Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TJ0034

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tat-12 ta’ Lulju 2023 (Estratti).
    Cunsorziu di i Salamaghji Corsi - Consortium des Charcutiers Corses et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Indikazzjoni ġeografika protetta – Denominazzjoni ta’ oriġini protetta – Applikazzjonijiet għal indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ‘Jambon sec de l’l’Île de Beauté’, ‘Lonzo de l’Île de Beauté’ u ‘Coppa de l’Île de Beauté’ – Denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti preċedenti ‘Jambon sec de Corse – Prisuttu’, ‘Lonzo de Corse’ – Lonzu’ u ‘Coppa de Corse – Coppa di Corsica’ – Eliġibbiltà tal-ismijiet – Evokazzjoni – Artikolu 7(1)(a) u Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 – Portata tal-kontroll mill-Kummissjoni tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni – Artikolu 50(1) u Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 – Żball ta’ evalwazzjoni.
    Kawża T-34/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:386

     SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

    12 ta’ Lulju 2023 ( *1 ) ( i )

    “Indikazzjoni ġeografika protetta – Denominazzjoni ta’ oriġini protetta – Applikazzjonijiet għal indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ‘Jambon sec de l’l’Île de Beauté’, ‘Lonzo de l’Île de Beauté’ u ‘Coppa de l’Île de Beauté’ – Denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti preċedenti ‘Jambon sec de Corse – Prisuttu’, ‘Lonzo de Corse’ – Lonzu’ u ‘Coppa de Corse – Coppa di Corsica’ – Eliġibbiltà tal-ismijiet – Evokazzjoni – Artikolu 7(1)(a) u Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 – Portata tal-kontroll mill-Kummissjoni tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni – Artikolu 50(1) u Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 – Żball ta’ evalwazzjoni”

    Fil-Kawża T‑34/22,

    Cunsorziu di i Salamaghji Corsi – Consortium des Charcutiers Corses, stabbilit f’Borgo (Franza), u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness ( 1 ), irrappreżentati minn T de Haan u V. Le Meur‑Baudry, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis, C. Perrin u B. Rechena, bħala aġenti,

    konvenuta,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

    komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, S. Frimodt Nielsen, J. Schwarcz, V. Tomljenović u R. Norkus (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

    wara s-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Cunsorziu di i Salamaghji Corsi – Consortium des Charcutiers Corses u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1879 tas‑26 ta’ Ottubru 2021 li tirrifjuta tliet applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ isem bħala indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Jambon sec de l’Île de Beauté” (IĠP), “Lonzo de l’Île de Beauté” (IĠP), “Coppa de l’Île de Beauté” (IĠP)) (ĠU 2021, L 383, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

    [omissis]

    4

    L-ismijiet “Jambon sec de Corse”/“Jambon sec de Corse – Prisuttu”, “Lonzo de Corse”/“Lonzo de Corse – Lonzu” u “Coppa de Corse”/“Coppa de Corse – Coppa di Corsica” ġew irreġistrati bħala denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti (DOP) fit‑28 ta’ Mejju 2014, rispettivament bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 581/2014 (ĠU 2014, L 160, p. 23), (UE) Nru 580/2014 (ĠU 2014, L 160, p. 21) u (UE) Nru 582/2014 (ĠU 2014, L 160, p. 25) (iktar’ il quddiem ir-“regolamenti li rreġistraw id-DOP inkwistjoni”).

    5

    Fix-xahar ta’ Diċembru 2015, il-Consortium ippreżenta seba’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni bħala indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) quddiem l-awtoritajiet nazzjonali Franċiżi, skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10 u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40). Is-seba’ applikazzjonijiet jikkonċernaw l-ismijiet segwenti, li jintużaw mir-rikorrenti: “Jambon sec de l’Île de Beauté”, “Coppa de l’Île de Beauté”, “Lonzo de l’Île de Beauté”, “Saucisson sec de l’Île de Beauté”, “Pancetta de l’Île de Beauté”, “Figatelli de l’Île de Beauté” u “Bulagna de l’Île de Beauté”.

    6

    Fl‑20 ta’ April 2018, il-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Ikel u l-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi adottaw seba’ digrieti li japprovaw is-seba’ speċifikazzjonijiet korrispondenti bil-għan li jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea għall-approvazzjoni.

