EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0582

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-7 ta’ Marzu 2024.
Die Länderbahn GmbH DLB et vs Bundesrepublik Deutschland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Direttiva 2012/34/UE – Aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja – Tarifikazzjoni – Artikolu 56 – Korp regolatorju nazzjonali uniku tas-settur ferrovjarju – Kompetenzi – Reviżjoni tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom ikun skada – Setgħa li tiġi kkonstatata l-invalidità b’effett ex tunc u li jiġi ordnat ir-rimbors tat-tariffi.
Kawża C-582/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:213

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Direttiva 2012/34/UE – Aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja – Tarifikazzjoni – Artikolu 56 – Korp regolatorju nazzjonali uniku tas-settur ferrovjarju – Kompetenzi – Reviżjoni tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom ikun skada – Setgħa li tiġi kkonstatata l-invalidità b’effett ex tunc u li jiġi ordnat ir-rimbors tat-tariffi”

Fil-Kawża C‑582/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2022, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Settembru 2022, irrettifikata b’deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura

Die Länderbahn GmbH,

Prignitzer Eisenbahn GmbH,

Ostdeutsche Eisenbahn GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland,

fil-preżenza ta’:

DB Netz AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.‑C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Prignitzer Eisenbahn GmbH, Ostdeutsche Eisenbahn GmbH u Ostseeland Verkehrs GmbH, minn B. Uhlenhut, Rechtsanwalt,

–        għall-Bundesrepublik Deutschland, minn J. Becker, U. Geers, J. Kirchhartz, C. Mögelin u V. Schmidt, bħala aġenti,

–        għal DB Netz AG, minn H. Krüger, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, S. Grigonis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Kunnert u R. Schuster, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Rzotkiewicz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn V. Hauan u K. Møse, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Messina u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56(1), (6) u (9) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67), kif ukoll, sussidjarjament, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Die Länderbahn GmbH, Prignitzer Eisenbahn GmbH, Ostdeutsche Eisenbahn GmbH u Ostseeland Verkehrs GmbH u, min-naħa l-oħra, il-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (l-Aġenzija Federali għan-Networks tal-Elettriku, tal-Gass, tat-Telekomunikazzjonijiet, tal-Posta u tal-Ferroviji, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija Federali għan-Networks”), dwar l-istħarriġ tal-legalità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura miġbura minn DB Netz AG fil-kuntest tal-iskedi tax-xogħol applikabbli bejn Diċembru 2002 u Diċembru 2011.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2001/14/KE

3        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404):

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

[…]

(j)      ‘dikjarazzjoni tan-network’ tfisser id-dikjarazzjoni li tistabbilixxi fid-dettall ir-regoli ġenerali, termini, proċeduri u kriterji li jikkonċernaw l-iskemi ta’ piżijiet u allokazzjoni ta’ kapaċità. Għandha wkoll tikkontjeni l-informazzjoni l-oħra li hi meħtieġa biex tippermetti l-applikazzjoni għall-kapaċità infrastrutturali;

[…]

(m)      ‘skeda tax-xogħol’ tfisser id-data li tiddefinixxi l-movimenti kollha ppjanati tal-ferrovija u tar-rolling-stock li jseħħu fuq l-infrastruttura relevanti tul il-perjodu li għalih huwa fis-seħħ.”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Dikjarazzjoni tan-network”, jipprevedi:

“1.      L-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati, jiżviluppa u jippubblika dikjarazzjoni tan-network […]

2.      Id-dikjarazzjoni tan-network għandha tistabbilixxi n-natura ta’ l-infrastruttura disponibbli għall-impriżi tal-ferroviji. Għandha tikkontjeni informazzjoni li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-infrastruttura relevanti tal-ferrovija. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni tan-network huwa stabbilit fl-Anness I.

3.      Id-dikjarazzjoni tan-network għandha tinżamm aġġornata u modifikata kif neċessarju.

4.      Id-dikjarazzjoni tan-network għandha tiġi ppubblikata mhux inqas minn erba’ xhur bil-quddiem tat-terminu għal talbiet għall-kapaċità infrastrutturali.”

5        L-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Korp regolatorju”, jiddisponi:

“[…]

2.      Applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat bi kwalunkwe mod ieħor, u partikolarment kontra deċiżjonijiet adottati mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jew meta approprjat, l-impriża tal-ferroviji li tikkonċerna:

(a)      id-dikjarazzjoni tan-network;

[…]

(d)      l-iskema tal-piżijiet;

(e)      livell jew struttura ta’ piżijiet infrastrutturali li hu meħtieġ jew li jista’ jkun meħtieġ li jħallas;

[…]

3.      Il-korp regolatorju għandu jassigura li l-piżijiet stabbiliti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jikkonformaw mal-Kapitolu II u mhumiex diskriminatorji. […]

[…]

5.      Il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien massimu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha.

Minkejja l-paragrafu 6, deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni.

[…]

6.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju huma soġġetti għal rivista ġudizzjarja.”

6        L-Anness I tal-istess direttiva, dwar il-“[k]ontenut tad-dikjarazzjoni tan-network”, huwa fformulat kif ġej:

“Id-dikjarazzjoni tan-network imsemmija fl-Artikolu 3 għandu jkollha din l-informazzjoni

[…]

2.      Taqsima dwar prinċipji ta’ piżijiet u tariffi. Din għandu jkun fiha dettalji approprjati dwar l-iskema tal-piżijiet kif ukoll informazzjoni suffiċjenti dwar piżijiet li japplikaw għas-servizzi elenkati fl-Anness II li jiġu pprovditi minn fornitur wieħed biss. Għandha tagħti dettalji dwar il-metodoloġija, r-regoli u, meta applikabbli, l-iskali użati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(4) u (5) u l-Artikoli 8 u 9. Għandha tikkontjeni informazzjoni dwar tibdiliet fil-piżijiet diġà deċiż jew previsti.

[…]”

7        L-Anness III tad-Direttiva 2001/14 jiddisponi, fil-punt 1 tiegħu:

“L-iskeda tax-xogħol għandha tiġi stabbilita darba f’ kull sena kalendarja.”

