EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0353

Kawża C-353/22: Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja

ĠU C 294, 1.8.2022, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/17


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja

(Kawża C-353/22)

(2022/C 294/24)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Tricot, P. Carlin u E. Manhaeve, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Isvezja

Talbiet

tiddikjara li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2017/853 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi, ikkodifikata bid-Direttiva (UE) 2021/555 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi, billi naqas milli jadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu

mal-punti 6, 7, 8 u 9 tal-Kategorija A, mal-punt 8 tal-Kategorija B u mal-punt 5 tal-Kategorija Ċ, kif iddefiniti fil-Punt A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendati bl-Artikolu 1(19) tad-Direttiva 2017/853,

mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/477, kif emendat bl-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2017/853,

mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 91/477, kif emendat bl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2017/853, u

mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 91/477, kif emendat bl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2017/853, jew għall-inqas billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni;

tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja jħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 5 387,90 kuljum, iżda mhux inqas minn EUR 1 909 000, jekk in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi stipulati fl-ewwel inċiż jippersisti fid-data tas-sentenza f’din kawża, u tordna lir-Renju tal-Isvezja jħallas lill-Kummissjoni multa ta’ EUR 48 454,98 kuljum mid-data tas-sentenza f’din il-kawża sakemm ir-Renju tal-Isvezja jkun wettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva, u

tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi, ikkodifikata bid-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi, hija intiża li tarmonizza l-leġiżlazzjoni u l-proċeduri tal-Istati Membri relatati mal-armi tan-nar, li tissemplifika l-proċeduri għall-akkwist, għall-pussess u għat-trasferiment tal-armi tan-nar, li tipprevjeni l-manifattura u l-kummerċ mhux awtorizzati tal-armi tan-nar u li żżid it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar.

L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu d-Direttiva sa mhux iktar tard mill-14 ta’ Settembru 2018. Il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ ksur kontra l-Isvezja fit-22 ta’ Novembru 2018. Fis-26 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Isvezja. Madankollu, l-Isvezja għadha ma kkomunikatx, lill-Kummissjoni, it-traspożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali.


(1)  ĠU 2017, L 137, p. 22.

(2)  ĠU 2021, L 115, p. 1.


Top