EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0039

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati l-21 ta’ Marzu 2024.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:265

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fil‑21 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C39/23

Keva,

Landskapet Ålands pensionsfond,

Kyrkans Centralfond

vs

Skatteverket

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Artikolu 65 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Leġislazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni pubbliċi – Esklużjoni mit-tassazzjoni ta’ dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni pubbliċi residenti – Taxxa f’ras il-għajn fuq dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni pubbliċi mhux residenti – Paragunabbiltà oġġettiva – Ġustifikazzjoni għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali”






I.      Sfond fattwali u legali

1.        Fl-Isvezja hemm tliet tipi ta’ pensjoni: (1) il-pensjoni pubblika nazzjonali (2), (2) pensjonijiet tax-xogħol, u (3) pensjonijiet privati. Il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema impjegati huma meħtieġa jagħmlu kontribuzzjonijiet statutorji, ikkalkolati b’riferiment għall-qligħ ta’ dawn tal-aħħar, sabiex jiffinanzjaw il-pensjoni pubblika nazzjonali. Dawn il-kontribuzzjonijiet annwali jiffinanzjaw il-ħlas tal-pensjonijiet f’dik is-sena. Fejn f’sena partikolari l-pagamenti li jidħlu jiżbqu l-pagamenti li joħorġu, il-fondi ta’ pensjoni ġenerali (3) jamministraw l-eċċess. Min-naħa l-oħra, f’sena meta l-pagamenti li jidħlu jkunu inqas mill-pagamenti li joħorġu, il-fondi tal-PĠ ikopru kwalunkwe defiċit. Il-fondi tal-PĠ għalhekk jaġixxu bħala buffer u stabilizzatur għas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi nazzjonali. Il-ħlas tal-pensjoni pubblika nazzjonali huwa r-responsabbiltà tal-Pensionsmyndigheten (l-Aġenzija tal-Pensjonijiet, l-Isvezja), mhux tal-fondi tal-PĠ.

2.        L-Istat Svediż huwa eżentat mill-obbligi kollha tat-taxxa (4). Peress li l-fondi tal-PĠ huma parti integrali mill-Istat, huma eżenti mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dividendi li jirċievu minn kumpanniji residenti fl-Isvezja.

3.        Fil-Finlandja, il-liġi teħtieġ li l-impjegati kollha jirreġistraw fi skema ta’ pensjoni tax-xogħol. Dawn l-iskemi huma ffinanzjati prinċipalment minn kontribuzzjonijiet mill-persuni li jimpjegaw u mill-ħaddiema impjegati.

4.        Keva, Landskapet Ålands pensionsfond u Kyrkans Centralfond (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) huma fost l-istituzzjonijiet li jħaddmu s-sistema tal-pensjonijiet tax-xogħol fil-Finlandja (5). Keva hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku u hija eżenti mit-taxxa fil-Finlandja. Hija tamministra l-pensjonijiet tax-xogħol ta’ impjegati ta’, inter alia, awtoritajiet tal-gvern lokali u tal-Istat, tal-Knisja Evanġelika Luterana u tal-Bank tal-Finlandja. Il-kompitu prinċipali tagħha huwa li tamministra l-fondi sabiex tiggarantixxi l-ħlas tal-pensjonijiet u tistabbilizza l-evoluzzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni. Keva tiġbor il-kontribuzzjonijiet u tħallas il-pensjonijiet. Landskapet Ålands pensionsfond huwa l-fond ta’ pensjoni tar-reġjun ta’ Åland u huwa parti integrali mill-amministrazzjoni ta’ dak ir-reġjun. Huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-pensjonijiet tax-xogħol f’isem l-impjegati tar-reġjun ta’ Åland. Il-kompitu prinċipali tiegħu huwa li jamministra l-kapital tiegħu, li jinżamm separat mill-baġit tar-reġjun. Landskapet Ålands pensionsfond ma jħallasx pensjonijiet. Huwa parzjalment eżenti mit-taxxa fil-Finlandja u ma jħallasx taxxa fuq dividendi riċevuti minn kumpanniji b’responsabbiltà limitata residenti f’dan l-Istat Membru. Kyrkans Centralfond hija parti mill-Knisja Evanġelika Luterana fil-Finlandja. Sal‑1 ta’ Jannar 2016, kienet tmexxi l-fond ta’ pensjoni għall-impjegati tagħha bħala parti mir-responsabbiltà ġenerali tagħha għall-ġestjoni tal-fondi tal-Knisja. Keva amministrat il-ħlas tal-pensjonijiet għal Kyrkans Centralfond.

5.        Bejn l‑2003 u l‑2016, ir-rikorrenti rċevew dividendi minn kumpanniji residenti fl-Isvezja. Skont l-Artikoli 1, 4 u 5 tal-kupongskattelagen (1970:624) (il-Liġi (1970:624) dwar it-Tassazzjoni tad-Dividendi), persuni ġuridiċi barranin (6) li jirċievu dividendi mill-ishma ta’ kumpanniji residenti fl-Isvezja jħallsu taxxa f’ras il-għajn bir-rata ta’ 30%. Din ir-rata ta’ taxxa titnaqqas għal 15 % għal persuni ġuridiċi residenti fl-Istati li huma parti għall-ftehim multilaterali ta’ tassazzjoni doppja bejn id-Danimarka, il-Gżejjer Faroe, il-Finlandja, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvezja (7). Minħabba li r-rikorrenti huma eżentati milli jħallsu t-taxxa fuq id-dividendi fil-Finlandja, ma setgħux inaqqsu t-taxxa f’ras il-għajn li huma kienu ħallsu fl-Isvezja minn kwalunkwe obbligazzjoni fiskali li seta’ kellhom fil-Finlandja. Minħabba f’hekk, it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li huma rċevew fl-Isvezja saret finali.

