Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TJ0112

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tas-17 ta’ April 2024.
    Ideella föreningen Svenska Bankföreningen med firma Svenska Bankföreningen, Näringsverksamhet u Länsförsäkringar Bank AB vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat – Leġiżlazzjoni fiskali Svediża – Taxxa fuq ir-riskju sistemiku tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Natura selettiva – Għan tal-miżura – Deroga mis-sistema ta’ referenza.
    Kawża T-112/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:250

     SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

    17 ta’ April 2024 ( *1 )

    “Għajnuna mill-Istat – Leġiżlazzjoni fiskali Svediża – Taxxa fuq ir-riskju sistemiku tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Natura selettiva – Għan tal-miżura – Deroga mis-sistema ta’ referenza”

    Fil-Kawża T‑112/22,

    Ideella föreningen Svenska Bankföreningen med firma Svenska Bankföreningen, Näringsverksamhet, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja),

    Länsförsäkringar Bank AB, stabbilita fi Stokkolma,

    irrappreżentati minn P. Hansson, M. Eriksson, M. Persson u A. Andersson, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Tomat u A. Steiblytė, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, F.-L. Göransson, H. Shev, H. Eklinder u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti,

    intervenjent,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

    komposta minn S. Papasavvas, President, R. da Silva Passos, M. Jaeger, S. Gervasoni u N. Półtorak (Relatriċi), Imħallfin,

    Reġistratur: P. Cullen, amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

    wara s-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Ideella föreningen Svenska Bankföreningen med firma Svenska Bankföreningen, Näringsverksamhet u Länsförsäkringar Bank AB, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea COM(2021) 8637 final, tal‑24 ta’ Novembru 2021, dwar il-miżura tal-Istat SA.56348 (2021/N) – Svezja: taxxa Svediża fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

    2

    L-ewwel rikorrenti, Ideella föreningen Svenska Bankföreningen med firma Svenska Bankföreningen, Näringsverksamhet, hija assoċjazzjoni Svediża ta’ bankiera, li tirrappreżenta l-31 membru tagħha fil-kuntest ta’ kawżi ta’ interess komuni, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali. Il-membri tagħha huma banek u istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Isvezja.

    3

    It-tieni rikorrenti, Länsförsäkringar Bank, hija membru ta’ din l-assoċjazzjoni ta’ bankiera.

    4

    Fit‑3 ta’ Settembru 2021, ir-Renju tal-Isvezja, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, ikkomunika lill-Kummissjoni abbozz ta’ liġi dwar taxxa fuq ir-riskji dovuta mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll abbozzi ta’ emendi tal-Liġi dwar il-Kreditu fuq Taxxa Barranija (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“abbozz ta’ liġi”). Ir-Renju tal-Isvezja qies madankollu li t-taxxa stabbilita (iktar ’il quddiem it-“taxxa”) ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ selettività previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE u li din għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-abbozz ta’ liġi ġie adottat u l-liġi daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2022.

    5

    Skont il-punt 2.1, Taqsima 1 tal-abbozz ta’ liġi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma obbligati jħallsu t-taxxa favur l-Istat.

    6

    Konformement mal-punt 2.1, Taqsima 4 tal-abbozz ta’ liġi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu Svediżi huma suġġetti għat-taxxa meta s-somma tad-djun tagħhom fil-bidu tas-sena fiskali taqbeż il-valur tal-limitu minimu previst mill-abbozz ta’ liġi. Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin, din id-dispożizzjoni tipprevedi li dawn jiġu ntaxxati meta, fil-bidu tas-sena fiskali, huma jkollhom djun attribwibbli għall-attivitajiet kummerċjali eżerċitati minn fergħa Svediża li s-somma tagħhom jaqbeż il-valur tal-limitu previst mill-abbozz ta’ liġi. Fil-motivi tal-abbozz ta’ liġi dwar l-imsemmija taqsima, isir riferiment għad-dritt Svediż għall-finijiet tad-definizzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jiġifieri l-banek Svediżi u l-kumpanniji Svediżi attivi fis-suq tal-kreditu, kif ukoll il-banek barranin u l-kumpanniji ta’ kreditu barranin. Minn dan jirriżulta li disa’ stabbilimenti ta’ kreditu huma suġġetti għat-taxxa.

    7

    Fil-punt 2.1, Taqsima 5 tal-abbozz ta’ liġi, il-valur tal-limitu huwa stabbilit għal 150 biljun krona Svediża (SEK) (madwar EUR 13.3 biljun) għas-snin fiskali li jibdew fl‑2022. Għas-snin fiskali li jibdew fl‑2023 jew iktar tard, il-limitu jitla’ għal SEK 150 biljun immultiplikat b’ċifra li tirrappreżenta r-relazzjoni bejn l-ammont bażiku tal-prezz fl‑2022 u l-ammont bażiku tal-prezz għas-sena li matulha bdiet is-sena fiskali inkwistjoni, espressa fil-forma ta’ perċentwali b’żewġ deċimali arrotondata ’l isfel, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

    8

    Il-punt 2.1, Taqsima 6 tal-abbozz ta’ liġi jirregola s-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jagħmlu parti minn grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Għalhekk, id-djun magħquda tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-grupp fil-bidu tas-sena fiskali jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2.1 tat-Taqsima 4 tal-abbozz ta’ liġi. Madankollu, fil-każ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu barranija li tagħmel parti minn grupp, huma biss id-djun attribwibbli għall-attivitajiet kummerċjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu li huma eżerċitati minn fergħa Svediża li jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-djun magħquda. Huwa previst ukoll li, minbarra l-allokazzjonijiet u r-riżervi mhux intaxxati, ċerti djun ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-djun magħquda, jiġifieri, minn naħa, id-djun lejn istituzzjoni ta’ kreditu Svediża li tagħmel parti mill-istess grupp u, min-naħa l-oħra, id-djun lejn istituzzjoni ta’ kreditu barranija li tagħmel parti mill-istess grupp, sa fejn il-krediti li jikkorrispondu għal dawn id-djun ikunu attribwibbli għall-attivitajiet kummerċjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu barranija li kienu eżerċitati minn fergħa Svediża.

    9

    Il-punt 2.1 tat-Taqsima 9 tal-abbozz ta’ liġi jistabbilixxi r-rata ta’ tassazzjoni għal 0.05 % tal-ammont tad-djun tal-istituzzjoni ta’ kreditu suġġett għal taxxa. Fil-punt 2.2 tal-abbozz ta’ liġi, huwa previst li r-rata ssir 0.06 % għas-sena fiskali 2023.

    10

    Fil-punt 2.3 tal-Kapitolu 5, Taqsima 1 tal-abbozz ta’ liġi huwa previst li, taħt ċerti kundizzjonijiet, entità suġġetta għat-taxxa u li għandha djun ma’ istituzzjoni ta’ kreditu barranija fi ħdan l-istess grupp għandha dritt għal kreditu għat-taxxa barranija mħallsa minn din l-istituzzjoni ta’ kreditu barranija.

    11

    Fit‑30 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lir-Renju tal-Isvezja, li dan wieġeb għaliha fil‑5 ta’ Ottubru 2021.

    Id‑deċiżjoni kkontestata

    12

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li t-taxxa ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba li ma kinitx tissodisfa l-kriterju ta’ selettività previst minn din id-dispożizzjoni.

    13

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-sistema fiskali “normali”, il-Kummissjoni qieset li peress li l-imsemmija sistema kienet limitata għat-taxxa, li kienet issegwi loġika proprja, din kienet indipendenti mis-sistemi fiskali nazzjonali l-oħra li l-elementi kostituttivi tagħhom kienu koerenti mal-għan tagħha, jiġifieri dak li ssaħħaħ il-finanzi pubbliċi permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar li jistgħu jiġġeneraw spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà, b’tali mod li ħolqot il-possibbiltà li tali spejjeż indiretti li jirriżultaw minn kriżijiet finanzjarji futuri jitħallsu. Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sistema “normali” ma kinitx imfassla skont parametri manifestament diskriminatorji intiżi li jevitaw id-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

    14

    Fit-tieni lok, l-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu esklużivament ikkonċernati mit-taxxa, li d-djun tagħhom kienu sors ta’ instabbiltà fir-rigward b’mod partikolari tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija reali, kienu differenti mill-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra, peress li dawn ma kellhomx l-istess livell ta’ riskju li jikkawżaw tali instabbiltà. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra ma kinux f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli fid-dawl tal-għan attribwit lit-taxxa.

