Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0771

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
Bundesarbeitskammer et vs HDI Global SE u MS Amlin Insurance SE.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien u Nederlandstalige Ondernemingsrechtbank Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2302 – Pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tal-ivvjaġġar marbuta – Artikolu 12 – Dritt ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Dritt għar-rimbors sħiħ tal-pagamenti li jkunu saru għall-pakkett tal-ivvjaġġar – Ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli – Pandemija tal-COVID‑19 – Artikolu 17 – Insolvenza tal-organizzatur tat-tours – Garanzija għar-rimbors ta’ kull pagament li jkun sar – Livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Kawżi magħquda C-771/22 u C-45/23.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:644

 SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

29 ta’ Lulju 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2302 – Pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tal-ivvjaġġar marbuta – Artikolu 12 – Dritt ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Dritt għar-rimbors sħiħ tal-pagamenti li jkunu saru għall-pakkett tal-ivvjaġġar – Ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli – Pandemija tal-COVID‑19 – Artikolu 17 – Insolvenza tal-organizzatur tat-tours – Garanzija għar-rimbors ta’ kull pagament li jkun sar – Livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawżi magħquda C‑771/22 u C‑45/23,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija) (C‑771/22) u min-Nederlandstalige Ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju) (C‑45/23), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2022 u oħra tad‑19 ta’ Jannar 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Diċembru 2022 u fil‑31 ta’ Jannar 2023, rispettivament, fil-proċeduri

Bundesarbeitskammer

vs

HDI Global SE (C‑771/22),

u

A,

B,

C,

D

vs

MS Amlin Insurance SE (C‑45/23),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, F. Biltgen, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Bundesarbeitskammer, minn S. Schumacher, Rechtsanwalt,

għal HDI Global SE, minn A. Gütlbauer, M. Pichlmair u S. Sighartsleitner, Rechtsanwälte,

għal A, B, C u D, minn E. Loubris u J. Vanermen, advocaten,

għal MS Amlin Insurance SE, minn J. Van Bellinghen, advocaat,

għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn J. F. Kronborg u C. Maertens, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn Z. Chatzipavlou, K. Georgiadis, C. Kokkosi, K. Konsta u A. Magrippi, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn M. Menegatti u I. Terwinghe, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn N. Brzezinski u S. Emmerechts, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann, I. Rubene u F. van Schaik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet, l-ewwel waħda bejn il-Bundesarbeitskammer (il-Kamra Federali tax-Xogħol, l-Awstrija), li ssubentrat fid-drittijiet ta’ vjaġġatur, u HDI Global SE, il-kumpannija ta’ assigurazzjoni tal-organizzatur tat-tours ta’ dan il-vjaġġatur (C‑771/22), u t-tieni waħda bejn A, B, C u D, erba’ vjaġġaturi oħra, u MS Amlin Insurance SE, il-kumpannija ta’ assigurazzjoni tal-organizzatur tat-tours ta’ dawn l-erba’ vjaġġaturi l-oħra (C‑45/23), dwar ir-rifjut ta’ dawn il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li jirrimborsaw lil dawn il-vjaġġaturi wara l-falliment ta’ dawn l-organizzaturi tat-tours.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 90/314/KEE

3

L-Artikolu 4(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132), kien jipprevedi:

“Jekk il-konsumatur jirtira mill-kuntratt skond il-paragrafu 5, jew jekk, għal xi raġuni tkun xi tkun, ħlief waħda li tkun tort tal-konsumatur, l-organizzatur iħassar il-pakkett [tal-ivvjaġġar] qabel id-data tat-tluq, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt:

(a)

li jew jieħu pakkett ieħor minflok ta’ l-istess kwalità jew kwalità ogħla meta l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ ikun jista’ joffrilu sostitut bħal dan. Jekk il-pakkett tas-sostituzzjoni li jingħata jkun ta’ kwalità aktar baxxa, l-organizzatur għandu jagħti lura d-differenza fil-prezz lill-konsumatur;

(b)

jew li jitħallas lura malajr kemm jista’ jkun s-somom kollha li jkun ħallas skont il-kuntratt.

[…]”

4

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“L-organizzatur u/jew il-bejjiegħ li jkun parti kontraenti għandu jipprovdi xiehda biżżejjed ta’ sigurtà għar-rifużjoni tal-flus li jkunu tħallsu u għar-ripatrijazzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ xi falliment.”

Id‑Direttiva 2015/2302

5

Il-premessi 1 sa 3, 39 u 40 tad-Direttiva 2015/2302 huma fformulati bil-mod kif ġej:

“(1)

Id-Direttiva [90/314] […] tistipula għadd ta’ drittijiet importanti tal-konsumatur fir-rigward ta’ pakketti tal-ivvjaġġar, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni, ir-responsabbiltà ta’ kummerċjanti fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ pakkett, u l-protezzjoni kontra l-insolvenza ta’ organizzatur jew ta’ bejjiegħ bl-imnut. Madankollu, hu meħtieġ li jiġi adattat il-qafas leġislattiv għall-iżviluppi tas-suq, sabiex isir aktar adattat għas-suq intern, biex jitneħħew l-ambigwitajiet u jingħalqu l-lakuni leġislattivi.

(2)

It-turiżmu għandu sehem importanti fl-ekonomija tal-Unjoni [Ewropea] u l-pakketti tal-ivvjaġġar, il-pakketti tal-vaganzi u l-pakketi tat-tours (‘packages’), jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti tas-suq tal-ivvjaġġar. Dak is-suq għadda minn tibdiliet konsiderevoli minn meta ġiet adottata d-Direttiva [90/314]. Minbarra l-ktajjen ta’ distribuzzjoni tradizzjonali, l-Internet sar mezz dejjem aktar importanti li permezz tiegħu jiġu offruti jew mibjugħa servizzi tal-ivvjaġġar. Is-servizzi tal-ivvjaġġar mhumiex biss kombinati fil-forma tradizzjonali ta’ pakketti mħejjija minn qabel, iżda huma ta’ spiss kombinati b’mod personalizzat. Ħafna minn dawk il-kombinazzjonijiet ta’ servizzi tal-ivvjaġġar jinsabu jew f’‘żona griża’ legali jew mhumiex koperti b’mod ċar mid-Direttiva [90/314]. Din id-Direttiva għandha l-għan li tadatta l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni sabiex tqis dawk l-iżviluppi, issaħħaħ it-trasparenza u żżid iċ-ċertezza legali għall-vjaġġaturi u l-kummerċjanti.

(3)

L-Artikolu 169(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2) [TFUE] jipprevedu li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur permezz ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 114 TFUE.

[…]

(39)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li vjaġġaturi li jixtru pakkett huma protetti totalment kontra l-insolvenza tal-organizzatur. L-Istati Membri li l-organizzaturi huma stabbiliti fihom għandhom jiżguraw li huma jipprovdu s-sigurtà għar-rifużjoni tal-pagamenti kollha mwettqa minn jew f’isem il-vjaġġaturi u, sa fejn pakkett jinkludi t-trasport tal-passiġġieri, għar-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi fil-każ tal-insolvenza tal-organizzatur. Madankollu, għandu jkun possibbli li l-vjaġġaturi jiġu offruti l-kontinwazzjoni tal-pakkett. Filwaqt li tinżamm diskrezzjoni dwar il-mod li bih il-protezzjoni mill-insolvenza għandha tiġi organizzata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-protezzjoni tkun effettiva. L-effettività timplika li l-protezzjoni għandha tkun disponibbli hekk kif, bħala konsegwenza tal-problemi ta’ likwidità tal-organizzatur, is-servizzi tal-ivvjaġġar mhumiex qed jitwettqu, mhux ser jitwettqu jew ser jitwettqu parzjalment biss jew fejn il-fornituri tas-servizzi jirrikjedu lill-vjaġġaturi jħallsu għalihom. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu li l-organizzaturi jipprovdu ċertifikat lill-vjaġġaturi li jiddokumenta intitolament dirett kontra l-fornitur tal-protezzjoni mill-insolvenza.