6.        Ir-rikorrenti talbu l-ħlas lura tat-taxxa li Skatteverket (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”) kienet naqqset mid-dividendi li kienu rċevew mingħand kumpanniji residenti fl-Isvezja. Ir-rikorrenti sostnew li ċ-ċirkustanzi tagħhom kienu komparabbli ma’ dawk tal-fondi tal-PĠ. Għalhekk sostnew li d-differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi li rċevew u dawk li rċevew il-fondi tal-PĠ kienet tmur kontra l-Artikolu 63 TFUE. Il-konvenuta ċaħdet dan l-argument għar-raġuni li ċ-ċirkustanzi tar-rikorrenti ma kinux oġġettivament paragunabbli ma’ dawk tal-fondi tal-PĠ.

7.        Ir-rikorrenti kkontestaw il-validità ta’ din id-deċiżjoni permezz ta’ rikors quddiem il-Förvaltningsrätten i Falun (il-Qorti Amministrattiva ta’ Falun, l-Isvezja), li ċaħdet it-talba tagħhom. Il-Kammarrätten i Sundsvall (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Sundsvall, l-Isvezja) ċaħdet l-appell tar-rikorrenti minn din is-sentenza.

8.        Ir-rikorrenti ppreżentaw appell fuq punt ta’ dritt quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), il-qorti tar-rinviju. Din il-qorti semgħet dan l-appell sa fejn qamet il-kwistjoni dwar jekk il-ġbir ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi riċevuti minn istituzzjoni pubblika tal-pensjonijiet stabbilita fil-Finlandja huwiex kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital fid-dritt tal-Unjoni f’ċirkustanzi fejn id-dividendi korrispondenti li jirċievu l-fondi tal-PĠ ma humiex intaxxati. F’dan il-kuntest, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-fatt li d-dividendi mħallsa minn kumpanniji nazzjonali lil istituzzjonijiet tal-irtirar pubbliċi barranin huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi korrispondenti ma humiex intaxxati jekk jakkumulaw lill-Istat [sors] permezz tal-fondi ta’ pensjoni ġenerali tiegħu, jikkostitwixxi trattament diskriminatorju negattiv li jinvolvi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, fil-prinċipju, mill-Artikolu 63 TFEU?

2)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, liema huma l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ jekk istituzzjoni tal-irtirar pubblika barranija hijiex f’sitwazzjoni li hija oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-Istat [sors] u l-fondi ġenerali ta’ pensjoni tiegħu?

3)      Restrizzjoni potenzjali tista’, għal raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, titqies iġġustifikata?”

9.        Ir-rikorrenti, il-konvenuta, il-Gvern Spanjol u dak Svediż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024, huma ppreżentaw argumenti orali u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

II.    Evalwazzjoni

A.      Lewwel domanda

1.      Losservazzjonijiet tal-partijiet

10.      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni huma tal-fehma li, peress li d-dividendi li l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti rċevew minn kumpanniji residenti fl-Isvezja kienu suġġetti għal dik li effettivament hija taxxa f’ras il-għajn finali, filwaqt li d-dividendi li l-fondi tal-PĠ rċevew minn dawn l-istess kumpanniji huma eżenti mit-taxxa, tal-ewwel x’aktarx jiġu skoraġġuti milli jinvestu fl-Isvezja, u b’hekk dan jagħti lok għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 63 TFUE.

11.      Il-konvenuta, il-Gvern Spanjol u dak Svediż isostnu li d-differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni pubbliċi residenti u mhux residenti ma hijiex restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Din id-differenza fit-trattament tirriżulta mill-fatt li l-fondi tal-PĠ huma parti integrali mill-Istat Svediż, u mhux minħabba l-post ta’ residenza tagħhom. Il-konvenuta tosserva wkoll li l-fondi tal-PĠ huma l-uniċi fondi ta’ pensjoni eżentati mit-taxxa fl-Isvezja. Id-dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni residenti fl-Isvezja, minbarra l-fondi tal-PĠ, huma suġġetti għal taxxa fuq id-dħul mill-kapital (8), filwaqt li dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn. Il-konvenuta u l-Gvern Svediż iżidu li l-eżenzjoni tal-fondi tal-PĠ mit-tassazzjoni minħabba l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat ma tagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku la lil dawn il-fondi u lanqas lill-Istat Svediż. Minn dan isegwi li kwalunkwe differenza fit-trattament fiskali tal-fondi tal-PĠ ma tiskoraġġixxix fondi ta’ pensjoni pubbliċi residenti fi Stati Membri oħra milli jinvestu fl-Isvezja. Skont il-Gvern Svediż, deċiżjoni mod ieħor ikollha l-effett li tobbliga lill-Istati Membri jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-pensjonijiet ġenerali tal-irtirar fi Stati Membri oħra. Dan l-obbligu ma jeżistix peress li kull Stat Membru huwa responsabbli għall-finanzjament tas-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet pubbliċi tiegħu stess. L-eżistenza ta’ dan l-obbligu tmur kontra l-Artikolu 153(1) u (4) TFUE. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kull Stat Membru huwa intitolat li jfassal u jorganizza s-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu, inkluż il-mod li bih tiġi ffinanzjata. Il-Gvern Svediż fl-aħħar josserva li s-sistemi ta’ pensjonijiet pubbliċi nazzjonali ma jikkompetux bejniethom peress li, bis-saħħa tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, persuna tista’ tibbenefika mill-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar obbligatorja ta’ Stat Membru wieħed biss fi kwalunkwe żmien.

