EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0531

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-18 ta’ Jannar 2024.
Getin Noble Bank S.A. et vs TL.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1) – Artikolu 6(1) – Artikolu 7(1) – Artikolu 8 – Titolu eżekuttiv li kiseb l-awtorità ta’ res judicata – Setgħa tal-qorti li teżamina ex officio n-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata – Reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali – Klawżoli differenti minn dawk li jinsabu f’dan ir-reġistru minħabba l-formulazzjoni tagħhom iżda li għandhom l-istess portata u li jipproduċu l-istess effetti.
Kawża C-531/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:58

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

18 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1) – Artikolu 6(1) – Artikolu 7(1) – Artikolu 8 – Titolu eżekuttiv li kiseb l-awtorità ta’ res judicata – Setgħa tal-qorti li teżamina ex officio n-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata – Reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali – Klawżoli differenti minn dawk li jinsabu f’dan ir-reġistru minħabba l-formulazzjoni tagħhom iżda li għandhom l-istess portata u li jipproduċu l-istess effetti”

Fil-Kawża C‑531/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Ċentru, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura

Getin Noble Bank S.A.,

TF,

C2,

PI

vs

TL,

fil-preżenza ta’:

EOS,

Zakład Ubezpieczeń Społecznych,

MG,

Komornik Sądowy AC,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Getin Noble Bank S.A., minn M. Ł. Hejmej, M. Przygodzka, A. Szczęśniak, J. Szewczak, Ł. Żak, adwokaci, u M. Pugowski, aplikant radcowski,

–        għal TF, minn M. Czugan, M. Jaroch-Konwent, W. Kołosz, A. Pakos u K. Zawadzanko, radcowie prawni,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Kozak u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn U. Małecka u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 7(1) u (2), u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, u r-rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u tal-awtorità ta’ res judicata kif ukoll tad-dritt għal smigħ.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bejn, minn naħa, Getin Noble Bank S.A., TF, C2 u PI, erba’ debituri, u, min-naħa l-oħra, TL, id-debitur tagħhom, fir-rigward ta’ ordni ta’ ħlas maħruġa fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

4        L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

5        L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jiddikjara:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6        Skont l-Artikolu 7(1) u (2) tal-istess direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.      Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.”

7        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

 Iddritt Pollakk

8        L-Artikolu 189 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jiddikjara:

“Rikorrent jista’ jressaq quddiem il-qorti talba għall-konstatazzjoni tal-eżistenza jew tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika jew ta’ dritt, sakemm ikollu interess ġuridiku leġittimu.”

9        L-Artikolu 50532(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi:

“Fit-talba tiegħu, ir-rikorrent għandu jindika l-provi insostenn tal-pretensjonijiet tiegħu. Il-provi ma għandhomx jiġu annessi mar-rikors.”

10      L-Artikolu 758 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Il-qrati distrettwali kif ukoll l-uffiċjali ġudizzjarji assenjati ma’ dawn il-qrati huma kompetenti fil-qasam tal-eżekuzzjoni forzata.”

11      L-Artikolu 804(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi:

“L-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex is-setgħa li teżamina l-fondatezza u n-natura eżekuttiva tal-obbligu li huwa s-suġġett ta’ titolu għalkollox eżekuttiv.”

12      Skont l-Artikolu 840(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili:

“Id-debitur jista’ jitlob permezz ta’ rikors l-annullament totali jew parzjali jew il-limitazzjoni tal-effett eżekuttiv tat-titolu eżekuttiv meta:

1)      jikkontesta l-fatti li ġġustifikaw l-inklużjoni tal-klawżola ta’ infurzabbiltà, b’mod partikolari meta jikkontesta l-eżistenza tal-obbligu kkonstatat minn titolu eżekuttiv sempliċi li ma huwiex deċiżjoni ġudizzjarja jew meta jikkontesta t-trasferiment ta’ obbligu minkejja l-eżistenza ta’ dokument formali li jiċċertifika dan;

2)      wara l-ħruġ ta’ titolu eżekuttiv sempliċi, seħħ fatt li wassal għall-estinzjoni tal-obbligu jew għall-impossibbiltà li jiġi eżegwit; Jekk it-titolu huwa deċiżjoni ġudizzjarja, id-debitur jista’ wkoll jibbaża r-rikors tiegħu fuq fatti li seħħew wara l-għeluq tad-dibattiti, fuq l-eċċezzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-benefiċċju, meta l-invokazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni fil-kawża inkwistjoni kienet inammissibbli ex lege, kif ukoll fuq l-eċċezzjoni ta’ tpaċija.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

