Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0697

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
    Koiviston Auto Helsinki Oy, anciennement Helsingin Bussiliikenne Oy vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – SA.33846 (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) – Element rilevanti wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Obbligu li tiġi ppubblikata deċiżjoni ta’ ftuħ li temenda – Dritt tal-benefiċjarju tal-għajnuna li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu – Formalità essenzjali – Inkompatibbiltà mas-suq intern – Irkupru tal-għajnuna ordnata mill-Kummissjoni Ewropea – Ammont li għandu jiġi rkuprat – Kompetenza tal-Istat Membru kkonċernat.
    Kawża C-697/22 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:641

    Edizzjoni Provviżorja

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    29 ta’ Lulju 2024 (*)

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – SA.33846 (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) – Element rilevanti wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Obbligu li tiġi ppubblikata deċiżjoni ta’ ftuħ li temenda – Dritt tal-benefiċjarju tal-għajnuna li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu – Formalità essenzjali – Inkompatibbiltà mas-suq intern – Irkupru tal-għajnuna ordnata mill-Kummissjoni Ewropea – Ammont li għandu jiġi rkuprat – Kompetenza tal-Istat Membru kkonċernat”

    Fil-Kawża C‑697/22 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑11 ta’ Novembru 2022,

    Koiviston Auto Helsinki Oy, li kienet Helsingin Bussiliikenne Oy, stabbilita f’Ħelsinki (il-Finlandja), irrappreżentata minn O. Hyvönen u N. Rosenlund, asianajajat,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Huttunen, J. Ringborg u F. Tomat, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Ir-Repubblika tal-Finlandja,

    Nobina Oy, stabbilita f’Espoo (il-Finlandja),

    Nobina AB, stabbilita f’Solna (l-Isvezja),

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.‑C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. Medina,

    Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Frar 2024,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2024,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tal-appell tagħha, Helsingin Bussiliikenne Oy, li saret Koiviston Auto Helsinki Oy, titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Settembru 2022, Helsingin Bussiliikenne vs Il‑Kummissjoni (T‑603/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:555), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1814 tat‑28 ta’ Ġunju 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33846 – (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) implimentata mill-Finlandja għal Helsingin Bussiliikenne Oy (ĠU 2020, L 404, p. 10, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).

     Ilkuntest ġuridiku

    2        Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), jiddisponi, fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Definizzjonijiet”:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (h)      ‘parti interessata’ tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

    3        Skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura ta’ investigazzjoni formali”:

    “1.      Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u tal-liġi, għandha tinkludi valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni [Ewropea] dwar il-karatteristiċi tal-għajnuna tal-miżura proposta u għandha tispjega d-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq intern. Id-deċiżjoni għandha tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’perjodu stabbilit li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu stabbilit.

    2.      Il-kummenti li jsiru għandhom ikunu jingħaddu lill-Istat Membru kkonċernat. Fuq talba ta’ parti interessata, u għal raġunijiet ta’ ħsara potenzali, l-identità tagħha għandha tinżamm mistura mill-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrispondi għall-kummenti sottomessi f’perjodu stabbilit li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu stabbilit.”

     Ilfatti li wasslu għallkawża

    4        Helsingin Bussiliikenne (iktar ’il quddiem l-“ex HelB”) kienet topera rotot tal-karozzi tal-linja fir-reġjun ta’ Ħelsinki (il-Finlandja) u kienet toffri servizzi tat-trasport charter u servizzi ta’ kiri tal-karozzi tal-linja. Hija kienet 100 % proprjetà ta’ Helsingin kaupunki (il-Belt ta’ Ħelsinki, il-Finlandja).

    5        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 3 sa 9 tas-sentenza appellata bit-termini li ġejjin:

    “3      Matul is-snin 2002 sa 2012, il-Belt ta’ Ħelsinki ħadet diversi miżuri favur HKL-Bussiliikenne [Oy] u l-ex HelB (iktar ’il quddiem il-‘miżuri kontenzjużi’). B’hekk, l-ewwel, fl‑2002, ingħata kreditu għal tagħmir ta’ EUR 14.5 miljun lil HKL-Bussiliikenne sabiex jiġi ffinanzjat l-akkwist ta’ materjal ta’ trasport permezz tal-karozzi tal-linja. Dan il-kreditu ttieħed mill-ex HelB fl‑1 ta’ Jannar 2005. It-tieni nett, il-Belt ta’ Ħelsinki tat lil din tal-aħħar, fil-mument tal-ħolqien tagħha, kreditu għall-operat ta’ ammont totali ta’ EUR 15 893 700.37 intiż sabiex jiġi ffinanzjat mill-ġdid ċertu passiv ta’ HKL-Bussiliikenne u ta’ Suomen Turistiauto [Oy]. It-tielet, fil‑31 ta’ Jannar 2011 u fit‑23 ta’ Mejju 2012, il-Belt ta’ Ħelsinki tat lill-ex HelB żewġ krediti ġodda għall-operat, li jammontaw għal EUR 5.8 miljun u EUR 8 miljun rispettivament.

    4      Fil‑31 ta’ Ottubru 2011, l-impriżi tat-trasport pubbliku Nobina Sverige AB u Nobina Finland Oy ressqu lment quddiem il-Kummissjoni Ewropea, li miegħu l-kumpannija omm tagħhom, Nobina AB, ingħaqdet fil‑15 ta’ Novembru 2011. Permezz ta’ dan l-ilment, huma allegaw li r-Repubblika tal-Finlandja kienet tat għajnuna illegali lill-ex HelB. Fit‑22 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet dan l-ilment lir-Repubblika tal-Finlandja.

