EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0533

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2024.
SC Adient Ltd & Co.Kg vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală u Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Ploieşti – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Argeş.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mit-Tribunalul Argeş.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 44 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 – Artikolu 11(1) – Post tal-provvista ta’ servizzi – Kunċett ta’ ‘stabbiliment permanenti’ – Kapaċità, f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, ta’ riċezzjoni u ta’ użu tas-servizzi għall-bżonnijiet rispettivi – Servizzi ta’ manifattura ta’ covers tas-sedili għal vetturi bil-mutur imwettqa minn kumpannija f’isem kumpannija oħra, li tappartjeni lill-istess grupp u li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor.
Kawża C-533/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:501

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)

13 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 44 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 – Artikolu 11(1) – Post tal-provvista ta’ servizzi – Kunċett ta’ ‘stabbiliment permanenti’ – Kapaċità, f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, ta’ riċezzjoni u ta’ użu tas-servizzi għall-bżonnijiet rispettivi – Servizzi ta’ manifattura ta’ covers tas-sedili għal vetturi bil-mutur imwettqa minn kumpannija f’isem kumpannija oħra, li tappartjeni lill-istess grupp u li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑533/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit‑Tribunalul Argeş (il-Qorti tal-Kontea ta’ Argeş, ir‑Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura

SC Adient Ltd оCo. KG

vs

Agenția Națională de Administrare Fiscală,

Agenția Națională de Administrare Fiscală,”. – Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Timișoara, – Administranotariia Judeźeană a Finanhebelor Publice Argeheb,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, I. Jarukaitis (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SC Adient Ltd & Co. KG, minn M. Ezer u F. Nanu, avocati,

–        għall-Gvern Rumen, minn R. Antonie, E. Gane u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u E. A. Stamate, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal-1 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 44 u 192a tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1695, tas‑6 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 282, p. 5, rettifika fil-ĠU 2018, L 329, p. 53) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll tal-Artikoli 10, 11 u 53 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011/KE tal‑15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2011, L 77, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SC Adient Ltd & Co. KG (iktar ’il quddiem “Adient Ġermanja”) u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală u l-Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Ploiești, – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Argeş (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali – Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Ploiești – L‑Amministrazzjoni Dipartimentali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Argeș, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Fiskali”) dwar talba għall-annullament ta’ deċiżjoni li tiddikjara r-reġistrazzjoni fiskali ex officio ta’ Adient Ġermanja fir-Rumanija minħabba li din il-kumpannija għandha stabbiliment permanenti f’dan il-pajjiż.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva dwar ilVAT

3        It-Titolu V tad-Direttiva dwar il-VAT, intitolat “Post ta’ transazzjonijiet taxxabbli”, jinkludi l-Kapitolu 3, dwar “[p]ost ta’ provvista ta’ servizzi”, li jinkludi t-Taqsima 2, intitolata “Regoli ġenerali”, li fiha l-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss talpersuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment.”

4        It-Titolu XI tad-direttiva msemmija, intitolat “Obbligi ta’ persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli”, jinkludi l-Kapitolu 1, li jirrigwarda l-obbligi ta’ ħlas. It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa”, tinkludi l-Artikoli 192a sa 205 tal-istess direttiva.

5        L-Artikolu 192a tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, persuna taxxabbli li għandha stabbiliment fiss fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn hija dovuta t-taxxa, għandha titqies bħala persuna taxxabbli li mhix stabbilita f’dak l-Istat Membru meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      tagħmel forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew ta’ servizzi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru;

b)      stabbiliment li l-fornitur ikollu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru ma jintervenix f’dak il-forniment.”

6        Skont l-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva:

“[It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)] għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra fejn din titħallas minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199b u fl-Artikolu 202.”

7        L-Artikolu 194 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fejn il–provvista taxxabbli ta' merkanzija jew servizzi titwettaq minn persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fl-Istat Membru li fih il-VAT hi dovuta, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persuna obbligata li tħallas il-VAT hija l-persuna li lilha qed issir il-provvista tal-merkanzija jew servizzi.

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.”

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011

8        Il-premessa 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 tipprovdi:

“Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta’ lokalizzazzjoni ta’ transazzjonijiet taxxabli, jeħtieġ li jkunu ċċarati ċerti kunċetti bħas-sede tan-negozju, l-indirizz permanenti, id-domiċilju jew il-post fejn persuna tirrisjedi. B B'kont meħud tal-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea], l-użu ta' kriterji ċari u objettivi kemm jista’ jkun għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-kunċetti.”

9        Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implementazzjoni:

“Għall-applikazzjoni tal-Artikoli 44 u 45 tad-[Direttiva dwar il-VAT], il-lok fejn in-negozju ta' persuna taxxabbli huwa stabbilit għandu jkun il-lok fejn jitwettqu l-funzjonijiet tal-amministrazzjoni ċentrali tan-negozju.”

10      L-Artikolu 11(1) u (2) tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi:

“1.      Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tad-[Direttiva dwar il-VAT] ‘l-istabbiliment fiss’ għandu jkun kwalunkwe stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament li huwa karatterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess.”

2.      Fl-applikazzjoni tal-Artikoli li ġejjin, ‘stabbiliment fiss’ għandu jkun kwalunkwe stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, li huwa karatterizzat minn livell ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu jipprovdi s-servizzi li huwa jforni:

[...]

d)      l-Artikolu 192a tad-[Direttiva dwar il-VAT].”

11      L‑Artikolu 53 tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jipprovdi:

“1.      Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 192a tad-[Direttiva dwar il-VAT], stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli jiġi kkunsidrat biss jekk dan ikollu grad suffiċjenti ta’ permanenza u struttura adegwata f’termini ta’ mezzi umani u tekniċi, li jippermettulu jwassal il-prodotti jew is-servizzi li jipparteċipa fihom.

2.      Meta persuna taxxabbli jkollha stabbiliment fiss li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru fejn hija dovuta l-VAT, dan l-istabbiliment jiġi meqjus li ma jipparteċipax fil-forniment ta’ oġġetti jew fil-forniment ta' servizzi fi ħdan it-tifsira ta' punt (b) tal-Artikolu 192a tad-[Direttiva dwar il-VAT], sakemm ir-riżorsi tekniċi u umani ta’ dak l-istabbiliment fiss ma jintużawx minnu għat-transazzjonijiet relatati mal-forniment taxxabbli ta' dawk l-oġġetti jew servizzi magħmula f'dak l-Istat Membru, qabel jew waqt dan it-twettiq.