    7

    Parallelment, permezz ta’ rikorsi ppreżentati fis‑27 ta’ Ġunju 2018 quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), is-sindakat detentur tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Jambon sec de Corse – Prisuttu”, “Coppa de Corse – Coppa di Corsica” u “Lonzo de Corse – Lonzu” talab l-annullament tad-digrieti tal‑20 ta’ April 2018 dwar l-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ismijiet “Jambon sec de l’Île de Beauté”, “Coppa de l’Île de Beauté” u “Lonzo de l’Île de Beauté” sabiex jintbagħtu l-applikazzjonijiet tagħhom għal reġistrazzjoni bħala IĠP lill-Kummissjoni, minħabba b’mod partikolari l-fatt li t-terminu “Île de Beauté” kien jimita jew jevoka t-terminu “Corse” u għaldaqstant kien jagħti lok għal konfużjoni mal-ismijiet diġà rreġistrati bħala DOP.

    8

    Fis‑17 ta’ Awwissu 2018, is-seba’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni bħala IĠP tal-ismijiet inkwistjoni ntbagħtu lill-Kummissjoni. Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala IĠP tal-ismijiet “Jambon sec de l’Île de Beauté ”, “Lonzo de l’Île de Beauté” u “Coppa de l’Île de Beauté”, il-Kummissjoni bagħtet żewġ ittri, fit‑12 ta’ Frar 2019 u fl‑24 ta’ Novembru 2020, lill-awtoritajiet nazzjonali fejn talbet kjarifiki, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tal-ineliġibbiltà possibbli tagħhom għar-reġistrazzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali wieġbu, essenzjalment, li huma qiesu li ż-żewġ gruppi ta’ prodotti (jiġifieri d-DOP irreġistrati u l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni bħala IĠP) kienu evidentement differenti fir-rigward tal-prodotti u li l-ismijiet dehru li kienu distinti biżżejjed għalihom.

    9

    Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, dwar l-isem “Jambon sec de l’Île de Beauté” (IĠP), u żewġ sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2020, dwar rispettivament l-ismijiet “Coppa de l’Île de Beauté” (IĠP) u “Lonzo de l’Île de Beauté” (IĠP), il- Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad it-tliet rikorsi ċċitati iktar ’il fuq (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), minħabba, b’mod partikolari, li “l-użu ta’ termini differenti u d-differenza fil-protezzjoni mogħtija minn denominazzjoni ta’ oriġini, minn naħa, u minn indikazzjoni ġeografika, min-naħa l-oħra, huma ta’ natura li jeskludu r-riskju li konsumaturi normalment informati u raġonevolment attenti u avżati jkollhom, fil-preżenza tal-indikazzjoni ġeografika kkontestata, direttament f’moħħhom, bħala immaġni ta’ referenza, il-beni li jibbenefikaw mid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta diġà rreġistrata [;] konsegwentement, ir-rikorrenti ma humiex iġġustifikati li jsostnu li d-digriet ikkontestat jikser id-dispożizzjonijiet […] tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament [Nru 1151/2012]” (punt 5 tat-tliet sentenzi tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

    [omissis]

    It-talbiet tal-partijiet

    11

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    12

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    [omissis]