    5      Permezz tad-Deċiżjoni C(2015) 80 final tas‑16 ta’ Jannar 2015 dwar il-miżura SA.33846 (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) – Finlandja – Helsingin Bussiliikenne Oy (ĠU 2015, C 116, p. 22, iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni ta’ ftuħ’), il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE dwar b’mod partikolari l-miżuri kontenzjużi. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑10 ta’ April 2015 u l-partijiet interessati ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahar minn din il-pubblikazzjoni. […]

    6      Barra minn hekk, fl‑24 ta’ Ġunju 2015, matul il-proċedura, il-Belt ta’ Ħelsinki informat lill-Kummissjoni bl-eżekuzzjoni tal-proċess tal-bejgħ tal-ex HelB. Fil‑5 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika tal-Finlandja bagħtet lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ kuntratt ta’ bejgħ stabbilit mar-rikorrenti.

    7      Fl‑14 ta’ Diċembru 2015, l-ex HelB inbiegħet [lil] Viikin Linja Oy. Skont it-termini tal-att ta’ bejgħ, din ingħatat l-isem ġdid ta’ Helsingin Bussiliikenne Oy (iktar ’il quddiem il-‘HelB il-ġdida’). L-atti relatati mat-tranżazzjoni ta’ bejgħ kienu jinkludu klawżola li tiggarantixxi kumpens totali lill-akkwirent tal-ex HelB fil-każ ta’ talba għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat (iktar ’il quddiem il-‘klawżola ta’ kumpens’) u parti mill-prezz tal-bejgħ tqiegħdet f’kont ta’ garanzija mimżum minn terzi sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva dwar l-għajnuna mill-Istat jew, l-iktar tard, sal‑31 ta’ Diċembru 2022. Dawn l-atti kienu jinkludu wkoll mekkaniżmu ‘earn-out’ li abbażi tiegħu l-akkwirent impenja ruħu li jħallas lill-bejjiegħ, fuq l-istess kont tal-garanzija miżmum minn terzi, primjum jekk jinqabżu l-livelli ta’ profitti miftiehma minn qabel.

    8      It-trasferiment lil Viikin Linja kien jirrigwarda l-attivitajiet kummerċjali kollha tal-ex HelB. L-ex HelB ma kinitx għadha żżomm attiv, bl-eċċezzjoni tas-somom imdaħħla jew li kellhom jiddaħħlu fil-kreditu tal-kont ta’ garanzija miżmum minn terzi. Il-passiv li rriżulta mill-miżuri kontenzjużi ma ġiex ittrasferit lejn il-HelB il-ġdida. Wara l-bejgħ tal-ex HelB, din ġiet eżentata, mill-Belt ta’ Ħelsinki, milli tirrimborsa l-ammont li kien għadu dovut abbażi tal-kreditu għal tagħmir tal‑2002. Barra minn hekk, fil‑11 ta’ Diċembru 2015, il-Belt ta’ Ħelsinki ikkonvertiet il-krediti għall-operat tal‑2005, tal‑2011 u tal‑2012, li ma kinux ġew irrimborsati, f’kapital proprju tal-ex HelB.

    9      Fit‑28 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni adottat id-[Deċiżjoni kontenzjuża, li ]d-dispożittiv [tagħha] jaqra kif ġej:

    ‘Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 54 231 850 mogħtija illegalment mi[r-Repubblika tal-]Finlandja taħt il-Miżuri [kontenzjużi], bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], favur Helsingin Bussiliikenne Oy, hija inkompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 2

    1.      [Ir-Repubblika tal-]Finlandja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

    2.      Fid-dawl tal-kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika (issa Helsingin kaupungin Linja-autotoiminta Oy) u l-HelB il-ġdida (isem sħiħ – Helsingin Bussiliikenne Oy, li qabel kienet – Viikin Linja Oy), l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna għandu jiġi estiż għall-HelB il-ġdida (isem sħiħ – Helsingin Bussiliikenne Oy).

    3.      Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru effettiv tagħhom.

    […]

    Artikolu 4

    1.      Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, [ir-Repubblika tal-]Finlandja għandha tippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

    a)      l-ammont totali (il-kapital u l-imgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

    […]’”

     Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

    6        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Settembru 2019, il-HelB il-ġdida ppreżentat rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

    7        Insostenn tar-rikors tagħha, hija qajmet ħames motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq l-allegazzjoni li d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, it-tieni, fuq żball manifest tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida, it-tielet, fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-Deċiżjoni kontenzjuża, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità u, il-ħames, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    8        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors.

     Ittalbiet talpartijiet flappell

    9        Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tannulla s-sentenza appellata;

    –        tannulla d-Deċiżjoni kontenzjuża, u

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha mġarrba mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien mal-interessi legali.

    10      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    –        tiċħad l-appell u

    –        tikkundanna lill-appellanti tbati l-ispejjeż kollha tal-Kummissjoni.

     Fuq lappell

    11      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball proċedurali sostanzjali u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

     Fuq lewwel aggravju

     Largumenti talpartijiet

    12      Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti tinvoka żball proċedurali sostanzjali.

