Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0655

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2023.
I GmbH & Co. KG vs Hauptzollamt HZA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzhof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Settur taz-zokkor – Imposti fuq il-produzzjoni – Regolament (UE) Nru 1360/2013 – Dritt għar-rimbors tal-imposti mħallsa indebitament – Termini ta’ dekadenza u ta’ preskrizzjoni – Natura definittiva tad-deċiżjonijiet ta’ likwidazzjoni – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prinċipju ta’ ċertezza legali.
Kawża C-655/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:993

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

14 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Settur taz-zokkor – Imposti fuq il-produzzjoni – Regolament (UE) Nru 1360/2013 – Dritt għar-rimbors tal-imposti mħallsa indebitament – Termini ta’ dekadenza u ta’ preskrizzjoni – Natura definittiva tad-deċiżjonijiet ta’ likwidazzjoni – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Fil-Kawża C‑655/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

I GmbH & Co. KG

vs

Hauptzollamt HZA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu–Matei, Presidenta tal-Awla, J.–C. Bonichot u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal I GmbH & Co. KG, minn D. Ehle, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u B. Hofstötter, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1360/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006, il-koeffiċjent meħtieġ għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għas-snin tas-suq 2001/2002 u 2004/2005 u l-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-imposta massima u l-imposta li għandha titħallas għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004 u 2005/2006 (ĠU 2013, L 343, p. 2).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn I GmbH & Co. KG u l-Hauptzollamt HZA (l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tad-Dwana”), dwar ir-rimbors tal-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor imħallsa indebitament għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1150/2000

3

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3 p. 169), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 105/2009 tas-26 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, L 36, p. 1), kien jipprevedi:

“1.   Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Komunità għar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni [tal-Kunsill] 2007/436/KE, Euratom [tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17)] għandhom ikunu stabbiliti malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur.

2.   Id-data tat-twaqqif [Id-data li għandha tintuża għall-konstatazzjoni] li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għandu tkun id-data tad-dħul fil-kotba tal-kontijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom fir-regolament doganali.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-imposti u taxxi oħra konnessi ma’ l-organizzazzjoni komuni għas-suq taz-zokkor, id-data tat-twaqqif [id-data li għandha tintuża għall-konstatazzjoni] li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tan-notifika permezz tar-regolamenti taz-zokkor [id-data tan-notifika prevista mir-regolamenti tas-settur taz-zokkor].

Jekk għal dik in-notifika ma jkunx hemm dispożizzjoni espliċita dwarha, id-data [li għandha tintuża] għandha tkun id-data tat-twaqqif [tal-iffisar] mill-Istati Membri tal-ammonti dovuti mid-debituri, fejn meħtieġ bħala pagament bil-quddiem jew pagament tal-bilanċ.

[…]

4.   Il-paragrafu 1 għandu jkun applikabbli meta notifika għandha tkun ikkorreġuta.”

Ir-Regolament Nru 1360/2013

4

Il-premessi 10 sa 12 u 23 tar-Regolament Nru 1360/2013 jistipulaw:

“(10)

[Permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et (C-113/10, C-147/10 u C-234/10, EU:C:2012:591)] l-Qorti ddikjarat lir-Regolament [tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2009 tat-3 ta’ Novembru 2009 li jirrettifika r-Regolamenti (KE) Nru 1762/2003, (KE) Nru 1775/2004, (KE) Nru 1686/2005, (KE) Nru 164/2007 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006 (ĠU 2009, L 321, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 347, p. 32)] bħala invalidu, fejn stqarret li, għall-fini tal-kalkolu tat-telf medju stmat għal kull tunnellata ta’ prodott, l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1260/2001 [tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor] kellu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-ammont totali ta’ rifużjonijiet tinkludi l-ammont totali tal-esportazzjoni effettivament imħallsa.

(11)

Konsegwentement, l-imposti fis-settur taz-zokkor għandhom ikunu ffissati fil-livell xieraq. […]

(12)

Meta jitqies li l-metodu ntuża sabiex jiġu kkalkulati l-imposti għas-sena tas-suq 2001/2002 kien l-istess bħal dak invalidat mill-Qorti, l-imposti tal-produzzjoni kif ukoll il-koeffiċjenti tal-imposta addizzjonali għas-sena tas-suq 2001/2002 għandhom ukoll jiġu kkoreġuti kif xieraq.

