EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0582

Kawża C-582/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Settembru 2022 – Die Länderbahn GmbH DLB et vs Bundesrepublik Deutschland

ĠU C 441, 21.11.2022, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Settembru 2022 – Die Länderbahn GmbH DLB et vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-582/22)

(2022/C 441/23)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Die Länderbahn GmbH DLB, Prignitzer Eisenbahn GmbH, Ostdeutsche Eisenbahn, Ostseeland Verkehrs GmbH

Konvenut: Bundesrepublik Deutschland

Intervenjent: DB Netz AG

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 56(1), (6) u (9) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema li tistabbilixxi t-tariffi tista’ tkun is-suġġett validu ta’ lment anki jekk il-perijodu ta’ validità għat-tariffi li għandhom jiġu eżaminati jkun diġà skada (ilment imressaq kontra l-hekk imsejħa tariffi antiki)?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 56(1), (6) u (9) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp regolatorju, fil-kuntest ta’ kontroll ex post ta’ tariffi antiki, jista’ jiddikjara li dawn it-tariffi ma għandhomx effett ex tunc?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda: l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56(1), (6) u (9) tal-istess direttiva tippermetti dispożizzjoni nazzjonali li teskludi l-possibbiltà ta’ kontroll ex post ta’ tariffi antiki jekk ikollhom effett ex tunc?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda: l-Artikolu 56(9) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni, prevista fl-imsemmija dispożizzjoni u meħuda mill-korp regolatorju kompetenti, tinkludi wkoll, bħala konsegwenza legali, l-ordni li l-maniġer tal-infrastruttura jirrimborsaw it-tariffi imposti b’mod illegali, u dan minkejja li l-pretensjonijiet relatati mar-rimbors bejn impriżi ferrovjarji u maniġers tal-infrastruttura jistgħu jiġu infurzati permezz tad-dritt ċivili?

5)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda: meta, fl-assenza ta’ deċiżjoni dwar ilment min-naħa tal-korp regolatorju, rimbors ta’ tariffi antiki illegali abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ċivili jkun eskluż fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (2), jeżisti xorta waħda rimedju kontra tariffi antiki taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE?


(1)  ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67.

(2)  C-489/15, EU:C:2017:834.


Top