This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0716
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 18 April 2024.#EP v Préfet du Gers and Institut national de la statistique et des études économiques (INSEE).#Request for a preliminary ruling from the Tribunal judiciaire d’Auch.#Reference for a preliminary ruling – Citizenship of the Union – National of the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland residing in a Member State – Articles 20 and 22 TFEU – Right to vote and to stand as a candidate in elections to the European Parliament in the Member State of residence – Article 50 TEU – Agreement on the withdrawal of the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland from the European Union and the European Atomic Energy Community – Consequences of the withdrawal of a Member State of the European Union – Removal from the electoral roll in the Member State of residence – Article 39 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Validity of Decision (EU) 2020/135.#Case C-716/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ April 2024.
EP vs Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (INSEE).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Tribunal judiciaire d’Auch.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ċittadin tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li jirrisjedi fi Stat Membru – Artikoli 20 u 22 TFUE – Id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikolu 50 TUE – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Konsegwenzi tal-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni – Tħassir mil-listi elettorali fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Validità tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135.
Kawża C-716/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ April 2024.
EP vs Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (INSEE).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Tribunal judiciaire d’Auch.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ċittadin tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li jirrisjedi fi Stat Membru – Artikoli 20 u 22 TFUE – Id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikolu 50 TUE – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Konsegwenzi tal-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni – Tħassir mil-listi elettorali fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Validità tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135.
Kawża C-716/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:339
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
18 ta’ April 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ċittadin tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li jirrisjedi fi Stat Membru – Artikoli 20 u 22 TFUE – Id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikolu 50 TUE – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Konsegwenzi tal-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni – Tħassir mil-listi elettorali fl-Istat Membru ta’ residenza – Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Validità tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135”
Fil-Kawża C‑716/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal judiciaire d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura
EP
vs
Préfet du Gers,
Institut national de la statistique et des études économiques (INSEE),
fil-preżenza ta’:
Commune de Thoux irrappreżentat mis-Sindku ta’ Thoux
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: N. Mundhenke, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal EP, minn J.-N. Caubet-Hilloutou u J. Fouchet, avukati,
– għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda, J. Illouz, E. Leclerc u S. Royon, bħala aġenti,
– għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, O.-C. Ichim u A. Wellman, bħala aġenti,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Bauer, J. Ciantar u R. Meyer, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer, E. Montaguti u A. Spina, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 1), kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7), adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), tal-Artikolu 6(3) TUE, tal-Artikolu 1 tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal‑20 ta’ Settembru 1976 (ĠU 1976, L 278, p. 1), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom, tal‑25 ta’ Ġunju 2002 u tat‑23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 137, iktar ’il quddiem l-“Att Elettorali”), tal-Artikoli 1, 7, 11, 21, 39, 41 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tas-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit (C‑145/04, EU:C:2006:543), u tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers et Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Préfet du Gers I”EU:C:2022:449).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, EP, ċittadina tar-Renju Unit li tirrisjedi, sa mis-sena 1984, fi Franza, u, minn naħa l-oħra, il-préfet du Gers (il-Prefett ta’ Gers, Franza) u l-Institut national de la statistique et des études économiques (INSEE, France) (l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Iżvilupp Ekonomiku (INSEE, Franza), dwar it-tħassir ta’ EP mil-listi elettorali fi Franza u dwar ir-rifjut ta’ inklużjoni mill-ġdid tagħha fil-lista elettorali addizzjonali kkonċernata.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
It-Trattati UE u FUE
3 L-Artikolu 6(3) TUE huwa fformulat kif ġej:
“Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali [, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar il quddiem ’il-‘KEDB’)] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni.”
4 L-Artikolu 9 TUE jipprovdi:
“[...] Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.”
5 L-Artikolu 50 TUE jipprevedi:
“1. Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni [Ewropea].