[…]

(23)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex ikun żgurat li jkun hemm trattament uniformi tal-operaturi kkonċernati fi Stati Membri differenti, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita data komuni li fiha l-imposti ffissati skont dan ir-Regolament għandhom ikunu stabbiliti […] Madankollu, din l-iskadenza ma għandhiex tapplika fejn l-Istati Membri huma meħtieġa, mil-liġi nazzjonali, li jirrimborżaw lil operaturi kkonċernati wara dik id-data.”

5

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“L-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006 għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness.”

6

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament:

“Id-data tat-twaqqif [tal-iffissar], kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-[Regolament Nru 1150/2000], tal-imposti ffissati b’dan ir-Regolament, għandha tkun mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2014, ħlief meta l-Istati Membri jiġu impeduti milli jirrispettaw dik l-iskadenza minħabba l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar l-irkupru minn operaturi ekonomiċi tas-somom imħallsin iżda mhux dovuti.”

7

It-tieni sar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1360/2013 jistabbilixxu d-dati li minnhom għandhom japplikaw l-imposti fuq il-produzzjoni, li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tas-snin tas-suq 2001/2002 sa 2005/2006. Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, dan għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl-20 ta’ Diċembru 2013.

Ir‑Regolament (UE) 2018/264

8

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/264 tad-19 ta’ Frar 2018 li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001 (ĠU 2018, L 51, p. 1), jipprovdi:

“Id-differenza bejn l-imposti ffissati bir-Regolamenti [tal-Kummissjoni] (KE) Nru 2267/2000 [tat-12 ta’ Ottubru 2000 li jiffissa għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000, l-ammonti tal-imposti fuq il-produzzjoni kif ukoll il-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor (ĠU 2000, L 259, p. 29)] u [tal-Kummissjoni] (KE) Nru 1993/2001 [tal-11 ta’ Ottubru 2001 li jiffissa, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001, l-ammonti tal-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor (ĠU 2001, L 271, p. 15)] u l-imposti previsti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi rrimborżata lil dawk l-operaturi ekonomiċi li ħallsu imposti fir-rigward tas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001, bl-applikazzjoni debitament iġġustifikata ta’ dawn tal-aħħar.”

Id‑dritt Ġermaniż

9

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tal-Marktorganisationsgesetz (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Swieq), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kienet tipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-[Abgabeordnung (il-Kodiċi tat-Taxxa)] […] għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-imposti għall-finijiet tal-organizzazzjoni tas-swieq li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2), huma imposti fuq prodotti li huma s-suġġett tal-organizzazzjoni tas-swieq, sa fejn din il-liġi jew regolamenti adottati b’applikazzjoni tagħha ma jipprevedux regola li tidderoga minn dawn id-dispożizzjonijiet.”

10

L-Artikolu 169(1) u (2) tal-Kodiċi tat-Taxxa, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi:

“(1)   L-iffissar tat-taxxa kif ukoll l-annullament jew l-emenda tagħha ma humiex iktar awtorizzati meta t-terminu għall-iffissar tagħha jkun skada. […]

(2)   It-terminu għall-iffissar tat-taxxa huwa ta’:

1.

sena fir-rigward tat-taxxi fuq il-konsum jew ir-rimbors tagħhom,

2.

erba’ snin fir-rigward tat-taxxi u tar-rimbors tagħhom, li ma jikkostitwixxux taxxi jew ir-rimbors tagħhom fis-sens tal-punt 1, jew taxxi fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fis-sens tal-punti 10 u 11 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali.”

11

L-Artikolu 170(1) ta’ dan il-kodiċi kien ifformulat kif ġej:

“It-terminu għall-iffissar jibda jiddekorri mill-aħħar tas-sena kalendarja li matulha titnissel it-taxxa jew li matulha taxxa kundizzjonali tkun saret inkundizzjonali.”