2.      Analiżi

12.      Bħala introduzzjoni, jista’ jiġi osservat li, filwaqt li l-Artikolu 63 TFUE jipprojbixxi kull restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, l-Istati Membri jżommu d-dritt li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jiddistingwu bejn kontribwenti li ma humiex fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom jew fir-rigward tal-post fejn ikun investit il-kapital tagħhom (9). Biex din id-differenza fit-trattament tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-moviment liberu tal-kapital, hija għandha tapplika għal sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew tkun iġġustifikata minn raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku (10).

13.      L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi miżuri li jiskoraġġixxu lil persuni mhux residenti milli jagħmlu investimenti fi Stat Membru jew jiskoraġġixxu lir-residenti ta’ dak l-Istat Membru milli jinvestu fi Stati Membri oħra (11). Sabiex tiġi stabbilita, bħala prinċipju, il-preżenza ta’ tali restrizzjoni, huwa biżżejjed li jintwera li t-trattament fiskali tad-dividendi li l-fondi ta’ pensjoni pubbliċi mhux residenti jirċievu minn kumpanniji residenti fl-Isvezja jista’ jiskoraġġixxi lil dawn l-istituzzjonijiet milli jinvestu f’dan l-Istat Membru. Meta Stat Membru ttratta dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni mhux residenti b’mod inqas favorevoli minn dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni residenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-differenza fit-trattament tista’ tiskoraġġixxi investituri stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jinvestu f’dak l-Istat Membru, u b’hekk tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital (12). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-impożizzjoni ta’ piż fiskali ikbar fuq id-dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni mhux residenti minn dak impost fuq l-istess dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni residenti tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli (13). Id-dividendi li r-rikorrenti rċevew mingħand kumpanniji residenti fl-Isvezja kienu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn finali b’rata ta’ 15 %, filwaqt li l-istess dividendi kienu eżenti mit-taxxa meta rċevewhom il-fondi tal-PĠ. Il-fatt li t-trattament fiskali tal-Istat Svediż ma jikkostitwixxix trattament preferenzjali la tiegħu u lanqas tal-fondi pubbliċi tal-pensjonijiet tiegħu ma għandu ebda effett fuq jekk dan it-trattament jikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Huwa l-impatt negattiv tal-miżura fuq l-investimenti minn Stati Membri oħra li unikament jiddetermina jekk din tkunx tikkostitwixxi tali restrizzjoni.

14.      Minn dan isegwi li d-differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi li r-rikorrenti jirċievu minn kumpanniji residenti fl-Isvezja, meta mqabbla mat-trattament fiskali tad-dividendi li jirċievu l-fondi tal-PĠ, tikkostitwixxi, bħala prinċipju, restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 63 TFUE.

15.      L-Artikolu 153(1) u (4) TFUE jipprovdi li l-Unjoni Ewropea għandha ssostni u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma, inter alia, tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema. Kwalunkwe miżura li l-Unjoni tadotta taħt dan l-artikolu ma għandha taffettwa la d-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu d-dispożizzjonijiet fundamentali tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, u lanqas l-ekwilibriju finanzjarju ta’ dawk is-sistemi. Il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni f’dan il-qasam japplikaw, min-natura tagħhom stess, għall-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza u ma jirregolawx l-applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fid-dritt primarju. Il-Gvern Svediż ma jidentifika l-ebda dispożizzjoni li l-Unjoni adottat taħt l-Artikolu 153 TFUE li tista’ taffettwa d-dritt tagħha li tiddefinixxi d-dispożizzjonijiet fundamentali tas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħha jew li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-bilanċ finanzjarju ta’ dik is-sistema. Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti li l-Gvern Svediż iressaq taħt dan it-titolu għandhom jiġu miċħuda.

16.      Bl-istess mod, l-argumenti l-oħra tal-Gvern Svediż b’riferiment għall-istat ta’ armonizzazzjoni u n-natura tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà fil-livell tal-Unjoni Ewropea ma għandhom ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk differenza bejn it-trattament fiskali tal-fondi tal-PĠ u dawk residenti fi Stati Membri oħra tikkostitwixxix restrizzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 63 TFUE. L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, inklużi dawk li jirregolaw l-erba’ libertajiet, irrispettivament minn jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix obbligu fuq l-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri oħra.