Meta r-riżorsi tal-istabbiliment fiss jintużaw biss għal ħidmiet ta’ sostenn amministrattiv bħal kontabilità, fatturizzazzjoni u l-ġbir ta’ pretenzjonijiet ta’ dejn, dawn ma għandhomx jitqiesu li ntużaw għall-forniment tal-prodotti jew servizzi.

Madankollu, jekk tinħareġ fattura taħt in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT mill-Istat Membru tal-istabbiliment fiss, dak l-istabbiliment fiss se jitqies bħalli kieku għamel intervent fil-forniment tal-prodotti jew s-servizzi li sar f'dak l-Istat Membru sakemm ma hemmx prova tal-kuntrarju.”

 Iddritt Rumen

12      L‑Artikolu 266(2)(b) tal-Legea nr. 227/2015 privind Codul fiscal (il‑Liġi Nru 227/2015 dwar il-Kodiċi tat-Taxxi), tat‑8 ta’ Settembru 2015 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 688, tal‑10 ta’ Settembru 2015, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxi”), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan it-titolu:

[...]

b)      persuna taxxabbli li għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha barra mir-Rumanija titqies li hija stabbilita fir-Rumanija jekk ikollha stabbiliment permanenti fir-Rumanija, jew ikollha fir-Rumanija biżżejjed riżorsi tekniċi u umani sabiex twettaq regolarment kunsinni ta’ oġġetti u/jew provvisti ta’ servizzi taxxabbli.”

13      Skont l-Artikolu 278(2) tal-Kodiċi tat‑Taxxi:

“Il-post tal-provvista ta’ servizzi pprovduti lil persuna taxxabbli li tkun qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dan id-destinatarju tas-servizzi jkun stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu. Meta s-servizzi jiġu pprovduti lil stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jkun jinsab f’post differenti mill-post fejn din il-persuna tkun stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha, il-post tal-provvista ta’ servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dan l-istabbiliment permanenti tad-destinatarju tas-servizzi. Fin-nuqqas ta’ tali post jew ta’ tali stabbiliment permanenti, il-post tal-provvista ta’ servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tkun id-destinatarja ta’ dawn is-servizzi jkollha d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

14      Adient Ġermanja u SC Adient Automotive România SRL (iktar ’il quddiem “Adient Rumanija”) jappartjenu t-tnejn li huma lill-grupp Adient, li huwa fabbrikant tat-tagħmir oriġinali speċjalizzat fil-manifattura u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ sedili u komponenti oħra għal vetturi bil-mutur.

15      Fl‑1 ta’ Ġunju 2016, Adient Ġermanja kkonkludiet ma’ Adient Rumanija kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, li kien jinkludi kemm servizzi ta’ pproċessar ta’ komponenti ta’ tapezzerija għal dawn is-sedili kif ukoll servizzi awżiljarji. Is-servizzi ta’ pproċessar jikkonsistu, għal Adient Rumanija, fil-qtugħ u fil-ħjata ta’ materji primi pprovduti minn Adient Ġermanja għall-finijiet tal-manifattura ta’ covers tas-sedili. Is-servizzi awżiljarji mwettqa minn Adient Rumanija jikkonsistu, b’mod partikolari, fir-riċezzjoni, fil-ħażna, fil-kontroll u fil-ġestjoni tal-materji primi u fil-ħażna tal-prodotti lesti. Adient Ġermanja tibqa’ l-proprjetarja tal-materji primi, tal-prodotti nofshom lesti u tal-prodotti lesti matul il-proċess kollu ta’ manifattura.

16      Adient Ġermanja għandha numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT fir-Rumanija, li hija tuża kemm għall-akkwisti tagħha ta’ oġġetti f’dan l-Istat Membru kif ukoll għall-kunsinna lill-klijenti tagħha tal-prodotti mmanifatturati minn Adient Rumanija. Għas-servizzi pprovduti lilha minn Adient Rumanija, hija użat in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT Ġermaniż tagħha.

17      Peress li qieset li l-provvista ta’ servizzi li hija kienet twettaq skont il-kuntratt konkluż ma’ Adient Ġermanja twettqet fil-post fejn din il-kumpannija, benefiċjarja ta’ din il-provvista ta’ servizzi, kienet stabbilita, Adient Rumanija ħarġet fatturi mingħajr VAT, peress li l-imsemmija provvista ta’ servizzi kellha, fil-fehma tagħha, tiġi intaxxata fil-Ġermanja.

18      Wara kontroll fiskali relatat mal-perijodu mit‑18 ta’ Frar 2016 sal‑31 ta’ Lulju 2018, l-Amministrazzjoni Fiskali qieset, madankollu, li l-benefiċjarju tal-provvista ta’ servizzi mwettqa minn Adient Rumanija kien stabbiliment permanenti ta’ Adient Ġermanja li jinsab fir-Rumanija, li huwa kkostitwit minn tnejn mill-fergħat ta’ Adient Rumanija, jiġifieri dawk stabbiliti f’Pitești u f’Poiești (ir-Rumanija). Minn dan hija ddeduċiet li Adient Rumanija kellha l-obbligu li tiġbor il-VAT fuq din il-provvista ta’ servizzi u ħarġet avviż ta’ aġġustament fir-rigward ta’ din il-kumpannija, li kkontestatu fil-kuntest ta’ istanza distinta mill-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

19      Barra minn hekk, l-Amministrazzjoni Fiskali qieset li, peress li Adient Ġermanja kellha stabbiliment permanenti fir-Rumanija, hija ma setgħetx tiġi identifikata bin-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT li kien ġie assenjat lilha mill-awtoritajiet Ġermaniżi u li hija kienet obbligata tirreġistra ruħha bħala persuna taxxabbli stabbilita fir-Rumanija. Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2020, hija ddikjarat ir-reġistrazzjoni ex officio ta’ din il-kumpannija.

20      Adient Ġermanja ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Awwissu 2020.

21      Adient Ġermanja ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet tal‑4 ta’ Ġunju u tat‑28 ta’ Awwissu 2020 quddiem it-Tribunalul Argeș (il-Qorti tal-Kontea ta’ Argeș, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju.