12

Skont l-Artikolu 171(3) tal-imsemmi kodiċi:

“Meta, barra mill-kuntest ta’ proċedura ta’ lment jew ta’ appell, titressaq talba għall-iffissar tat-taxxa jew talba għal annullament, għal modifika jew għal rettifika tal-iffissar tat-taxxa skont l-Artikolu 129 qabel l-iskadenza tat-terminu għall-iffissar, dan it-terminu ma jiskadix f’dan ir-rigward qabel ma tkun ingħatat deċiżjoni li ma tistax tiġi appellata fuq din it-talba.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

I kienet suġġetta, bħala kumpannija li tipproduċi z-zokkor, għas-sistema ta’ imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, prevista mir-Regolament Nru 1260/2001, għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 sa 2005/2006.

14

L-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet ġie ddeterminat skont ir-regolamenti adottati kull sena mill-Kummissjoni Ewropea. Għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002, dan l-ammont għalhekk ġie ddeterminat skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1837/2002 tal-15 ta’ Ottubru 2002 li jiffissa, għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002, l-ammonti tal-imposti fuq il-produzzjoni kif ukoll l-koeffiċjent għall-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor (ĠU 2002, L 278, p. 13).

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2002, adottata skont dan ir-regolament, l-Uffiċċju tad-Dwana stabbilixxa l-ammont tal-imposti fuq il-produzzjoni li għandhom jitħallsu minn I għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2002”).

16

Permezz tas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich et (C‑5/06 u C‑23/06 sa C-36/06, EU:C:2008:260), kif ukoll permezz tad-digrieti tas-6 ta’ Ottubru 2008, Raffinerie Tirlemontoise (C‑200/06, mhux ippubblikat, EU:C:2008:541), u tas‑6 ta’ Ottubru 2008, SAFBA (C‑175/07 sa C‑184/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:543), ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2002/2003 sa 2004/2005 ġew iddikjarati invalidi mill-Qorti tal-Ġustizzja.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2010, l-Uffiċċju tad-Dwana ċaħad talba għal emenda tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2002 imressqa minn I.

18

Permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et (C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591), ir-Regolament Nru 1193/2009, li kien emenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2002/2003 sa 2004/2005, min-naħa tiegħu, ġie ddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Wara l-għoti ta’ dik is-sentenza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa mill-ġdid l-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 sa 2005/2006, billi adotta r-Regolament Nru 1360/2013, li permezz tiegħu huwa naqqas l-imposti relatati ma’ dawn is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni.

19

Fit-18 ta’ Diċembru 2014, I ressqet talba ġdida quddiem l-Uffiċċju tad-Dwana intiża għall-modifika tal-imposti u għar-rimbors tal-ammonti mħallsa żejda, flimkien mal-interessi, ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1360/2013.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2016, ikkonfermata wara proċedura ta’ lment, l-Uffiċċju tad-Dwana ċaħad din it-talba l-ġdida, għar-raġuni li d-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2002 kienet saret definittiva.

21

Il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn I kontra d-deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2016, għar-raġuni li t-tnaqqis retroattiv tal-imposti mwettaq mir-Regolament Nru 1360/2013 ma kellu ebda effett fuq id-deċiżjoni definittiva tal-25 ta’ Novembru 2002, peress li l-modifika ta’ din id-deċiżjoni kienet esklużivament irregolata mid-dritt nazzjonali.

22

I ppreżentat rikors għal reviżjoni minn dik is-sentenza quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tagħha, hija ssostni li, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland (C‑360/18, EU:C:2019:1124), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-eżistenza ta’ dritt, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, għar-rimbors tal-imposti mħallsa indebitament. I ssostni li kien biss mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1360/2013 li dawn il-kontribuzzjonijiet setgħu jiġu ddeterminati korrettament u li għalhekk hija kienet f’pożizzjoni li teżerċita dan id-dritt għar-rimbors. Għaldaqstant, ma hemmx lok li d-dritt għar-rimbors jiġi suġġett għal annullament jew għal emenda tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2002. I tikkonkludi minn dan li l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi li l-Uffiċċju tad-Dwana juża t-termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali u n-natura definittiva ta’ dik id-deċiżjoni.

23

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1360/2013 u dwar ir-relazzjonijiet bejn il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali u s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland (C‑360/18, EU:C:2019:1124).

