Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CO0636

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Novembru 2023.
PY vs Procura della Repubblica presso il Tribunale di Lecce.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte d'appello di Lecce.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Risposta li tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti – Il-punt 3 tal-Artikolu 5 – Għan ta’ riabilitazzjoni soċjali – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – L-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-636/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:899

 DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

16 ta’ Novembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Risposta li tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti – Il-punt 3 tal-Artikolu 5 – Għan ta’ riabilitazzjoni soċjali – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – L-Artikolu 20 fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑636/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’appello di Lecce (il-Qorti tal-Appell ta’ Lecce, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ottubru 2022, fil-kawża dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

PY,

fil-preżenza ta’:

Procura della Repubblica presso il Tribunale di Lecce,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tat-Tielet Awla, u N. Jääskinen, Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) u tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fl-Italja, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit‑23 ta’ Mejju 2022 mill-Prosekutur tar-Repubblika fi ħdan it-tribunal judiciaire de Rennes (il-Qorti Ġudizzjarja ta’ Rennes, Franza) għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra PY.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Deċiżjoni Qafas 2002/584

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni-qafas, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni [fakultattiv] tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprovdi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

6.

jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;

[…]”

5

Skont il-punt 3 tal-Artikolu 5tal-imsemmija deċiżjoni-qafas:

“L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)

fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lill-Istat Membru ta’ esekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija lilha fl-Istat Membru emittenti.”

Id‑Deċiżjoni‑Qafas 2008/909/ĠAI

6

Il-premessa 9 tad-Deċiżjoni‑Qafas 2008/909/ĠAI tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), tistipula:

“L-infurzar tal-piena fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jsaħħaħ il-possibbiltà ta’ riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata. Fil-kuntest li jkun sodisfatt li l-infurzar tal-piena mill-Istat ta’ esekuzzjoni jaqdi l-iskop li tiffaċilita r-riabilitazjzoni soċjali tal-persuna sentenzjata, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tieħu kont ta’ elementi bħal, per eżempju, r-rabta tal-persuna ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, jekk hi tikkonsidrahx bħala l-post b’rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi u rabtiet oħrajn ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.”

7

Skont kliem l-Artikolu 25 tal-imsemmija deċiżjoni-qafas, intitolat “Infurzar ta’ sentenzi wara mandat ta’ arrest Ewropew”:

“Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata.”

Id‑dritt Taljan

8

L-Artikolu 18a tal-legge n. 69 – Disposizioni per conformare il diritto interno alla decisione quadro 2002/584/GAI del Consiglio, del 13 giugno 2002, relativa al mandato d’arresto europeo e alle procedure di consegna tra Stati membri (il-Liġi Nru 69, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex id-Dritt Nazzjonali jiġi kkonformat mad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri) tat‑22 ta’ April 2005 (GURI Nru 98, tad‑29 ta’ April 2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il“Liġi Nru 69 tal‑2005”), jipprevedi:

“1.   Meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, il-Corte d’appello [(il-Qorti tal-Appell)] tista’ tirrifjuta l-konsenja fil-każijiet li ġejjin:

a)

jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jikkonċerna reati li huma kkunsidrati mil-liġi Taljana bħala li twettqu kompletament jew parzjalment fit-territorju tagħha, jew f’post assimilat, jew reati mwettqa barra mit-territorju tal-Istat Membru emittenti, u jekk il-liġi Taljana ma tippermettix li jitressqu proċeduri kontra l-istess reati mwettqa barra mit-territorju tiegħu;

b)

jekk ikunu għaddejjin proċeduri kriminali kontra l-persuna rikjesta għall-istess fatt bħal dak li ta lok għall-mandat ta’ arrest Ewropew.

2.   Meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, il-Corte d’appello [(il-Qorti tal-Appell)] tista’ tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta fil-każ ta’ ċittadin Taljan jew ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni li jkun irrisjeda jew baqa’ legalment u effettivament fit-territorju Taljan għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, sakemm il-Corte d’appello [(il-Qorti tal-Appell)] tordna li din il-piena jew din l-ordni ta’ detenzjoni tiġi eżegwita fl-Italja, konformement mad-dritt intern tagħha.”