(40)

Sabiex il-protezzjoni mill-insolvenza tkun effettiva, hija għandha tkopri l-ammonti prevedibbli ta’ ħlasijiet affettwati mill-insolvenza tal-organizzatur u, fejn applikabbli, l-ispiża prevedibbli għar-ripatrijazzjonijiet. Dan ifisser li l-protezzjoni għandha tkun suffiċjenti biex tkopri l-ħlasijiet kollha previsti magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi fir-rigward ta’ pakketti fl-aqwa tal-istaġun, b’kont meħud tal-perjodu bejn ir-riċevuta ta’ ħlasijiet bħal dawn u t-twettiq tal-vjaġġ jew tal-btala, kif ukoll, fejn applikabbli, l-ispiża prevedibbli għar-ripatrijazzjonijiet. B’mod ġenerali dak ser ifisser li l-garanzija għandha tkopri perċentwal għoli biżżejjed tal-fatturat tal-organizzatur fir-rigward tal-pakketti, u tista’ tiddependi minn fatturi bħat-tip ta’ pakketti mibjugħa, inkluż il-mezz ta’ trasport, id-destinazzjoni tal-ivvjaġġar, u kwalunkwe restrizzjoni legali jew l-impenn tal-organizzatur rigward l-ammonti ta’ pagamenti bil-quddiem li jista’ jaċċetta u l-iskeda ta’ żmien tagħhom qabel il-bidu tal-pakkett. Billi l-kopertura meħtieġa tista’ tiġi kkalkulata abbażi tad-data kummerċjali l-aktar reċenti, pereżempju l-fatturat miksub fl-aħħar sena finanzjarja, l-organizzaturi għandhom ikunu obbligati jadattaw il-protezzjoni mill- insolvenza f’każ ta’ riskji akbar, inkluż żieda sinifikanti fil-bejgħ ta’ pakketti. Madankollu, protezzjoni effettiva mill-insolvenza m’għandhiex tqis riskji remoti ħafna, pereżempju l-insolvenza simultanja ta’ diversi mill-akbar organizzaturi, fejn jekk dan isir se jaffettwa b’mod sproporzjonat l-ispiża tal-protezzjoni, u b’hekk tiddgħajjef l-effettività tagħha. F’każijiet bħal dawn il-garanzija għar-rifużjonijiet tista’ tkun limitata.”

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi jiġu approssimati ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward kuntratti dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta konklużi bejn vjaġġaturi u kummerċjanti.”

7

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘servizz tal-ivvjaġġar’ tfisser:

(a)

il-ġarr ta’ passiġġieri;

(b)

akkomodazzjoni li mhijeix intrinsikament parti mill-ġarr ta’ passiġġieri u mhijiex għal finijiet residenzjali;

(c)

il-kiri ta’ karozzi, ta’ vetturi oħrajn bil-mutur […]

(d)

kwalunkwe servizz ieħor għat-turisti li mhuwiex intrinsikament parti minn servizz tal-ivvjaġġar fi ħdan it-tifsira tal-punti (a), (b) jew (c);

[…]”

8

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma l-vjaġġatur ikun marbut bi kwalunkwe kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, l-organizzatur u, fejn il-pakkett jinbiegħ permezz ta’ bejjiegħ bl-imnut, dan tal-aħħar għandu jagħti wkoll lill-vjaġġatur l-informazzjoni standard permezz tal-formula rilevanti kif tinsab fil-Parti A jew Parti B tal-Anness I, u, fejn applikabbli għall-pakkett, bl-nformazzjoni li ġejja […]”

9

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Tibdil ta’ kondizzjonijiet oħra tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ”, jipprevedi:

“[…]

2.   Jekk, qabel il-bidu tal-perjodu tal-pakkett, l-organizzatur ikun kostrett li jibdel b’mod sinifikanti xi waħda mill-karatteristiċi ewlenin tas-servizzi tal-ivvjaġġar kif imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) jew ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti speċjali kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 7(2), jew jipproponi li jgħolli l-prezz tal-pakkett b’aktar minn 8 % skont l-Artikolu 10(2), il-vjaġġatur jista’, f’ perjodu ta’ żmien raġonevoli speċifikat mill-organizzatur:

(a)

jaċċetta l-bidla proposta; jew

(b)

jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni.

Jekk il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, il-vjaġġatur jista’ jaċċetta pakkett sostitwit fejn dan jiġi offrut mill-organizzatur, jekk huwa possibbli, ta’ kwalità ekwivalenti jew ogħla.

[…]

5.   Jekk il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar jiġi tterminat skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u l-vjaġġatur ma jaċċettax pakkett sostitwit, l-organizzatur għandu jrodd lura l-pagamenti kollha li saru minn jew f’isem il-vjaġġatur mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 14‑il jum wara li l-kuntratt ikun ġie tterminat. […]”

10

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u d-dritt ta’ rtirar qabel il-bidu tal-pakkett”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur. […]

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali.

3.   L-organizzatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u jagħti lill-vjaġġatur rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li jkun sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun responsabbli għal kumpens addizzjonali, jekk:

[…]

(b)

l-organizzatur ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u jinnotifika lill-vjaġġatur dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr dewmien żejjed qabel il-bidu tal-pakkett.

4.   L-organizzatur għandu jagħti kwalunkwe rifużjoni meħtieġa skont il-paragrafi 2 u 3 jew, fir-rigward tal-paragrafu 1, irodd lura kwalunkwe pagamenti li jkunu saru minn jew f’isem il-vjaġġatur għall-pakkett bit-tariffa adatta ta’ terminazzjoni mnaqqsa. Dawn ir-rifużjonijiet jew rimborżi għandhom isiru lill-vjaġġatur mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 14‑il jum wara li l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikun ġie tterminat.

[…]”

11

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Effikaċja u kamp ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni mill-insolvenza”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom jipprovdu sigurtà għar-rifużjoni tal-pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi sa fejn is-servizzi rilevanti ma jitwettqux bħala konsegwenza tal-insolvenza ta’ tali organizzatur. Jekk it-trasport tal-passiġġieri huwa inkluż fil- kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, l-organizzaturi għandhom jipprovdu wkoll is-sigurtà għar-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi. Tista’ tiġi offruta il-kontinwazzjoni tal-pakkett.

[…]

2.   Is-sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun effettiva u għandha tkopri l-ispejjeż li huma raġonevolment prevedibbli. Din għandha tkopri l-ammonti ta’ pagamenti li jsiru minn jew f’isem il-vjaġġaturi fir-rigward tal-pakketti, filwaqt li jitqies it-tul tal-perjodu bejn il-pagamenti parzjali u l-pagamenti finali u t-tlestija tal-pakketti, kif ukoll l-ispiża stmata għar-ripatrijazzjonijiet fil-każ tal-insolvenza tal-organizzatur.

[…]

4.   Meta l-eżekuzzjoni tal-pakkett hija affettwata mill-insolvenza tal-organizzatur, din is-sigurtà għandha tkun disponibbli mingħajr ħlas sabiex jiġu żgurati r-ripatrijazzjonijiet u, jekk hu meħtieġ, il-finanzjament tal-akkomodazzjoni qabel ir-ripatrijazzjoni.

5.   Għal servizzi tal-ivvjaġġar li għadhom ma ġewx eżegwiti, ir-rifużjonijiet għandhom jingħataw mingħajr dewmien bla bżonn wara t-talba tal-vjaġġatur.”

12

Il-Parti A tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolata “Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fejn l-użu ta’ ħoloq elettroniċi hu possibbli”, tipprovdi, f’kaxxa, il-kontenut ta’ din il-formola u tindika li l-vjaġġatur għandu jirċievi l-informazzjoni li ġejja billi jagħfas fuq ħolqa elettronika:

“Drittijiet ewlenin skont id-Direttiva (UE) 2015/2302

[…]

Jekk l-organizzatur jew, f’xi Stati Membri, il-bejjiegħ bl-imnut jisfa insolventi, il-pagamenti jintraddu lura. […]

[…]”

13

Il-Parti B tal-Anness I tal-istess direttiva, intitolata “Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar f’sitwazzjonijiet oħra għajr dawk koperti fil-Parti A”, tipprovdi, f’kaxxa, il-kontenut ta’ din il-formola u tistabbilixxi l-istess drittijiet bażiċi bħal dawk stabbiliti fil-Parti A tal-Anness I tagħha.