13      Fid‑9 ta’ Jannar 2006, TL, konsumatur, ikkonkluda kuntratt ta’ kreditu ma’ Getin Noble Bank, għall-perijodu mid‑9 ta’ Jannar 2009 sas‑16 ta’ Jannar 2016, iddenominat fi zloty Pollakki (PLN), indiċjat fuq il-frank Svizzeru (CHF) u li kien jikkorrispondi għall-ekwivalenti f’PLN ta’ CHF 15 645.27 (madwar EUR 16 270). Skont dan il-kuntratt ta’ kreditu, l-ammont tal-kreditu mogħti minn Getin Noble Bank ġie kkonvertit, fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt ta’ kreditu, fuq il-bażi tar-rata ta’ xiri tal-munita ta’ indiċjar ikkonċernata mniżżla fit-tabella ta’ rata ta’ munita barranija ta’ dan il-bank, u r-rimbors ta’ kull dejn kellu għalhekk isir f’PLN wara l-konverżjoni ta’ dan id-dejn iddenominat f’din il-munita ta’ indiċjar fuq il-bażi tar-rata ta’ bejgħ ta’ din tal-aħħar applikabbli fid-data tal-ħlas tal-imsemmi bank.

14      Fit‑13 ta’ Mejju 2008, TL ikkonkluda kuntratt ta’ kreditu ieħor mal-istess bank f’PLN indiċjat fuq CHF u li kien jikkorrispondi għall-ekwivalenti f’PLN ta’ CHF 36 299.30 (madwar EUR 37 740) għal perijodu ta’ 120 xahar. Dan il-kuntratt ta’ kreditu ieħor essenzjalment irriproduċa mill-ġdid il-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu msemmi fil-punt preċedenti.

15      Billi invoka nuqqasijiet ta’ ħlas min-naħa ta’ TL, Getin Noble Bank xolja dawn iż-żewġ kuntratti ta’ kreditu u ppreżenta quddiem is-Sąd Rejonowy Lublin-Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Punent, il-Polonja), rispettivament fit‑28 ta’ Diċembru u t‑3 ta’ Ġunju 2016, permezz tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas elettroniku, żewġ rikorsi kontra TL, li fihom huwa talab il-ħlas minn dan tal-aħħar tas-somom dovuti taħt l-imsemmija kuntratti ta’ kreditu, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż.

16      Insostenn tal-pretensjonijiet tiegħu, Getin Noble Bank indika l-kuntratti ta’ kreditu li kien ikkonkluda ma’ TL, mingħajr ma seta’ jannettihom ma’ dawn iż-żewġ rikorsi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw il-proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas elettroniku li jinsabu fl-Artikolu 50532(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, u tal-karatteristiċi tekniċi tas-sistema ta’ ġestjoni ta’ dawn il-proċeduri, li ma jippermettux il-produzzjoni ta’ provi. B’hekk, is-Sąd Rejonowy Lublin-Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Punent) la kellha l-kompetenza u lanqas il-possibbiltà teknika li teżiġi minn Getin Noble Bank li din tipproduċi dawn il-kuntratti ta’ kreditu.

17      Is-Sąd Rejonowy Lublin-Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Punent) ħarġet żewġt ordnijiet ta’ ħlas li ma ġewx ikkontestati minn TL u għaldaqstant saru definittivi qabel ma kienu mogħnija bi klawżola ta’ infurzabbiltà. Dan ippermetta li tinfetaħ il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fuq il-proprjetà immobbli ta’ TL, immexxija mill-uffiċjal ġudizzjaru taħt il-kontroll tas-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Ċentru), li hija l-qorti tar-rinviju.

18      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, il-qorti tar-rinviju għaldaqstant kienet l-ewwel qorti nazzjonali li quddiemha l-kuntratti ta’ kreditu fil-kawża prinċipali ġew sottomessi.

19      Wara l-eżami tal-kontenut ta’ dawn il-kuntratti ta’ kreditu, il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji fir-rigward tal-validità tal-imsemmija kuntratti, fid-dawl tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali ta’ konverżjoni li jinsabu fl-imsemmija kuntratti ta’ kreditu, li mingħajrhom dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu eżegwiti u għandhom jiġu kkunsidrati bħala nulli.

20      Il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li l-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni tal-eżami ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratti konklużi ma’ konsumaturi li fuq il-bażi tagħhom inbdiet proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, jiġifieri kwistjoni analoga għal dik li kienet imqajma fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et (C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395), u tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco (C‑600/19, EU:C:2022:394).