    13      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk hija riedet tiddeċiedi dwar il-kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li l-estensjoni, mhux prevista fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, tal-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-ex HelB ma kinitx estendiet is-suġġett ta’ din il-proċedura, peress li din baqgħet limitata għall-għajnuna msemmija f’dik id-deċiżjoni. It-trasferiment tal-ex HelB, li seħħ fl‑14 ta’ Diċembru 2015, kien element ġdid, li ma kienx jinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, li obbliga lill-Kummissjoni tirrettifika jew testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    14      Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, imwettaq mill-Kummissjoni meta astjeniet milli tinvolvi lill-appellanti fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma kienx jikkostitwixxi l-ksur ta’ formalità essenzjali, iżda biss irregolarità proċedurali, li setgħet twassal għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża biss jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, dik id-deċiżjoni seta’ kellha kontenut differenti.

    15      Il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta ddikjarat, fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata, li l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tinvolvi lill-partijiet interessati fil-proċedura amministrattiva setgħet tikkostitwixxi ksur ta’ formalità essenzjali biss jekk din l-ommissjoni kienet tikkonċerna l-kontenut tad-deċiżjoni ta’ ftuħ.

    16      Fil-fatt, l-ewwel nett, din il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali tvarja d-dritt tax-xerrej ta’ impriża benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ din l-għajnuna, billi tagħmilha dipendenti fuq il-mument meta jseħħ l-akkwist ta’ din l-impriża.

    17      It-tieni nett, imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza li l-benefiċjarju ta’ trasferiment ta’ attività li jseħħ matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jitqiegħed f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli minn dik tal-benefiċjarju ta’ trasferiment ta’ attività li jseħħ qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, u li għalhekk għandu l-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett fl-istadju ta’ dik id-deċiżjoni, jew minn dik tal-benefiċjarju ta’ trasferiment ta’ attività li jseħħ biss wara d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni u li jista’ jippreżenta osservazzjonijiet matul il-fażi nazzjonali ta’ eżekuzzjoni.

    18      It-tielet nett, l-approċċ imsemmi iktar ’il fuq tal-Qorti Ġenerali jwassal għal sitwazzjoni fejn parti interessata li tinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-appellanti ma tingħata l-ebda possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, informazzjoni rilevanti u provi qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar l-irkupru ta’ għajnuna li hija kkunsidrat illegali.

    19      Il-Qorti Ġenerali bbażat id-distinzjoni li hija għamlet bejn ksur ta’ formalità essenzjali u irregolarità proċedurali oħra fuq preċedenti ġurisprudenzjali li l-fatti tagħhom huma differenti minn dawk ta’ dan il-każ. Minn naħa, fil-kawżi li taw lok għas-sentenza msemmija fil-punt 51 tas-sentenza appellata u fil-ġurisprudenza li għaliha tirreferi s-sentenza msemmija, il-parti kkonċernata kellha l-possibbiltà li tinstema’ u n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ smigħ kien jikkonċerna biss ċerti atti tal-proċess. Min-naħa l-oħra, l-appellanti ssostni li l-ġurisprudenza li għaliha tirreferi s-sentenza msemmija fil-punt 51 tas-sentenza appellata toriġina minn ċirkustanzi fattwali li ma humiex komparabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża.

    20      Għall-kuntrarju, mis-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 55), jirriżulta li, “meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar proġett ta’ għajnuna, hija għandha tagħti l-possibbiltà, lill-partijiet interessati, fosthom l-impriża jew l-impriżi kkonċernati, li jissottomettu l-kummenti tagħhom[, peress li d]in ir-regola għandha n-natura ta’ formalità proċedurali sostanzjali”.

    21      L-appellanti tirrileva wkoll li d-dritt għal smigħ fi proċedura amministrattiva huwa dritt fundamentali rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni u stabbilit mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”. Il-ksur tiegħu jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali li jiġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma l-persuna leża tkun obbligata tipprova l-effetti possibbli tas-smigħ tagħha fuq id-deċiżjoni li għandha tittieħed fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Billi tikkunsidra li ċ-ċaħda pura u sempliċi tad-dritt għal smigħ tikkostitwixxi biss irregolarità proċedurali, il-Qorti Ġenerali tagħti x’tifhem li dan id-dritt ma huwiex dritt fundamentali, iżda dritt li jista’ jinkiser b’impunità sħiħa.

    22      Id-dritt għal smigħ jikkostitwixxi wkoll prinċipju ġenerali tad-dritt, stabbilit fil-qasam tal-kompetizzjoni permezz tas-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint Association vs Il‑Kummissjoni (17/74, EU:C:1974:106, punt 15), li jenfasizza li dan id-dritt huwa iktar u iktar importanti peress li d-deċiżjoni inkwistjoni timponi “spejjeż mhux negliġibbli u ta’ portata estiża”.

    23      F’dan il-każ, id-Deċiżjoni kontenzjuża kellha konsegwenzi serji fuq il-HelB il-ġdida, peress li hija obbligatha tħallas somma ta’ madwar EUR 54 miljun, miżjuda bl-interessi marbuta mal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat illegali, poġġietha f’riskju ta’ falliment u kienet kostretta titlob ristrutturazzjoni f’Ġunju 2021. Il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni ntemmet fi Frar 2022, bil-bejgħ tal-grupp Koiviston Auto li akkwista l-HelB il-ġdida, peress li l-familja li waqqfet dan il-grupp fis-snin tal‑1920 kienet kostretta twettaq dan il-bejgħ sabiex tkun tista’ tħallas l-ammont ta’ dan l-irkupru. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi rkupru kien ta’ benefiċċju għall-Belt ta’ Ħelsinki, li madankollu kienet responsabbli għall-għajnuna mill-Istat illegali, peress li hija rkuprat din l-għajnuna li hija kienet tat lil kumpannija tagħha stess, filwaqt li żammet il-prezz tax-xiri kollu mħallas mill-appellanti.