 IdDirettiva 2012/34

8        Il-premessi 42 u 76 tad-Direttiva 2012/34 jiddikjaraw:

“(42)      Il-piżijiet u l-iskemi tal-allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u nondiskriminatorju għall-impriżi kollha u għandhom jippruvaw, safejn possibbli, jissodisfaw il-bżonnijiet tal-utenti u t-tipi ta’ traffiku kollha b’mod ġust u nondiskriminatorju. Skemi bħal dawn għandhom jippermettu kompetizzjoni ġusta fil-forniment tas-servizzi ferrovjarji.

[…]

(76)      L-immaniġġjar effiċjenti u ġust u l-użu nondiskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja jeħtieġu l-istabbiliment ta’ korp regolatorju li jissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva li jaġixxi bħala korp ta’ appell, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ analiżi ġudizzjarja. Tali korp regolatorju għandu jkun jista’ jinforza t-talbiet tiegħu għal informazzjoni u d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ penali amministrattivi adatti.”

9        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘impriża ferrovjarja’ tfisser impriża pubblika jew privata liċenzjata skont din id-Direttiva, li n-negozju ewlieni tagħha huwa li tipprovdi servizzi għat-trasport ta’ oġġetti u/jew ta’ passiġġieri bil-ferrovija b’kundizzjoni li l-impriża tiżgura trazzjoni; din tinkludi wkoll impriżi li jipprovdu trazzjoni biss;

(2)      ‘maniġer tal-infrastruttura’ tfisser kull korp jew ditta responsabbli b’mod partikolari biex tistabbilixxi, timmaniġġja u żżomm l-infrastruttura ferrovjarja, inkluż l-immaniġġjar tat-traffiku u l-kontroll tal-kmand u s-senjalar; il-funzjonijiet tal-maniġer tal-infrastruttura f’netwerk jew f’parti minn netwerk jistgħu jiġu allokati lil korpi jew ditti differenti;

[…]

(19)      ‘applikant’ tfisser impriża ferrovjarja jew grupp internazzjonali ta’ impriżi ferrovjarji jew persuni jew entitajiet legali oħrajn, bħal awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1),] u shippers, forwarders tal-merkanzija u operaturi tat-trasport ikkumbinat, b’interess tas-servizz pubbliku jew b’interess kummerċjali fil-forniment tal-kapaċità tal-infrastuttura;

[…]

(26)      ‘dikjarazzjoni dwar in-netwerk ’ tfisser id-dikjarazzjoni li tistabbilixxi fid-dettall ir-regoli ġenerali, it-termini, il-proċeduri u l-kriterji għall-iskemi ta’ tqegħid ta’ piżijiet u tal-allokazzjoni tal-kapaċità inkluża l-informazzjoni l-oħra bħal din li hi meħtieġa biex tippermetti l-applikazzjonijiet għall-kapaċità tal-infrastruttura;

[…]

(28)      ‘skeda tax-xogħol’ tfisser id-data li tiddefinixxi l-movimenti kollha ppjanati tal-ferrovija u tar-rolling-stock li jseħħu fuq l-infrastruttura rilevanti tul il-perjodu li matulu tkun fis-seħħ;

[…]”

10      L-Artikolu 27, intitolat “Dikjarazzjoni dwar in-netwerk”, li jinsab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva, li jinkludi r-regoli dwar “Id-debitar ta’ imposti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u tal-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja”, jiddisponi:

“1.      Il-maniġer tal-infrastruttura għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati, jiżviluppa u jippubblika dikjarazzjoni dwar in-netwerk li għandha tkun tista’ tiġi akkwistata għal ħlas ta’ tariffa li ma tistax taqbeż l-ispiża tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni. […]

2.      Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tistabbilixxi n-natura tal-infrastruttura disponibbli għall-impriżi ferrovjarji, u tiġbor fiha informazzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess […]. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk huwa stipulat fl-Anness IV.

3.      Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tinżamm aġġornata u għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

4.      Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tiġi ppubblikata mhux inqas minn erba’ xhur bil-quddiem qabel id-data ta’ skadenza għal talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura.”

11      It-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tal-istess direttiva tirrigwarda l-“imposti tal-infrastruttura u tas-servizzi”.

12      Skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Funzjonijiet tal-korp regolatorju”:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46(6), applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew saritlu offża bi kwalunkwe mod ieħor, u b’mod partikolari kontra deċiżjonijiet adottati mill-maniġer tal-infrastruttura jew fejn hu xieraq, mill-impriża ferrovjarja jew mill-operatur ta’ faċilita tas-servizz dwar:

(a)      id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fil-verżjonijiet proviżorji u finali tagħha;

[…]

(d)      l-iskema tat-tqegħid tal-imposti;

(e)      il-livell jew l-istruttura tal-imposti infrastrutturali li hu meħtieġ iħallas jew li jista’ jkun meħtieġ iħallas;

[…]

(g)      l-aċċess u t-tqegħid ta’ imposti għas-servizzi skont l-Artikolu 13.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-iżgurar tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jimmonitorja s-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji u għandu, b’mod partikolari, jikkontrolla l-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 1 fuq l-inizjattiva tiegħu stess u bil-ħsieb li jevita d-diskriminazzjoni kontra l-applikanti. Għandu, b’mod partikolari, jiċċekkja jekk id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fihiex klawżoli diskriminatorji […]

[…]

6.      Il-korp regolatorju għandu jiżgura li l-imposti stabbiliti mill-maniġer tal-infrastruttura jikkonformaw mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV u li dawn huma nondiskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-maniġer tal-infrastruttura dwar il-livell tal-imposti infrastrutturali għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-superviżjoni tal-korp regolatorju. […]

[…]

9.      Il-korp regolatorju għandu jikkunsidra kull ilment u, kif jixraq, għandu jitlob tagħrif relevanti u jagħti bidu għal konsultazzjonijiet mal-partijiet relevanti kollha, fi żmien xahar minn meta jkun irċieva l-ilment. Huwa għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni u jgħarraf lill-partijiet relevanti bid-deċiżjoni motivata tiegħu fi żmien determinat minn qabel, raġonevoli u, fi kwalunkwe każ, fi żmien sitt ġimgħat minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha. Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għall-iżgurar tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizz ferrovjarju, il-korp regolatorju għandu, fejn xieraq, jiddeċiedi fuq l-inizjattiva tiegħu stess dwar miżuri xierqa biex jitranġaw il-każijiet ta’ diskriminazzjoni kontra l-applikanti, id-distorsjonijiet tas-suq u kwalunkwe żvilupp ieħor mhux mixtieq f’dawn is-swieq, b’mod partikolari b’referenza għall-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 1.

Deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni, u ma għandhiex tkun suġġetta għall-kontroll ta’ istanza amminstrattiva oħra. Il-bord regolatorju għandu jkun jista’ jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu bil-pieni xierqa, inkluż permezz tal-multi.

[…]

10.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju jkunu suġġetti għal analiżi ġudizzjarja. L-appell jista’ jkollu effett ta’ sospensjoni fuq id-deċiżjoni tal-korp regolatorju biss meta d-dħul fis-seħħ immedjat tad-deċiżjoni tal-korp regolatorju jista’ jikkawża danni irreparabbli jew evidentement eċċessivi għal min ikun qed jappella. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-qorti li tkun qed tisma’ l-appell kif mogħti lilha mil-liġi kostituzzjonali applikabbli.

[…]”

13      L-Anness IV ta’ din id-direttiva, dwar il-“kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk”, huwa fformulat kif ġej:

“Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk imsemmija fl-Artikolu 27 għandu jkollha din l-informazzjoni:

[…]      

2.      Taqsima dwar il-prinċipji ta’ imposti u tariffi. Din għandu jkun fiha dettalji xierqa dwar l-iskema tal-imposti kif ukoll informazzjoni suffiċjenti dwar l-imposti, u kif ukoll kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-aċċess li tapplika għas-servizzi elenkati fl-Anness II li jiġu pprovduti minn fornitur wieħed biss. Għandha tagħti dettalji dwar il-metodoloġija, ir-regoli u, meta applikabbli, l-iskali użati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 31 sa 36, fir-rigward ta’ kemm il-kostijiet kif ukoll l-imposti. Għandha tiġbor fiha informazzjoni dwar tibdiliet fl-imposti diġà deċiżi jew previsti fil-ħames snin li ġejjin jekk disponibbli.

[…]”

14      L-Anness VII tal-imsemmija direttiva jiddisponi fil-punt 1 tiegħu li “[l]-iskeda ta’ ħidma għandha tiġi stabbilita darba f’kull sena kalendarja”.

 Iddritt Ġermaniż

15      L-Artikolu 66 tal-Eisenbahnregulierungsgesetz (il-Liġi dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Ferroviji) tad‑29 ta’ Awwissu 2016 (BGBl. 2016 I, p. 2082), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ERegG”), intitolat “L-awtorità regolatorja u l-funzjonijiet tagħha”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:

“(1)      Jekk id-detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ aċċess iqis li jkun ġie ddiskriminat jew li d-drittijiet tiegħu ġew miksura b’xi mod ieħor mid-deċiżjonijiet ta’ maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja, huwa għandu jkollu d-dritt li jappella quddiem l-awtorità regolatorja […]

[…]

(3)      Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar l-aċċess jew dwar ftehim qafas, id-deċiżjonijiet tal-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja jistgħu jiġu kkontrollati mill-awtorità regolatorja, fuq talba tad-detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ aċċess jew ex officio. It-talba għandha titressaq fil-perijodu li fih tista’ tiġi aċċettata l-offerta ta’ konklużjoni ta’ ftehimiet skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) jew skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 54.

(4)      B’mod partikolari, dawn li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal kontroll, fuq talba jew ex officio:

[…]

5.      is-sistema ta’ tariffi;

6.      l-ammont jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu ta’ infrastrutturi li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ aċċess irid jew għandu jħallas;

7.      l-ammont u l-istruttura tat-tariffi l-oħra li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ aċċess irid jew għandu jħallas;

[…]”

16      L-Artikolu 67 tal-ERegG, intitolat “Setgħat tal-awtorità regolatorja, sorveljanza tas-suq tat-trasport, dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtorità regolatorja tista’ tadotta, fir-rigward tal-ferroviji u l-persuni l-oħra suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, il-miżuri meħtieġa sabiex telimina jew tipprevjeni ksur ta’ din il-liġi jew tal-atti direttament applikabbli tal-Unjoni Ewropea fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi. Jekk l-awtorità regolatorja teżegwixxi l-ordnijiet tagħha, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità jista’ jilħaq EUR 500 000, b’deroga mill-Artikolu 11(3) tal-Verwaltungs-Vollstreckungsgesetz [(il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni fil-Qasam Amministrattiv)].”

17      L-Artikolu 68 tal-ERegG, intitolat “Deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-awtorità regolatorja għandha teżamina lment fi żmien xahar minn meta tirċevih. Għal dan il-għan, għandha titlob lill-partijiet interessati sabiex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u għandha tibda diskussjonijiet mal-partijiet interessati kollha. Hija għandha tadotta deċiżjoni dwar l-ilmenti kollha u l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni, u għandha tikkomunika d-deċiżjoni motivata tagħha lill-partijiet ikkonċernati f’perijodu ta’ żmien predeterminat u raġonevoli u, fi kwalunkwe każ, fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievi l-informazzjoni kollha rilevanti. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti, hija għandha tiddeċiedi ex officio l-miżuri xierqa sabiex tevita d-diskriminazzjoni u d-distorsjoni tas-suq.

(2)      Jekk, fil-każ ikkontemplat fl-Artikolu 66(1) u (3), id-deċiżjoni ta’ amministratur ta’ infrastruttura ferrovjarja taffettwa d-dritt tad-detentur ta’ dritt ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja:

1.      l-awtorità regolatorja għandha tordna lill-maniġer tal-infrastrutturi ferrovjarji sabiex jimmodifika d-deċiżjoni, jew

2.      l-awtorità regolatorja għandha tiddeċiedi dwar il-validità tal-kuntratt jew tat-tariffi, tiddikjara l-kuntratti ineffettivi u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet kuntrattwali jew it-tariffi.

Id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tista’ tirreferi wkoll għad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk ferrovjarju jew għall-kundizzjonijiet ta’ użu tal-faċilitajiet tas-servizz.