22      Din tesponi li s-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk Adient Ġermanja għandhiex, permezz tal-fergħat ta’ Adient Rumanija stabbiliti f’Pitești u f’Ploiești, riżorsi umani u tekniċi sabiex twettaq regolarment tranżazzjonijiet taxxabbli fit-territorju tar-Rumanija.

23      Hija għandha dubji rigward il-pożizzjoni tal-Amministrazzjoni Fiskali li tqis li dan huwa l-każ fir-rigward, f’dak li jikkonċerna r-riżorsi umani ta’ Adient Ġermanja, tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

24      Minn naħa, din l-amministrazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi konkluż bejn Adient Ġermanja u Adient Rumanija, l-ewwel waħda għandha d-dritt li tispezzjona u li teżamina d-dokumenti tal-kontabbiltà, ir-reġistri, ir-rapporti u kull dokument ieħor li jappartjeni lit-tieni waħda, u tista’ titlob minnha li hija tipparteċipa f’programmi jew f’inizjattivi ta’ tnaqqis tal-ispejjeż.

25      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija amministrazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impjegati ta’ Adient Rumanija huma involuti fl-attività ta’ kunsinna ta’ oġġetti eżerċitata minn Adient Ġermanja, peress li jirċievu l-ordnijiet magħmula mill-klijenti ta’ din il-kumpannija, jikkalkolaw il-bżonnijiet ta’ materji primi u ta’ materjali, jiżguraw il-ħażna u t-trasport tal-materji primi u tal-prodotti lesti kif ukoll il-kunsinna ta’ dawn tal-aħħar, filwaqt li huma inkarigati mill-kontroll tal-kwalità, li jipparteċipaw fl-organizzazzjoni u fit-twettiq tal-inventarju annwali tal-beni tal-imsemmija kumpannija u li jiżguraw il-komunikazzjoni mal-klijenti u mal-fornituri tagħha, billi għalhekk jirrappreżentaw l-istess kumpannija fil-rigward ta’ terzi.

26      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Amministrazzjoni Fiskali, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ riżorsi tekniċi, tal-fatt li l-impjegati ta’ Adient Rumanija joperaw billi jużaw is-sistemi tal-informatika u ta’ kontabbiltà ta’ Adient Ġermanja, li barra minn hekk għandha maħżen tal-ħażna fi ħdan il-fergħa ta’ Pitești, mgħammar bit-tagħmir u bil-materjal neċessarju.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Argeş (il-Qorti tal-Kontea ta’ Argeş) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 44 tad-[Direttiva dwar il-VAT] u l-Artikoli 10 u 11 tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prassi tal-awtorità fiskali nazzjonali li tikkwalifika persuna ġuridika residenti indipendenti bħala l-istabbiliment permanenti ta’ entità mhux residenti, esklużivament fuq il-bażi tal-fatt li ż-żewġ kumpanniji huma parti mill-istess grupp?

2)      L-Artikolu 44 tad-[Direttiva dwar il-VAT] u l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prassi tal-awtorità fiskali nazzjonali li żżomm l-eżistenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ stabbiliment permanenti ta’ entità mhux residenti, billi tibbaża esklużivament fuq is-servizzi li l-persuna ġuridika residenti tipprovdi lill-entità mhux residenti?

3.      L-Artikolu 44 tad-[Direttiva dwar il-VAT] u l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni fiskali u l-prassi tal-awtorità fiskali nazzjonali li żżomm l-eżistenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ stabbiliment permanenti ta’ entità mhux residenti, peress li dan [l-istabbiliment] permanenti jipprovdi biss oġġetti u mhux servizzi?

4)      Fil-każ li persuna mhux residenti għandha fit-territorju ta’ Stat Membru, fil-livell ta’ persuna ġuridika residenti, riżorsi umani u tekniċi li jiżguraw il-provvista ta’ servizzi ta’ pproċessar għall-oġġetti meħtieġa li jiġu kkunsinnati mill-entità mhux residenti, l-Artikolu 192a(b) tad-[Direttiva dwar il-VAT] [kif ukoll] l-Artikolu 11 u l-Artikolu 53(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-servizzi ta’ pproċessar rilevanti, ipprovduti permezz tar-riżorsi tekniċi u umani tal-persuna ġuridika mhux residenti huma: i) servizzi pprovduti mill-persuna ġuridika mhux residenti mill-persuna residenti, permezz tar-riżorsi umani u tekniċi inkwistjoni, jew, skont il-każ, (ii) servizzi pprovduti mill-persuna ġuridika mhux residenti stess, permezz tal-imsemmija riżorsi umani u tekniċi?

5)      Skont ir-risposta għar-raba’ domanda, kif għandu jiġi ddeterminat il-post tal-provvista tas-servizzi, billi ssir referenza għall-Artikolu 44 tad-[Direttiva dwar il-VAT] u għall-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011?

6)      Fid-dawl tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, attivitajiet relatati ma’ servizzi ta’ pproċessar ta’ merkanzija bħall-irċevuta, l-inventarju, it-tqegħid ta’ ordnijiet mal-fornituri, il-forniment ta’ spazji ta’ ħażna, il-ġestjoni tal-ħażniet fis-sistema tal-informatika, l-ipproċessar ta’ ordnijiet mill-klijenti, l-inklużjoni tal-indirizz fuq id-dokumenti tat-trasport u l-fatturi, is-sostenn lill-verifiki tal-kwalità, eċċ. għandhom jiġu injorati sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-istabbiliment permanenti, minħabba li dawn huma attivitajiet amministrattivi ta’ sostenn, li huma strettament meħtieġa għall-attività tal-ipproċessar tal-merkanzija?

7)      Fid-dawl tal-prinċipji dwar il-post tat-tassazzjoni fil-post fejn iseħħ il-konsum fid-destinazzjoni, huwa rilevanti għad-determinazzjoni tal-post tal-provvista tas-servizzi pproċessati li l-oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar jinbiegħu mill-benefiċjarju tas-servizzi (għandhom id-destinazzjoni) l-iktar barra mir-Rumanija, waqt li dawk mibjugħa fir-Rumanija huma suġġetti għall-VAT u, għaldaqstant, ir-riżultat tas-servizzi tal-ipproċessar ma huwiex ‘ikkonsmat’ fir-Rumanija jew, jekk ‘jiġi kkonsmat’ fir-Rumanija, huwa suġġett għall-VAT?