    24      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li, anki jekk jiġi aċċettat li l-Kummissjoni ma kisritx formalità essenzjali f’dan il-każ u li hija wettqet biss irregolarità proċedurali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li l-osservazzjonijiet tal-appellanti ma ppermettewx li tinbidel id-Deċiżjoni kontenzjuża.

    25      Dan l-iżball huwa l-konsegwenza ta’ żball ieħor imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, sa fejn affermat li l-osservazzjonijiet li, skont l-appellanti, setgħu jiġu trażmessi fl-assenza tal-irregolarità proċedurali kkonstatata, kienu jirrigwardaw biss wieħed mill-kriterji użati sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-kontinwità ekonomika, jiġifieri l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni. Kif jirriżulta, għall-kuntrarju, mill-punti 42 u 52 tas-sentenza appellata, l-appellanti sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali wasslet jew setgħet twassal għal riżultat differenti, essenzjalment f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika u r-realtà tat-trasferiment tal-għajnuna mill-Istat lill-HelB il-ġdida.

    26      Barra minn hekk, meta deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni, dik id-deċiżjoni tkun eżaminata abbażi tal-informazzjoni u tad-dokumenti li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta din tkun ittieħdet (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 91). Konsegwentement, peress li rikorrent jiddependi biss fuq l-elementi tal-proċess tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huwa ma jkunx f’pożizzjoni, inkluż fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, li jipproduċi provi li juru li l-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-proċedura ta’ investigazzjoni formali seta’ kellha effett fuq l-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, hija ma tkunx f’pożizzjoni li tipproduċi l-prova li din il-parteċipazzjoni seta’ kellha effett fuq l-istess deċiżjoni.

    27      Fir-replika tagħha, l-appellanti tindika li taqbel mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ifformulata fil-punt 73 tar-risposta tagħha, li l-eżami tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u l-eżami tal-kontinwità ekonomika huma kwistjonijiet distinti. Għal din ir-raġuni, il-partijiet interessati għandhom jinstemgħu dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet.

    28      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tal-appellanti.

    29      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet obbligata tirrettifika jew testendi d-deċiżjoni ta’ ftuħ, dik l-istituzzjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li hija ma kinitx biddlet l-opinjoni tagħha, wara dik id-deċiżjoni, fir-rigward tal-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat u, fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li hija lanqas ma kienet bidlet l-opinjoni fir-rigward tas-suġġett ta’ din l-għajnuna, li kien limitat għall-erba’ miżuri identifikati fl-imsemmija deċiżjoni. Il-konstatazzjoni tal-kontinwità ekonomika tal-HelB il-ġdida mal-ex HelB għalhekk ma biddlitx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, meta qieset li l-Kummissjoni la kienet marbuta li tirrettifika u lanqas li testendi d-deċiżjoni ta’ ftuħ.

    30      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegat ksur ta’ formalità essenzjali sa fejn hija naqset milli tistieden lill-HelB il-ġdida sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kontinwità ekonomika.

    31      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tal-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, sa fejn hija kkunsidrat li d-dritt għal smigħ tal-benefiċjarji ta’ trasferiment ta’ attività matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jvarja skont id-data tat-trasferiment, il-Kummissjoni tqis li d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali hija ġġustifikata minn differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni. Fil-fatt, jekk it-trasferiment iseħħ wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ix-xerrej ikun jaf bil-proċedura ta’ investigazzjoni formali pendenti u jkun preżunt li jaċċetta s-sitwazzjoni eżistenti, jiġifieri l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq intern u għandha tiġi rkuprata. F’din is-sitwazzjoni, xejn ma jipprekludi lix-xerrej, li huwa, konsegwentement, is-suċċessur ekonomiku, milli jieħu inkunsiderazzjoni dan ir-riskju waqt in-negozjati tiegħu mal-bejjiegħ.

    32      F’din il-kawża, b’mod partikolari, ma huwiex possibbli li jiġi ddubitat li l-HelB il-ġdida kienet informata bil-proċedura ta’ investigazzjoni formali pendenti, peress li klawżola tal-kuntratt ta’ bejgħ kienet tiggarantilha kumpens totali fil-każ ta’ talba għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat.

    33      It-tieni nett, fir-rigward tan-natura infondata, skont l-appellanti, tad-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn ksur ta’ formalità essenzjali u irregolarità proċedurali oħra, il-Kummissjoni ssostni li din id-distinzjoni tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Billi tfixkel id-dritt għal smigħ u d-dritt li tkun involuta fil-proċedura amministrattiva dwar għajnuna mill-Istat, l-appellanti ma tiħux inkunsiderazzjoni din il-ġurisprudenza. Għalhekk, fis-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia et Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192), li l-appellanti tqis b’mod żbaljat bħala irrilevanti għal din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-partijiet interessati kienu involuti fil-proċedura amministrattiva, iżda mhux b’mod suffiċjenti.