9

L-Artikolu 19 ta’ din il-liġi jipprovdi li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja Taljana, fil-każijiet elenkati f’dan l-artikolu, hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu, li, meta jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kontra ċittadin Taljan jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni li jkun irrisjeda legalment u b’mod effettiv fit-territorju Taljan għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, l-eżekuzzjoni tal-mandat tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna, wara li tkun ġiet akkużata, tiġi rritornata lejn l-Italja sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni li tkun imposta fuqha fl-Istat Membru emittenti.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Fit‑23 ta’ Mejju 2022, il-Prosekutur tar-Repubblika fi ħdan it-tribunal judiciaire de Rennes (il-Qorti Ġudizzjarja ta’ Rennes, Franza) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kontra PY, ċittadin Afgan, akkużat b’reati ta’ ħabi, ħasil tal-flus u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.

11

Adita bit-talba għal eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, il-Corte d’appello di Lecce (il-Qorti tal-Appell ta’ Lecce, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, ordnat, fl-ewwel sentenza, il-konsenja tal-persuna kkonċernata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti.

12

Fis‑16 ta’ Settembru 2022, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) annullat parzjalment din is-sentenza. Fil-fatt, din il-qorti qieset li l-Corte d’appello di Lecce (il-Qorti tal-Appell ta’ Lecce) kellha tivverifika, minn naħa, jekk, u sa fejn, PY kienx stabbilit fit-tul fit-territorju u, għaldaqstant, jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19(1)(b) tal-Liġi Nru 69 tal‑2005 kinux issodisfatti. Min-naħa l-oħra, skont il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), il-qorti tar-rinviju kellha tivverifika jekk PY kienx ċittadin Taljan jew ta’ pajjiż terz u, f’din l-aħħar ipoteżi, kellha tieħu inkunsiderazzjoni t-talba għal deċiżjoni preliminari maħruġa mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) fil-kawża li, sussegwentement, tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Ġunju 2023, O. G. (Mandat ta’ arrest Ewropew kontra ċittadin ta’ Stat terz) (C‑700/21 iktar ’il quddiem is-“sentenza O. G., EU:C:2023:444).

13

Wara d-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2022 tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), il-qorti tar-rinviju, permezz tat-tieni sentenza, ordnat mill-ġdid il-konsenja tal-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet Franċiżi, billi kkonstatat li l-kwistjoni tal-installazzjoni effettiva ta’ PY fl-Italja ma kinitx tqum. Fil-fatt, skont il-Corte d’appello di Lecce (il-Qorti tal-Appell ta’ Lecce), il-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikoli 18a u 19 tal-Liġi Nru 69 tal‑2005 ma kinux, fi kwalunkwe każ, issodisfatti, peress li din il-persuna kienet la ċittadin Taljan u lanqas ċittadin ta’ Stat Membru ieħor iżda ċittadin Afgan.

14

Din it-tieni sentenza ġiet annullata wkoll mill-Corte di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), billi qieset li l-provi dwar l-istabbiliment tal-persuna kkonċernata fl-Italja ma kinux ġew evalwati b’mod adegwat.

15

Il-Qorti tar-rinviju, li lilha l-kawża ġiet irrinvijata mill-ġdid, tqis neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584 u, b’mod partikolari, dwar l-eventwali inkompatibbiltà tal-Artikoli 18a u 19 tal-Liġi Nru 69 tal‑2005 mal-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni-qafas. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jippermettux lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, meta l-persuna kkonċernata tkun ċittadin ta’ Stat terz residenti fl-Italja, li tissuġġetta l-konsenja għall-kundizzjoni li, wara li tkun instemgħet, din il-persuna tiġi rritornata fl-Italja għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ kustodja jew tal-ordni ta’ detenzjoni applikata għaliha mill-Istat Membru emittenti.

16

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte d’appello di Lecce (il-Qorti tal-Appell ta’ Lecce) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], interpretat fid-dawl tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas u tal-Artikolu 7 tal-[Karta], jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik Taljana li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali, tipprojbixxi b’mod assolut u awtomatiku lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tirrifjuta l-konsenja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu fit-territorju tagħha, indipendentement mir-rabtiet li dawn ikollhom ma’ dan tal-aħħar?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, abbażi ta’ liema kriterji u kundizzjonijiet dawn ir-rabtiet għandhom jitqiesu li huma sinjifikattivi tant li jobbligaw lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-konsenja?”

17

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa, konformement mal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Novembru 2022, il-proċedura ġiet sospiża sad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑700/21. Wara l-għoti, fis‑6 ta’ Ġunju 2023, tas-sentenza O. G., il-proċedura tkompliet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Ġunju 2023.