2. L-Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma’ dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu ma’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim għandu jkun innegozjat skond l-Artikolu 218(3) [TFUE]. Dan għandu jiġi konkluż f’isem l-Unjoni mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
3. It-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat in kwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.
[...]”
6 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jistabbilixxi:
“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza [nazzjonalità] għandha tiġi projbita.”
7 Skont l-Artikolu 20 TFUE:
“1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.
2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:
[...]
b) id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat;
[...]”
8 L-Artikolu 22 TFUE jipprevedi:
“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. [...]
2. [...] [K]ull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. [...]”
Il‑Karta
9 L-Artikolu 39 tal-Karta, intitolat “Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi, bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.”
Il‑Ftehim dwar il‑Ħruġ
10 Il-Ftehim dwar il-Ħruġ ġie approvat f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135.
11 L-ewwel parti ta’ dan il-ftehim, intitolata “Dispożizzjonijiet komuni”, tinkludi l-Artikoli 1 sa 8 tiegħu. Skont l-Artikolu 2(c) u (e) tal-imsemmi ftehim:
“Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
c) ‘ċittadin tal-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;
[...]
e) ‘perjodu ta’ tranżizzjoni’ tfisser il-perjodu previst fl-Artikolu 126”.
12 It-tieni parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, intitolata “Drittijiet taċ-ċittadini”, hija komposta mill-Artikoli 9 sa 39 tiegħu. L-Artikolu 9(c) u (d) ta’ dan il-ftehim jiddisponi:
“Għall-finijiet ta’ din il-Parti, u mingħajr preġudizzju għat-Titolu III, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
c) ‘Stat ospitanti’ tfisser:
i) fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, ir-Renju Unit, jekk dawn eżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom hemmhekk f’konformità mad-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jirrisjedu hemm wara dan;
ii) fir-rigward taċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-membri tal-familja tagħhom, l-Istat Membru li fih dawn eżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom f’konformità mad-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u li fih jibqgħu jirrisjedu wara dan;
d) ‘Stat tax-xogħol’ tfisser:
i) fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, ir-Renju Unit, jekk dawn wettqu attività ekonomika bħala ħaddiema transkonfinali hemmhekk qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jwettquha wara dan;
ii) fir-rigward taċ-ċittadini tal-Renju Unit, Stat Membru li fih dawn wettqu attività ekonomika bħala ħaddiema transkonfinali qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u li fih dawn jibqgħu jwettquha wara dan”.
13 L-Artikolu 10 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni personali”, jipprevedi:
“1. Mingħajr preġudizzju għat-Titolu III, din il-Parti għandha tapplika għall-persuni li ġejjin:
a) ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fir-Renju Unit f’konformità mad-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jirrisjedu hemmhekk wara dan;
b) ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru f’konformità mad-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jirrisjedu hemmhekk wara dan;
[...]”
14 L-Artikolu 12 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, intitolat “Nondiskriminazzjoni”, jistipula:
“Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Parti, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċjali li tinsab fiha, kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18 TFUE għandha tkun projbita fl-Istat ospitanti u fl-Istat tax-xogħol fir-rigward tal-persuni msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim.”
15 L-Artikoli 13 sa 39 ta’ dan il-ftehim jinkludu d-dispożizzjonijiet li jippreċiżaw il-kontenut tad-drittijiet li jgawdu l-persuni msemmija fit-tieni parti tal-imsemmi ftehim.
16 L-Artikolu 126 tal-istess ftehim, intitolat “Perjodu ta’ tranżizzjoni”, jipprevedi:
“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.”
17 L-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, intitolat “Ambitu tat-tranżizzjoni”, jipprevedi:
“1. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin tat-Trattati, u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, ma għandhomx ikunu applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni:
[...]
b) l-Artikolu 11(4) TUE, il-punt (b) tal-Artikolu 20(2), l-Artikolu 22 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, l-Artikoli 39 u 40 tal-[Karta], u l-atti adottati fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
[...]
6. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, inkluż kif implimentat u applikat mill-Istati Membri, għandha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit.”
18 Bis-saħħa tal-Artikolu 185 ta’ dan il-ftehim, dan daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020. Jirriżulta, barra minn hekk, mir-raba’ inċiż ta’ dan l-artikolu li t-tieni parti tal-imsemmi ftehim hija applikabbli sa mit-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.
L‑Att Elettorali
19 Skont l-Artikolu 1 tal-Att Elettorali:
“1. F’kull Stat Membru, membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu eletti fuq il-bażi ta’ rapreżentanza proporzjonali, bl-użu tas-sistema ta’ lista jew tal-vot wieħed trasferibbli.
2. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw votazzjoni ibbażata fuq sistema ta’ lista preferenzjali bi qbil mal-proċedura li huma jadottaw.
3. L-elezzjonijiet għandhom ikunu b’vot dirett universali u għandhom ikunu ħielsa u sigrieti.”
20 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan l-att, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tiegħu, il-proċedura elettorali hija rregolata, f’kull Stat Membru, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali.
Id‑dritt Franċiż
21 L-Artikolu 2 tal-loi no 77-729 du 7 juillet 1977 relative à l’élection des représentants au Parlement européen (JORF du 8 juillet 1977, p. 3579) (il-Liġi Nru 77–729 tas‑7 ta’ Lulju 1977 dwar l-Elezzjoni tar-Rappreżentanti għall-Parlament Ewropew (JORF tat‑8 ta’ Lulju 1977, p. 3579), kif emendata bil-loi no 2018-509 du 25 juin 2018 (JORF du 26 juin 2018, texte no 1) (il-Liġi Nru 2018-509 tal‑25 ta’ Ġunju 2018 (JORF tas‑26 ta’ Ġunju 2018, test Nru 1) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 77-729”), jipprevedi:
“L-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew prevista mill-[Att Elettorali] applikabbli skont il-Liġi Nru 77-680 tat‑30 ta’ Ġunju 1977 [li Tawtorizza l-Approvazzjoni tad-Dispożizzjonijiet Annessi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej tal‑20 ta’ Settembru 1976 u dwar l-Elezzjoni tar-Rappreżentanti tal-Parlament Ewropew (JORF tal‑1 ta’ Lulju 1977, p. 3479)] hija rregolata mit-Titolu I tal-Ktieb I tal-Kodiċi Elettorali u mid-dispożizzjonijiet tal-kapitoli li ġejjin. It-terminu ta’ xahrejn previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 118-2 tal-istess kodiċi huwa estiż għal erba’ xhur.
Madankollu, il-votanti Franċiżi residenti fi Stat ieħor tal-Unjoni Ewropea ma jipparteċipawx fil-votazzjoni fi Franza, u lanqas f’dik organizzata taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23 ta’ din il-liġi, jekk ikunu ġew ammessi jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-vot għall-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew tal-Istat ta’ residenza tagħhom.”
22 L-Artikolu 2-1 tal-Liġi Nru 77‑729 jipprovdi:
“Iċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea minbarra Franza residenti fit-territorju Franċiż jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjoni tar-rappreżentanti ta’ Franza għall-Parlament Ewropew taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-eletturi Franċiżi, bla ħsara għall-modalitajiet partikolari previsti, f’dak li jirrigwardahom, permezz ta’ din il-liġi.
Il-persuni msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jitqiesu li huma residenti fi Franza jekk ikollhom il-post ta’ residenza attwali tagħhom hemm jew jekk ir-residenza tagħhom tkun kontinwa.”