    34      L-irregolarità proċedurali twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża biss jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, dik id-deċiżjoni seta’ jkollha kontenut differenti, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tas-sentenza appellata.

    35      It-tielet nett, fir-rigward tal-iżball li wettqet il-Qorti Ġenerali meta qieset li l-fatt li ma stednitx lill-appellanti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ ma kienx jikkostitwixxi ksur ta’ formalità essenzjali, il-Kummissjoni ssostni li ma jeżistix tali ksur meta l-element li l-ommissjoni tiegħu fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija kkritikata lill-Kummissjoni ma jikkostitwixxix punt ta’ fatt jew ta’ liġi rilevanti għall-eżami tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et, C‑167/19 P, EU:C:2022:176, punt 96). F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ħalliet barra l-ebda element rilevanti għall-eżami tal-miżuri kkontestati fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

    36      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, hija ma għandhiex l-obbligu li tinvolvi fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali suċċessur ekonomiku li jakkwista kumpannija wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ din il-proċedura. Huwa għalhekk li hija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 47, 48 u 51 tas-sentenza appellata meta ddeċidiet li hija kienet kisret l-Artikolu 108(2) TFUE u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi r-raġunijiet żbaljati fformulati f’dawn il-punti bir-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem.

    37      L-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE huma limitati għar-rekwiżiti dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u huma marbuta ma’ dik id-deċiżjoni. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-rekwiżit li l-partijiet interessati jkunu involuti b’mod xieraq fil-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, dan ir-rekwiżit ma jistax ikollu l-effett li l-partijiet interessati jiksbu l-istess drittijiet bħall-Istat Membru kkonċernat. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-Kummissjoni kellha speċifikament tinvolvi lill-appellanti fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali u tagħtiha l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-aspetti marbuta mal-kontinwità ekonomika minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari f’dan il-każ, tqiegħed f’dubju l-prinċipju li l-investigazzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat huma essenzjalment proċeduri li jikkonċernaw lill-Istat Membru li ta l-għajnuna inkwistjoni.

    38      Il-ħames nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-allegat ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE jippreġudika d-dritt għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li għandu, konsegwentement, in-natura ta’ ksur ta’ formalità essenzjali, il-Kummissjoni ssostni li l-partijiet interessati ma għandhomx id-dritt għal smigħ, iżda biss dak li jkunu involuti fil-proċedura amministrattiva segwita mill-Kummissjoni b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Settembru 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni et, T‑448/18, EU:T:2021:626, punt 102).

    39      Il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux, abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħad-dritt għal smigħ, jestendu d-drittijiet proċedurali mogħtija lill-partijiet ikkonċernati mit-Trattat FUE u mid-dritt sekondarju. Proċedura bbażata fuq l-Artikolu 108(2) TFUE hija proċedura inter partes għall-Istat Membru kkonċernat biss, iżda mhux għall-partijiet l-oħra (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 168). Fi proċedura dwar l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat ma jistgħux għalhekk jinvokaw id-drittijiet tad-difiża.

    40      L-obbligu tal-Kummissjoni li tikkomunika minn qabel lill-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat l-elementi li fuqhom hija għandha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni definittiva tagħha jwassal sabiex jiġi stabbilit dibattitu kontradittorju bħal dak miftuħ għall-benefiċċju tal-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna. Tali obbligu jmur kontra s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punti 74 u 75).

    41      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-iżball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li l-osservazzjonijiet tal-appellanti ma kinux ippermettew li tinbidel id-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tqis li dan l-ilment huwa manifestament inammissibbli, sa fejn dan jirrigwarda, fir-realtà, l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali.

    42      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li hija infondata l-allegazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-Qorti Ġenerali obbligatha tipproduċi prova li hija impossibbli li tiġi prodotta, peress li hija ġiet awtorizzata tippreżenta biss l-elementi li l-Kummissjoni kienet taf bihom fid-data tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Dik l-istituzzjoni ssostni li l-appellanti setgħet tippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali l-provi rilevanti kollha u li din tal-aħħar ġustament iddeċidiet li l-appellanti ma kinitx ipproduċiet il-prova li hija kellha tipproduċi.

     Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

    43      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret formalità essenzjali meta naqset milli tpoġġiha f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-miżuri kontenzjużi.

    44      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 36 sa 41 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument tagħha li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkompleta jew tirrettifika d-deċiżjoni ta’ ftuħ wara t-trasferiment tal-ex HelB.

    45      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li għandha biss bħala skop li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompleta dwar il-fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat FUE jipprevedi l-obbligu, għall-Kummissjoni, li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-obbligu għandu n-natura ta’ formalità essenzjali, peress li jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali ta’ proċedura intrinsikament marbuta mal-formazzjoni jew mal-espressjoni korretta tar-rieda tal-awtur tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 55, kif ukoll tal‑10 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et, C‑167/19 P u C‑171/19 P, EU:C:2022:176, punt 89).

    46      Il-portata ta’ dan l-obbligu huwa speċifikat fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, li jinkludi fil-kategorija tal-“parti interessata”, “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”.

    47      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat hija, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna, il-partijiet interessati minbarra dan l-Istat Membru ma jistgħux jippretendu li huma stess ikollhom dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, bħal dak miftuħ għall-benefiċċju tal-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 81 u 82), u li l-benefiċjarju tal-għajnuna ma għandux drittijiet iktar estiżi mill-partijiet interessati l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 75).

