Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0708

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-4 ta’ Lulju 2024.
    Asociación Española de Productores de Vacuno de Carne - Asoprovac vs Administración General del Estado.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni – Finanzjament, ġestjoni u monitoraġġ tal-politika agrikola komuni – Artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika – Kundizzjonijiet għal aċċess għal pagament dirett lill-bdiewa – Annimali li għandhom jappartjenu għall-azjenda agrikola tal-bdiewa stess.
    Kawża C-708/22.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:573

    Edizzjoni Provviżorja

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    4 ta’ Lulju 2024 (*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni – Finanzjament, ġestjoni u monitoraġġ tal-politika agrikola komuni – Artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika – Kundizzjonijiet għal aċċess għal pagament dirett lill-bdiewa – Annimali li għandhom jappartjenu għall-azjenda agrikola tal-bdiewa stess”

    Fil-Kawża C‑708/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura

    Asociación Española de Productores de Vacuno de Carne – Asoprovac

    vs

    Administración General del Estado,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għall-Asociación Española de Productores de Vacuno de Carne – Asoprovac, minn J. Marcén Castán, J. C. Martín Aranda, abogados, u J. M. Rico Maesso, procurador,

    –        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker, C. Calvo Langdon u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7), kif ukoll tal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Asociación Española de Productores de Vacuno de Carne – Asoprovac, assoċjazzjoni Spanjola ta’ produtturi tal-baqar taċ-ċanga, u l-Administración General del Estado (l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat, Spanja) dwar il-legalità ta’ digriet irjali li jimponi li l-annimali tal-azjenda tal-bidwi stess li jitlob li jibbenefika minn appoġġ finanzjarju taħt l-iskema ta’ pagament dirett skont is-superfiċji jirgħu l-artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni.

     Ilkuntest ġuridiku

     Iddritt talUnjoni

     IrRegolament Nru 1306/2013

    3        Bit-titolu “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1306/2013, imħassar bir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 187, rettifika fil-ĠU 2022, L 29, p. 45), iżda applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jadottaw, fil-qafas tal-[Politika Agrikola Komuni (PAK)], id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha u jieħdu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment biex:

    (a)      jivverifikaw il-legalità u r-regolarità ta’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi;

    (b)      jiżguraw prevenzjoni effikaċi kontra l-frodi, l-aktar f’ oqsma b’livell ogħla ta’ riskju, u li sservi ta’ deterrent, waqt li jqisu l-ispejjeż u l-benefiċċji kif ukoll il-proporzjonalità tal-miżuri;

    (c)      ma jħallux li jseħħu, jikxfu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi;

    (d)      jimponu pieni li jkunu effikaċi, dissważivi u proporzjonati skont il-liġi tal-Unjoni, jew, fin-nuqqas ta’ din, skont id-dritt nazzjonali, u jressqu l-proċedimenti legali għal dak il-għan, kif meħtieġ;

    (e)      jirkupraw pagamenti mhux dovuti flimkien mal-imgħaxijiet, u jressqu proċediment legali għal dak il-għan, kif meħtieġ.”

    4        L-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Klawsola ta’ ċirkomvenzjoni”, kien jistabbilixxi:

    “Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi, ma għandu jingħata ebda vantaġġ previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali favur persuna fiżika jew ġuridika li dwarha jkun ġie stabbilit li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ vantaġġi bħal dawn inħolqu artifiċjalment, kuntrarju għall-objettivi ta’ dik il-leġislazzjoni.”

     IrRegolament Nru 1307/2013

    5        Bit-titolu “Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1307/2013, imħassar bir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 181, p. 35 u fil-ĠU 2022, L 227, p. 136), iżda applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

    “1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (b)      ‘impriża’ tfisser l-unitajiet kollha użati għall-attivitajiet agrikoli mmexxija minn bidwi li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru;

    (c)      ‘attività agrikola’ tfisser:

    (i)      il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli, inklużi l-ħsad, it-taħlib, it-trobbija tal-annimali u ż-żamma tal-annimali għall-finijiet ta’ biedja,

    (ii)      iż-żamma ta’ erja agrikola fi stat li jagħmilha tajba għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni mingħajr azzjoni ta’ tħejjija li tmur lil hinn mill-metodi u makkinarji agrikoli tas-soltu, abbażi ta’ kriterji stabbiliti mill-Istati Membri abbażi ta’ qafas stabbilit mill-Kummissjoni [Ewropea], jew

    (iii)      it-twettiq ta’ attività minima,, definita mill-Istati Membri, fuq erjas agrikoli li huma miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni;

    […]

    (e)      ‘erja agrikola’ tfisser kull erja meħuda minn raba’ li jinħarat, bwar permanenti u mergħat permanenti, jew uċuħ tar-raba’ permanenti;

    […]

    2.      L-Istati Membri għandhom:

    (a)      jistabbilixxu kriterji li għandhom jiġu rrispettati mill-bdiewa sabiex jissodisfaw l-obbligu li l-erja agrikola tinżamm fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, kif imsemmi fil-punt (c)(ii) tal-paragrafu 1;

    (b)      fejn applikabbli fi Stat Membru, jiddefinixxu l-attività minima li għandha titwettaq fuq erjas agrikoli li jinżammu b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, kif imsemmi fil-punt (c)(iii) tal-paragrafu 1;

    […]

    3.      Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 70 li jistabbilixxi:

    (a)      il-qafas li fih l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji li għandhom jiġu rrispettati mill-bdiewa sabiex jissodisfaw l-obbligu li l-erja agrikola tinżamm fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, kif imsemmi fil-punt (c)(ii) tal-paragrafu 1;

    […]”

    6        L‑Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament, bit‑titolu “Attivazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.      L-appoġġ skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandu jingħata lill-bdiewa, permezz ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 33(1), mal-attivazzjoni ta’ dritt għall-pagament għal kull ettaru eliġibbli fl-Istat Membru fejn ikun ġie allokat. […]

    2.      Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, ‘ettaru eliġibbli’ tfisser:

    (a)      kull żona agrikola tal-impriża, inklużi erjas li ma kinux f’kondizzjoni agrikola tajba fit‑30 ta’ Ġunju 2003 fl-Istati Membri li aderixxew mal-Unjoni fl‑1 ta’ Mejju 2004 li mal-adeżjoni ddeċidew li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, li tintuża għal attività agrikola jew, fejn l-erja tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, tintuża b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli; […]

    […]”

     IrRegolament Delegat (UE) Nru 639/2014

    7        Il-premessa 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1), imħassar bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2529 tas‑17 ta’ Ottubru 2022 (ĠU 2022, L 328, p. 74), iżda applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, kienet ifformulata kif ġej:

    “F’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jixraq li jiġi ċċarat li l-Istati Membri, meta jiġu biex jadottaw miżuri għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, għandhom jużaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom filwaqt li josservaw ċerti prinċipji, inkluż, b’mod partikolari, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.”

    8        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament delegat, bit-titolu, “Qafas għall-kriterji dwar iż-żamma taż-żona agrikola fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni”, kien jipprovdi:

    “1.      Għall-finijiet tal-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-kriterji li l-bdiewa għandhom jissodisfaw sabiex itemmu l-obbligu li jżommu s-superfiċji agrikola fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni mingħajr azzjoni preparatorja li tmur lil hinn mill-metodi u l-makkinarji agrikoli tas-soltu, għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri b’wieħed miż-żewġ modi li ġejjin jew bit-tnejn li huma:

    (a)      L-Istati Membri jeħtieġu li bidwi jwettaq mill-anqas attività annwali waħda. Meta jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrikonoxxu wkoll attivitajiet li jitwettqu biss darba kull sentejn;

    (b)      L-Istati Membri jistabbilixxu l-karatteristiċi li għandhom jiġu ssodisfati minn żona agrikola sabiex tkun tista’ titqies li hija miżmuma fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni.

    2.      Meta jistabbilixxu l-kriterji msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddistingwu bejn tipi ta’ żoni agrikoli differenti.”

     Iddritt Spanjol

    9        L-Artikolu 11(2) u (3) tar-Real Decreto 1075/2014, sobre la aplicación a partir de 2015 de los pagos directos a la agricultura y a la ganadería y otros regímenes de ayuda, así como sobre la gestión y control de los pagos directos y de los pagos al desarrollo rural (id-Digriet Irjali 1075/2014 dwar l-Implimentazzjoni mill‑2015 tal-Pagamenti Diretti għall-Agrikoltura u għall-Biedja kif ukoll ta’ Skemi Oħra ta’ Għajnuna, u għall-Ġestjoni u għall-Kontroll tal-Pagamenti Diretti u tal-Pagamenti għall-Iżvilupp Rurali) tad‑19 ta’ Diċembru 2014 (BOE Nru 307, tal‑20 ta’ Diċembru 2014, p. 103644), kif emendat bir-Real Decreto 41/2021, por el que se establecen las disposiciones específicas para la aplicación en los años 2021 y 2022 de los Reales Decretos 1075/2014, 1076/2014, 1077/2014 y 1078/2014, todos ellos de 19 de diciembre, dictados para la aplicación en España de la Política Agrícola Común (id-Digriet Irjali 41/2021 li Jistabbilixxi d-Dispożizzjonijiet Speċifiċi għall-Applikazzjoni għall‑2021 u għall‑2022 tad-Digrieti Irjali 1075/2014, 1076/2014, 1077/2014 u 1078/2014, tad‑19 ta’ Diċembru 2014, Adottati għall-Finijiet tal-Applikazzjoni fi Spanja tal-Politika Agrikola Komuni) tas‑26 ta’ Jannar 2021 (BOE Nru 23, tas‑27 ta’ Jannar 2021, p. 7955), kien jipprovdi:

    “2.      Għal kull roqgħa jew kompartiment magħluq, l-applikant għandu jiddikjara fl-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna l-kultivazzjoni jew l-użu li għalihom huma maħsuba, jew, fejn ikun il-każ, għandu jindika jekk il-kompartiment magħluq huwiex is-suġġet ta’ xogħlijiet ta’ żamma. Fl-applikazzjoni għandu jiġi speċifikat b’mod espliċitu jekk il-kompartimenti magħluqa tal-artijiet bil-ħaxix humiex maħsuba għall-produzzjoni bbażata fuq ir-ragħa jew, fil-każ tal-mergħat, fuq il-mergħat jew il-ħsad, jew biss għal żamma bbażata fuq l-attivitajiet imsemmija fl-Anness IV.