Id‑dritt Awstrijak

14

L-Artikolu 3 tal-Verordnung der Bundesministerin für Digitalisierung und Wirtschaftsstandort über Pauschalreisen und verbundene Reiseleistungen (id-Digriet tal-Ministru Federali għall-Affarijiet Diġitali u Ekonomiċi dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż u Servizzi tal-Ivvjaġġar Marbuta) tat‑28 ta’ Settembru 2018 (BGBl. II, 260/2018), jipprevedi:

“(1)   Il-persuni awtorizzati jipprovdu servizzi tal-ivvjaġġar għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jiġi kkumpensat għal:

1.

pagamenti li jkunu diġà saru (pagamenti parzjali u finali), jekk, minħabba l-insolvenza tal-persuna awtorizzata tipprovdi servizzi tal-ivvjaġġar, is-servizzi tal-ivvjaġġar ma jkunux ġew ipprovduti totalment jew parzjalment jew jekk il-fornitur jitlob lill-vjaġġatur iħallas għal dawn is-servizzi;

2.

l-ispejjeż neċessarji għar-ripatrijazzjoni u – jekk hemm bżonn – l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni qabel ir-ripatrijazzjoni, sostnuti minħabba l-insolvenza tal-organizzatur jew – fil-każ ta’ responsabbiltà għat-trasport tal-passiġġieri – minħabba l-insolvenza tal-bejjiegħ bl-imnut li joffri servizzi tal-ivvjaġġar marbuta; u

3.

jekk ikun il-każ, l-ispejjeż meħtieġa sabiex jitkompla l-vjaġġ kollox kompriż jew is-servizz tal-ivvjaġġar marbut. […]”

15

L-Artikolu 10 tal-Bundesgesetz über Pauschalreisen und verbundene Reiseleistungen (Pauschalreisegesetz – PRG) (il-Liġi Federali dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż u s-Servizzi tal-Ivvjaġġar Marbuta) tal‑24 ta’ April 2017 (BGBl. I, 50/2017), jipprovdi:

“(1)   Il-vjaġġatur jista’ jxolji l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar f’kull ħin qabel il-bidu tal-pakkett tal-ivvjaġġar mingħajr ma jkollu għalfejn jipprovdi ġustifikazzjoni għal dan. Meta l-vjaġġatur ixolji l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar skont dan il-paragrafu, l-organizzatur tat-tours jista’ jitlob lill-vjaġġatur iħallsu kumpens xieraq u raġonevoli. Il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jista’ jispeċifika tariffi ta’ xoljiment standardizzati u raġonevoli skont iż-żmien li jkun għadda mill-mument li fih ikun ġie xolt il-pakkett tal-ivvjaġġar sal-mument li fih ikun beda dan tal-aħħar, kif ukoll skont l-iffrankar mistenni ta’ spejjeż u d-dħul mistenni mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar ikkonċernati. Fin-nuqqas ta’ tariffi ta’ xoljiment standardizzati, l-ammont tal-kumpens għandu jikkorrispondi għall-prezz tal-pakkett tal-ivvjaġġar u dan wara li wieħed inaqqas l-ispejjeż iffrankati u d-dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. L-organizzatur tat-tours għandu jiġġustifika l-ammont tal-kumpens jekk jintalab jagħmel dan mill-vjaġġatur.

(2)   Bla ħsara għad-dritt ta’ xoljiment previst fil-paragrafu 1, il-vjaġġatur jista’ jxolji l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett tal-ivvjaġġar mingħajr ma jħallas ebda kumpens jekk ċirkostanzi straordinarji u inevitabbli, li jkunu seħħew fid-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tagħha, ikunu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar jew it-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. Fil-każ li l-vjaġġatur ixolji l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar skont dan il-paragrafu, huwa jkollu d-dritt għal rimbors sħiħ ta’ kull pagament li jkun sar għall-pakkett tal-ivvjaġġar, iżda ma jkollux ukoll dritt għal kumpens addizzjonali.

[…]

(4)   Fil-każ ta’ xoljiment skont il-paragrafi preċedenti, l-organizzatur tat-tours għandu jirrimborsa lill-vjaġġatur, mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn erbatax‑il jum minn meta jirċievi d-dikjarazzjoni ta’ xoljiment, kull pagament li jkun sar għall-pakkett tal-ivvjaġġar minn jew f’isem il-vjaġġatur — u dan wara li jitnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1, fil-każ tax-xoljiment imsemmi f’dak il-paragrafu.”

Id‑dritt Belġjan

Il‑Liġi dwar il‑Bejgħ ta’ Vjaġġi Kollox Kompriż

16

Skont l-Artikolu 30 tal-Loi relative à la vente de voyages à forfait, de prestations de voyage liées et de services de voyage (il-Liġi dwar il-Bejgħ tal-Vjaġġi Kollox Kompriż, Arranġamenti tal-Ivvjaġġar u Servizzi tal-Ivvjaġġar Marbuta) tal‑21 ta’ Novembru 2017 (Moniteur belge tal‑1 ta’ Diċembru 2017, p. 106673, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Bejgħ ta’ Vjaġġi Kollox Kompriż”), il-vjaġġatur għandu d-dritt ixolji l-kuntratt tiegħu ta’ vjaġġ kollox kompriż “jekk ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli, li jkunu seħħew fid-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tagħha, ikunu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż jew it-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”. F’dan il-każ, dan l-artikolu jagħti lill-vjaġġatur id-dritt għar-rimbors sħiħ tas-somom li huwa jkun ħallas lill-organizzatur tat-tours.

17

L-Artikolu 54 tal-Liġi dwar il-Bejgħ ta’ Vjaġġi Kollox Kompriż jipprovdi:

“L-organizzaturi u l-bejjiegħa bl-imnut stabbiliti fil-Belġju għandhom jagħtu garanzija għar-rimbors ta’ kull pagament li jkun sar minn jew f’isem il-vjaġġaturi, inkwantu s-servizzi kkonċernati ma jkunux twettqu minħabba l-insolvenza tagħhom. […]”

Id‑Digriet Irjali dwar il‑Protezzjoni kontra l‑Insolvenza fir‑rigward tal‑Bejgħ ta’ Vjaġġi Kollox Kompriż

18

L-Artikolu 3 tal-Arrêté Royal relatif à la protection contre l’insolvabilité lors de la vente de voyages à forfait, de prestations de voyage liées et de services de voyage (id-Digriet Irjali dwar il-Protezzjoni kontra l-Insolvenza fir-rigward tal-Bejgħ ta’ Vjaġġi Kollox Kompriż, Arranġamenti tal-Ivvjaġġar u Servizzi tal-Ivvjaġġar Marbuta) tad‑29 ta’ Mejju 2018 (Moniteur belge tal‑11 ta’ Ġunju 2018, p. 48434, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali dwar il-Protezzjoni mill-Insolvenza fir-rigward tal-Bejgħ ta’ Vjaġġi Kollox Kompriż”) jipprevedi:

“Il-garanziji msemmija fl-Artikoli 54, 55, 65 u 72 tal-Liġi [dwar il-Bejgħ ta’ Vjaġġi Kollox Kompriż] għandhom jingħataw permezz ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ma’ impriża ta’ assigurazzjoni awtorizzata twettaq tali tranżazzjonijiet.”

19

L-Artikolu 10 ta’ dan id-digriet irjali huwa fformulat kif ġej:

“Il-garanzija tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għandha tinkiseb mill-benefiċjarju mill-mument li fih il-kuntratt mal-professjonist imsemmi fl-Artikolu 2(7) tal-Liġi [dwar il-Bejgħ ta’ Vjaġġi Kollox Kompriż] ikun ġie konkluż matul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.”

20

L-Artikolu 12(1) tal-imsemmi digriet irjali jipprovdi:

“Fil-każ ta’ insolvenza tal-professjonist, il-kuntratt ta’ assigurazzjoni għandu jipprovdi il-kopertura li ġejja:

1° it-tkomplija tal-pakkett, fejn possibbli;

2° ir-rimbors tal-ammonti li jkunu diġà tħallsu mal-konklużjoni tal-kuntratt mal-professjonist;

3° ir-rimbors tal-ammonti tas-servizzi tal-ivvjaġġar li ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti minħabba l-insolvenza tal-professjonist;

4° ir-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi, f’sitwazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tal-kuntratt mal-professjonist tkun diġà nbdiet u fejn dan il-kuntratt ikun jipprevedi t-trasport tal-benefiċjarju u, fejn meħtieġ, l-akkomodazzjoni huwa u jistenna sabiex jiġi rripatrijat.”

