This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0671
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 21 March 2024.#T GmbH v Bezirkshautpmannschaft Spittal an der Drau.#Request for a preliminary ruling from the Verwaltungsgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling – Environment – EU action in the field of water policy – Directive 2000/60/EC – Environmental objectives relating to surface water – Prevention of deterioration of the status of all bodies of surface water – Point 1.2.2 of Annex V – Definitions for ‘high’, ‘good’ and ‘moderate’ ecological status in lakes – Criteria for assessing the biological quality element ‘fish fauna’.#Case C-671/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-21 ta’ Marzu 2024.
T GmbH vs Bezirkshautpmannschaft Spittal an der Drau.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60/KE – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ – Punt 1.2.2 tal-Anness V – Definizzjonijiet tal-istati ekoloġiċi ‘għoli’, ‘tajjeb’ u ‘moderat’ fir-rigward tal-lagi – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika ‘fish fauna’.
Kawża C-671/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-21 ta’ Marzu 2024.
T GmbH vs Bezirkshautpmannschaft Spittal an der Drau.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60/KE – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ – Punt 1.2.2 tal-Anness V – Definizzjonijiet tal-istati ekoloġiċi ‘għoli’, ‘tajjeb’ u ‘moderat’ fir-rigward tal-lagi – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika ‘fish fauna’.
Kawża C-671/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:256
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)
21 ta’ Marzu 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60/KE – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ – Punt 1.2.2 tal-Anness V – Definizzjonijiet tal-istati ekoloġiċi ‘għoli’, ‘tajjeb’ u ‘moderat’ fir-rigward tal-lagi – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika ‘fish fauna’”
Fil-Kawża C‑671/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l‑Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura
T GmbH
vs
Bezirkshautpmannschaft Spittal an der Drau
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal T GmbH, minn V. Rastner, Rechtsanwältin,
– għall-Gvern Awstrijak, minn M. A. Posch, J. Schmoll u M. Kopetzki, bħala aġenti,
– għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce, D. O’Reilly u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn J. Doherty, SC, u minn E. McGrath, SC,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn T GmbH u l-Bezirkshauptmannschaft Spittal an der Drau (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Spittal an der Drau, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Amministrattiva”), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l‑awtorizzazzjoni li tibni kamra għaż-żamma tad-dgħajjes fuq lag.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 Il-premessa 25 tad-Direttiva 2000/60 hija fformulata kif ġej:
“Definizzjonijiet komuni tal-istat ta’ l-ilma f’termini ta’ kwalità u, fejn hu relevanti għall-iskop tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, ta’ kwantità, iridu jkunu mwaqqfa Għandhom ikunu ffissati għanijiet ambjentali biex jiżguraw stat tajjeb fl-ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ fil-Komunità u li tkun imwaqqfa d-deterjorazzjoni fl-istat tal-ilmijiet f’livell Komunitarju.”
4 L‑Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:
“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:
a) jipprevjeni aktar deterjorazzjoni u jipproteġi u jżid l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi u, bil-konsiderazzjoni tal-ħtiġiet tagħhom ta’ l-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi;
[...]”
5 L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
[...]
17) ‘Stat ta’ l-ilma tal-wiċċ’ hija l-espressjoni ġenerali ta’ stat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, stabbilit mill-ifqar stat ekoloġiku u tal-istat kimiku tiegħu.
18) ‘Stat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ’ ifisser l-istat milħuq mill-korp ta’ l-ilma tal-wiċċ meta l-istat ekoloġiku u l-istat kimiku tiegħu huma għall-inqas ‘tajbin’.
[...]
21) ‘Stat ekoloġiku’ hija espressjoni tal-kwalità ta’ struttura u funzjoni ta’ ekosistemi akkwatiċi assoċjati ma’ l-ilma tal-wiċċ, klassifikati skond l-Anness V.
22) ‘Stat ekoloġiku tajjeb’ huwa l-istat ta’ korp tal l-ilma tal-wiċċ, kif klassifikat skond l-Anness V.
[...]”
6 L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jipprovdi:
“1. Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:
a) għall-ilma tal-wiċċ
i) L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafu 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;
ii) L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għallapplikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi ta’ l-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;
[...]”