8)      Jekk ir-riżorsi tekniċi u umani tal-istabbiliment permanenti li ġie pprovdut bis-servizzi huma prattikament l-istess bħal dawk tal-fornitur li permezz tiegħu s-servizzi effettivament twettqu, għad hemm provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-[Direttiva dwar il-VAT]?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

28      Il-Gvern Rumen jissottometti li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

29      Fl-ewwel lok, dan il-gvern jikkunsidra li l-ewwel sas-sitt domanda huma bbażati fuq suppożizzjonijiet żbaljati. Huwa jsostni, f’dan ir-rigward, li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem il-formulazzjoni tal-ewwel żewġ domandi, l-Amministrazzjoni Fiskali ma bbażatx ruħha biss fuq il-fatt li Adient Ġermanja u Adient Rumanija jappartjenu lill-istess grupp ta’ kumpanniji jew fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ pproċessar mit-tieni kumpannija għall-ewwel waħda sabiex minn dan tiġi dedotta l-eżistenza, fir-Rumanija, ta’ stabbiliment permanenti ta’ din l-ewwel kumpannija, iżda wettqet analiżi globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Fir-rigward tat-tielet sas-sitt domanda, dawn huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-Amministrazzjoni Fiskali bbażat ruħha fuq ir-riżorsi umani u tekniċi użati għall-provvista ta’ servizzi ta’ pproċessar jew għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ sostenn amministrattiv anċillari għal din il-provvista ta’ servizzi, filwaqt li ttieħdu inkunsiderazzjoni r-riżorsi umani u tekniċi li Adient Ġermanja għandha fir-Rumanija sabiex twettaq it-tranżazzjonijiet ta’ kunsinna ta’ oġġetti mwettqa minn din il-kumpannija mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

30      Fit-tieni lok, fir-rigward tas-seba’ domanda preliminari, il-Gvern Rumen isostni li l-qorti tar-rinviju ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija tistaqsi dwar l-effett tal-post fejn jinbiegħu l-prodotti li jirriżultaw mis-servizzi ta’ pproċessar.

31      Fit-tielet lok, it-tmien domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-riżorsi tekniċi u umani tal-istabbiliment permanenti ta’ Adient Ġermanja fir-Rumanija huma distinti minn dawk użati minn Adient Rumanija għat-twettiq tal-provvista ta’ servizzi.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’konsegwenza, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli fil-każ biss li jkun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ta’ dan id-dritt ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 24 u 25, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2024, Comune di Copertino, C‑218/22, EU:C:2024:51, punti 19 u 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Minbarra dan, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (sentenza tad-9 ta’ Frar 2023, Finanzamt X (Provvista ta’ servizzi tal-proprjetarju ta’ stalla), C‑713/21, EU:C:2023:80, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali, li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, turi li s-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju hija suġġetta għall-kisba, minn din tal-aħħar, ta’ sensiela ta’ preċiżazzjonijiet li jikkonċernaw il-kriterji li jippermettu li entità tiġi kklassifikata bħala stabbiliment permanenti. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ssemmi, f’din it-talba, allegazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-Amministrazzjoni Fiskali kkonstatat l-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti billi ħadet inkunsiderazzjoni l-appartenenza taż-żewġ kumpanniji kkonċernati fl-istess grupp u tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jorbot lil dawn iż-żewġ kumpanniji. Barra minn hekk, hija tirrileva li din l-amministrazzjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll ir-riżorsi umani u tekniċi involuti fir-Rumanija fil-kunsinna tal-merkanzija downstream minn dan l-istabbiliment permanenti.

35      Għandu jingħad ukoll li ebda element fil-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema tkun ta’ natura ipotetika.

36      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, minkejja li l-fatti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju jikkonsistu f’riproduzzjoni tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din iċ-ċirkustanza waħedha, jekk jitqies li hija minnha, ma tistabbilixxix li, billi pproċediet b’dan il-mod, din il-qorti naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tindika fid-deċiżjoni tar-rinviju, konformement mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni fattwali li fuqha huma bbażati d-domandi u lanqas ma indikat ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi magħmula u li fir-rigward tagħhom hija tqis li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex tiddeċiedi t-tilwima li biha hija adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Wilo Salmson France, C‑80/20, EU:C:2021:870, punt 51).

37      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel żewġ domandi

38      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kumpannija suġġetta għall-VAT li għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha fi Stat Membru, li tibbenefika minn servizzi pprovduti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, għandha titqies li għandha f’dan l-aħħar Stat Membru stabbiliment permanenti, bl-għan li jiġi stabbilit il-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi, minħabba s-sempliċi fatt li ż-żewġ kumpanniji jappartjenu lill-istess grupp u li dawn il-kumpanniji huma marbuta bejniethom permezz ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi.

39      Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-punt ta’ rabta l-iktar utli u, għaldaqstant, prijoritarju sabiex jiġi ddeterminat il-post tal-provvista ta’ servizzi mill-perspettiva fiskali huwa dak fejn il-persuna taxxabbli tkun stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha, għaliex din toffri, bħala kriterju oġġettiv, sempliċi u prattiku, ċertezza legali kbira. Min-naħa l-oħra, ir-rabta mal-istabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli hija rabta sekondarja li tidderoga mir-regola ġenerali, li tittieħed inkunsiderazzjoni dejjem jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Welmory, C‑605/12, EU:C:2014:2298, punti 53 sa 56; tas‑7 ta’ April 2022, Berlin Chemie A. Menarini, C‑333/20, EU:C:2022:291, punt 29, u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Cabot Plastics Belgium, C‑232/22, EU:C:2023:530, punt 29).

40      Għaldaqstant, din ir-rabta sekondarja għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-każ fejn ir-rabta mas-sede ma twassalx għal soluzzjoni razzjonali jew toħloq kunflitt ma’ Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 1985, Berkholz, 168/84, EU:C:1985:299, punt 17; tas‑7 ta’ Mejju 1998, Lease Plan, C‑390/96, EU:C:1998:206, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Cabot Plastics Belgium, C‑232/22, EU:C:2023:530, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti”, fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2001 jirriżulta li dan jindika kull stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika, li huwa kkaratterizzat minn grad suffiċjenti ta’ permanenza u minn struttura adatta, f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u li juża s-servizzi li huma pprovduti għall-bżonnijiet stess ta’ dan l-istabbiliment.