21      Din il-qorti tosserva li TL ma opponiex l-ordnijiet ta’ ħlas imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza u, għaldaqstant, ma fadallux iżjed rimedji legali li jippermettulu, bħala prinċipju, jikkontesta l-obbligi li jirriżultaw minn dawn l-ordnijiet ta’ ħlas. Minn naħa, azzjoni ta’ oppożizzjoni indirizzata kontra titolu eżekuttiv ikkostitwita minn deċiżjoni ġudizzjarja ma tistax validament tippermetti, bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 840(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jikkontesta l-fondatezza tal-obbligu li huwa s-suġġett ta’ dan it-titolu. Min-naħa l-oħra, il-preżentata, minn debitur, ta’ azzjoni intiża għall-konstatazzjoni tan-nullità ta’ kuntratt jew għall-istabbiliment tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-klawżoli inġusti ta’ dan il-kuntratt b’ebda mod ma jbiddel, fil-prattika, is-sitwazzjoni tiegħu, ġaladarba tali azzjoni ma tistax twassal, bis-saħħa tal-Artikolu 189 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-annullament ta’ ordni ta’ ħlas definittiva. Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 365(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, sentenza definittiva, inkluża sentenza li tiddeċiedi ordni ta’ ħlas fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas elettronika, torbot lill-qrati kollha.

22      Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tkun obbligata, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, teżamina ex officio n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratti ta’ kreditu kkonċernati, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li jiġu estiżi, b’mod partikolari meta l-konsumatur ikkonċernat ma jinvokax id-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minn din id-direttiva, l-effetti tal-inklużjoni ta’ klawżola kuntrattwali fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali (iktar ’il quddiem ir-“reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali”) fuq bejjiegħ jew fornitur li ma kienx parti fil-proċedura li wasslet għal din l-inklużjoni.

23      Paragun tal-kontenut tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dak tal-klawżoli kuntrattwali ta’ banek oħra, minbarra Getin Noble Bank, li huma inklużi fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali jippermetti li jiġi konkluż li jeżisti xebh sinjifikattiv bejn dawn il-klawżoli, fejn għalhekk dawn għandhom portata ekwivalenti u jagħtu lok għall-istess konsegwenzi għall-konsumaturi.

24      Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży “Partner” (C‑119/15, EU:C:2016:987), xejn ma jipprekludi li l-effetti tal-inklużjoni ta’ klawżola kuntrattwali speċifika fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali jkunu applikabbli, minn naħa, għall-bejjiegħa jew fornituri kollha li japplikaw din il-klawżola kuntrattwali, u mhux biss għall-bejjiegħ jew fornitur li kien parti fil-proċedura li kienet intiża għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola u għall-inklużjoni ta’ din tal-aħħar f’dan ir-reġistru, u, min-naħa l-oħra, għal kull klawżola li essenzjalment tkun identika għall-istess klawżola, mingħajr neċessarjament ma tkun identika mill-perspettiva tal-formulazzjoni tagħha. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tapplikax għall-proċeduri li fihom waħda mill-partijiet hija konsumatur li kkonkluda kuntratt mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat u mhux biss għall-proċeduri amministrattivi li għandhom bħala għan li jissanzjonaw lill-bejjiegħa jew fornituri li jużaw klawżoli inklużi fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali, hekk kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza.

25      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, min-naħa l-oħra, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) tat, fl‑20 ta’ Novembru 2015, ir-riżoluzzjoni III CZP 175/15, li skontha inklużjoni fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali ma tipproduċix effetti fir-rigward ta’ bejjiegħa jew fornituri oħra minbarra dak ikkonċernat mill-proċedura ta’ inklużjoni f’dan ir-reġistru, sabiex jiġi osservat id-dritt għal smigħ ta’ dawn il-bejjiegħa jew fornituri oħra.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Ċentru) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1) L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, tan-natura inkonfutabbli tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li qorti nazzjonali ma tistax twettaq kontroll ex officio ta’ klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt u li tislet konsegwenzi minn dan f’sitwazzjoni fejn twettaq sorveljanza ta’ eżekuzzjoni forzata mmexxija minn marixxall tal-qorti fuq il-bażi ta’ ordni ta’ ħlas definittiva u mogħnija bi klawżola ta’ infurzabbiltà maħruġa fi proċedura li fiha ma jiġux prodotti provi?