7 Il-punt 1.2 tal-Anness V ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet normattivi ta’ klassifikazzjonijiet ta’ stat ekoloġiku”, jistipula:
“Tabella 1.2. Definizzjoni ġenerali għal xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta
[It-test segwenti jagħti definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika. Għall‑finijiet tal-klassifikazzjoni, il-valuri tal-elementi ta’ kwalità tal‑istat ekoloġiku ta’ kull kategorija ta’ ilma tal-wiċċ huma dawk indikati fit-tabelli 1.2.1 sa 1.2.4 segwenti.]
Elememnti |
Stat għoli |
Stat tajjeb |
Stat moderat |
Ġenerali |
Mhemmx, jew hemm biss ftit alterazzjonijiet antropoġeni, għall-valuri ta’ l-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fisiko-kimika tat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ minn dawk Il-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għal korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jirriflettu dawk normalment assoċjati ma’ dak it-tip taħt kundizzjonijiet mhux disturbati, u li ma’ jurul-ebda evidenza jew tfixkil, jew huma minuri. Dawn huma l-komunitajiet u kundizzjonijiet ta’ tip speċifiku. |
Il-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ juru livelli baxxi ta’ tfixkil li jirriżultaw [mill-attività umana, iżda li joħorġu ftit biss] minn dawk normalment normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati. |
Il-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ joħorġu moderatament minn dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux-disturbati. Il-valuri juru sinjali moderati ta’ tfixkil li jirrizulta minn attività umana u huma |
Ilmijiet li jiksbu stat inqas minn moderat iridu jiġu kklassifikati bħala fqar jew ħżiena.
Ilmijiet li juru evidenza ta’ alterazzjoni maġġuri għall-valuri ta’ elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ u fejn il-komunitajiet bioloġiċi relevanti joħorġu sostanzjalment minn dawk assoċjati normalment mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux imfixkla, iridu jiġu klassifikati bħala fqar.
Ilmijiet li juru evidenza ta’ alterazzjonijiet kbar għall-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ u fejn partijiet kbar tal-Komunitajiet bioloġiċi relevanti normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux imfixxkla huma nieqsa, iridu jiġu klassifikati bħala ħżiena.
[...]
1.2.2. . Definizzjonijiet ta’ stat ekoloġiku għoli, tajjeb u moderat fil-lagi
Elementi ta’ kwalità bioloġika
Elementi |
Stat għoli |
Stat tajjeb |
Stat moderat |
[...] |
[...] |
[...] |
[...] |
Fish Fauna |
Kompożizzjoni u abbundanza tal-ispeċi tikkorrispondi totalment jew kważi totalment ma’ kundizzjonijiet mhux disturbati. L-ispeċi ta’ disturbanza-sensittiva u ta’ tip-speċifiku kollha huma preżenti. L-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut juru sinjal żgħir ta’ disturbanza antropoġenika u mhumiex indikattivi ta’ nuqqas fil-produzzjoni jew żvilupp ta’ xi speċi partikolari. |
Hemm ftit bdil f’kompożizzjoni u abbundanza tal-ispeċi mil-komunitajiet tat-tip-speċifiku attribwibbli għal impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u L-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut juru sinjali ta’ disturbanzi attributabbli għal impatti antropoġeniċi fuq elemnti ta’ kwalità idromorfoloġika jew fiżiko-kimika, u, fi |
Il-kopmpożizzjoni u abbundanza ta’ speċi tal-ħut jinbidlu moderatament mill-komunitajiet tat-tip speċifiku attributabbli għal impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromofoloġikali jew fiżiko-kimiku. L-istruttura tal-età tal-komunitajiet tal-ħut turi sinjali maġġuri ta’ disturbanzi antropoġeniċi, għall-estent li parti moderata tal-ispeċi tat-tip-speċifiku huma nieqsa jew ta’ abbundanza vera baxxa. |
[...]”
Id‑dritt Awstrijak
8 L-Artikolu 30a(1) tal-Wasserrechtsgesetz 1959 (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ilma tal‑1959), tas‑16 ta’ Ottubru 1959 (BGBl., 215/1959), fil-verżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2018 (BGBl I, 73/2018) (iktar ’il quddiem il-“WRG”), jipprevedi, essenzjalment, li l-ilmijiet tal-wiċċ għandhom jiġu protetti, imtejba u msaħħa sabiex l-istat tagħhom ma jiddeterjorax u li l-aħjar stat ta’ ilma tal-wiċċ jintlaħaq meta l-korp tal-ilma tal-wiċċ ikollu stat ekoloġiku u stat kimiku għall-inqas tajjeb.
