Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0706

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Mejju 2024.
Konzernbetriebsrat der O SE & Co. KG vs Vorstand der O Holding SE.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kumpannija Ewropea – Regolament (KE) Nru 2157/2001 – Artikolu 12(2) – Involviment tal-ħaddiema – Reġistrazzjoni tal-kumpannija Ewropea – Kundizzjonijiet – Implimentazzjoni minn qabel tal-proċedura ta’ negozjati fuq l-involviment tal-ħaddiema msemmija fid-Direttiva 2001/86/KE – Kumpannija Ewropea kkostitwita u rreġistrata mingħajr ħaddiema li saret il-kumpannija omm ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema – Obbligu li tinfetaħ a posteriori l-proċedura ta’ negozjati – Assenza – Artikolu 11 – Użu abbużiv ta’ kumpannija Ewropea – Ċaħda tad-drittijiet ta’ involviment tal-ħaddiema – Projbizzjoni.
Kawża C-706/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:402

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Mejju 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kumpannija Ewropea – Regolament (KE) Nru 2157/2001 – Artikolu 12(2) – Involviment tal-ħaddiema – Reġistrazzjoni tal-kumpannija Ewropea – Kundizzjonijiet – Implimentazzjoni minn qabel tal-proċedura ta’ negozjati fuq l-involviment tal-ħaddiema msemmija fid-Direttiva 2001/86/KE – Kumpannija Ewropea kkostitwita u rreġistrata mingħajr ħaddiema li saret il-kumpannija omm ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema – Obbligu li tinfetaħ a posteriori l-proċedura ta’ negozjati – Assenza – Artikolu 11 – Użu abbużiv ta’ kumpannija Ewropea – Ċaħda tad-drittijiet ta’ involviment tal-ħaddiema – Projbizzjoni”

Fil-Kawża C‑706/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura

Konzernbetriebsrat der O SE & Co. KG

vs

Vorstand der O Holding SE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, F. Biltgen (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Konzernbetriebsrat der O SE & Co. KG, minn T. Lemke, Rechtsanwalt,

għal Vorstand der O Holding SE, minn C. Crisolli, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, R. Kanitz u N. Scheffel, bħala aġenti,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn T. Schell, bħala aġent, assistit minn S. Sunnen u V. Verdanet, avukati,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn G. Braun, B.-R. Killmann u L. Malferrari, sussegwentement minn B.-R. Killmann u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat‑8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251.), moqri flimkien mal-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat‑8 ta’ Ottubru 2001, li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 272.).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Konzernbetriebsrat der O SE & Co. KG (kumitat tal-impriża tal-kumpannija O SE & Co. KG, iktar ’il quddiem il-“kumitat tal-impriża tal-grupp O KG”) u l-Vorstand der O Holding SE (il-bord tad-diretturi ta’ O Holding SE), dwar talba għall-ħolqien ta’ korp speċjali ta’ negozjati għall-finijiet tal-ftuħ a posteriori tal-proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 2157/2001

3

Il-premessi 1, 2, 19 u 21 tar-Regolament Nru 2157/2001 huma fformulati kif ġej:

“(1)

It-tlestija tas-suq intern u t-titjib li dan iġib fis-sitwazzjoni fil-qagħda ekonomika u soċjali ġewwa l-Komunità [Ewropea] tfisser mhux biss li l-ostakoli għall-kummerċ għandhom jitneħħew, imma wkoll li l-istrutturi ta’ produzzjoni għandhom ikunu adattati għad-dimensjoni tal-Komunità. Għal dak il-għan jeħtieġ li kumpanniji li n-negozju tagħhom mhux limitat biex jissodisfa bżonnijiet purament lokali għandhom ikunu jistgħu jippjanaw u jwettqu r-riorganizzazzjoni tan-negozji tagħhom fuq skala Komunitarja.

(2)

Din ir-riorganizzazzjoni tippresupponi li kumpanniji eżistenti minn Stati Membri differenti jingħataw l-għażla li jgħaqqdu l-potenzjal tagħhom permezz ta’ għaqdiet. Dawn l-operazzjonijiet jistgħu jitwettqu biss b’ħarsien tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżla fit-Trattat.

[…]

(19)

Ir-regoli fuq l-involviment ta’ impjegati fil-[kumpannija b’responsabbiltà limitata Ewropea (iktar ’il quddiem is-“SE”)] huma mniżżla fid-Direttiva [2001/86], u dawk id-dispożizzjonijiet għalhekk jifformaw kumplament li ma jistax ikun separat għal dan ir-Regolament u għandu jkun applikat b’mod konkomittanti.

[…]

(21)

Id-Direttiva [2001/86] hija maħsuba li tiżgura li l-impjegati ikollhom dritt ta’ involviment fil-kwistjonijiet u d-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja tas-SE tagħhom. Kwistjonijiet oħra ta’ leġislazzjoni soċjali u tax-xogħol, partikolarment id-dritt ta’ impjegati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni kif regolati fl-Istati Membri, huma ggvernati bid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, taħt l-istess kondizzjonijiet, lill-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata.”

4

L-Artikolu 1(1) u (4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Kumpannija tista’ titwaqqaf ġewwa t-territorju tal-Komunità fil-forma ta’ [SE] bil-kondizzjonijiet u bil-mod provdut f’dan ir-Regolament.