(3)      L-awtorità regolatorja tista’, b’effetti għall-ġejjieni, tobbliga lill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja sabiex jimmodifika l-miżuri previsti fl-Artikolu 66(4), jew tiddikjarahom skaduti, sa fejn dawn ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew mal-atti tal-Unjoni Ewropea direttament applikabbli fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

18      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma jew kienu impriżi tat-trasport ferrovjarju li joffru jew kienu joffru, fil-Ġermanja, servizzi ta’ trasport fuq livell reġjonali billi jużaw l-infrastruttura ferrovjarja li tappartjeni lil DB Netz, intervenjenti fil-kawża prinċipali.

19      Din tal-aħħar tagħmel parti mill-grupp Deutsche Bahn AG. Hija topera l-ikbar netwerk ferrovjarju fil-Ġermanja u tirċievi, f’din il-kapaċità, tariffi għall-użu tal-infrastruttura. Dawn it-tariffi huma ddeterminati għal kull impriża tat-trasport ferrovjarju individwalment abbażi tat-tariffi stabbiliti minn DB Netz fid-dikjarazzjoni dwar in-network li hija tippubblika. Dawn it-tariffi huma validi għal perijodu ta’ validità tal-iskeda tax-xogħol, jiġifieri sena.

20      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qiesu li t-tariffi stabbiliti minn DB Netz, applikabbli, rispettivament, matul il-perijodi ta’ validità tal-iskeda tax-xogħol tal‑2002/2003 sal‑2010/2011, kienu, parzjalment, illegali, minħabba li kienu jinkludu “fattur reġjonali” li kien jiddiskrimina kontra l-impriżi li joperaw linji reġjonali. Konsegwentement, huma jew ħallsu t-tariffi mitluba minn DB Netz b’riżervi, jew naqqsuhom u żammew l-ammont tagħhom.

21      Dawn l-istess tariffi kienu s-suġġett ta’ diversi kontrolli ex ante mill-Aġenzija Federali għan-Networks, korp regolatorju nazzjonali uniku tas-settur ferrovjarju fil-Ġermanja. Id-dritt Ġermaniż kien jipprevedi, fil-fatt, kontroll minn qabel tal-prinċipji ta’ tarifikazzjoni u kien jagħti dritt ta’ oppożizzjoni lil dan il-korp li madankollu, f’dan il-każ, dan tal-aħħar ma għamilx użu minnu. Barra minn hekk, mill‑2008, l-Aġenzija Federali għan-Networks wettqet diversi kontrolli tal-“fatturi reġjonali” li kienu jagħmlu parti mit-tariffi ta’ DB Netz sa mill‑1 ta’ Jannar 2003.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Marzu 2010, l-Aġenzija Federali għan-Networks iddikjarat li d-dikjarazzjoni dwar in-network stabbilita minn DB Netz għall-iskeda tax-xogħol tal‑2010/2011, li d-dħul fis-seħħ tagħha kien previst għat‑12 ta’ Diċembru 2010, kienet invalida, peress li din kienet tipprevedi l-applikazzjoni ta’ tali “fattur reġjonali”. Minn dik id-deċiżjoni jirriżulta li kienu l-qrati ċivili li kellhom jiddeċiedu dwar ir-rimbors tat-tariffi possibbilment miġbura żejda b’applikazzjoni ta’ dan il-fattur.

23      DB Netz ressqet oppożizzjoni kontra l-imsemmija deċiżjoni li, sussegwentement, ġiet irtirata mill-Aġenzija Federali għan-Networks meta kkonkludiet kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku ma’ DB Netz. Dan il-kuntratt kien jipprevedi l-applikazzjoni ta’ fattur reġjonali mnaqqas matul il-perijodu ta’ validità tal-iskeda tax-xogħol tal‑2010/2011, imbagħad it-tneħħija ta’ dan il-fattur mid-dħul fis-seħħ tal-iskeda tax-xogħol tal‑2011/2012.

24      Diversi impriżi tat-trasport ferrovjarju, fosthom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal parti mit-tariffi kontenzjużi, adixxew lill-qrati ċivili b’talbiet għar-rimbors tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura allegatament miġbura żejda minn DB Netz. Sabiex jiddeċiedu dwar dawn it-talbiet, dawn il-qrati ġeneralment wettqu eżami każ b’każ tan-natura ekwa ta’ dawn it-tariffi. Din il-prattika ġiet ivvalidata mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) f’sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011 (KZR 18/10).

25      Madankollu, permezz tas-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2001/14, li ppreċediet id-Direttiva 2012/34, kienet tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi stħarriġ każ b’każ, mill-qrati ordinarji, tan-natura ekwa tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja. B’mod partikolari, mill-punt 97 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li r-rimbors tat-tariffi bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili huwa possibbli biss fl-ipoteżi fejn, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, in-natura illegali tat-tariffa fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji tkun ġiet preċedentement ikkonstatata mill-korp regolatorju jew minn qorti li tkun stħarrġet id-deċiżjoni ta’ dan il-korp u sa fejn it-talba għal rimbors tista’ tkun suġġetta għal rikors quddiem il-qrati ċivili nazzjonali pjuttost milli għar-rikors previst minn din il-leġiżlazzjoni.

26      Wara l-għoti tas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, filwaqt li invokaw l-Artikoli 66 u 68 tal-ERegG, talbu lill-Aġenzija Federali għan-Networks, minn naħa, tikkonstata l-invalidità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura miġbura minn DB Netz matul il-perijodi ta’ validità tal-iskeda tax-xogħol tal‑2002/2003 sal‑2010/2011 u, min-naħa l-oħra, tobbliga lil din tal-aħħar tirrimborsahom għat-tariffi miġbura żejda.

27      Dawn it-talbiet ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Aġenzija Federali għan-Networks tal‑11 ta’ Ottubru 2019, tat‑3 ta’ Lulju 2020 u tal‑11 ta’ Diċembru 2020, minħabba li kienu inammissibbli fl-assenza ta’ bażi legali li kienet tippermetti stħarriġ ex post tat-tariffi inkwistjoni. Insostenn ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-Aġenzija Federali għan-Networks sostniet li l-impriżi tat-trasport ferrovjarju kellhom il-possibbiltà li jikkontestaw it-tariffi matul il-perijodi ta’ validità rispettivi tagħhom.