9 Skont il-punt 1(b) tal-Artikolu 104a(1) tal-WRG, il‑proġetti li għalihom, minħabba bidliet fil-karatteristiċi idromorfoloġiċi ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew minħabba bidliet fil-livell ta’ ilma ta’ korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, huwa probabbli li l-istat ta’ korp tal-ilma tal‑wiċċ jew ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art jiddeterjora, huma fi kwalunkwe każ proġetti li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-interessi ta’ natura pubblika.
10 Skont l-Artikolu 105(1) tal-WRG, talba għal awtorizzazzjoni ta’ proġett tista’ tiġi miċħuda fl-interess pubbliku meta jkun hemm riskju ta’ deterjorament sinjifikattiv tal-istat ekoloġiku tal-ilmijiet jew meta jkun ikkonstatat preġudizzju sostanzjali għall-għanijiet li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
11 Fis‑7 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat applikazzjoni għal awtorizzazzjoni quddiem l-Awtorità Amministrattiva sabiex tibni kamra għaż-żamma tad-dgħajjes ta’ daqs ta’ 7 m x 8.5 m fuq il-lag Weißensee (l-Awstrija). Dan il-lag ta’ oriġini naturali, li jinsab fil-Land ta’ Kärnten, għandu superfiċji ta’ 6.53 km².
12 Peress li din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il‑Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten, l-Awstrija), li, permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Frar 2020, ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ ċaħda. Din il-qorti qieset li l-istat ġenerali tal-ilmijiet tal-wiċċ tal-lag kien “fqir” minħabba l-kwalità tal-fish fauna. Hija kkunsidrat li għalkemm l-elementi kollha ta’ kwalità idromorfoloġika u fiżiko-kimiċi kif ukoll l-elementi ta’ kwalità bijoloġika “fitoplankton” u “makrofiti” kienu fi stat tajjeb ħafna, hija kellha tagħmel evalwazzjoni globali tal-elementi ta’ kwalità u tadotta, bħala kriterju determinanti ta’ klassifikazzjoni, l-element li għandu l-ifqar stat. L-istat fqir tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” jirriżulta minn ġestjoni ħażina tar-riżorsi tas-sajd, peress li ċ-ċensiment attwali tal-popolazzjonijiet tal-ħut ippermetta li jiġi kkonstatat li, mit-tmien speċi inizjali ta’ ħut, sitta biss kienu għadhom preżenti, filwaqt li kienu żdiedu disa’ speċi ta’ ħut li ma humiex indiġeni.
13 Skont il-Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten), l-obbligu ta’ titjib tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ u l-obbligu li jintlaħaq stat tajjeb ta’ dawn l-ilmijiet, li huma imposti fuq l-Istati Membri skont id-Direttiva 2000/60, jipprojbixxuhom milli jadottaw kull miżura li tista’ tostakola titjib jew li ma għandhiex l-għan li tikkontribwixxi għal titjib. Din il-qorti tippreċiża li jekk il-kostruzzjoni ta’ kamra għaż-żamma tad-dgħajjes qrib xtut tal-lag ma twassalx għal bidla fl-istat ġenerali tal-ilmijiet tal-lag, din ma twassalx għal titjib tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ tiegħu peress li hija ser tippreġudika il-postijiet naturali eżistenti fejn ibid il-ħut.
14 Adita b’appell fuq punt ta’ liġi ppreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2020, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, tqis li d-Direttiva 2000/60 ma timponix li tiġi rrifjutata l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li, għalkemm ma jwasslux għal deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma, ma jikkontribwixxux għall-istat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ, iżda tistipula biss li tiġi rrifjutata l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati.
15 Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari l-punt 51 tas-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433), l-Istati Membri huma obbligati, bla ħsara għall-għoti ta’ deroga, li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari meta dan jista’ jipprovoka deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal‑wiċċ jew meta jkkomprometti l-kisba ta’ stat tajjeb ta’ ilmijiet tal-wiċċ jew ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb ta’ tali ilmijiet. Din il-qorti tfakkar ukoll il-ġurisprudenza li tgħid li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati, meta jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ programm jew ta’ proġett partikolari mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni konsegwenzi negattivi temporanji ta’ dawn il-programmi jew proġetti fuq il-kwalità tal-ilmijiet, sakemm dawn il-konsegwenzi ma jkollhomx biss manifestament ftit impatt fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati.