    15

    It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset li l-limitu tad-djun stabbilit mit-taxxa kien intiż sabiex jirrifletti d-daqs tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, konsegwentement, ir-riskju li jinħolqu spejjeż indiretti sinjifikattivi. Għalhekk, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom ma kinux jaqbżu l-limitu previst mit-taxxa ma kinux f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli ma’ dik tal-istituzzjonijiet li d-djun tagħhom kienu jaqbżu dan il-limitu, fid-dawl tal-għan attribwit lit-taxxa u, għaldaqstant, l-eżenzjoni tagħhom mit-taxxa ma kinitx tikkostitwixxi deroga mis-sistema “normali”.

    It‑talbiet tal‑partijiet

    16

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    17

    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id‑dritt

    18

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom.

    19

    Skont ir-rikorrenti, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tat-taxxa, il-Kummissjoni kellu jkollha diffikultajiet serji. Konsegwentement, hija kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u tagħtihom il-possibbiltà li jesprimu l-opinjoni tagħhom u b’hekk jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżami tal-Kummissjoni dwar in-natura selettiva tat-taxxa mwettaq fid-deċiżjoni kkontestata.

    20

    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    Osservazzjonijiet preliminari

    21

    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE li għandha biss l-għan li tippermetti li l-Kummissjoni tasal għal opinjoni preliminari dwar l-għajnuna kkomunikata u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

    22

    Il-legalità ta’ deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżura kkomunikata, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ta’ din il-miżura fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 38).

    23

    Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u billi għamlet hekk, kisret id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, r-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura kkomunikata, kellha tqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Il-prova tal-eżistenza ta’ tali dubji, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kif ukoll fil-kontenut tagħha, għandha tiġi prodotta minn min jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 40 u tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni, T‑68/15, EU:T:2018:563, punt 63). F’dan ir-rigward, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk jeżistux indizji probatorji tal-assenza ta’ dubji dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna tal-miżura inkwistjoni. Għall-kuntrarju, hija kellha tfittex jekk ir-rikorrent ikunx ipproduċa l-prova tal-eżistenza ta’ tali dubji, jekk ikun il-każ permezz ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 73).

    25

    F’dan il-kuntest, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni, li l-preżenza tagħhom tobbligaha sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” huwa ta’ natura oġġettiva. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ma jistax ikun limitat biss għat-tfittxija tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2011, 3F vs Il‑Kummissjoni, T‑30/03 RENV, EU:T:2011:534, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il‑Kummissjoni, T‑304/08, EU:T:2012:351, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dubji dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna tat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet segwenti kollha jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, irid joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Ir-rikorrenti jippreċiżaw li “[d]an ir-rikors jikkontesta l-validità tal-eżami mill-Kummissjoni tal-miżura kkomunikata fir-rigward tal-kriterju ta’ selettività” sa fejn il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji f’dan ir-rigward u kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    30

    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-għoti ta’ vantaġġ selettiv, din teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li għalhekk iġarrbu trattament iddifferenzjat li essenzjalment ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-miżuri nazzjonali li jagħtu vantaġġ fiskali, għandu jitfakkar li miżura ta’ din in-natura li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra, tista’ tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji u tikkostitwixxi, għaldaqstant, “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, huwa meqjus b’mod partikolari bħala għajnuna mill-Istat intervent li jnaqqas il-piż li normalment jaqa’ fuq il-finanzi ta’ impriża u li, minħabba f’hekk, mingħajr ma jkun sussidju fis-sens strett tal-kelma, ikun tal-istess natura u jkollu effetti identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 30, u tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 36).

    32

    Sabiex miżura fiskali nazzjonali tiġi kklassifikata bħala “selettiva”, il-Kummissjoni għandha tidentifika, fl-ewwel lok, is-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u għandha turi, fit-tieni lok, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ referenza, sa fejn tintroduċi differenzjazzjonijiet bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema ta’ referenza, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” madankollu ma jirrigwardax il-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jasal juri sussegwentement li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata, fis-sens li din tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li dawn il-miżuri jagħmlu parti minnha (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżami tal-Kummissjoni mwettaq fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-ewwel żewġ stadji esposti fil-punt 32 iktar ’il fuq.

    34

    Kif jirriżulta mill-premessi 66, 70 u 72 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, minn naħa, li s-sistema ta’ referenza ma kinitx tfasslet b’mod manifestament diskriminatorju u, min-naħa l-oħra, li l-assenza ta’ ssuġġettar għat-taxxa ta’ ċerti tipi ta’ operaturi jew ta’ operaturi li d-djun akkumulati tagħhom kienu inqas mil-limitu stabbilit fl-abbozz ta’ liġi ma kinitx tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza sa fejn dawn l-operaturi ma kinux jinsabu, fid-dawl tal-għan attribwit lit-taxxa, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli ma’ dik tal-istabbilimenti bankarji suġġetti għal din it-taxxa.

    35

    Konsegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-diversi elementi tat-taxxa analizzati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, wara li jkun ġie ddeterminat l-għan imfittex mil-leġiżlatur nazzjonali.

    Fuq l‑għan tat‑taxxa

    36

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-għan tat-taxxa huwa ppreġudikat sa fejn huwa mmirat lejn l-“istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar”, minkejja l-fatt li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-ispejjeż indiretti fil-każ ta’ kriżi finanzjarja. Barra minn hekk, it-taxxa hija mmirata lejn ftit impriżi, f’suq li jinkludi iktar minn mitt impriża oħra. Dawn il-ftit impriżi għalhekk jaffaċċjaw żieda kunsiderevoli fit-taxxi tagħhom. It-taxxa hija mfassla b’tali mod li ftit impriżi biss jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ dawn l-ispejjeż indiretti. Madankollu, huwa paċifiku li l-impriżi li ma humiex suġġetti għat-taxxa jikkawżaw ukoll spejjeż indiretti. Għaldaqstant, il-miżura kkomunikata toħloq diskriminazzjoni mhux iġġustifikata, li kellha tkun evidenti għall-Kummissjoni fid-dawl tal-informazzjoni li hija kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li d-dħul li jirriżulta minn din it-taxxa huwa intiż li jintuża sabiex jitwettqu spejjeż pubbliċi addizzjonali, peress li l-għan tat-taxxa ma huwiex il-ħolqien ta’ fond intiż sabiex jikkumpensa spejjeż indiretti futuri, iwassal, tal-inqas, sabiex wieħed jistaqsi dwar l-għan effettiv tat-taxxa.

    37

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-abbozz ta’ liġi jippreċiża li l-għan tat-taxxa huwa li tiżdied it-tassazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar li, fil-każ ta’ kriżi finanzjarja, jkunu probabbilment jikkawżaw spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà. Ir-rikorrenti jindikaw li dawn l-ispejjeż joriġinaw primarjament mid-diffikultajiet ta’ ksib ta’ self mingħand banek f’perijodu ta’ kriżi finanzjarja. L-ispejjeż indiretti, ddefiniti b’mod vag fl-abbozz ta’ liġi, huma, essenzjalment, l-ispejjeż kollha li l-Istat jista’ jkollu jsostni f’każ ta’ tnaqqis fl-attività ekonomika. Barra minn hekk, l-għan tat-taxxa ma huwiex li jinħoloq fond intiż sabiex jikkumpensa l-ispejjeż indiretti futuri, iżda li jsaħħaħ il-finanzi pubbliċi sabiex ikun jista’ jsir infiq pubbliku addizzjonali.

    38

    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    39

    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 5.1 tal-abbozz ta’ liġi, it-taxxa hija intiża sabiex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi permezz tat-titjib tagħhom u permezz tal-preżervazzjoni tad-dejn pubbliku f’livell baxx sabiex tipprovdi marġni għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri. B’mod partikolari, huwa kkunsidrat li, b’finanzi pubbliċi iktar b’saħħithom, ir-Renju tal-Isvezja jkun ippreparat aħjar sabiex jaffronta l-isfidi u japplika l-miżuri neċessarji f’sitwazzjoni ta’ kriżi.