24

F’dan ir-rigward, hija tqis, qabelxejn, li d-dritt tal-Unjoni ma jirregolax il-kundizzjonijiet proċedurali sabiex jiġu emendati d-deċiżjonijiet li jiffissaw il-kontribuzzjonijiet adottati skont ir-Regolament Nru 1837/2002 u sabiex titressaq talba għal rimbors. Skont l-istess qorti tar-rinviju, dawn il-kundizzjonijiet huma għalhekk irregolati mid-dritt nazzjonali, konformement mal-modalitajiet proċedurali previsti minn dan id-dritt.

25

Issa, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, skont il-qorti tar-rinviju I ma għandhiex dritt għar-rimbors tal-ammonti ta’ imposti mħallsa indebitament. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2002 akkwistat natura definittiva u ma għadux iktar possibbli li tiġi emendata retroattivament, peress li t-terminu għall-iffissar tal-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 skada fix-xahar ta’ Frar 2010, iżda qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1360/2013. Skont il-qorti tar-rinviju, sa fejn id-dritt Ġermaniż ma jipprevedix rimbors tal-imposti fuq il-produzzjoni fl-assenza ta’ emenda tad-deċiżjoni amministrattiva definittiva li permezz tagħha ġew stabbiliti dawn l-imposti, ir-rimbors tal-imsemmija imposti mħallsa indebitament huwa possibbli biss bil-kundizzjoni li dritt għar-rimbors jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni.

26

Dik il-qorti tqis, sussegwentement, li tali dritt ma jirriżultax awtomatikament mir-Regolament Nru 1360/2013, sa fejn għaliha ma jidhirx b’mod ċar f’liema każijiet, u taħt liema kundizzjonijiet proċedurali, għandha ssir ir-rettifika retroattiva prevista minn dan ir-regolament. Il-fatt li rettifika retroattiva ma tinvolvix awtomatikament dritt għar-rimbors jista’ wkoll jiġi dedott a contrario mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament 2018/264, applikabbli għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001, li fih il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kien min-naħa l-oħra espressament ippreveda tali dritt, li kien ikun inutli li kieku dan id-dritt kien jirriżulta immedjatament mill-emenda tal-imposti.

27

Madankollu, l-imsemmija qorti hija tal-fehma li dritt għar-rimbors ta’ imposti mħallsa indebitament jirriżulta mir-rekwiżit li tiġi żgurata l-effettività tar-Regolament Nru 1360/2013, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland (C‑360/18, EU:C:2019:1124), b’tali mod li huwa biss l-ammont eżatt tal-imposti li jaqa’ fuq il-produtturi taz-zokkor. Hija żżid li, għalkemm il-proċedura u l-modalitajiet ta’ rimbors, li minnhom jagħmlu parti t-termini ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza, jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali, l-Istati Membri għandhom madankollu josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, b’tali mod li ma għandux ikun prattikament impossibbli għall-produtturi taz-zokkor li jippreżentaw talba għal rimbors. F’dan il-każ, l-iskadenza tat-terminu għall-iffissar tal-imposti, u n-natura definittiva tal-istimi tat-taxxa li tirriżulta minn dan, ma għandhomx għalhekk jostakolaw l-eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

28

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali konklużjoni mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17), kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Incyte (C‑492/16, EU:C:2017:995). Skont din il-ġurisprudenza, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet natura definittiva tiġi rtirata, sa fejn din in-natura, miksuba mal-iskadenza ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors jew permezz tal-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji, tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta li korp amministrattiv huwa obbligat jeżamina mill-ġdid deċiżjoni li tiffissa imposti sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja biss meta, b’mod partikolari, din l-emenda tkun għadha possibbli skont id-dritt nazzjonali.

29

Issa, skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland (C‑360/18, EU:C:2019:1124) tikkontradixxi tali ġurisprudenza, peress li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ dritt għar-rimbors minkejja li d-deċiżjoni amministrattiva nazzjonali tkun kisbet natura definittiva u li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tat-taxxi mħallsa indebitament ikun diġà skada. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, f’dan il-każ, l-emenda tal-imposti permezz tar-Regolament Nru 1360/2013 seħħet madwar ħdax-il sena wara s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata.