[…]

4.   L-involviment ta’ impjegat f’SE għandu jkun iggvernat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2001/86].”

5

L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Kumpanniji pubbliċi u privati b’responsabbiltà limitata kif imsemmija fl-Anness II, iffurmati taħt l-liġi ta’ Stat Membru, b’uffiċċji reġistrati u uffiċċji ewlenin ġewwa l-Komunità jistgħu jippromwovu l-formazzjoni ta’ SE holding iżda kull waħda ta’ mill-anqas tnejn minnhom:

(a)

hija regolata bil-liġi ta’ Stat Membru differenti, jew […]”.

6

Skont l-Artikolu 8(1) tal-istess regolament:

“L-uffiċċju reġistrat ta’ SE jista’ jiġi trasferit fi Stat Membru ieħor skond il-paragrafi 2 sa 13. Dan it-trasferiment m’għandux jirriżulta fl-istralċ tas-SE jew fil-ħolqien ta’ persuna legali ġdida.”.

7

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2157/2001 jipprovdi:

“Bla ħsara għal dan ir-Regolament, is-SE għandha tkun ittrattata f’kull Stat Membru daqs li kieku kienet kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata ffurmata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha.”.

8

L-Artikolu 12(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Kull SE għandha tkun reġistrata fl-Istat Membru fejn għandha l-uffiċċju reġistrat f’reġistru imwaqqaf mill-liġi ta’ dak l-Istat Membru […]

2.   SE ma tistax tkun reġistrata jekk kemm-il darba ma jkunx konkluż ftehim u arranġamenti għall-involviment ta’ l-impjegat bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva [2001/86], jew tkun ittieħdet deċiżjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(6) [ta’ din i]d-Direttiva, jew il-perijodu ta’ negozjati bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva ikun spiċċa mingħajr ma jkun ġie konkluż ftehim.

Id-Direttiva 2001/86

9

Il-premessi 3, 6 sa 8, u 18 tad-Direttiva 2001/86 huma fformulati kif ġej:

“(3)

Sabiex jitmexxew ’il quddiem l-għanijiet soċjali tal-Komunità, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali, notabbilment fil-qasam ta’ l-involviment tal-ħaddiema, immirati sabiex jiżguraw illi l-istabbiliment ta’ SE ma jġibx miegħu l-għibien jew it-tnaqqis tal-prattiki ta’ l-involviment tal-ħaddiema li jeżistu fil-kumpaniji parteċipanti fl-istabbiliment ta’ SE. Dan il-għan għandu jiġi segwit billi jiġi stabbilit sett ta’ regoli f’dan il-qasam, illi jissupplimenta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 2157/2001].

[…]

(6)

Għandhom […] jiġu żgurati l-proċeduri dwar it-tagħrif u l-konsultazzjoni fuq il-livell transnazzjonali fil-każijiet kollha tal-ħolqien ta’ SE.

(7)

Jekk u meta jeżistu d-drittijiet tal-parteċipazzjoni f’kumpanija jew aktar li jistabbilixxu SE, dawn għandhom jiġu ppriservati permezz tat-trasferiment tagħhom fis-SE, meta din tiġi stabbilita, għajr jekk il-partijiet jiftiehmu xorta oħra.

(8)

Il-proċeduri konkreti dwar it-tagħrif u l-konsultazzjoni transnazzjonali tal-ħaddiema, kif ukoll, jekk tapplika, il-parteċipazzjoni, għalbiex japplikaw għal kull SE għandhom jiġu definiti primarjament permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet interessati jew, fl-assenza tagħhom, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ sett ta’ regoli sussidjarji.

[…]

(18)

Huwa prinċipju fundamentali u l-għan iddikjarat ta’ din id-Direttiva illi tiżgura d-drittijiet miksuba tal-ħaddiema rigward l-involviment fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija. Id-drittijiet tal-ħaddiema fis-seħħ qabel l-istabbiliment ta’ SE għandhom jipprovdu l-bażi għad-drittijiet ta’ l-involviment tal-ħaddiema fis-SE (il-prinċipju ta’ ‘qabel u wara’). B’konsegwenza ta’ dan, dan l-avviċinament għandu japplika mhux biss waqt l-istabbiliment inizjali ta’ SE iżda ukoll għall-bidliet strutturali f’SE eżistenti u għall-kumpaniji affettwati mill-proċessi tal-bidliet strutturali”.

10

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tirregola l-involviment tal-ħaddiema fl-affarijiet [tas-SE], kif riferit fir-Regolament (KE) Nru 2157/2001.

2.   Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti sabiex jiġu involuti l-ħaddiema f’kull SE skond il-proċedura tan-negozjati riferita fl-Artikoli 3 sa 6 jew, skond iċ-ċirkostanzi speċifikati fl-Artikolu 7, bi qbil ma’ l-Anness”.