    15

    Fil-każ ineżami, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, essenzjalment, irrilevat li isem li jmur kontra l-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 1151/2012 ma jistax jintuża fil-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmi regolament u, għaldaqstant, ma jistax jiġi rreġistrat (premessa 4). B’effett mit‑28 ta’ Mejju 2014 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), l-ismijiet irreġistrati bħala DOP jibbenefikaw, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, minn protezzjoni, fost oħrajn, kontra kull użu dirett jew indirett ta’ dawn l-ismijiet fir-rigward ta’ prodotti li ma humiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet relatati magħhom kif ukoll fir-rigward ta’ kull użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni tal-imsemmija ismijiet (premessa 7). Madankollu, ingħata perijodu tranżitorju li jiskadi fis‑27 ta’ April 2017, permezz tar-regolamenti li rreġistraw id-DOP inkwistjoni, lil ċerti impriżi Franċiżi li jinsabu f’Korsika, li jużaw tali ismijiet, iżda fir-rigward ta’ prodotti li għandhom karatteristiċi distinti minn dawk previsti fl-ispeċifikazzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet, jew, fin-nuqqas ta’ dan, sabiex jemendaw l-isem tal-bejgħ użat. L-ismijiet “Jambon sec de l’Île de Beauté ”, “Lonzo de l’Île de Beauté” u “Coppa de l’Île de Beauté”, użati fil-kummerċ mill‑2015, jirreferu għall-istess żona ġeografika bħad-DOP iċċitati iktar ’il fuq, jiġifieri l-gżira ta’ Korsika, u barra minn hekk huwa magħruf sew li l-isem “Île de Beauté” jikkostitwixxi perifrażi konswetudinarja li tirreferi, b’mod unekwivoku, għal Korsika f’għajnejn il-konsumatur Franċiż (premessa 9). Għaldaqstant, mit‑18 ta’ Ġunju 2014, l-użu tal-ismijiet “Jambon sec de l’Île de Beauté”, “Lonzo de l’Île de Beauté” u “Coppa de l’Île de Beauté” jikkostitwixxi ksur tal-protezzjoni mogħtija lid-DOP “Jambon sec de Corse”/“Jambon sec de Corse” – Prisuttu”, “Lonzo de Corse”/“Lonzo de Corse – Lonzu”, “Coppa de Corse”/“Coppa de Corse” – Coppa di Corsica” mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012 (premessa 10). Filwaqt li l-pronunzja tad-DOP irreġistrati u tal-IĠP li għalihom saret applikazzjoni hija ċertament differenti, is-sinonimità tagħhom hija allegatament evidenti. Għaldaqstant, l-evokazzjoni ma tista’ bl-ebda mod tiġi eskluża, peress li similarità fonetika ma hijiex meħtieġa sabiex tikkaratterizza evokazzjoni (premessa 20). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-ismijiet “Jambon sec de l’Île de Beauté”, “Lonzo de l’Île de Beauté” u “Coppa de l’Île de Beauté” bħala IĠP minħabba li dawn kienu ntużaw fil-kummerċ jew fil-lingwaġġ komuni bi ksur tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 u li, konsegwentement, dawn ma kinux josservaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal reġistrazzjoni, jiġifieri l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012 (premessa 24).

    16

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel, essenzjalment, fuq il-fatt li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha u, it-tieni, fuq prova suffiċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tal-konformità tat-tliet applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni mal-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament Nru 1151/2012.

    Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il‑fatt li l‑Kummissjoni marret lil hinn mill‑kompetenzi tagħha

    [omissis]

    Fuq il‑kompetenza tal‑Kummissjoni

    [omissis]

    21

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxi sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi, fis-sens li, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li jiġi rreġistrat isem bħala IĠP tista’ tittieħed mill-Kummissjoni biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun issottometta applikazzjoni quddiemha għal dan il-għan u tali applikazzjoni tista’ ssir biss jekk dan l-Istat Membru jkun ivverifika li din kienet iġġustifikata. Din is-sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi hija attribwibbli b’mod partikolari għall-fatt li r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta tippreżupponi l-verifika li ċertu numru ta’ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, u dan jeżiġi, prinċipalment, għarfien iddettaljat ta’ fatturi partikolari marbuta mal-imsemmi Stat Membru, li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu huma fl-aħjar pożizzjoni li jivverifikaw (ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Hengstenberg, C‑53/20, EU:C:2021:279, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Mill-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessi 20 u 39 tiegħu, jirriżulta li l-istess regolament huwa intiż ukoll li jipprevjeni l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni żleali (ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Hengstenberg, C‑53/20, EU:C:2021:279, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1151/2012 huma intiżi li jiġi evitat użu abbużiv tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, u dan mhux biss fl-interess tax-xerrejja, iżda wkoll fl-interess tal-produtturi li għamlu sforz sabiex jiggarantixxu l-kwalitajiet mistennija mill-prodotti li għandhom legalment tali indikazzjonijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Hengstenberg, C‑53/20, EU:C:2021:279, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Il-premessa 19 ta’ dan ir-regolament tesponi li r-rispett uniformi fl-Unjoni kollha tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali marbuta ma’ ismijiet li huma protetti fl-Unjoni huwa prijorità li tista’ tintlaħaq b’mod iktar effettiv fil-livell tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Hengstenberg, C‑53/20, EU:C:2021:279, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    L-ewwel, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1)(b) tal-imsemmi regolament, jikkostitwixxi bażi legali valida għar-rifjut li jiġi rreġistrat isem.

    26

    Preliminarjament, jista’ jiġi rrilevat li mill-ittra tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Novembru 2020 jirriżulta li din kienet qabelxejn ipprevediet li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-ismijiet li għalihom saret applikazzjoni mhux biss abbażi tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1)(b) tal-imsemmi regolament, iżda wkoll abbażi tal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament.