30

Fl-aħħar, skont il-qorti tar-rinviju, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali indirizzatx lill-Uffiċċju tad-Dwana fil-ħin sabiex tikseb ir-rimbors tal-imposti rċevuti indebitament u jekk it-terminu stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1360/2013, jiġifieri fit-30 ta’ Settembru 2014, kienx japplika għall-produtturi taz-zokkor. Dik il-qorti tqis li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, dan it-terminu huwa indirizzat lill-Istati Membri u huwa intiż sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi proprji tal-Unjoni jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni qabel din id-data. Madankollu, jekk dan it-terminu ma huwiex id-data ta’ skadenza għat-tressiq ta’ talba għar-rimbors tal-imposti mħallsa indebitament, jeżisti dubju dwar f’liema terminu għandha titressaq tali talba.

31

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 1360/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li produttur taz-zokkor kellu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal rimbors tal-imposti miġbura indebitament mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2014?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: f’każ bħal dak f’din il-kawża (imposti ffissati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda b’mod definittiv, li r-rimbors tagħhom intalab biss sena wara l-iffissar retroattiv permezz tar-Regolament Nru 1360/2013 ta’ koeffiċjent iktar baxx), l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta r-rimbors ta’ imposti fuq il-produzzjoni miġbura indebitament billi tinvoka dispożizzjonijiet nazzjonali dwar in-natura definittiva [ta’ deċiżjoni] u t-terminu ta’ ffissar applikabbli skont id-dritt nazzjonali għad-deċiżjonijiet li jiffissaw l-imposti, kif ukoll il-prinċipju taċ-ċertezza legali fid-dritt tal-Unjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1360/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għat-tressiq ta’ talba, ibbażata fuq dan ir-regolament, intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors tas-somom imħallsa indebitament bħala imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, jiskadi mhux iktar tard mid-data tal-istabbiliment ta’ dawn l-imposti, jiġifieri t-30 ta’ Settembru 2014.

33

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 10 u 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1360/2013 ġie adottat mill-Kunsill sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et. (C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod partikolari li l-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2002/2003 sa 2005/2006 ma kienx korrett u, għaldaqstant, li l-produtturi taz-zokkor ikkonċernati kellhom id-dritt li jiksbu r-rimbors tas-somom imħallsa indebitament fir-rigward ta’ dawn l-imposti, flimkien mal-interessi. Skont il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, peress li l-metodu użat għall-kalkolu tal-imposti għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 kien l-istess bħal dak invalidat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imposti fuq il-produzzjoni kif ukoll il-koeffiċjent tal-imposta addizzjonali relatati magħhom kellhom ukoll jiġu rrettifikati. L-imsemmi regolament huwa għalhekk intiż sabiex jikkoreġi, retroattivament, l-ammont tal-imposti għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 sa 2005/2006, konformement mal-metodu vvalidat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland,C‑360/18, EU:C:2019:1124, punti 3536).

34

Minn dan isegwi, minn naħa, li r-Regolament Nru 1360/2013 jimplimenta d-dritt għar-rimbors tas-somom imħallsa indebitament bħala imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 sa 2005/2006 li l-produtturi taz-zokkor jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan ir-regolament, dawn il-produtturi taz-zokkor għandhom għalhekk effettivament ikunu jistgħu jiksbu tali rimbors. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland,C‑360/18, EU:C:2019:1124, punti 3738).

35

Min-naħa l-oħra, dan id-dritt għar-rimbors jista’ jiġi eżerċitat biss mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, jiġifieri mill-20 ta’ Diċembru 2013. Fil-fatt, kien biss minn din id-data li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti setgħu, wara l-iffissar retroattiv tal-imposti l-ġodda fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, jiddeterminaw l-ammont eżatt tal-imposti mħallsa indebitament minn kull wieħed mill-produtturi kkonċernati. Bl-istess mod, kien biss mill-imsemmija data li dawn il-produtturi kellhom il-possibbiltà li jsiru jafu b’dan l-ammont u, għaldaqstant, li jressqu validament talbiet intiżi sabiex jinkiseb ir-rimbors tal-imposti mħallsa indebitament. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland,C‑360/18, EU:C:2019:1124, punti 4041).