21

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-istess digriet irjali jillimita r-rimbors għal “kull ammont li l-benefiċjarju jkun ħallas lill-professjonista għall-kuntratt tal-vjaġġ f’sitwazzjoni fejn dan ma jkunx ġie eżegwit minħabba l-insolvenza ta’ dan tal-aħħar jew […] [għal] kull somma li tkun tħallset għas-servizzi tal-ivvjaġġar li ma jkunux ġew ipprovduti minħabba l-insolvenza tiegħu”.

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

Il‑Kawża C‑771/22

22

HDI Global hija kumpannija ta’ assigurazzjoni li kkonkludiet ma’ Flamenco Sprachreisen GmbH (iktar ’il quddiem “Flamenco”), kumpannija li torganizza t-tours, kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri r-riskji marbuta mal-insolvenza ta’ din tal-aħħar, kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Digriet tal-Ministru Federali għall-Affarijiet Diġitali u Ekonomiċi dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż u Servizzi tal-Ivvjaġġar Marbuta.

23

Fit‑3 ta’ Marzu 2020, XY ikkonkluda ma’ Flamenco kuntratt għal vjaġġ kollox kompriż mit‑3 ta’ Mejju sat‑2 ta’ Ġunju 2020 f’Las Palmas de Grande Canarie (Spanja). Fid‑9 ta’ Marzu 2020, XY ħallas b’mod sħiħ il-prezz ta’ dan il-vjaġġ li kien jammonta għal EUR 2656.

24

Fis‑16 ta’ Marzu 2020, XY xolja dan il-kuntratt minħabba, b’mod partikolari, twissijiet tal-awtoritajiet Awstrijaċi u Spanjoli wara t-tifqigħa tal-COVID‑19. Għad li Flamenco ma kkontestatx dan ix-xoljiment, hija ma rrimborsatx lil XY il-prezz tal-vjaġġ ikkonċernat.

25

Fid‑9 ta’ Ġunju 2022, wara li ġiet fi tmiemha proċedura ta’ insolvenza, il-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz, l-Awstrija) iddikjarat il-falliment ta’ Flamenco.

26

XY ċeda lill-Kamra Federali tax-Xogħol il-kreditu tiegħu fil-konfront ta’ Flamenco, liema kreditu jikkorrispondi għar-rimbors tal-prezz tal-vjaġġ kollox kompriż tiegħu. Wara li saret din iċ-ċessjoni, il-Kamra Federali tax-Xogħol talbet dan ir-rimbors mingħand HDI Global bħala assiguratur tar-riskju ta’ insolvenza ta’ Flamenco. HDI Global irrifjutat li tagħmel l-imsemmi rimbors minħabba li hija kienet tkopri biss ir-riskju ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar marbut ma’ din l-insolvenza.

27

Wara dan ir-rifjut, il-Kamra Federali tax-Xogħol ħarrket lil HDI Global quddiem il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju.

28

Dik il-qorti tqis, fl-ewwel lok, li, sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, għandu jkun magħruf jekk, f’sitwazzjoni fejn kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż jiġi xolt minn vjaġġatur qabel ma l-organizzatur tat-tours jsir insolventi, id-dritt għar-rimbors li jgawdi minnu dan il-vjaġġatur wara dan ix-xoljiment huwiex kopert mill-garanzija kontra l-insolvenza ta’ dan l-organizzatur tat-tours. B’mod partikolari, fil-fehma tal-imsemmija qorti, għandu jiġi ddeterminat jekk għandux ikun hemm rabta kawżali bejn din l-insolvenza u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni żbaljata tas-servizz tal-ivvjaġġar ikkonċernat.

29

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 tissuġġerixxi, u dan meta wieħed iqis il-kliem “sa fejn” u “bħala konsegwenza”, li għandu jkun hemm tali rabta kawżali. Tali rekwiżit iwassal sabiex ir-rimborsi li vjaġġatur ikollu dritt għalihom wara li jkun xolja l-kuntratt tiegħu ta’ vjaġġ kollox kompriż qabel ma tkun seħħet l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours ikkonċernat ma jkunux koperti mill-garanzija kontra din l-insolvenza prevista f’din id-dispożizzjoni.

30

Madankollu, il-premessa 39 tad-Direttiva 2015/2302 tmur kontra tali interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni inkwantu hija tiddikjara li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, minn naħa, il-vjaġġaturi li jixtru pakkett tal-ivvjaġġar ikunu “protetti totalment” kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours u li, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar jagħti garanzija, fil-każ ta’ insolvenza, għar-rimbors tal-“pagamenti kollha magħmula” minn vjaġġaturi u għar-ripatrijazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. L-approċċ rifless minn din il-premessa huwa kkorroborat ukoll mil-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li l-Unjoni tħabrek sabiex tilħaq, kif proprju jirriżulta mill-Artikolu 114(3) TFUE, mill-Artikolu 169 TFUE, kif ukoll mill-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

31

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kwistjoni tal-portata tal-protezzjoni kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours ġiet diskussa mal-Istati Membri waqt skambji mal-Kummissjoni Ewropea li matulhom din tal-aħħar indikat, minn naħa, li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, billi uża, fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302, formulazzjoni differenti minn dik li ntużat fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314, ma kinitx li jirrestrinġi l-garanzija mogħtija lill-vjaġġaturi fil-każ ta’ insolvenza tal-organizzatur tat-tours u, min-naħa l-oħra, li, skont il-kliem ta’ dan l-Artikolu 17, kull garanzija kienet espliċitament eskluża f’sitwazzjoni fejn il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikun ġie fi tmiemu qabel ma tkun seħħet din l-insolvenza. Hija tfakkar ukoll li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-garanzija tar-rimbors tal-flejjes imħallsa mill-vjaġġatur fil-każ ta’ insolvenza tal-organizzatur tat-tours għandha tingħata indipendentement minn xi jkun wassal għall-imsemmija insolvenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 1998, Verein für Konsumenteninformation, C-364/96, EU:C:1998:226; tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Rechberger et, C‑140/97, EU:C:1999:306, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2012, Blödel‑Pawlik, C‑134/11, EU:C:2012:98).

32

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni fejn, minħabba ċirkustanzi straordinarji, vjaġġatur ixolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu mal-organizzatur tat-tours qabel id-data li fiha tinbeda l-proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ dan tal-aħħar u fejn din il-proċedura sseħħ matul il-perijodu previst għall-vjaġġ ikkonċernat, dan il-vjaġġatur ikollux dritt, abbażi tal-protezzjoni ggarantita fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, għar-rimbors tal-pagamenti li huwa jkun għamel lil dan l-organizzatur tat-tours. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li d-dritt tal-Unjoni jfittex li jilħaq, ma jkunx jagħmel sens li wieħed iqis li vjaġġatur ikollu d-dritt li jkun protett kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours meta jkun beda l-vjaġġ kollox kompriż tiegħu, iżda mhux ukoll meta jkun xolja b’mod leġittimu l-kuntratt ta’ vjaġġ tiegħu.

33

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, f’sitwazzjoni fejn tkun teżisti rabta indiretta bejn ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mill-vjaġġatur u l-insolvenza tal-organizzatur ta’ dan il-vjaġġ, inkwantu kemm ix-xoljiment u kemm l-insolvenza jkunu tnisslu mill-istess ċirkustanza eċċezzjonali, bħal, f’dan il-każ, il-pandemija tal-COVID‑19, id-dritt għal rimbors ta’ dan il-vjaġġatur huwiex kopert mill-garanzija kontra l-insolvenza prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-argument invokat mill-Kamra Federali tax-Xogħol li, li kellu dan l-Artikolu 17(1) jiġi interpretat fis-sens li din il-garanzija ma tapplikax meta l-insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġi tkun ġrat minħabba ċirkustanza eċċezzjonali li hija l-istess bħal dik li tkun wasslet lill-vjaġġatur ixolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, jiġri li dan tal-aħħar ikollu kull interess li ma jeżerċitax id-dritt tiegħu ta’ xoljiment u jistenna li l-organizzatur tat-tours isir insolventi. Tali approċċ inaqqar mill-iskop tad-dritt ta’ xoljiment li l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jagħti lill-konsumaturi.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 17 tad-Direttiva [2015/2302] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pagamenti magħmula mill-vjaġġatur lill-organizzatur qabel il-bidu tal-vjaġġ huma ggarantiti biss meta l-vjaġġ ma jsirx minħabba l-insolvenza [ta’ dan l-organizzatur tat-tours], jew inkella fis-sens li huma wkoll ggarantiti pagamenti magħmula mill-vjaġġatur lill-organizzatur qabel ftuħ il-proċedura ta’ insolvenza, jekk il-vjaġġatur ixolji l-kuntratt qabel is-seħħ tal-insolvenza u minħabba ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302?