23 L-Artikolu 2-2 tal-Liġi Nru 77-729 jipprovdi:
“Sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot, il-persuni msemmija fl-Artikolu 2-1 għandhom jiġu rreġistrati, fuq talba tagħhom, f’lista elettorali addizzjonali. Huma jistgħu jitolbu r-reġistrazzjoni tagħhom jekk ikollhom il-kapaċità elettorali tagħhom fl-Istat ta’ oriġini tagħhom u jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet legali, minbarra n-nazzjonalità, sabiex ikunu eletturi u jitniżżlu f’lista elettorali fi Franza.”
24 Skont il-punt 2 tal-Artikolu L 16(III) tal-Kodiċi Elettorali, kif emendat bil-Liġi Nru 2016-1048 tal‑1 ta’ Awwissu 2016 li Tirrevedi l-Modalitajiet ta’ Reġistrazzjoni fil-Listi Elettorali (JORF tat‑2 ta’ Awwissu 2016, test Nru 3), l-INSEE għandu l-kompetenza li jħassar mir-repertorju elettorali uniku l-votanti mejta u l-votanti li ma għadx għandhom id-dritt tal-vot.
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
25 EP, ċittadina tar-Renju Unit, ilha tirrisjedi fi Franza sa mill‑1984 u hija miżżewġa ma’ ċittadin Franċiż. Hija ma talbitx jew kisbet in-nazzjonalità Franċiża.
26 Wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, fl‑1 ta’ Frar 2020, EP tħassret, b’effett minn din id-data, mil-listi elettorali fi Franza. Għalhekk hija ma ġietx awtorizzata tipparteċipa fl-elezzjonijiet muniċipali li seħħew fil‑15 ta’ Marzu 2020.
27 Fis‑6 ta’ Ottubru 2020, EP ressqet talba sabiex terġa’ titniżżel fil-lista elettorali addizzjonali għall-użu taċ-ċittadini mhux Franċiżi tal-Unjoni.
28 Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2020, is-Sindku tal-Komun ta’ Thoux (Franza) ċaħad din it-talba.
29 Fid‑9 ta’ Novembru 2020, EP adixxiet lit-tribunal judiciaire d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza) sabiex tikkontesta din id-deċiżjoni. Din il-qorti adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej organizzati fi Franza, li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet permezz tas-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I (C‑673/20, EU:C:2022:449).
30 Wara din is-sentenza, EP talbet lill-qorti tar-rinviju tadixxi mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari sabiex din tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-validità tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fil-kuntest speċifiku tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
31 EP tirrikonoxxi li mis-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I (C‑673/20, EU:C:2022:449) jirriżulta li ċ-ċittadini tar-Renju Unit tilfu ċ-ċittadinanza Ewropea kif ukoll id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.
32 Quddiem il-qorti tar-rinviju, EP issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom u li, f’dan il-kuntest, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti EDB, tat‑18 ta’ Frar 1999, Matthews vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1999:0218JUD002483394), kif ukoll is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit (C‑145/04, EU:C:2006:543).
33 Skont il-qorti tar-rinviju, minn dawn is-sentenzi jirriżulta li persuna li għandha residenza stabbli fit-territorju tal-Unjoni tista’ titqies li tappartjeni għal “korp leġiżlattiv”, f’dan il-każ Ewropew. F’dan il-kuntest, il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw sabiex jirrestrinġu d-dritt tal-vot għandhom ikunu proporzjonati mal-għan imfittex mingħajr ma jippreġudikaw is-sustanza stess ta’ dan id-dritt u jċaħħduh mill-effettività tiegħu. Issa, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għal dan il-każ tippreġudika b’mod sproporzjonat id-dritt fundamentali tal-vot ta’ EP.