28      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fis‑6 u fid‑9 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, tikkonstata li l-Aġenzija Federali għan-Networks kienet obbligata twettaq stħarriġ ex post tat-tariffi inkwistjoni, miġbura minn DB Netz, tiddikjara, jekk ikun il-każ, l-invalidità b’effett ex tunc u tiddeċiedi dwar l-obbligu ta’ rimbors impost fuq DB Netz.

29      Sabiex tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwim imressaq quddiemha, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi interpretat, b’mod partikolari, l-Artikolu 56(1), (6) u (9) tad-Direttiva 2012/34.

30      Hija tqis li r-rikors previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 56 jirrigwarda biss danni li diġà seħħew u li jirriżultaw minn ksur attwali jew passat tal-qafas regolamentari applikabbli. Min-naħa l-oħra, l-azzjoni preventiva tal-korp regolatorju hija s-suġġett ta’ regoli distinti, previsti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. Barra minn hekk, mill-paragrafi (6) u (9) tal-istess artikolu jirriżulta li l-korp regolatorju għandu marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’. Għalhekk, meta jitressaq ilment quddiemu, huwa jista’ jadotta l-“azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni” u, meta jaġixxi ex officio, il-“miżuri xierqa biex jitranġaw il-każijiet ta’ diskriminazzjoni”.

31      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 hija kkorroborata mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din tal-aħħar. Mill-premessi 42 u 76 tagħha jirriżulta li d-Direttiva 2012/34 hija intiża, b’mod partikolari, li tiggarantixxi l-aċċess nondiskriminatorju tal-impriżi tat-trasport ferrovjarju għall-infrastruttura u li huwa l-korp regolatorju li għandu jiżgura t-twettiq ta’ dan l-għan.

32      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza f’dan ir-rigward li, fil-fehma tagħha, il-proċedura ta’ kontroll minn qabel li kienet prevista mid-dritt Ġermaniż u li kienet tippermetti lill-korp regolatorju jiddeċiedi dwar il-prinċipji ta’ tarifikazzjoni tal-infrastruttura qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom ma setgħetx tagħmel tajjeb għall-assenza ta’ stħarriġ ex post.

33      Barra minn hekk, dik il-qorti tqis li s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834), tikkonferma l-eżistenza ta’ dritt għar-“rimbors” tat-tariffi miġbura indebitament fil-passat, filwaqt li tissuġġetta l-eżerċizzju tagħha għall-konstatazzjoni minn qabel tan-natura illegali ta’ dawn it-tariffi mill-korp regolatorju. Konsegwentement, li kieku dak il-korp ma kienx kompetenti sabiex jeżamina t-tariffi li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom ikun skada, l-impriżi tat-trasport ferrovjarju jkunu mċaħħda mid-dritt tagħhom għal rimedju effettiv u, fl-istess ħin, il-ġestjonarju tal-infrastruttura jkompli jibbenefika mit-tariffi illegali.

34      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tiddubita kemm id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-imsemmi korp ikun jista’ jiddeċiedi huwa stess dwar l-ammonti tat-tariffi li għandhom jiġu rrimborsati jew jordna r-rimbors tagħhom. Fil-fatt, minkejja l-qafas regolamentari, ir-relazzjoni bejn l-impriżi tat-trasport ferrovjarju u l-ġestjonarji tal-infrastruttura hija ta’ natura kuntrattwali u naturalment taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ċivili.

35      Għal kull fini utli, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, sabiex jiġi deċiż it-tilwim imressaq quddiemha, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-Artikoli 66 et seq. tal-ERegG, li jikkostitwixxu l-bażi tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhomx ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni jew jekk, fid-dawl tas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie (C‑120/20, EU:C:2021:553), l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34 huwiex direttament applikabbli.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 56(1), (6) u (9) tad-Direttiva [2012/34] għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema li tistabbilixxi t-tariffi tista’ tkun is-suġġett validu ta’ lment anki jekk il-perijodu ta’ validità għat-tariffi li għandhom jiġu eżaminati jkun diġà skada (ilment imressaq kontra l-hekk imsejħa tariffi antiki)?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 56(1), (6) u (9) [tad-Direttiva 2012/34] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp regolatorju, fil-kuntest ta’ kontroll ex post ta’ tariffi antiki, jista’ jiddikjara li dawn it-tariffi ma għandhomx effett ex tunc?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda: l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56(1), (6) u (9) [tad-Direttiva 2012/34] tippermetti dispożizzjoni nazzjonali li teskludi l-possibbiltà ta’ kontroll ex post ta’ tariffi antiki jekk ikollhom effett ex tunc?

4)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda: l-Artikolu 56(9) [tad-Direttiva 2012/34] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni, prevista fl-imsemmija dispożizzjoni u meħuda mill-korp regolatorju kompetenti, tinkludi wkoll, bħala konsegwenza legali, l-ordni li l-maniġer tal-infrastruttura jirrimborsaw it-tariffi imposti b’mod illegali, u dan minkejja li l-pretensjonijiet relatati mar-rimbors bejn impriżi ferrovjarji u maniġers tal-infrastruttura jistgħu jiġu infurzati permezz tad-dritt ċivili?

5)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda: meta, fl-assenza ta’ deċiżjoni dwar ilment min-naħa tal-korp regolatorju, rimbors ta’ tariffi antiki illegali abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ċivili jkun eskluż fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics [(C‑489/15, EU:C:2017:834)], jeżisti xorta waħda rimedju kontra tariffi antiki taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali] u taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

37      Permezz ta’ ittra li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ġunju 2023, jiġifieri wara t-tmiem tal-proċeduri bil-miktub u orali, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2023, hija għalqet il-proċedura pendenti quddiemha fir-rigward ta’ Ostseeland Verkehrs GmbH, minħabba li din tal-aħħar irrinunzjat għar-rikors tagħha.

 Fuq iddomandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

38      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li d-domandi magħmula jirrigwardaw id-Direttiva 2012/34 filwaqt li t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew stabbiliti u miġbura taħt id-direttiva li ppreċedietha, jiġifieri d-Direttiva 2001/14. Min-naħa l-oħra, kien biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/34 li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-korp regolatorju Ġermaniż tas-settur ferrovjarju, jiġifieri l-Aġenzija Federali għan-Networks, fejn talbuh, b’mod partikolari, jikkonstata l-illegalità ta’ dawn it-tariffi.