11

L-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafi (b), (ċ) u (g):

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)

‘kumpaniji parteċipanti’ tfisser il-kumpaniji li jipparteċipaw direttament fl-istabbiliment ta’ SE;

(ċ)

‘sussidjarja’ ta’ kumpanija tfisser intrapriża li fuqha din il-kumpanija teżerċita influwenza dominanti […]; […]

[…]

(g)

‘korp speċjali tan-negozjati’ jfisser korp stabbilit skond l-Artikolu 3 sabiex jinnegozja mal-korp kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti rigward li jiġu stabbiliti l-arranġamenti sabiex jinvolvu l-ħaddiema fis-SE; […]”.

12

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-ħolqien tal-korp speċjali tan-negozjati”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 u 6 tiegħu:

“1.   Fejn l-organi maniġerjali jew amministrattivi tal-kumpaniji parteċipanti jagħmlu pjan sabiex jistabbilixxu SE, huma għandhom mill-aktar fis possibbli wara li jippubblikaw it-termini ta’ l-abbozz ta’ l-inkorporazzjoni jew tal-ħolqien ta’ kumpanija prinċipali jew wara illi jiftiehmu fuq pjan li jiffurmaw sussidjarja jew li jittrasformaw f’SE, jieħdu l-passi meħtieġa, inkluż illi jipprovdu t-tagħrif dwar l-identità tal-kumpaniji parteċipanti, is-sussidjarji u l-istabbilimenti interessati, u n-numru tal-ħaddiema tagħhom, għalbiex jibdew in-negozjati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kumpaniji dwar l-arranġamenti għall-involviment tal-ħaddiema fis-SE.

2.   Għal dan il-għan, għandu jinħoloq korp speċali tan-negozjati illi jirrappreżenta lill-ħaddiema tal-kumpaniji parteċipanti u tas-sussidjarji jew l-istabbilimenti interessati skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin: […]

[…]

3.   Il-korp speċjali tan-negozjati u l-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti għandhom jistabbilixxu, permezz ta’ ftehim bil-miktub, l-arranġamenti sabiex jiġu involuti l-ħaddiema ġewwa s-SE.

Għal dan il-għan, l-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti għandhom jgħarrfu lill-korp speċjali tan-negozjati bil-pjan u l-proċess attwali li jistabbilixxu s-SE, sar-reġistrazzjoni tagħha.

[…]

6.   Il-korp speċjali tan-negozjati jista’ jiddeċiedi bil-maġġoranza stabbilita [il-paragrafu 4] illi ma jibdiex in-negozjati jew li jittermina n-negozjati diġà mibdija, u jserraħ fuq ir-regoli tat-tagħrif u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fis-seħħ fl-Istati Membri fejn is-SE għandha l-ħaddiema. Din id-deċżjoni għandha twaqqaf il-proċedura sabiex jiġi konkluż il-ftehim riferit fl-Artikolu 4. Fejn tkun ġiet meħuda deċiżjoni bħal din, ma għandha tapplika l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness.

[…]

Il-korp speċjali tan-negozjati għandu jiġi mlaqqa’ mill-ġdid fuq it-talba bil-miktub ta’ mill-inqas 10 % tal-ħaddiema tas-SE, tas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha, jew tar-rappreżentanti tagħhom, l-aktar kmieni sentejn wara d-deċiżjoni msemmija hawn fuq, għajr jekk il-partijiet jiftiehmu illi n-negozjati għandhom jinfetħu qabel. […]”.

13

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/86, intitolat “Il-kontenut tal-ftehim”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2(h) tiegħu, fost l-elementi differenti li l-ftehim dwar l-arranġamenti għall-involviment tal-ħaddiema fi ħdan is-SE, konkluż bejn l-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti u l-korp speċjali tan-negozjati, għandu jinkludi, l-iffissar tad-“data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim u t-tul taż-żmiem tiegħu, il-każijiet fejn il-ftehim għandu jerġa’ jiġi nnegozjat u l-proċedura sabiex jerġa’ jiġi nnegozjat”.

14

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leġiżlazzjoni applikabbli għall-proċedura ta’ negozjati”, huwa fformulat kif ġej:

“Għajr fejn ipprovdut xorta oħra f’din id-Direttiva, il-leġislazzjoni li tapplika għall-proċedura tan-negozjati pprovduta fl-Artikoli 3 sa 5 għandha tkun il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn irid jiġi lokat l-uffiċċju rreġistrat tas-SE.”.

15

L-Artikolu 7 tad-direttiva msemmija, intitolat “Ir-regoli standard”, jippreċiża fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. Sabiex jinkiseb il-għan deskritt fl-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom […] jistabbilixxu r-regoli standard dwar l-involviment tal-ħaddiema illi jridu jissodisfaw id-dispożizzjonijiet iddikjarati fl-Anness.

Ir-regoli standard kif stabbiliti bil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih irid ikun lokat l-uffiċċju rreġistrat tas-SE għandhom japplikaw mid-data tar-reġistrazzjoni tas-SE fejn jew:

(a)

hekk jiftiehmu l-partijiet; jew

(b)

[meta] ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim, u:

l-organu kompetenti ta’ kull waħda mill-kumpaniji parteċipanti jiddeċiedi illi jaċċetta li japplika r-regoli standard fejn għandha x’taqsam is-SE u jissokta bir-reġistrazzjoni tas-SE, u

il-korp speċjali tan-negozjati ma ħax id-deċiżjoni stabbilita fl-Artikolu 3(6).”.