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal d’instance d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:
“1. Id-Deċiżjoni [2020/135] jikser l-Artikoli 1, 7, 11, 3, 39 u 41 tal-[Karta], l-Artikolu 6(3) [TUE] u l-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-Artikolu 52 ta’ din l-istess Karta, peress li ma jinkludix dispożizzjoni li tippermetti li jinżamm id-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet Ewropej għaċ-ċittadini tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja, li jkunu eżerċitaw il-moviment liberu tagħhom u l-libertà tagħhom li jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li tawtorizza jew le n-nazzjonalità doppja, b’mod partikolari għal dawk li għexu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn ħmistax-il sena u li huma suġġetti għal-liġi tar-Renju Unit [...] msejħa ‘15 year rule’, u b’hekk jirrendi iktar serja ċ-ċaħda minn kwalunkwe dritt għall-vot, għal persuni li ma kellhomx id-dritt li jivvotaw kontra t-telf taċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom u wkoll għal dawk li ħadu ġurament ta’ lealtà lejn il-Kuruna [tar-Renju Unit]?
2. Id-Deċiżjoni [2020/135], [il-Ftehim dwar il-Ħruġ], l-Artikolu 1 tal-[Att Elettorali], is-sentenza [tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit (C‑145/04, EU:C:2006:543)], l-Artikoli 1, 7, 11, 21, 39 u 41 tal-[Karta], l-Artikolu 6(3) TUE] u s-sentenza [tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I (C‑673/20, EU:C:2022:449)], għandhom jiġu interpretati bħala li jċaħħdu lill-ex ċittadini tal-Unjoni li jkunu eżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu tagħhom u l-libertà tagħhom li jistabbilixxu ruħhom fit-territorju tal-Unjoni Ewropea mid-dritt għall-vot u ta’ eliġibbiltà għall-elezzjonijiet Ewropej fi Stat Membru, kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, lill-ex ċittadini tal-Unjoni li ma għad fadlilhom l-ebda dritt għall-vot minħabba l-eżerċizzju tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja tagħhom fit-territorju tal-Unjoni għal iktar minn ħmistax il sena u li ma setgħux jopponu ruħhom permezz ta’ vot kontra l-ħruġ tal-Istat Membru tagħhom mill-Unjoni Ewropea li wassal għat-telf taċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom?”
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq it‑tieni domanda
35 Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ, moqri fid-dawl tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fl‑1 ta’ Frar 2020, iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma jibbenefikawx iktar minn dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.
36 Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ, EP ma għandha n-nazzjonalità ta’ ebda Stat Membru u li, għaldaqstant, hija ma hijiex ċittadin tal-Unjoni, fis-sens la tal-Artikolu 9 TUE u lanqas tal-Artikolu 2(c) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għall-kuntrarju, hija eżerċitat id-dritt tagħha li tirrisjedi fi Stat Membru qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni li huwa, skont l-Artikolu 2(e) ta’ dan il-ftehim, moqri flimkien mal-Artikolu 126 tiegħu, mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Diċembru 2020.
37 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 83 tas-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I (C‑673/20, EU:C:2022:449), li l-Artikoli 9 u 50 TUE, kif ukoll l-Artikoli 20 sa 22 TFUE, moqrija flimkien mal-Ftehim dwar il-Ħruġ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fl‑1 ta’ Frar 2020, iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat li kienu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma jibbenefikawx iktar mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, u lanqas, b’mod iktar partikolari, taħt l-Artikolu 20(2)(b) TFUE, u taħt l-Artikolu 22 TFUE, mid-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, anki meta jkunu ġew miċħuda wkoll, bis-saħħa tal-liġi tal-Istat li tagħhom huma ċittadini, mid-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet organizzati minn dan l-aħħar Stat.
38 Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk din l-interpretazzjoni tapplikax ukoll fir-rigward tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew taċ-ċittadini tar-Renju Unit, bħal EP, fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.
39 F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 9 TUE u l-Artikolu 20 TFUE, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni teħtieġ il-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punti 46 sa 48).
40 L-Artikolu 20(2) kif ukoll l-Artikoli 21 u 22 TFUE jorbtu sensiela ta’ drittijiet mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punti 49 sa 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
41 Iċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru li tiegħu ma humiex ċittadini jibbenefikaw, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 20(2)(b) u l-Artikolu 22(2) TFUE, mid-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. L-Artikolu 39 tal-Karta jirrikonoxxi wkoll dan id-dritt. L-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tistabbilixxi, għall-kuntrarju, l-imsemmi dritt favur ċittadini ta’ Stati terzi.
