Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CO0776

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli) tat-8 ta’ Mejju 2023.
    Studio Legale Ughi e Nunziante vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
    Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ammissjoni tal-appelli – Artikolu 170b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Talba li turi l-importanza ta’ kwistjoni għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Ammissjoni parzjali tal-appell.
    Kawża C-776/22 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:441

     DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

    8 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

    “Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ammissjoni tal-appelli – Artikolu 170b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Talba li turi l-importanza ta’ kwistjoni għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Ammissjoni parzjali tal-appell”

    Fil-Kawża C‑776/22 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑20 ta’ Diċembru 2022,

    Studio Legale Ughi e Nunziante, stabbilit f’Ruma (l-Italja), irrappreżentat minn L. Cascone, A. Clemente, F. De Filippis, u A. Marega, avvocati,

    appellant,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO),

    konvenut fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

    komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, J. Richard de la Tour,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Studio Legale Ughi e Nunziante titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Ottubru 2022, Studio Legale Ughi e Nunziante vs EUIPO (UGHI E NUNZIANTE) (T‑389/22, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2022:662), li permezz tiegħu l-imsemmija qorti ċaħdet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tat‑8 ta’ April 2022 (Każ R 407/2021‑5), dwar proċedimenti ta’ revoka tat-trade mark Ughi e Nunziante, imressqa minn Studio Legale Ughi e Nunziante.

    Fuq it‑talba għall‑ammissjoni tal‑appell

    2

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eżami tal-appelli li jiġu ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell indipendenti tal-EUIPO huwa suġġett għall-ammissjoni preliminari tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    3

    Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a ta’ dan l-istatut, l-appell huwa ammess, kompletament jew parzjalment, skont ir-regoli ddettaljati li jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jqajjem kwistjoni importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

    4

    Skont l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sitwazzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-imsemmi statut, l-appellant għandu jannetti mal-appell tiegħu talba għall-ammissjoni tal-appell li fiha jesponi l-kwistjoni importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-appell u li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar din it-talba.

    5

    Skont l-Artikolu 170b(1) u (3) tal-imsemmija Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi t-talba għall-ammissjoni tal-appell fl-iqsar żmien possibbli permezz ta’ digriet motivat.

    6

    Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 170b(4) tal-istess regolament, id-digriet imsemmi fil-punt preċedenti għandu jiġi nnotifikat, mal-appell, lill-partijiet fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u għandu jispeċifika, meta l-appell jiġi ammess parzjalment, l-aggravji jew il-partijiet tal-appell li għandhom ikunu s-suġġett tar-risposta.

    L‑argumenti tal‑appellant

    7

    Insostenn tat-talba tiegħu għall-ammissjoni tal-appell, l-appellant isostni li t-tliet aggravji tal-appell tiegħu, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikoli 119 u 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u, it-tielet, fuq ksur tal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll, eventwalment, tal-Artikolu 51(4) u tal-Artikolu 55(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, iqajmu kollha kwistjoni importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

    8

    Dan huwa l-każ tal-ewwel aggravju, li permezz tiegħu l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 119 u 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sa fejn dan id-digriet ma huwiex suffiċjentement motivat. Fil-fatt, id-digriet appellat ma jinkludi ebda argumenti li jiġġustifikaw l-applikabbiltà tar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-avukat fil-każ li l-appellant ikun uffiċċju tal-avukati li r-rappreżentanti tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali jkunu, barra minn hekk, membri. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli timmotiva l-konstatazzjoni tagħha, fil-punt 16 tad-digriet appellat, li tgħid li s-sempliċi fatt li l-avukati mqabbda jkunu membri tal-assoċjazzjoni kien tali li jeskludi l-indipendenza tagħhom.

    9

    Permezz tat-tieni aggravju, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, billi kisret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-avukat, li tipprevedi li l-interessi protetti minn dan ir-rekwiżit huma l-protezzjoni u d-difiża tal-interessi tal-klijent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Universität Bremen vs REA, C‑110/21 P, EU:C:2022:555).

    10

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat is-soċju ta’ uffiċċju tal-avukati li huwa rikorrent quddiemha bħala mhux indipendenti. Fil-fatt, l-appellant jindika, f’dan ir-rigward, minn naħa, li fl-ordinament ġuridiku Taljan, ma teżisti ebda relazzjoni ta’ impjieg bejn assoċjazzjoni professjonali u wieħed mill-membri tagħha, peress li, fl-Italja, il-professjoni ta’ avukat hija strutturalment inkompatibbli mal-impjieg b’salarju, fis-sens tad-dritt Taljan. Min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ servizzi lill-assoċjazzjoni minn membri tagħha taqa’ kompletament fil-kuntest ta’ dan id-dritt u tar-regoli ta’ etika li jirregolaw l-eżerċizzju tal-professjoni fl-Italja, li kollha jipprevedu d-dmir ta’ indipendenza tal-avukat.

