Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CO0095

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-6 ta’ Settembru 2022.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Judecătoria Târgu Mureş.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Artikolu 82 TFUE – Dritt għal informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Dritt li wieħed jiġi informat dwar l-akkuża miġjuba kontrih – Direttiva 2012/13/UE – Artikolu 6(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Kontestazzjoni dwar it-tul eċċessiv tal-proċeduri kriminali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tressiq ta’ tali kontestazzjoni biss lill-persuni li għandhom l-istatus ta’ persuna ssuspettata jew ta’ imputat – Artikolu 267 TFUE – Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni.
    Kawża C-95/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:697

     DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    6 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Artikolu 82 TFUE – Dritt għal informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Dritt li wieħed jiġi informat dwar l-akkuża miġjuba kontrih – Direttiva 2012/13/UE – Artikolu 6(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Kontestazzjoni dwar it-tul eċċessiv tal-proċeduri kriminali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tressiq ta’ tali kontestazzjoni biss lill-persuni li għandhom l-istatus ta’ persuna ssuspettata jew ta’ imputat – Artikolu 267 TFUE – Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni”

    Fil-Kawża C‑95/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Târgu-Mureș (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Târgu-Mureș, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Frar 2022, fil-proċedura mibdija minn

    Delgaz Grid SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tad-Disa’ Awla, u J.‑C. Bonichot, Imħallef,

    Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), u tal-Artikolu 82 TFUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Delgaz Grid SA minħabba t-tul tal-proċeduri kriminali mibdija mill-Parchetul de pe lângă Judecătoria Alba Iulia (l-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur”) għal reati ta’ frodi, ta’ falsifikazzjoni kif ukoll ta’ użu ta’ dokumenti foloz li wassal għal żieda fil-fatturi tal-gass imħallsa mill-konsumaturi finali.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/13, intitolat “Suġġett”, jipprevedi li:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. Hija tistabbilixxi wkoll regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni ta’ persuni soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew relatat mad-drittijiet tagħhom.”

    4

    Intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

    “Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”

    5

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jikkonċerna d-dikjarazzjoni ta’ drittijiet waqt l-arrest tal-persuni ssuspettati jew tal-akkużati u l-Artikolu 5 tagħha jirrigwarda din id-dikjarazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

    6

    L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprevedi li:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.”

    Id‑dritt Rumen

    7

    L-Artikolu 488a tal-Legea nr. 135/2010 privind Codul de procedură penală (il-Liġi Nru 135/2010 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), tal‑1 ta’ Lulju 2010 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 486 tal‑15 ta’ Lulju 2010) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Kriminali”), intitolat “Tressiq tal-kontestazzjoni”, jistabbilixxi li:

    “1.   Jekk l-attività ta’ prosekuzzjoni kriminali jew ta’ għoti ta’ sentenza ma tkunx eżerċitata f’terminu raġonevoli, huwa possibbli li titressaq kontestazzjoni, billi jintalab li l-proċedura titħaffef.

    2.   Il-kontestazzjoni tista’ titressaq mill-persuna ssuspettata, mill-akkużat, mill-vittma, mill-parti ċivili u mill-parti responsabbli ċivilment. Fil-mori tal-kawża, il-kontestazzjoni tista’ titressaq ukoll mill-prosekutur.

    […]”

    Il‑proċedura fil‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    8

    Fl‑1 ta’ Lulju 2019, l-awtoritajiet responsabbli għall-proċeduri kriminali tal-Inspectoratul de Poliție Județean Alba – Serviciul de Investigare a Criminalității Economice (l-Ispettorat tal-Pulizija tad-Dipartiment ta’ Alba – Servizz ta’ Investigazzjoni dwar il-Kriminalità Ekonomika, ir-Rumanija) fetħu investigazzjoni fir-rigward tal-impjegati ta’ Delgaz Grid li, b’mod partikolari, wettqu miżapproprjazzjoni, għall-benefiċċju tagħhom, ta’ materjali jew ta’ beni li l-ġestjoni tagħhom kienet ġiet fdata lilhom, iffavorixxew il-miżapproprjazzjoni ta’ karburant billi stabbilixxew dokumenti foloz u wettqu attivitajiet ta’ natura li jiġġeneraw telf u li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-servizz ta’ distribuzzjoni. Din l-investigazzjoni wasslet għall-ftuħ, fit‑2 ta’ Lulju 2019, ta’ proċeduri kriminali fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ abbuż ta’ funzjoni u ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi, li ġew estiżi, fit‑8 ta’ Jannar 2020, għal atti ta’ frodi, ta’ falsifikazzjoni u ta’ użu ta’ dokumenti foloz. Fid-dawl ta’ dawn il-proċeduri kriminali, infetaħ fajl kriminali bi proċess istruttorju mmexxi mill-Uffiċċju tal-Prosekutur.