    27

    Din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ isem “li huwa parzjalment jew totalment omonimu” ma’ isem diġà protett.

    28

    Mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li ma kinitx aċċettat li tirrifjuta r-reġistrazzjonijiet li għalihom saret applikazzjoni wkoll abbażi tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, peress li ma għandux ikun possibbli li tiġi miċħuda applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi ta’ omonimija li tirrigwarda biss deskrizzjonijiet ta’ prodotti kurrenti, bħal “jambon sec” (perżut niexef).

    29

    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 ma huwiex relatat mar-reġistrazzjoni, iżda mal-portata tal-protezzjoni tal-ismijiet irreġistrati.

    30

    Għaldaqstant, din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax, waħedha, tikkostitwixxi l-bażi legali taċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

    31

    Min-naħa l-oħra, kif isostnu r-rikorrenti, l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012 huwa speċifikament relatat mal- “ispeċifikazzjoni tal-prodott” tal-isem li huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni għal protezzjoni bħala DOP jew IĠP. Minn dan ir-rikorrenti jiddeduċu li l-kwistjoni tal-evokazzjoni ma hijiex il-bażi tal-eliġibbiltà skont din id-dispożizzjoni.

    32

    Madankollu, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tevalwa, konformement mal-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri fid-dawl tal-premessa 58 tiegħu, wara eżami fid-dettall, jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott li jakkumpanjaw l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fihomx l-elementi meħtieġa mir-Regolament Nru 1151/2012 u jekk dawn l-elementi jidhrux li huma vvizzjati bi żbalji manifesti (sentenza tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni, T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208, punt 67).

    33

    It-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet għalhekk jikkostitwixxi stadju neċessarju tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att tal-Unjoni li jirreġistra isem bħala IĠP (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni, T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208, punt 35).

    34

    Skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012, l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għandhom b’mod partikolari jinkludu l-isem li qiegħda tintalab il-protezzjoni tiegħu.

    35

    Kif issostni l-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għandhom jinkludu l-isem kif “jintuża fil-kummerċ jew fil-lingwaġġ komuni”, tippreżupponi li hija tivverifika li dan l-użu ma jiksirx il-protezzjoni kontra l-evokazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012.

    36

    Fil-fatt, l-ammissjoni tar-reġistrazzjoni ta’ IĠP meta din tkun evokattriċi ta’ DOP diġà rreġistrata ċċaħħad mill-effett utli l-protezzjoni prevista mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012, peress li ladarba dan l-isem jiġi rreġistrat bħala IĠP, id-denominazzjoni rreġistrata preċedentement bħala DOP ma tkunx tista’ tibbenefika iktar mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012.

    37

    It-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet, stadju neċessarju tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni, ma jistax għalhekk ikun ivvizzjat bi ksur, mill-isem mitlub, tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012.

    38

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni, li skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, għandha tirrifjuta r-reġistrazzjoni li għaliha saret applikazzjoni jekk hija tqis li l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-reġistrazzjoni ma humiex issodisfatti, ma tistax tkun obbligata tawtorizza r-reġistrazzjoni ta’ isem jekk hija tqis bħala illegali l-użu tiegħu fil-kummerċ.

    39

    Għalhekk, peress li l-Kummissjoni qieset li, mit‑18 ta’ Ġunju 2014, data li fiha daħlu fis-seħħ ir-regolamenti li rreġistraw id-DOP inkwistjoni, l-użu tal-ismijiet li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala IĠP jikkostitwixxi ksur tal-protezzjoni mogħtija lid-DOP diġà rreġistrati fir-reġistru skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012 kontra l-evokazzjoni, hija setgħet tiddeduċi minn dan li tali użu fil-kummerċ jew fil-lingwaġġ komuni huwa illegali.

    40

    Huwa għalhekk żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-kwistjoni tal-evokazzjoni ma hijiex relatata mal-eliġibbiltà għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012, u li din id-dispożizzjoni moqrija flimkien mal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012 ma tistax tikkostitwixxi bażi legali valida għar-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ isem.