16 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li, fit-tilwima pendenti quddiemha, huwa neċessarju, l-ewwel nett, li jiġu evalwati l-miżuri intiżi sabiex jintlaħaq stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ u, fit-tieni lok, li jiġi evalwat jekk dan il-proġett għandux konsegwenzi sinjifikattivi fuq dawn il-miżuri. Hija tippreċiża li tali evalwazzjoni tippreżupponi li l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ inkwistjoni jiġi kklassifikat f’livell inferjuri għal-livell “stat tajjeb”. Minħabba f’hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-disturb tal-fish fauna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-fehma tagħha, jirriżulta biss mill-miżuri meħuda mill-industrija tas-sajd u mhux mill-effetti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi jew idromorfoloġiċi, iwassalx sabiex l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ jiġi kklassifikat f’livell inferjuri għal-livell “stat tajjeb”.
17 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm kawżi oħra minbarra l-effetti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-istat ekoloġiku tal-ilmijiet tal-wiċċ, l-istat tal-ilma tal-lag inkwistjoni għandu jiġi kklassifikat fil-livell “fqir”. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-mod kif għandu jiġi kklassifikat l-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” u dwar il-livell ta’ klassifikazzjoni li jista’ jiġi attribwit lilu.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Il-punt 1.2.2 (Definizzjonijiet ta’ stat ekoloġiku għoli, tajjeb u moderat fil-lagi) tal-Anness V tad-Direttiva [2000/60] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘kundizzjonijiet disturbati’ fit-tabella ‘Elementi ta’ kwalità bioloġika’, fil-linja ‘Fish fauna’, fil-kolonna “Stat għoli” għandhom jinftiehmu esklużivament bħala kundizzjonijiet antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiċi-kimiċi u idromorfoloġiċi?
2) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li bidla minn stat għoli għall-element ta’ kwalità bioloġika ‘fish fauna’, li hija dovuta għal kundizzjonijiet disturbati li ma humiex influwenzi antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiċi-kimiċi u idromorfoloġiċi, twassal sabiex l-element ta’ kwalità bijoloġika għal ‘fish fauna’ ukoll ma jistax jiġi kklassifikat bħala ta’ ‘stat tajjeb’ jew ta’ ‘stat moderat’?”
Fuq l‑ammissibbiltà
19 Preliminarjament, il-Kummissjoni Ewropea tirrileva, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tippreżumi li l-iżbalji fil-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u “l-impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika jew fiżiko-kimiċi” fis-sens tal-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, huma żewġ impatti antropoġeniċi differenti. Hija tenfasizza li d-domandi preliminari jkunu irrilevanti jekk dawn l-iżbalji, li l-qrati Awstrijaċi jikkunsidraw bħala l-kawża tal-klassifikazzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ ikkonċernati fil-livell “fqir”, kellhom jiġu kkunsidrati bħala “impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fiżiko-kimiċi”, fis-sens ta’ dan il-punt 1.2.2 tal-Anness V.
20 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li għalhekk l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2023, WertInvest Hotelbetrieb, C‑575/21, EU:C:2023:425, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Minbarra dan, hemm lok li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza wkoll stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll li għandha tiddetermina l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, mingħajr ma tkun tista’ tikkontesta jew tivverifika l-eżattezza tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Real Vida Seguros, C‑449/20, EU:C:2021:721, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 F’dan il-każ, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li s-sajd jista’ jkollu effetti fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u possibbilment idromorfoloġiċi tal-ilmijiet tal-wiċċ, minn ebda element tal-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ma jirriżulta li l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd jikkostitwixxu, fi kwalunkwe każ, miżuri li għandhom effetti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi tal-ilmijiet tal-wiċċ.
