Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0420

    Kawża C-420/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Törvényszék (l-Ungerija) fl-24 ta’ Ġunju 2022 – NW vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság, Miniszterelnöki Kabinetirodát vezető miniszter

    ĠU C 451, 28.11.2022, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 451/7


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Törvényszék (l-Ungerija) fl-24 ta’ Ġunju 2022 – NW vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság, Miniszterelnöki Kabinetirodát vezető miniszter

    (Kawża C-420/22)

    (2022/C 451/10)

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Qorti tar-rinviju

    Szegedi Törvényszék

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: NW

    Konvenuti: Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság, Miniszterelnöki Kabinetirodát vezető miniszter

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (1) għandu, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il-quddiem il-“Karta”) – u, jekk ikun il-każ, mal-Artikoli 7 u 24 tiegħu –, jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-awtorità nazzjonali li tkun, għal raġunijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, mal-ordni pubbliku u/jew mas-sigurtà pubblika, adottat deċiżjoni ta’ rtirar ta’ permess ta’ residenza fit-tul mogħti qabel lil ċittadin ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, il-korpi speċjalizzati tal-Istat li jiddeċiedu dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni għandhom, meta l-awtorità responsabbli tindika li l-iżvelar ta’ data u ta’ informazzjoni jagħmel ħsara lis-sigurtà nazzjonali, jiżguraw li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat igawdi fil-każijiet kollha, bħar-rappreżentant tiegħu, id-dritt ta’ aċċess għall-inqas għall-punti sostanzjali tad-data u tal-informazzjoni kunfidenzjali jew ikklassifikata li huma l-bażi tad-deċiżjoni meħuda għar-raġunijiet indikati, kif ukoll id-dritt li jintużaw dawn l-elementi fil-qafas tal-proċedura li twassal għad-deċiżjoni?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’tifsira preċiża għandha tingħata lill-kunċett ta’ “sustanza” tar-raġunijiet kunfidenzjali li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni, filwaqt li jitqiesu l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta?

    3)

    L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/109, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tistħarreġ il-legalità ta’ opinjoni tal-korp speċjalizzat tal-Istat ibbażata fuq data kunfidenzjali jew ikklassifikata u d-deċiżjoni sostanzjali fil-qasam tal-immigrazzjoni bbażata fuq din l-opinjoni għandha jkollha l-kompetenza meħtieġa sabiex tivverifika l-legalità (neċessità u proporzjonalità) tal-klassifikazzjoni, u sabiex tadotta deċiżjoni speċifika li, fil-każ li l-klassifikazzjoni tkun illegali, tippermetti lill-persuna kkonċernata u lir-rappreżentant tagħha li jkunu jafu u jużaw id-data kollha li fuqha hija bbażata l-opinjoni jew id-deċiżjoni tal-awtoritajiet amministrattivi u, fil-każ li l-kunfidenzjalità hija legali, tagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà, fil-qafas tad-deċiżjoni ta’ immigrazzjoni li tikkonċernaha, li tkun taf u tuża għall-inqas is-sustanza tad-data kunfidenzjali?

    4)

    L-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/109, flimkien mal-Artikoli 7, 24, l-Artikolu 51(1) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li ġiet adottata deċiżjoni ta’ immigrazzjoni li tirtira permess ta’ residenza għal żmien twil mogħti qabel fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni mhux motivata

    i)

    li hija bbażata esklużivament fuq riferiment awtomatiku għal opinjoni, vinkolanti u li ma tammetti l-ebda deroga, maħruġa minn korpi speċjalizzati tal-Istat u li tikkonstata periklu jew ħsara fuq is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew l-ordni pubblika, liema opinjoni hija stess hija mingħajr motivazzjoni, u

    ii)

    li twettqet mingħajr eżami rigoruż tal-eżistenza, fil-każ individwali, ta’ raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ ordni pubbliku, u mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali u lanqas ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.


    Top