This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0562
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 18 January 2024.#JD v OB.#Request for a preliminary ruling from the Rayonen sad Burgas.#Reference for a preliminary ruling – Article 63 TFEU – Free movement of capital – Restrictions – Acquisition of agricultural land in a Member State – Obligation for the acquirer to have the status of resident for more than five years.#Case C-562/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ Jannar 2024.
JD vs OB.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Akkwist ta’ artijiet agrikoli fi Stat Membru – Obbligu għall-akkwirent li jkollu l-kwalità ta’ resident għal iktar minn ħames snin.
Kawża C-562/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ Jannar 2024.
JD vs OB.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Akkwist ta’ artijiet agrikoli fi Stat Membru – Obbligu għall-akkwirent li jkollu l-kwalità ta’ resident għal iktar minn ħames snin.
Kawża C-562/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:55
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
18 ta’ Jannar 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Akkwist ta’ artijiet agrikoli fi Stat Membru – Obbligu għall-akkwirent li jkollu l-kwalità ta’ resident għal iktar minn ħames snin”
Fil-Kawża C‑562/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rayonen sad Burgas (il-Qorti Distrettwali ta’ Burgas, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Awwissu 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura
JD
vs
OB,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Mataija, G. von Rintelen u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 49, 63 u 345 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn JD, ċittadin Awstrijak, u OB, ċittadin Bulgaru, dwar talba intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ kuntratti, fid-dawl tan-natura allegatament fittizja tagħhom, relatati mal-akkwist ta’ artijiet agrikoli fil-Bulgarija. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal‑24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu [63 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10), jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fi Stati Membri. Biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I.” |
4 |
Kif jirriżulta mill-punt II-A tagħha, in-nomenklatura stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 88/361 tipprevedi li l-movimenti ta’ kapital koperti minn din tal-aħħar jinkludu l-“Investimenti fil-proprjetà immobiljari fuq territorju nazzjonali minn non-residenti”. |
5 |
Il-parti ta’ din in-nomenklatura intitolata “Noti ta’spjega” hija fformulata kif ġej: “Għall-iskopijiet ta’ din in-Nomenklatura u d-Direttiva biss, l-espressjonijiet segwenti għandhom it-tifsirijiet assenjati lilhom rispettivament: […] Investimenti fi proprjetà immobiljari Xiri ta’ bini u art u l-kostruzzjoni ta’ bini minn persuni privati għall-qligħ jew għall-użu personali Din il-kategorija tinkludi wkoll drittijiet ta’ użufrutt, sollievi u drittijiet tal-bini. […]” |
Id‑dritt Bulgaru
6 |
L-Artikolu 3 taz-zakon za sobstvenostta i polzvaneto na zemedelskite zemi (il-Liġi dwar il-Proprjetà u l-Użu tal-Artijiet Agrikoli), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iz-“ZSPZZ”), jipprevedi: “(1) Persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma residenti jew stabbiliti fil-Bulgarija għal iktar minn ħames snin jistgħu jakkwistaw dritt għall-proprjetà fuq artijiet agrikoli. (2) Il-persuni ġuridiċi rreġistrati taħt il-liġi Bulgara għal inqas minn ħames snin jistgħu jakkwistaw dritt għall-proprjetà fuq artijiet agrikoli meta s-soċji tal-kumpannija, il-membri tal-assoċjazzjoni jew il-fundaturi tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1. […] (4) Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-każ ta’ akkwist ta’ dritt ta’ proprjetà fuq artijiet agrikoli permezz ta’ suċċessjoni legali.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
7 |
Matul l‑2004 u l‑2005, EF, ta’ nazzjonalità Bulgara, missier u de cujus tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, OB, ippropona lil JD, ċittadin Awstrijak, li jakkwista, flimkien ma’ persuni oħra, parti indiviża fi tliet porzjonijiet ta’ artijiet agrikoli distinti li jinsabu fil-Bulgarija (iktar ’il quddiem l-“artijiet agrikoli inkwistjoni”). |
8 |