2)      L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 8 tad-Direttiva [93/13], l-Artikolu 47 tal-[Karta] kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u tad-dritt għal smigħ minn qorti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni ġudizzjarja tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li skontha l-inklużjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta fir-reġistru ta’ klawżoli pprojbiti tkun tfisser li tali klawżola titqies li hija inġusta f’kull proċedura li tinvolvi konsumatur, inkluż:

–        fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur li ma huwiex dak li kontrih tressqet il-proċedura ta’ inklużjoni tal-klawżola kuntrattwali inġusta fir-reġistru ta’ klawżoli pprojbiti,

–        fir-rigward ta’ dispożizzjoni li l-formulazzjoni tagħha ma hijiex lingwistikament identika iżda li fiha l-istess sens u tipproduċi l-istess effetti fil-konfront tal-konsumatur?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

27      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari li tat lok għal din is-sentenza tiġi ssuġġettata għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha għall-applikazzjoni ta’ proċedura mħaffa, il-qorti tar-rinviju sostniet li l-uffiċjal ġudizzjarju inkarigat mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien issekwestra l-proprjetà immobbli li hija s-suġġett ta’ din il-proċedura u li l-bejgħ bl-irkant ta’ din il-proprjetà immobbli kellu jsir sussegwentement għat-tressiq ta’ talbiet mill-kredituri, liema bejgħ bl-irkant jista’ jwassal sabiex, minn naħa, TL ma jibqax fil-pussess ta’ din il-proprjetà immobbli u, min-naħa l-oħra, il-kredituri jirċievu somom li ma humiex dovuti lilhom. Issa, minkejja li TL jista’, jekk ikun il-każ, jinvoka ulterjorment id-drittijiet tiegħu permezz ta’ rikors għal kumpens, dan ma jiżguralux il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tiegħu.

28      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ssuġġettat għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

29      Għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż biex jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fil-każ ineżami, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fil‑15 ta’ Settembru 2022, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukata Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

31      Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi ċirkustanza li l-proċedura fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata li tirrikjedi soluzzjoni rapida ma hijiex tali li tistabbilixxi, fiha nnifisha, l-urġenza rikjesta fl-Artikolu 105 tar-Regoli ta’ Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Ottubru 2018, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2018:825, punt 12).

32      Min-naħa l-oħra, huwa minnu li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ħa inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ kawża li fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu opponew sekwestru ipotekarju tal-proprjetà immobbli tagħhom, il-fatt li, fid-dawl tal-modalitajiet tal-proċedura ċivili nazzjonali kkonċernata, l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata kienet tesponihom għar-riskju li jitilfu r-residenza prinċipali tagħhom. B’hekk huwa laqgħa t-talba tagħhom għall-applikazzjoni ta’ proċedura mħaffa, filwaqt li osserva li, f’tali sitwazzjoni, id-dritt nazzjonali kkonċernat kien jagħti lid-debitur leż biss protezzjoni għalkollox kumpensatorja u ma kienx jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti li fiha kien il-proprjetarju tar-residenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Ottubru 2018, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2018:825, punt 13).

33      Madankollu, f’dan il-każ, b’ebda mod ma jirriżulta mit-talba għall-applikazzjoni ta’ proċedura mħaffa u lanqas mit-talba għal deċiżjoni preliminari li TL fil-preżent jinsab f’riskju imminenti li jitlef ir-residenza prinċipali tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma indikatx lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-proprjetà immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija r-residenza prinċipali ta’ TL, fejn wara kollox jidher li dan tal-aħħar jirrisjedi f’indirizz differenti minn dak ta’ din il-proprjetà immobbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Ottubru 2018, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2018:825, punt 14).

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja u lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

34      Fl-ewwel lok, Getin Noble Bank isostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari inkwantu d-domandi preliminari jirrigwardaw proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata nazzjonali – li ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

36      Issa, mill-formulazzjoni nnifisha tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni Getin Noble Bank, dawn id-domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u tal-Karta kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u mhux dik ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti.

37      Fit-tieni lok, Getin Noble Bank isostni, essenzjalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija, fi kwalunkwe każ, inammissibbli.

