Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0759

    Kawża T-759/22: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2022 – Electrawinds Shabla South EAD vs Il-Kunsill

    ĠU C 71, 27.2.2023, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 71/32


    Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2022 – Electrawinds Shabla South EAD vs Il-Kunsill

    (Kawża T-759/22)

    (2023/C 71/43)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Partijiet

    Rikorrent: Electrawinds Shabla South EAD (Sofija, il-Bulgarija) (rappreżentant: M. Grozdev, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU 2022, L 261I, p. 1);

    tannulla dan ir-regolament sa fejn jistabbilixxi limitu massimu obbligatorju fuq id-dħul mis-suq miksub mill-produtturi għall-produzzjoni tal-elettriku mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) kif ukoll sa fejn jipprevedi s-setgħa legali għal kull Stat Membru li jikkonfiska (jinnazzjonalizza) favur l-Istat is-“surplus tad-dħul” ta’ dawn il-produtturi (fis-sens tad-definizzjoni prevista fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament);

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv: nuqqas ta’ kompetenza

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 ġie adottat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill. L-Artikolu 122 TFUE jipprevedi l-kompetenza tal-Kunsill li jintervjeni fis-settur tal-enerġija fil-każ ta’ kriżi iżda din id-dispożizzjoni tat-Trattat għandha kamp ta’ applikazzjoni limitat ħafna u l-miżuri ta’ intervent previsti fir-Regolament imorru lil hinn minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni. Skont l-Artikolu 122(1) TFUE, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi dwar miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 122 TFUE ma jistabbilixxix kompetenza leġiżlattiva tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tippermettilu jadotta miżuri sabiex jindirizza kriżi tal-enerġija, iżda biss kompetenza li tippermettilu jintervjeni fil-każ ta’ diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari l-enerġija.

    2.

    It-tieni motiv: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-Artikolu 122 TFUE jippermetti biss miżuri xierqa, iżda l-introduzzjoni ta’ limitu massimu obbligatorju fuq id-dħul mis-suq miksub mill-produtturi ma hijiex miżura xierqa sa fejn ma tikkonċernax direttament id-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija. Il-prezzijiet ser jibqgħu u ser jevolvu bħalma għamlu dejjem, kemm bl-impożizzjoni ta’ limiti massimi fuq id-dħul u kemm mingħajrha. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ limiti massimi fuq id-dħul u ta’ taxxi fuq id-dħul mis-suq ma hijiex ser tibdel id-domanda għall-elettriku u għall-gass naturali.

    3.

    It-tielet motiv: ksur tad-dritt għall-proprjetà

    Il-miżuri introdotti permezz tar-Regolament ma humiex proporzjonati sa fejn il-limitu massimu obbligatorju tad-dħul mis-suq previst fir-Regolament, impost fuq il-produtturi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, kif ukoll is-setgħa legali mogħtija lil kull Stat Membru li jikkonfiska (jinnazzjonalizza) favur l-Istat is-“surplus tad-dħul” ta’ dawn il-produtturi jmorru kontra d-dritt fundamentali għall-proprjetà. L-applikazzjoni tal-Artikolu 122(1) TFUE tikkostitwixxi wieħed mill-aspetti ta’ interess pubbliku tal-Komunità. Dan ifisser li, fl-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà, bil-kundizzjoni li l-limitu massimu tad-dħul mis-suq impost fuq il-produtturi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-konfiska favur l-Istat tas-“surplus tad-dħul”, previsti fir-Regolament (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022, ma jkunux sproporzjonati u ma jolqtux l-essenza stess ta’ dan id-dritt.


    Top