    48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-partijiet interessati kollha jsiru jafu bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Din il-komunikazzjoni hija intiża sabiex tinkiseb, mingħand il-partijiet interessati, l-informazzjoni kollha intiża sabiex il-Kummissjoni jkollha għarfien ċar fl-azzjoni futura tagħha. Tali proċedura tagħti wkoll lill-Istati Membri l-oħra u lill-oqsma kkonċernati l-garanzija li jkunu jistgħu jinstemgħu (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 80).

    49      Madankollu, il-partijiet interessati jkunu f’pożizzjoni li jippreżentaw b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħhom biss jekk id-deċiżjoni ppubblikata ssemmi espliċitament u b’mod ċar il-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, kif previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et, C‑167/19 P u C‑171/19 P, EU:C:2022:176, punt 91).

    50      Minn dan isegwi li s-sempliċi pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, mingħajr ma l-kontenut ta’ tali deċiżjoni jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni, ma tippermettix li jitqies li l-obbligu tal-Kummissjoni fid-data tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u kklassifikat bħala formalità essenzjali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huwa ssodisfatt (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et, C‑167/19 P u C‑171/19 P, EU:C:2022:176, punt 92).

    51      Il-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti li għandhom jidhru fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali huma dawk li din il-proċedura għandha l-għan li teżamina fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali li permezz tagħha l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, kif ukoll, jekk ikun il-każ, dwar l-obbligu ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna.

    52      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom il-konstatazzjoni ta’ fatti ġodda jew differenti meta mqabbla ma’ dawk imsemmija fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew inkella l-intervent ta’ modifiki sostanzjali tal-kuntest ġuridiku rilevanti jistgħu jeħtieġu li l-partijiet interessati jiġu involuti iktar, jew saħansitra jiġi meħtieġ li tiġi ppubblikata deċiżjoni ta’ ftuħ addizzjonali jew irrettifikata (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 71).

    53      Meta l-punti ġodda li jseħħu wara d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jkunu “punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, l-obbligu tal-Kummissjoni li tinforma b’dan lill-partijiet interessati kollha sabiex ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom jista’ jiġi implimentat biss permezz tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ addizzjonali. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-partijiet interessati jikkostitwixxu grupp indeterminat ta’ destinatarji li jistgħu jiġu informati biss permezz ta’ pubblikazzjoni.

    54      F’dan il-każ, l-ex HelB, indikata bħala l-benefiċjarja tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, inxtrat mill-HelB il-ġdida wara dik id-deċiżjoni.

    55      Issa, kif fakkret l-Avukata Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-punti 42 sa 46 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet informata bil-proċess ta’ trasferiment tal-attivitajiet tal-ex HelB minn Ġunju 2015 u li għadda terminu ta’ tliet snin u nofs bejn id-data ta’ dan it-trasferiment tal-HelB il-ġdida u dik tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni semmiet lill-ex HelB waħedha bħala l-benefiċjarja potenzjali tal-għajnuna inkwistjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Konsegwentement, l-imsemmi trasferiment, ladarba nġieb għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, kien element rilevanti tal-investigazzjoni tagħha, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589.

    56      Madankollu, dan l-element rilevanti ma setax jidher fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, peress li seħħ wara l-pubblikazzjoni tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ġie espost fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet obbligata, sabiex tippermetti lill-partijiet interessati jippreżentaw b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħhom, kif jeżiġu l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, tippubblika deċiżjoni ta’ ftuħ addizzjonali li ssemmi dan l-element ġdid rilevanti.

    57      Kif l-Avukata Ġenerali osservat fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tagħha, fin-nuqqas ta’ tali pubblikazzjoni, la l-appellanti u lanqas ebda parti interessata oħra, b’mod partikolari l-impriżi kompetituri tal-appellanti, ma ngħataw, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida u, sussegwentement, il-possibbiltà li tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni mingħand din tal-aħħar.

    58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li tgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali permezz ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ addizzjonali, għandha tintlaqa’.

    59      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, imwettaq mill-Kummissjoni meta astjeniet milli tinvolvi lill-appellanti fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma kienx jikkostitwixxi l-ksur ta’ formalità essenzjali, iżda biss irregolarità proċedurali, li tista’ twassal għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża biss jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, dik id-deċiżjoni seta’ kellha kontenut differenti.

    60      Minn naħa, kif tfakkar fil-punti 45 u 50 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li l-partijiet interessati jitqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandu n-natura ta’ formalità essenzjali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    61      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, it-trasferiment tal-ex HelB lill-HelB il-ġdida kien jikkostitwixxi element rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, li, jekk ma jkunx jista’ jidher fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, qabel dan l-avveniment, kellu jagħti lok għall-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ addizzjonali, sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jippreżentaw b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħhom.

    62      Konsegwentement, l-appellanti għandha raġun issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret formalità essenzjali, iżda wettqet biss irregolarità proċedurali, billi naqset milli tinvolviha fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    63      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’ wkoll.

    64      Minn dan jirriżulta li, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet parti tiegħu, hemm lok li l-ewwel aggravju jintlaqa’.