38      Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma hijiex kompetenti biex tiddeċiedi tilwima bejn il-partijiet permezz ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi “sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u għandha tiġi kkunsidrata bħala “korp amministrattiv” meta tintervjeni fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni forzata. Min-naħa l-oħra, id-domandi preliminari magħmula huma impreċiżi, wisq ġenerali u ta’ natura ipotetika. L-ewwel domanda la tispeċifika l-miżura ta’ stħarriġ li dwarha qed titkellem u lanqas il-modalitajiet għall-applikazzjoni tar-risposti eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-partijiet fil-proċedura ta’ stħarriġ ma għandhom ebda bażi legali li tippermetti li tinkiseb deċiżjoni fuq il-mertu. It-tieni domanda ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja li huwa obbligatorju li tinkiseb il-pożizzjoni tal-konsumatur ikkonċernat dwar iż-żamma tal-klawżoli li l-qorti tar-rinviju tqis li huma inġusti, din tal-aħħar ma hijiex kompetenti biex tanalizza r-rieda tal-konsumatur f’dan ir-rigward, li wara kollox kien inattiv hawnhekk.

39      Għalhekk Getin Noble Bank jikkontesta, essenzjalment, il-punt li l-qorti tar-rinviju għandha, bis-saħħa tad-dritt Pollakk, kompetenza biex teżamina ex officio n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratti ta’ kreditu fil-kawża prinċipali. Tali argument, li jressaq punt li jikkonċerna aspetti sostantivi b’ebda mod ma huwa ta’ natura li jista’ jqiegħed inkwistjoni l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara et, C‑64/20, EU:C:2021:207, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari u din tal-aħħar hija ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

41      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li qorti nazzjonali ma tistax tipproċedi ex officio għal eżami tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur u tislet il-konsegwenzi minn dan meta tistħarreġ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bbażata fuq deċiżjoni li tagħti ordni ta’ ħlas definittiva mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata.

42      Għandu jitfakkar, qabel kollox, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss permezz ta’ intervent pożittiv, li ma jinvolvix il-partijiet fil-kuntratt ikkonċernat, fejn il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 52).

43      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’diversi aspetti u billi ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod kif qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u li dawn għalhekk jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri. Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali fir-rigward tar-regoli proċedurali tad-dritt Pollakk li jirregolaw il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni, jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 53).

44      Madankollu, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 54).

45      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha kkonċernata, l-iżvolġiment u l-karatteristiċi partikolari tagħha kkunsidrati b’mod komplessiv, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment it-tajjeb tal-proċedura. F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax tasal biex tissostitwixxi għalkollox il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 28).

46      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ikkonfermata fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u stabbilita fl-Artikolu 47 tal-Karta, li tapplika, b’mod partikolari, għad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 29).

47      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ eżami effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ggarantit (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 30).

48      Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali, li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jippreġudikaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi jisiltu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li ma jkunux marbuta minn klawżola meqjusa inġusta (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 31).

49      Il-qorti tar-rinviju tesponi li ordnijiet ta’ ħlas, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġu deċiżi, wara li jkunu ntalbu mill-kreditur ikkonċernat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas elettroniku, minn qrati Pollakki, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà ġuridika u teknika li jikkonsultaw il-kuntratti li fuq il-bażi tagħhom dawn l-ordnijiet ta’ ħlas jingħataw u, għalhekk, li jeżaminaw ex officio jekk dawn il-kuntratti fihomx klawżoli inġusti. Fil-każ fejn l-imsemmija ordnijiet ta’ ħlas ma jiġux ikkontestati mid-debitur ikkonċernat f’terminu ta’ ġimagħtejn wara li jkunu ġew innotifikati, dawn ikunu mogħnija bi klawżola ta’ infurzabbiltà u bl-awtorità ta’ res judicata, li jkollu bħala effett li l-qorti li taħt il-kontroll tagħha l-uffiċjal ġudizzjarju kkonċernat imexxi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ma jkollhiex kompetenza li teżamina dan l-eżami ex officio.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lil konsumatur permezz tad-Direttiva 93/13 tista’ tiġi ggarantita biss bil-kundizzjoni li s-sistema proċedurali tad-dritt nazzjonali kkonċernat tippermetti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas jew tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, eżami ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Impuls Leasing România, C‑725/19 EU:C:2022:396, punt 49).

51      Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, fl-ipoteżi fejn fl-istadju tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ma jkun previst ebda eżami ex officio, minn qorti, tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat, leġiżlazzjoni nazzjonali għandha titqies li hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 jekk din ma tipprevedix tali stħarriġ fl-istadju tal-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas jew, meta tali eżami jkun previst biss fl-istadju tal-oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas ikkonċernata, jekk ikun hemm riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ikkonċernat ma jressaqx l-oppożizzjoni meħtieġa jew minħabba t-terminu partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew fid-dawl tal-ispejjeż ikkawżati minn tali azzjoni ġudizzjarja meta mqabbla mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix l-obbligu li tiġi kkomunikata lill-konsumatur l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jiddetermina l-firxa tad-drittijiet tiegħu (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Impuls Leasing România, C‑725/19 EU:C:2022:396, punt 50).