    11

    Barra minn hekk, l-appellant ifakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO (C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 72), li tgħid li l-eżistenza ta’ kwalunkwe rabta kuntrattwali tad-dritt ċivili bejn avukat u l-klijent tiegħu hija insuffiċjenti sabiex jitqies li dan l-avukat jinsab f’sitwazzjoni li tippreġudika manifestament il-kapaċità tiegħu li jiddefendi l-interessi tal-klijent tiegħu billi josserva l-kriterju ta’ indipendenza. Fir-realtà, is-sitwazzjoni tal-avukat soċju ma’ uffiċċju tal-avukati u inkarigat minn dan l-uffiċċju sabiex jirrappreżentah bħala rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma timplika ebda kunflitt ta’ interessi, iżda tista’ pjuttost timplika komunanza ta’ interessi.

    12

    B’hekk, l-appellant jikkonkludi li d-digriet appellat huwa “ankrat” fi prattika ġurisprudenzjali antika u ma jiħux inkunsiderazzjoni l- “orjentament mill-ġdid” reċenti ta’ din il-ġurisprudenza mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jippreġudika serjament l-unità, il-koerenza jew l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

    13

    Permezz tat-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur, b’mod partikolari, tal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta, l-appellant jissottometti li l-Qorti Ġenerali ma ppermettietx ir-regolarizzazzjoni tar-rikors, minħabba li din ir-regolarizzazzjoni ma hijiex espressament prevista mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u li, konsegwentement, iddikjarat l-inammissibbiltà tar-rikors b’mod awtomatiku. B’hekk, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-avukat jirriżulta minn interpretazzjoni ġurisprudenzjali u, f’dan ir-rigward, ir-regolarizzazzjoni ma hijiex espressament prevista minħabba l-assenza ta’ regoli fil-qasam tal-indipendenza. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit ġie stabbilit bi ksur tan-neċessità ta’ previżjoni leġiżlattiva fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Karta.

    14

    Barra minn hekk, l-appellant isostni li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ rappreżentanza, in-natura awtomatika tad-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ma tosservax il-kontenut essenzjali tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u l-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni.

    15

    Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju jqajjem kwistjoni importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, li fin-nuqqas ta’ dan, ikun hemm ksur serju tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta u mid-dispożizzjonijiet tal-Karta li jirrigwardaw il-possibbiltajiet li jiġu llimitati dawn id-drittijiet.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    16

    B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li huwa l-appellant li għandu l-obbligu juri li l-kwistjonijiet imqajma bl-appell tiegħu huma importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    17

    Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 170a(1) u mat-tieni sentenza tal-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tinkludi l-elementi kollha neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi fuq din it-talba u tiddetermina, fil-każ ta’ ammissjoni parzjali tal-appell, l-aggravji jew il-partijiet tal-appell li r-risposta għandha tirrigwarda. Fil-fatt, peress li l-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli previst fl-Artikolu 58a ta’ dan l-istatut huwa intiż sabiex jillimita l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li għandhom sinjifikat għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, huma biss l-aggravji li jqajmu tali kwistjonijiet u li huma stabbiliti mill-appellant li għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (digrieti tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 21 u tat‑30 ta’ Jannar 2023, bonnanwalt vs EUIPO, C‑580/22 P, ECLI:EU:C:2023:126, punt 11).

    18

    B’hekk, talba għall-ammissjoni tal-appell għandha, fi kwalunkwe każ, tiddikjara b’mod ċar u preċiż l-aggravji li fuqhom huwa bbażat l-appell, tidentifika bl-istess preċiżjoni u ċarezza l-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn kull aggravju, tippreċiża jekk din il-kwistjoni hijiex importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u tesponi b’mod speċifiku r-raġunijiet li għalihom l-imsemmija kwistjoni hija importanti fir-rigward tal-kriterju invokat. F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-aggravji, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tippreċiża d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza li nkisret mis-sentenza appellata, tesponi b’mod konċiż fiex jikkonsisti l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali u tindika sa fejn dan l-iżball eżerċita influwenza fuq ir-riżultat tas-sentenza jew tad-digriet appellat. Meta l-iżball ta’ liġi invokat jirriżulta mill-ksur tal-ġurisprudenza, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tesponi, b’mod konċiż iżda ċar u preċiż, l-ewwel, fejn tinsab il-kontradizzjoni allegata, billi tidentifika kemm il-punti tas-sentenza jew tad-digriet appellat li l-appellant jikkontesta kif ukoll dawk tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li allegatament inkisru, u, it-tieni, ir-raġunijiet konkreti li għalihom tali kontradizzjoni tqajjem kwistjoni importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digrieti tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 22, u tat‑30 ta’ Jannar 2023, bonnanwalt vs EUIPO, C‑580/22 P, EU:C:2023:126, punt 12).