16

Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/86, intitolat “L-użu ħażin tal-proċeduri”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa skond il-liġijiet Komunitarji bil-ħsieb li jipprevienu l-użu ħażin ta’ SE bl-għan li jċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet dwar l-involviment tal-ħaddiema jew iż-żamma ta’ dawn id-drittijiet.”.

17

L-Artikolu 12 tad-direttiva msemmija, intitolat “Il-konformità ma’ din id-Direttiva”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-miżuri meħtieġa fil-każ illi ma jħarsux id-Direttiva; b’mod partikolari għandhom jiżguraw illi l-proċeduri amministrattivi jew legali jkunu disponibbli sabiex jiġu infurzati l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva.”.

18

Il-parti 1 tal-Anness tad-direttiva msemmija, li tinkludi dispożizzjonijiet ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 7 tal-istess direttiva, tirregola l-kompożizzjoni tal-korp ta’ rappreżentazzjoni tal-ħaddiema. Fl-ewwel paragrafu tal-punt (g) tagħha, din tipprovdi li “Erba’ snin wara li jiġi stabbilit il-korp rappreżentattiv, dan għandu jeżamina jekk għandux jibda n-negozjati għall-konklużjoni tal-ftehim riferit fl-Artikoli 4 u 7 jew jekk għandux jissokta japplika r-regoli standard adottati skond dan l-Anness”.

Id-dritt Ġermaniż

19

Id-Direttiva 2001/86 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż bil-Gesetz über die Beteiligung der Arbeitnehmer in einer Europäischen Gesellschaft (il-Liġi dwar l-Involviment ta’ Ħaddiema f’Kumpannija Ewropea), tat-22 ta’ Diċembru 2004 (BGBl. I, p. 3675, 3686, iktar ’il quddiem is-“SEBG”).

20

L-Artikolu 18 ta’ din il-liġi, intitolat “Tkomplija tan-negozjati”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Jekk ikunu previsti bidliet strutturali tas-SE, li jistgħu jnaqqsu d-drittijiet ta’ involviment tal-ħaddiema, in-negozjati dwar id-drittijiet ta’ involviment tal-ħaddiema tas-SE għandhom iseħħu fuq l-inizjattiva tat-tmexxija jew tal-kumitat tal-impriża tas-SE. Minflok il-korp speċjali ta’ negozjati li għandu jitwaqqaf mill-ġdid, in-negozjati mat-tmexxija tas-SE jistgħu jitmexxew bi qbil komuni bejn il-kumitat tal-impriża tas-SE flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema kkonċernati mill-bidla strutturali prevista, li sa dak iż-żmien ma kinux irrappreżentati mill-kumitat tal-impriża tas-SE. Jekk ma jintlaħaq ebda ftehim f’dawn in-negozjati, għandhom japplikaw l-Artikoli 22 sa 33 dwar il-kumitat tal-impriża tas-SE permezz tal-liġi u l-Artikoli 34 sa 38 dwar it-tmexxija konġunta permezz tal-liġi.”

21

L-Artikolu 43 tas-SEBG jipprovdi:

“SE ma għandhiex tintuża abużivament bl-iskop li tirtira jew iċċaħħad lill-ħaddiema mid-drittijiet ta’ involviment. Ikun hemm preżunzjoni ta’ abbuż jekk, mingħajr l-implimentazzjoni ta’ proċedura skont l-Artikolu 18(3), bidliet strutturali li jkollhom l-effett li jirtiraw jew iċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet ta’ involviment iseħħu fis-sena ta’ wara l-istabbiliment tas-SE.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Fit-28 ta’ Marzu 2013, O Holding SE, ikkostitwita, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2157/2001, mill-kumpanniji O Ltd u O GmbH, żewġ kumpanniji mingħajr ħaddiema, li ma għandhomx kumpanniji sussidjarji, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/86, li jimpjegaw ħaddiema u li huma stabbiliti rispettivament fir-Renju Unit u fil-Ġermanja, ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji għall-Ingilterra u għal Wales. Konsegwentement, ebda negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema, previsti fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86, ma seħħew qabel din ir-reġistrazzjoni.

23

L-għada, jiġifieri fid-29 ta’ Marzu 2013, O Holding SE saret l-uniku azzjonist ta’ O Holding GmbH, kumpannija li kellha s-sede tagħha f’Hamburg (il-Ġermanja) u li kellha bord ta’ sorveljanza kompost, għal terz, minn rappreżentanti tal-ħaddiema. Fl-14 ta’ Ġunju 2013, O Holding SE ddeċidiet li tittrasforma din il-kumpannija f’soċjetà in akkomandita sempliċi, imsejħa O KG. Il-bidla fil-forma ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji fit-2 ta’ Settembru 2013. Wara din it-trasformazzjoni, it-tmexxija konġunta tal-ħaddiema fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza ma kinitx iktar applikabbli.

24

Għalkemm O KG timpjega madwar 816 ħaddiem u għandha sussidjarji f’diversi Stati Membri li jimpjegaw total ta’ madwar 2 200 ħaddiem, is-soċji tagħha, jiġifieri O Holding SE, assoċjata in akkomandita, u O Management SE, assoċjata li tirrispondi personalment, irreġistrata f’Hamburg, li l-azzjonist uniku tagħha hija O Holding SE, ma jimpjegaw ebda ħaddiem.

