala li huwa impost obbligu fuq din l-aġenzija. Fl-istess ħin, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-deċiżjonijiet tagħha tal‑15 ta’ Diċembru 2021, l-imsemmija aġenzija tiddikjara li hija qajmet, fuq inizjattiva tagħha stess, il-kwistjoni tal-metodi ta’ kontroll wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-istess aġenzija tesponi li l-formulazzjoni korretta tad-domanda kellha tkun “qieset li huwa neċessarju li tbiddel il-metodi ta’ kontroll tagħha” fis-sens li, skont il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Liġi dwar is-Sorveljanza, hija tista’ temenda d-deċiżjoni tagħha ta’ ffissar tal-metodi ta’ kontroll fid-dawl tal-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u li din id-dispożizzjoni tħalli espliċitament lill-awtorità regolatorja s-setgħa li tevalwa n-neċessità u l-bażijiet tal-metodi ta’ kontroll kif ukoll tal-emendi li jsirulhom. Konsegwentement, l-Aġenzija tal-Enerġija tqis hija stess li ma aġixxietx fil-kuntest ta’ kompetenza relatata mal-iffissar tat-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni u/jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom.

60.

Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-gvern Ċiprijott josserva li, skont il-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari, l-awtorità regolatorja nazzjonali biddlet il-metodi ta’ kontroll tagħha f’ “nofs perijodu ta’ kontroll”. Minn dan, dan il-gvern jiddeduċi li tali emenda ma tidhirx li hija konformi mal-Artikolu 59(7) tad-Direttiva 2019/944, li jipprovdi li l-awtoritajiet regolatorji huma responsabbli li jiffissaw jew japprovaw, “fi żmien biżżejjed qabel ma jidħlu fis-seħħ”, tal-inqas il-metodi nazzjonali użati sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti t-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni jew il-metodi tal-kalkolu tagħhom u tippreġudika l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali jekk tkun ġiet imposta. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tad-deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Diċembru 2021. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda argument f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata din il-kwistjoni.

61.

Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-Liġi Nru 730/2021 taqax fil-kompetenzi mogħtija lil Stat Membru mid-Direttiva 2019/944, jiġifieri jekk l-azzjoni tal-Istat Membru kkonċernat kinitx strettament limitata għall-istabbiliment tal-politika nazzjonali tal-enerġija tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tan-network tal-elettriku u tal-kundizzjonijiet għall-użu tar-riżorsi ta’ enerġija tiegħu, jew jekk din rifsitx fuq il-kompetenza esklużiva tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tiffissa t-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni u/jew il-metodi għall-kalkolu tagħhom.

62.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva 2019/944 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li hija intiża, kif indikat mix-xogħol preparatorju ta’ din il-liġi, li teżerċita influwenza fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku mingħajr ma taffettwa, bħala tali, direttament it-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u/jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom, iżda li l-effett tagħha kien li l-awtorità regolatorja nazzjonali bidlet il-metodi ta’ kontroll tagħha, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tirrifletti l-linji gwida ġenerali stabbiliti mill-Gvern tal-Istat Membru f’dak li jirrigwarda l-politika tal-enerġija nazzjonali tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell tas-sigurtà tal-provvista u tal-kundizzjonijiet għall-użu tar-riżorsi tal-enerġija, li ma jaqgħux taħt id-dmirijiet u l-kompetenzi tal-awtorità regolatorja, fis-sens tal-Artikolu 59 ta’ din id-direttiva.

V. Konklużjoni

63.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja) kif ġej:

L-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li hija intiża, kif indikat mix-xogħol preparatorju ta’ din il-liġi, li teżerċita influwenza fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet tad-distribuzzjoni tal-elettriku mingħajr ma taffettwa, bħala tali, direttament it-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u/jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom, iżda li l-effett tagħha kien li l-awtorità regolatorja nazzjonali bidlet il-metodi ta’ kontroll tagħha, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tirrifletti l-linji gwida ġenerali stabbiliti mill-Gvern tal-Istat Membru f’dak li jirrigwarda l-politika tal-enerġija nazzjonali tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell tas-sigurtà tal-provvista u tal-kundizzjonijiet għall-użu tar-riżorsi tal-enerġija, li ma jaqgħux taħt id-dmirijiet u l-kompetenzi tal-awtorità regolatorja, fis-sens tal-Artikolu 59 ta’ din id-direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125). Skont l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2019/944, din ħassret id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55), b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2021.