36

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet u tat-terminu għall-eżerċizzju tal-imsemmi dritt għar-rimbors, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, konformement mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1360/2013, il-punt 1 tal-Anness ta’ dan tal-aħħar jistabbilixxi l-imposti l-ġodda fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, espressi fil-forma ta’ ammont f’EUR għal kull tunnellata ta’ prodott, għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 sas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006. Sussegwentement, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi, bħala prinċipju, f’data li fiha l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirreġistraw fil-kont tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, l-ammont ta’ dawn l-imposti l-ġodda. Fl-aħħar, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi d-dati li minnhom japplikaw retroattivament l-imsemmija imposti l-ġodda. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland,C‑360/18, EU:C:2019:1124, punti 42 sa 44)).

37

B’mod partikolari, mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1360/2013, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, jirriżulta li d-data ffissata mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri t-30 ta’ Settembru 2014, hija d-data li fiha l-Istati Membri kellhom, bħala prinċipju, jistabbilixxu l-ammonti dovuti mill-persuni taxxabbli fir-rigward tal-imposti l-ġodda fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor u jdaħħlu dawn l-ammonti fil-kont tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, u mhux id-data li fiha l-produtturi taz-zokkor kellhom iressqu t-talba tagħhom għar-rimbors tas-somom li huma kienu ħallsu indebitament. Bħalma jsegwi mill-premessa 23 tar-Regolament Nru 1360/2013, it-terminu stabbilit mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament huwa bla ħsara għat-termini previsti mid-dritt nazzjonali għar-rimbors tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

38

Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar’ il fuq jirriżulta li r-Regolament Nru 1360/2013 issostitwixxa d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-Kummissjoni li jiffissaw l-ammont tal-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002 sa 2005/2006, fosthom dawk tar-Regolament Nru 1837/2002, b’effett retroattiv mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr madankollu ma ppreveda l-proċeduri u l-modalitajiet li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri sabiex jimplementaw id-dritt tal-produtturi taz-zokkor għar-rimbors tal-imposti mħallsa indebitament li jirriżultaw minn tali emenda. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland,C‑360/18, EU:C:2019:1124, punti 4553).

39

Minn dan jirriżulta li, minn naħa, skont ir-Regolament Nru 1360/2013, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma humiex imsejħa sabiex iħallsu lura taxxi nazzjonali miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ billi jirrevedu deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji definittivi li jimponu l-ħlas ta’ dawn it-taxxi, kif kien b’mod partikolari l-każ fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia,C‑69/14 (EU:C:2015:662, punti 24 sa 30) u tal-11 ta’ Settembru 2019, Călin,C‑676/17 (EU:C:2019:700, punti 24 sa 29), iżda sabiex jimplimentaw evalwazzjoni retroattiva mill-ġdid ta’ riżorsi proprji partikolari tal-Unjoni, li dawn l-awtoritajiet ġabru għan-nom tagħha, deċiża mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

40

Għal dan l-għan, huma għalhekk l-imsemmija awtoritajiet li għandhom, mhux li jeżaminaw mill-ġdid, jirrettifikaw, jew saħansitra jannullaw id-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ ffissar tat-taxxa u l-istimi tat-taxxa korrispondenti adottati abbażi tar-regolamenti tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, iżda li jikkwantifikaw, għal kull wieħed mill-produtturi taz-zokkor ikkonċernati, l-ammont tad-differenza bejn is-somom imħallsa indebitament bħala imposti stabbiliti minn dawn ir-regolamenti u s-somom dovuti bħala imposti stabbiliti mir-Regolament Nru 1360/2013, sabiex dawn il-produtturi jkunu jistgħu jressqu validament talbiet intiżi sabiex jiksbu r-rimbors ta’ tali ammont u sabiex b’hekk tiġi ggarantita l-effettività ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

41

Min-naħa l-oħra, fl-assenza, fir-Regolament Nru 1360/2013, ta’ dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri u l-modalitajiet li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri sabiex jimplimentaw id-dritt tal-produtturi taz-zokkor għar-rimbors tal-imposti mħallsa indebitament, l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li japplikaw il-modalitajiet proċedurali previsti mill-ordinament ġuridiku intern tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam tat-termini ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland,C‑360/18, EU:C:2019:1124, punti 4546 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

