Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0518

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2023.
    J.M.P. vs AP Assistenzprofis GmbH.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(5) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà – Artikolu 19 – Awtonomija tal-ħajja u inklużjoni fis-soċjetà – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 26 – Integrazzjoni soċjali u professjonali ta’ persuni b’diżabbiltà – Servizz ta’ assistenza personali għall-persuni b’diżabbiltà – Offerta ta’ impjieg li tinkludi l-indikazzjoni ta’ età minima u ta’ età massima tal-persuna mfittxija – Teħid inkunsiderazzjoni tax-xewqat u tal-interessi tal-persuna b’diżabbiltà – Ġustifikazzjoni.
    Kawża C-518/22.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:956

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

    7 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(5) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà – Artikolu 19 – Awtonomija tal-ħajja u inklużjoni fis-soċjetà – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 26 – Integrazzjoni soċjali u professjonali ta’ persuni b’diżabbiltà – Servizz ta’ assistenza personali għall-persuni b’diżabbiltà – Offerta ta’ impjieg li tinkludi l-indikazzjoni ta’ età minima u ta’ età massima tal-persuna mfittxija – Teħid inkunsiderazzjoni tax-xewqat u tal-interessi tal-persuna b’diżabbiltà – Ġustifikazzjoni”

    Fil-Kawża C‑518/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura

    J.M.P.

    vs

    AP Assistenzprofis GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal J.M.P., minn T. Nick, Rechtsanwalt,

    għal AP Assistenzprofis GmbH, minn O. Viehweg, Rechtsanwalt,

    għall-Gvern Elleniku, minn V. Baroutas u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa u A. Pimenta, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u E. Schmidt, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5), tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 79), moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-NU”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J.M.P. u AP Assistenzprofis GmbH, fornitriċi ta’ servizzi ta’ assistenza u ta’ pariri għall-persuni b’diżabbiltà, fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens li ntalab minn J.M.P. minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li seħħet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt internazzjonali

    3

    Skont il-preambolu tal-Konvenzjoni tan-NU:

    “L-Istati Partijiet għal din il-konvenżjoni,

    […]

    (c)

    Filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-universalità, l-indiviżibbiltà, l-interdipendenza u l-interrelazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha u l-bżonn li persuni b’diżabbiltà jiġu ggarantiti t-tgawdija sħiħa tagħhom mingħajr diskriminazzjoni,

    […]

    (h)

    Filwaqt li jagħrfu wkoll li d-diskriminazzjoni kontra kwalunkwe persuna fuq il-bażi ta’ diżabbiltà hija ksur tad-dinjità u l-valur tal-bniedem,

    […]

    (j)

    Filwaqt li jagħrfu l-bżonn biex jiġu promossi u protetti d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha b’diżabbiltà, inklużi dawk li għandhom bżonn iktar appoġġ intensiv,

    […]

    (n)

    Filwaqt li jagħrfu l-importanza għall-persuni b’diżabbiltà li jkollhom l-awtonomija u indipendenza individwali tagħhom, inkluża l-libertà biex jagħmlu l-għażliet tagħhom stess,

    […]”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, bit-titolu “Għan”, jipprevedi:

    “L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.

    […]”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija konvenzjoni, bit-titolu “Prinċipji ġenerali”, jipprovdi:

    “Il-prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni għandhom ikunu:

    (a)

    Rispett għad-dinjità inerenti, l-awtonomija individwali inkluża l-libertà biex wieħed jagħmel l-għażliet tiegħu stess, u l-indipendenza tal-persuni;

    (b)

    Nuqqas ta’ diskriminazzjoni;

    (c)

    Parteċipazzjoni u inklużjoni sħiħa u effettiva fis-soċjetà;

    (d)

    Rispett għad-differenza u aċċetazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà bħala parti mid-diversità tal-bniedem u l-umanità;

    […]”

    6

    L-Artikolu 5 tal-istess konvenzjoni, bit-titolu “Ugwaljanza u non-diskriminazzjoni” huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni kollha huma ugwali quddiem u taħt il-liġi u huma intitolati mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni għall-protezzjoni ugwali u għal benefiċċju ugwali tal-liġi.