(2)

L-Artikolu 17 tad-Direttiva [2015/2302] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pagamenti magħmula mill-vjaġġatur lill-organizzatur qabel il-bidu tal-vjaġġ huma ggarantiti meta, jerġa’ qabel is-seħħ tal-insolvenza [ta’ dan l-organizzatur tat-tours], il-vjaġġatur ixolji l-kuntratt ta’ vjaġġ minħabba ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, minkejja li l-insolvenza tkun seħħet matul il-perijodu li matulu l-vjaġġ irriżervat kellu jseħħ?

(3)

L-Artikolu 17 tad-Direttiva [2015/2302] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pagamenti magħmula mill-vjaġġatur lill-organizzatur qabel il-bidu tal-vjaġġ huma ggarantiti meta, jerġa’ qabel is-seħħ tal-insolvenza, il-vjaġġatur ixolji l-kuntratt ta’ vjaġġ minħabba ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva u meta l-insolvenza tal-organizzatur tkun seħħet minħabba dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji?”

Il‑Kawża C‑45/23

35

Fit‑13 ta’ Novembru 2019, A, B, C u D xtraw, bl-għajnuna ta’ bejjiegħ bl-imnut, Selectair Inter‑Sun Reizen, vjaġġ kollox kompriż mingħand organizzatur tat-tours, Exclusive Destinations, bi prezz ta’ EUR 36832, minn Brussell (il-Belġju) lejn Punta Cana (ir-Repubblika Dominikana) mill‑21 sad‑29 ta’ Marzu 2020.

36

Minħabba t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID‑19, dan il-vjaġġ ġie pospost għal mill‑21 sat‑30 ta’ Novembru 2020. Il-prezz tal-imsemmi vjaġġ ġie għalhekk ffissat għal EUR 46428.

37

Fl‑20 ta’ Ottubru 2020, A, B, C u D xoljew il-kuntratt ta’ vjaġġ tagħhom minħabba l-persistenza tal-pandemija tal-COVID‑19 u talbu lil Exclusive Destinations tirrimborsahom l-ammont ta’ EUR 36832 li huma kienu ħallsu għall-istess vjaġġ.

38

Fit‑8 ta’ Diċembru 2020, l-Ondernemingsrechtbank Gent (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Gent, il-Belġju) iddikjarat lil Exclusive Destinations falluta. Fid‑9 ta’ Diċembru 2020, Selectair Inter‑Sun Reizen irrimborsat lil A u lil C EUR 4151, liema ammont kien għadu ma ġiex ittrasferit lil Exclusive Destinations.

39

Fit‑22 ta’ Jannar 2021, A, B, C u D talbu lil MS Amlin Insurance, li kienet tassigura lil Exclusive Destinations f’każ ta’ insolvenza, ir-rimbors tas-somom li huma kienu ħallsu lil din tal-aħħar u li ma kinux ġew irrimborsati lilhom.

40

MS Amlin Insurance rrifjutat li tagħmel dan ir-rimbors għar-raġuni li hija kienet tassigura biss l-assenza ta’ provvista ta’ servizzi tal-ivvjaġġar minħabba l-insolvenza ta’ Exclusive Destinations. Issa, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-vjaġġ ta’ A, B, C u D ġara minħabba x-xoljiment minn dawn tal-aħħar tal-kuntratt tal-ivvjaġġar tagħhom u mhux minħabba l-insolvenza ta’ Exclusive Destinations.

41

Wara dan ir-rifjut, A, B, C u D adixxew lin-Nederlandstalige Ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex MS Amlin Insurance tiġi kkundannata tħallas l-ammont ta’ EUR 32681, flimkien mal-interessi mit‑22 ta’ Jannar 2021.

42

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-garanzija prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 hija obbligatorja biss inkwantu s-servizzi tal-ivvjaġġar ikkonċernati ma jkunux ġew ipprovduti minħabba l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours. Din il-garanzija ma għandhiex għalhekk tkopri kawżi oħra ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, bħalma huwa x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mill-vjaġġatur minħabba ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli li jkunu seħħew fid-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tagħha u li jkunu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar. Il-Liġi dwar il-Bejgħ ta’ Pakketti tal-Ivvjaġġar u d-Digriet Irjali dwar il-Protezzjoni kontra l-Insolvenza fil-Bejgħ tal-Vjaġġi Kollox Kompriż ma jipprevedux protezzjoni tal-vjaġġatur usa’ f’dan ir-rigward. Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li, f’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, l-organizzatur tat-tours ifalli wara li l-vjaġġaturi jxolju l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tagħhom minħabba ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli, iżda qabel ma dan ikun irrimborsa lil dawn il-vjaġġaturi s-somom li huma kienu ħallsu għal dan il-vjaġġ, dawn tal-aħħar ma jibbenefikawx mill-garanzija prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302.

43

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha d-dubji tagħha dwar il-portata tal-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

44

L-ewwel nett, hija tistaqsi jekk il-fatt li l-garanzija prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 ma tapplikax għall-vjaġġatur li jkollu dritt għar-rimbors tas-somom li huwa jkun ħallas wara li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu minħabba ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli f’sitwazzjoni fejn l-organizzatur tat-tours ikun falla wara dan ix-xoljiment, iżda qabel ma jkunu ġew irrimborsati l-pagamenti li jkunu saru, jippermettix li l-konsumaturi jiġu protetti kif jixraq skont l-għan ġenerali ta’ din id-direttiva. Hija tfakkar f’dan ir-rigward li dan l-għan huwa li jingħata kontribut sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, kif proprju tiddikjara l-premessa 3 tal-imsemmija direttiva li tirreferi għall-Artikolu 169 TFUE. Barra minn hekk, il-premessa 39 tal-istess direttiva tiddikjara li l-vjaġġaturi li jixtru pakkett tal-ivvjaġġar għandhom ikunu protetti totalment kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours u li l-garanzija li l-organizzaturi tat-tours għandhom jagħtu f’każ ta’ insolvenza għandha tkopri r-rimbors ta’ kull pagament li jkun sar mill-vjaġġaturi. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li, taħt id-Direttiva 90/314, il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-insolvenza tal-organizzaturi tat-tours kienet tkopri l-ammonti kollha li huma kienu ħallsu.

45

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-protezzjoni kontra l-insolvenza prevista fid-Direttiva 2015/2302 twassalx għal inugwaljanza fit-trattament. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, kemm il-vjaġġatur li ma jkunx jista’ jibda l-vjaġġ tiegħu minħabba l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, kif ukoll dak li, wara li jkun xolja l-kuntratt ta’ vjaġġ, ma jkunx jista’ jikseb rimbors minħabba din l-insolvenza, isofru telf finanzjarju marbut mal-fatt li t-tnejn li huma jkunu ħallsu l-prezz tal-vjaġġ tagħhom qabel l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat. Madankollu, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, huwa biss it-telf tal-ewwel vjaġġatur li huwa kopert mill-protezzjoni kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk din l-inugwaljanza fit-trattament hijiex waħda ġġustifikata.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nederlandstalige ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva [2015/2302] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sigurtà obbligatorja prevista minn din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għar-rimbors tal-pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi meta l-vjaġġaturi jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fis-sens tal-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva u l-organizzatur jiġi ddikjarat f’falliment wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar għal din ir-raġuni, iżda qabel ma dawn il-pagamenti jiġu effettivament irrimborsati lill-vjaġġaturi, b’mod li dawn il-vjaġġaturi jbatu telf finanzjarju u għalhekk isostnu riskju ekonomiku fil-każ ta’ falliment tal-organizzatur tal-vjaġġ?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

47

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Ottubru 2023, il-Kawżi C‑771/22 u C‑45/23 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari fil‑Kawża C‑771/22

48

HDI Global tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 ma hijiex determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża C‑771/22. Huwa biss il-kontenut tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li hija kkonkludiet ma’ Flamenco li huwa determinanti għal dan, b’tali mod li t-talba għal deċiżjoni preliminari f’dik il-kawża qiegħda tfittex li tiċċara kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, ħaġa li l-proċedura preliminari ma tistax tagħmel.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li għandha terfa’ r-responsabbiltà sabiex tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, kemm‑il darba d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Consejería de Presidencia, Justicia e Interior de la Comunidad de Madrid et, C‑59/22, C‑110/22 u C‑159/22, EU:C:2024:149, punt 43, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Dan ifisser li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod ċar li l-problema hija waħda ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Consejería de Presidencia, Justicia e Interior de la Comunidad de Madrid et, C‑59/22, C‑110/22 u C‑159/22, EU:C:2024:149, punt 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Madankollu, f’dan il-każ, ma jidhirx li, fid-dawl tat-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑771/22 huma domandi ipotetiċi. Fil-fatt, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-portata tal-protezzjoni li għandha tingħata lill-vjaġġaturi meta l-organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż ikun insolventi. L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302 jiddefinixxi l-protezzjoni tal-vjaġġaturi kontra l-insolvenza tal-organizzaturi ta’ vjaġġi kollox kompriż li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw.