    19

    Konformement mal-prinċipju li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-awtur ta’ talba għall-ammissjoni tal-appell, l-appellant għandu juri li, indipendentement mill-kwistjonijiet ta’ liġi li jinvoka fl-appell tiegħu, dan tal-aħħar iqajjem kwistjoni jew diversi kwistjonijiet li huma importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, bil-portata ta’ dan il-kriterju taqbeż il-kuntest tas-sentenza appellata u, b’mod definittiv, dak tal-appell tagħha (digriet tas‑16 ta’ Novembru 2022, EUIPO vs Nowhere, C‑337/22 P, EU:C:2022:908, punt 32, u tat‑30 ta’ Jannar 2023, bonnanwalt vs EUIPO, C‑580/22 P, EU:C:2023:126, punt 15).

    20

    Din il-prova timplika hija stess li għandha tistabbilixxi kemm l-eżistenza kif ukoll l-importanza ta’ tali kwistjonijiet, permezz ta’ elementi konkreti u speċifiċi għall-każ inkwistjoni, u mhux sempliċement permezz ta’ argumenti ta’ natura ġenerali (digriet tas‑16 ta’ Novembru 2022, EUIPO vs Nowhere, C‑337/22 P, EU:C:2022:908, punt 33, u tat‑30 ta’ Jannar 2023, bonnanwalt vs EUIPO, C‑580/22 P, ECLI:EU:C:2023:126, punt 16).

    21

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tistabbilixxi bi preċiżjoni u ċarezza t-tliet aggravji invokati fil-kuntest tal-appell, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikoli 119 u 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, it-tieni, fuq applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u, it-tielet, fuq ksur tal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta kif ukoll, eventwalment, tal-Artikolu 51(4) u tal-Artikolu 55(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    22

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ewwel aggravju, għandu jiġi rrilevat li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tesponi b’mod suffiċjenti fid-dritt fiex jikkonsisti l-allegat żball li jirriżulta mill-ksur tal-Artikoli 119 u‑126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, minn din it-talba jirriżulta li l-imsemmi żball allegat jinsab fil-fatt li d-digriet appellat ma huwiex, minn naħa, suffiċjentement motivat, peress li l-Qorti Ġenerali sempliċement irreferiet għal waħda mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha li fiha hija lanqas ma kienet immotivat l-applikabbiltà tar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-avukat fil-każ li l-appellant kien uffiċċju tal-avukati u fejn wieħed mill-membri tiegħu kien jirrappreżentah quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr madankollu ma esponiet raġunament komplet fuq dan il-punt. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali, minkejja li ċċitatha fid-digriet appellat, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni u applikat il-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

    23

    Min-naħa l-oħra, jekk l-appellant jidentifika, il-kwistjoni mqajma permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, li tikkonsisti, essenzjalment, f’li jiġi ddeterminat jekk jeżistix nuqqas ta’ motivazzjoni fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali sempliċement tirreferi b’analoġija għal deċiżjonijiet preċedenti li jirrigwardaw il-punt ikkonċernat, mingħajr ma tesponi raġunament komplet fuq dan il-punt, hija ma turix, fi kwalunkwe każ, b’mod suffiċjenti fid-dritt, kif l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat iqajjem kwistjoni importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-appellant, li sempliċement jinvoka argumenti ta’ natura ġenerali, ma jipprovdi ebda element li juri li dan l-aggravju jqajjem kwistjoni li l-importanza tagħha tmur lil hinn mill-kuntest tad-digriet appellat u, b’mod definittiv, dak tal-appell tagħha.

    24

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni mqajma mit-tieni aggravju, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tindika b’mod suffiċjenti fid-dritt fiex jikkonsisti l-allegat żball li jirriżulta minn ksur tal-ġurisprudenza, sa fejn dan l-allegat żball kellu influwenza fuq l-eżitu tad-digriet appellat u r-raġunijiet konkreti li għalihom tali żball, jekk jiġi stabbilit, iqajjem kwistjoni importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

    25

    Fil-fatt, minn din it-talba jirriżulta li l-allegat żball jinsab fil-fatt li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Universität Bremen vs REA (C‑110/21 P, EU:C:2022:555, punt 67), li tgħid li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-avukat previst fid-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’mod li jillimita l-każijiet ta’ inammissibbiltà biss għall-każijiet fejn ikun jidher b’mod manifest li r-rappreżentant ikkonċernat ma huwiex f’pożizzjoni li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi eskluż fl-interess ta’ dan tal-aħħar, inkisret mid-digriet appellat. Issa, skont l-imsemmija talba, jekk tali żball kien ġie kkonstatat, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kien ikun ammissibbli.