    […]

    4.   Miżuri speċifiċi li huma neċessarji biex titħaffef jew tinkiseb de facto l-ugwaljanza tal-persuni b’diżabbiltà m’għandhomx jitqiesu bħala diskriminazzjoni taħt it-termini ta’ din il-Konvenzjoni.”

    7

    L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-NU, bit-titolu “Għarfien ugwali quddiem il-liġi” jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu li l-persuni b’diżabbiltà jgawdu kapaċità legali fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor fl-aspetti kollha tal-ħajja.”

    8

    Skont l-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni, bit-titolu “Għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità”:

    “L-Istati Partijiet ta’ din il-Konvenzjoni jagħrfu d-dritt ugwali tal-persuni kollha b’diżabbiltà li jgħixu fil-komunità, b’għażliet ugwali bħal ħaddieħor, u għandhom jieħdu miżuri adegwati u effettivi biex iħaffu t-tgawdija sħiħa mill-persuni b’diżabbiltà ta’ dan id-dritt u tal-inklużjoni u l-parteċipazjoni tagħhom b’mod sħiħ fil-komunità, inkluż billi jiżguraw li:

    (a)

    Il-persuni b’diżabbiltà jkollhom l-opportunità li jagħżlu l-post ta’ residenza tagħhom u fejn u ma’ min joqogħdu fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor u li ma jkunux obbligati jgħixu f’arranġament partikolari ta’ għajxien;

    (b)

    Il-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal firxa ta’ servizzi fid-djar, u servizzi residenzjali jew ta’ appoġġ tal-komunità, inkluż assistenza personali meħtieġa biex tappoġġa l-għajxien u l-inklużjoni fil-komunità, u biex tilqa’ kontra l-iżolament jew segregazzjoni mill-komunità;

    (c)

    Is-servizzi u l-faċilitajiet tal-komunità għall-popolazzjoni ġenerali jkunu disponibbli fuq bażi ugwali għall-persuni b’diżabbiltà u li dawn jirreaġixxu malajr għall-bżonnijiet tagħhom.”

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    9

    Skont il-premessi 23 u 25 tad-Direttiva 2000/78:

    “(23)

    F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta ma’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni [Ewropea].

    […]

    (25)

    Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

    10

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Skop”, jipprovdi:

    “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

    11

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

    għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

    […]

    5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

    12

    L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, bit-titolu “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

    (a)

    il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni”.

    13

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, bit-titolu “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

    “Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

    14

    L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprovdi:

    “1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

    Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

    (a)

    l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

    (b)

    L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

    (ċ)

    l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

    […]”

    15

    L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, bit-titolou “Azzjoni pożittiva u miżuri speċifiċi”, jipprovdi:

    “1.   Bi skop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika, il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

    2.   Fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li jikkonservaw jew li jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jew miżuri mmirati biex jikkreaw jew iżommu dispożizzjonijiet jew faċilitajiet għas-salvagwardja jew promozzjoni ta’ l-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol.”

    Id‑dritt Ġermaniż

    Il‑GG

    16

    L-Artikolu 1 tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), tat‑23 ta’ Mejju 1949 (BGB1. 1949 I, p. 1), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GG”), jipprovdi kif ġej:

    “1.   Id-dinjità tal-bniedem hija intanġibbli. L-awtoritajiet pubbliċi kollha għandhom l-obbligu li josservawha u jipproteġuha.

    2.   Konsegwentement, il-poplu Ġermaniż jirrikonoxxi lill-bniedem drittijiet invjolabbli u inaljenabbli bħala l-bażi ta’ kull komunità umana, tal-paċi u tal-ġustizzja fid-dinja.