    40

    L-abbozz ta’ liġi jispeċifika wkoll li l-kriżijiet finanzjarji jiswew ħafna flus u jistgħu jikkawżaw, b’mod partikolari, spejjeż indiretti minħabba t-tnaqqis fiċ-ċiklu ekonomiku u d-deterjorament tal-finanzi pubbliċi. Madankollu, mhux l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha joħolqu l-istess riskju għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar jikkostitwixxu parti tant importanti ta’ din is-sistema li l-falliment jew id-disturb serju tagħhom joħloq, b’mod individwali, riskju sistemiku u jkollu impatt negattiv ħafna fuq l-imsemmija sistema, kif ukoll fuq l-ekonomija inġenerali. Għalhekk, hemm ir-riskju li l-problemi ta’ wieħed mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar jinfirxu malajr fis-sistema bankarja kollha. B’mod partikolari, il-pussess trażversali ta’ obbligi finanzjarji jiffavorixxi t-tixrid rapidu ta’ problema f’parti mis-sistema finanzjarja għall-partijiet oħra ta’ din is-sistema, b’tali mod li jhedded l-istabbiltà tagħha. Istituzzjonijiet ta’ kreditu żgħar li ma jkunux ta’ daqs kritiku għas-sistema finanzjarja ma jaffettwawx l-iżviluppi makroekonomiċi bl-istess mod bħall-istituzzjonijiet l-kbar. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li, minħabba d-daqs tagħhom u l-importanza tagħhom għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja u għall-iżvilupp makroekonomiku, jistgħu, fil-każ ta’ kriżi finanzjarja li l-okkorrenza tagħha ma tistax tiġi eskluża, jikkawżaw spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà, ikollhom iħallsu t-taxxa.

    41

    Minn dawn il-motivi tal-abbozz ta’ liġi jirriżulta li l-għan tat-taxxa huwa li jissaħħu l-finanzi pubbliċi permezz tat-titjib tagħhom u permezz tal-preżervazzjoni tad-dejn pubbliku f’livell baxx sabiex jiġi pprovdut marġni għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri billi jiġi impost il-ħlas tat-taxxa fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar, li l-falliment jew id-disturb serju tagħhom ikun joħloq, individwalment u minħabba d-daqs u l-importanza tagħhom għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja, riskju sistemiku u jkollu impatt negattiv ħafna fuq l-imsemmija sistema u fuq l-ekonomija inġenerali, b’tali mod li jikkawża spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà.

    42

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti invokaw il-possibbiltà li istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma humiex suġġetti għat-taxxa, meħuda kollettivament, jistgħu jkunu l-kawża ta’ spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà. Madankollu, anki jekk jitqies ammissibbli, dan l-argument għandu jiġi miċħud. Minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 41 iktar ’il fuq, it-tfassil tat-taxxa huwa bbażat fuq il-karatteristiċi individwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa jirrappreżentaw 90 % tad-djun totali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li joperaw fl-Isvezja. Issa, billi llimitaw ruħhom li jindikaw li dan il-perċentwali jista’ ma jkunx korrett mingħajr ma sostnew din l-allegazzjoni bi provi, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx jikkontestaw b’mod utli l-konstatazzjoni li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma humiex suġġetti għat-taxxa jirrappreżentaw biss 10 % tad-djun totali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li joperaw fl-Isvezja. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrewx li l-falliment tal-imsemmija istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux suġġetti għat-taxxa, anki jekk meħuda kollettivament, joħloq riskju sistemiku u jkollu impatt negattiv ħafna fuq is-sistema finanzjarja u fuq l-ekonomija inġenerali, bil-ħolqien ta’ spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà.

    43

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-possibbiltà li huma biss l-istabbilimenti ta’ kreditu l-kbar li jistgħu jikkawżaw, b’mod individwali, minħabba l-falliment tagħhom, riskju sistemiku u li jkollhom impatt negattiv ħafna fuq is-sistema finanzjarja u fuq l-ekonomija inġenerali, bil-ħolqien ta’ spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Isvezja, huma jikkontestaw din il-konstatazzjoni mingħajr ma jsostnu l-pożizzjoni tagħhom, filwaqt li jammettu li l-probabbiltà li bank ikun jikkawża spejjeż indiretti tirriżulta minn żewġ fatturi indipendenti, jiġifieri, minn naħa, il-probabbiltà li dan il-bank ifalli u, min-naħa l-oħra, mill-effetti kkawżati mill-falliment ta’ dan il-bank.

    Fuq is‑sistema ta’ referenza

    44

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha provi li kellhom iqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-elementi tas-sistema ta’ referenza mal-għan tat-taxxa. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tidher li ddeterminat is-sistema ta’ referenza billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni wiesgħa wisq tas-sovranità fiskali li jgawdu minnha l-Istati Membri.

    45

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta l-miżura fiskali inkwistjoni tkun inseparabbli mis-sistema fiskali ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jsir riferiment għal din is-sistema. Għall-kuntrarju, meta jidher li tali miżura tista’ tiġi sseparata b’mod ċar mill-imsemmija sistema ġenerali, ma jistax jiġi eskluż li l-qafas ta’ referenza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jkun iktar limitat minn din is-sistema ġenerali, jew saħansitra li jidentifika ruħu mal-miżura stess, meta din tkun tippreżenta ruħha bħala regola li għandha loġika ġuridika awtonoma u li huwa impossibbli li jiġi identifikat grupp normattiv koerenti barra minn din il-miżura (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 63). Għalhekk, miżura tista’ tikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza tagħha stess meta hija tistabbilixxi sistema fiskali ddefinita b’mod ċar, li ssegwi għanijiet speċifiċi u li għalhekk hija distinta minn kull sistema fiskali oħra applikata fl-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, World Duty Free Group vs Il‑Kummissjoni, T‑219/10 RENV, EU:T:2018:784, punt 127).

    47

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-sistema ta’ referenza bħala limitata għat-taxxa, ħaġa li r-rikorrenti ma jikkontestawx bħala tali.

    48

    Għandu jiġi rrilevat li l-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa jifformaw, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali” għall-finijiet tal-analiżi tal-kundizzjoni ta’ selettività. Madankollu, ma huwiex eskluż li dawn il-karatteristiċi jistgħu jiżvelaw element manifestament diskriminatorju, fatt li madankollu għandu jintwera mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 42, u tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 48). Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-kawża, fir-rigward tar-rifjut min-naħa tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-rikorrenti għandhom juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni fl-eżami tagħha tal-kundizzjoni ta’ selettività, li hija l-unika waħda inkwistjoni f’dan il-każ.

    49

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi tat-taxxa jurux element manifestament diskriminatorju, għandu jiġi ddeterminat jekk l-għażla tal-kriterji ta’ tassazzjoni, billi tiffavorixxi lil ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu, tidhirx inkoerenti fid-dawl tal-għan ta’ din it-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 43, u tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 49).

    50

    F’dan ir-rigward, f’oqsma li ma humiex oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina, permezz tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u b’osservanza tal-awtonomija fiskali tiegħu u tad-dritt tal-Unjoni, il-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa, li jiddefinixxu, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali”, li abbażi tagħha għandha tiġi analizzata l-kundizzjoni dwar in-natura selettiva. Dan japplika b’mod partikolari għad-determinazzjoni tal-għażla tar-rata tat-taxxa, tal-bażi tat-taxxa, tal-fatt taxxabbli tagħha, tal-limitu u tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-bażi tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punti 3839, u tas‑26 ta’ Marzu 2018, ANGED, C‑236/16 u C‑237/16, EU:C:2018:291, punt 43). Barra minn hekk, irrispettivament minn jekk it-tassazzjoni tkunx b’rata unika jew progressiva, il-livell ta’ ġbir jifforma parti wkoll, l-istess bħall-kamp tal-persuni taxxabbli, mill-karatteristiċi fundamentali tas-sistema legali ta’ ġbir fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑836/16 u T‑624/17, EU:T:2019:338, punt 65, u tas‑27 ta’ Ġunju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑20/17, EU:T:2019:448, punt 80).