42      Sabiex persuna taxxabbli titqies bħala li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru li fih is-servizzi kkonċernati huma pprovduti lilha, hija għandha għalhekk ikollha fih struttura suffiċjentement permanenti u kapaċi li tippermettilha li tirċievi hemmhekk il-provvista ta’ servizzi kkonċernata u li tużaha għall-finijiet tal-attività ekonomika tagħha (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Cabot Plastics Belgium, C‑232/22, EU:C:2023:530, punt 31).

43      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament, il-klassifikazzjoni ta’ stabbiliment permanenti tiddependi mill-kundizzjonijiet materjali msemmija mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, b’mod partikolari fl-Artikolu 11 tiegħu, li għandhom jiġu evalwati fid-dawl tar-realtà ekonomika u kummerċjali, b’mod li din il-klassifikazzjoni ma tistax tiddependi unikament mill-istatus ġuridiku tal-entità kkonċernata (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Dong Yang Electronics (C‑547/18, EU:C:2020:350, punti 31 u 32).

44      Minn dan jirriżulta li, għalkemm huwa possibbli li sussidjarja li tipprovdi servizzi, stabbilita fi Stat Membru, tikkostitwixxi l-istabbiliment permanenti tal-kumpannija omm tagħha destinatarja ta’ dawn is-servizzi, stabbilita fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, din il-klassifikazzjoni ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li din il-kumpannija għandha sussidjarja hemmhekk (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Berlin Chemie A. Menarini, C‑333/20, EU:C:2022:291, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għall-istess raġunijiet, il-fatt li żewġ kumpanniji, indipendenti legalment minn xulxin, jappartjenu lill-istess grupp lanqas ma jista’ jikkaratterizza, waħdu, l-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti tal-kumpannija benefiċjarja tal-provvista ta’ servizzi mingħand it-tieni kumpannija.

46      L-eżistenza ta’ tali stabbiliment lanqas ma tista’ tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li dawn iż-żewġ kumpanniji huma legalment marbuta bejniethom permezz ta’ kuntratt li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jiġu pprovduti s-servizzi żgurati minn waħda għall-benefiċċju esklużiv tal-oħra.

47      Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li persuna ġuridika, anki jekk ikollha klijent wieħed biss, hija preżunta li tuża r-riżorsi umani u tekniċi li hija għandha għall-bżonnijiet tagħha stess, huwa biss jekk kellu jiġi stabbilit li, minħabba stipulazzjonijiet kuntrattwali applikabbli, kumpannija destinatarja ta’ servizzi kellha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi tekniċi u umani tal-fornitur tagħha daqslikieku kienu tagħha li hija tista’ titqies li għandha struttura li tippreżenta grad suffiċjenti ta’ permanenza u li hija xierqa, f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur (sentenzi tas‑7 ta’ April 2022, Berlin Chemie A. Menarini, C‑333/20, EU:C:2022:291, punt 48, u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Cabot Plastics Belgium, C‑232/22, EU:C:2023:530, punt 37).

48      Issa, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fornitur jaġixxi bħala prinċipju f’ismu u fl-interess ekonomiku tiegħu stess bħala parti kontraenti indipendenti u mhux bħala komponent mhux awtonomu tal-parti l-oħra fil-kuntratt.

49      Għaldaqstant, il-fatt li l-partijiet ikunu marbuta b’kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi esklużiv ma għandux waħdu l-effett li r-riżorsi tal-fornitur isiru dawk tal-klijent tiegħu, sakemm ma jintweriex, skont dan il-kuntratt, li dan il-fornitur ma jibqax responsabbli mir-riżorsi tiegħu stess u ma jipprovdix is-servizzi tiegħu għar-riskju tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Cabot Plastics Belgium, C‑232/22, EU:C:2023:530, punt 39).

50      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk jirriżultax, b’mod partikolari, mill-istipulazzjonijiet tal-kuntratt li jorbtu lill-partijiet li r-riżorsi umani u tekniċi tal-fergħat ta’ Pitești u ta’ Ploiești d’Adient Rumanija kienu tqiegħdu, b’mod suffiċjentement permanenti, għad-dispożizzjoni ta’ Adient Ġermanja sabiex hija tkun tista’ tirċievi hemmhekk il-provvista ta’ servizzi ta’ pproċessar imwettqa minn Adient Rumanija u tużaha għall-attività ekonomika tagħha stess. Fil-fatt, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 267 TFUE, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jagħmlu l-evalwazzjonijiet ta’ fatt definittivi kollha f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C‑497/09, C‑499/09, C‑501/09 u C‑502/09, EU:C:2011:135, punt 55, kif ukoll tal‑20 ta’ April 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, C‑282/22, EU:C:2023:312 punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil dawn il-qrati l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għas-sentenza tal-kawża li jkunu aditi biha (sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Franck, C‑801/19, EU:C:2020:1049, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito, C‑581/19, EU:C:2021:167, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata; kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, Berlin Chemie A. Menarini, C‑333/20, EU:C:2022:291, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan ir-rigward, sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li jirriżulta li l-kumpanniji kollha tal-grupp Adient għandhom l-istess sistema informatika u ta’ kontabbiltà, il-fatt li l-impjegati tal-fergħat ta’ Pitești u ta’ Ploiești ta’ Adient Rumanija għandhom aċċess b’mod elettroniku għas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ Adient Ġermanja sabiex, b’mod partikolari, jiġu rreġistrati direttament il-materji primi pprovduti minn din tal-aħħar u l-prodotti lesti, ma jfissirx madankollu li Adient Ġermanja żżomm fir-Rumanija l-infrastrutturi ta’ natura li jrendu possibbli, b’mod awtonomu, it-twettiq tat-tranżazzjonijiet tagħha stess wara l-proċess ta’ manifattura ta’ dawn il-prodotti. L-eżistenza ta’ tali infrastrutturi lanqas ma tista’ tiġi dedotta mit-tqegħid għad-dispożizzjoni, għall-benefiċċju ta’ Adient Ġermanja, ta’ post għall-ħażna tal-imsemmija prodotti kif ukoll ta’ dawn il-materji primi li din il-kumpannija tipprovdi lill-fornitur tagħha, filwaqt li tirriżerva t-titolu ta’ proprjetà tagħha.