42 Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li individwu, meta l-Istat li tiegħu huwa ċittadin kien Stat Membru, ikun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma huwiex tali li jippermettilu jżomm l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u d-drittijiet kollha marbuta miegħu abbażi tat-TFUE jekk, wara l-ħruġ tal-Istat ta’ oriġini tiegħu mill-Unjoni, huwa ma jkunx għad għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 52).
43 Peress li t-Trattati tal-Unjoni ma baqgħux japplikaw, skont l-Artikolu 50(3) TUE, għar-Renju Unit fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, jiġifieri l‑1 ta’ Frar 2020, iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat tilfu, minn din id-data, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Konsegwentement, huma ma jibbenefikaw iktar, taħt l-Artikolu 20(2)(b) u l-Artikolu 22 TFUE, la mid-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punti 55 u 58) u lanqas mid-dritt tal-vot u tal-kandidatura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’dan l-Istat Membru.
44 Fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu, minn naħa, jiġi ppreċiżat li din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li ċittadin tar-Renju Unit, bħal EP, huwa mċaħħad mid-dritt tal-vot fir-Renju Unit skont regola tad-dritt ta’ dan l-Istat li tgħid li ċittadin ta’ dan tal-aħħar li jirrisjedi għal iktar minn ħmistax-il sena barra mill-pajjiż ma għandux iktar id-dritt li jipparteċipa fl-elezzjonijiet fl-imsemmi Stat.
45 Fil-fatt, din ir-regola taqa’ taħt għażla tad-dritt elettorali magħmula minn dan l-ex Stat Membru, li issa huwa Stat terz. Barra minn hekk, it-telf taċ-ċittadini tiegħu, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u, konsegwentement, tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom huwa konsegwenza awtomatika tad-deċiżjoni sovrana meħuda mir-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50(1) TUE u li jsir għalhekk Stat terz. Għaldaqstant, la l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lanqas il-qrati tagħhom ma jistgħu jkunu obbligati jwettqu eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-persuna kkonċernata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punti 59 sa 62).
46 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1 tal-Att Elettorali, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, sempliċement jikkonferma, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti skont il-modalitajiet ippreċiżati f’dan l-Artikolu 1. Ċittadin tar-Renju Unit, bħal EP, ma jistax għaldaqstant, wara l-ħruġ ta’ dan l-Istat mill-Unjoni, jibbenefika minn dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu abbażi tal-imsemmi Artikolu 1.
47 Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, bħad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I (C‑673/20, EU:C:2022:449), il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tagħti liċ-ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru konformement mad-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.
48 Konsegwentement, l-Istati Membri ma kinux iktar obbligati, mill‑1 ta’ Frar 2020, li jassimilaw liċ-ċittadini tar-Renju Unit maċ-ċittadini ta’ Stat Membru għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) u tal-Artikolu 22 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 39 u 40 tal-Karta, u lanqas, għaldaqstant, li jagħtu liċ-ċittadini tar-Renju Unit residenti fit-territorju tagħhom id-dritt, irrikonoxxut minn dawn id-dispożizzjonijiet lill-persuni li għandhom, bħala ċittadin ta’ Stat Membru, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 71).
49 Din l-interpretazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ma tista’ tiġi kkontestata la mid-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni u lanqas mill-ġurisprudenza msemmija mill-qorti tar-rinviju.