52      Għalhekk, minn naħa, il-leġiżlazzjoni Pollakka li tirregola l-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas u l-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività fl-ipoteżi fejn din ma tipprevedi ebda eżami ex officio, minn qorti, tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat.

53      Min-naħa l-oħra, għalkemm id-dritt Pollakk jipprevedi tali eżami biss meta l-konsumatur ikkonċernat jikkontesta ordni ta’ ħlas, tkun il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk jeżistix riskju mhux negliġibbli li dan il-konsumatur ma jressaqx l-oppożizzjoni meħtieġa jew minħabba t-terminu partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew fid-dawl tal-ispejjeż li azzjoni ġudizzjarja tiġġenera meta mqabbel mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew għaliex dan id-dritt ma jipprevedix l-obbligu li tiġi kkomunikata lill-imsemmi konsumatur l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex dan ikun jista’ jiddetermina l-firxa tad-drittijiet tiegħu.

54      Fir-rigward tat-terminu ta’ ġimagħtejn għat-tressiq ta’ tali oppożizzjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali terminu jiġġenera r-riskju msemmi fil-punt preċedenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital, C‑75/19, EU:C:2019:950, punti 31 u 33).

55      Anki jekk parti ma kinitx obbligata timmotiva l-oppożizzjoni tagħha għall-ordni ta’ ħlas bis-saħħa tad-dritt Pollakk, hekk kif isostni Getin Noble Bank, dan it-terminu ta’ ġimagħtejn madankollu jidher li huwa partikolarment qasir sabiex il-konsumatur ikkonċernat ikun jista’ jevalwa l-konsegwenzi ġuridiċi tad-deċiżjoni tiegħu jekk jopponix din l-ordni jew le.

56      Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tqis li jeżisti riskju mhux negliġibbli li ma titressaqx oppożizzjoni għall-ordnijiet ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-fatt li dawn l-ordnijiet huma mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata, li, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-eżerċizzju ta’ dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jitqiegħdu iżjed inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 32).

57      Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-konsumatur ikkonċernat ma hijiex assoluta. B’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix lil qorti nazzjonali l-obbligu li teskludi l-applikazzjoni tar-regoli proċedurali interni li jikkonferixxu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki meta dan ikun jippermetti li jiġi rrimedjat ksur ta’ dispożizzjoni, ikun ta’ liema natura jkun, li tinsab fid-Direttiva 93/13, suġġett, madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 33).

58      F’sitwazzjoni fejn tqies li seħħ eżami ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali u li dan iġorr miegħu l-awtorità ta’ res judicata, madankollu mingħajr ma dan l-eżami ġie mmotivat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tirrikjedi li l-qorti tal-eżekuzzjoni tista’ tevalwa, inkluż għall-ewwel darba, in-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li servew bħala bażi għall-ordni ta’ ħlas mogħtija minn qorti fuq it-talba ta’ kreditur li kontriha d-debitur ma ressaqx oppożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punti 65 u 66).

59      L-istess jgħodd a fortiori meta ma jitqies li seħħ ebda eżami ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat, hekk kif jidher li huwa l-każ hawnhekk.

60      Il-fatt li TL kien passiv waqt il-proċeduri mmexxija quddiem il-qrati Pollakki ma jeħlisx lill-qorti tar-rinviju mill-obbligu tagħha li twettaq dan l-eżami ex officio jekk din tistabbilixxi li TL ma ressaqx oppożizzjoni għall-ordnijiet ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, fejn din l-oppożizzjoni kienet l-uniku rimedju proċedurali li TL kellu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jikkontesta n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61      Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li qorti nazzjonali ma tistax tipproċedi ex officio għal eżami tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt u tislet il-konsegwenzi minn dan meta tistħarreġ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bbażata fuq deċiżjoni li tagħti ordni ta’ ħlas definittiva mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata:

–        jekk din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix tali eżami fl-istadju tal-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas jew

–        meta tali eżami huwa previst biss fl-istadju tal-oppożizzjoni mressqa kontra l-ordni ta’ ħlas ikkonċernata, jekk jeżisti riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ikkonċernat ma jressaqx l-oppożizzjoni meħtieġa jew minħabba t-terminu partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew fid-dawl tal-ispejjeż li azzjoni ġudizzjarja tiġġenera meta mqabbel mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew għaliex il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix l-obbligu li tiġi kkomunikata lil dan il-konsumatur l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex dan ikun jista’ jiddetermina l-firxa tad-drittijiet tiegħu.