    Fil-każ tal-artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika użati b’mod komuni, hija awtorizzata biss il-produzzjoni bbażata fuq ir-ragħa permezz ta’ annimali li ġejjin mill-azjenda tal-applikant stess, bl-esklużjoni tal-annimali tal-amministrazzjonijiet proprjetarji tal-imsemmija artijiet, tal-annimali tal-ġestjonarji inkarigati bl-intermedjazzjoni fis-suq u tal-annimali ta’ dawk li jrabbu li ma jattestawx li użaw l-art bil-ħaxix, skont il-każ, konformement mal-kundizzjonijiet li għalihom il-benefiċjarji tal-imsemmija art ingħataw l-użu tagħha b’mod komunali, jew konformement mal-kundizzjonijiet, debitament attestati fit-titolu korrispondenti, li għalihom ġie suġġett l-użu tal-imsemmija art bħala proprjetà privata jew pubblika. F’ċerti ċirkustanzi, l-awtoritajiet kompetenti tal-komunitajiet awtonomi jistgħu wkoll jawtorizzaw il-produzzjoni abbażi tal-ħsad tal-mergħat ta’ proprjetà pubblika użati b’mod komuni, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit li dan il-ħsad, għall-finijiet tal-użu mill-proprjetarju tal-azjenda li titlob l-għajnuna, jaqa’ taħt l-attività agrikola effettivament eżerċitata mill-imsemmi proprjetarju. L-attivitajiet ta’ żamma elenkati fl-Anness IV ma għandhom fl-ebda ċirkustanza jkunu permessi.

    3.      L-applikant għandu jindika b’mod espliċitu u preċiż fl-applikazzjoni tiegħu li l-kultivazzjoni u l-użi kif ukoll l-attivitajiet ta’ żamma ddikjarati jirriflettu b’mod preċiż u fidil l-attività agrikola tiegħu. Jekk, bħala riżultat ta’ kontroll amministrattiv, fuq il-post jew permezz ta’ sorveljanza, imwettaq mill-awtorità kompetenti, jiġi kkonstatat li l-kultivazzjonijiet jew l-attivitajiet li jikkonsistu fl-użu jew fiż-żamma tas-superfiċji ma twettqux, u li d-dikjarazzjonijiet huma foloz, ineżatti jew saru b’negliġenza u li, barra minn hekk, din l-assenza ta’ konkordanza kellha effett fuq l-osservanza tar-rekwiżiti relatati mal-attività agrikola fis-superfiċji kkonċernata, l-awtorità kompetenti tista’ tikkunsidra li dan huwa każ ta’ ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali sabiex wieħed jibbenefika mill-għajnuna u din tal-aħħar tkun suġġetta għas-sistema ta’ sanzjonijiet prevista fl-Artikolu 102.”

     Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

    10      L-Asoprovac ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) intiż għall-annullament tal-ħames paragrafu tal-ewwel dispożizzjoni finali tad-Digriet Irjali 41/2021 li jemenda l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Digriet Irjali 1075/2014.

    11      Insostenn tar-rikors tagħha, din l-assoċjazzjoni sostniet b’mod partikolari li r-rekwiżit li l-annimali li jirgħu fuq l-artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni għandhom jiġu mill-azjenda tal-applikant għall-għajnuna huwa ġdid u li huwa jikser ir-Regolament Nru 1307/2013 kif ukoll ir-Regolament Nru 1306/2013.

    12      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Digriet Irjali 1075/2014, kif emendat bid-Digriet Irjali 41/2021, jikser l-Artikoli 4 u 32 tar-Regolament Nru 1307/2013 kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 minħabba li l-Istat Spanjol jistabbilixxi kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-għajnuna diretta skont is-superfiċji li jiżdiedu ma’ dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    13      Fit-tieni lok, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikser l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet għall-aċċess għall-għajnuna, peress li hija tistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli ta’ frodi u teskludi lil dawk li jrabbu l-annimali li jipprattikaw it-trobbija intensiva tal-baqar taċ-ċanga mill-benefiċċju ta’ din l-għajnuna.

    14      Fit-tielet lok, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi trattament diskriminatorju bejn dawk li jrabbu l-annimali li jipprattikaw it-trobbija intensiva tal-baqar taċ-ċanga għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-ewwel diskriminazzjoni teżisti bejn dawk li jrabbu l-annimali Spanjoli u dawk li huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, hemm it-tieni diskriminazzjoni fost dawk li jrabbu l-annimali Spanjoli stess, skont jekk jirgħux il-baqar taċ-ċanga tagħhom fuq artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni jew fuq artijiet bil-ħaxix privati.

    15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikoli 4 u 32(2) tar-[Regolament Nru 1307/2013] u l-Artikolu 60 tar-[Regolament Nru 1306/2013] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali [bħad-Digriet Irjali 41/2021] li, sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali fil-konċessjoni ta’ mergħat permanenti ta’ użu komuni li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku lil benefiċjarji li ma jużawhomx, tistabbilixxi li l-attività tar-ragħa tkun eliġibbli biss jekk din titwettaq b’annimali tal-operat tagħhom?

    2)      L-Artikolu 60 tar-[Regolament Nru 1306/2013] ippreċitat dwar il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali sabiex tinkiseb l-għajnuna, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-Digriet Irjali 41/2021 li tistabbilixxi preżunzjoni ta’ ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-għajnuna fil-każijiet li l-attività agrikola ta’ ragħa f’mergħat permanenti li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku u għal użu komuni hija eżerċitata b’annimali li ma humiex tal-operat tal-applikant għall-għajnuna?