53      Fir-rigward tal-fatt li l-impjegati tal-fergħat ta’ Pitești u ta’ Ploiești ta’ Adient Rumanija jeżerċitaw funzjonijiet li jeċċedu dawk li normalment huma assenjati lilhom fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa minnha u li jinvolvuhom direttament fl-attivitajiet ta’ kunsinna ta’ prodotti lesti lill-klijenti ta’ Adient Ġermanja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ jekk, kif sostniet Adient Ġermanja quddiemha, l-attivitajiet lil huma jeżerċitaw huma limitati għal kompiti direttament marbuta mat-twettiq tas-servizz ta’ pproċessar jew huma ta’ natura purament amministrattiva, u li jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u ta’ remunerazzjoni ta’ dawn l-impjegati, dawn, minkejja li huma kuntrattwalment marbuta ma’ Adient Rumanija, humiex, fir-realtà, esklużi mis-subordinazzjoni ġerarkika ta’ din il-kumpannija u mqiegħda għad-dispożizzjoni u taħt l-awtorità ta’ Adient Ġermanja fit-twettiq tal-kompiti fdati lilhom.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li kumpannija suġġetta għall-VAT li għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha fi Stat Membru, li tibbenefika minn servizzi pprovduti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ma tistax titqies bħala li għandha f’dan l-aħħar Stat Membru stabbiliment permanenti, bl-għan li jiġi ddeterminat il-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi, unikament minħabba li ż-żewġ kumpanniji jappartjenu lill-istess grupp jew li dawn il-kumpanniji huma marbuta bejniethom permezz ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi.

 Fuq ittielet u sseba’ domanda

55      Permezz tat-tielet u tas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kumpannija suġġetta għall-VAT li għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha fi Stat Membru, li tibbenefika minn servizzi ta’ pproċessar ipprovduti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, tista’ titqies li għandha stabbiliment permanenti f’dan l-aħħar Stat Membru, sabiex jiġi ddeterminat il-post tal-provvista ta’ servizzi, peress li, minn naħa, hija għandha fih struttura li tipparteċipa fil-kunsinna tal-prodotti lesti li jirriżultaw minn dawn is-servizzi ta’ pproċessar u, min-naħa l-oħra, li dawn l-operazzjonijiet ta’ kunsinna jitwettqu fil-parti l-kbira tagħhom barra mill-imsemmi Stat Membru u li dawk li jitwettqu fih huma suġġetti għall-VAT.

56      Fl-ewwel lok, kif diġà fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni dwar jekk jeżistix stabbiliment permanenti, fis-sens tal‑Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, għandha tiġi eżaminata skont il-persuna taxxabbli li lilha jiġu pprovduti s-servizzi inkwistjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Welmory, C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 57, u tas‑7 ta’ April 2022, Berlin Chemie A. Menarini, C‑333/20, EU:C:2022:291, punt 30), filwaqt li, għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva li jirreferu għall-kunċett ta’ stabbiliment permanenti, dan għandu jiġi eżaminat skont il-persuna taxxabbli fornitur.

57      Din id-distinzjoni tirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011.

58      Fil-fatt, mill-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jirriżulta li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, dwar il-post tal-provvista ta’ servizzi, l-istabbiliment permanenti huwa ddefinit bħala kull stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, li huwa karatterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u minn struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u li juża s-servizzi li huma pprovduti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess.

59      Min-naħa l-oħra, għall-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 192a tad-Direttiva dwar il-VAT, dwar id-determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, l-istabbiliment permanenti jindika, skont l-Artikolu 11(2) tal-istess regolament, kull stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika, li huwa karatterizzat minn livell ta’ permanenza suffiċjenti u minn struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu jipprovdi s-servizzi li huwa jiżgura l-provvista tagħhom.

60      Għalhekk, anki jekk kull stabbiliment permanenti għandu l-karatteristika komuni li huwa kkostitwit minn struttura li għandha grad suffiċjenti ta’ permanenza u kapaċità għat-twettiq awtonomu tal-attività tiegħu, għandha ssir distinzjoni skont jekk il-funzjonijiet mogħtija lil din l-istruttura jikkonsistux f’li tirċievi jew li tipprovdi servizzi u, fir-rigward tal-kwistjoni jekk jeżistix stabbiliment permanenti bl-għan li jiġi stabbilit il-post tal-provvista ta’ servizzi, li jkollha rabta mal-attività ta’ riċezzjoni ta’ servizzi.

61      Fit-tieni lok, f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, hemm lok, qabelxejn, li ssir distinzjoni bejn il-provvista ta’ servizzi pprovduta minn Adient Rumanija lil Adient Ġermanja mill-bejgħ u mill-kunsinni ta’ oġġetti li jirriżultaw minn dawn is-servizzi li din il-kumpannija tal-aħħar twettaq mir-Rumanija, peress li din il-provvista ta’ servizzi u dawn il-kunsinni ta’ oġġetti jikkostitwixxu tranżazzjonijiet distinti, suġġetti għal sistemi ta’ VAT differenti. Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit il-post fejn Adient Ġermanja tibbenefika minn dawn il-prestazzjonijiet, hemm lok li jiġi identifikat il-post fejn jinsabu r-riżorsi umani u tekniċi li din il-kumpannija tuża għal dan il-għan, u mhux dak fejn jinsabu r-riżorsi li hija tuża għall-attività tagħha ta’ kunsinna ta’ prodotti lesti (ara, b’analoġija, is‑sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Cabot Plastics Belgium, C‑232/22, EU:C:2023:530, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għalhekk, il-fatt, jekk jitqies li huwa minnu, li Adient Ġermanja għandha, fi ħdan struttura li tinsab fir-Rumanija, riżorsi li permezz tagħhom hija twettaq kunsinni ta’ oġġetti li jirriżultaw minn servizzi mwettqa favur tagħha minn Adient Rumanija ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti sabiex jiġi ddeterminat il-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi. A fortiori, lanqas ma huwa rilevanti, għal dan il-għan, il-fatt li dawn il-kunsinni ta’ oġġetti jitwettqu fil-parti l-kbira tagħhom barra mir-Rumanija jew li dawk li jitwettqu fir-Rumanija huma suġġetti għall-VAT.