 Fuq ittieni domanda

62      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u (2) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li skontha l-inklużjoni ta’ klawżola ta’ kuntratt fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali jkollha bħala effett li din il-klawżola tiġi kkunsidrata inġusta f’kull proċedura li tinvolvi konsumatur, inkluż fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur ieħor differenti minn dak li kontrih kienet tressqet il-proċedura ta’ inklużjoni tal-imsemmija klawżola f’dan ir-reġistru nazzjonali u meta l-klawżola kkonċernata ma jkollhiex formulazzjoni identika għal dik tal-klawżola li ġiet irreġistrata iżda li għandha l-istess portata u tipproduċi l-istess effetti għall-konsumatur ikkonċernat.

63      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 tistrieħ fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjazzjoni kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 34).

64      Għaldaqstant, qabel kollox, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, klawżola ta’ kuntratt li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies li hija inġusta meta, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, toħloq, għad-detriment tal-konsumatur ikkonċernat, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, filwaqt li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, tali klawżola inġusta ma torbotx lil dan il-konsumatur. Din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża li tissostitwixxi l-ekwilibriju formali li l-imsemmi kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’ekwilibriju reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Sussegwentement, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku kkostitwit mill-protezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu f’tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effikaċi sabiex jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 36).

66      Kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13, il-mezzi msemmija iktar ’il fuq jinkludu l-possibbiltà, għal persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi, li jressqu azzjoni quddiem il-qrati sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżoli redatti bl-għan li jintużaw b’mod iġġeneralizzat humiex ta’ natura inġusta u, jekk ikun il-każ, sabiex jiksbu l-projbizzjoni tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 37).

67      Madankollu, peress li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax tali persuni u organizzazzjonijiet, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13.

68      Fl-aħħar nett, skont it-tnax‑il premessa ta’ din d-direttiva, din twettaq biss armonizzazzjoni parzjali u minima tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-klawżoli inġusti, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà, b’osservanza tat-Trattat FUE, li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla lill-konsumatur ikkonċernat livell ogħla permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti minn dawk tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal-istess direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat minnha, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli ma’ dan it-trattat, biex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni lil dan il-konsumatur (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Issa, fir-rigward tar-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mekkaniżmu bħal dan ir-reġistru, li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ lista ta’ klawżoli li għandhom jiġu kkunsidrati bħala inġusti, jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet iktar stretti li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ bis-saħħa tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, u li dan ir-reġistru jissodisfa, bħala prinċipju, l-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70      Peress li l-istabbiliment ta’ tali reġistru ma huwiex rikjest mid-Direttiva 93/13, l-għażla tal-mezzi użati biex jintlaħqu l-għanijiet partikolari tagħha u, b’hekk, id-determinazzjoni tal-effetti legali li inklużjoni f’dan ir-reġistru ta’ klawżoli ddikjarati inġusti tista’ tipproduċi, jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri.

71      Sa fejn ir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali huwa ġestit b’mod trasparenti, mhux biss fl-interess tal-konsumaturi iżda wkoll tal-bejjiegħa jew fornituri, u jinżamm aġġornat, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-istabbiliment ta’ dan ir-reġistru huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reġistru ta’ klawżoli illegali tippreżupponi evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali kompetenti, tal-ekwivalenza tal-klawżola kuntrattwali kkontestata ma’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali u li tinsab f’dan ir-reġistru, li permezz tiegħu l-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat għandu l-possibbiltà li jikkontesta din l-ekwivalenza quddiem qorti nazzjonali, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti speċifiċi għal kull każ inkwistjoni, din il-klawżola kuntrattwali hijiex materjalment identika, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-effetti li din tipproduċi, għal dik inkluża f’tali reġistru (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant tali sistema nazzjonali ma tmurx kontra d-drittijiet tad-difiża tal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży “Partner”, C‑119/15, EU:C:2016:987, punt 43).