17.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda b’dan il-mod:

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li d-dividendi mħallsa minn kumpanniji nazzjonali lill-istituzzjonijiet tal-irtirar pubbliċi barranin huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi korrispondenti ma jiġux intaxxati jekk jakkumulaw lill-Istat proprju permezz tal-fondi ta’ pensjoni ġenerali tiegħu, jikkostitwixxi tali trattament iddifferenzjat negattiv li jinvolvi, fil-prinċipju, restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

B.      Ittieni domanda

1.      Losservazzjonijiet talpartijiet

18.      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jsostnu li ċ-ċirkustanzi tar-rikorrenti u dawk tal-fondi tal-PĠ huma oġġettivament paragunabbli. Meta jevalwaw jekk istituzzjoni tal-irtirar pubblika barranija hijiex f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ fondi ta’ pensjoni residenti f’dan l-Istat, ir-rikorrenti jsostnu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan, il-funzjonijiet u l-kompiti ewlenin tal-korpi li qed jiġu pparagunati. Ir-rikorrenti jsostnu li dawn jeżistu għall-istess għanijiet bħall-fondi tal-PĠ: bħala fondi ta’ buffer involuti fil-ġestjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ assigurazzjoni obbligatorji tal-pensjoni tax-xogħol rispettivi tagħhom. Peress li jaqdu għan identiku, ir-rikorrenti jsostnu li ma huwiex meħtieġ li jieħdu għamla legali identika bħall-fondi tal-PĠ sabiex dawn jitqiesu oġġettivament paragunabbli (14). Fi kwalunkwe każ, filwaqt li l-fondi tal-PĠ huma parti mill-Istat Svediż, ir-rikorrenti huma prattikament parti mill-Istat Finlandiż.

19.      Numru ta’ fatturi jindikaw li l-fondi ta’ pensjonijiet pubbliċi Finlandiżi u Svediżi huma oġġettivament paragunabbli. It-tnejn huma rregolati minn liġijiet speċifiċi. Il-kontribuzzjonijiet tal-pensjonijiet pubbliċi obbligatorji jitħallsu lill-fondi tal-PĠ fl-Isvezja, filwaqt li fil-Finlandja tali kontribuzzjonijiet jitħallsu lil Keva u lil-Landskapet Ålands pensionsfond. Il-Pensionsmyndigheten (l-Aġenzija tal-Pensjonijiet, l-Isvezja) tħallas il-pensjonijiet fl-Isvezja, filwaqt li Keva (f’isimha proprju u f’isem il-Kyrkans Centralfond) u l-gvern tar-reġjun ta’ Åland (f’isem Landskapet Ålands pensionsfond) iwettqu dik il-funzjoni fil-Finlandja. Il-fondi tal-PĠ u r-rikorrenti huma fost l-ikbar investituri istituzzjonali fl-Istati Membri rispettivi tagħhom. Filwaqt li joperaw f’kuntest legali strett u huma suġġetti għal strateġiji ta’ investiment preċiżi, il-fondi tal-PĠ u r-rikorrenti jinvestu, inter alia, f’kumpanniji domestiċi u barranin, proprjetà u strumenti finanzjarji. It-trattament fiskali tagħhom fl-Istati Membri ta’ residenza tagħhom huwa wkoll identiku peress li l-fondi tal-PĠ ma humiex suġġetti għat-taxxa fl-Isvezja minħabba li huma parti mill-Istat Svediż, filwaqt li r-rikorrenti huma, bil-liġi, eżenti mit-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja.

20.      Il-Kummissjoni tosserva li l-fondi ta’ pensjoni Svediżi u Finlandiżi jaqdu l-istess għan u skop soċjali u għandhom l-istess strutturi amministrattivi u legali. It-tħaddim tagħhom, inklużi l-mudelli ta’ finanzjament tagħhom huma, fil-prattika, identiċi. Hekk kif il-fondi tal-PĠ huma parti mill-Istat Svediż, Landskapet Ålands pensionsfond u Kyrkans Centralfond huma, rispettivament, parti mir-reġjun ta’ Åland u mill-Knisja Evanġelika Luterana. Filwaqt li Keva hija entità legali rregolata mid-dritt pubbliku, dan ma jipprekludihiex milli tkun paragunabbli mal-fondi tal-PĠ. Il-paragunabbiltà għandha tiġi evalwata b’mod ħolistiku, billi jitqiesu l-għanijiet, il-funzjonijiet u l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet li qed jiġu eżaminati.

21.      Il-konvenuta u l-Gvern Spanjol u dak Svediż isostnu li l-fondi tal-PĠ u r-rikorrenti ma humiex f’ċirkustanzi oġġettivament paragunabbli. Id-differenza fit-trattament fiskali tal-fondi tal-PĠ u tar-rikorrenti hija konsegwenza tal-fatt li tal-ewwel huma parti mill-Istat, u mhux minħabba li huma residenti fl-Isvezja. Il-konvenuta tosserva wkoll li l-fondi tal-PĠ joperaw bħala buffer fis-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi nazzjonali Svediża. Bħala fondi ta’ stabbilizzazzjoni, l-għan tagħhom huwa li jippromwovu l-istabbiltà finanzjarja u d-durabbiltà tas-sistema Svediża tas-sigurtà soċjali. Il-fondi ta’ pensjoni pubbliċi mhux residenti ma jistgħux, bħala definizzjoni, isegwu dan l-għan partikolari.

22.      Il-Gvern Svediż isostni li l-għanijiet li ssegwi miżura fiskali jistgħu jkunu limitati għal ċirkustanzi u kwistjonijiet ta’ interess pubbliku li huma marbuta direttament ma’ Stat Membru partikolari. B’riżultat ta’ dan, sitwazzjonijiet transkonfinali u interni ma humiex oġġettivament paragunabbli. L-eżenzjoni mit-tassazzjoni mogħtija lill-fondi tal-PĠ hija marbuta direttament mal-Istat Svediż għaliex tfittex li tevita l-piż amministrattiv ta’ fluss ċirkolari ta’ riżorsi li ma huwa ta’ ebda benefiċċju finanzjarju għall-Istat.