39      Madankollu, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li jiġu applikati d-Direttiva 2012/34 jew id-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, ir-regoli msemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri dawk li huma previsti fl-Artikolu 56(1), (6) u (9) tad-Direttiva 2012/34 jikkorrispondu, essenzjalment, għar-regoli li jinsabu fl-Artikolu 30(2), (3) u (5) tad-Direttiva 2001/14 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, DB Station & Service, C‑721/20, EU:C:2022:832, punt 64). Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, l-interpretazzjoni tagħhom għandha tkun l-istess u li, konsegwentement, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14 tapplika mutatis mutandis għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 2012/34.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula billi jsir riferiment, bħall-qorti tar-rinviju, għad-Direttiva 2012/34.

 Fuq lewwel sattielet domanda

41      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56(1), (6) u (9) tad-Direttiva 2012/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi kull kompetenza tal-korp regolatorju, li quddiemu titressaq talba bbażata fuq il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jivverifika l-legalità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom skada u sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tagħhom b’effett ex tunc.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħad-Direttiva 2001/14 li ppreċedietha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, DB Station & Service, C‑721/20, EU:C:2022:832, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata), id-Direttiva 2012/34 għandha l-għan li tiżgura aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja, b’mod partikolari billi teżiġi, kif jirriżulta mill-premessa 42 tagħha, li s-sistemi ta’ tarifikazzjoni u ta’ tqassim tal-kapaċitajiet jippermettu kompetizzjoni ekwa fil-provvista ta’ servizzi ferrovjarji.

43      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-korp regolatorju sabiex jieħu konjizzjoni ta’ kull tilwima li taqa’ taħt l-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2012/34 hija ġġustifikata minn dawn l-għanijiet stess u timplika s-setgħat speċifiċi mogħtija lilu bis-saħħa tal-paragrafi 1, 6 u 9 ta’ dan l-artikolu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, DB Station & Service, C‑721/20, EU:C:2022:832, punt 60).

44      B’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 56(9) tad-Direttiva 2012/34, meta tali korp jiġi adit bi lment, huwa għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni, bla ħsara għall-kompetenza tiegħu li jieħu, jekk meħtieġ ex officio, il-miżuri xierqa sabiex jikkoreġi kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-“applikanti”, fis-sens tal-punt 19 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi ferrovjarji, kull distorsjoni tas-suq tas-servizzi ferrovjarji u kull żvilupp ieħor mhux mixtieq f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punti 55, 56 u 61).

45      Minn dan l-Artikolu 56(9) jirriżulta wkoll li l-effetti tad-deċiżjonijiet adottati mill-korp regolatorju ma humiex limitati biss għall-partijiet f’tilwima mressqa quddiemu, iżda huma vinkolanti fuq il-partijiet kollha kkonċernati tas-settur ferrovjarju, irrispettivament minn jekk humiex l-impriżi tat-trasport jew il-ġestjonarji tal-infrastruttura. Għalhekk, dan il-korp jista’ jiżgura aċċess ugwali għall-infrastruttura tal-impriżi kollha kkonċernati u ż-żamma ta’ kompetizzjoni ekwa fis-settur tal-provvista ta’ servizzi ferrovjarji (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, DB Station & Service, C‑721/20, EU:C:2022:832, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta jiġi adit b’appell minn impriża tat-trasport ferrovjarju, il-korp regolatorju, li għandu jiżgura li kemm il-ġestjonarji tal-infrastruttura kif ukoll l-operaturi tas-servizzi ferrovjarji josservaw l-obbligi rispettivi tagħhom, huwa obbligat jeżamina, skont il-kliem innifsu tal-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2012/34, kemm it-trattamenti mhux ekwi jew diskriminatorji kif ukoll kull dannu ieħor, u dan jinkludi b’mod partikolari l-kwistjonijiet relatati mat-tariffikazzjoni tal-infrastruttura (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, DB Station & Service, C‑721/20, EU:C:2022:832, punt 73).

47      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-possibbiltà tal-impriżi tat-trasport ferrovjarju li jadixxu lill-korp regolatorju hija riflessa fis-setgħa ta’ dan il-korp li jivverifika l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-ġestjonarju tal-infrastruttura fil-qasam tat-tariffi, kif jikkonferma l-Artikolu 56(6) tad-Direttiva 2012/34, sa fejn dan jipprevedi li l-imsemmi korp għandu jiżgura li t-tariffi stabbiliti mill-ġestjonarju tal-infrastruttura jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, li tirregola t-tarifikazzjoni tal-infrastruttura u tas-servizzi, u mhux diskriminatorji.

48      Minn dan jirriżulta li l-korp regolatorju, adit abbażi tal-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2012/34, ma jistax validament jirrifjuta li jeżerċita l-kompetenza tiegħu sabiex jiddeċiedi dwar il-legalità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura miġbura fil-passat (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, DB Station & Service, C‑721/20, EU:C:2022:832, punti 74 u 87).

49      B’mod partikolari, il-kompetenza ta’ tali korp sabiex jistħarreġ il-legalità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ma tistax tiddependi mill-fatt li huwa ġie adit qabel jew wara l-iskadenza tal-perijodi ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn it-tariffi.

50      Minn naħa, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 56(1), (6) u (9) tad-Direttiva 2012/34 jirriżulta li l-kompetenzi mogħtija lill-korp regolatorju bl-ebda mod ma huma marbuta ma’ dawn il-perijodi ta’ applikazzjoni.

51      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li d-Direttiva 2012/34 la tiddetermina l-imsemmija perijodi u lanqas ma tillimita l-applikabbiltà tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura jew tas-sistemi sottostanti ta’ tarifikazzjoni għal ċertu tul ta’ żmien. B’mod partikolari, bħall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/14, moqri flimkien mal-Artikolu 2(j) tagħha u mal-Anness I tagħha, l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34, moqri flimkien mal-punt 26 tal-Artikolu 3 tagħha u mal-Anness IV tagħha, sempliċement jipprevedi l-obbligu tal-ġestjonarju tal-infrastruttura li jippubblika dikjarazzjoni dwar in-network li tistabbilixxi b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, inklużi l-prinċipji ta’ tarifikazzjoni, it-tariffi u l-piżijiet, mingħajr ma jillimita t-tul tal-validità ta’ din id-dikjarazzjoni.