    3)      L-Artikolu 4(1)(ċ) tar-[Regolament Nru 1307/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-Digriet Irjali 1075/2014 […] skont liema r-ragħa taż-żoni agrikoli ma tistax tiġi kklassifikata bħala attività ta’ żamma tal-imsemmija żoni fi stat li jagħmilhom adatti għar-ragħa?

    4)      L-Artikolu 4(1)(ċ) tar-[Regolament Nru 1307/2013], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-Digriet Irjali 1075/2014 […] skont liema l-persuni li huma sempliċement detenturi ta’ dritt mhux esklużiv ta’ ragħa fuq artijiet li huma ma humiex proprjetarji tagħhom u li jagħtu dan id-dritt lil terz sabiex dan juża l-mergħat sabiex jitma’ lill-bhejjem tiegħu, ma jeżerċitawx attività agrikola li taqa’ taħt dawk imsemmija fil-punt (i) tal-imsemmi Artikolu 4(1)(ċ)?

    5)      L-Artikolu 4(1)(b) u (ċ) tar-[Regolament Nru 1307/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-Digriet Irjali 1075/2014 […] skont liema l-persuni li huma sempliċement detenturi ta’ dritt ta’ ragħa mhux esklużiv fuq artijiet għal użu komuni li huma ma humiex proprjetarji tagħhom, ma jistgħux jitqiesu bħala amministraturi tal-mergħat li l-imsemmi dritt ta’ ragħa huwa bbażat fuqhom għall-finijiet tat-twettiq tal-attivitajiet ta’ żamma tal-imsemmija żoni agrikoli fi stat li jagħmilhom adatti għar-ragħa?”

     Fuq iddomandi preliminari

     Fuq lewwel domanda

    16      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 u l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi evitat li jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ għajnuna fil-kuntest tal-konċessjoni ta’ artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni lil bdiewa li ma jużawhomx, teżiġi li l-attività ta’ ragħa fuq dawn l-artijiet tiġi eżerċitata permezz ta’ annimali li jappartjenu għall-azjenda tal-bidwi stess li japplika għall-għajnuna.

    17      Konformement mal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku għandu jingħata lill-bdiewa, abbażi ta’ dikjarazzjoni, konformement mal-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament, wara l-attivazzjoni ta’ dritt għall-pagament għal kull “ettaru eliġibbli” fl-Istat Membru fejn ikun ingħata d-dritt għall-pagament.

    18      Il-kunċett ta’ “ettaru eliġibbli”, iddefinit fl-Artikolu 32(2) tal-imsemmi regolament, ikopri, essenzjalment, kull superfiċji agrikola tal-azjenda li tintuża għall-finijiet ta’ attività agrikola. Minn dan jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jiġi ppreżentat insostenn ta’ applikazzjoni intiża sabiex jibbenefika minn appoġġ finanzjarju taħt l-iskema ta’ pagament dirett prevista mid-dritt tal-Unjoni, ettaru għandu jissodisfa tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li jikkostitwixxi superfiċji agrikola li fuqha hija eżerċitata attività agrikola, li hija marbuta ma’ azjenda.

    19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-kunċett ta’ “superfiċji agrikola” huwa ddefinit fl-Artikolu 4(1)(e) tal-istess regolament bħala s-superfiċji kollha tar-raba’ li jinħadem, tal-artijiet bil-ħaxix permanenti u tal-mergħat permanenti jew tal-kultivazzjonijiet permanenti.

    20      Sussegwentement, l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “attività agrikola” bħala li jkopri, essenzjalment, tliet tipi ta’ attivitajiet jiġifieri, l-ewwel nett, il-produzzjoni, it-trobbija jew il-kultivazzjoni ta’ prodotti agrikoli, inkluż il-ħsad, il-produzzjoni tal-ħalib, it-trobbija tal-annimali u ż-żamma ta’ annimali għal finijiet agrikoli, it-tieni nett, iż-żamma ta’ superfiċji agrikola fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni mingħajr azzjoni preparatorja li tmur lil hinn minn prattiki agrikoli komuni abbażi ta’ kriterji li għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri u, it-tielet nett, l-eżerċizzju ta’ attività minima fuq is-superfiċji agrikoli miżmuma b’mod naturali fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa.

    21      Għalhekk, meta l-bidwi ma jeżerċita l-ebda waħda mit-tliet attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013 fuq is-superfiċji agrikola ddikjarata, jew meta jeżerċita biss attività negliġibbli fuqha, huwa ma jistax jitqies li jeżerċita attività agrikola hemmhekk.

    22      Madankollu, din id-dispożizzjoni tibqa’ siekta fir-rigward tal-punt dwar jekk din l-attività agrikola għandhiex titwettaq mill-bidwi li japplika għall-għajnuna nnifsu jew jekk din l-attività tistax titwettaq minn terz fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ dritt mhux esklużiv ta’ ragħa fuq art bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika u għal użu komuni.

    23      Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ “azjenda” huwa ddefinit fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 bħala li jikkostitwixxi l-unitajiet kollha użati għall-finijiet ta’ attivitajiet agrikoli mmexxija minn bidwi li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru.

    24      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-unitajiet ta’ produzzjoni mmexxija minn bidwi jinkludu mhux biss is-superfiċji agrikoli iżda wkoll l-annimali li jintużaw għar-ragħa, sakemm dan il-bidwi jkollu fuq dawn l-annimali setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu, li hija ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali kompetenti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 36).