23.      Fil-fehma tal-Gvern Svediż, id-dritt ta’ kull Stat Membru li jfassal u jorganizza s-sistema ta’ sigurtà soċjali tiegħu, inkluż il-mod kif din tiġi ffinanzjata, huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà oġġettiva. L-interess pubbliku li s-sistema pubblika nazzjonali tal-pensjonijiet tippromwovi huwa direttament marbut mal-Istat Svediż u ma jikkompetix ma’ sistemi li jeżistu fi Stati Membri oħra. Għalhekk ma huwiex possibbli li jsir paragun oġġettiv tad-diversi sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri.

24.      Jekk, quod non, ikun possibbli li tiġi evalwata l-paragunabbiltà oġġettiva tar-rikorrenti u tal-fondi tal-PĠ, il-Gvern Svediż u l-konvenuta jaċċettaw li għandhom jitqiesu l-għanijiet, il-funzjonijiet u l-kompiti prinċipali rispettivi tagħhom, il-qafas regolamentari li fih joperaw, il-metodi li bihom huma ffinanzjati u l-mod li bih huma organizzati. Il-Gvern Svediż madankollu jinsisti li, meta ssir din l-evalwazzjoni, għandha titqies l-indipendenza ta’ fond ta’ pensjoni pubbliku mhux residenti minn kull responsabbiltà għal benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali u mill-baġit nazzjonali. Il-paragunabbiltà oġġettiva għandha tirrikjedi li l-fond ta’ pensjoni pubbliku mhux residenti jkun ikkonċernat biss u esklużivament mill-ġestjoni ta’ fondi ta’ buffer bil-ħsieb li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-pensjonijiet tal-irtirar. Fondi bħal dawn għandhom ukoll ikunu kompletament eżenti mit-taxxa taħt id-dritt nazzjonali. L-evalwazzjoni aħħarija ta’ dawn il-kwistjonijiet hija kompitu tal-qorti tar-rinviju.

2.      Analiżi

25.      Id-differenza fit-trattament taħt il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tista’ tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-moviment liberu tal-kapital meta d-differenza tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli (15). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura paragunabbli għandha tiġi eżaminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan, l-iskop u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (16). Fid-determinazzjoni dwar jekk differenza fit-trattament li tirriżulta minn leġiżlazzjoni tirriflettix differenza oġġettiva ta’ sitwazzjoni, għandhom jitqiesu l-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti li jinsabu f’dik il-leġiżlazzjoni (17).

26.      Ladarba Stat Membru, jew b’mod unilaterali jew permezz ta’ konvenzjoni, jimponi taxxa fuq id-dħul mid-dividendi li kontribwenti residenti u mhux residenti jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni ta’ dawn il-kontribwenti tkun paragunabbli (18). Għar-raġunijiet mogħtija fil-punti 21 sa 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-konvenuta u l-Gvern Spanjol u dak Svediż isostnu li r-rikorrenti u l-fondi tal-PĠ ma humiex oġġettivament paragunabbli.

27.      Mingħajr ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li ma hemm xejn li jissuġġerixxi li, fid-dawl tal-għan, l-iskop u l-kontenut tal-eżenzjoni mit-taxxa tal-Istat Svediż, din l-eżenzjoni kienet intiża sabiex tirrifletti differenza oġġettiva fiċ-ċirkustanzi ta’ fondi ta’ pensjoni pubbliċi residenti u mhux residenti. Dan jaqbel mal-affermazzjoni tal-konvenuta u tal-Gvern Spanjol u dak Svediż li d-differenza fit-trattament tirriżulta minħabba l-fatt li l-fondi tal-PĠ huma parti integrali mill-Istat Svediż u ma hijiex ibbażata fuq ir-residenza. Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjoni li l-Istat Svediż jiġi eżentat mit-taxxa ġiet introdotta sabiex jiġi evitat il-piż amministrattiv ta’ fluss ċirkolari ta’ riżorsi li ma huwa ta’ ebda benefiċċju finanzjarju għal dan l-Istat. Konsegwentement, jista’ jiġi osservat li minflok ma tirrifletti differenza fiċ-ċirkustanzi rispettivi tar-rikorrenti u tal-fondi tal-PĠ, l-eżenzjoni mogħtija lil dawn tal-aħħar toħloq tali differenza.

28.      Għalkemm l-għan, l-iskop u l-kontenut tal-eżenzjoni tat-taxxa tal-Istat Svediż ma jindikaw l-ebda kriterji li jistgħu jgħinu f’paragun oġġettiv tar-rikorrenti u l-fondi tal-PĠ, il-partijiet, madankollu, jaqblu dwar xi wħud mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jsir dak l-eżerċizzju.