73      Barra minn hekk, għalkemm, konformement mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprevedu, fid-dritt intern tagħhom, eżami ex officio usa’ minn dak li l-qrati tagħhom għandhom iwettqu bis-saħħa ta’ din id-direttiva, jew anki proċeduri ssemplifikati ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali tibqa’ madankollu, bħala regola ġenerali, obbligata li tinforma lill-partijiet fil-kawża b’din l-evalwazzjoni u li tistedinhom sabiex jiddiskutuha b’mod kontradittorju, skont il-forom previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 45).

74      Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dritt Pollakk jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-inklużjoni ta’ klawżola kuntrattwali fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali għandha bħala effett li din il-klawżola għandha tiġi kkunsidrata inġusta f’kull proċedura li tinvolvi konsumatur, inkluż fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur ieħor differenti minn dak li kontrih kienet tressqet il-proċedura ta’ inklużjoni tal-imsemmija klawżola f’dan ir-reġistru nazzjonali u meta l-klawżola kkonċernata ma jkollhiex formulazzjoni identika għal dik tal-klawżola li ġiet irreġistrata iżda jkollha l-istess portata u tipproduċi l-istess effetti għall-konsumatur ikkonċernat.

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali kontenzjuża fuq il-bażi ta’ paragun tal-kontenut tagħha ma’ dak ta’ klawżola inkluża fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali tista’ tikkontribwixxi b’mod rapidu sabiex il-klawżoli inġusti użati f’numru kbir ta’ kuntratti jieqfu jipproduċu effetti fir-rigward tal-konsumaturi li huma partijiet f’dawn il-kuntratti (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 41).

76      Barra minn hekk, f’kawża li tirrigwarda proċedura amministrattiva mressqa kontra bejjiegħ jew fornitur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU 2009, L 110, p. 30), kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali, li l-kontenut tagħhom huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżoli meqjusa illegali minn deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u inklużi fir-reġistru nazzjonali ta’ klawżoli illegali, jiġi kkunsidrat, fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur li ma kienx parti fil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni ta’ dawn il-klawżoli f’dan ir-reġistru, bħala aġir illegali (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży “Partner”, C‑119/15, EU:C:2016:987, punt 47).

77      L-istess jgħodd a fortiori fir-rigward ta’ tilwima bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumatur, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha t-termini ta’ klawżola kuntrattwali potenzjalment inġusta għandhom jiġu eżegwiti.

78      Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li skontha l-inklużjoni ta’ klawżola ta’ kuntratt fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali jkollha bħala effett li din il-klawżola tiġi kkunsidrata inġusta f’kull proċedura li tinvolvi konsumatur, inkluż fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur ieħor differenti minn dak li kontrih kienet tressqet il-proċedura ta’ inklużjoni tal-imsemmija klawżola f’dan ir-reġistru nazzjonali u meta l-istess klawżola ma jkollhiex formulazzjoni identika għal dik tal-klawżola li ġiet irreġistrata iżda li għandha l-istess portata u tipproduċi l-istess effetti fuq il-konsumatur ikkonċernat.

 Fuq lispejjeż

79      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li qorti nazzjonali ma tistax tipproċedi ex officio għal eżami tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt u tislet il-konsegwenzi minn dan meta tistħarreġ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bbażata fuq deċiżjoni li tagħti ordni ta’ ħlas definittiva mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata:

–        jekk din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix tali eżami fl-istadju tal-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas jew

–        meta tali eżami huwa previst biss fl-istadju tal-oppożizzjoni mressqa kontra l-ordni ta’ ħlas ikkonċernata, jekk jeżisti riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ikkonċernat ma jressaqx l-oppożizzjoni meħtieġa jew minħabba t-terminu partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew fid-dawl tal-ispejjeż li azzjoni ġudizzjarja tiġġenera meta mqabbel mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew għaliex il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix l-obbligu li tiġi kkomunikata lil dan il-konsumatur l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex dan ikun jista’ jiddetermina l-firxa tad-drittijiet tiegħu.

2)      L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li skontha l-inklużjoni ta’ klawżola ta’ kuntratt fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli illegali jkollha bħala effett li din il-klawżola tiġi kkunsidrata inġusta f’kull proċedura li tinvolvi konsumatur, inkluż fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur ieħor differenti minn dak li kontrih kienet tressqet il-proċedura ta’ inklużjoni tal-imsemmija klawżola f’dan ir-reġistru nazzjonali u meta l-istess klawżola ma jkollhiex formulazzjoni identika għal dik tal-klawżola li ġiet irreġistrata iżda li għandha l-istess portata u tipproduċi l-istess effetti fuq il-konsumatur ikkonċernat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top