    25      Il-kunċett ta’ ġestjoni ma jimplikax l-eżistenza favur il-bidwi ta’ setgħa ta’ dispożizzjoni illimitata fuq is-superfiċji kkonċernata jew fuq l-annimali kkonċernati fil-kuntest tal-użu tagħhom għal finijiet agrikoli iżda jippreżumi l-eżistenza ta’ awtonomija suffiċjenti ta’ dan il-bidwi għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim, C‑61/09, EU:C:2010:606, punti 61 u 62, kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 49).

    26      Għalhekk, il-bidwi għandu jkun f’pożizzjoni li jeżerċita ċerta setgħa deċiżjonali fil-kuntest tal-użu tas-superfiċji kkonċernata għall-finijiet tal-eżerċizzju, minn dan tal-aħħar, tal-attività agrikola tiegħu (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27      Għaldaqstant, sabiex ikun eliġibbli għall-iskema ta’ pagament dirett prevista fl-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1307/2013, il-bidwi għandu jeżerċita fuq is-superfiċji agrikola li huwa jiddikjara insostenn tal-applikazzjoni tiegħu ċerta setgħa ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-użu tas-superfiċji kkonċernata għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu. F’dan il-kuntest, is-sempliċi trasferiment lil terz li huwa persuna li trabbi ta’ dritt għar-ragħa mhux esklużiv fuq artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika u għal użu komuni, mingħajr ebda żamma ta’ setgħa ta’ deċiżjoni tal-bidwi li japplika għall-għajnuna fuq l-attività eżerċitata fuq dawn l-artijiet mill-annimali ta’ terz li huwa persuna li trabbi, ma jistax jitqies, bħala tali, bħala “attività agrikola” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(c) ta’ dan ir-regolament.

    28      F’dan il-każ, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tad-Digriet Irjali 1075/2014, kif emendat bid-Digriet Irjali 41/2021, jirriżulta li, fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna, l-applikant għall-għajnuna għandu jiddikjara l-użu li għalih huma maħsuba l-kompartament magħluq jew ir-roqgħa ddikjarata, jiġifieri b’mod iktar preċiż, fil-każ ta’ artijiet bil-ħaxix jew użu ta’ ragħa. It-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi, essenzjalment, li, fil-każ ta’ artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni, bħala prinċipju hija awtorizzata biss l-attività ta’ produzzjoni bbażata fuq ir-ragħa permezz ta’ annimali tal-azjenda tal-applikant stess.

    29      Billi jeżiġu li l-attività ta’ ragħa għandha tiġi eżerċitata permezz tal-annimali li jappartjenu għall-azjenda tal-applikant stess, ma jidhirx li l-awtoritajiet Spanjoli stabbilixxew kundizzjonijiet supplimentari ta’ eliġibbiltà meta mqabbla ma’ dawk previsti fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, kif stabbilit fil-punt 18 ta’ din is-sentenza. Għall-kuntrarju, dan ir-rekwiżit jidher li jaqa’ fil-kuntest tad-definizzjoni tal-azjenda, peress li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali sempliċement tfakkar li l-applikant għandu jkollu setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti fuq dawn l-annimali għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu, mingħajr madankollu ma jimponi ż-żamma ta’ dritt ta’ proprjetà fuq dawn tal-aħħar.

    30      Madankollu, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li huma għandhom fil-kuntest ta’ skemi ta’ appoġġ li jaqgħu taħt il-PAK, l-Istati Membri għandhom, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżerċitaw dan il-marġni ta’ evalwazzjoni filwaqt li josservaw l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeżiġi li l-mezzi implimentati minn dispożizzjoni jkunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑176/20, EU:C:2022:274, punti 40 u 42).

    31      F’dan ir-rigward, u għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan il-prinċipju ġiex osservat fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta kemm mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol u tal-Kummissjoni, dan ir-rekwiżit ġie impost sabiex, minn naħa, jiġu miġġielda l-prattiki abbużivi u l-frodi u, min-naħa l-oħra, jiġi żgurat livell ta’ għajxien ġust għall-popolazzjoni li taħdem fl-agrikoltura. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura stess tal-artijiet bil-ħaxix inkwistjoni, jiġifieri żoni ta’ spiss muntanjużi li fuqhom jistgħu jirgħu annimali li jappartjenu għal azjendi differenti u li fuqhom dawn tal-aħħar jistgħu jiċċaqalqu liberament, ikun partikolarment diffiċli li jiġi żgurat mhux biss l-effettività tar-ragħa iżda fuq kollox li jiġi vverifikat liema bdiewa jeżerċitaw effettivament attività agrikola ta’ ragħa fuq dawn l-artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni.

    32      F’dan il-każ, dawn iż-żewġ għanijiet jikkorrispondu għal dawk li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Minn naħa, l-Artikolu 39(1)(b) TFUE jipprovdi li l-iskemi ta’ appoġġ li jaqgħu taħt il-PAK jipprovdu għajnuna diretta għad-dħul, li għandha l-għan li tiżgura livell ta’ għajxien ġust għall-popolazzjoni li taħdem fl-agrikoltura, b’mod partikolari biż-żieda tad-dħul individwali ta’ dawk li jaħdmu fl-agrikoltura.