    9

    Fid‑29 ta’ Ottubru 2020, l-investigazzjoni nqasmet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, b’tali mod li l-proċeduri kriminali fir-rigward tar-reati ta’ frodi, ta’ falsifikazzjoni u ta’ użu ta’ dokumenti foloz taw lok għall-ftuħ ta’ fajl kriminali separat, li huwa s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Waqt il-proċess istruttorju ta’ dan il-fajl kriminali, saru madwar 87 perkwiżizzjoni fis-sede tal-kumpannija u fil-bini ta’ Delgaz Grid, li warajhom ġew issekwestrati diversi dokumenti, u madwar 174 impjegat jew ex impjegat instemgħu bħala xhieda.

    10

    Fil‑21 ta’ Lulju 2021, Delgaz Grid ressqet, quddiem il-Judecătoria Târgu-Mureș (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Târgu-Mureș, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, azzjoni intiża li tikkontesta t-tul tal-proċeduri kriminali, li hija tqis li ġew imtawla b’mod mhux iġġustifikat.

    11

    Fl‑4 ta’ Awwissu 2021, l-Uffiċċju tal-Prosekutur talab li din l-azzjoni tiġi miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn Delgaz Grid ma kellhiex, fil-kuntest tal-proċedura kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istatus ta’ persuna ssuspettata jew ta’ akkużat, li madankollu huwa meħtieġ mill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali għall-finijiet tat-tressiq ta’ tali azzjoni.

    12

    F’dan ir-rigward, Delgaz Grid issostni, essenzjalment, li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tawtorizza persuna tikkontesta t-tul ta’ proċeduri kriminali biss jekk tiġi kkomunikata lilha notifika formali li tinformaha li hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali bħala persuna suspettata jew bħala akkużata, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Hija tqis, b’mod partikolari, li, fid-dawl tal-assenza ta’ definizzjoni mid-Direttiva 2012/13 tal-kunċetti ta’ “persuni ssuspettati” jew ta’ “akkużati”, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn il-kunċetti jkoprux il-persuni li għandhom, de facto, tali kwalità.

    13

    Il-qorti tar-rinviju tqis li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa fejn Delgaz Grid issostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-azzjoni intiża li tikkontesta t-tul tal-proċeduri kriminali, prevista fl-Artikolu 488a(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, tikser, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13, l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 82 TFUE.

    14

    Din il-qorti tindika li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula ser tinfluwenza l-eżitu tal-kawża prinċipali. Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, l-ewwel, li l-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) iddikjarat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 488a(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali huma konformi mal-Kostituzzjoni Rumena, it-tieni, li, fil-mument tat-tressiq, minn Delgaz Grid, tal-azzjoni intiża li tikkontesta t-tul tal-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-proċeduri kriminali kienu bbażati fuq fatti materjali (proċeduri kriminali in rem), u li din il-kumpannija ma kinitx kisbet l-istatus ta’ persuna ssuspettata jew ta’ akkużat, it-tielet, li l-leġiżlatur Rumen jirrikonoxxi l-possibbiltà li jiġi ppreżentat ir-rikors previst mid-dritt nazzjonali fil-każ ta’ titwil mhux iġġustifikat tal-proċeduri kriminali biss lill-persuni li jkunu s-suġġett ta’ akkuża fil-qasam kriminali u li jkunu rċevew notifika formali tal-akkuża miġjuba kontrihom, jiġifieri lill-persuni li għandhom l-istatus ta’ persuna ssuspettata jew ta’ akkużat u fl-aħħar nett, ir-raba’, li l-prattika tal-qrati nazzjonali tikkonsisti li jiġu miċħuda bħala inammissibbli t-talbiet li jkollhom bħala suġġett kontestazzjoni dwar it-tul tal-proċeduri kriminali f’sitwazzjonijiet bħal dik li wasslet għar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

    15

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Judecătoria Sibiu (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Târgu-Mureș) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “[L]-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2012/13], moqri flimkien mal-Artikolu 82 TFUE kif ukoll mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-[Karta] dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix li l-persuni li jkunu s-suġġett ta’ akkuża kriminali iżda li ma jkunux ġew innotifikati formalment bl-eżistenza ta’ akkuża [kontrihom] ikollhom id-dritt li jikkontestaw it-tul eċċessiv tal-proċeduri kriminali li fil-kuntest tagħhom dawn il-persuni jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni?”.