52

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑771/22 hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑771/22 u l-unika domanda fil-Kawża C‑45/23

53

Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑771/22 u l-unika domanda fil-Kawża C‑45/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju qegħdin essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-garanzija mogħtija lill-vjaġġaturi kontra l-insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż tapplika f’sitwazzjoni fejn vjaġġatur ixolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu minħabba ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, fejn, wara dan ix-xoljiment, dan l-organizzatur tat-tours isir insolventi u fejn dan il-vjaġġatur ma jkunx ibbenefika, qabel ma tkun seħħet din l-insolvenza, mir-rimbors sħiħ tal-pagamenti li jkunu saru u li huwa għandu dritt għalih skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

54

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jagħti lill-vjaġġatur id-dritt għar-rimbors sħiħ tal-pagamenti magħmula għall-pakkett tal-ivvjaġġar f’sitwazzjoni fejn huwa jtemm il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu qabel il-bidu tal-pakkett tal-ivvjaġġar minħabba ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli li jkunu seħħew fid-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tagħha li jkunu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni ta’ dan il-pakkett tal-ivvjaġġar jew it-trasport tal-passiġġieri lejn din id-destinazzjoni. Barra minn hekk, meta l-vjaġġatur jeżerċita dan id-dritt, l-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-organizzatur tat-tours jwettaq dan ir-rimbors mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, sa mhux iktar tard minn erbatax‑il jum wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż.

55

F’dan il-każ, ma huwiex qiegħed jiġi kkontestat li l-vjaġġaturi involuti fit-tilwimiet fil-kawża prinċipali setgħu jxolju l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tagħhom taħt l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 minħabba t-tifqigħa u l-persistenza tal-pandemija tal-COVID‑19. Dawn il-vjaġġaturi kellhom għalhekk id-dritt għal rimbors sħiħ tas-somom li huma kienu ħallsu lill-organizzaturi tat-tours ikkonċernati, liema rimbors kellu jsir mhux iktar tard minn erbatax‑il jum minn meta xoljew il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tagħhom. Minkejja dan id-dritt, huma ma ġewx irrimborsati peress li dawn l-organizzaturi tat-tours kienu saru insolventi u l-assiguraturi ta’ dawn tal-aħħar ma kellhomx l-intenzjoni li jkopruhom, peress li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li tittrasponi l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, huma ma kinux obbligati jagħmlu dan.

56

Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha u, jekk hemm bżonn, l-oriġini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, FTI Touristik (Vjaġġ kollox kompriż għall-Islas Canarias), C‑396/21, EU:C:2023:10, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni stess ta’ din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND, C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 39).

57

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, huwa jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzaturi tal-vjaġġi kollox inkluż stabbiliti fit-territorju tagħhom jagħtu garanzija għar-rimbors ta’ kull pagament li jkun sar minn jew f’isem il-vjaġġaturi inkwantu s-servizzi kkonċernati ma jkunux twettqu minħabba l-insolvenza ta’ dawn l-organizzaturi tat-tours.

58

Huwa minnu li l-kliem “servizzi kkonċernati” jistgħu jinftiehmu li jirreferu għas-“servizzi tal-ivvjaġġar”, fis-sens iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302, li jkun ifisser li l-protezzjoni kontra l-insolvenza ta’ organizzatur tat-tours li għandha tiġi stabbilita minn kull Stat Membru tkopri biss is-sitwazzjonijiet li fihom is-servizzi tal-ivvjaġġar stipulati fil-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ma jkunux twettqu minħabba l-insolvenza tal-organizzatur. Skont din l-interpretazzjoni, sabiex il-vjaġġatur ikun jista’ jibbenefika mill-garanzija kontra l-insolvenza tal-organizzatur, prevista fl-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, għandu jkun hemm għalhekk rabta kawżali bejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi tal-ivvjaġġar u l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours.

59

Madankollu, kif proprju rrilevaw diversi partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’differenza minn għadd ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2015/2302, l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva ma jirreferix għas-“servizzi tal-ivvjaġġar”, iżda għas-“servizzi kkonċernati”, liema espressjoni tal-aħħar tista’ tinftiehem li għandha portata usa’ mill-ewwel waħda, fis-sens li tinkludi servizzi oħra pprovduti mill-organizzaturi tat-tours, bħalma huma r-rimborsi dovuti lill-vjaġġaturi wara li dawn ixolju l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tagħhom.

60

Dan ifisser li s-sens tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 ma jirriżultax b’mod ċar mill-formulazzjoni tiegħu. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu eżaminati l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, l-għanijiet ta’ din id-direttiva, kif ukoll, jekk hemm bżonn, l-oriġini ta’ din tal-aħħar.

61

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302, qabelxejn, l-Artikolu 17(4) ta’ din id-direttiva jippreċiża li, f’sitwazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar tkun affettwata mill-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, il-garanzija għandha tiġi attivata mingħajr ħlas sabiex ikun żgurat li l-vjaġġatur jiġi rripatrijat u, jekk ikun hemm bżonn, sabiex ikun żgurat li tiġi ffinanzjata l-akkomodazzjoni tal-vjaġġatur qabel jiġi rripatrijat.

62

L-Artikolu 17(5) tal-imsemmi direttiva jipprevedi min-naħa tiegħu li, fir-rigward tas-servizzi tal-ivvjaġġar li jkunu għadhom ma twettqux, ir-rimbors għandu jsir mingħajr dewmien żejjed wara li l-vjaġġatur ikun talab li jiġi rrimborsat.

63

Fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom u, b’mod partikolari, tal-kliem “[m]eta l-eżekuzzjoni tal-pakkett hija affettwata mill-insolvenza tal-organizzatur” u “servizzi tal-ivvjaġġar li għadhom ma ġewx eżegwiti” użati fl-Artikolu 17(4) u fl-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2015/2302, rispettivament, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jsostnu interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva li l-kunċett ta’ “servizzi kkonċernati” jkopri biss is-servizzi tal-ivvjaġġar, b’tali mod li l-garanzija prevista f’dan l-artikolu tapplika biss meta jkun hemm rabta kawżali bejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn is-servizzi u l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours.

64

L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi li l-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandha tkun waħda effettiva u tkopri l-ispejjeż raġonevolment prevedibbli. B’hekk, din il-garanzija għandha tkopri l-ammonti tal-pagamenti li jkunu saru għall-pakketti tal-ivvjaġġar minn jew f’isem il-vjaġġaturi, u dan billi wieħed iqis iż-żmien li jkun għadda bejn il-pagamenti parzjali u finali u l-eżekuzzjoni tal-pakketti tal-ivvjaġġar, kif ukoll l-ispiża stmata għar-ripatrijazzjonijiet fil-każ tal-insolvenza tal-organizzatur tat-tours.

65

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ effettività tal-garanzija kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, stabbilit f’din id-dispożizzjoni, il-premessa 39 tad-Direttiva 2015/2302 tipprevedi li, sabiex il-protezzjoni kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours tkun waħda effettiva, din għandha tapplika jew mill-mument li fih, minħabba l-problemi ta’ likwidità ta’ dan l-organizzatur, is-servizzi tal-ivvjaġġar ma jkunux twettqu, ma humiex ser jitwettqu jew ser jitwettqu biss parzjalment jew inkella mill-mument li fih il-fornituri ta’ servizzi jitolbu lill-vjaġġaturi jħallsu għal dawn is-servizzi, ħaġa li tista’ twassal sabiex l-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl ta’ dawn l-elementi tal-premessa 39 ta’ din tal-aħħar, jitqies li jista’ wkoll isostni l-interpretazzjoni msemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza.