23 Konsegwentement, id-domandi magħmula, li ma jidhrux bħala li huma irrilevanti, huma ammissibbli.
Fuq id‑domandi preliminari
24 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1.2.2. tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” id-“disturbi antropoġeniċi” fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut meta mqabbla mal-komunitajiet ta’ tip speċifiku, fis-sens ta’ dan il-punt, jistgħu jirriżultaw biss mill-“impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġiċi jew fiżiko-kimiċi” tal-lagi u mhux minn effetti antropoġeniċi oħra bħal miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd. Jekk le, hija tixtieq tkun taf jekk, għall-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-“fish fauna”, il-kawżi kollha ta’ disturbi humiex rilevanti.
25 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fl-ipoteżi fejn dawn id-disturbi għandhom jitqiesu bħala li jistgħu jiġu kkawżati minn miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, l-istat ekoloġiku tal-ilmijiet tal-lag inkwistjoni għandu jiġi kklassifikat fil-livell “fqir”. Jekk dan kellu jkun il-każ, hija tqis neċessarju, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġi ddeterminat jekk, sabiex jinkiseb stat tajjeb globali tal-ilmijiet tal-lag, l-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” għandux ikollu “stat tajjeb” jew “stat għoli” ekoloġiku. Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-konsegwenzi, għall-klassifikazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ disturb li ma jirriżultawx minn effetti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi jew idromorfoloġiċi. Hija tistaqsi jekk dan l-element jistax għalhekk jiġi kklassifikat aħjar milli fil-livell “fqir” jew, għall-kuntrarju, fil-livelli kollha, peress li l-kawżi kollha għall-bidla meta mqabbla mal-“istat għoli” huma f’dan il-każ rilevanti.
26 Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2015, Surmačs, C‑127/14, EU:C:2015:522, punt 28, u tas‑16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Austria), C‑2/15, EU:C:2016:880, punt 19).
27 Fl-ewwel lok, skont il-kliem tal-punt 1.2.2. tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku ta’ lag skont il-livell “għoli”, “tajjeb” jew “moderat” tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” tiddependi, b’mod partikolari, mil-livell ta’ differenza li teżisti bejn il-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut li jinsabu fil-lag u fil-komunitajiet ta’ tip speċifiku. Dan il-punt jippreċiża li l-kompożizzjoni u l-abbundanza ta’ dawn l-ispeċi huma, skont il-każ, eżentati minn “disturbanza antropoġenika” jew mibdula meta mqabbla mal-komunitajiet ta’ tip speċifiku minħabba “impatti antropoġeniċi”.
28 Għalhekk, ir-riferiment għal kawżi antropoġeniċi, sabiex jitkejlu d-differenzi li dehru fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut meta mqabbla mal-komunitajiet ta’ tip speċifiku, japplika għad-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi kollha. L-istati ekoloġiċi “tajba” u “moderati”, iddefiniti fir-rigward tal-kobor ta’ dawn id-differenzi, madankollu jippreċiżaw li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kawżi ta’ ċerta natura. Fil-fatt, mid-definizzjoni ta’ dawn iż-żewġ stati ekoloġiċi jirriżulta li d-differenzi ħfief jew moderati tal-ispeċi preżenti f’lag meta mqabbla mal-komunitajiet ta’ tip speċifiku ta’ dan il-lag għandhom ikunu dovuti għal “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi”.
29 Għalhekk, minn interpretazzjoni testwali tal-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jista’ jirriżulta li huma biss l-effetti ta’ tali natura li jkunu determinanti sabiex issir il-klassifikazzjoni f’wieħed jew l-ieħor minn dawn l-istati. F’tali ipoteżi, bidliet fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi, ikkawżati minn miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd jew minn kwalunkwe miżura mhux dovuta għal effetti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi, ma humiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk għandux jiġi kkunsidrat li korp ta’ ilma tal-wiċċ jinsab fi stat ekoloġiku “tajjeb” jew “moderat”.
30 Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-iskop tagħha ma tistax ikollha bħala riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Mensing, C‑180/22, EU:C:2023:565, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 27 sa 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 ma huwiex nieqes minn ambigwità.
32 Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tal-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 ma tistax tkun ibbażata biss fuq il-formulazzjoni tiegħu, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-kuntest u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva.
