EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0700

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2023.
RegioJet a. s. u STUDENT AGENCY k.s. vs České dráhy a.s. et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2015/1589 – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali previsti fl-Artikolu 108(3) TFUE – Skadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Obbligu għall-qorti nazzjonali li tordna l-irkupru tal-għajnuna.
Kawża C-700/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:960

 SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

7 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2015/1589 – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali previsti fl-Artikolu 108(3) TFUE – Skadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Obbligu għall-qorti nazzjonali li tordna l-irkupru tal-għajnuna”

Fil-Kawża C‑700/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Novembru 2022, fil-kawża

RegioJet a.s.,

STUDENT AGENCY k.s.

vs

České dráhy, a.s.,

Správa železnic, státní organizace,

Česká republika, Ministerstvo dopravy,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu‑Matei, J.‑C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal RegioJet a.s. u STUDENT AGENCY k.s., minn O. Doležal, advokát,

għal České dráhy, a.s., minn J. Kindl u K. Muzikář, advokáti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Němečková, A. Steiblytė u B. Stromsky, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 108(3) u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, RegioJet a.s. u STUDENT AGENCY k.s. u, min-naħa l-oħra, České dráhy, a.s., impriża ferrovjarja rregolata mid-dritt Ċek, Správa železnic, státní organizace (l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Linji tal-Ferrovija, ir-Repubblika Ċeka), amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja fir-Repubblika Ċeka, kif ukoll Česká republika, Ministerstvo dopravy (il-Ministeru għat-Trasport, ir-Repubblika Ċeka), dwar l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat li České dráhy allegatament irċeviet.

Il‑kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 1(b)(iv) u (f) tar-Regolament 2015/1589 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b) ‘għajnuna eżistenti’ tfisser:

[…]

(iv)

għajnuna meqjusa għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament;

[…]

(f)

‘għajnuna kontra l-liġi’ tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni tal-Artikolu 108(3) [TFUE]”.

4

L-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi:

“1.   Il-setgħat tal-Kummissjoni biex tirkupra l-għajnuna għandhom ikunu suġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin.

2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna kontra l-liġi tingħata lill-benefiċarju bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-għajnuna kontra l-liġi għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni. Ma’ kull interuzzjoni l-perjodu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda jiddekorri mill-bidu. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Kull għajnuna li fir-rigward tagħha jkun skada l-perjodu ta’ preskrizzjoni, għandha titqies li hi għajnuna eżistenti.”

5

L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kien jipprevedi dispożizzjonijiet identiċi għal dawk tal-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589.

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

6

Fis‑26 ta’ Ġunju 2008, České dráhy, impriża ferrovjarja stabbilita fir-Repubblika Ċeka, ikkonkludiet kuntratt mal-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Linji tal-Ferrovija, li permezz tiegħu tal-ewwel ittrasferixxiet lil tat-tieni parti mill-impriża tagħha.

7

RegioJet u STUDENT AGENCY, kompetituri ta’ České dráhy, isostnu li l-prezz li din tal-aħħar kisbet fil-kuntest ta’ din it-tranżazzjoni jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li din tal-aħħar hija illegali peress li la ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u lanqas awtorizzata minnha.

8

It-tilwima li tqajmet quddiem il-qrati Ċeki dwar is-suġġett ġiet imressqa quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka).

9

B’mod partikolari, din it-tilwima tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589 tistax tiġi invokata kontra l-qorti nazzjonali adita b’talba għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali.

10

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 108(3) [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi proċeduri mibdija fuq talba ta’ terz (kompetitur), qorti nazzjonali hija marbuta li tordna lill-benefiċjarju jħallas lura l-għajnuna mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk (fid-data tad-deċiżjoni tal-qorti) ikun laħaq skada l-perijodu ta’ preskrizzjoni li fih il-Kummissjoni setgħet teżerċita s-setgħat tagħha sabiex tirkupra l-għajnuna bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) tar-[Regolament 2015/1589], u li minħabba f’hekk l-għajnuna mogħtija titqies li hija għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(iv) u tal-Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament?”

Fuq id‑domanda preliminari

11

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 108(3) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw ir-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel previst f’din id-dispożizzjoni minkejja li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589 ikun laħaq skada fir-rigward ta’ din l-għajnuna, b’tali mod li din għandha titqies bħala għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(iv) u l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament.