29.      Konstatazzjoni li persuni jinsabu f’ċirkustanzi oġġettivament paragunabbli b’tali mod li għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE ma tikkorrispondix għal konstatazzjoni li dawn jinsabu f’ċirkustanzi identiċi. Evalwazzjoni ġenerali tal-paragunabbiltà oġġettiva tar-rikorrenti u tal-fondi tal-PĠ teħtieġ li jitqiesu l-għan, il-funzjonijiet u l-kompiti ewlenin rispettivi tagħhom, l-oqfsa regolamentari li joperaw fihom u l-karatteristiċi prinċipali tal-organizzazzjonijiet tagħhom. Minn dan isegwi li elementi anċillari, inklużi differenzi ta’ natura purament teknika, ma humiex determinanti f’din l-evalwazzjoni.

30.      Mixtarra f’dan id-dawl, l-affermazzjoni tal-konvenuta li l-fondi ta’ pensjoni pubbliċi mhux residenti ma għandhomx l-għan li jippromwovu l-istabbiltà finanzjarja u d-durabilità tas-sistema tas-sigurtà soċjali Svediża u li għalhekk ma jistgħux jitqabblu mal-fondi tal-PĠ hija indebitament restrittiva. Billi, min-natura tiegħu, kull fond għandu l-għan li jipproteġi l-istabbiltà u d-durabbiltà ta’ sistema ta’ pensjonijiet nazzjonali distinta, approċċ bħal dan jagħmilha impossibbli li jsir paragun anki ta’ fondi ta’ pensjonijiet identiċi bejn il-fruntieri. L-evalwazzjoni tal-għanijiet tar-rikorrenti tista’ ssir biss fil-kuntest tas-sistema tas-sigurtà soċjali li joperaw fiha, u mhux b’riferiment għal dik ta’ Stat Membru ieħor.

31.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda kif ġej:

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk istituzzjoni tal-irtirar pubblika barranija tkunx f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-Istat proprju u tal-fondi ġenerali tal-pensjonijiet tiegħu jinkludu l-għanijiet, il-funzjonijiet u l-kompiti ewlenin tagħhom, l-oqfsa regolamentari li joperaw fihom u l-karatteristiċi tal-organizzazzjonijiet tagħhom.

C.      Ittielet domanda

32.      It-tielet domanda tistaqsi jekk restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku. Kif ifformulata, din id-domanda neċessarjament tistieden risposta fl-affermattiv. Moqrija fil-kuntest li fih id-deċiżjoni tar-rinviju saret, huwa ċar li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob gwida dwar jekk il-ġustifikazzjonijiet imressqa għal restrizzjoni potenzjali għall-moviment liberu tal-kapital jistgħux, bħala prinċipju, jikkostitwixxu raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda kif hekk riformulata.

1.      Losservazzjonijiet talpartijiet

33.      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jsostnu li ma ġiet invokata ebda raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li huma jidentifikaw fit-trattament fiskali differenti tar-rikorrenti meta mqabbel ma’ dak mogħti lill-fondi tal-PĠ. La kwalunkwe biża’ ta’ telf ta’ dħul lill-fondi tal-PĠ bħala konsegwenza tat-taxxa fuq id-dividendi li jirċievu, u lanqas xi diffikultajiet ta’ natura amministrattiva, ma jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ din ir-restrizzjoni. Skont il-Kummissjoni, hija kwistjoni għall-Isvezja jekk tixtieqx talloka riżorsi lill-fondi tal-PĠ f’każ li d-dividendi li jirċievu jkunu suġġetti għat-taxxa. Lanqas ma hemm xejn li jipprevjeni lill-Isvezja milli teżenta mit-tassazzjoni fondi ta’ pensjoni pubbliċi oġġettivament paragunabbli, kif diġà għamlet fir-rigward ta’ fondi ta’ pensjoni residenti fil-Kanada u fl-Istati Uniti tal-Amerika (19).

34.      Jekk it-trattament fiskali inkwistjoni jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, il-konvenuta u l-Gvern Spanjol u dak Svediż isostnu li din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata b’riferiment għal raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku. Il-konvenuta u l-Gvern Svediż isostnu li l-għan tal-fondi tal-PĠ huwa li jiggarantixxi l-finanzjament tal-politika soċjali tal-Isvezja billi jiżgura li din tkun finanzjarjament indipendenti minn, u separata mill-bqija tal-baġit tal-Istat. Fil-preżent, l-Istat Svediż ma huwiex meħtieġ jalloka riżorsi lill-fondi tal-PĠ biex jikkumpensa l-ħlas tat-taxxa fuq id-dividendi mir-riżorsi tagħhom stess. Dan l-arranġament isostni l-fiduċja pubblika fis-sistema tal-pensjonijiet.

35.      Il-konvenuta tosserva li l-prinċipju ta’ territorjalità fiskali u t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri jagħtuhom id-dritt li jintaxxaw id-dħul iġġenerat fit-territorji rispettivi tagħhom. L-intaxxar tad-dividendi riċevuti mill-fondi tal-PĠ jimponi piż amministrattiv bla bżonn mingħajr ma jinħoloq xi benefiċċju finanzjarju għall-Istat. B’mod kontrastanti, l-eżenzjoni tar-rikorrenti mit-tassazzjoni fuq id-dividendi li jirċievu minn kumpanniji residenti Svediżi twassal sabiex l-Istat Svediż iġarrab telf.