L-osservanza ta’ dawn il-prinċipji teżiġi li dawn il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw talbiet simili bbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’tali mod li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland,C‑360/18, EU:C:2019:1124, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fir-rigward, minn naħa, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali intiżi sabiex jiżguraw, fid-dritt nazzjonali, il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għandha tivverifika li l-modalitajiet proċedurali previsti għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ rimbors tal-imposti mħallsa indebitament, stabbilit mir-Regolament Nru 1360/2013, ma jkunux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għat-talbiet simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2020, Valoris,C‑677/19, EU:C:2020:825, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-iffissar ta’ termini raġonevoli ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività, inkwantu jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali li jipproteġi kemm lill-persuna kkonċernata kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata, anki jekk l-iskadenza ta’ tali termini tista’, min-natura tagħha, tipprekludi lill-persuni kkonċernati milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom kompletament jew parzjalment (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland,C‑360/18, EU:C:2019:1124, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li d-dritt tal-produtturi taz-zokkor li jiksbu r-rimbors tal-imposti mħallsa indebitament jista’ jiġi eżerċitat biss mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1360/2013, regoli nazzjonali li jipprevedu li t-termini ta’ dekadenza u ta’ preskrizzjoni applikabbli sabiex jintalab dan ir-rimbors jiskadu qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament irendu prattikament impossibbli l-eżerċizzju ta’ tali dritt għar-rimbors. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li r-Regolament Nru 1360/2013, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludi tali regoli nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland,C‑360/18, EU:C:2019:1124, punti 55, 5658).

46

Minn dan isegwi li għandhom jitqiesu li huma konformi mal-prinċipju ta’ effettività l-modalitajiet proċedurali nazzjonali applikabbli għar-rimbors, abbażi tar-Regolament Nru 1360/2013, tal-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor imħallsa indebitament li jipprevedu termini raġonevoli ta’ dekadenza u ta’ preskrizzjoni, bil-kundizzjoni li dawn it-termini jibdew jiddekorru mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1360/2013.

47

F’dan il-każ, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż, jiġifieri, l-Artikolu 169 (1) u (2) u l-Artikolu 170 tal-Kodiċi tat-Taxxa, li jipprevedu termini sabiex jiġu annullati jew emendati taxxi u ċerti miżati. Dawn it-termini għandhom ikunu ta’ sena u ta’ erba’ snin rispettivament, skont il-każ. Issa, il-qorti tar-rinviju ma tindikax jekk u, jekk ikun il-każ, liema mill-imsemmija termini jista’ japplika għall-preżentata ta’ talbiet għal rimbors ibbażati fuq ir-Regolament Nru 1360/2013.

48

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, bħala eżempju, li terminu nazzjonali ta’ dekadenza ta’ tliet snin seta’ jitqies bħala raġonevoli fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland,C‑360/18, EU:C:2019:1124, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li terminu ta’ sena għall-preżentata ta’ talbiet jew ta’ rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni ma kienx jidher fih innifsu irraġonevoli, bil-kundizzjoni madankollu li jibda jiddekorri mhux qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni intiża li tirrimedja dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2020, Valoris,C‑677/19, EU:C:2020:825, punti 2728).

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1360/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li t-terminu għat-tressiq ta’ talba, ibbażata fuq dan ir-regolament, intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors tas-somom imħallsa indebitament bħala imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, jiskadi mhux iktar tard mid-data tal-istabbiliment ta’ dawn l-imposti, jiġifieri t-30 ta’ Settembru 2014. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, fid-dritt nazzjonali tagħhom, it-terminu applikabbli, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, filwaqt li huwa mifhum li terminu ta’ sena ma jidhirx fih innifsu irraġonevoli, bil-kundizzjoni madankollu li jibda jiddekorri mhux qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1360/2013.