    41

    It-tieni, fir-rigward tal-portata tal-eżami, mill-Kummissjoni, tal-konformità tal-isem mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1151/2012, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 58 tar-Regolament Nru 1151/2012, din għandha twettaq eżami fil-fond tal-applikazzjonijiet sabiex tiżgura ruħha li dawn ma jinkludux żbalji manifesti u li huma ħadu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Unjoni u l-interessi tal-partijiet ikkonċernati barra mill-Istat Membru ta’ applikazzjoni.

    42

    Għal dan l-għan, l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha teżamina, b’mezzi xierqa, l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni trażmessi mill-Istati Membri sabiex tivverifika li dawn huma ġġustifikati u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa skont dan ir-regolament. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 52(1) tal-imsemmi regolament, kif ġie rrilevat fil-punt 38 iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li għandha tiċħad l-imsemmija applikazzjonijiet meta hija tqis li l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-reġistrazzjoni ma humiex issodisfatti.

    43

    Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1151/2012 ma jiddefinixxix dak li huwa kopert mill-kunċett ta’ “mezzi xierqa”, u b’hekk iħalli f’idejn il-Kummissjoni l-kompitu li tevalwa liema huma dawn il-mezzi.

    44

    Minn dan jirriżulta li, anki jekk l-awtoritajiet nazzjonali jqisu, ladarba jkunu ttrażmettew lill-Kummissjoni applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li l-imsemmija applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bl-evalwazzjoni tal-imsemmija awtoritajiet u, fir-rigward tad-deċiżjoni tagħha li tirreġistra isem bħala DOP jew IĠP, għandha marġni ta’ evalwazzjoni awtonomu, peress li hija obbligata tivverifika, skont l-Artikolu 50 tal-imsemmi regolament, li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni huma ssodisfatti.

    45

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement indikat li, fi tmiem korrispondenza mal-awtoritajiet nazzjonali, hija fehmet li dawn kienu jqisu li kien hemm “distintività suffiċjenti” (premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata) bejn it-tliet ismijiet protetti minn DOP u t-tliet ismijiet li għalihom saret applikazzjoni għal IĠP.

    46

    F’dan ir-rigward, permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet nazzjonali bl-abbozz tagħha li tadotta deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ikkonċernati bħala IĠP u stednithom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom.

    47

    Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni kkonfermat lill-awtoritajiet nazzjonali l-intenzjoni tagħha li tiċħad l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-IĠP kkonċernati u, mill-ġdid, stiednet lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu osservazzjonijiet addizzjonali.

    48

    Il-Kummissjoni għalhekk interpellat lill-awtoritajiet nazzjonali darbtejn qabel ma kkonkludiet li l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ikkonċernati ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012 minħabba l-fatt li dawn kienu ntużaw fil-kummerċ jew fil-lingwaġġ komuni bi ksur tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

    49

    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni b’hekk mhux “sempliċement indikat” li l-awtoritajiet nazzjonali kienu jqisu li kien hemm “distintività suffiċjenti” bejn it-tliet ismijiet protetti minn DOP u t-tliet ismijiet li għalihom saret applikazzjoni għal IĠP, iżda, qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, interpellat lill-awtoritajiet nazzjonali, darbtejn, sabiex jipprovdu kull informazzjoni utli insostenn tal-applikazzjoni tagħhom għar-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni. Sa fejn hemm lok li jinftiehem li r-rikorrenti, billi sostnew li l-Kummissjoni sempliċement indikat “distintività suffiċjenti” bejn l-ismijiet inkwistjoni, jallegaw fil-konfront tagħha li ma wettqitx eżami suffiċjenti tal-konformità tal-isem mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1151/2012, huma ma pproduċew ebda prova insostenn ta’ tali argument. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma spjegawx l-eżami li l-Kummissjoni allegatament kellha twettaq.

    50

    It-tielet, fir-rigward tal-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jsostnu li mis-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni (T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208), jirriżulta li din hija “limitata, jew saħansitra ineżistenti”, fir-rigward tad-deċiżjoni li isem jiġi rreġistrat bħala DOP jew IĠP.