36.      Barra minn hekk, il-Gvern Svediż isostni li jkun kuntrarju għat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali li l-Isvezja titlob li testendi l-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa li hija tagħti lill-fondi tal-PĠ għall-fondi ta’ pensjoni pubbliċi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

37.      Filwaqt li jirrikonoxxu li raġunijiet ta’ natura purament ekonomika jew amministrattiva ma jikkostitwixxux raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattati, kemm il-Gvern Svediż kif ukoll il-konvenuta jsostnu li restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata meta tkun iddettata minn raġunijiet ta’ natura ekonomika li għandhom għan ta’ interess pubbliku (20). F’dan ir-rigward, il-Gvern Svediż isostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li jsostnu t-tfassil tas-sistema pubblika nazzjonali tal-pensjonijiet u l-ħtieġa li jiġu ggarantiti l-indipendenza, l-istabbiltà finanzjarja u d-durabbiltà tal-fondi tal-PĠ.

2.      Analiżi

38.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital jistgħu jiġu ammessi meta jkunu ġġustifikati minn raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku li huma xierqa biex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex minnhom u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (21). L-invokazzjoni ta’ raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku hija permessa biss sal-punt li tali interessi ma jkunux protetti minn miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. Fl-assenza ta’ tali miżuri ta’ armonizzazzjoni, huma, bħala prinċipju, l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell jixtiequ jassiguraw tali interessi u l-mod kif għandu jintlaħaq dan il-livell. Tali miżuri għandhom madankollu jibqgħu fil-limiti stabbiliti mit-Trattat u jkunu proporzjonati (22).

39.      Raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku jinkludu l-iżgurar tal-effettività tas-superviżjoni fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (23), il-prevenzjoni ta’ arranġamenti kompletament artifiċjali (24), il-preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistemi tat-taxxa (25) u l-ibbilanċjar tal-allokazzjoni tas-setgħa ta’ tassazzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (26).

40.      Mingħajr ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-għan tal-eżenzjoni tal-Istat Svediż mill-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa fuq id-dħul huwa li jiġi evitat il-piż amministrattiv ta’ fluss ċirkolari ta’ riżorsi li ma huwa ta’ ebda benefiċċju finanzjarju għal dan l-Istat. In-natura ta’ tali ġustifikazzjoni hija ta’ konvenjenza amministrattiva. Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-konvenjenza amministrattiva ma hijiex raġuni prevalenti fl-interess pubbliku u ma tistax tiġġustifika nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tat-Trattat (27). Din l-osservazzjoni tapplika bl-istess mod għall-argument li l-fondi tal-PĠ għandhom jinżammu indipendenti u separati mill-bqija tal-baġit tal-Istat sabiex tiġi ppreżervata l-fiduċja tal-pubbliku f’dawn il-fondi. Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-intaxxar tad-dividendi li jirċievu l-fondi tal-PĠ ikun jeħtieġ li l-Gvern Svediż jallokalhom riżorsi sabiex itaffi l-konsegwenzi tal-ħlas ta’ dik it-taxxa, naqbel mas-suġġeriment tal-Kummissjoni li din hija, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni għall-Isvezja li tiddeċiedi jekk dan huwiex opportun.

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li fil-mument li Stat Membru jkun għażel li jipproċedi għall-eżenzjoni totali jew kważi totali tad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni residenti, huwa ma jkunx jista’ jinvoka l-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi sabiex tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni mhux residenti (28). Din ir-regola għandha tapplika bl-istess mod għal kull dipendenza fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

42.      Anki jekk kull Stat Membru huwa liberu li jfassal u jorganizza s-sistema ta’ sigurtà soċjali tiegħu, inklużi l-mezzi ta’ kif għandha tiġi ffinanzjata, l-eżerċizzju ta’ din il-libertà huwa suġġett għall-osservanza tat-Trattati. Fit-trattament fiskali tagħha ta’ tali fondi, madankollu, l-Isvezja hija marbuta li ma tittrattax fondi ta’ pensjoni pubbliċi mhux residenti b’tali mod li toħloq restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

43.      Sa fejn il-Gvern Svediż isostni li t-trattament fiskali differenti jista’ jiġi ġġustifikat minn raġunijiet ta’ natura ekonomika fil-kuntest ta’ għan ta’ interess ġenerali, huwa ma ressaq ebda element jew fattur, lil hinn mill-konvenjenza amministrattiva, biex isostni din l-asserzjoni.

44.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda kif ġej:

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li filwaqt li restrizzjoni potenzjali għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, il-ġustifikazzjonijiet imressqa hawnhekk, fil-prinċipju, ma jidhrux li jikkostitwixxu raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku.

III. Konklużjoni

45.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja) kif ġej:

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li

–      il-fatt li d-dividendi mħallsa minn kumpanniji nazzjonali lill-istituzzjonijiet tal-irtirar pubbliċi barranin huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi korrispondenti ma jiġux intaxxati jekk jakkumulaw lill-Istat sors permezz tal-fondi ta’ pensjoni ġenerali tiegħu, jikkostitwixxi tali trattament iddifferenzjat negattiv li jinvolvi, fil-prinċipju, restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

–      il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk istituzzjoni tal-irtirar pubblika barranija tkunx f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-Istat sors u tal-fondi ġenerali tal-pensjonijiet tiegħu jinkludu l-għanijiet, il-funzjonijiet u l-kompiti ewlenin tagħhom, l-oqfsa regolamentari li joperaw fihom u l-karatteristiċi tal-organizzazzjonijiet tagħhom.