19

Fir-rigward tat-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-deċiżjoni li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Fedasil, C‑505/21, EU:C:2021:1049, punt 35).

Fuq id‑domandi preliminari

20

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, b’mod partikolari meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 201 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, konformement mal-punt 11 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1), huma l-qrati nazzjonali li għandhom jisiltu, fil-kawża pendenti quddiemhom, il-konsegwenzi konkreti tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva (C‑413/17, EU:C:2018:865, punt 43).

22

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mis-sentenza O. G. Għaldaqstant hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura f’din il-kawża.

23

Kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ dan id-digriet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi konkreti, fil-kawża prinċipali, tal-elementi ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l‑ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi b’mod assolut u awtomatiku lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni milli tissuġġetta l-konsenja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għall-kundizzjoni li din il-persuna, wara li tkun instemgħet, tiġi rritornata fl-imsemmi Stat Membru għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ kustodja jew tal-ordni ta’ detenzjoni li tingħata kontriha fl-Istat Membru emittenti.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) u tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni‑Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 38 tas-sentenza O. G., li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu Stat Membru meta jagħżel li jittrasponi r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni ma jistax ikun illimitat.

26

Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-imsemmi Stat Membru huwa obbligat, konformement mal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni-qafas, li jirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali msemmija fl-Artikolu 6 TUE, li fosthom jinsab il-prinċipju ta’ ugwaljanza li huwa ggarantit fl-Artikolu 20 tal-Karta. L-Istati Membri għandhom l-obbligu li josservaw din l-aħħar dispożizzjoni meta huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li huwa l-każ meta jittrasponu r-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva ta’ mandat ta’ arrest Ewropew prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi deċiżjoni-qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza O. G., punti 39 u 40.

27

Sa fejn l-Artikolu 20 tal-Karta ma jipprevedi ebda limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi japplika għas-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza O. G., punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni‑Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 44 tas-sentenza O. G., li hemm lok li jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà u li joqgħod jew jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru jew ma’ dik ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li joqgħod jew jirrisjedi fl-imsemmi Stat Membru, li huwa s-suġġett ta’ tali mandat.

29

B’mod partikolari, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ “residenza” prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li persuna mfittxija “tirrisjedi” fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni meta hija tkun stabbilixxiet ir-residenza reali tagħha f’dan tal-aħħar. Minn dan isegwi li, fid-dawl ta’ dan l-ewwel rekwiżit, ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u li jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jinstab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru jew għal dik ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jirrisjedi fl-imsemmi Stat Membru, li huwa s-suġġett ta’ tali mandat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza O. G., punt 47.

30

Barra minn hekk, fil-punt 49 tas-sentenza O. G., il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonstata, wara li tkun ivverifikat, b’mod partikolari, li l-kundizzjoni ta’ “residenza” inkwistjoni fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet hija ssodisfatta, jekk jeżistix interess leġittimu li jiġġustifika li l-piena imposta fl-Istat Membru emittenti tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Din l-evalwazzjoni tippermetti li din l-awtorità tieħu inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mill-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li huwa, skont ġurisprudenza tabilħaqq stabbilita, li jiżdiedu l-possibilitajiet, wara li l-persuna rikjesta tkun skontat il-piena li għaliha ġiet ikkundannata, ta’ riabilitazzjoni soċjali (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punti 3336 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjoni mfakkra fil-punt 29 ta’ dan id-digriet jistgħu jippreżentaw opportunitajiet komparabbli ta’ riabilitazzjoni soċjali jekk, meta jkunu koperti minn mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, jiskontaw il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni tagħhom fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

31

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti ta’ Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali intiża għat-traspożizzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni‑Qafas 2002/584 ma għandhiex titqies bħala li hija konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi sanċit fl-Artikolu 20 tal-Karta jekk din tittratta b’mod differenti, minn naħa, iċ-ċittadini rispettivi tagħha u ċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, billi tirrifjuta lil dawn tal-aħħar, b’mod assolut u awtomatiku, il-benefiċċju ta’ raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew prevista f’din id-dispożizzjoni, minkejja li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz joqogħdu jew jirrisjedu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ integrazzjoni tal-imsemmija ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi ħdan is-soċjetà tal-imsemmi Stat Membru. Fil-fatt, ma jistax jitqies li tali differenza fit-trattament tista’ tkun oġġettivament iġġustifikata, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 42 tas-sentenza O. G.