JD aċċetta din il-proposta billi ħallas is-somma ta’ EUR 51000 għall-akkwist ta’ ishma indiviżi fl-artijiet agrikoli inkwistjoni u somma ta’ EUR 9000 bħala spejjeż ta’ tranżazzjoni. Fil-kuntest ta’ din it-tranżazzjoni, EF informa lil JD li, minħabba l-projbizzjoni, li dak iż-żmien kienet applikabbli fid-dritt Bulgaru għall-barranin, milli jakkwistaw drittijiet ta’ proprjetà fuq artijiet agrikoli li jinsabu fil-Bulgarija, l-atti nutarili relatati mal-akkwist tal-artijiet agrikoli inkwistjoni kellhom isemmu l-isem ta’ EF bħala akkwirent tal-ishma indiviżi ta’ JD, filwaqt li huwa ppreċiżat li dan tal-aħħar huwa l-akkwirent reali. EF indika wkoll li dawn l-ishma indiviżi kienu ġew uffiċjalment ittrasferiti lil JD permezz ta’ att notarili wara t-tħassir ta’ din il-projbizzjoni fid-dritt Bulgaru. |
9 |
Il-bejgħ tal-artijiet agrikoli inkwistjoni lid-diversi komproprjetarji kien is-suġġett ta’ tliet kuntratti konklużi permezz ta’ atti nutarili matul l‑ 2004 u l‑2005, li jsemmu l-isem ta’ EF bħala akkwirent tal-ishma indiviżi li kellhom jingħataw lura lil JD. |
10 |
Matul l‑2006, EF stabbilixxa, għal kull waħda mill-artijiet agrikoli inkwistjoni, tliet dikjarazzjonijiet ġuramentati quddiem nutar li permezz tagħhom huwa indika li JD kien il-proprjetarju reali ta’ dawn l-ishma indiviżi. |
11 |
Fit‑3 ta’ April 2021, EF miet, u ħalla biss bħala eredi lil ibnu, OB. |
12 |
Ir-rikors ippreżentat minn JD quddiem ir-Rayonen sad Burgas (il-Qorti Distrettwali ta’ Burgas, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat, minn naħa, li huwa l-proprjetarju veru tal-imsemmija ishma indiviżi u, min-naħa l-oħra, in-nullità tat-tliet kuntratti ta’ bejgħ tal-artijiet agrikoli inkwistjoni. F’dan l-aħħar rigward, JD isostni li dawn il-kuntratti huma fittizji, peress li għandu jiġi kkunsidrat bħala l-proprjetarju veru, skont id-dikjarazzjonijiet ġuramentati magħmula minn EF, li aġixxa biss fil-kwalità ta’ mandatarju prestanome. |
13 |
OB isostni li d-dikjarazzjonijiet invokati minn JD ma kinux tali li juru l-kwalità ta’ mandatarju prestanome ta’ missieru, peress li dawn ma kinux iffirmati miż-żewġ partijiet, jiġifieri minn JD u EF. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara attwalment fis-seħħ, b’mod iktar preċiż l-Artikolu 3 taz-ZSPZZ, huma biss il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li huma residenti jew stabbiliti fil-Bulgarija għal iktar minn ħames snin li jistgħu jakkwistaw dritt ta’ proprjetà fuq artijiet agrikoli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. |
15 |
Hija tippreċiża li hija għandha tiddeċiedi f’din il-kawża dwar jekk it-tliet kuntratti ta’ bejgħ konklużi minn EF humiex fittizji u, fl-affermattiv, jekk il-ftehim moħbi minn dawn it-tliet kuntratti għandux jipprevali u jipproduċi l-effetti tiegħu. Sabiex tagħmel dan, huwa neċessarju għaliha, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali attwalment fis-seħħ, li tivverifika li l-kundizzjonijiet ta’ validità tal-ftehim moħbi huma ssodisfatti, fejn waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li x-xerrej għandu d-dritt li jakkwista artijiet agrikoli fil-Bulgarija. Issa, JD ma jissodisfax din il-kundizzjoni, peress li ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ residenza stabbilita fl-Artikolu 3 taz-ZSPZZ. |
16 |
F’dan l-istess kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 3c taz-ZSPZZ jiksirx id-dritt tal-Unjoni sa fejn jikkostitwixxi restrizzjoni, b’mod partikolari, għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-moviment liberu tal-kapital stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 49 u 63 TFUE. Ir-risposta għal din id-domanda hija iktar u iktar rilevanti peress li l-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura ta’ ksur fil-konfront tar-Repubblika tal-Bulgarija u li tirrigwarda, b’mod partikolari, din id-dispożizzjoni tad-dritt Bulgaru. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rayonen sad Haskovo (il-Qorti Distrettwali ta’ Burgas) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
18 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18, 49, 63 u 345 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-akkwist ta’ dritt ta’ proprjetà fuq artijiet agrikoli li jinsabu fit-territorju tiegħu huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-akkwirent ikollu l-kwalità ta’ resident għal iktar minn ħames snin. |
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja
19 |
Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan fi Stat Membru ġdid mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar fl-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-kuntratti ta’ bejgħ relatati mal-artijiet agrikoli inkwistjoni ġew konklużi matul l‑2004 u l‑2005, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni, li seħħet fl‑1 ta’ Jannar 2007. Huma wkoll preċedenti għal din l-adeżjoni d-dikjarazzjonijiet ġuramentati magħmula minn EF matul l‑2006. |
21 |
Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, minħabba r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Bulgara, il-qorti tar-rinviju jista’ jkollha tevalwa l-validità tal-ftehim moħbi fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fid-data li fiha hija mitluba tiddeċiedi. F’dan il-każ, il-qorti hija mitluba tapplika l-Artikolu 3c taz-ZSPZZ, adottat matul l‑2014. F’tali sitwazzjoni, id-drittijiet ta’ proprjetà ta’ JD jistgħu għalhekk jiġu rrikonoxxuti minn dispożizzjoni legali introdotta wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni. |
22 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hija biss l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali attwalment fis-seħħ li tista’ tagħti dritt għall-proprjetà lil JD, peress li l-leġiżlazzjoni Bulgara preċedenti għall-adozzjoni ta’ dan l-Artikolu 3 kienet tipprojbixxi lil kull persuna fiżika u ġuridika barranija milli takkwista dritt ta’ proprjetà fuq artijiet agrikoli Bulgari. |
23 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata minn Stat Membru wara d-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, li jista’ jkollha effetti ġuridiċi fuq kuntratti ta’ bejgħ u dikjarazzjonijiet magħmula qabel din id-data. |
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula f’din il-kawża. |
Fuq il‑mertu
Fuq l‑applikabbiltà tal‑Artikolu 49 TFUE, dwar il‑libertà ta’ stabbiliment, u/jew tal‑Artikolu 63 TFUE, dwar il‑moviment liberu tal-kapital, għall‑kawża prinċipali
25 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18 TFUE, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fid-domandi preliminari tagħha, huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi dwar nondiskriminazzjoni. Issa, dan it-trattat jipprevedi tali regola speċifika fl-Artikolu 49 TFUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u fl-Artikolu 63 TFUE fil-qasam li jaqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital, b’tali mod li ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-Artikolu 18 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punti 25 u 26, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale, C‑565/18, EU:C:2020:318, punt 16). |
26 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 345 TFUE, li għalih tirreferi wkoll il-qorti tar-rinviju fid-domandi preliminari tagħha, dan jesprimi l-prinċipju ta’ newtralità tat-trattati fir-rigward tas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri. Madankollu, dan l-artikolu ma għandux l-effett li jeżenta s-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri mir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE. B’hekk, għalkemm l-imsemmi artikolu ma jqiegħedx f’dubju l-fakultà, għall-Istati Membri, li jistabbilixxu sistema ta’ akkwist ta’ proprjetà immobbli li tipprevedi miżuri speċifiċi li japplikaw għal tranżazzjonijiet dwar artijiet agrikoli, tali sistema ma tevitax, b’mod partikolari, ir-regola ta’ nondiskriminazzjoni, lanqas ir-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, id-domandi preliminari jirreferu kemm għal-libertà ta’ stabbiliment, stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE, kif ukoll għall-moviment liberu tal-kapital, iggarantit fl-Artikolu 63 TFUE. Għaldaqstant, għandha tiġi ddeterminata l-libertà inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi jittieħed inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din it-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punti 52 u 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 3 taz-ZSPZZ, għandha l-għan li tirregola, billi tillimitah, id-dritt, għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi mhux residenti, li jakkwistaw artijiet agrikoli li jinsabu fit-territorju Bulgaru. Issa, għandu jitfakkar li, meta jiġi eżerċitat id-dritt ta’ akkwist, ta’ użu u ta’ trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, bħala korollarju għad-dritt ta’ stabbiliment, dan jiġġenera movimenti ta’ kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