     Fuq ittieni aggravju

     Largumenti talpartijiet

    65      Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    66      Fil-punt 159 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddetermina sa fejn l-għajnuna mill-Istat li tirriżulta mill-miżuri kontenzjużi kellha tiġi rkuprata mingħand il-HelB il-ġdida. Għaldaqstant, l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata ma għandux jaqbeż l-ammont effettivament ittrasferit lill-appellanti. Fil-fatt, l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat ma għandux in-natura ta’ sanzjoni, iżda huwa intiż sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-kundizzjonijiet li kienu jeżistu qabel l-għoti tal-għajnuna u sabiex jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata minnha.

    67      Skont l-appellanti, irkupru li l-ammont tiegħu huwa ogħla minn dak tal-għajnuna mill-Istat irċevuta jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Madankollu, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 157 tas-sentenza appellata, l-ammont li għandu jiġi rkuprat ma setax jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, mingħajr ma jiġi evalwat il-prezz tas-suq tal-ex HelB, kif esponiet l-appellanti fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza. L-appellanti tirrimarka li, kieku hija kienet taf li kieku hija kellha tirrispondi għall-għajnuna illegali mill-Istat mogħtija lill-bejjiegħ u li hija ma setgħetx tuża l-klawżola ta’ kumpens, il-valur tal-attività kien ikun negattiv.

    68      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu għaċ-ċessjonarju li jirrimborsa l-għajnuna mill-Istat jista’ japplika biss meta l-valur tal-impriża ma jkunx ġie evalwat bil-prezz tas-suq u meta jkun stabbilit li ċ-ċessjonarju jibqa’ jgawdi l-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju ta’ din l-għajnuna (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punti 86, 92 u 93, kif ukoll tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, EU:C:2008:619, punt 58).

    69      L-appellanti tqis, konsegwentement, li, anki jekk kien hemm dubji dwar il-konformità tal-prezz tax-xiri mal-prezz tas-suq, dan ma kienx jeżenta lill-Kummissjoni milli teżamina sa fejn l-għajnuna mill-Istat kienet ġiet ittrasferita lilha.

    70      Barra minn hekk, l-approċċ tal-Kummissjoni, approvat mill-Qorti Ġenerali, huwa diskriminatorju fir-rigward tal-impriżi kkonċernati mill-obbligu ta’ ħlas lura li, bħall-appellanti, xtraw attività mingħand entità pubblika u jiffavorixxu lil dawk li, fl-istess każ, akkwistaw attività mingħand impriża privata li rċeviet għajnuna mill-Istat illegali. It-tieni impriżi jistgħu jitolbu u jiksbu mill-bejjiegħ tnaqqis fil-prezz tax-xiri jew fid-danni abbażi tal-kundizzjonijiet kuntrattwali, ħaġa li ma tistax issir mill-ewwel impriżi, peress li, fil-każ tagħhom, it-tnaqqis fil-prezz tax-xiri jitqies bħala għajnuna mill-Istat ġdida.

    71      Fl-aħħar nett, il-Belt ta’ Ħelsinki bbenefikat minn vantaġġ ekonomiku inġustifikat minħabba l-ħlas ta’ għajnuna illegali mill-Istat. Bħala proprjetarja tal-ex HelB, hija l-ewwel irċeviet mingħand il-HelB il-ġdida l-prezz tax-xiri ta’ madwar EUR 36 miljun, imbagħad EUR 44 miljun bħala rkupru.

    72      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti.

    73      Fl-ewwel lok, l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni kellha tiddetermina l-prezz tal-bejgħ “korrett” tal-ex HelB huwa infondat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li teżisti differenza bejn il-konstatazzjoni tal-kontinwità ekonomika u d-determinazzjoni tal-proporzjon li fih għandu jsir l-irkupru mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat. Sabiex tiġi ddeterminata l-kontinwità ekonomika, ma huwiex neċessarju li l-Kummissjoni tiddetermina l-proporzjon eżatt li fih il-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat illegali għandhom iħallsu lura l-għajnuna. Kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata, għalhekk ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi kkonstatata din il-kontinwità, li jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq tal-attività ekonomika tal-ex HelB, iżda huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-prezz tal-bejgħ ta’ din l-attività ma kienx jikkorrispondi għall-prezz tas-suq (sentenzi tad‑29 ta’ April 2021, Fortischem vs Il‑Kummissjoni, C‑890/19 P, EU:C:2021:345, punti 77 sa 81, u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Fortischem vs Il‑Kummissjoni, T‑121/15, EU:T:2019:684, punt 221).

    74      Fit-tieni lok, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 159 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddetermina sa fejn l-għajnuna mill-Istat li l-irkupru tagħha kien ġie ordnat permezz tad-Deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi rkuprata mingħand l-appellanti. Hija r-Repubblika tal-Finlandja li għandha tieħu l-miżuri xierqa sabiex tikseb l-irkupru effettiv tas-somom dovuti.

    75      Fit-tielet lok, l-allegazzjoni tal-appellanti, li r-raġunament segwit mis-sentenza appellata jistabbilixxi differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn ix-xerrej ta’ impriża pubblika benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat u x-xerrej ta’ impriża privata benefiċjarja ta’ tali għajnuna, hija bbażata fuq konfużjoni dwar ir-rwoli distinti ta’ operatur pubbliku u ta’ operatur ekonomiku miżmum minn persuna pubblika.

    76      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tfakkar li ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, li kien dirett kontra l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida, ma hijiex ikkontestata fl-appell. Issa, peress li din il-kontinwità ekonomika għandha tiġi aċċettata, għandu jiġi konkluż li l-għajnuna illegali mill-Istat ġiet ittrasferita minn impriża waħda lill-impriża l-oħra.

     Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

    77      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li huwa mifhum li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, EU:C:1984:183, punt 25, u tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ Sajd tal-Pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55).

    78      Għalhekk, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li għandha tosserva l-Kummissjoni meta tiddeċiedi l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq minn tali deċiżjoni.

    79      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali huwa intiż sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti u dan l-għan jintlaħaq malli l-għajnuna inkwistjoni, flimkien mal-interessi moratorji jekk ikun il-każ, ikunu tħallsu lura mill-benefiċjarju jew, fi kliem ieħor, mill-impriżi li kellhom it-tgawdija effettiva tagħha. Permezz ta’ dan il-ħlas lura, il-benefiċjarju jitlef fil-fatt il-vantaġġ li minnu huwa jkun ibbenefika fis-suq fil-konfront tal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni qabel il-ħlas tal-għajnuna tiġi stabbilita mill-ġdid (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il‑Kummissjoni, C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    80      Huwa għalhekk li l-irkupru ta’ din l-għajnuna, bl-għan tal-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti, ma jistax bħala prinċipju jitqies li huwa miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 116 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-miżura ta’ rkupru tal-għajnuna illegali mill-Istat tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità biss jekk l-ammont li l-benefiċjarju tagħha jrid iħallas lura jkun ogħla mill-ammont aġġornat tal-għajnuna li jkun irċieva.

    81      Meta l-kumpannija benefiċjarja tal-għajnuna mill-Istat illegali tkun ġiet akkwistata minn kumpannija oħra, din l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mingħand il-kumpannija li tkompli l-attività ekonomika tal-impriża li tkun ibbenefikat mill-imsemmija għajnuna meta jiġi stabbilit li din il-kumpannija għadha effettivament tgawdi mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-istess għajnuna (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il‑Kummissjoni, C‑127/16 P, EU:C:2018:165, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jillimita l-obbligu ta’ rimbors tax-xerrej tal-impriża li tkun inizjalment ibbenefikat mill-għajnuna għall-ammont tal-vantaġġ kompetittiv li huwa effettivament żamm.

    82      L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, meta ddeċidiet, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddetermina sa fejn l-għajnuna mill-Istat kellha tiġi rkuprata mingħandha. Hija tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ammettiet f’dak il-punt li l-Kummissjoni setgħet timponi fuqha l-obbligu li tħallas lura l-għajnuna kollha mħallsa lill-ex HelB, mingħajr ma tevalwa sa fejn din l-għajnuna kienet effettivament ġiet trażmessa lilha.

    83      Madankollu, l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 159 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss, f’dan il-punt, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddetermina l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li l-awtoritajiet Finlandiżi kellhom jirkupraw mingħand il-HelB il-ġdida.

    84      Fil-fatt, permezz tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat il-kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida u minn dan iddeduċiet li l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna mill-Istat kellu jiġi estiż għall-HelB il-ġdida. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar il-quantum tal-għajnuna mogħtija lill-ex HelB li l-HelB il-ġdida effettivament baqgħet tgawdi minnha. Kif irrilevat dik l-istituzzjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, teżisti differenza bejn il-konstatazzjoni tal-kontinwità ekonomika u d-determinazzjoni tal-proporzjon li fih l-irkupru tal-għajnuna illegali għandu jsir mingħand il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna. Minn dan isegwi li l-appellanti ma tistax validament tallega li l-punt 157 tas-sentenza appellata jinkludi żball ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, irreferiet għal tali differenza.

    85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 159 tas-sentenza appellata, hija r-Repubblika tal-Finlandja li għandha tiddetermina l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li għandha tiġi rkuprata mingħand il-HelB il-ġdida.

    86      It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

    87      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’, konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

     Fuq irrikors quddiem ilQorti Ġenerali

    88      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    89      F’dan il-każ, hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi definittivament il-kawża, li hija fi stat li tiġi deċiża.

    90      Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-HelB il-ġdida ssostni li l-Kummissjoni kellha tadotta, wara x-xiri tagħha tal-ex HelB, deċiżjoni ta’ ftuħ addizzjonali tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tkun f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ dik il-proċedura. Barra minn hekk, l-appellanti tesponi li, billi naqset milli tadotta tali deċiżjoni sabiex tippermetti lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni kisret formalità essenzjali.

    91      Mill-punti 43 sa 64 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan il-motiv huwa fondat u għandu, għaldaqstant, jintlaqa’.

    92      Minn dan isegwi li, peress li l-ksur ta’ formalità essenzjali jwassal għall-annullament tal-att ipso jure (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et, C‑167/19 P u C‑171/19 P, EU:C:2022:176, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), id-Deċiżjoni kontenzjuża tista’ biss tiġi annullata.

     Fuq lispejjeż

    93      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    94      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-HelB il-ġdida, li saret Koiviston Auto Helsinki, talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-HelB il-ġdida, relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal14 ta’ Settembru 2022, Helsingin Bussiliikenne vs IlKummissjoni (T603/19, EU:T:2022:555), hija annullata.

    2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1814 tat28 ta’ Ġunju 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33846 – (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) implimentata mill-Finlandja għal Helsingin Bussiliikenne Oy, hija annullata.

    3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn Koiviston Auto Helsinki Oy, relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

    Top