25

O Holding SE ttrasferixxiet is-sede tagħha f’Hamburg b’effett mill-4 ta’ Ottubru 2017.

26

Il-kumitat tal-impriża tal-grupp O KG, li qies li t-tmexxija ta’ O Holding SE kellha timplimenta a posteriori l-proċedura għall-finijiet tal-ħolqien ta’ korp speċjali ta’ negozjati, billi din tal-aħħar kellha sussidjarji, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/86, li jimpjegaw ħaddiema f’diversi Stati Membri, introduċa proċedura kontenzjuża fil-qasam tad-dritt industrijali.

27

Wara ċ-ċaħda tat-talba tal-kumitat tal-impriża tal-grupp O KG mill-Arbeitsgericht Hamburg (il-Qorti Industrijali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), ikkonfermata mil-Landesarbeitsgericht Hamburg (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, ġiet adita b’din it-talba.

28

Sabiex issolvi din it-tilwima, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 6 tagħha.

29

Hija tirrileva li, ċertament, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux espressament li l-proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema għandha, jekk ma tkunx tmexxiet minn qabel, tiġi implimentata a posteriori. Hija tqis, madankollu, li dan ir-regolament u din id-direttiva jitilqu mill-prinċipju, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 1 u 2 tal-imsemmi regolament, li l-kumpanniji parteċipanti fl-istabbiliment ta’ SE jew is-sussidjarji tagħhom jeżerċitaw attività ekonomika li tinvolvi l-impjieg ta’ ħaddiema, b’tali mod li, sa mill-istabbiliment u qabel ir-reġistrazzjoni tas-SE, huwa possibbli li tinbeda tali proċedura ta’ negozjati

30

Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, fil-każ tar-reġistrazzjoni ta’ SE li fir-rigward tagħha ebda waħda mill-kumpanniji parteċipanti jew mis-sussidjarji tagħhom ma timpjega ħaddiema, l-għan imfittex mill-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86 jistax jeżiġi l-implimentazzjoni a posteriori tal-proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema meta s-SE ssir impriża li teżerċita l-kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema f’diversi Stati Membri.

31

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li tali obbligu jista’ jiġi impost tal-inqas fir-rigward tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/86 jekk, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, teżisti rabta ratione temporis mill-qrib bejn ir-reġistrazzjoni tas-SE u l-akkwist ta’ sussidjarji, peress li din iċ-ċirkustanza tista’ twassal għall-preżunzjoni li din hija skema abbużiva intiża biex tirtira mingħand jew biex tiċħad lill-ħaddiema d-drittijiet ta’ involviment tagħhom.

32

Fil-każ li kien jeżisti obbligu li tiġi implimentata a posteriori l-proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema, iqumu l-kwistjonijiet dwar jekk din hijiex suġġetta għal limitazzjoni ratione temporis u jekk l-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura hijiex irregolata mid-dritt tal-Istat Membru li fih attwalment is-SE holding għandha s-sede tagħha jew dak tal-Istat Membru li fih hija ġiet irreġistrata għall-ewwel darba, fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, dan l-aħħar Stat irtira mill-Unjoni Ewropea wara d-data tat-trasferiment tas-sede tas-SE holding fil-Ġermanja.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament [Nru 2157/2001], moqri flimkien mal-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva [2001/86], għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kumpannija holding SE (SE holding) tinħoloq minn kumpanniji parteċipanti li ma jimpjegawx ħaddiema u li ma għandhomx sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema (l-hekk imsejħa “SE mingħajr ħaddiema”), u fejn ir-reġistrazzjoni ta’ din il-kumpannija fir-reġistru ta’ Stat Membru tkun saret mingħajr ma tkun twettqet minn qabel proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema fis-SE skont din id-direttiva, din il-proċedura ta’ negozjati għandha titwettaq a posteriori jekk is-SE ssir impriża li teżerċita l-kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea?

2.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

F’sitwazzjoni bħal din, it-twettiq a posteriori tal-proċedura ta’ negozjati jista’ u għandu jsir mingħajr limitazzjoni fiż-żmien?

3.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għat-tieni domanda:

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/86 jipprekludi, għall-finijiet ta’ twettiq a posteriori tal-proċedura ta’ negozjati, l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru li fih is-SE għandha fil-preżent is-sede tagħha meta s-“SE mingħajr ħaddiema” tkun ġiet irreġistrata fir-reġistru ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ma tali proċedura tkun twettqet minn qabel u fejn tkun saret, jerġa’ qabel it-trasferiment tas-sede tagħha, impriża li teżerċita kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea?