    51

    Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jaqgħu fil-kompetenza fiskali tal-Istati Membri d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa u t-tqassim tal-piż fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni u d-diversi setturi ekonomiċi (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 50).

    52

    Skont ir-rikorrenti, il-parametri tat-taxxa manifestament ma humiex kompatibbli mal-għan tagħha, li, fid-dawl tal-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni, kellha tqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna tat-taxxa.

    53

    B’mod partikolari, dawn jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-bażi tat-taxxa bbażata fuq id-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, it-tieni nett, il-persuni taxxabbli, it-tielet nett, il-limitu tat-taxxa u, ir-raba’ nett, il-mekkaniżmu ta’ konsolidazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-limitu u tal-bażi fiskali.

    Fuq il‑bażi tat‑taxxa bbażata fuq id‑djun tal‑istituzzjonijiet ta’ kreditu

    54

    Skont ir-rikorrenti, id-djun ma humiex assoċjati mar-riskji, kuntrarjament għall-assi. L-istess jgħodd għad-daqs tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif jaffermaw ċerti istituzzjonijiet nazzjonali, l-letteratura ekonomika u l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu mogħtija lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar Svediżi. Barra minn hekk, l-ispejjeż indiretti jew ir-riskju ta’ tali spejjeż ma humiex direttament proporzjonali għad-djun ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, fatt li ġie kkomunikat lill-Kummissjoni. Ċertament, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tagħżel l-indikatur l-iktar xieraq sabiex tevalwa r-riskju ta’ spejjeż indiretti fil-kuntest tal-eżami preliminari tat-taxxa tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni hija obbligata tiddetermina jekk il-bażi fiskali magħżula mir-Renju tal-Isvezja tkunx introduċiet parametru manifestament diskriminatorju fis-sistema ta’ referenza. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza reċenti dwar il-miżuri fiskali u dwar is-selettività, jew il-miżura kkomunikata kienet timponi piż fiskali sinjifikattiv fuq il-bażi fiskali kollha tal-impriżi, jew inkella ma kienet timponi assolutament ebda piż fiskali.

    55

    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    56

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-volum tad-djun ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kien indikatur fost oħrajn tad-daqs tagħha b’mod ġenerali, tal-importanza tagħha u tar-riskju li l-falliment tagħha jista’ joħloq għas-sitwazzjoni makroekonomika fl-Isvezja. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, dan il-kriterju kien koerenti mal-għan tat-taxxa u ma kien juri l-ebda element manifestament diskriminatorju.

    57

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li tassazzjoni mhux progressiva tkun ibbażata fuq is-somma akkumulata tad-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-fatt li jeżistu indikaturi iktar rilevanti jew iktar preċiżi mis-somma akkumulata tad-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu huwa indifferenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li d-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam jirrigwarda biss it-tneħħija tal-vantaġġi selettivi li minnhom jistgħu jibbenefikaw ċerti impriżi għad-detriment ta’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 41, u tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 47).

    58

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif ġie espost fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, it-taxxa ma hijiex intiża sabiex tipprevjeni jew tirrimedja r-riskji li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirrappreżentaw, iżda sabiex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi nazzjonali sabiex tipprovdi marġni għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri billi timponi l-ħlas tat-taxxa fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar, li l-falliment jew id-disturb serju tagħhom ikun joħloq, individwalment u minħabba d-daqs u l-importanza tagħhom għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja, riskju sistemiku u jkollu impatt negattiv ħafna fuq l-imsemmija sistema u fuq l-ekonomija inġenerali, b’tali mod li jikkawża spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà.

    59

    Barra minn hekk, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pussess trażversali ta’ obbligi finanzjarji, imsemmi fil-punt 40 iktar’ il fuq, iktar ma jkun għoli l-livell tad-djun, ikbar ikun ir-riskju għas-sistema finanzjarja sa fejn, fil-każ ta’ falliment, l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li tonora d-djun kbar tagħha li, konsegwentement, joħloq riskju ta’ falliment tal-kredituri tagħha u, konsegwentement, spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà. Minn dan jirriżulta li kriterju bbażat fuq il-limitu tad-dejn, bħal dak adottat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-każ, sabiex issir distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont jekk l-impatt tagħhom fuq is-sistema finanzjarja jkunx iktar jew inqas qawwi, huwa koerenti mal-għan segwit (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 53).

    60

    Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur nazzjonali ma kkunsidrax li d-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar jagħmluhom iktar esposti għal riskji, iżda li, għall-kuntrarju, huwa ffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk, ladarba jseħħ, il-falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu setax jikkawża, fuq bażi individwali, spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà.

    61

    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar il-bażi tat-taxxa.

    Fuq il‑persuni taxxabbli

    62

    Ir-rikorrenti jinvokaw, minbarra l-eteroġeneità tad-disa’ istituzzjonijiet suġġetti għat-taxxa, l-assenza ta’ korrelazzjoni bejn il-lista ta’ dawn l-istituzzjonijiet u l-lista tal-istituzzjonijiet ta’ importanza sistemika identifikati mir-Riksgäldskontoret (l-Uffiċċju tad-Dejn Nazzjonali, l-Isvezja) fil-kuntest tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), sa fejn din l-aħħar lista tinkludi biss sitta mid-disa’ istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa, mingħajr ma l-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, wieħed mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa jagħti self esklużivament lill-komuni Svediżi u, għalhekk, ma jagħti lok għal ebda spiża indiretta.

    63

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li, skont id-Direttiva 2014/59, il-banek jikkontribwixxu għal fond ta’ riżoluzzjoni u li, mid-disa’ banek identifikati mill-Uffiċċju tad-Dejn Nazzjonali bħala ta’ importanza sistemika, li jimplika kontribuzzjonijiet sinjifikattivament ogħla għall-imsemmi fond u l-osservanza ta’ rekwiżiti iktar stretti, sitta biss kienu obbligati jħallsu t-taxxa. Barra minn hekk, minħabba dawn il-kontribuzzjonijiet ogħla u dawn ir-rekwiżiti iktar stretti, l-istituzzjonijiet ta’ importanza sistemika jkunu iktar reżiljenti u inqas probabbli li jikkawżaw spejjeż indiretti.

    64

    Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ stabbiltà finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 44, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2 u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29).

    65

    Flimkien ma’ dawn il-mekkaniżmi għandu jiżdied, minn naħa, il-fatt li r-Renju tal-Isvezja għażel rekwiżiti iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmu ta’ garanzija tad-depożiti bankarji tad-depożitanti individwali fl-ammont ta’ EUR 100000 skont id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, Vol. 173, p. 149, rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37). Barra minn hekk, matul it-testijiet ta’ reżistenza mwettqa fl‑2021 mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), il-ħames banek Svediżi li kienu s-suġġett ta’ dawn it-testijiet kisbu riżultati eċċellenti.

    66

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw l-ambjent kompetittiv tas-settur finanzjarju nazzjonali. Fil-fehma tagħhom, dan l-aspett huwa rilevanti sabiex tinftiehem ir-rabta bejn l-impriżi suġġetti għat-taxxa u r-riskju li jinħolqu spejjeż indiretti skont l-ishma tagħhom tas-suq fis-setturi finanzjarji differenti. Madankollu, mhux il-banek kollha suġġetti għat-taxxa għandhom ishma kbar tas-suq fis-swieq rilevanti kollha. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, jekk il-banek jikkompetu fl-istess suq u xi wħud minnhom ikunu suġġetti għat-taxxa u oħrajn ikunu eżentati mit-taxxa b’mod selettiv, dan jaffettwa u jbiddel il-kompetizzjoni fis-suq, li juri l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.

    67

    Ir-rikorrenti jżidu li s-settur finanzjarju Svediż jinkludi diversi impriżi differenti attivi f’segment wieħed jew iktar tas-suq li huma f’kompetizzjoni mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa.