33 Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat il-kuntest ta’ dan il-punt 1.2.2 u b’mod partikolari, it-tabelli differenti li jinsabu fil-punt 1.2 u fil-punti sussidjarji segwenti tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60. Dan il-punt 1.2, espost fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, jinkludi tabella 1.2 intitolata “Definizzjoni ġenerali għal xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta”, li tikkaratterizza b’mod globali t-tliet stati ekoloġiċi – “għoli”, “tajjeb” u “moderat” ta’ dawn l-ilmijiet kif ukoll tliet paragrafi li jiddefinixxu dak li għandu jinftiehem b’klassifikazzjonijiet “fqar” u “ħżiena” tal-imsemmija ilmijiet. Il-punti 1.2.1. sa 1.2.4. ta’ dan l-anness jinkludu definizzjonijiet speċifiċi tal-istati ekoloġiċi, rispettivament, tax-xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta. Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istat ekoloġiku ta’ kull tip ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni tliet kategoriji ta’ elementi ta’ kwalità, jiġifieri l-elementi ta’ kwalità bijoloġika, l-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika, fejn kull wieħed minn dawn l-elementi ta’ kwalità jinkludi parametri speċifiċi.
34 Għalhekk, din it-tabella 1.2, meta tiddefinixxi b’mod ġenerali l-“istat għoli” tal-ilmijiet tal-wiċċ, tirreferi għall-fatt li “[i]l-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għal korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jirriflettu dawk normalment assoċjati ma’ dak it-tip taħt kundizzjonijiet mhux disturbati, u li ma’ juru l-ebda evidenza jew tfixkil, jew huma minuri” u tippreċiża li “[d]awn huma l-komunitajiet u kundizzjonijiet ta’ tip speċifiku”.
35 F’dak li jirrigwarda l-“istat tajjeb” ekoloġiku, l-imsemmija tabella 1.2 tipprevedi li “[i]-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ juru livelli baxxi ta’ tfixkil li jirriżultaw [mill-attività umana, iżda li joħorġu ftit biss] minn dawk normalment normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati” , filwaqt li, għall-istat ekoloġiku “moderat”, din tindika li dawn il-valuri “juru sinjali moderati ta’ tfixkil li jirrizulta minn attività umana u huma sinifikament aktar disturbati minn taħt kundizzjonijiet ta’ stat tajjeb” u li huma “joħorġu moderatament minn dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux-disturbati”.
36 Għaldaqstant, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika tal-ilmijiet tal-wiċċ ma tirreferix għal disturbi marbuta ma’ kawżi speċifiċi, bħall-alterazzjonijiet antropoġeniċi tal-valuri tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi.
37 B’hekk, għall-kategorija dwar l-“istat għoli” ekoloġiku, ma jirriżultax mid-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika, li tinsab fit-tabella 1.2. tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, u lanqas mid-definizzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, li tinsab fit-tabella 1.2.2. ta’ dan l-anness li l-alterazzjonijiet antropoġeniċi, id-disturbi antropoġeniċi jew it-tfixkil li għalihom isir riferiment jikkonċernaw biss l-elementi ta’ kwalità bħala fiżiko-kimiċi u idromorfoloġiċi.
38 Bl-istess mod, għall-kategoriji dwar l-“istat tajjeb” ekoloġiku u l-istat tajjeb “moderat”, peress li huma ddefiniti, f’dawn iż-żewġ tabelli, abbażi tal-istess indikaturi bħal stat “għoli” ekoloġiku, skont id-differenza kkonstatata mal-valuri normali, ikun kontradittorju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jittieħed inkunsiderazzjoni kull disturb fl-evalwazzjoni ta’ dan l-aħħar stat u ma jittiħdux inkunsiderazzjoni wħud minn dawn id-disturbi meta għandha titkejjel id-differenza bejn l-imsemmi stat u l-istat “tajjeb” u l-istat “moderat”.
39 Tali interpretazzjoni hija, fit-tielet lok, konformi mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2000/60. Fil-fatt, interpretazzjoni stretta tal-kriterju “taħt kundizzjonijiet mhux disturbati” fis-sens tat-tabella 1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li twassal, waqt il-klassifikazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni ċerti effetti antropoġeniċi, bħal miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, tkun kontra l-għan aħħari tad-Direttiva 20006/60, hekk kif jirriżulta mill-premessa 25 u mill-Artikolu 1(a) tagħha, li jikkonsisti li jintlaħaq, permezz ta’ azzjoni kkoordinata, l-“istat tajjeb” tal-ilmijiet tal-wiċċ kollha tal-Unjoni Ewropea fl-orizzont tas-sena 2015 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punti 35 sa 37).