66

Madankollu, minn naħa, din il-premessa 39 tipprevedi wkoll li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġaturi li jixtru pakkett tal-ivvjaġġar ikunu “protetti totalment” kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours u, konsegwentement, li l-garanzija prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 tkun tkopri, fil-każ ta’ tali insolvenza, ir-rimbors tal-“pagamenti kollha mwettqa minn jew f’isem il-vjaġġaturi”.

67

Min-naħa l-oħra, il-premessa 40 ta’ din id-direttiva tindika li r-rekwiżit ta’ effettività tal-garanzija kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours jeħtieġ li l-protezzjoni kontra din l-insolvenza tkopri l-“ammonti prevedibbli ta’ ħlasijiet affettwati mill-insolvenza tal-organizzatur [tat-tours]”, li jfisser li l-garanzija li tagħti din il-protezzjoni għandha, b’mod ġenerali, tkopri perċentwal għoli biżżejjed tad-dħul mill-bejgħ ta’ dan l-organizzatur. Skont din il-premessa, huma biss ir-riskji remoti ħafna, bħall-insolvenza simultanja ta’ diversi organizzaturi ewlenin tat-tours, li ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. Madankollu, tali riskji ma għandhom ebda rabta mal-oriġini tal-obbligu ta’ rimbors tal-organizzatur tat-tours, sew fil-każ fejn il-kuntratt tal-ivvjaġġar ma jkunx ġie eżegwit u sew fil-każ fejn dan tal-aħħar ikun ġie xolt qabel il-bidu tal-pakkett tal-ivvjaġġar.

68

Issa, kull rimbors ta’ pagament li l-organizzatur tat-tours għandu jagħmel wara li dan tal-aħħar jew il-vjaġġatur ixolju l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, huwa ammont prevedibbli ta’ ħlas li jista’ jkun affettwat mill-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, fis-sens tal-premessa 40 ta’ din id-direttiva. Dan ir-rimbors jikkonċerna pagamenti li jkunu saru mill-vjaġġatur wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż li, bħala prinċipju, huwa kopert, bis-saħħa tal-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva, mill-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

69

F’dan ir-rigward, kif proprju rrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dritt tal-vjaġġatur għar-rimbors sħiħ tal-pagamenti li jkunu saru fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu minħabba ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli, liema dritt huwa stabbilit fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu li kellu l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva jiġi interpretat fis-sens li, meta l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours isseħħ wara dan ix-xoljiment, il-garanzija kontra tali insolvenza ma tkoprix il-krediti ta’ rimbors korrispondenti. Din l-evalwazzjoni tgħodd ukoll għar-rimborsi l-oħra li l-vjaġġatur għandu dritt għalihom wara li l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu jkun ġie xolt minnu stess jew mill-organizzatur u li jissemmew fl-Artikolu 11(5) u fl-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva.

70

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-garanzija prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 għall-krediti ta’ rimbors fil-każ ta’ xoljiment mill-vjaġġatur tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu tista’ tiddiswadi lil dan tal-aħħar milli jeżerċita d-dritt ta’ xoljiment li din id-direttiva tagħtih f’ċerti sitwazzjonijiet.

71

B’hekk, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2015/2302, moqri fid-dawl tal-elementi tal-premessa 39 ta’ din tal-aħħar, imsemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, u tal-premessa 40 ta’ din id-direttiva, jista’ jiffavorixxi interpretazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu fis-sens li din il-garanzija tapplika għal kull rimbors dovut mill-organizzatur tat-tours lill-vjaġġatur f’sitwazzjoni fejn il-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikun ġie xolt, f’xi wieħed mill-każijiet imsemmija fl-imsemmija direttiva, qabel ma tkun seħħet l-insolvenza ta’ dan l-organizzatur.

72

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 5, li jirreferi għall-Partijiet A u B tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2302, l-organizzatur tat-tours huwa obbligat jikkomunika lill-vjaġġatur, qabel ma jintrabat b’kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, id-drittijiet bażiċi taħt din id-direttiva, u, b’mod partikolari, li “[j]ekk l-organizzatur […] jisfa insolventi, il-pagamenti jintraddu lura”, mingħajr ma tissemma ebda limitazzjoni għal dan id-dritt għar-rimbors fil-każ ta’ insolvenza tal-organizzatur tat-tours.

73

Dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jikkorroboraw ukoll interpretazzjoni tal-portata tal-garanzija li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 jagħti lill-vjaġġaturi kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours li tinkludi r-rimborsi dovuti minn dan l-organizzatur lill-vjaġġatur wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż f’xi wieħed mill-każijiet imsemmija f’din id-direttiva. Fil-fatt, li kellu wieħed jinterpreta din id-dispożizzjoni tal-aħħar fis-sens li tillimita din il-portata biss għar-rimbors marbut mal-assenza ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar ikkawżata mill-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, ikun ifisser li l-imsemmi Artikolu 5 qiegħed jiżgwida lill-vjaġġatur fir-rigward tad-drittijiet tiegħu għal rimbors fil-każ ta’ tali insolvenza.

74

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan tad-Direttiva 2015/2302, mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessi 1 sa 3 tagħha, jirriżulta li din tal-aħħar tfittex kemm, minn naħa, li tneħħi l-ambigwità, timla lakuni ġuridiċi u taġġusta l-portata tal-protezzjoni mogħtija lill-vjaġġaturi mid-Direttiva 90/314 sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi tas-suq, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif meħtieġ mill-Artikolu 169 TFUE. Id-Direttiva 2015/2302 tikkontribwixxi għalhekk sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-vjaġġi kollox kompriż, konformement mal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

75

Issa, li kellu wieħed jinterpreta l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 fis-sens li jeskludi mill-garanzija kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours ir-rimborsi dovuti lill-vjaġġaturi wara xoljiment li jkun seħħ, f’xi wieħed mill-każijiet imsemmija minn f’id-direttiva, qabel ma tkun seħħet din l-insolvenza, jiġri li titnaqqas il-protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar meta mqabbla ma’ dik li kienet tagħtihom id-Direttiva 90/314.

76

Fil-fatt, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva tal-aħħar kien jipprevedi li l-organizzaturi tat-tours kellhom ikollhom biżżejjed garanziji sabiex, fil-każ ta’ insolvenza, jiżguraw ir-rimbors tal-flejjes ddepożitati mill-konsumatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-artikolu kellu l-għan li jipproteġi b’mod sħiħ id-drittijiet tal-konsumaturi msemmija f’din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, li jipproteġi lil dawn tal-aħħar kontra r-riskji kollha ddefiniti fl-imsemmi artikolu u li jirriżultaw mill-insolvenza tal-organizzaturi tat-tours (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Rechberger et, C‑140/97, EU:C:1999:306, punt 61). Għalhekk, l-objettiv fundamentali tal-istess artikolu kien li jiġi żgurat ir-rimbors tal-flejjes iddepożitati mill-vjaġġatur fil-każ ta’ insolvenza ta’ dan l-organizzatur tat-tours mingħajr ma l-imsemmija garanzija kienet suġġetta għal xi kundizzjoni speċifika relatata mal-kawżi tal-insolvenza tal-imsemmi organizzatur tat-tours (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Blödel‑Pawlik, C‑134/11, EU:C:2012:98, punti 2021).

77

L-evalwazzjoni premessa ma hijiex ikkontestata mill-fatt li d-Direttiva 90/314 ma kinitx tipprevedi dritt għall-vjaġġatur li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż u li jikseb rimbors sħiħ tal-pagamenti magħmula li huwa ekwivalenti għal dak li issa huwa mogħti lilu fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302.

78

Fil-fatt, kif proprju rrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tagħha, dritt ta’ xoljiment flimkien ma’ dritt għar-rimbors tal-pagamenti li jkunu saru mill-vjaġġatur kien diġà stabbilit fid-Direttiva 90/314 f’każijiet li issa huma rregolati mid-Direttiva 2015/2302. B’hekk, id-dritt tal-vjaġġatur li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu u li jikseb ir-rimbors tas-somom kollha li huwa jkun ħallas taħt dan il-kuntratt f’sitwazzjoni fejn l-organizzatur tat-tours ikun imġiegħel ibiddel b’mod sinjifikattiv l-imsemmi kuntratt, liema dritt jissemma fl-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2015/2302, jikkorrispondi għad-dritt li kien stabbilit fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 90/314.