    […]”

    17

    L-Artikolu 2(1) tal-GG jipprovdi:

    “Kulħadd għandu dritt għall-iżvilupp liberu tal-personalità tiegħu, sakemm ma jiksirx id-drittijiet ta’ ħaddieħor, l-ordni kostituzzjonali jew il-liġi morali.”

    L‑AGG

    18

    L-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament), tal‑14 ta’ Awwissu 2006 (BGB1. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”), hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Ġermaniż.

    19

    Skont l-Artikolu 1 tal-AGG:

    “Din il-liġi għandha bħala għan li tipprekludi jew telimina kull żvantaġġ ibbażat fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, is-sess, ir-reliġjon jew il-konvinzjonijiet, diżabbiltà, l-età jew l-identità sesswali.”

    20

    L-Artikolu 3(1) tal-AGG jipprovdi:

    “Isseħħ diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif persuna oħra hija ttrattata, ġiet ittrattata jew tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi ta’ wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1. […]”

    21

    L-Artikolu 5 tal-AGG jipprovdi:

    “Minkejja l-motivi msemmija fl-Artikoli 8 sa 10 […], għandha tkun permessa wkoll differenza fit-trattament meta jkun hemm miżuri adegwati u xierqa intiżi li jipprekludu jew li jikkumpensaw żvantaġġi eżistenti minħabba xi motiv imsemmi fl-Artikolu 1.”

    22

    L-Artikolu 7(1) tal-AGG huwa fformulat kif ġej:

    “Il-ħaddiema impjegati ma għandhom isofru ebda diskriminazzjoni għal xi wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1; […]”

    23

    L-Artikolu 8(1) tal-AGG jipprovdi:

    “Differenza fit-trattament ibbażata fuq wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun permessa meta, minħabba n-natura tal-attività li għandha tiġi eżerċitata jew il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività, dan il-motiv jikkostitwixxi rekwiżit ġenwin u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat.”

    24

    Skont l-Artikolu 10 tal-AGG:

    “Minkejja l-Artikolu 8, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età għandha tkun permessa wkoll meta din tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu. Il-mezzi implimentati sabiex jintlaħaq dan l-għan għandhom ikunu xierqa u neċessarji. Dawn id-differenzi fit-trattament jistgħu jinkludu b’mod partikolari:

    1.   l-iffissar ta’ kundizzjonijiet speċjali ta’ aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, ta’ impjieg u ta’ xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni u dawk relatati mat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, għaż-żagħżagħ, għall-ħaddiema anzjani u dawk li għandhom persuni dipendenti, bil-għan li tiġi ffavorita l-inklużjoni professjonali tagħhom jew li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom,

    2.   l-iffissar ta’ kundizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità fl-impjieg, għall-aċċess għall-impjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta mal-impjieg,

    3.   l-iffissar ta’ età massima għar-reklutaġġ li tkun ibbażata fuq it-taħriġ speċifiku meħtieġ għall-pożizzjoni inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġonevoli ta’ impjieg qabel l-irtirar,

    […]”

    25

    L-Artikolu 15 tal-AGG jipprovdi:

    “1.   Fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-persuna li timpjega hija obbligata tikkumpensa d-dannu li jirriżulta minnu. […]

    2.   Għal dannu li ma huwiex dannu patrimonjali, il-ħaddiem jista’ jitlob kumpens pekunjarju xieraq. […]”

    Is‑SGB

    26

    L-Artikolu 33 tas-Sozialgesetzbuch, Erstes Buch (I) (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, Ktieb I), tal‑11 ta’ Diċembru 1975 (BGB1. 1975 I, p. 3015, iktar ’il quddiem is-“SGB I”), jipprovdi:

    “Jekk il-kontenut tad-drittijiet jew obbligi ma jkunx iddeterminat b’mod iddettaljat fir-rigward tan-natura jew tal-portata tagħhom, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni, waqt l-ifformular tagħhom, is-sitwazzjoni personali tal-persuna detentriċi tad-dritt jew tal-persuna suġġetta għal obbligi, tal-bżonnijiet tagħha u tal-kapaċità kontributtiva tagħha kif ukoll tal-kundizzjonijiet lokali, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet tad-dritt li jipprekludu dan. F’dan ir-rigward, ix-xewqat tal-persuna detentriċi tad-dritt jew tal-persuna suġġetta għal obbligi għandhom ikunu rrispettati sa fejn dawn ikunu raġonevoli.”