63      Sussegwentement, sa fejn il-qorti tar-rinviju tispjega, sabiex tiġġustifika dawn il-kwistjonijiet dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-attività ta’ kunsinna ta’ oġġetti eżerċitata minn Adient Ġermanja, li kemm l-Artikolu 192a tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 53 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 kif ukoll l-Artikolu 266(2)(b) tal-Kodiċi tat-Taxxi jirreferu mingħajr distinzjoni għall-kunsinna ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi, jidher neċessarju li jsiru preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tar-riferiment għall-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti”.

64      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx id-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi, iżda dik tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa dovuta fi Stat Membru fuq il-kunsinni ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi taxxabbli f’dan l-Istat Membru mwettqa minn persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor.

65      Issa, għandu jiġi kkonstatat li la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-kawża prinċipali tikkonċerna s-sistema tal-VAT applikabbli għall-kunsinni ta’ oġġetti mwettqa minn Adient Ġermanja fir-Rumanija.

66      L-Artikolu 192a tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 53 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, li l-qorti tar-rinviju tirreferi għalihom sabiex tiġġustifika dawn id-domandi, ma humiex għalhekk applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna esklużivament id-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi pprovduti lil Adient Ġermanja minn Adient Rumanija.

67      It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 192a tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta effettivament li l-parteċipazzjoni tal-istabbiliment permanenti fl-attività ta’ kunsinna ta’ oġġetti tittieħed inkunsiderazzjoni bl-istess mod bħall-parteċipazzjoni tiegħu fl-attività ta’ provvista ta’ servizzi, sabiex jiġi ddeterminat min, il-persuna taxxabbli jew l-istabbiliment permanenti tagħha, huwa responsabbli għall-ħlas tal-VAT fir-rigward ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

68      Konformement ma’ dan l-artikolu, persuna taxxabbli li għandha stabbiliment permanenti fit-territorju tal-Istat Membru li fih hija dovuta t-taxxa għandha titqies bħala persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru meta hija twettaq kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi taxxabbli fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u li l-istabbiliment li hija għandha fih ma jipparteċipax fil-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti jew fil-provvista ta’ dawn is-servizzi.

69      Barra minn hekk, l-Artikolu 53(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jippreċiża li l-istabbiliment permanenti li l-persuna taxxabbli għandha jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta huwa kkaratterizzat minn grad suffiċjenti ta’ permanenza u minn struttura adegwata f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu jwettaq il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi li huwa jipparteċipa fihom. Skont l-Artikolu 53(2) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, dawn ir-riżorsi għandhom jintużaw minn din il-persuna taxxabbli għal tranżazzjonijiet relatati mal-kunsinna ta’ oġġetti jew mal-provvista ta’ servizzi u mwettqa qabel jew matul din il-kunsinna jew provvista.

70      Mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex tiġi ddeterminata l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT, il-persuna taxxabbli titqies bħala stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru li fih hija twettaq kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi biss jekk hija għandha f’dan l-Istat Membru struttura li għandha konsistenza minima, permezz tal-preżenza permanenti tar-riżorsi umani u tekniċi, li tipparteċipa fit-tranżazzjonijiet taxxabbli kkunsidrati, qabel jew matul it-twettiq tagħhom.

71      Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jirriżulta wkoll li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 192a tad-Direttiva dwar il-VAT, l-istabbiliment permanenti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak li jipprovdi s-servizzi li huwa jiżgura l-provvista tagħhom, u mhux dak li juża s-servizzi pprovduti lilu. L-istabbiliment permanenti li jipparteċipa f’kunsinna ta’ oġġetti jew fi provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 53(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, jista’ għalhekk ikun biss stabbiliment permanenti fornitur ta’ servizzi.

72      Minn dan jirriżulta li, meta l-persuna taxxabbli li twettaq kunsinna ta’ oġġetti fi Stat Membru jkollha biss, f’dan l-Istat Membru, stabbiliment permanenti li jibbenefika minn provvista ta’ servizzi, il-fatt li dan l-istabbiliment jipparteċipa fil-kunsinni ta’ oġġetti mwettqa minn din il-persuna taxxabbli fl-imsemmi Stat Membru ma jistax ikollu effett fuq id-determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fir-rigward ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

73      F’dan il-każ, anki jekk jitqies li Adient Ġermanja għandha stabbiliment permanenti li jibbenefika mill-provvista ta’ servizzi mwettqa minn Adient Rumanija u li dan l-istabbiliment jipparteċipa fil-kunsinni ta’ oġġetti li Adient Ġermanja twettaq fir-Rumanija, din tal-aħħar ma tistax madankollu titqies bħala li hija stabbilita fit-territorju tar-Rumanija skont l-Artikolu 192a tad-Direttiva dwar il-VAT.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li la l-fatt li kumpannija suġġetta għall-VAT li għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha fi Stat Membru, li tibbenefika minn servizzi ta’ pproċessar ipprovduti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li għandha f’dan l-aħħar Stat Membru struttura li tipparteċipa fil-kunsinna tal-prodotti lesti li jirriżultaw minn dawn is-servizzi ta’ pproċessar, u lanqas il-fatt li dawn it-tranżazzjonijiet ta’ kunsinna jitwettqu fil-parti l-kbira tagħhom barra mill-imsemmi Stat Membru u li dawk li jitwettqu fih huma suġġetti għall-VAT ma huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit, fid-dawl tad-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi, li din il-kumpannija għandha f’dan l-aħħar Stat Membru stabbiliment permanenti.

 Fuq irraba’ sassitt u ttmien domanda

75      Permezz tar-raba’ sas-sitt u t-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 44 u 192a tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll l-Artikoli 11 u 53 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta kumpannija suġġetta għall-VAT li għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha fi Stat Membru tibbenefika minn servizzi pprovduti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi kkaratterizzat l-istabbiliment permanenti tal-ewwel kumpannija f’dan l-aħħar Stat Membru, riżorsi tekniċi u umani li permezz tagħhom din it-tieni kumpannija tiżgura l-provvista ta’ servizzi jew tar-riżorsi li jintużaw għall-attivitajiet amministrattivi konnessi ma’ din il-provvista.