    68

    Skont ir-rikorrenti, l-assenza ta’ rekwiżiti imposti fuq dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra tista’ tirrappreżenta theddida addizzjonali għall-istabbiltà finanzjarja u riskji addizzjonali ta’ spejjeż indiretti għall-Istat. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll l-importanza tal-fondi ipotekarji fis-settur tas-self ipotekarju lill-unitajiet domestiċi.

    69

    Ir-rikorrenti jikkonkludu li, peress li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jikkawżaw spejjeż indiretti, ma huwiex neċessarju li ssir distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-finijiet tat-tassazzjoni.

    70

    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    71

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-persuni taxxabbli kienu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar li l-falliment tagħhom jew id-disturb serju tal-attivitajiet tagħhom seta’ jikkawża, individwalment, spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà Svediża f’każ ta’ kriżi finanzjarja. Skont il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar jista’ jkollhom importanza sistemika, ikollhom influwenza u impatt fuq is-suq u kienu ta’ daqs kritiku għall-ekonomija reali. Il-Kummissjoni osservat li, kif jindika r-Renju tal-Isvezja, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ż-żgħar jistgħu jaffettwaw l-iżviluppi makroekonomiċi f’livell differenti minn dak tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar.

    72

    Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra huma suġġetti għal sistema regolatorja differenti u ġeneralment inqas stretta, fatt li jindika li huma għandhom kapaċità inqas li jiġġeneraw riskji sistemiċi u spejjeż indiretti. Fir-rigward tal-fondi ipotekarji, li, skont il-Kummissjoni, kellhom fi kwalunkwe każ parti limitata fis-suq tal-ipoteki, hija qieset li dawn il-fondi ma kinux involuti f’ċerti attivitajiet bħall-aċċettazzjoni ta’ depożiti jew l-għoti ta’ self lil kumpanniji mhux finanzjarji, iktar u iktar peress li kienu differenti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-funzjonament tagħhom u kienu jaqgħu f’kuntest leġiżlattiv differenti.

    73

    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-assenza ta’ korrelazzjoni perfetta bejn il-lista tal-istituzzjonijiet ta’ importanza sistemika identifikati mill-Uffiċċju tad-Dejn Nazzjonali u l-lista tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa. Fil-fatt, kif jaffermaw ir-rikorrenti, l-Uffiċċju tad-Dejn Nazzjonali huwa l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Svediża fis-sens tad-Direttiva 2014/59. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostnew, essenzjalment, li l-lista tal-istituzzjonijiet ta’ importanza sistemika identifikati mill-Uffiċċju tad-Dejn Nazzjonali ma ġietx stabbilita abbażi ta’ kriterji speċifiċi u li għalhekk ma kinux l-istess kriterji bħal dawk li ntużaw għall-istabbiliment tal-lista tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa.

    74

    Barra minn hekk, kif jikkonfermaw ir-rikorrenti, is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2014/59, kif ukoll mir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), hija intiża sabiex tnaqqas kemm jista’ jkun l-ispejjeż diretti sinjifikattivi għas-soċjetà, b’mod partikolari fil-każ ta’ falliment ta’ dawn l-istituzzjonijiet, u mhux l-ispejjeż indiretti. Ir-rikorrenti jippreċiżaw, madankollu, li huwa inqas probabbli li l-impriżi li għalihom japplikaw ir-regoli l-iktar stretti ta’ din is-sistema joħolqu spejjeż indiretti, peress li huwa inqas probabbli li dawn ifallu. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 60 iktar ’il fuq, it-taxxa ma tirrigwardax l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jirrappreżentaw riskju ikbar ta’ falliment, iżda tapplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-falliment tagħhom, ladarba jseħħ, jista’ joħloq, individwalment, spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà.

    75

    L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tar-Regolament Nru 575/2013, tad-Direttiva 2014/49 u tat-testijiet ta’ reżistenza mwettqa fl‑2021 mill-ABE. Fil-fatt, minn naħa, ir-rekwiżiti fil-qasam ta’ fondi proprji u l-mekkaniżmu ta’ garanzija tad-depożiti bankarji huma intiżi li jirrimedjaw l-ispejjeż diretti billi jevitaw l-falliment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u t-telf tad-depożiti tad-depożitanti, li huma persuni fiżiċi. Min-naħa l-oħra, it-testijiet ta’ reżistenza jirrigwardaw ir-riskju ta’ falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Issa, it-taxxa ma hijiex intiża sabiex tipprevjeni eventwali fallimenti tal-istabbilimenti bankarji, u lanqas sabiex tevita spejjeż diretti, iżda sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż indiretti kkawżati mill-eventwali falliment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa.

    76

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ambjent kompetittiv tas-settur finanzjarju nazzjonali, li, skont ir-rikorrenti, huwa rilevanti sabiex tinftiehem ir-rabta bejn l-impriżi suġġetti għat-taxxa u r-riskju li jinħolqu spejjeż indiretti skont l-ishma tagħhom fis-suq fis-setturi finanzjarji differenti, l-ewwel nett, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt taxxabbli ma huwiex ikkostitwit mill-ishma tas-suq miżmuma mill-persuni taxxabbli, iżda mil-livell tad-djun tagħhom. Issa, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq, ir-Renju tal-Isvezja kellu d-dritt jiddetermina, permezz tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u b’osservanza tal-awtonomija fiskali tiegħu u tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt taxxabbli u l-bażi ta’ din it-taxxa.

    77

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma jsostnux li impriżi oħra attivi f’settur wieħed jew iktar tas-suq, li kienu f’kompetizzjoni mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa, kellhom djun ta’ iktar minn SEK 150 biljun. Fil-fatt, huma sempliċement isostnu li dawn l-impriżi jikkompetu mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa mingħajr ma jispjegaw kif il-falliment tagħhom jista’ jikkawża, individwalment, spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà.

    78

    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-assenza ta’ rekwiżiti imposti fuq istituzzjonijiet finanzjarji oħra tista’ tirrappreżenta theddida addizzjonali għall-istabbiltà finanzjarja u għar-riskji addizzjonali ta’ spejjeż indiretti għall-Istat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti ma jipprovdux spjegazzjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li teżisti xi theddida għall-istabbiltà finanzjarja, b’tali mod li dan l-argument jista’ jiġi miċħud bħala mhux sostnut.

    79

    Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-argument li wieħed mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għat-taxxa tislef esklużivament lill-komuni Svediżi u, għalhekk, ma twassal għal ebda spiża indiretta, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma tkun obbligata teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari ta’ din l-iskema. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali fuq il-bażi ta’ din l-iskema (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni, C‑471/09 P sa C‑473/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:521, punti 98 u 99, u tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 60). Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma kkontestawx l-argumenti tal-Kummissjoni u tar-Renju tal-Isvezja li jgħidu li l-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu ma kinitx kompletament eżentata minn kull riskju ta’ falliment.

    80

    Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha huma l-kawża ta’ spejjeż indiretti, għandu jitfakkar li, kif huwa indikat fil-punt 41 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur fiskali Svediż kellu l-għan li jissuġġetta għat-taxxa l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-falliment jew id-disturb serju tagħhom joħloq, b’mod individwali u minħabba d-daqs u l-importanza tagħhom għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja, riskju sistemiku u jkollu impatt negattiv ħafna fuq l-imsemmija sistema u fuq l-ekonomija inġenerali, bil-ħolqien ta’ spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà. Għalhekk, anki jekk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jistgħu jkunu l-kawża ta’ ċerti spejjeż indiretti, jiġifieri li huma jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiġġeneraw dawn l-ispejjeż, minn dan ma jirriżultax li, fil-każ ta’ falliment, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jistgħu jikkawżaw l-imsemmija konsegwenzi. Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li l-impatt fuq is-sistema finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiddependi ħafna mid-daqs tagħhom u mil-livell tad-djun tagħhom, kif ġie rrilevat fil-punt 59 iktar ’il fuq (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 53). Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti ammettew li l-ikbar istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkawżaw spejjeż indiretti ikbar.