50 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, qabel kollox, li għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet previsti fiha li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma hijiex, minħabba li l-Unjoni ma aderixxietx għaliha, strument legali li jagħmel formalment parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
51 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-eżami tal-validità tal-atti tal-Unjoni għandhom jitwettqu fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 99 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
52 Fid-dawl ta’ din l-ispeċifikazzjoni, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-Artikolu 21 tal-Karta li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, previst ukoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 12 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, fl-Istat ospitanti, fis-sens tal-Artikolu 9(c) ta’ dan il-ftehim, u fl-Istat tax-xogħol, kif iddefinit fl-Artikolu 9(d) tiegħu, fir-rigward tal-persuni msemmija fl-Artikolu 10 tal-imsemmi ftehim, tikkonċerna, skont il-kliem stess ta’ tal-Artikolu 12, it-tieni parti tal-istess ftehim (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 76).
53 Issa, għandu jiġi kkonstatat li, bħad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza taċ-ċittadini tar-Renju Unit, imsemmija fl-Artikolu 10(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ dawn iċ-ċittadini ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni parti ta’ dan il-ftehim.
54 Għalhekk, ċittadin tar-Renju Unit, bħal EP, li jkun eżerċita d-dritt tiegħu li jirrisjedi fi Stat Membru konformement mad-dritt tal-Unjoni qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u li jkompli jirrisjedi fih sussegwentement, ma jistax utilment juża din il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni msemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, jew juża l-Artikolu 21 tal-Karta, sabiex jinvoka d-dritt tal-vot u tal-kandidatura għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, li ġie mċaħħad minnu wara d-deċiżjoni sovrana tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 77).
55 Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE ma huwiex maħsub li japplika fil-każ ta’ differenza eventwali fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 It-tieni nett, fir-rigward tal-Artikolu 39 tal-Karta, għandu jiġi osservat li dan l-artikolu huwa fost id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma japplikawx għaċ-ċittadini tar-Renju Unit, kemm jekk matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni jew sussegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punti 70 u 75). Għaldaqstant, dawn iċ-ċittadini ma jistgħux jinvokaw dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom abbażi ta’ interpretazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 39.
57 It-tielet nett, fir-rigward tal-Artikoli 1, 7, 11 u 41 tal-Karta msemmija mill-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, taħt piena ta’ ksur tal-kliem stess tal-Artikolu 20(2)(b) u tal-Artikolu 22(2) TFUE, tal-Artikolu 39 tal-Karta kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ċittadin tar-Renju Unit, bħal EP, lanqas ma jista’ jinvoka, abbażi ta’ interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim fid-dawl ta’ dawn l-Artikoli 1, 7, 11 u 41, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew organizzati fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu.
58 Ir-raba’ u fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit (C‑145/04, EU:C:2006:543), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza ma hijiex trasponibbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
59 Fil-fatt, fil-kawża li tat-lok għall-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar jekk Stat Membru setax, fid-dawl tal-Istat tad-dritt Komunitarju fil-mument tal-fatti, jagħti d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew lil persuni li ma kinux ċittadini tal-Unjoni, iżda li kienu jirrisjedu fit-territorju tiegħu.
60 Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 78 tal-istess sentenza li, “fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, id-determinazzjoni ta’ min huwa intitolat għad-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet fil-Parlament Ewropew huwa ta’ kompetenza ta’ kull Stat Membru filwaqt li jirrispetta d-dritt Komunitarju, u li l-Artikoli 189 KE, 190 KE, 17 KE u 19 KE ma jipprekludux li l-Istati Membri jagħtu dan id-dritt għall-vot u għall-kandidatura lil persuni partikolari li għandhom rabtiet mill-qrib magħhom, minbarra liċ-ċittadini tagħhom jew liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jirrisjedu fit-territorju tagħhom”.
61 B’differenza mis-sentenza li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit (C‑145/04, EU:C:2006:543), din il-kawża ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jagħtu d-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew lil persuni li ma humiex ċittadini tal-Unjoni, iżda l-kwistjoni dwar jekk dawn l-Istati Membri humiex obbligati jagħtu dan id-dritt lil persuni li ma għadhomx ċittadini tal-Unjoni, jiġifieri ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fit-territorju tagħhom, wara l-ħruġ ta’ dan l-Istat mill-Unjoni fl‑1 ta’ Frar 2020.