( 3 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54).

( 4 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22).

( 5 ) Il-Liġi Nru 730/2021 daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2021.

( 6 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Björnekulla Fruktindustrier (C‑371/02, EU:C:2004:275).

( 7 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja (C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU 2019, L 158, p. 1).

( 9 ) Bl-istess mod, il-premessa 80 tad-Direttiva 2019/944 tipprovdi li, jekk is-suq intern għall-elettriku għandu jiffunzjona tajjeb, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet regolatorji rilevanti kollha u jenħtieġ li jkunu indipendenti għalkollox minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat. Din il-premessa tippreċiża wkoll li dan ma jipprekludi la l-istħarriġ ġudizzjarju u lanqas is-superviżjoni parlamentari f’konformità mad-dritt kostituzzjonali tal-Istati Membri.

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73) (C‑718/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja”, EU:C:2021:662, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 130.

( 13 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑474/08, EU:C:2009:681, punti 29 sa 31).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky (C‑378/19, EU:C:2020:462, punti 6263). Dwar din is-sentenza, ara Rizzuto, F., “The Independence of National Regulatory Authorities: Is There Now an Autonomous EU Law concept of Independnce of General Application?”, European Competition and Regulatory Law Review, 2021, vol. 5, Nru 1, p. 64 sa 75.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky (C‑378/19, EU:C:2020:462, punt 64).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 132.

( 17 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 112. Fil-punt 126 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-prinċipju ta’ demokrazija ma jipprekludix l-eżistenza ta’ awtoritajiet pubbliċi li jinsabu barra mill-amministrazzjoni ġerarkika klassika u xi ftit jew wisq indipendenti mill-gvern, li spiss jeżerċitaw funzjonijiet regolatorji jew missjonijiet li għandhom jitneħħew minn taħt l-influwenza politika, filwaqt li jibqgħu suġġetti għall-osservanza tal-liġi, taħt l-istħarriġ tal-qrati kompetenti u li l-fatt li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jingħataw status indipendenti mill-amministrazzjoni ġenerali ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jċaħħad lil dawn l-awtoritajiet mil-leġittimità demokratika tagħhom, sa fejn dawn ma jkunux esklużi minn kull influwenza parlamentari.

( 18 ) Ara Delzangles, H., L’indépendance des autorités de régulations sectorielles, communications électroniques, énergie et postes, teżi ta’ dottorat difiża fit‑30 ta’ Ġunju 2008 fl-Università ta’ Bordeaux IV (Franza), b’mod partikolari p. 234.

( 19 ) Ara r-rapport taċ-CEER (disponibbli biss bl-Ingliż) bit-titolu “Safeguarding the independence of regulators – Insights from Europe’s energy regulators on powers, resources, independence, accountability and transparency”, tat‑13 ta’ Diċembru 2016, disponibbli fuq: https://www.ceer.eu/wp-content/uploads/2024/04/C16-RBM-06-03_SafeguardingNRAIndependence_PUBLIC-13-Dec-2016.pdf.

( 20 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73) (C‑718/18, EU:C:2021:20, punt 128).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 110.

( 22 ) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94).

( 23 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-gvern Finlandiż jenfasizza li, skont il-punt 7 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Liġi dwar is-Sorveljanza, il-leġiżlatur nazzjonali attribwixxa lill-awtorità regolatorja mhux is-setgħa li tapprova jew li tiddefinixxi r-regoli fil-qasam ta’ sigurtà u ta’ żvilupp tas-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, iżda l-kompitu li tikkontrolla l-osservanza tagħhom u li tipparteċipa fl-iżvilupp tar-rekwiżiti dwar il-kwalità tas-servizz tas-sistemi u tal-provvista tal-elettriku.