B’hekk, għalkemm, f’dan il-każ, l-Artikolu 3c taz-ZSPZZ jista’, a priori, jaqa’ taħt iż-żewġ libertajiet fundamentali msemmija mill-qorti tar-rinviju, jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest li jikkaratterizza l-kawżi prinċipali, l-eventwali restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment li jirriżultaw mill-imsemmija leġiżlazzjoni jikkostitwixxu konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital u għaldaqstant ma jiġġustifikawx eżami awtonomu tal-istess leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Fil-fatt, il-movimenti ta’ kapital jinkludu t-tranżazzjonijiet li bihom persuni li ma humiex residenti jwettqu investimenti immobiljari fit-territorju ta’ Stat Membru, kif jirriżulta min-nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 88/361, fejn din in-nomenklatura għad għandha l-istess valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni lill-kunċett ta’ movimenti tal-kapital (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Issa, dan il-kunċett jinkludi, b’mod partikolari, l-investimenti immobbiljari fl-akkwist ta’ drittijiet ta’ proprjetà fuq artijiet agrikoli kif muri, b’mod partikolari, fil-preċiżjoni li tinsab fin-noti ta’ spjega tal-imsemmija nomenklatura, li biha l-kategorija ta’ investimenti immobbiljari koperti minn din tal-aħħar tinkludi “Xiri ta’ bini u art u l-kostruzzjoni ta’ bini”. |
32 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni tal-akkwist minn persuna mhux residenti, jiġifieri ċittadin Awstrijak, ta’ drittijiet ta’ proprjetà fuq artijiet agrikoli li jinsabu fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija. |
33 |
Peress li din is-sitwazzjoni taqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl ta’ din il-libertà. |
Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għall‑moviment liberu tal-kapital
34 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali l-ostakoli għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri. Il-miżuri pprojbiti minn din id-dispożizzjoni, bħala restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti ta’ dan l-Istat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imqassam minn UCITS), C‑480/19, EU:C:2021:334, punt 26). |
35 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, mill-għan tagħha stess, il-kundizzjoni ta’ residenza prevista fl-Artikolu 3 taz-ZSPZZ tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Festersen, C‑370/05, EU:C:2007:59, punt 25). Din il-leġiżlazzjoni kienet, barra minn hekk, ta’ natura li tiskoraġġixxi lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fil-Bulgarija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
B’hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital iggarantit fl-Artikolu 63 TFUE. |
Fuq il‑ġustifikazzjoni tar‑restrizzjoni għall‑moviment liberu tal‑kapital
37 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrestrinġi l-libertà tal-moviment tal-kapital, tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jirrikjedi li dan ikun xieraq sabiex jiżgura l-kisba tal-għan leġittimament imfittex u li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli)) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Għandu jitfakkar ukoll, f’dan ir-rigward, li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat ħlief jekk tkun effettivament tissodisfa l-ħsieb li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 3 taz-ZSPZZ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix indikazzjonijiet preċiżi f’dan ir-rigward. Wara talba għal informazzjoni indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar indikat li din id-dispożizzjoni nazzjonali hija intiża, billi tintroduċi restrizzjonijiet għall-investimenti immobiljari fl-artijiet agrikoli Bulgari, sabiex dawn l-artijiet agrikoli jibqgħu jintużaw konformement mal-għan tagħhom. Dik il-qorti ppreċiżat li t-tranżazzjonijiet spekulattivi relatati ma’ tali artijiet agrikoli kif ukoll il-bejgħ tagħhom lil investituri barranin bl-għan li dawn jiġu użati għal finijiet oħra kienu jwasslu għal tnaqqis sinjifikattiv tal-artijiet li jinħartu, kif ukoll għajbien korrelattiv ta’ produtturi agrikoli kbar kif ukoll żgħar Bulgari. |
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm tali għanijiet jippreżentaw fihom infushom natura ta’ interess ġenerali u jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C‑370/05, EU:C:2007:59, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), xorta jibqa’ l-fatt li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu xierqa u neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
