Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0123

    Kawża C-123/22: Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

    ĠU C 121, 3.4.2023, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 121/2


    Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

    (Kawża C-123/22)

    (2023/C 121/03)

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Partijiet

    Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Azéma, L. Grønfeldt, A. Tokár u J. Tomkin, aġenti)

    Konvenut: L-Ungerija

    Talbiet

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    1.

    tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 260 TFUE billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex teżegwixxi d-dispożittiv tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża C-808/18, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali);

    2.

    tikkundanna lill-Ungerija tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 5 468,45 kuljum – b’ammont totali minimu ta’ EUR 1 044 000,00 – matul il-perijodu mill-ġurnata meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-Kawża C-808/18 u l-ġurnata meta l-konvenuta teżegwixxi d-dispożittiv tal-imsemmija sentenza jew il-ġurnata meta tingħata s-sentenza f’din il-kawża, jekk dan tal-aħħar iseħħ qabel;

    3.

    fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmi fl-ewwel talba jkompli sakemm tingħata s-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lill-Ungerija tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 16 393,16 kuljum matul il-perijodu mill-ġurnata meta tingħata s-sentenza f’din il-kawża u l-ġurnata meta l-konvenuta teżegwixxi d-dispożittiv tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-808/18, u

    4.

    tikkundanna lill-Ungerija tbati l-ispejjeż tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Fis-sentenza tagħha mogħtija fis-17 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża C-808/18, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-leġiżlazzjoni Ungeriża fil-qasam tal-ażil kienet inkompatibbli minn diversi aspetti mad-dritt tal-Unjoni. Minkejja li l-Ungerija adottat ċerti miżuri sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza – qabel xejn, għalqet l-imsemmija żoni ta’ tranżitu li kienet stabbilixxiet fil-fruntiera Ungaro-Serba – il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-miżuri ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi eżegwit id-dispożittiv tal-imsemmija sentenza.


    Top