    33      Min-naħa l-oħra, kif irrilevaw il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet adottata sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jiżguraw il-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, sabiex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi tal-Unjoni kif ukoll sabiex jiżguraw prevenzjoni effikaċi tal-frodi, b’mod partikolari fiż-żoni ta’ riskju ogħla.

    34      Fir-rigward tal-kapaċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tilħaq tali għanijiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li din tidher xierqa sabiex twettaqhom, peress li hija intiża, kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, li tiżgura l-eżerċizzju effettiv ta’ attività agrikola ta’ ragħa fuq dawn l-artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni.

    35      Ir-rekwiżit imsemmi fil-punt 29 ta’ din is-sentenza lanqas ma jidher li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, peress li dan jeżiġi biss li l-attività agrikola ta’ ragħa fuq dawn l-artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni titwettaq permezz tal-annimali tal-azjenda tal-applikant stess, mingħajr madankollu ma jeżiġi li dan tal-aħħar ikollu dritt ta’ proprjetà fuq dawn l-annimali.

    36      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 4 u l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi evitat li jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ għajnuna fil-kuntest tal-konċessjoni ta’ artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni lil bdiewa li ma jużawhomx, teżiġi li l-attività ta’ ragħa fuq dawn l-artijiet tiġi eżerċitata permezz ta’ annimali li jappartjenu għall-azjenda tal-bidwi stess li japplika għall-għajnuna.

     Fuq ittieni domanda

    37      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi evitat li jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ għajnuna fil-kuntest tal-konċessjoni ta’ artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni lil bdiewa li ma jużawhomx, teżiġi li l-attività ta’ ragħa fuq dawn l-artijiet tiġi eżerċitata permezz ta’ annimali li jappartjenu għall-azjenda tal-bidwi stess li japplika għall-għajnuna.

    38      Skont l-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari, ma għandu jingħata l-ebda wieħed mill-vantaġġi previsti mil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali favur persuni fiżiċi jew ġuridiċi li fir-rigward tagħhom ikun ġie stabbilit li dawn ħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ dawn il-vantaġġi, li jmur kontra l-għanijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni.

    39      Fid-dawl ta’ dawn it-termini, l-Artikolu 60 tal-imsemmi regolament jikkostitwixxi, essenzjalment, repetizzjoni ta’ dispożizzjonijiet preċedenti, li jikkodifikaw ġurisprudenza eżistenti li tipprovdi li l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 68, kif ukoll tad‑9 ta’ Frar 2023, Druvnieks, C‑668/21, EU:C:2023:82, punt 31).

    40      Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tar-regolamenti tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri prattiki abbużivi ta’ operaturi ekonomiċi (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prova ta’ prattika abbużiva min-naħa tal-benefiċjarju potenzjali ta’ tali għajnuna teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni rilevanti, l-għan li għandu jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni ma ġiex milħuq u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ elementi, li l-prova tagħhom għandha titressaq b’mod konformi mar-regoli tad-dritt nazzjonali, sakemm ma jkunx hemm preġudizzju fil-konfront tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43      Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi, b’mod ġenerali u mingħajr ebda evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti, preżunzjoni ta’ ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet għall-aċċess għall-għajnuna fil-każ fejn l-attività agrikola ta’ ragħa fuq artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni tiġi eżerċitata b’annimali li ma jappartjenux għall-azjenda tal-applikant għall-għajnuna stess tkun kuntrarja għall-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013.

    44      Issa, f’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistabbilixxix preżunzjoni ta’ ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet għall-aċċess għall-għajnuna msemmija f’dan l-Artikolu 60.

    45      Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tad-Digriet Irjali 1075/2014, kif emendat bid-Digriet Irjali 41/2021, jipprevedi, essenzjalment, li fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna l-applikant għandu jiddikjara l-użu li għalih huwa maħsub il-kompartament magħluq jew ir-roqgħa ddikjarata jiġifieri, b’mod iktar preċiż, fil-każ ta’ artijiet bil-ħaxix jew użu ta’ ragħa. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) ta’ dan id-digriet irjali jipprevedi, essenzjalment, li, fil-każ ta’ artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni, hija awtorizzata biss, bħala prinċipju, l-attività ta’ produzzjoni bbażata fuq ir-ragħa permezz ta’ annimali tal-azjenda tal-applikant stess. L-istess Artikolu 11, fil-paragrafu 3 tiegħu, iħalli f’idejn l-awtorità amministrattiva kompetenti l-kompitu li tevalwa, f’ċirkustanzi konkreti, jekk dikjarazzjoni hijiex falza, ineżatta jew magħmula b’negliġenza, u jekk din l-assenza ta’ konkordanza kellhiex effett fuq l-osservanza tar-rekwiżiti relatati mal-attività agrikola fuq is-superfiċji kkonċernati b’tali mod li hija tista’ tikkunsidra li dan huwa każ ta’ ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet għall-aċċess għall-għajnuna.

    46      Kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 58(1) ta’ dan ir-regolament, li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw, fil-kuntest tal-PAK, il-miżuri leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, sabiex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi kif ukoll sabiex jiżguraw prevenzjoni effikaċi tal-frodi, b’mod partikolari fiż-żoni ta’ riskju ogħla.

    47      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi evitat li jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ għajnuna fil-kuntest tal-konċessjoni ta’ artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni lil bdiewa li ma jużawhomx, teżiġi li l-attività ta’ ragħa fuq dawn l-artijiet tiġi eżerċitata permezz ta’ annimali li jappartjenu għall-azjenda tal-bidwi stess li japplika għall-għajnuna.