    81

    Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-punti 42 u 43 iktar ’il fuq, minn naħa, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar waħedhom li jikkawżaw, b’mod individwali, permezz tal-falliment tagħhom, riskju sistemiku, li jkollhom impatt negattiv ħafna fuq is-sistema finanzjarja u fuq l-ekonomija b’mod ġenerali u li jikkawżaw spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà. Min-naħa l-oħra, huma ma wrewx li l-falliment tal-istituzzjonijiet mhux suġġetti għat-taxxa, anki jekk meħuda kollettivament, ikollu l-istess konsegwenzi.

    82

    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar il-persuni taxxabbli.

    Fuq il‑limitu tal‑issuġġettar għat‑taxxa

    83

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha huma l-kawża ta’ spejjeż indiretti għas-soċjetà f’każ ta’ kriżi finanzjarja. Barra minn hekk, fl-abbozz ta’ liġi, il-Gvern Svediż ma weriex li r-riskji involuti jseħħu biss meta l-limitu tal-issuġġettar għat-taxxa jkun inqabeż. Għalhekk, il-banek il-kbar iħallsu għall-ispejjeż indiretti kollha li huma kkawżaw, filwaqt li l-kompetituri tagħhom huma eżentati b’mod selettiv mill-ħlas ta’ kwalunkwe spiża li huma jkunu kkawżaw.

    84

    Barra minn hekk, it-taxxa ma hijiex taxxa b’għan speċjali, peress li l-għan tagħha huwa purament fiskali, li jikkonsisti fiż-żieda tad-dħul fiskali mingħajr ma tipprova tinfluwenza l-aġir tal-persuni taxxabbli.

    85

    Ir-rikorrenti jżidu li, meta impriża tilħaq il-valur tal-limitu ta’ tassazzjoni, it-taxxa tintalab abbażi tad-djun kollha meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-imsemmi limitu. Barra minn hekk, il-limitu tat-taxxa ma jistax jiġi assimilat ma’ rata progressiva ta’ taxxa.

    86

    Huma jikkontestaw ukoll l-analiżi tal-Kummissjoni u l-interpretazzjoni tagħha tas-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED (C‑233/16, EU:C:2018:280), li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, dan huwa kuntest differenti minn dak ta’ hawnhekk u, min-naħa l-oħra, il-limitu tal-issuġġettar għat-taxxa inkwistjoni f’dik il-kawża ġie applikat b’mod differenti sa fejn l-imsemmija taxxa ġiet imposta biss fuq il-parti li taqbeż il-limitu, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

    87

    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    88

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-limitu ta’ SEK 150 biljun ma kienx jikkostitwixxi element manifestament diskriminatorju u kien jirrappreżenta l-espressjoni leġittima tal-eżerċizzju tas-sovranità tar-Renju tal-Isvezja. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu jiżgura li l-persuni taxxabbli jirrappreżentaw 90 % tat-total tal-karta tal-bilanċ aggregata tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Isvezja, inklużi l-fergħat Svediżi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin.

    89

    F’dan ir-rigward, dawn l-eżempji jikkonfermaw li hemm taxxi li n-natura tagħhom ma tipprekludix li jkollhom mekkaniżmi ta’ varjazzjoni, li jistgħu jaslu sal-eżenzjonijiet, mingħajr madankollu ma dawn il-mekkaniżmi jwasslu għall-għoti ta’ vantaġġi selettivi. Dispożizzjonijiet partikolari previsti għal ċerti impriżi minħabba s-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom, li bihom jibbenefikaw minn varjazzjoni, jew saħansitra minn eżenzjoni, fit-taxxa, ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu vantaġġ selettiv jekk dawn il-mekkaniżmi ma jmorrux kontra l-għan tat-taxxa inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑836/16 u T‑624/17, EU:T:2019:338, punt 89, u tas‑27 ta’ Ġunju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑20/17, EU:T:2019:448, punt 101).

    90

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-determinazzjoni tal-livell ta’ dan il-limitu u tal-modalitajiet tal-kalkolu tal-bażi tat-taxxa taqa’ fil-marġni ta’ evalwazzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali u hija bbażata, ukoll, fuq evalwazzjonijiet tekniċi u kumplessi li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tapplika biss stħarriġ ġudizzjarju limitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED,C‑236/16 u C‑237/16, EU:C:2018:291, punt 43).

    91

    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li r-Renju tal-Isvezja ma jistax jiġi prekluż, minn naħa, milli jistabbilixxi taxxa b’limitu ta’ tassazzjoni u, min-naħa l-oħra, milli jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ varjazzjoni li jwassal sa eżenzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu taħt l-imsemmi livell, sakemm dawn l-elementi ma jiksrux l-għan tat-taxxa.

    92

    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmi limitu jiksirx l-għan tat-taxxa jew huwiex manifestament diskriminatorju.

    93

    F’dan ir-rigward, minn naħa, fir-rigward tal-argument li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha huma l-kawża ta’ spejjeż indiretti għas-soċjetà fil-każ ta’ kriżi finanzjarja, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, kif indikat fil-punt 41 iktar ’il fuq, l-għan tat-taxxa huwa li jissaħħu l-finanzi pubbliċi permezz tat-titjib tagħhom u permezz taż-żamma tad-dejn pubbliku f’livell baxx sabiex jiġi pprovdut marġni għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri billi jiġi impost il-ħlas tat-taxxa fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar, li l-falliment jew id-disturb serju tagħhom ikun joħloq, individwalment u minħabba d-daqs u l-importanza tagħhom għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja, riskju sistemiku u jkollu impatt negattiv ħafna fuq l-imsemmija sistema u fuq l-ekonomija inġenerali, bil-ħolqien ta’ spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà. Ir-Renju tal-Isvezja jqis li l-falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li d-djun tagħha jaqbżu l-limitu ta’ SEK 150 biljun joħloq tali riskji u jikkawża spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx din il-konstatazzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali u, kif ġie rrilevat fil-punt 43 iktar ’il fuq, huma ma jsostnux li l-falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li d-djun tagħha jkunu jinsabu taħt l-imsemmi limitu jista’ jwassal għall-istess konsegwenzi. Barra minn hekk, kif huwa indikat fil-punt 59 iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pussess trażversali ta’ obbligi finanzjarji, iktar ma jkun għoli l-livell ta’ dejn, ikbar ikun ir-riskju għas-sistema finanzjarja sa fejn, fil-każ ta’ falliment, l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li tonora d-djun sinjifikattivi tagħha, li, konsegwentement, iwassal għal riskju li jipprovoka falliment tal-kredituri tagħha u għalhekk għal riskju sistemiku.

    94

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument li t-taxxa ma għandhiex għan speċjali u ma hijiex intiża li tinfluwenza l-aġir tal-persuni taxxabbli, r-rikorrenti ma spjegawx għal liema raġuni huwa meħtieġ li t-taxxa tkun intiża li tinfluwenza l-aġir tal-persuni taxxabbli. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-għan tagħha, it-taxxa hija intiża għat-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi permezz tat-titjib tagħhom u permezz tal-preżervazzjoni tad-dejn pubbliku f’livell baxx sabiex tipprovdi marġni għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri. L-ebda għan partikolari ieħor, bħall-influwenza tal-aġir tal-persuni taxxabbli, ma ssemma fl-abbozz ta’ liġi. Għalhekk, dan l-argument ma jistax jintlaqa’, peress li t-taxxa ma għandhiex l-għan li tipprevjeni t-teħid ta’ riskju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għaliha jew il-falliment tagħhom, iżda li tiżgura ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi fil-każ ta’ falliment ta’ wieħed minn dawn l-istituzzjonijiet.

    95

    Bl-istess mod, il-fatt li d-dħul mit-taxxa jiffinanzja l-baġit tal-Istat huwa konformi mal-għan iċċitat fil-punt 94 iktar ’il fuq.

    96

    Barra minn hekk, minn naħa, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess u kif ġie kkonfermat mir-rikorrenti waqt is-seduta, ma kinux jeżistu istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux suġġetti għat-taxxa li l-livell tad-dejn tagħhom huwa qrib il-limitu ta’ SEK 150 biljun.