62 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Ftehim dwar il-Ħruġ, moqri fid-dawl tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fl‑1 ta’ Frar 2020, iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma jibbenefikawx iktar minn dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.
Fuq l‑ewwel domanda
63 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fid-dawl tal-Artikolu 6(3) TUE, tal-Artikoli 1, 7, 11, 21, 39 u 41 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, id-Deċiżjoni 2020/135 hijiex ivvizzjata b’invalidità sa fejn il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jagħtix liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni d-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.
64 F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-eżami tal-validità tad-Deċiżjoni 2020/135 fid-dawl tal-Artikolu 6(3) TUE u tal-Artikoli 1, 7, 11, 21, 39 u 41 tal-Karta, fil-punti 50 sa 57 ta’ din is-sentenza ġie rrilevat li ċittadin tar-Renju Unit, li eżerċita, qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tiegħu li jirrisjedi fi Stat Membru konformement mad-dritt tal-Unjoni u li sussegwentement baqa’ jirrisjedi fih, ma jistax jinvoka, skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u dawn l-artikoli tal-Karta, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu.
65 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Deċiżjoni 2020/135 ma tistax titqies li tmur kontra l-imsemmija artikoli tal-Karta, peress li l-Ftehim dwar il-Ħruġ li din approvat ma jagħtix liċ-ċittadini ta’ dan l-ex Stat Membru, li issa huwa Stat terz, li kienu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.
66 F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-eżami tal-validità tad-Deċiżjoni 2020/135 fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi enfasizzat li ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettilha tqis li l-Unjoni, bħala parti kontraenti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, eċċediet il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha fit-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni, meta ma eżiġietx, f’dan il-ftehim li jiġi previst dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza favur iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.
67 F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom marġni diskrezzjonali wiesa’ fid-deċiżjoni tal-politika tat-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni. Fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħhom f’dan il-qasam, dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jikkonkludu ftehimiet internazzjonali bbażati, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ reċiproċità u vantaġġi reċiproċi (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).
68 Għalhekk, huma ma humiex obbligati li jagħtu, unilateralment, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, drittijiet bħad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza, irriżervat, barra minn hekk, biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni, taħt l-Artikolu 20(2)(b), l-Artikolu 22 TFUE, u l-Artikolu 39 tal-Karta (ara, b’analoġija, s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 99).
69 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill tal-Unjoni ma jistax jiġi kkritikat li, permezz tad-Deċiżjoni 2020/135, approva l-Ftehim dwar il-Ħruġ meta dan tal-aħħar ma jagħtix liċ-ċittadini tar-Renju Unit id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, kemm matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni kif ukoll sussegwentement.
70 It-tielet nett, fir-rigward taċ-ċirkustanza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li ċerti ċittadini tar-Renju Unit, bħal EP, huma miċħuda mid-dritt tal-vot tagħhom fir-Renju Unit skont ir-regola, imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li ċittadin ta’ dan l-Istat li jkun jirrisjedi għal iktar minn ħmistax-il sena barra mill-pajjiż ma huwiex iktar intitolat jipparteċipa fl-elezzjonijiet fl-imsemmi Stat Membru, għandu jiġi rrilevat li din iċ-ċirkustanza toriġina minn dispożizzjoni tal-liġi ta’ Stat terz, u mhux mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, din ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2020/135 (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers I, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 101).
71 Minn dan isegwi li l-eżami tal-ewwel domanda ma wera’ ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2020/135.
Fuq l‑ispejjeż
72 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, moqri fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa mill-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea, fl‑1 ta’ Frar 2020, iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma jibbenefikawx iktar minn dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.
2) L-eżami tal-ewwel domanda ma wera’ ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135, tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.