52      Lanqas ma tista’ tiġi dedotta limitazzjoni tat-tul tal-validità tat-tariffi jew tas-sistemi sottostanti ta’ tarifikazzjoni mir-regoli dwar l-iskeda tax-xogħol annwali. Fil-fatt, skont il-punt 28 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34, moqri flimkien mal-Anness VII tagħha, bħalma kien il-każ tal-Artikolu 2(m) tad-Direttiva 2001/14, moqri flimkien mal-Anness III tagħha, huwa minnu li l-iskeda tax-xogħol għandha biss perijodu ta’ validità limitat għal sena. Madankollu, din l-iskeda sempliċement telenka “id-data li tiddefinixxi l-movimenti kollha ppjanati tal-ferrovija u tar-rolling-stock li jseħħu fuq l-infrastruttura rilevanti” u għalhekk ma tikkonċernax it-tariffi u l-piżijiet.

53      Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni tal-Artikolu 56(1), (6) u (9) tad-Direttiva 2012/34, li skontha t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura diġà miġbura minn ġestjonarju tal-infrastruttura jistgħu jiġu kkontestati biss matul il-perijodu tal-validità tat-tariffa sottostanti tippreġudika l-effettività tas-sistema ta’ kontroll stabbilita minn din id-dispożizzjoni u, minħabba dan il-fatt, it-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva.

54      Fil-fatt, tali interpretazzjoni tostakola l-missjoni tal-korp regolatorju li tikkonsisti f’li jiżgura, kif jirriżulta mill-punti 42 sa 47 ta’ din is-sentenza, l-ugwaljanza fl-aċċess għall-infrastruttura tal-impriżi kollha kkonċernati u ż-żamma ta’ kompetizzjoni ekwa fis-settur tal-provvista ta’ servizzi ferrovjarji. Din l-interpretazzjoni hija wkoll ta’ natura li tirrestrinġi indebitament id-dritt tal-impriżi tat-trasport ferrovjarju li jadixxu lill-korp regolatorju b’kontestazzjoni tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura u, jekk ikun il-każ, li jissuġġettaw id-deċiżjoni meħuda minn dan il-korp għal stħarriġ ġudizzjarju billi jadixxu lill-qorti kompetenti għal dan l-għan, stabbilit fl-Artikolu 56(1), (9) u (10) tad-Direttiva 2012/34 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie, C‑120/20, EU:C:2021:553, punt 57).

55      Barra minn hekk, il-kompetenza tal-korp regolatorju li jivverifika l-legalità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura miġbura fil-passat, indipendentement minn jekk il-perijodi ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom kinux diġà skadew, timplika neċessarjament, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 44, 45, 47 u 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan il-korp jista’ jikkonstata, jekk ikun il-każ, l-invalidità ta’ dawn it-tariffi b’effett ex tunc.

56      B’mod partikolari, il-fatt li l-kompetenza tal-korp regolatorju tiġi limitata għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet b’effett biss għall-futur x’aktarx fil-biċċa l-kbira jċaħħad ir-reviżjoni tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura miġbura fil-passat mis-sens tagħha u għalhekk jippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 56(1), (6) u (9) tad-Direttiva 2012/34.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-korp regolatorju la huwa kompetenti sabiex jistħarreġ il-legalità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom skada u lanqas sabiex jikkonstata, jekk ikun il-każ, l-invalidità tagħhom b’effett ex tunc.

58      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta u ġie kkonfermat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, f’dan il-każ, tali limitazzjoni tal-kompetenza tal-korp regolatorju Ġermaniż tista’ tirriżulta mill-Artikolu 68(3) tal-ERegG.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi b’mod partikolari fuq il-qrati nazzjonali, bl-għan li tkun żgurata l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu madankollu ċerti limiti u ma jistax b’mod partikolari jservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ supremazija jimponi fuq il-qorti nazzjonali responsabbli li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fit-tilwima li tkun adita biha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 58 u 61, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 37).

62      Fir-rigward tad-dritt għal azzjoni amministrattiva u ġudizzjarja tal-impriżi tat-trasport ferrovjarju, previst fl-Artikolu 56(1), (9) u (10) tad-Direttiva 2012/34, dawn id-dispożizzjonijiet huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi u, għaldaqstant, għandhom effett dirett. Minn dan isegwi li dawn huma vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, jiġifieri mhux biss il-qrati nazzjonali, iżda wkoll il-korpi amministrattivi kollha, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, u dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li japplikawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256, punt 33, u tat‑8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie, C‑120/20, EU:C:2021:553, punt 58).

63      Konsegwentement, ma hijiex biss il-qorti tar-rinviju, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, l-Aġenzija Federali għan-Networks li għandha tinterpreta, sa fejn ikun possibbli, l-Artikolu 68(3) tal-ERegG b’mod konformi mal-Artikolu 56(1), (9) u (10) tad-Direttiva 2012/34 u, fil-każ li tali interpretazzjoni għandha titqies bħala contra legem, għandha twarrab din id-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż sabiex tippermetti lill-impriżi tat-trasport ferrovjarju jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jikkontestaw il-legalità ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura miġbura fil-passat.

64      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li la l-Artikolu 56(1), (9) u (10) tad-Direttiva 2012/34 u lanqas dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jipprevedu terminu li fl-iskadenza tiegħu l-impriżi ma jibqgħux jistgħu jikkontestaw il-legalità ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa kull Stat Membru, konformement mal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, li għandu jistabbilixxi limiti ratione temporis raġonevoli li japplikaw għar-rikorsi li permezz tagħhom l-applikanti, fosthom l-impriżi tat-trasport ferrovjarju, jitolbu lill-korp regolatorju, konformement mal-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2012/34, jistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-ġestjonarju tal-infrastruttura f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-sistema ta’ tarifikazzjoni u l-livell jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C‑88/99, EU:C:2000:652, punti 20 u 21, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland, C‑360/18, EU:C:2019:1124, punt 46).