4.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għat-tielet domanda:

Dan jgħodd ukoll meta l-Istat li fih din is-‘SE mingħajr ħaddiema’ tkun ġiet irreġistrata għall-ewwel darba jkun ħareġ mill-Unjoni Ewropea wara d-data ta’ trasferiment tas-sede ta’ din il-kumpannija u l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat ma jkunx għad fiha dispożizzjonijiet rigward it-twettiq ta’ proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema fis-SE?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001, moqri flimkien mal-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86, għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi, meta SE holding, ikkostitwita minn kumpanniji parteċipanti li ma jimpjegawx ħaddiema u li ma għandhomx sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema, tiġi rreġistrata mingħajr ma jkunu saru negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema minn qabel, il-ftuħ sussegwenti ta’ dawn in-negozjati minħabba li din l-SE kisbet il-kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw lil ħaddiema fi Stat Membru wieħed jew iktar.

35

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha u, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2022, IG Metall u ver.di, C‑677/20, EU:C:2022:800, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001 jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn il-korp speċjali tan-negozjati jkun iddeċieda, konformement mal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2001/86, li ma jiftaħx negozjati jew li jagħlaq in-negozjati diġà mibdija, jew fejn il-perijodu msemmi fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva sabiex jitmexxew in-negozjati jkun skada mingħajr ma jkun ġie konkluż ftehim, “SE ma tistax tkun reġistrata jekk kemm-il darba ma jkunx konkluż ftehim u arranġamenti għall-involviment ta’ l-impjegat bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva [2001/86]”. Minn dan isegwi li l-konklużjoni ta’ tali ftehim, u għalhekk in-negozjati intiżi għal din il-konklużjoni, għandhom iseħħu qabel ir-reġistrazzjoni ta’ SE.

37

Kif juri dan l-Artikolu 12(2), u kif jirriżulta mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2157/2001, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, ir-regoli tad-Direttiva 2001/86 dwar l-involviment tal-ħaddiema jifformaw suppliment indissoċjabbli mir-regolament imsemmi, b’tali mod li għandhom jiġu applikati fl-istess ħin.

38

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, “[f]ejn l-organi maniġerjali jew amministrattivi tal-kumpaniji parteċipanti jagħmlu pjan sabiex jistabbilixxu SE, huma għandhom mill-aktar fis possibbli wara li jippubblikaw […] pjan li jiffurmaw […] SE, jieħdu l-passi meħtieġa, […] għalbiex jibdew in-negozjati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema [ta’ dawn il-]kumpaniji dwar l-arranġamenti għall-involviment tal-ħaddiema fis-SE.”

39

Konformement mal-paragrafu 2 u mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 3, korp speċjali ta’ negozjati għandu jinħoloq “għal dan l-għan”, li għandu jinżamm informat mill-korp kompetenti tal-kumpanniji parteċipanti “bil-pjan u l-proċess attwali li jistabbilixxu s-SE, sar-reġistrazzjoni tagħha”. Il-ħolqien ta’ korp speċjali ta’ negozjati u n-negozjati dwar l-arranġamenti għall-involviment tal-ħaddiema fi ħdan l-SE huma għalhekk marbuta mill-qrib mal-istabbiliment ta’ SE u jseħħu f’dan il-kuntest.

40

Kif ġustament irrilevaw il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet kollha fil-kawża prinċipali u l-persuni kkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minn qari flimkien tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001 u tal-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 2001/86 jirriżulta li l-proċedura ta’ negozjati bejn il-partijiet dwar il-modalitajiet relatati mal-involviment tal-ħaddiema fis-SE sabiex jiġi konkluż ftehim fuq dawn il-modalitajiet għandha, bħala regola ġenerali, isseħħ waqt il-kostituzzjoni u qabel ir-reġistrazzjoni tas-SE. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli għal SE diġà kkostitwita, filwaqt li l-kumpanniji parteċipanti li fformawha ma kinux jimpjegaw, dak iż-żmien, ħaddiema, b’tali mod li l-korpi ta’ tmexxija jew ta’ amministrazzjoni ta’ dawn il-kumpanniji ma setgħux jidħlu f’negozjati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-imsemmija kumpanniji dwar l-involviment tal-ħaddiema fis-SE qabel ir-reġistrazzjoni tagħha.

41

Madankollu, din id-direttiva tipprevedi tliet każijiet fejn din il-proċedura tinfetaħ, jew tista’ tinfetaħ, fi stadju ulterjuri.

42

L-ewwel nett, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2001/86 jirriżulta li l-korp speċjali ta’ negozjati jista’ jiddeċiedi li ma jiftaħx negozjati jew li jagħlaq in-negozjati diġà mibdija, u b’hekk jiftaħ it-triq għar-reġistrazzjoni tas-SE. Il-korp speċjali ta’ negozjati għalhekk jissejjaħ mill-ġdid, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 3(6), mhux qabel sentejn wara d-data ta’ din id-deċiżjoni, sabiex jiddeċiedi jekk għandhomx jinfetħu mill-ġdid in-negozjati mal-korp maniġerjali.

43

It-tieni nett, mill-Artikolu 4(2)(h) ta’ din id-direttiva jista’ jiġi dedott li ftuħ mill-ġdid sussegwenti tan-negozjati huwa wkoll possibbli meta ftehim bejn il-partijiet dwar il-modalitajiet ta’ involviment tal-ħaddiema fis-SE jkun ġie konkluż u jkun fis-seħħ. Fost id-diversi elementi li għandu jinkludi fih tali ftehim, dan il-punt (h) jistabbilixxi, fil-fatt, l-iffissar tal-“każijiet li fihom il-ftehim għandu jiġi nnegozjat mill-ġdid u l-proċedura għan-negozjati mill-ġdid tiegħu”.