    16

    Il-qorti tar-rinviju talbet, fuq il-bażi tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa.

    Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja

    17

    Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, hija tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

    18

    F’din il-kawża hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

    19

    Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    20

    Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2012/13 tiddefinixxi r-regoli dwar id-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-akkużati li jiġu informati bid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u bl-akkuża miġjuba kontrihom.

    21

    Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, din id-direttiva tapplika mill-mument li fih il-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat u sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali, inkluż, fejn applikabbli, il-kundanna u d-deċiżjoni mogħtija fuq kwalunkwe appell.

    22

    L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, li hija d-dispożizzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju, jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew l-akkużati jiġu informati dwar l-att kriminalment issanzjonat li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu u li din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata malajr u b’mod iddettaljat biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-korrettezza tal-proċedura u sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

    23

    F’dan il-każ, Delgaz Grid tikkontesta l-impossibbiltà li tippreżenta rikors skont l-Artikolu 488a tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali sabiex tikkontesta t-tul eċċessiv tal-proċeduri kriminali relatati ma’ reati li fir-rigward tagħhom tqis li hija persuna ssuspettata, peress li din id-dispożizzjoni toffri l-possibbiltà li jiġi ppreżentat tali rikors biss lill-persuni li jkollhom il-kwalità ta’ “persuna ssuspettata” jew ta’ “akkużat”, kwalità li Delgaz Grid ma għandhiex.

    24

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja l-formulazzjoni tad-domanda magħmula, li tista’ tagħti x’tifhem li Delgaz Grid hija s-suġġett ta’ akkuża fil-qasam kriminali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dan ma huwiex il-każ. Fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħha skont l-Artikolu 488a tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-proċeduri kriminali inkwistjoni ma kinux inbdew kontra Delgaz Grid u din tal-aħħar ma kinitx irċeviet notifika formali tal-eżistenza ta’ akkuża kontriha.

    25

    Issa, kif tfakkar fil-punti 20 u 21 ta’ dan id-digriet, id-Direttiva 2012/13 tillimita ruħha li tiddefinixxi r-regoli dwar id-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-akkużati li jiġu informati bid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u bl-akkuża miġjuba kontrihom mill-mument meta persuna tiġi informata mill-awtoritajiet kompetenti li hija ssuspettata li wettqet reat jew li hija akkużata b’dan.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li Delgaz Grid ma hijiex is-suġġett ta’ proċeduri kriminali u peress li ma rċevietx tali informazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għandu jitqies li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13 u, konsegwentement, li l-Artikolu 6(1) tagħha, imsemmi fid-domanda magħmula, ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.

    27

    Barra minn hekk, l-Artikolu 82 TFUE, imsemmi wkoll mill-qorti tar-rinviju, li jiftaħ il-Kapitolu 4, intitolat “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali”, tat-Titolu V tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, jistabbilixxi l-miżuri li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jadotta sabiex tinkiseb kooperazzjoni sħiħa bejn l-Istati Membri fil-qasam kriminali u jistabbilixxi r-regola li din il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Peress li dan l-artikolu huwa indirizzat biss lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dan ma huwiex applikabbli f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2012, Vinkov, C‑27/11, EU:C:2012:326, punti 4142).

    28

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija), C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 37).

    29

    Mill-bqija, dan l-Artikolu 51(1) tal-Karta jikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija), C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Għaldaqstant, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom innifishom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, AB et (Revoka ta’ amnestija), C‑203/20, EU:C:2021:1016, punt 39).

    31

    Dan huwa l-każ f’din il-kawża, b’tali mod li għandu jitqies li l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex applikabbli.

    32

    Konsegwentement, peress li ebda waħda mit-tliet dispożizzjonijiet li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tagħhom ma hija applikabbli f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Judecătoria Târgu-Mureș (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Târgu-Mureș).

    33

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-talba tal-qorti tar-rinviju intiża li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa.

    Fuq l‑ispejjeż

    34

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tordna:

     

    Il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Judecătoria Târgu-Mureș (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Târgu-Mureș, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2022.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

    Top