32

Fit-tieni lok, fil-punt 53 tas-sentenza O.G., l-effett tat-traspożizzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni‑Qafas 2002/584 ma jistax ikun dak li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiġi mċaħħda mill-marġni ta’ diskrezzjoni neċessarja sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi jekk hemmx jew ma hemmx lok, fid-dawl tal-għan imfittex ta’ riabilitazzjoni soċjali, f’din id-dispożizzjoni, li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew.

33

Issa, kif tfakkar fil-punt 55 tas-sentenza O. G., l-Artikolu 18a tal-Liġi Nru 69 tal‑2005, li huwa intiż li jittrasponi l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584 fid-dritt Taljan, jillimita l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew, imsemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni, biss għaċ-ċittadini Taljani u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, b’tali mod li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma esklużi b’mod assolut u awtomatiku mill-benefiċċju ta’ din ir-raġuni, mingħajr ma jitħalla ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni minkejja li l-imsemmi punt 6 tal-Artikolu 4 ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija raġuni għaċ-ċittadini tal-Unjoni biss.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-punt 56 tas-sentenza O. G., il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, meta l-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ta’ ordni ta’ detenzjoni hija ċittadina ta’ pajjiż terz, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ċċaħħad lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mis-setgħa li tevalwa, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, jekk ir-rabtiet ta’ din il-persuna mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni humiex suffiċjenti sabiex l-għan ta’ riabilitazzjoni soċjali previst f’din id-dispożizzjoni jistax jintlaħaq aħjar jekk l-imsemmija persuna tiskonta l-piena tagħha f’dan l-Istat Membru, u b’dan il-mod tikkomprometti l-imsemmi għan.

35

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti ta’ Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza O. G., li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni‑Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, sanċit fl-Artikolu 20 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tittrasponi dan il-punt 6 tal-Artikolu 4, li teskludi b’mod assolut u awtomatiku mill-benefiċċju tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew prevista f’din id-dispożizzjoni lil kull ċittadin ta’ pajjiżi terzi li joqgħod jew jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr ma l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tevalwa r-rabtiet ta’ dan iċ-ċittadin mal-imsemmi Stat Membru.

36

Fir-rigward tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584, l-ewwel nett, fir-rigward tal-komparabbiltà tas-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-dispożizzjoni ma’ dik ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ tali mandat, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika, bħall-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni‑qafas, għal kull persuna “residenti” fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Għalhekk, il-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ “residenza”, ma jipprevedi ebda indikazzjoni li tiġġustifika li tista’ tiġi distinta s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz minn dik ta’ ċittadin tal-Unjoni. Konsegwentement, ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali u li jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru jew għal dik ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jirrisjedi fl-imsemmi Stat Membru u li huwa s-suġġett ta’ tali mandat. Minn dan jirriżulta li, skont l-Artikolu 20 tal-Karta, is-sitwazzjonijiet ta’ dawn il-persuni ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti.

37

Barra minn hekk, fir-rigward tal-għan tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni‑Qafas 2002/584, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex iżżid il-possibbiltajiet ta’ riabilitazzjoni soċjali taċ-ċittadin jew tar-resident tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, billi tippermettilu jiskonta, fit-territorju tiegħu, il-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni li jċaħħdu l-libertà li, wara l-konsenja tiegħu, b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tingħata fil-konfront tiegħu fl-Istat Membru emittenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew - Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 48). Issa, kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ dan id-digriet, dan l-għan jikkoinċidi ma’ dak tal-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ din l-istess deċiżjoni-qafas. B’hekk, iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz kkonċernati minn mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jippreżentaw, meta jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ “residenza” msemmija fil-punt 29 ta’ dan id-digriet, possibbiltajiet komparabbli ta’ riabilitazzjoni soċjali fil-każ fejn dawn jiġu mġiegħla jiskontaw fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni l-piena jew il-miżura ta’ detenzjoni mogħtija fl-Istat Membru emittenti.

38

It-tieni, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikoli 18a u 19 tal-Liġi Nru 69 tal‑2005, li jittrasponu l-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584 fid-dritt Taljan, jillimitaw, essenzjalment, l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni biss għaċ-ċittadini Taljani u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, b’tali mod li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma esklużi b’mod assolut u awtomatiku mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr ma jitħalla ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, minkejja li l-imsemmi punt 3 tal-Artikolu 5 ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għaċ-ċittadini tal-Unjoni biss.