44

It-tielet nett, il-parti 1(g) tal-Anness tad-Direttiva 2001/86, li d-dispożizzjonijiet ta’ riferiment tagħha japplikaw, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva, meta l-partijiet jiftiehmu hekk jew fl-assenza ta’ ftehim, tipprevedi li erba’ snin wara l-istituzzjoni tiegħu, il-korp rappreżentattiv tal-ħaddiema, stabbilit konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness, għandu jeżamina jekk għandhomx jinbdew negozjati bl-għan li jiġi konkluż ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet relatati mal-involviment tal-ħaddiema fi ħdan l-SE.

45

Issa, il-każ imsemmi fl-ewwel domanda, jiġifieri dak ta’ SE holding, ikkostitwita minn kumpanniji parteċipanti li ma jimpjegawx ħaddiema u li ma għandhomx sussidjarji li jimpjegaw ħaddiema, irreġistrati mingħajr negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema minn korp speċjali ta’ negozjati maħluq għal dan l-għan, ma jikkorrispondi għal ebda waħda mit-tliet ipoteżijiet imsemmija iktar ’il fuq, li jippreżupponu li tali grupp speċjali ta’ negozjati ġie stabbilit waqt il-kostituzzjoni tas-SE. Għaldaqstant, il-formulazzjoni tad-Direttiva 2001/86 ma timponix, f’tali każ, l-implementazzjoni ulterjuri tal-proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema fi ħdan SE diġà kkostitwita.

46

Fit-tieni lok, jirriżulta, l-ewwel nett, minn naħa, mill-premessa 21 tar-Regolament Nru 2157/2001 li d-Direttiva 2001/86 hija intiża biex tiżgura lill-ħaddiema dritt ta’ involviment fir-rigward tal-kwistjonijiet u tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja tas-SE, u, min-naħa l-oħra, mill-premessa 3 ta’ din id-direttiva, li d-dispożizzjonijiet speċjali adottati għal dan l-għan “għandhom l-għan li jiżguraw li l-istabbiliment ta’ SE ma jwassalx għall-għajbien jew għad-dgħufija tal-iskema ta’ involviment tal-ħaddiema, eżistenti fil-kumpanniji involuti fil-ħolqien ta’ SE”. Il-premessi 6 sa 8 tal-imsemmija direttiva jippreċiżaw, barra minn hekk, li “[g]ħandhom […] jiġu żgurati l-proċeduri dwar it-tagħrif u l-konsultazzjoni fuq il-livell transnazzjonali fil-każijiet kollha tal-ħolqien ta’ SE”, li d-drittijiet miksuba mill-ħaddiema fil-qasam tal-parteċipazzjoni “għandhom jiġu ppriservati permezz tat-trasferiment tagħhom fis-SE, meta din tiġi stabbilita”, u li l-proċeduri konkreti għal dan l-għan, applikabbli għal kull SE, “għandhom jiġu definiti primarjament permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet interessati jew, fl-assenza tagħhom, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ sett ta’ regoli sussidjarji”.

47

Minn dawn il-premessi tad-Direttiva 2001/86 jirriżulta li kemm il-garanzija tad-drittijiet kweżiti fil-qasam tal-involviment tal-ħaddiema kif ukoll in-negozjati bejn il-partijiet dwar il-proċeduri konkreti ta’ dan l-involviment huma marbuta mal-“ħolqien” u mal-“istabbiliment” ta’ SE. Għaldaqstant, huma ma jsostnux l-argument li jgħid li l-proċedura ta’ negozjati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-direttiva għandha tinfetaħ ulterjorment fi ħdan SE diġà kkostitwita fl-ipoteżi msemmija fl-ewwel domanda.

48

It-tieni nett, skont il-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 2157/2001, dan huwa intiż biex jippermetti lill-impriżi eżistenti ta’ Stati Membri differenti, li l-attività tagħhom ma hijiex limitata għas-sodisfazzjon tal-bżonnijiet purament lokali, li jorganizzaw mill-ġdid l-attivitajiet tagħhom fuq il-livell tal-Unjoni u għalhekk li jiġbru flimkien il-potenzjal tagħhom. Issa, dawn il-premessi ma fihom ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/86 dwar il-proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għal SE diġà kkostitwita meta l-kumpanniji parteċipanti li stabbilixxewha bdew jeżerċitaw attività ekonomika li tinvolvi l-impjieg tal-ħaddiema wara din il-kostituzzjoni.

49

It-tielet nett, il-premessa 18 tad-Direttiva 2001/86 tipprovdi li “[…]d-drittijiet tal-ħaddiema fis-seħħ qabel l-istabbiliment ta’ SE għandhom jipprovdu l-bażi għad-drittijiet ta’ l-involviment tal-ħaddiema fis-SE (il-prinċipju ta’ ‘qabel u wara’)”, filwaqt li żżid li “[b]’konsegwenza ta’ dan, dan l-avviċinament għandu japplika mhux biss waqt l-istabbiliment inizjali ta’ SE iżda ukoll għall-bidliet strutturali f’SE eżistenti u għall-kumpaniji affettwati mill-proċessi tal-bidliet strutturali”.

