Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0334

    Kawża C-334/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fit-23 ta’ Mejju 2022 – Audi AG vs GQ

    ĠU C 318, 22.8.2022, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 318/27


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fit-23 ta’ Mejju 2022 – Audi AG vs GQ

    (Kawża C-334/22)

    (2022/C 318/39)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Qorti tar-rinviju

    Sąd Okręgowy w Warszawie

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Audi AG

    Konvenut: GQ

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-proprjetarju tat-trade mark jew lill-qorti milli jipprojbixxu lil terzi l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal, identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni, ta’ trade mark tal-Unjoni, fir-rigward ta’ spare parts tal-karozzi (apparat li jkessaħ l-arja / grilji tar-radjatur), fejn dan is-sinjal ikun jikkostitwixxi struttura għall-iffissar ta’ aċċessorju tal-karozzi (emblema li tirrifletti trade mark tal-Unjoni), u:

    fejn minn perspettiva teknika jeżistu possibbiltajiet ta’ twaħħil tal-emblema oriġinali li tirrifletti trade mark tal-Unjoni ma’ spare part ta’ karozza (apparat li jkessaħ l-arja / grilja tar-radjatur) mingħajr ir-riproduzzjoni, fuq dawn il-parts, ta’ sinjal identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni għat-trade mark tal-Unjoni;

    jew f’sitwazzjoni

    fejn minn perspettiva teknika ma huwiex possibbli t-twaħħil tal-emblema oriġinali li tirrifletti trade mark tal-Unjoni ma’ spare part ta’ karozza (apparat li jkessaħ l-arja / grilja tar-radjatur) mingħajr ir-riproduzzjoni, fuq dawn il-parts, ta’ sinjal identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni għat-trade mark tal-Unjoni?

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    2)

    Liema kriterji ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu applikati f’dawn il-każijiet biex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni huwiex konformi mal-prattiki onesti fil-qasam kummerċjali u industrijali?

    3)

    L-Artikolu 9(2) u (3)(a) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn it-trade mark huwa element tal-forma ta’ spare part u fl-assenza, fir-Regolament 2017/1001, ta’ klawżola ekwivalenti għall-klawżola ta’ tiswija fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (2), f’tali sitwazzjoni t-trade mark ma jissodisfax funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini?

    4)

    L-Artikolu 9(2) u (3)(a) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn l-element għall-iffissar tat-trade mark, li jirrifletti l-forma tat-trade mark jew huwa simili għaliha b’mod joħloq konfużjoni, huwa element tal-forma ta’ spare part u fl-assenza, fir-Regolament 2017/1001, ta’ klawżola ekwivalenti għall-klawżola ta’ tiswija fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, l-element għall-iffissar ma jistax jitqies bħala trade mark li tissodisfa funzjonijiet ta’ indikazzjoni tal-oriġini anki jekk dan ikun identiku għat-trade mark jew huwa simili għaliha b’mod li joħloq konfużjoni?


    (1)  ĠU 2017, L 154, p. 1.

    (2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142.


    Top