66      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2012/34 għandhom jintlaħqu, fid-dritt nazzjonali, bl-osservanza tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jimplika, fir-rigward ta’ dawn il-limiti ratione temporis, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu sistema ta’ termini suffiċjentement preċiża, ċara u prevedibbli sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Pelati, C‑603/10, EU:C:2012:639, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja u waqt is-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2023 ġie sostnut li d-dritt Ġermaniż ma jipprevedix terminu speċifiku għall-preżentata tar-rikorsi skont l-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2012/34. Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Ġermaniż. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika r-regoli ta’ preskrizzjoni u ta’ dekadenza previsti minn dan id-dritt li jistgħu japplikaw għat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tivverifika li dawn ir-regoli jipprevedu sistema ta’ termini suffiċjentement preċiża, ċara u prevedibbli, kif ukoll li tiddetermina jekk dawn it-talbiet tressqux fit-termini stabbiliti.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 56(1), (6) u (9) tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi kull kompetenza tal-korp regolatorju, li quddiemu titressaq talba bbażata fuq il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, sabiex jivverifika l-legalità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom skada u sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tagħhom b’effett ex tunc.

 Fuq irraba’ domanda

69      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56(9) tad-Direttiva 2012/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-korp regolatorju jkun jista’ jordna r-rimbors ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura meta d-dritt nazzjonali jagħti din il-kompetenza lill-qrati ċivili.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza li, bis-saħħa tal-Artikolu 56(9) tad-Direttiva 2012/34, meta korp regolatorju jkollu quddiemu lment, huwa għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni, bla ħsara għall-kompetenza tiegħu li jieħu, jekk meħtieġ ex officio, il-miżuri xierqa sabiex jikkoreġi kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-applikanti, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi ferrovjarji, kull distorsjoni tas-suq tas-servizzi ferrovjarji u kull żvilupp ieħor mhux mixtieq f’dan is-suq.

71      Mir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda jirriżulta li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-korp regolatorju jkun kompetenti b’mod partikolari sabiex jikkonstata l-invalidità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura b’effett ex tunc. Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tar-rimbors ta’ tali tariffi.

72      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, wara analiżi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 56(9) tad-Direttiva 2012/34, din id-dispożizzjoni ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jagħtu lill-korp regolatorju s-setgħa li jordna huwa stess ir-rimbors tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura, iżda tippermettilhom, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, li jfasslu sistemi oħra li jimplikaw, bħala eżempju, li l-qrati ċivili jieħdu konjizzjoni separata tat-talbiet għal rimbors.

73      L-effettività tal-Artikolu 56(9) tad-Direttiva 2012/34 lanqas ma teħtieġ li l-korp regolatorju jkun jista’, fi kwalunkwe każ, jiddeċiedi huwa stess dwar ir-rimbors tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li fir-rigward tagħhom huwa kkonstata n-natura illegali.

74      Minn naħa, meta dan il-korp jikkonstata l-invalidità tal-piżijiet u tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura applikati minn ġestjonarju tal-infrastruttura, l-effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet tiegħu fir-rigward tal-partijiet kollha kkonċernati tas-settur ferrovjarju, imfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, jippermetti lil dawn tal-aħħar li jkunu jafu b’ċertezza d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex l-impriżi li jallegaw li kienu s-suġġett ta’ diskriminazzjoni jkunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom u sabiex b’hekk tiġi żgurata l-eliminazzjoni effettiva tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, ma jidhirx li huwa indispensabbli li l-imsemmi korp jiddetermina wkoll l-ammonti eżatti tat-tariffi imħallsa indebitament sabiex jordna r-rimbors tagħhom.

75      Min-naħa l-oħra, huwa minnu li l-Artikolu 56(9) tad-Direttiva 2012/34 jimponi fuq il-korp regolatorju l-obbligu li jiddeċiedi dwar l-ilmenti kollha f’terminu partikolarment qasir. Madankollu, għalkemm, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali b’mod partikolari, dan il-korp għandu jiddeċiedi mill-iktar fis possibbli dwar il-legalità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura kkontestati, kemm jekk ikunu attwalment fis-seħħ jew jekk il-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom ikun skada, dawn ir-raġunijiet ma jirrikjedux li, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-invalidità tat-tariffi inkwistjoni, l-ammonti li għandhom jiġu rrimborsati, jekk ikun il-każ flimkien mal-interessi, jiġu ddeterminati fl-istess terminu.

76      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56(9) tad-Direttiva 2012/34 diġà ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja li ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-deċiżjoni dwar ir-rimbors ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura miġbura żejda ma hijiex ir-responsabbiltà tal-korp regolatorju, iżda tal-qrati ċivili li jiddeċiedu, b’applikazzjoni tad-dritt ċivili, bil-kundizzjoni, madankollu, li dan il-korp ikun iddeċieda minn qabel dwar in-natura illegali ta’ dawn it-tariffi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 97).

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, li meta l-Istati Membri jiddeterminaw, fid-dritt nazzjonali tagħhom, ir-rimedji ġudizzjarji li jippermettu li ġestjonarju tal-infrastruttura jiġi mġiegħel jirrimborsa t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura miġbura żejda u, b’mod partikolari meta jagħżlu li jagħtu, għal dan l-għan, ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati ċivili, huma obbligati josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 56(9) tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li l-korp regolatorju jkun jista’ jordna huwa stess ir-rimbors ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura meta d-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jagħti din il-kompetenza lill-qrati ċivili.

 Fuq ilħames domanda

79      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda, ma hemmx iktar lok li tingħata risposta għall-ħames domanda li saret biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda.

 Fuq lispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 56(1), (6) u (9) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi kull kompetenza tal-korp regolatorju, li quddiemu titressaq talba bbażata fuq il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, sabiex jivverifika l-legalità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom skada u sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tagħhom b’effett ex tunc.

2)      L-Artikolu 56(9) tad-Direttiva 2012/34

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jeżiġix li l-korp regolatorju jkun jista’ jordna huwa stess ir-rimbors ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura meta d-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jagħti din il-kompetenza lill-qrati ċivili.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top