76      Hemm lok li jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li, fil-kawża prinċipali, l-Amministrazzjoni Fiskali ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tikkaratterizza l-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti ta’ Adient Ġermanja fir-Rumanija, riżorsi umani u tekniċi użati minn Adient Rumanija sabiex twettaq il-provvista ta’ servizzi ta’ pproċessar tagħha. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tispjega, insostenn tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, li l-Amministrazzjoni Fiskali kkonstatat li r-riżorsi umani u tekniċi involuti fil-provvista ta’ servizzi ta’ pproċessar kienu jappartjenu lil Adient Rumanija, u mhux lil Adient Ġermanja, li kienet użat ir-riżorsi umani u tekniċi involuti fil-kunsinna tal-merkanzija downstream. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti, li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

77      Bla ħsara għal dawn il-verifiki, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istess riżorsi ma jistgħux jintużaw kemm minn persuna taxxabbli, stabbilita fi Stat Membru, sabiex tipprovdi servizzi u minn persuna taxxabbli, stabbilita fi Stat Membru ieħor, sabiex tirċievi dawn l-istess servizzi fi ħdan stabbiliment permanenti allegat li jinsab fl-ewwel Stat Membru (sentenzi tas‑7 ta’ April 2022, Berlin Chemie A. Menarini, C‑333/20, EU:C:2022:291, punt 54, u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Cabot Plastics Belgium, C‑232/22, EU:C:2023:530, punt 41).

78      L-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti tal-benefiċjarju tas-servizzi tippreżumi għalhekk li jkun possibbli li jiġu identifikati riżorsi umani u tekniċi li huma distinti minn dawk li l-kumpannija fornitriċi tuża għat-twettiq tal-provvista tagħha stess ta’ servizzi u li huma mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi sabiex jiġi żgurat li huwa jirċevihom u li jużahom konformement mal-bżonnijiet tiegħu stess. Fin-nuqqas ta’ tali konstatazzjoni, tali benefiċjarju ma għandux stabbiliment permanenti fl-Istat Membru tal-kumpannija fornitriċi u għalhekk ma jistax jitqies bħala li huwa stabbilit f’dan l-Istat Membru.

79      Jekk jitqies li l-istabbiliment permanenti jista’ jkun kemm il-fornitur kif ukoll il-benefiċjarju tal-istess provvista ta’ servizzi, ikun hemm, f’dan il-każ, identiċità tal-fornitur u tal-benefiċjarju u, konsegwentement, assenza, bħala prinċipju, ta’ kull tranżazzjoni taxxabbli, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha.

80      Fir-rigward tal-punt dwar jekk provvista anċillari għas-servizzi ta’ pproċessar jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li attivitajiet ta’ natura preparatorja jew awżiljarja neċessarji għat-twettiq tal-attività tal-impriża ma jistgħux jippermettu li jiġi kkaratterizzat stabbiliment permanenti (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Planzer Luxembourg, C‑73/06, EU:C:2007:397, punt 56). F’dan il-każ, bla ħsara għall-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, mill-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha, kif ġew ippreżentati fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li l-attivitajiet bħalma huma r-riċezzjoni, il-ġestjoni jew l-ispezzjoni tal-materji primi u tal-prodotti lesti, is-sostenn għall-verifiki tal-kwalità jew l-għoti tal-ordni ta’ spedizzjoni tal-prodotti lesti jikkostitwixxu attivitajiet preparatorji jew awżiljarji meta mqabbla mal-attività ta’ pproċessar imwettqa minn Adient Rumanija.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għar-raba’ sas-sitt u t-tmien domanda għandha tkun li l-Artikoli 44 u 192a tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll l-Artikoli 11 u 53 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li kumpannija suġġetta għall-VAT li għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha fi Stat Membru, li tibbenefika minn servizzi pprovduti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ma għandhiex stabbiliment permanenti f’dan l-aħħar Stat Membru jekk ir-riżorsi umani u tekniċi li hija għandha fl-imsemmi Stat Membru ma humiex distinti minn dawk li permezz tagħhom is-servizzi huma pprovduti lilha jew jekk dawn ir-riżorsi umani u tekniċi jiżguraw biss attivitajiet preparatorji jew awżiljarji.

 Fuq lispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      LArtikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1695, tas6 ta’ Novembru 2018, u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud li għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha fi Stat Membru, li tibbenefika minn servizzi pprovduti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ma tistax titqies bħala li għandha f’dan l-aħħar Stat Membru stabbiliment permanenti, bl-għan li jiġi ddeterminat il-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi, unikament minħabba li ż-żewġ kumpanniji jappartjenu lill-istess grupp jew li dawn il-kumpanniji huma marbuta bejniethom permezz ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi.

2)      LArtikolu 44 tad-Direttiva 2006/112, kif emendat bid-Direttiva 2018/1695, u l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

la l-fatt li kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha fi Stat Membru, li tibbenefika minn servizzi ta’ pproċessar ipprovduti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li għandha f’dan l-aħħar Stat Membru struttura li tipparteċipa fil-kunsinna tal-prodotti lesti li jirriżultaw minn dawn is-servizzi ta’ pproċessar, u lanqas il-fatt li dawn it-tranżazzjonijiet ta’ kunsinna jitwettqu fil-parti l-kbira tagħhom barra mill-imsemmi Stat Membru u li dawk li jitwettqu fih huma suġġetti għall-VAT ma huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit, fid-dawl tad-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi, li din il-kumpannija għandha f’dan l-aħħar Stat Membru stabbiliment permanenti.

3)      L-Artikoli 44 u 192a tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2018/1695, kif ukoll l-Artikoli 11 u 53 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud li għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha fi Stat Membru, li tibbenefika minn servizzi pprovduti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ma għandhiex stabbiliment permanenti f’dan l-aħħar Stat Membru jekk ir-riżorsi umani u tekniċi li hija għandha fl-imsemmi Stat Membru ma humiex distinti minn dawk li permezz tagħhom is-servizzi huma pprovduti lilha jew jekk dawn ir-riżorsi umani u tekniċi jiżguraw biss attivitajiet preparatorji jew awżiljarji.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top