39

Għalhekk, meta l-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali tkun ċittadin ta’ pajjiż terz residenti fl-Italja, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ċċaħħad lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mis-setgħa li tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ ikkonċernat, jekk ir-rabtiet ta’ din il-persuna mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni humiex suffiċjenti sabiex l-għan ta’ riabilitazzjoni soċjali mfittex minn din id-dispożizzjoni jkun jista’ jintlaħaq aħjar fil-każ fejn l-imsemmija persuna tiskonta l-piena li tista’ tiġi imposta fuqha f’dan l-Istat Membru, u tikkomprometti b’dan il-mod l-imsemmi għan.

40

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi b’mod assolut u awtomatiku lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni milli tissuġġetta l-konsenja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għall-kundizzjoni li din il-persuna, wara li tkun instemgħet, tiġi rritornata fl-imsemmi Stat Membru għall-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-miżura ta’detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti.

Fuq it-tieni domanda

41

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tevalwa jekk hemmx lok li tissuġġetta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali maħruġ kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni bil-kundizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jindikaw jekk jeżistux, bejn l-imsemmi ċittadin u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, rabtiet li juru li huwa suffiċjentement integrat f’dan l-Istat u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma dawn l-elementi.

42

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 68 tas-sentenza O. G., li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tevalwa jekk hemmx lok li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod jew jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-elementi konkreti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin, li jistgħu jindikaw jekk jeżistux, bejn l-imsemmi ċittadin u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, rabtiet li juru li huwa suffiċjentement integrat f’dan l-Istat u li, għaldaqstant, l-eżekuzzjoni, fl-imsemmi Stat Membru, tal-piena jew tal-ordni ta’ detenzjoni imposta kontrih fl-Istat Membru emittenti għandha tikkontribwixxi sabiex jiżdiedu l-possibilitajiet ta’ riabilitazzjoni soċjali tiegħu wara li din il-piena jew din l-ordni ta’ detenzjoni tkun ġiet eżegwita. Fost dawn l-elementi hemm ir-rabtiet tal-familja, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz għandu mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kif ukoll in-natura, it-tul u l-kundizzjonijiet tas-soġġorn tiegħu f’dan l-Istat Membru.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 36 u 37 ta’ dan id-digriet f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584, l-evalwazzjoni globali inkwistjoni fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet għandha titwettaq ukoll fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni‑Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tevalwa jekk hemmx lok li tissuġġetta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-kundizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-elementi konkreti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin, li jistgħu jindikaw jekk jeżistux, bejn l-imsemmi ċittadin u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, rabtiet li juru li huwa suffiċjentement integrat f’dan l-Istat u li, għaldaqstant, l-eżekuzzjoni, fl-imsemmi Stat Membru, tal-piena jew tal-ordni ta’ detenzjoni imposta kontrih fl-Istat Membru emittenti għandha tikkontribwixxi sabiex jiżdiedu l-possibilitajiet ta’ riabilitazzjoni soċjali tiegħu wara li din il-piena jew din l-ordni ta’ detenzjoni tkun ġiet eżegwita. Fost dawn l-elementi hemm ir-rabtiet tal-familja, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz għandu mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kif ukoll in-natura, it-tul u l-kundizzjonijiet tas-soġġorn tiegħu f’dan l-Istat Membru.

Fuq l‑ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi sanċit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi b’mod assolut u awtomatiku lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni milli tissuġġetta l-konsenja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għall-kundizzjoni li din il-persuna, wara li tkun instemgħet, tiġi rritornata fl-imsemmi Stat Membru għall-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-miżura ta’detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti.

 

2)

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex tevalwa jekk hemmx lok li tissuġġetta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-kundizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-elementi konkreti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin, li jistgħu jindikaw jekk jeżistux, bejn l-imsemmi ċittadin u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, rabtiet li juru li huwa suffiċjentement integrat f’dan l-Istat u li, għaldaqstant, l-eżekuzzjoni, fl-imsemmi Stat Membru, tal-piena jew tal-ordni ta’ detenzjoni imposta kontrih fl-Istat Membru emittenti għandha tikkontribwixxi sabiex jiżdiedu l-possibilitajiet ta’ riabilitazzjoni soċjali tiegħu wara li din il-piena jew din l-ordni ta’ detenzjoni tkun ġiet eżegwita. Fost dawn l-elementi hemm ir-rabtiet tal-familja, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz għandu mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kif ukoll in-natura, it-tul u l-kundizzjonijiet tas-soġġorn tiegħu f’dan l-Istat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top