40 Fil-fatt mill-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li din għandha bħala għan li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li jipprevjeni iktar deterjorament u li jipproteġi u jżid l-istat tal-ekosistemi akkwatiċi u, bil-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom tal-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuqhom.
41 L-għanijiet ambjentali li l-Istati Membri huma obbligati jilħqu fir-rigward tal-ilmijiet tal-wiċċ huma ppreċiżati fl-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva, dispożizzjoni li, bħalma ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, timponi żewġ għanijiet distinti, għalkemm intrinsikament marbuta. Minn naħa, konformement mal-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ (obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament). Min-naħa l-oħra, skont il-punti (ii) u (iii) tal-imsemmija dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jsaħħu l-korpi kollha ta’ ilma tal-wiċċ sabiex jintlaħaq “stat tajjeb” ta’ dawn il-korpi tal-ilma sa mhux iktar tard mit‑22 ta’ Diċembru 2015 (obbligu ta’ titjib) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 39).
42 Kemm l-obbligu ta’ titjib kif ukoll l-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma huma intiżi sabiex jitwettqu l-għanijiet kwalitattivi mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri l-preżervazzjoni jew it-tisħiħ ta’ stat tajjeb, ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 41).
43 F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jillimitax ruħu li jistabbilixxi, skont formulazzjoni programmatika, għanijiet sempliċi ta’ ppjanar ta’ ġestjoni, iżda jipproduċi effetti vinkolanti, ladarba jiġi stabbilit l-istat ekoloġiku ta’ korp tal-ilma, f’kull stadju tal-proċedura stipulata minn din id-direttiva. Għalhekk din id-dispożizzjoni ma tinkludix biss obbligi ta’ prinċipju, iżda tikkonċerna wkoll proġetti partikolari (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ), C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, u għalhekk qabel it-teħid ta’ deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huma obbligati, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60, li jivverifikaw jekk dan il-proġett jistax ikollu effetti negattivi fuq l-ilma li jkunu kuntrarji għall-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament u ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ), C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Issa, il-protezzjoni tal-istat ekoloġiku tal-ekosistemi akwatiċi ma tistax tiġi żgurata jekk, waqt l-evalwazzjoni tal-istat tal-fish fauna tal-lagi, ikun permess li jiġu injorati d-disturbi antropoġeniċi fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut jew disturbi oħrajn li ma jirriżultawx minn alterazzjoni tal-elementi ta’ kwalità fisiko-kimiċi u idromorfoloġiċi.
46 Barra minn hekk, interpretazzjoni stretta tal-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, li tgħid li l-istat ekoloġiku “għoli” tal-fish fauna ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni ċerti alterazzjonijiet antropoġeniċi, iċċaħħad lill-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” stess minn kwalunkwe rilevanza. Fil-fatt, fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2000/60, ikun kuntrarju għal dawn tal-aħħar li jiġi kkunsidrat li ċertu deterjorament tal-fish fauna, bħal, jekk ikun il-każ, deterjorament tal-istokkijiet tal-ħut, ma jaffettwax il-klassifikazzjoni tal-kwalità tal-fish fauna skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Anness V ta’ din id-direttiva.
47 Hekk kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet rilevanti tikkonferma li, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna, għandhom jiġu kkunsidrati d-disturbi kollha fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi tal-ħut kif ukoll fl-istrutturi tal-età ta’ dawn il-komunitajiet.
48 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 1.2.2. tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, b’“disturb antropoġeniku” fis-sens ta’ dan il-punt, għandu jinftiehem kull disturb li għandu bħala oriġini attività umana, inkluż kull bidla li tista’ taffettwa l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut, u, min-naħa l-oħra dawn id-disturbi kollha huma rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-“fish fauna”.
Fuq l-ispejjeż
49 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-punt 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
minn naħa, fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, b’“disturb antropoġeniku” fis-sens ta’ dan il-punt, għandu jinftiehem kull disturb li għandu bħala oriġini attività umana, inkluż kull bidla li tista’ taffettwa l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi tal-ħut, u, min-naħa l-oħra dawn id-disturbi kollha huma rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-“fish fauna”.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.