    97

    Min-naħa l-oħra, mingħajr ma dan huwa kkontestat b’mod utli mir-rikorrenti (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu tiżgura li l-persuni suġġetti għat-taxxa jirrappreżentaw 90 % tat-total tal-karta tal-bilanċ aggregata tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Isvezja.

    98

    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma ressqux argumenti li jippermettu li l-limitu ta’ SEK 150 biljun jitqies bħala manifestament mhux xieraq fir-rigward tal-għanijiet tat-taxxa. Huma lanqas ma indikaw liema livell ieħor kien ikun xieraq għal dan il-limitu. Fil-fatt, jidher li huma jikkontestaw l-eżistenza stess ta’ limitu. Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 89 u 90 iktar ’il fuq, l-implimentazzjoni mil-leġiżlatur nazzjonali ta’ limiti ma tmurx, fiha nnifisha, kontra d-dritt tal-Unjoni.

    99

    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar il-limitu tal-issuġġettar għat-taxxa.

    Fuq il‑mekkaniżmu ta’ konsolidazzjoni

    100

    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-mekkaniżmu ta’ konsolidazzjoni għas-sitwazzjonijiet fi ħdan il-gruppi użat għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu u tal-bażi fiskali, sa fejn id-djun fi ħdan il-gruppi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nazzjonali u tal-fergħat transkonfinali jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-limitu. Fil-fatt, ma teżistix rabta diretta bejn l-ispejjeż indiretti fl-Isvezja u d-djun attribwibbli lil fergħa barranija ta’ istituzzjoni ta’ kreditu Svediża, filwaqt li d-djun ta’ dawn il-fergħat jirrappreżentaw parti mhux negliġibbli tal-bażi fiskali kollha.

    101

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ispejjeż indiretti, s-sussidjarji barranin tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu Svediżi u l-fergħat barranin ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jinsabu f’sitwazzjoni simili. Issa, dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet huma ttrattati b’mod differenti, peress li huma biss id-djun tal-fergħat barranin tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu Svediżi li huma inklużi fil-bażi tat-taxxa. Barra minn hekk, f’nuqqas ta’ simetrija mat-trattament tal-fergħat barranin tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu Svediżi li d-djun tagħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa, id-djun tal-fergħat li jinsabu fl-Isvezja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni għall-imsemmi kalkolu.

    102

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    103

    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata u mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, l-fergħa ta’ istituzzjoni ta’ kreditu Svediża ma għandhiex personalità ġuridika indipendenti mill-istituzzjoni li minnha tiddependi u hija koperta mill-istess liċenzja, b’kuntrast ma’ sussidjarji li jikkostitwixxu entitajiet ġuridiċi separati. Għalhekk, kull obbligu finanzjarju ta’ fergħa jaqa’ fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu Svediża li fuqha din tiddependi u kriżi li taffettwa lil din il-fergħa taffettwa l-kumpannija omm tagħha billi tikkawża spejjeż indiretti, mhux biss fl-Istat fejn hija stabbilita, iżda wkoll fl-Isvezja. Konsegwentement, ma hemmx lok li jitqies li l-Kummissjoni kellha jkollha dubji dwar dan il-mekkaniżmu, peress li l-fergħat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu Svediża huma marbuta ma’ din tal-aħħar u li, għaldaqstant, il-falliment tagħhom jipproduċi effetti wkoll fl-Isvezja.

    104

    Sussegwentement, għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument li s-sussidjarji barranin u l-fergħat barranin ta’ istituzzjoni ta’ kreditu Svediża jinsabu f’sitwazzjoni simili, peress li, kif huwa indikat fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, b’differenza mill-fergħat, is-sussidjarji huma entitajiet ġuridiċi li huma separati mill-kumpanniji omm tagħhom u li joperaw taħt liċenzja distinta maħruġa mill-Istat ta’ stabbiliment tagħhom.

    105

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ simetrija bejn it-trattament tad-djun tal-fergħat barranin ta’ istituzzjoni ta’ kreditu Svediża u d-djun tal-fergħat li jinsabu fl-Isvezja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin. Fil-fatt, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-fergħat stabbiliti fl-Isvezja ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin setgħu jikkawżaw spejjeż indiretti kemm fl-Isvezja kif ukoll fl-Istat fejn tinsab il-kumpannija omm. Konsegwentement, din iċ-ċirkustanza ma tinvolvi ebda nuqqas ta’ simetrija, peress li d-djun tal-fergħat barranin ta’ istituzzjoni ta’ kreditu Svediża jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-Isvezja mingħajr ma dan jipprekludi, jekk ikun il-każ, eventwali teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn id-djun ukoll fl-Istat fejn il-fergħat ġew stabbiliti.

    106

    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrewx li l-mekkaniżmu ta’ konsolidazzjoni jikkostitwixxi element manifestament diskriminatorju u, għaldaqstant, li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

    Fuq id‑deroga mis‑sistema ta’ referenza

    107

    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, kieku l-Qorti Ġenerali kellha taċċetta s-sistema ta’ referenza kif iddefinita fid-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti tagħhom dwar l-elementi kostituttivi ta’ din is-sistema jibqgħu validi fir-rigward tad-derogi minn din tal-aħħar.

    108

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-eżistenza ta’ deroga dwar it-trattament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom ma jaqbżux il-limitu ta’ SEK 150 biljun, ir-rikorrenti jsostnu li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom huma inqas mil-livell ma jimplikawx li l-Istat ma huwiex espost għal spejjeż indiretti fir-rigward tagħhom fil-każ ta’ kriżi finanzjarja. Fil-fatt, id-differenza bejn dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk li d-djun tagħhom jaqbżu l-imsemmi limitu ma tirrigwardax l-eżistenza ta’ riskji sostnuti mill-Istat, iżda l-portata tagħhom. Għaldaqstant, teżisti deroga mis-sistema ta’ referenza, peress li ssir manifestament diskriminazzjoni bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli. Barra minn hekk, mill-perspettiva legali, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom huma ogħla u dawk li d-djun tagħhom huma inqas mill-imsemmi limitu ma humiex suġġetti għal obbligi ta’ konformità, ta’ kontabbiltà u fiskali manifestament differenti, li huma bbażati fuq l-istess tip u fuq l-istess livell ta’ limitu ta’ djun.

    109

    Barra minn hekk, it-taxxa hija kontribuzzjoni ġenerali għad-dħul tal-Istat li tista’ tintuża għal finijiet differenti, li l-għan reali tagħhom huwa li jissaħħu l-finanzi pubbliċi permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, ma kienx hemm raġuni valida għall-introduzzjoni ta’ differenzazzjonijiet bejn l-impriżi ta’ settur partikolari, peress li l-għan tat-taxxa kien ta’ natura ġenerali. Barra minn hekk, il-Gvern kellu jipproponi li jirriżerva l-fondi miġbura mit-taxxa għall-kriżijiet finanzjarji futuri.

    110

    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ derogi fir-rigward tat-trattament tal-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra, ir-rikorrenti jirreferu għall-argumenti mfakkra fil-punt 68 iktar ’il fuq.

    111

    Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, it-taxxa hija a priori selettiva u l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    112

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    113

    Fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, il-Kummissjoni qieset li t-taxxa ma kinitx tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza fid-dawl tat-trattament ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Fil-fatt, dawn ma għandhomx struttura ta’ djun bl-istess livell ta’ instabbiltà u huma suġġetti għal sistemi regolatorji differenti u inqas stretti, li jissuġġerixxi li huwa inqas probabbli li joħolqu riskju sistemiku u spejjeż indiretti. Għaldaqstant, dawn l-istituzzjonijiet ma jinsabux f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli ma’ dik tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tal-għan tat-taxxa.

    114

    Fir-rigward tal-fondi ipotekarji, li fi kwalunkwe każ għandhom parti limitata mis-suq tal-ipoteki, il-Kummissjoni qieset li dawn ma kinux involuti f’ċerti attivitajiet kritiċi simili għal dawk tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Barra minn hekk, huma differenti fuq il-bażi tal-funzjonament tagħhom u jagħmlu parti minn kuntest leġiżlattiv differenti u ma jistgħux jiġġeneraw spejjeż indiretti fl-istess proporzjonijiet bħall-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    115

    Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar jista’ jkollhom importanza sistemika, ikollhom influwenza u impatt fuq is-suq u jkunu kritiċi għall-ekonomija reali, kuntrarjament għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu ż-żgħar. Għalhekk, tal-ewwel iktar jistgħu jikkawżaw spejjeż indiretti f’każ ta’ kriżi. Għaldaqstant, dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar ma jinsabux f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli ma’ dik tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fid-dawl tal-għan tat-taxxa.