41 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura xierqa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li din ma tirrigwarda xejn ħlief obbligu ta’ residenza, u ma fihiex ukoll obbligu li wieħed juża l-proprjetà immobbli huwa stess. Għaldaqstant, tali miżura ma tidhirx, minnha nnifisha, li hija ta’ natura li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan allegat intiż sabiex l-artijiet agrikoli li jinsabu fit-territorju Bulgaru jibqgħu jintużaw konformement mal-assenjazzjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C‑370/05, EU:C:2007:59, punt 30). |
42 |
Fir-rigward tal-għan intiż għall-prevenzjoni tal-akkwist tal-artijiet agrikoli għal finijiet purament spekulattivi, huwa minnu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollha l-effett li tnaqqas in-numru ta’ akkwirenti potenzjali ta’ artijiet agrikoli, b’tali mod li hija tista’ tnaqqas il-pressjoni fuq dawn l-artijiet. Madankollu, il-kundizzjoni ta’ residenza li tipprevedi din il-leġiżlazzjoni ma tiggarantixxix, fiha nnifisha u waħedha, li l-artijiet agrikoli jinxtraw bl-għan li tintuża għal finijiet agrikoli jew, tal-inqas, għal finijiet mhux spekulattivi. |
43 |
Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk l-obbligu ta’ residenza previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jikkostitwixxix miżura li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni. |
44 |
Għal tali evalwazzjoni, għandha tiġi kkunsidrata ċ-ċirkustanza fejn l-imsemmi obbligu jostakola mhux biss il-libertà tal-moviment tal-kapital iżda wkoll id-dritt tal-akkwirent li jagħżel liberament ir-residenza tiegħu, dritt li huwa madankollu ggarantit lilu mill-Artikolu 2(1) tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C‑370/05, EU:C:2007:59, punt 35). |
45 |
L-obbligu ta’ residenza previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’hekk jippreġudika dritt fundamentali ggarantit minn din il-konvenzjoni, għalhekk jirriżulta bħala partikularment restrittiv (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C‑370/05, EU:C:2007:59, punt 37). Konsegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk miżuri oħra, li huma inqas ta’ preġudizzju għall-moviment liberu tal-kapital minn dawk previsti minn din il-leġiżlazzjoni, setgħux jiġu adottati sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija leġiżlazzjoni. |
46 |
Issa, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali intiżi, minn naħa, sabiex l-artijiet agrikoli jibqgħu jintużaw konformement mal-għan tagħhom, u, min-naħa l-oħra, mal-prevenzjoni tal-akkwist ta’ dawn l-artijiet għal finijiet spekulattivi jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri li jistabbilixxu, b’mod partikolari, taxxa ogħla tat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ artijiet agrikoli li jseħħu ftit wara l-akkwist, jew inkella r-rekwiżit ta’ terminu minimu sinjifikattiv għall-kuntratti ta’ kiri ta’ artijiet agrikoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C‑370/05, EU:C:2007:59, punt 39). Jista’ wkoll jikkostitwixxi miżura inqas ta’ preġudizzju għall-moviment liberu tal-kapital l-istabbiliment ta’ dritt ta’ prelazzjoni għall-benefiċċju tal-inkwilini b’razzett li jippermetti, fil-każ li dawn tal-aħħar ma jkunux akkwirenti, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-attività tagħhom ma taqax taħt is-settur agrikolu li minnu jwettqu l-akkwist tagħhom, madankollu, huwa r-responsabbiltà tagħhom li jżommu l-użu agrikolu tal-proprjetà inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg, C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 52). |
47 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta, fid-dawl tal-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li l-obbligu ta’ residenza stabbilit fl-Artikolu 3 taz-ZSPZZ jidher li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-akkwist ta’ dritt ta’ proprjetà fuq artijiet agrikoli li jinsabu fit-territorju tiegħu huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-akkwirent ikollu l-kwalità ta’ resident għal iktar minn ħames snin. |
Fuq l‑ispejjeż
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-akkwist ta’ dritt ta’ proprjetà fuq artijiet agrikoli li jinsabu fit-territorju tiegħu huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-akkwirent ikollu l-kwalità ta’ resident għal iktar minn ħames snin. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.