     Fuq ittielet domanda

    48      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi li l-attività ta’ ragħa fuq art bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni tista’ tiġi kklassifikata bħala attività ta’ żamma ta’ dawn is-superfiċji fi stat li jirrendihom adatti għar-ragħa.

    49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi fir-rigward tal-punt (ii) ta’ din id-dispożizzjoni li tipprevedi, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “attività agrikola” jkopri ż-żamma ta’ superfiċji agrikola fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa mingħajr azzjoni preparatorja li tmur lil hinn minn prattiki agrikoli tas-soltu abbażi ta’ kriterji li għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri abbażi ta’ qafas stabbilit mill-Kummissjoni.

    50      Il-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 4(2)(a) ta’ dan ir-regolament li jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti mill-bdiewa sabiex josservaw l-obbligu ta’ żamma ta’ superfiċji agrikola fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni.

    51      Peress li l-attività ta’ żamma ma hija ddefinita la f’dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jistabbilixxu l-kriterji dwar iż-żamma ta’ superfiċji agrikola fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa.

    52      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan il-marġni ta’ evalwazzjoni jinkludix il-possibbiltà, għal Stat Membru, li jeskludi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, l-attività ta’ ragħa ta’ superfiċji agrikoli bħala attività ta’ żamma ta’ dawn is-superfiċji fi stat li jirrendihom adatti għar-ragħa, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 4(3)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprovdi li, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ddelegati sabiex tistabbilixxi l-qafas li fih l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti mill-bdiewa sabiex josservaw l-obbligu ta’ żamma ta’ superfiċji agrikola fi stat adatt għar-ragħa.

    53      Issa, ir-Regolament Delegat Nru 639/2014, adottat għal dan l-għan, filwaqt li jiddikjara fil-premessa 4 tiegħu li l-Istati Membri, meta jadottaw miżuri ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom filwaqt li josservaw b’mod partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, sempliċement jipprevedi, fl-Artikolu 4(1) tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti mill-bdiewa sabiex josservaw l-obbligu ta’ żamma ta’ superfiċji agrikola fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, mingħajr azzjoni preparatorja li tmur lil hinn mill-prattiki agrikoli tas-soltu jew mill-użu ta’ magni agrikoli tas-soltu, skont waħda mill-modalitajiet li ġejjin, jew it-tnejn, jiġifieri, essenzjalment, billi teżiġi li l-bidwi jeżerċita mill-inqas attività annwali waħda u/jew billi tiddetermina l-karatteristiċi li għandu jkollha superfiċji agrikola sabiex jitqies li tinżamm fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li, meta jiddefinixxu dawn il-kriterji, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ superfiċji agrikoli.

    54      Minn dan isegwi li, għalkemm l-attività ta’ żamma għandha, bħala prinċipju, tiġi eżerċitata mill-bidwi fuq superfiċji agrikola partikolari mill-inqas darba fis-sena, l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 ma jipprojbixxix lil Stat Membru milli jeskludi li l-attività ta’ ragħa fuq art bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni tista’ tiġi kklassifikata bħala attività ta’ żamma ta’ dawn is-superfiċji fi stat li jirrendihom adattati għar-ragħa.

    55      Din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-għan imfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi jiġu miġġielda l-irregolaritajiet u l-frodi. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura stess tal-artijiet bil-ħaxix inkwistjoni, imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jiġifieri żoni ta’ spiss muntanjużi li fuqhom jistgħu jirgħu annimali ta’ azjendi differenti u li fuqhom dawn tal-aħħar jistgħu jiċċaqalqu liberament, ikun partikolarment diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi vverifikat fuq l-istess art bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni liema bdiewa jeżerċitaw effettivament attività ta’ ragħa ta’ produzzjoni u dawk li jeżerċitaw attività ta’ żamma ta’ dawn is-superfiċji fi stat li jirrendihom adatti għar-ragħa, peress li dawn iż-żewġ attivitajiet huma essenzjalment identiċi.

    56      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, il-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi li l-attività ta’ ragħa fuq art bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni tista’ tiġi kklassifikata bħala attività ta’ żamma ta’ dawn is-superfiċji fi stat li jirrendihom adatti għar-ragħa.

     Fuq irraba’ u lħames domanda

    57      Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha persuna li hija l-unika proprjetarja ta’ dritt ta’ ragħa mhux esklużiv fuq artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni u li tittrasferixxi dan id-dritt lil terz li huwa persuna li trabbi sabiex dan tal-aħħar jeżerċita l-attività ta’ ragħa permezz tal-annimali tiegħu stess, ma tkunx teżerċita attività agrikola fis-sens tal-punt (i) tal-Artikolu 4(1)(c) ta’ dan ir-regolament u ma tkunx tista’ titqies li tamministra dawn l-artijiet għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività ta’ żamma ta’ din is-superfiċji fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa, fis-sens tal-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(c) tal-imsemmi regolament.

    58      Fl-ewwel lok, skont il-punt (i) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013, il-kunċett ta’ “attività agrikola” jkopri l-produzzjoni, it-trobbija jew il-kultivazzjoni ta’ prodotti agrikoli, inkluż il-produzzjoni tal-ħalib, it-trobbija u ż-żamma ta’ annimali għal finijiet agrikoli.