79

Konsegwentement, li kellu l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 jiġi interpretat fis-sens li jillimita l-garanzija kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours għar-rimborsi dovuti lill-vjaġġaturi minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkawżat minn din l-insolvenza, din il-garanzija tkun teskludi kull rimbors dovut lill-vjaġġatur wara xoljiment li jkun seħħ qabel l-imsemmija insolvenza, inkluż dak dovut lill-vjaġġatur skont l-Artikolu 11(5) ta’ din id-direttiva, ħaġa li tnaqqas il-livell tal-protezzjoni tal-konsumaturi li kien żgurat mid-Direttiva 90/314.

80

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-oriġini tad-Direttiva 2015/2302, il-portata eżatta tal-Artikolu 17(1) tagħha ma tistax tiġi dedotta mix-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif tispjega wkoll l-Avukata Ġenerali fil-punti 62 sa 83 tal-konklużjonijiet tagħha, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours skont l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva ma tirriżultax b’mod ċar minn dan ix-xogħol preparatorju. Mill-oriġini tal-istess direttiva l-Kummissjoni tiddeduċi li, bl-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jitbiegħed mil-livell ta’ protezzjoni li kellhom qabel il-vjaġġaturi kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours u li jeskludi mill-garanzija kontra din l-insolvenza l-krediti ta’ rimbors tal-vjaġġaturi li jkunu nħolqu qabel ma tkun ġiet fis-seħħ din l-insolvenza, filwaqt li l-Parlament Ewropew isostni li minn din l-oriġini jirriżulta li dan il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jżomm il-livell ta’ protezzjoni li kellhom qabel il-vjaġġaturi kontra l-imsemmija insolvenza, b’tali mod li l-garanzija kontra l-istess insolvenza tinkludi wkoll il-krediti ta’ rimbors tal-vjaġġatur li jkunu nħolqu qabel ma tkun ġiet seħħ din tal-aħħar. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, min-naħa tiegħu, ma spjegax x’kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa u jadotta l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302.

81

Mill-premess jirriżulta li, għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 u ċerti elementi tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu jiffavorixxu interpretazzjoni li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-krediti ta’ rimbors li jkunu nħolqu wara x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż li jkun seħħ, f’xi wieħed mill-każijiet imsemmija f’din id-direttiva, qabel l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, elementi oħra tal-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni u l-għan tal-imsemmija direttiva jidhru, għall-kuntrarju, li jiġġustifikaw interpretazzjoni li tinkludi dawn il-krediti f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

82

Meta test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jkun jista’ jiġi interpretat b’iktar minn mod wieħed, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li tagħmel id-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju pjuttost milli lil dik li twassal sabiex tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt primarju. Fil-fatt, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’mod li ma tiġix affettwata l-validità tiegħu u f’konformità mad-dritt primarju kollu, inkluż bi qbil mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 4748, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2023, Ligue des droits humains (Verifika tal-ipproċessar tad-data mill-awtorità ta’ superviżjoni), C‑333/22, EU:C:2023:874, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju huwa speċifikament invokat mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑45/23, kif proprju huwa rrilevat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

83

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, MG vs BEI, C‑173/22 P, EU:C:2023:932, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet sabiex tiġi eżaminata l-osservanza tal-imsemmi prinċipju ġenerali għandha ssir fid-dawl tal-għan li jfittex li jilħaq l-att li fih taqa’ r-regola inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 49).

85

Kif ġie spjegat fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2015/2302 għandha l-għan li tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq dan l-għan billi jfittex li jipproteġi lill-vjaġġatur mir-riskju finanzjarju li ġġib magħha l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours. Fil-fatt, meta wieħed iqis il-fatt li l-vjaġġatur iħallas il-prezz kollu jew parti mill-prezz tal-vjaġġ kollox inkluż tiegħu qabel ma jkun jista’ jibbenefika mis-servizzi tal-ivvjaġġar tal-organizzatur tat-tours, huwa jirriskja li jitlef is-somma korrispondenti jekk sussegwentement dan tal-aħħar isir insolventi.

86

Issa, fid-dawl ta’ dan l-għan, il-punt ta’ riferiment sabiex titqabbel is-sitwazzjoni tal-vjaġġatur li, wara li jkun ħallas il-prezz tal-vjaġġ kollox inkluż tiegħu jew parti minnu, ikun xolja l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu f’xi wieħed mill-każijiet imsemmija fl-imsemmija direttiva, iżda li ma jkunx ġie rrimborsat minħabba li l-organizzatur tat-tours ikun sar insolventi wara dan ix-xoljiment, u dik tal-vjaġġatur li l-vjaġġ tiegħu ma jkunx twettaq u li ma jkunx ġie rrimborsat minħabba l-insolvenza ta’ dan l-organizzatur, għandu jkun ir-riskju ta’ telf finanzjarju li jissogra l-vjaġġatur ikkonċernat.

87

Fid-dawl ta’ dan il-punt ta’ riferiment, is-sitwazzjoni taż-żewġ vjaġġaturi msemmija iktar ’il fuq hija waħda paragunabbli. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, il-vjaġġatur huwa espost għar-riskju finanzjarju li, minħabba l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, ma jkunx jista’ jikseb rimbors tas-somom li jkun ħallas lil dan l-organizzatur minkejja li jkollu dritt għalih skont id-Direttiva 2015/2302.

88

Konsegwentement, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kemm il-vjaġġatur li l-vjaġġ kollox kompriż tiegħu ma jkunx jista’ jitwettaq minħabba l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, kif ukoll il-vjaġġatur li jkun xolja l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, għandhom jibbenefikaw mill-garanzija kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva fir-rigward tar-rimborsi dovuti lilhom, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ vjaġġaturi.

89

Fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-aħħar, ebda fattur ma jidher li jista’ jiġġustifika differenza fit-trattament bejn l-imsemmija kategoriji ta’ vjaġġaturi. B’mod partikolari, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu esklużi r-riskji remoti ħafna mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, enfasizzata minn ċerti partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-premessa 40 tad-Direttiva 2015/2302, mill-proċessi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li tali esklużjoni kienet prevista fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà ta’ tali esklużjoni ma tiġġustifikax tali differenza fit-trattament. Fil-fatt, kif indikat f’din il-premessa 40, din tikkonċerna riskji bħall-insolvenza simultanja ta’ diversi organizzaturi ewlenin tat-tours. Din ma għandha ebda rabta mal-kwistjoni dwar jekk il-kreditu ta’ rimbors tal-vjaġġatur affettwat mill-insolvenza tal-organizzatur tat-tours ikunx tnissel min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar jew mill-eżerċizzju minn dan il-vjaġġatur tad-dritt tiegħu li jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-imsemmija direttiva.

90

Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 ta’ din is-sentenza u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi, fil-garanzija kontra l-insolvenza tal-organizzaturi tat-tours, il-krediti ta’ rimbors tal-vjaġġaturi li jkunu nħolqu wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tagħhom li jkun seħħ, f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’din id-direttiva, qabel ma l-organizzatur tat-tours ikun sar insolventi.

91

Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑771/22 u għall-unika domanda fil-Kawża C‑45/23 għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-garanzija mogħtija lill-vjaġġaturi kontra l-insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż tapplika f’sitwazzjoni fejn vjaġġatur ikun xolja l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu minħabba ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, fejn, wara dan ix-xoljiment, dan l-organizzatur tat-tours ikun sar insolventi u fejn dan il-vjaġġatur ma jkunx ibbenefika, qabel ma tkun ġiet fis-seħħ din l-insolvenza, minn rimbors sħiħ tal-pagamenti magħmula li huwa għandu dritt għalih skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda fil‑Kawża C‑771/22

92

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑771/22, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda magħmula f’din il-kawża.

Fuq l‑ispejjeż

93

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawk il-qrati li għandhom jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-garanzija mogħtija lill-vjaġġaturi kontra l-insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż tapplika f’sitwazzjoni fejn vjaġġatur ikun xolja l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu minħabba ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli skont l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, fejn, wara dan ix-xoljiment, dan l-organizzatur tat-tours ikun sar insolventi u fejn dan il-vjaġġatur ma jkunx ibbenefika, qabel ma tkun ġiet fis-seħħ din l-insolvenza, minn rimbors sħiħ tal-pagamenti magħmula li huwa għandu dritt għalih skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Olandiż.

Top