Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0613

    Kawża C-613/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fit-23 ta’ Settembru 2022 – Dublin 8 Residents Association vs An Bord Pleanála, l-Irlanda u l-Attorney General

    ĠU C 472, 12.12.2022, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 472/32


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fit-23 ta’ Settembru 2022 – Dublin 8 Residents Association vs An Bord Pleanála, l-Irlanda u l-Attorney General

    (Kawża C-613/22)

    (2022/C 472/36)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Qorti tar-rinviju

    High Court (l-Irlanda)

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Dublin 8 Residents Association.

    Konvenuti: An Bord Pleanála, l-Irlanda u l-Attorney General

    fil-preżenza ta’: DBTR-SCR1 Fund, sub-fund ta’ CWTC Multi-Family ICAV

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (1), moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u/jew mal-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (2) għandu l-effett li meta NGO ambjentali tissodisfa r-rekwiżit ta’ locus standi stabbilit f’dik id-dispożizzjoni, l-NGO kkonċernata għandha titqies li għandha kapaċità suffiċjenti sabiex tagħti bidu għal rimedju ġudizzjarju minkejja r-regola ġenerali fid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru li tipprekludi assoċjazzjonijiet de facto li ma għandhomx personalità ġuridika milli jibdew proċeduri legali?

    2)

    Jekk l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2011/92 moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u/jew mal-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2005/370 ma għandux l-effett stabbilit fl-ewwel domanda f’ċirkustanzi ġenerali, għandu dan l-effett f’ċirkustanzi fejn id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jipprovdu li NGO li tissodisfa r-rekwiżit ta’ locus standi stabbilit mill-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva għandha għalhekk il-kapaċità li tagħti bidu għal rimedju ġudizzjarju?

    3)

    Jekk l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2011/92 moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u/jew mal-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2005/370 ma għandux l-effett stabbilit fl-ewwel domanda f’ċirkustanzi ġenerali, għandu dan l-effett f’ċirkustanzi fejn id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u/jew proċeduri adottati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ippermettew lil NGO ambjentali li kieku ma kienx ikollha locus standi taħt id-dritt nazzjonali sabiex madankollu tipparteċipa fil-fażi amministrattiva tal-proċess tal-kunsens għall-iżvilupp?

    4)

    Jekk l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2011/92 moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u/jew mal-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2005/370 ma għandux l-effett stabbilit fl-ewwel domanda f’ċirkustanzi ġenerali, għandu dan l-effett meta l-kundizzjonijiet stabbiliti skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat sabiex jippermettu lil NGO tikkwalifika għall-fini tal-Artikolu 1(2)(e) huma tali li l-perijodu meħtieġ ta’ eżistenza ta’ NGO sabiex tikkwalifika hekk ikun itwal mill-perijodu statutorju għad-determinazzjoni ta’ applikazzjoni għal kunsens għall-iżvilupp, u għalhekk ikollu l-konsegwenza li NGO li ma għandhiex personalità ġuridika kkostitwita bi tweġiba għal applikazzjoni ta’ ppjanar partikolari normalment qatt ma tikkwalifika għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni li timplimenta l-Artikolu 1(2)(e)?

    5)

    L-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2011/92 moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u/jew effettività u/jew flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u/jew mal-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2005/370 għandu l-effett li diskrezzjoni maħluqa minn dispożizzjoni tal-liġi proċedurali nazzjonali ta’ Stat Membru sabiex tippermetti s-sostituzzjoni ta’ rikorrent individwali jew rikorrenti li huma membri ta’ assoċjazzjoni li ma għandhiex personalità ġuridika minflok l-istess assoċjazzjoni għandha tiġi eżerċitata b’tali mod li tagħti effett sħiħ lid-dritt ta’ aċċess għal rimedju ġudizzjarju effettiv b’tali mod li dik is-sostituzzjoni ma setgħetx tiġi prekluża biss minħabba regola tad-dritt nazzjonali dwar il-preskrizzjoni taż-żmien għat-tressiq tar-rikors ikkonċernat?

    6)

    Jekk l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2011/92 moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u/jew effettività u/jew flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u/jew mal-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2005/370 ma għandux l-effett imsemmi fil-ħames domanda f’ċirkustanzi ġenerali, għandu dan l-effett partikolarment fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività f’ċirkustanzi fejn ir-rikors ġie ppreżentat mir-rikorrent oriġinali fiż-żmien stabbilit mid-dritt nazzjonali u fejn il-motivi invokati li fuqhom intalab id-dritt ta’ aċċess għal rimedju ġudizzjarju mir-rikorrent issostitwit baqgħu l-istess?

    7)

    Jekk l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2011/92 moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u/jew effettività u/jew flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u/jew mal-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2005/370 ma għandux l-effett imsemmi fil-ħames domanda f’ċirkustanzi ġenerali, għandu dan l-effett jekk id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat dwar l-applikazzjoni tal-perijodi ta’ preskrizzjoni f’sitwazzjonijiet bħal dawn ma hijiex ċara u/jew hija kontradittorja b’tali mod li rikorrent ma jgawdix minn ċertezza legali minn qabel dwar jekk tali sostituzzjoni hijiex permissibbli?


    (1)  ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44.

    (2)  ĠU 2006, L 164M, p. 17.


    Top