    26

    Barra minn hekk, l-appellant jidentifika l-kwistjoni mqajma permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li jikkonsisti, essenzjalment, fid-determinazzjoni ta’ jekk il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Universität Bremen vs REA (C‑110/21 P, EU:C:2022:555, punt 67), dwar l-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, timplika li l-avukati soċji ma’ uffiċċju tal-avukati u mqabbda minnu jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja. Filwaqt li tenfasizza li, fid-dritt Taljan, ma teżisti ebda relazzjoni ta’ impjieg bejn assoċjazzjoni professjonali ta’ avukati u wieħed mill-membri tagħha u li l-membru inkarigat sabiex jirrappreżenta lil din l-assoċjazzjoni fi proċeduri legali ma jistax ikun f’kunflitt ta’ interessi magħha, l-appellant jagħti x’jifhem li l-kwistjoni ta’ liġi mqajma mit-tieni aggravju tiegħu tmur lil hinn mill-kuntest tal-appell tagħha, peress li r-risposta għal din id-domanda ser ikollha konsegwenzi li jmorru ferm lil hinn minn dan il-każ. B’dan il-mod, l-appellant jesponi r-raġunijiet konkreti għalfejn tali kwistjoni hija importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

    27

    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kwistjoni mqajma mit-tielet aggravju, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tindika b’mod suffiċjenti fid-dritt fiex jikkonsisti l-allegat żball li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-ġurisprudenza, sa fejn dan l-allegat żball kellu influwenza fuq l-eżitu tad-digriet appellat u r-raġunijiet konkreti li għalihom tali żball, jekk jiġi stabbilit, iqajjem kwistjoni importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

    28

    Fil-fatt, minn din it-talba jirriżulta li l-allegat żball ta’ liġi jikkonsisti, essenzjalment, fil-fatt li l-Qorti Ġenerali, wara li stabbilixxiet in-nuqqas ta’ indipendenza tat-tliet avukati li kienu jirrappreżentaw lill-appellant quddiemha, ikkonstatat li ebda possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni ma kienet espressament prevista mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Issa, fil-każ kuntrarju, l-appellant kien ikollu l-possibbiltà li jevita li r-rikors tiegħu jiġi ddikjarat inammissibbli.

    29

    Barra minn hekk, minn naħa, l-appellant jidentifika l-kwistjoni mqajma permezz tat-tielet aggravju tiegħu, li tikkonsisti, essenzjalment, f’li jiġi ddeterminat jekk, meta parti ma tkunx, skont il-Qorti Ġenerali, debitament irrappreżentata minn avukat, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 47 u 52 tal-Karta jimplikawx li l-Qorti Ġenerali għandha, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad ir-rikors, tinforma lill-imsemmija parti b’dan sabiex tkun tista’ tiġi debitament irrappreżentata. Min-naħa l-oħra, mit-talba għall-ammissjoni tal-appell jirriżulta li l-importanza tal-obbligu eventwali, għall-Qorti Ġenerali, li tippermetti lil appellant jirregolarizza r-rikors tiegħu qabel ma tikkonstata l-inammissibbiltà ta’ dan tal-aħħar, ħlief bi ksur tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta, tmur lil hinn mill-kuntest tad-digriet appellat biss. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali kwistjoni ma hijiex marbuta ma’ qasam speċifiku tad-dritt tal-Unjoni, iżda tikkonċerna kull tip ta’ kontenzjuż imresssaq quddiem il-Qorti Ġenerali li fir-rigward tiegħu tkun meħtieġa r-rappreżentanza minn avukat, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    30

    Fid-dawl tal-elementi esposti mill-appellant, din it-talba għall-ammissjoni tal-appell turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li t-tieni u t-tielet aggravju jqajmu kwistjonijiet importanti għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

    31

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-appell jiġi ammess fit-tieni u fit-tielet aggravju tiegħu, li għandhom ikunu s-suġġett tar-risposta, u li l-kumplament tal-appell ma jiġix ammess.

    Fuq l‑ispejjeż

    32

    Skont l-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun ammess, kompletament jew parzjalment, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura tkompli skont l-Artikoli 171 sa 190a ta’ dawn ir-Regoli.

    33

    Skont l-Artikolu 137 tal-imsemmija Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

    34

    Konsegwentement, peress li t-talba għall-ammissjoni tal-appell intlaqgħet, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli) tordna:

     

    1)

    L-appell huwa parzjalment ammess.

     

    2)

    Ir-risposta tirrigwarda t-tieni u t-tielet aggravju.

     

    3)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top