    116

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-fatt li huma biss il-persuni taxxabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżura li jistgħu jibbenefikaw minnha ma jistax, fih innifsu, jagħti natura selettiva lil din il-miżura (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 58).

    117

    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 89 iktar ’il fuq, in-natura selettiva ta’ taxxa tkun nieqsa jekk id-differenzi ta’ tassazzjoni u l-vantaġġi li jirriżultaw minnhom, anki jekk iġġustifikati mill-iskop li jirregola t-tqassim tat-taxxa bejn il-kontribwenti, jirriżultaw mill-applikazzjoni pura u sempliċi, mhux derogatorja, tas-sistema “normali”, jekk is-sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod paragunabbli u jekk dawk il-mekkaniżmi ta’ varjazzjoni ma jmorrux kontra l-għan tat-taxxa kkonċernata. Bl-istess mod, dispożizzjonijiet partikolari previsti għal ċerti impriżi minħabba s-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom, li bihom jibbenefikaw minn varjazzjoni, jew saħansitra minn eżenzjoni, fit-taxxa, ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu vantaġġ selettiv jekk dawn il-mekkaniżmi ma jmorrux kontra l-għan tat-taxxa inkwistjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑836/16 u T‑624/17, EU:T:2019:338, punt 89, u tas‑27 ta’ Ġunju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑20/17, EU:T:2019:448, punt 101).

    118

    Għall-kuntrarju, jekk impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl tal-għan tat-taxxa jew tal-loġika li tiġġustifika varjazzjoni tagħha ma jiġux ittrattati b’mod ugwali f’dan ir-rigward, diskriminazzjoni bħal din tkun toħloq vantaġġ selettiv li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE jkunu ssodisfatti (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑20/17, EU:T:2019:448, punt 102).

    119

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li peress li l-argumenti tar-rikorrenti dwar is-sistema ta’ referenza ġew analizzati fil-punti 54 sa 106 iktar ’il fuq, dawn għandhom ukoll jiġu miċħuda fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-ilment sa fejn, fir-rigward tas-sistema ta’ referenza, dawn l-argumenti ġew eżaminati f’kuntest simili, jiġifieri l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni manifesta.

    120

    Wara li ġie ppreċiżat dan, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ derogi li jikkonċernaw it-trattament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom ma jaqbżux il-limitu ta’ SEK 150 biljun, għandu jitfakkar, kif ġie indikat fil-punt 41 iktar ’il fuq, li mill-motivi tal-abbozz ta’ liġi jirriżulta li l-għan tat-taxxa kien li jissaħħu l-finanzi pubbliċi permezz tat-titjib tagħhom u permezz taż-żamma tad-dejn pubbliku f’livell baxx sabiex jiġi pprovdut marġni għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri billi jiġi impost il-ħlas tat-taxxa fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar, li l-falliment jew id-disturb serju tagħhom ikun, b’mod individwali u minħabba d-daqs u l-importanza tagħhom għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja, ta’ riskju sistemiku u jkollu impatt negattiv ħafna fuq l-imsemmija sistema u fuq l-ekonomija inġenerali, bil-ħolqien ta’ spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà.

    121

    Issa, r-rikorrenti sempliċiment isostnu li l-Istat huwa espost għal spejjeż indiretti f’każ ta’ kriżi finanzjarja anki min-naħa tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux suġġetti għat-taxxa. Madankollu, ir-rikorrenti ma spjegawx għal liema raġuni l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar l-importanza sistemika ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tal-ispejjeż indiretti eventwali jew dwar il-fatt li, minħabba l-falliment tagħhom, huma jistgħu, individwalment, ikollhom impatt tant negattiv fuq l-imsemmija sistema u fuq l-ekonomija inġenerali li jikkawżaw spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà. Barra minn hekk, kif issemma fil-punti 80 u 81 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ammettew li l-ikbar istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkawżaw spejjeż indiretti ikbar u ma kkontestawx il-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar waħedhom li jikkawżaw, b’mod individwali, permezz tal-falliment tagħhom, riskju sistemiku u li jkollhom impatt negattiv ħafna fuq is-sistema finanzjarja u fuq l-ekonomija inġenerali u li jikkawżaw spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà.

    122

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha huma l-kawża ta’ spejjeż indiretti għas-soċjetà fil-każ ta’ kriżi finanzjarja, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punt 80 iktar ’il fuq.

    123

    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti li jistgħu juru li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom kienu jaqbżu l-limitu kienu jinsabu, fid-dawl tal-għan tat-taxxa, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli għal dik tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom ma kinux jaqbżu dan il-limitu. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 96 iktar ’il fuq, mill-atti tal-proċess jirriżulta li ma kienet teżisti l-ebda istituzzjoni ta’ kreditu mhux suġġett għat-taxxa li l-livell tad-djun tagħha kien qrib il-limitu ta’ SEK 150 biljun. Issa, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk jeżistux indizji probatorji tal-assenza ta’ dubji dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna tal-miżura inkwistjoni, iżda, għall-kuntrarju, hija għandha tistħarreġ jekk ir-rikorrent ikunx pproduċa l-prova tal-eżistenza ta’ tali dubji.

    124

    Fit-tieni lok, qabel kollox, fir-rigward tal-eżistenza ta’ derogi fir-rigward tat-trattament ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra, għandu jiġi rrilevat li sempliċi relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma tistax twassal, fiha nnifisha, għall-konklużjoni li dawn l-istituzzjonijiet jinsabu, fid-dawl tal-għan tat-taxxa, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli għal dik tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għal din it-taxxa.

    125

    Sussegwentement, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-assenza ta’ rekwiżiti imposti fuq istituzzjonijiet finanzjarji oħra tista’ tirrappreżenta theddida addizzjonali għall-istabbiltà finanzjarja u għar-riskji addizzjonali ta’ spejjeż indiretti għall-Istat, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punt 78 iktar ’il fuq.

    126

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma evalwatx korrettament il-livell tad-djun ikkombinat tas-self ipotekarju. Madankollu, ir-rikorrenti, mingħajr ma jindikaw il-valur eżatt ta’ dawn id-djun, jinvokaw ċerti ammonti totali tas-self ipotekarju lill-unitajiet domestiċi, jiġifieri l-ammonti rispettivi ta’ SEK 19-il biljun (madwar EUR 1.68 biljun) u ta’ SEK 35.1 biljun (madwar EUR 3.1 biljun). Madankollu, minbarra l-fatt li dawn l-ammonti huma relatati mad-data kollettiva tal-fondi ipotekarji, filwaqt li l-limitu tat-taxxa huwa relatat ma’ data speċifika għal kull istituzzjoni ta’ kreditu, iċ-ċifri invokati ma humiex qrib il-limitu tat-taxxa, jiġifieri SEK 150 biljun.

    127

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ derogi mis-sistema ta’ referenza ma jippermettux li jintwera li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

    128

    Mill-evalwazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar il-klassifikazzjoni tat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kellhom iwassluha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma huwa neċessarju li wieħed jirrikorri għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, mitluba mir-rikorrenti, peress li hija l-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li għandha tordnahom biss jekk tqis li dan ikun utli.

    Fuq l‑ispejjeż

    129

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    130

    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minnha.

    131

    Ir-Renju tal-Isvezja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Ideella föreningen Svenska Bankföreningen med firma Svenska Bankföreningen, Näringsverksamhet u Länsförsäkringar Bank AB huma kkundannati, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    3)

    Ir-Renju tal-Isvezja huwa kkundannat għall-ispejjeż rispettivi tiegħu.

     

    Papasavvas

    da Silva Passos

    Jaeger

    Gervasoni

    Półtorak

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ April 2024.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top