Fuq it-tieni domanda

50

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1360/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiċħdu talba, ibbażata fuq dan ir-regolament, intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors tas-somom imħallsa indebitament bħala imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, billi jinvokaw in-natura definittiva tad-deċiżjonijiet nazzjonali li ffissaw, qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament, l-ammont ta’ dawn l-imposti, skont diversi regolamenti tal-Kummissjoni li ġew issostitwiti, b’effett retroattiv, minn dan l-istess regolament.

51

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li t-talba għal rimbors imressqa minn I f’terminu ta’ sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1360/2013, jiġifieri fit-18 ta’ Diċembru 2014, ġiet miċħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għar-raġuni li d-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2002, li tiffissa l-ammont tal-imposti dovuti minn I għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002, adottata mill-Uffiċċju tad-Dwana skont ir-Regolament Nru 1837/2002, kienet kisbet natura definittiva mal-iskadenza, fix-xahar ta’ Frar 2010, tat-termini ta’ dekadenza u ta’ preskrizzjoni previsti sabiex tintalab l-emenda ta’ dik id-deċiżjoni.

52

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, bħalma jsegwi b’mod partikolari mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 1360/2013, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li talba għar-rimbors tal-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, ibbażata fuq dan ir-regolament, tista’ tiġi miċħuda għar-raġuni li d-deċiżjonijiet li ffissaw dawn l-imposti qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament saru definittivi.

53

Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma hija kkontestata mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, invokat mill-qorti tar-rinviju.

54

Fil-fatt, filwaqt li huwa minnu li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, peress li n-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva, miksuba mal-iskadenza ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors jew billi jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji, tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li korp amministrattiv ikun, bħala prinċipju, obbligat imur lura fuq deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet tali natura definittiva (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Incyte,C‑492/16, EU:C:2017:995, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Madankollu, bħalma ġie rrilevat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1360/2013 mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma teħtieġx li jiġu eżaminati mill-ġdid, li jiġu rrettifikati, jew saħansitra li jiġu annullati d-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ ffissar tat-taxxa, bħad-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2002, adottati abbażi tar-regolamenti tal-Kummissjoni li ġew issostitwiti b’effett retroattiv minn dan ir-regolament. In-natura definittiva ta’ tali deċiżjonijiet u avviżi ta’ stima ta’ taxxa ma tistax għalhekk tostakola l-eżerċizzju, mill-produtturi taz-zokkor, tad-dritt għar-rimbors tal-imposti mħallsa indebitament li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, kif implimentat mill-imsemmi regolament.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 1360/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiċħdu talba, ibbażata fuq dan ir-regolament, intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors tas-somom imħallsa indebitament bħala imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, billi jinvokaw in-natura definittiva tad-deċiżjonijiet nazzjonali li ffissaw, qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament, l-ammont ta’ dawn l-imposti, skont diversi regolamenti tal-Kummissjoni li ġew issostitwiti, b’effett retroattiv, minn dan l-istess regolament.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1360/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006, il-koeffiċjent meħtieġ għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għas-snin tas-suq 2001/2002 u 2004/2005 u l-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-imposta massima u l-imposta li għandha titħallas għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004 u 2005/2006,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jeżiġix li t-terminu għat-tressiq ta’ talba, ibbażata fuq dan ir-regolament, intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors tas-somom imħallsa indebitament bħala imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, jiskadi mhux iktar tard mid-data tal-istabbiliment ta’ dawn l-imposti, jiġifieri t-30 ta’ Settembru 2014. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, fid-dritt nazzjonali tagħhom, it-terminu applikabbli, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, filwaqt li huwa mifhum li terminu ta’ sena ma jidhirx fih innifsu irraġonevoli, bil-kundizzjoni madankollu li jibda jiddekorri mhux qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1360/2013.

 

2)

Ir-Regolament Nru 1360/2013

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi regoli nazzjonali li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiċħdu talba, ibbażata fuq dan ir-regolament, intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors tas-somom imħallsa indebitament bħala imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, billi jinvokaw in-natura definittiva tad-deċiżjonijiet nazzjonali li ffissaw, qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament, l-ammont ta’ dawn l-imposti, skont diversi regolamenti tal-Kummissjoni Ewropea li ġew issostitwiti, b’effett retroattiv, minn dan l-istess regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top