–      filwaqt li restrizzjoni potenzjali għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, il-ġustifikazzjonijiet imressqa hawnhekk, fil-prinċipju, ma jidhrux li jikkostitwixxu raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Il-pensjoni bbażata fuq id-dħul u l-pensjoni bbażata fuq il-premium, flimkien mas-suppliment tal-pensjoni bbażata fuq id-dħul u l-pensjoni ta’ garanzija, huma komponenti tal-pensjoni pubblika nazzjonali. 16 % tad-dħul pensjonabbli ta’ persuna u benefiċċji taxxabbli oħra huma allokati għall-pensjoni bbażata fuq id-dħul u 2. 5% għall-pensjoni bbażata fuq il-premium.


3      Il-fondi ta’ pensjoni ġenerali (iktar ’il quddiem il-“fondi tal-PĠ”) jikkonsistu mill-Ewwel, it-Tieni, it-Tielet, ir-Raba’, is-Sitt u s-Seba’ Fond. Bl-eċċezzjoni tas-Seba’ Fond, il-fondi tal-PĠ jamministraw il-kapital biex jipproteġu s-sistema tal-pensjonijiet ibbażati fuq id-dħul sabiex jibbilanċjaw kwalunkwe eċċess u defiċit bejn il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni u l-ħlasijiet tal-pensjoni f’sena partikolari, u biex jikkontribwixxu għall-prestazzjoni fit-tul tas-sistema tal-pensjoni. Is-Seba’ Fond jamministra l-kapital idderivat mill-pensjoni bbażata fuq il-premium.


4      Kapitolu 7, Artikolu 2 tal-inkomstskattelagen (1999:1229) (il-Liġi (1999:1229) Dwar it-Taxxa fuq id-Dħul).


5      Is-sistema tal-pensjoni fil-Finlandja tikkonsisti minn pensjoni relatata mal-qligħ ibbażata fuq l-impjieg (pensjoni tax-xogħol), pensjoni nazzjonali bbażata fuq ir-residenza u pensjoni ta’ garanzija.


6      Persuna ġuridika barranija (“utländsk juridisk person”) hija entità residenti f’pajjiż ieħor għajr l-Isvezja li tissodisfa ċerti rekwiżiti legali li minħabba fihom id-dritt Svediż jikkunsidraha bħala ekwivalenti għal persuna ġuridika Svediża. Għal skopijiet ta’ taxxa, persuni ġuridiċi barranin jitqiesu mhux residenti fl-Isvezja.


7      Il-Konvenzjoni bejn il-Pajjiżi Nordiċi Sabiex Tiġi Evitata t-Taxxa Doppja Fir-rigward tat-Taxxi fuq id-Dħul u fuq il-Kapital, iffirmata f’Ħelsinki fit‑23 ta’ Settembru 1996, ġiet trasposta fid-dritt Svediż permezz ta’ lag (1996:1512) om dubbelbeskattningsavtal mellan de nordiska länderna (il-Liġi (1996:1512) dwar il-Konvenzjoni tat-Taxxa Doppja bejn il-Pajjiżi Nordiċi).


8      Taħt lag (1990:661) om avkastningsskatt på pensionsmedel (il-Liġi (1990:661) dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Kapital fuq il-Fondi ta’ Pensjoni), il-fondi ta’ pensjoni Svediżi u l-kumpanniji tal-assigurazzjoni tal-ħajja jridu jħallsu taxxa fuq id-dħul mill-kapital, ikkalkulata b’rata fissa maħsuba biex tintaxxa d-dħul mill-kapital kurrenti dderivat minn tfaddil għall-irtirar.


9      Id-deroga taħt l-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija ta’ applikazzjoni stretta u hija limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprovdi li tali dispożizzjonijiet nazzjonali ma għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punti 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 63); u tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN (C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN (C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/10, EU:C:2012:688, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/10, EU:C:2012:688, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 48), u tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 50).


14      Ir-rikorrenti, b’riferiment għas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C‑303/07, EU:C:2009:377, punt 50), josservaw li l-funzjonament tal-istituzzjonijiet pubbliċi tal-irtirar ma ġiex armonizzat fuq livell tal-Unjoni.


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C‑39/10, EU:C:2012:282, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/10, EU:C:2012:688, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara lag (1996:1511) om dubbelbeskattningsavtal mellan Sverige och Canada (Il-Liġi (1996:1511) dwar it-Trattat ta’ Tassazzjoni Doppja bejn il-Kanada u l-Isvezja) u lag (1994:1617) om dubbelbeskattningsavtal mellan Sverige och Amerikas Förenta Stater (il-Liġi (1994:1617) dwar it-Trattat ta’ Tassazzjoni Doppja bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Isvezja).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Essent et (C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Eżenzjoni ta’ fondi ta’ investiment kuntrattwali) (C‑342/20, EU:C:2022:276, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑282/04 u C‑283/04, EU:C:2006:608, punti 32 u 33).


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, EU:C:2007:804, punt 55); tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punt 69); u tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punti 73 u 74).


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punti 81 u 84).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C‑181/12, EU:C:2013:662, punt 59), u tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DRA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punti 91 u 92).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punti 118 u 121); tal‑10 ta’ April 2013, Emerging Markets Series of DRA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 98); u tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 72).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (58/81, EU:C:1982:215, punt 4); tal‑15 ta’ Lulju 2004, Lenz (C‑315/02, EU:C:2004:446, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C‑172/11, EU:C:2012:399, punti 47 u 48).


28      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top