( 24 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara l-Artikolu 25(1) tar-Regolament 2019/943.

( 26 ) Ara l-Artikolu 25(3) tar-Regolament 2019/943. Pereżempju, ir-Renju tal-Belġju stabbilixxa l-istandard ta’ affidabbiltà għal tliet sigħat. Ara, f’dan is-sens, id-Digriet Irjali tal‑4 ta’ Settembru 2002 li jemenda d-Digriet Irjali tal‑31 ta’ Awwissu 2021 dwar id-determinazzjoni tal-istandard ta’ affidabbiltà u l-approvazzjoni tal-valuri ta’ tagħbija mitlufa u tal-kost ta’ entrata ġdida (Moniteur belge tal‑14 ta’ Settembru 2022, p. 67240).

( 27 ) Barra minn hekk, il-premessa 82 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jistabbilixxu jew japprovaw tariffi ta’ networks individwali għas-sistemi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni jew metodoloġija, jew it-tnejn, u jekk it-tnejn, l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji fl-iffissar tat-tariffi tan-network skont l-Artikolu 57(4)(b)(ii) tal-imsemmija direttiva jenħtieġ li tiġi ppreżervata.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 113.

( 29 ) Barra minn hekk, Alajärven Sähkö u Elenia jsostnu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li, fl-ordinament ġuridiku Finlandiż, id-dokumenti preparatorji għal liġi, bħar-rapporti tal-gruppi ta’ ħidma, l-opinjonijiet tal-kumitati u tal-kumitati parlamentari kif ukoll l-abbozzi ta’ liġi tal-Gvern, għandhom rwol importanti fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jintużaw regolarment sabiex jgħinu fil-kjarifika tal-intenzjonijiet tal-leġiżlatur u li iktar ma d-dokumenti preparatorji għal-liġi jkunu ddettaljati u reċenti, iktar ikun kbir il-piż reali tagħhom fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

( 30 ) Il-gvern Finlandiż jippreċiża li din il-liġi, fil-verżjoni inizjali tagħha, kienet tipprevedi l-obbligu li s-sistemi ta’ distribuzzjoni jiġu ddisinjati, mibnija u mantnuti b’tali mod li ħsara ta’ dawn is-sistemi dovuta għal maltempata jew għal piż tal-borra ma twassalx għal interruzzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ iktar minn sitt sigħat f’żona urbana u minn 36 siegħa fiż-żoni l-oħra.

( 31 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, AsociaţiaForumul Judecătorilor din România (Assoċjazzjonijiet tal-Maġistrati) (C‑53/23, EU:C:2024:388, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, Huhta, K., “C‑718/18 Commission v. Germany: Critical Reflections on the Independence of National Regulatory Authorities in EU Energy Law”, European Energy and Environmental Law Review, 2021, vol. 30, Nru 6, p. 255 sa 265, b’mod partikolari p. 261. Skont din l-awtriċi, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja iktar oskurat id-demarkazzjoni bejn il-linji linji gwida ġenerali dwar il-politika tal-enerġija fformulati minn Stat Membri u l-kwistjonijiet li jaqgħu esklużivament fil-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sa fejn l-Istati Membri, u mhux l-awtoritajiet regolatorji, jgawdu minn marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fid-determinazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi interess pubblik. L-imsemmija awtriċi tenfasizza li l-ebda politika nazzjonali tal-enerġija ma tista’ tevita li tieħu pożizzjoni fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-iffissar tat-tariffi, b’tali mod li l-linji gwida ġenerali tal-politika tal-enerġija wisq probabbli jaffettwaw il-kundizzjonijiet li fihom jiġu ffissati t-tariffi.

( 33 ) Ara Huhta, K., op. cit., p. 261.

( 34 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punti 114 sa 116. Ara wkoll is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Swieq tal-elettriku u tal-gass naturali) (C‑767/19, EU:C:2020:984, punti 98 sa 115).

( 35 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top