12

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula hija bbażata fuq numru ta’ premessi u, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-miżura inkwistjoni hija għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fid-dawl tal-informazzjoni li hija għandha quddiemha u tal-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni tista’ tagħmel fil-kuntest tal-analiżi tal-ilment li jkun tressaq quddiemha fir-rigward ta’ din il-miżura.

13

Fir-rigward tad-domanda magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom rwoli komplementari u distinti. Fil-fatt, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni Ewropea, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel tal-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, jiġu mħarsa d-drittijiet tal-individwi (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich, C‑368/04, EU:C:2006:644, punti 3738, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

14

B’hekk, il-qrati nazzjonali għandhom jiggarantixxu lill-individwi li huma f’pożizzjoni li jinvokaw il-ksur tal-obbligu ta’ notifika li ser jinstiltu l-konsegwenzi kollha, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, kemm fir-rigward tal-validità tal-atti li jinvolvu l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna, kif ukoll fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ miżuri provviżorji li jistgħu jittieħdu iktar ’il quddiem (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich, C‑368/04, EU:C:2006:644, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

Dwar l-effett, f’dan ir-rigward, tal-iskadenza possibbli tal-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589, għandu jitfakkar, qabelxejn, li dan ir-regolament jinkludi regoli ta’ natura proċedurali li japplikaw għall-proċeduri amministrattivi kollha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat pendenti quddiem il-Kummissjoni, jikkodifika u jsaħħaħ il-prattika ta’ din tal-aħħar fl-eżami tagħha tal-għajnuna mill-Istat u ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar is-setgħat u l-obbligi tal-qrati nazzjonali, liema setgħat u obbligi jibqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha, C‑627/18, EU:C:2020:321, punt 32).

16

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li huma biss is-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat li huma koperti mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑387/17, EU:C:2019:51, punti 5261, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha, C‑627/18, EU:C:2020:321, punt 30).

17

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskadenza ta’ dan it-terminu ma jistax ikollha l-effett li tirregolarizza retroattivament l-għajnuna mill-Istat ivvizzjata b’illegalità minħabba s-sempliċi fatt li din tkun saret għajnuna eżistenti u, konsegwentement, li ċċaħħad minn kull bażi legali rikors għad-danni ppreżentat kontra l-Istat Membru kkonċernat mill-individwi u mill-kompetituri affettwati mill-għoti tal-għajnuna illegali. Kull interpretazzjoni oħra tnaqqar mill-portata tal-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw il-miżuri ta’ għajnuna u ċċaħħad, b’hekk, l-Artikolu 108(3) TFUE mill-effett utli tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑387/17, EU:C:2019:51, punti 6263).

18

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jiġi applikat la direttament, la indirettament, u lanqas b’analoġija għall-proċedura ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 109).

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, l-irkupru tal-għajnuna illegali għandu jsir skont il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni previsti fid-dritt nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 108). F’dan il-kuntest, ir-regoli ta’ preskrizzjoni li jistgħu japplikaw huma, għalhekk, dawk tad-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 73).

20

Fir-rigward tal-argumenti tal-impriża benefiċjarja, České dráhy, li ssostni li, fil-każ ta’ għajnuna eżistenti, li taqa’ taħt l-Artikolu 108(1) TFUE, il-qrati nazzjonali ma għandhomx is-setgħa li jordnaw l-irkupru tagħha, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tikkonċerna każ partikolari fejn allegatament, fil-mument li fih ingħatat l-għajnuna inkwistjoni, inkiser l-Artikolu 108(3) TFUE. Kif tfakkar fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589 ma għandhiex l-effett li tirregolarizza retroattivament għajnuna mill-Istat ivvizzjata b’illegalità minħabba s-sempliċi fatt li din tkun saret għajnuna eżistenti.

21

Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw ir-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel previst f’din id-dispożizzjoni, minkejja li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589 ikun laħaq skada fir-rigward ta’ din l-għajnuna, b’tali mod li din għandha titqies bħala għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(iv) u l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament.

Fuq l‑ispejjeż

22

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 108(3) TFUE

 

għandu jiġu interpretat fis-sens li:

 

il-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw ir-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel previst f’din id-dispożizzjoni, minkejja li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jkun laħaq skada fir-rigward ta’ din l-għajnuna, b’tali mod li din għandha titqies bħala għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(iv) u l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top