50

Madankollu, din id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni korrispondenti li toħloq obbligu ta’ ftuħ ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema jew li testendi l-garanzija tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni eżistenti tal-ħaddiema f’sitwazzjonijiet fejn isiru bidliet strutturali lil SE holding diġà kkostitwita minn kumpanniji parteċipanti li ma jimpjegawx ħaddiema u li ma għandhomx sussidjarji li jimpjegaw tali ħaddiema. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn din il-premessa ma jistax jiġi dedott obbligu ta’ ftuħ ulterjuri ta’ dawn in-negozjati fl-ipoteżi msemmija fl-ewwel domanda.

51

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika esposta fil-punti 36 sa 50 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2001/86, li minnu jirriżulta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-impossibbiltà li jinfetħu negozjati a posteriori ma tirriżultax minn żvista waqt it-tfassil ta’ din id-direttiva, iżda minn għażla reali tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tirriżulta mill-kompromess fuq il-prinċipju “qabel u wara”.

52

Fil-fatt, mill-punti 49 u 50 tar-rapport finali tal-grupp ta’ esperti, intitolat “Sistemi Ewropej ta’ Involviment tal-Impjegati” ta’ Mejju 1997 (Rapport Davignon) (C4–0455/97), jirriżulta li dan il-grupp, li kkontribwixxa għat-tnedija mill-ġdid tad-dibattiti leġiżlattivi dwar l-istatus tas-SE fil-qasam tal-involviment tal-ħaddiema fi ħdan is-SE, indirizza speċifikament il-kwistjoni dwar jekk in-negozjati kellhomx isiru qabel jew wara r-reġistrazzjoni tagħha. L-imsemmi grupp kien irrakkomanda b’mod ċar li jsiru tali negozjati qabel ir-reġistrazzjoni, għall-finijiet ta’ prevedibbiltà għall-azzjonisti u għall-ħaddiema, kif ukoll għall-istabbilità tal-ħajja tas-SE.

53

Dan l-approċċ ġie kkonfermat waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/86, kif juri l-fatt li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma adottax emenda proposta mill-Parlament Ewropew għal premessa 7a li tipprevedi espliċitament negozjati ġodda dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ ristrutturazzjoni notevoli wara l-ħolqien ta’ SE.

54

Mill-elementi ta’ interpretazzjoni preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001, moqri flimkien mal-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86, ma jimponi ebda obbligu li tinfetaħ ulterjorment, fi ħdan SE diġà kkostitwita u rreġistrata, il-proċedura ta’ negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema fl-ipoteżi msemmija fl-ewwel domanda.

55

Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li invokat ukoll il-possibbiltà li obbligu ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ negozjati ulterjuri fi ħdan SE diġà kkostitwita jista’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat, fir-raba’ u l-aħħar lok, li dan l-artikolu, intitolat “L-użu ħażin tal-proċeduri”, jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, “bil-ħsieb li jipprevienu l-użu ħażin ta’ SE bl-għan li jċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet dwar l-involviment tal-ħaddiema jew iż-żamma ta’ dawn id-drittijiet”.

56

Issa, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/86, li, fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ġie traspost fl-ordinament ġuridiku intern ta’ dan l-Istat Membru permezz tal-Artikolu 43 tas-SEBG, iħalli marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-għażla ta’ miżuri xierqa li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward, mingħajr preġudizzju għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, u ma jistabbilixxix, fl-ipoteżi msemmija fl-ewwel domanda, l-obbligu li sussegwentement tinfetaħ din il-proċedura ta’ negozjati.

57

Sa fejn id-domandi tal-qorti tar-rinviju għandhom jinftiehmu bħala li jirrigwardaw il-kunċett ta’ “abbuż”, imsemmi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/86, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjoni ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma jkunx intlaħaq, u, min-naħa l-oħra, li l-element suġġettiv, li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb b’hekk vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu, ikun preżenti wkoll (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 285 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2157/2001, moqri flimkien mal-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2001/86, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix, meta SE holding, ikkostitwita minn kumpanniji parteċipanti li ma jimpjegawx ħaddiema u li ma għandhomx sussidjarji li jimpjegaw tali ħaddiema, tiġi rreġistrata mingħajr ma jkunu saru negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema minn qabel, il-ftuħ sussegwenti ta’ dawn in-negozjati minħabba li din l-SE tkun kisbet il-kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw lil ħaddiema fi Stat Membru wieħed jew iktar.

Fuq it‑tieni sar‑raba’ domanda

59

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE), moqri flimkien mal-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jimponix, meta Kumpannija Ewropea (SE) holding, ikkostitwita minn kumpanniji parteċipanti li ma jimpjegawx ħaddiema u li ma għandhomx sussidjarji li jimpjegaw tali ħaddiema, tiġi rreġistrata mingħajr ma jkunu saru negozjati dwar l-involviment tal-ħaddiema minn qabel, il-ftuħ sussegwenti ta’ dawn in-negozjati minħabba li din l-SE tkun kisbet il-kontroll ta’ sussidjarji li jimpjegaw lil ħaddiema fi Stat Membru wieħed jew iktar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top