    51

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il-Kummissjoni (T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208), li, qabel ma twettaq ir-reġistrazzjoni tal-IĠP li għaliha saret applikazzjoni, il-Kummissjoni kellha tevalwa, konformement mal-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri fid-dawl tal-premessa 58 tiegħu, wara eżami fid-dettall, jekk, minn naħa, l-ispeċifikazzjonijiet li jakkumpanjaw l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jinkludux l-elementi meħtieġa mir-Regolament Nru 1151/2012 u jekk dawn l-elementi jidhrux li huma vvizzjati bi żbalji manifesti u, min-naħa l-oħra, jekk l-isem jissodisfax il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ IĠP stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1151/2012. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-Kummissjoni kellha twettaq din l-evalwazzjoni b’mod awtonomu fid-dawl tal-kriterji ta’ reġistrazzjoni ta’ IĠP previsti mir-Regolament Nru 1151/2012 sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament (sentenza tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni, T-43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208, punt 67).

    52

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jirreferu b’mod iktar preċiż għall-punti 34, 35 u 51 tas-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni (T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208). Fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali rispettivament iddeċidiet, l-ewwel, li l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni kellha ssir mill-awtoritajiet nazzjonali taħt il-kontroll, jekk ikun il-każ, tal-qrati nazzjonali qabel ma l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni (sentenza tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni, T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208, punt 34), it-tieni, li minn dan isegwi li applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li tinkludi b’mod partikolari l-ispeċifikazzjonijiet, tikkostitwixxi stadju neċessarju tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att tal-Unjoni li jirreġistra isem bħala IĠP, peress li l-Kummissjoni għandha biss marġni ta’ evalwazzjoni limitat, jew saħansitra ineżistenti, fir-rigward ta’ dan l-att nazzjonali (sentenza tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni, T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208, punt 35) u, it-tielet, li l-Kummissjoni kellha biss marġni ta’ evalwazzjoni limitat, jekk mhux ineżistenti, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ manifattura jew ta’ ppakkjar tal-prodott imsemmi fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ IĠP, kif jidhru fl-ispeċifikazzjonijiet u riflessi fl-atti nazzjonali sottomessi lilhom fil-kuntest tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ IĠP (sentenza tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni, T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208, punt 51).

    53

    Għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-evalwazzjonijiet espressi mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet, bħad-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ manifattura jew ta’ ppakkjar tal-prodott imsemmi fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ IĠP, li l-elaborazzjoni tagħhom tikkostitwixxi l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet inkwistjoni bħala IĠP u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha biss, fil-fatt, marġni ta’ evalwazzjoni limitat, jekk mhux ineżistenti (ara l-punt 52 iktar ’il fuq). Huwa fil-kuntest tal-eżami tagħha bl-għan ta’ approvazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet, li jikkostitwixxi t-tieni stadju ta’ din il-proċedura, li l-Kummissjoni qieset, wara li debitament interpellat lill-awtoritajiet nazzjonali f’dan ir-rigward, darbtejn, li l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ikkonċernati ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012 minħabba l-fatt li dawn kienu ntużaw fil-kummerċ jew fil-lingwaġġ komuni bi ksur tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

    54

    Fil-fatt, mir-Regolament Nru 1151/2012 u, b’mod partikolari, mill-premessa 58 tal-imsemmi regolament jirriżulta li, fl-ewwel stadju, konformement mal-Artikolu 49 tal-istess regolament, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ ismijiet bħala DOP jew IĠP u, jekk huma jqisu li r-rekwiżiti tal-imsemmi regolament ikunu osservati, huma għandhom jippreżentaw fajl ta’ applikazzjoni lill-Kummissjoni, u sussegwentement, fit-tieni stadju, konformement mal-Artikoli 50 u 52 tal-imsemmi regolament, din tal-aħħar għandha teżamina l-applikazzjonijiet u, abbażi tal-informazzjoni li hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha u abbażi tal-eżami li hija tkun wettqet, għandha tirreġistra l-ismijiet jew tiċħad l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni.

    55

    Ir-riferiment li jagħmlu r-rikorrenti għas-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni (T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208), għalhekk ma huwiex rilevanti u r-rikorrenti ma jistgħux għalhekk jiddeduċu minn din is-sentenza li l-Kummissjoni għandha biss marġni ta’ evalwazzjoni “limitat, jew saħansitra ineżistenti”. F’dan ir-rigward, hija diġà ġie rrilevat li, fir-rigward tad-deċiżjoni li isem jiġi rreġistrat bħala DOP jew IĠP fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1)(b) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni kellha marġni ta’ evalwazzjoni awtonomu (ara l-punt 44 iktar ’il fuq).

