Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0706

    Kawża T-706/22: Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2022 – Nicoventures Trading et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 15, 16.1.2023, p. 46–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 15/46


    Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2022 – Nicoventures Trading et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-706/22)

    (2023/C 15/60)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Nicoventures Trading Ltd (Londra, ir-Renju Unit) u ħames rikorrenti oħra (rappreżentanti: L. Van den Hende, M. Schonberg, J. Penz-Evren u P. Wytinck, avukati)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-miżura kkontestata (1) b’mod sħiħ; u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv li jallega li l-miżura kkontestata tmur lil hinn mis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikoli 7(12) u 11(6) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (2), għar-raġunijiet segwenti:

    billi rregolat prodott tat-tabakk ġdid, il-miżura kkontestata tindirizza b’mod illegali “element essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE;

    il-miżura kkontestata tintroduċi b’mod illegali “kategorija partikolari ta’ prodott” ġdida għall-finijiet tad-Direttiva 2014/40/UE u b’hekk tikser ukoll il-prinċipji ġenerali taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi tad-dritt tal-Unjoni;

    Il-miżura kkontestata tintroduċi “kategorija partikolari ta’ prodott” ġdida li ma hijiex konsistenti mas-sistema tad-Direttiva 2014/40, u konsegwentement hija illegali; u

    L-approċċ tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi” teċċedi l-iskop tal-inkarigu mogħti lilha.

    2.

    It-tieni motiv, li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 296 TFUE u ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.


    (1)  Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/2100 tad-29 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-irtirar ta’ ċerti eżenzjonijiet fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk imsaħħna (ĠU L 283, 3.11.2022, p. 4)

    (2)  ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU L 150, 17.6.2015, p. 24.


    Top