    59      Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni ma teskludix espressament mill-kunċett ta’ “attività agrikola” it-trasferiment ta’ dritt ta’ ragħa mhux esklużiv fuq artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni lil terz li huwa persuna li trabbi sabiex dan tal-aħħar jeżerċita l-attività ta’ ragħa permezz tal-annimali tiegħu stess.

    60      Madankollu, u kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, sabiex ikun eliġibbli għall-iskema ta’ pagament dirett prevista fl-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1307/2013, il-bidwi għandu jeżerċita fuq is-superfiċji agrikola li huwa jiddikjara insostenn tal-applikazzjoni tiegħu ċerta setgħa ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-użu tas-superfiċji kkonċernata għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu, li jimplika li huwa għandu jkollu setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti kif ukoll awtonomija suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu.

    61      Għaldaqstant, it-trasferiment lil terz li huwa persuna li trabbi ta’ dritt għar-ragħa mhux esklużiv fuq artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika u għal użu komuni, mingħajr ebda żamma ta’ setgħa ta’ deċiżjoni tal-bidwi li japplika għall-għajnuna fuq l-attività eżerċitata fuq dawn l-artijiet mill-annimali ta’ terz li huwa persuna li trabbi, ma jistax jitqies bħala “attività agrikola”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(c) ta’ dan ir-regolament.

    62      Fit-tieni lok, mill-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013 jirriżulta li l-kunċett ta’ “attività agrikola” jkopri l-attività ta’ żamma ta’ superfiċji agrikola fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa abbażi ta’ kriterji li għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri abbażi ta’ qafas stabbilit mill-Kummissjoni.

    63      Madankollu, din id-dispożizzjoni ma teskludix espressament mill-kunċett ta’ “attività agrikola” it-trasferiment ta’ dritt għar-ragħa mhux esklużiv fuq artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni lil terz li huwa persuna li trabbi sabiex dan tal-aħħar jeżerċita l-attività ta’ ragħa permezz tal-annimali tiegħu stess.

    64      Madankollu, u kif tfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, din l-attività għandha tiġi eżerċitata fil-kuntest ta’ azjenda, li jimplika li l-bidwi konċedent għandu jkollu setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti fuq l-annimali għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu.

    65      Issa, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju ma jirriżultax li t-trasferiment ta’ dritt ta’ ragħa mhux esklużiv fuq dawn l-artijiet bil-ħaxix huwa akkumpanjat minn dispożizzjonijiet li jżommu setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti tal-bidwi konċedent fuq l-attività ta’ ragħa u fuq l-annimali tat-terz li huwa persuna li trabbi li tippermetti li jiġi evalwat jekk dan il-bidwi jeżerċitax attività ta’ żamma ta’ superfiċji agrikola fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa.

    66      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ u għall-ħames domanda hija li l-Artikolu 4(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha persuna li hija l-unika proprjetarja ta’ dritt ta’ ragħa mhux esklużiv fuq artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni u li tittrasferixxi dan id-dritt lil terz li huwa persuna li trabbi sabiex dan tal-aħħar jeżerċita l-attività ta’ ragħa permezz tal-annimali tiegħu stess, ma tkunx teżerċita attività agrikola fis-sens tal-punt (i) tal-Artikolu 4(1)(c) ta’ dan ir-regolament u ma tkunx tista’ titqies li tamministra dawn l-artijiet għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività ta’ żamma ta’ din is-superfiċji fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa fis-sens tal-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(c) tal-imsemmi regolament.

     Fuq lispejjeż

    67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 4 u l-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi evitat li jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ għajnuna fil-kuntest tal-konċessjoni ta’ artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni lil bdiewa li ma jużawhomx, teżiġi li l-attività ta’ ragħa fuq dawn l-artijiet tiġi eżerċitata permezz ta’ annimali li jappartjenu għall-azjenda tal-bidwi stess li japplika għall-għajnuna.

    2)      L-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi evitat li jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ għajnuna fil-kuntest tal-konċessjoni ta’ artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni lil bdiewa li ma jużawhomx, teżiġi li l-attività ta’ ragħa fuq dawn l-artijiet tiġi eżerċitata permezz ta’ annimali li jappartjenu għall-azjenda tal-bidwi stess li japplika għall-għajnuna.

    3)      Il-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi li l-attività ta’ ragħa fuq art bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni tista’ tiġi kklassifikata bħala attività ta’ żamma ta’ dawn is-superfiċji fi stat li jirrendihom adatti għar-ragħa.

    4)      L-Artikolu 4(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 1307/2013

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha persuna li hija l-unika proprjetarja ta’ dritt ta’ ragħa mhux esklużiv fuq artijiet bil-ħaxix permanenti ta’ proprjetà pubblika għal użu komuni u li tittrasferixxi dan id-dritt lil terz li huwa persuna li trabbi sabiex dan tal-aħħar jeżerċita l-attività ta’ ragħa permezz tal-annimali tiegħu stess, ma tkunx teżerċita attività agrikola fis-sens tal-punt (i) tal-Artikolu 4(1)(c) ta’ dan ir-regolament u ma tkunx tista’ titqies li tamministra dawn l-artijiet għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività ta’ żamma ta’ din is-superfiċji fi stat li jirrendiha adatta għar-ragħa fis-sens tal-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(c) tal-imsemmi regolament.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top