Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0140

    Kawża C-140/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy -Śródmieścia w Warszawie (il-Polonja) fil-25 ta’ Frar 2022 – SM, KM vs mBank S.A.

    ĠU C 284, 25.7.2022, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 284/14


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy -Śródmieścia w Warszawie (il-Polonja) fil-25 ta’ Frar 2022 – SM, KM vs mBank S.A.

    (Kawża C-140/22)

    (2022/C 284/15)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Qorti tar-rinviju

    Sąd Rejonowy dla Warszawy – Śródmieścia w Warszawie

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: SM, KM

    Konvenut: mBank S.A.

    Domanda preliminari

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1), kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li skontha, fil-każ li fil-kuntratt ikun hemm klawżola inġusta li mingħajrha dan il-kuntratt ma jkunx jista’ jiġi eżegwit:

    1.

    dan il-kuntratt isir permanentement ineffettiv (invalidu) retroattivament mill-mument tal-konklużjoni tiegħu biss wara li l-konsumatur ikun għamel dikjarazzjoni li ma jagħtix il-kunsens tiegħu li l-klawżola inġusta tibqa’ fis-seħħ, huwa konxju tal-konsegwenzi tal-invalidità tal-kuntratt u jagħti l-kunsens tiegħu li l-kuntratt jiġi invalidat,

    2.

    it-terminu għall-pretensjoni tal-bejjiegħ jew fornitur għar-rimbors tal-benefiċċji indebiti mħallsa fuq il-bażi tal-kuntratt jibda jiddekorri biss mid-data li fiha l-konsumatur ikun issottometta d-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 1 anki jekk il-konsumatur ikun preċedentement talab lill-bejjiegħ jew fornitur iħallas u anki jekk il-bejjiegħ jew fornitur seta’ preċedentement ippreveda li l-kuntratt redatt minnu kien fih klawżoli inġusti,

    3.

    il-konsumatur jista’ jitlob il-ħlas ta’ interessi moratorji statutorji biss mid-data li fiha ssottometta d-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 1 anki jekk preċedentement talab lill-bejjiegħ jew fornitur iħallas,

    4.

    il-pretensjoni tal-konsumatur għar-rimbors tal-benefiċċji li jkun ħallas fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ kreditu invalidu (il-pagamenti ta’ kreditu, l-ispejjeż, il-kummissjonijiet u l-primjums ta’ assigurazzjoni) għandha tiġi ridotta bl-ekwivalenti tal-interessi kapitali li kien ikun intitolat għalihom il-bank li kieku l-kuntratt ta’ kreditu kien validu, filwaqt li l-bank jista’ jitlob ir-rimbors, li ħallas bis-sħiħ, tal-benefiċċju fuq il-bażi ta’ dan l-istess kuntratt ta’ kreditu invalidu (il-kapital)?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.


    Top