    56

    Ir-rikorrenti jiċċitaw ukoll il-punt 25 tas-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, GAEC Jeanningros (C‑785/18, EU:C:2020:46), li jgħid li, fid-dawl tas-setgħa deċiżjonali li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali fis-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu dwar il-legalità tal-atti adottati minn dawn l-awtoritajiet, bħal dawk li jirrigwardaw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ isem, li jikkostitwixxu stadju neċessarju tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom biss marġni ta’ evalwazzjoni limitat jew ineżistenti fir-rigward ta’ dawn l-atti. L-appellanti jiċċitaw ukoll il-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, li jipprovdu li l-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ emendi minuri fl-ispeċifikazzjonijiet huwa, essenzjalment, kif jirriżulta mill-premessa 58 tar-Regolament Nru 1151/2012, limitat għall-verifika li l-applikazzjoni tinkludi l-elementi meħtieġa u ma jidhirx li huwa vvizzjat bi żbalji manifesti.

    57

    Din il-kawża kienet tirrigwarda emendi minuri fl-ispeċifikazzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 30 tas-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, GAEC Jeanningros (C‑785/18, EU:C:2020:46), li tali applikazzjonijiet kienu suġġetti għal proċedura ssemplifikata, iżda essenzjalment simili għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni, sa fejn din tistabbilixxi wkoll sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni fir-rigward, minn naħa, tal-verifika tal-konformità tal-applikazzjoni għal emenda mar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1151/2012 u, min-naħa l-oħra, tal-approvazzjoni ta’ din l-applikazzjoni u, fil-punt 31 tal-imsemmija sentenza, li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jieħdu konjizzjoni tal-irregolaritajiet li att nazzjonali li jirrigwarda talba għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet huwa eventwalment ivvizzjat.

    58

    Il-każ ineżami ma kienx jirrigwarda emendi minuri fl-ispeċifikazzjonijiet, li l-elaborazzjoni tagħhom u l-eventwali emendi tagħhom jaqgħu taħt l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ isem, iżda l-kwistjoni tal-approvazzjoni jew tar-rifjut, mill-Kummissjoni biss, tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet inkwistjoni, li taqa’ taħt it-tieni stadju tal-proċedura.

    59

    Mill-punt 25 tas-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, GAEC Jeanningros (C‑785/18, EU:C:2020:46) jirriżulta għalhekk li l-“marġni ta’ evalwazzjoni limitat jew ineżistenti” tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkonċerna l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ stadji, jiġifieri dak li matul tiegħu jinġabru d-dokumenti li jikkostitwixxu l-fajl tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali possibbilment jibagħtu lill-Kummissjoni.

    60

    Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott mis-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, GAEC Jeanningros (C‑785/18, EU:C:2020:46), kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni għandha biss “marġni ta’ evalwazzjoni limitat jew ineżistenti”, fil-kuntest tat-tieni stadju, fir-rigward tad-deċiżjoni tagħha li tirreġistra isem bħala DOP jew IĠP fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1)(b) tal-imsemmi regolament.

    61

    L-argumenti li jgħidu li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati.

    Fuq l‑awtorità ta’ res judicata

    62

    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma setgħetx, fid-deċiżjoni kkontestata, tikkontesta dak li ġie definittivament deċiż fil-punt 5 tas-sentenzi tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tad‑19 ta’ Diċembru 2019 u tat‑13 ta’ Frar 2020, jiġifieri li ma kienx hemm riskju, għal konsumaturi normalment informati u raġonevolment attenti u avżati, ta’ evokazzjoni bejn id-DOP irreġistrati u l-IĠP li għalihom saret applikazzjoni.

    63

    F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 51 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tevalwa b’mod awtonomu jekk il-kriterji ta’ reġistrazzjoni ta’ IĠP previsti mir-Regolament Nru 1151/2012 humiex issodisfatti sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il-Kummissjoni, T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208, punt 67).

    64

    Għaldaqstant, deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi kkontestata dik l-evalwazzjoni.

    65

    L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenzi tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tad‑19 ta’ Diċembru 2019 u tat‑13 ta’ Frar 2020 għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

    66

    Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    [omissis]

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Cunsorziu di i Salamaghji Corsi – Consortium des Charcutiers Corses u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    Marcoulli

    Frimodt Nielsen

    Schwarcz

    Tomljenović

    Norkus

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Lulju 2023.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    ( i ) L-espressjoni “speċifikazzjonijiet tal-kuntratt” inbidlet bil-kelma “speċifikazzjonijiet” wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.

    ( 1 ) Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.

    Top