Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0255

    Kawża T-255/22: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Mejju 2022 – Cham Wings Airlines vs Il-Kunsill

    ĠU C 294, 1.8.2022, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 294/32


    Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Mejju 2022 – Cham Wings Airlines vs Il-Kunsill

    (Kawża T-255/22)

    (2022/C 294/47)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Cham Wings Airlines LLC (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: L. Cloquet, lawyer)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/307 tal-24 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (1), sa fejn tapplika għar-rikorrenti;

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/300 tal-24 ta’ Frar 2022 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (2), sa fejn japplika għar-rikorrenti; u

    tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti mill-konvenut inkwantu huwa qies li r-rikorrenti tikkontribwixxi għall-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka li jiffaċilita l-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, filwaqt li dan huwa manifestament infondat.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, inkwantu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrenti huma diżastrużi u sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li l-atti kkontestati għandhom suppost jilħqu, iżda li huma ma jilħqux.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFEU, inkwantu l-motivazzjoni mogħtija għall-atti kkontestati hija purament formalità.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq inkwantu r-rikorrenti qatt ma rnexxielha tikseb smigħ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi, u inkwantu ma setgħetx teżerċita b’mod korrett id-drittijiet tad-difiża tagħha, inkluż id-dritt tagħha għal smigħ xieraq, iggarantit b’mod partikolari mill-Artikolu 6(3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Kieku tali smigħ seħħ fi żmien xieraq, ir-rikorrenti kienet tkun f’pożizzjoni tinforma lill-Kunsill bil-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Novembru 2021 lill-Kummissjoni Ewropea u bi tmiem l-attivitajiet tagħha f’Minsk.


    (1)  ĠU 2022, L 46, p. 97.

    (2)  ĠU 2022, L 46, p. 3.


    Top