    27

    L-Artikolu 8(1) tas-Sozialgesetzbuch, Neuntes Buch (IX) (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, Ktieb IX), tat‑23 ta’ Diċembru 2016 (BGB1. 2016 I, p. 3234, iktar ’il quddiem is-“SGB IX”) huwa fformulat kif ġej:

    “Waqt it-teħid ta’ deċiżjoni li tikkonċerna s-servizzi u waqt l-eżekuzzjoni tas-servizzi intiżi li jippromwovu l-parteċipazzjoni [fis-soċjetà], għandhom ikunu rrispettati x-xewqat leġittimi tal-benefiċjarji ta’ servizzi. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni personali, l-età, is-sess, il-familja kif ukoll il-bżonnijiet reliġjużi u filosofiċi tal-benefiċjarji tas-servizzi; l-Artikolu 33 tas-[SGB I] għandu japplika għall-bqija. […]”

    28

    L-Artikolu 78(1) tas-SGB IX jipprevedi:

    “Għandhom jiġu pprovduti servizzi ta’ assistenza sabiex tkun permessa ġestjoni awtonoma u indipendenti tal-ħajja ta’ kuljum, inkluż l-ippjanar tal-ġurnata. Dawn għandhom jinkludu b’mod partikolari servizzi għall-kompiti ġenerali tal-ħajja ta’ kuljum bħalma huwa l-immaniġġar tal-familja, l-organizzazzjoni tar-relazzjonijiet soċjali, l-ippjanar tal-ħajja personali, il-parteċipazzjoni fil-ħajja komunitarja u kulturali, l-organizzazzjoni tad-divertiment, inkluż l-attivitajiet sportivi kif ukoll il-garanzija tal-effikaċità tas-servizzi mediċi u preskritti minn tabib. Dawn għandhom jinvolvu interazzjonijiet mal-persuni involuti f’dawn l-oqsma.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    29

    AP Assistenzprofis, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, hija kumpannija li toffri lill-persuni b’diżabbiltà servizzi ta’ assistenza u ta’ pariri intiżi għall-ġestjoni awtonoma u indipendenti tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom., skont l-Artikolu 78(1) tas-SGB IX.

    30

    Matul ix-xahar ta’ Lulju 2018, din il-kumpannija ppubblikat offerta ta’ impjieg li tindika li A, studenta ta’ 28 sena, kienet qiegħda tfittex assistenti personali tas-sess femminili sabiex jgħinuha fl-aspetti kollha tal-ħajja ta’ kuljum u li kellhom “ikollhom preferibbilment bejn 18 u 30 sena”.

    31

    J.M.P., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li twieldet fis-sena 1968, applikat għal din l-offerta ta’ impjieg u rċeviet risposta fin-negattiv min-naħa ta’ AP Assistenzprofis.

    32

    Wara li eżerċitat id-drittijiet tagħha b’mod ekstraġudizzjarju, J.M.P. ippreżentat rikors kontra AP Assistenzprofis quddiem l-Arbeitsgericht Köln (it-Tribunal Industrijali ta’ Köln, il-Ġermanja) għall-finijiet li tikseb kumpens għad-dannu li jirriżulta minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, skont l-Artikolu 15(2) tal-AGG.

    33

    Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, J.M.P. sostniet, minn naħa, li, peress li l-offerta ta’ impjieg kienet indirizzata espressament lill-persuni b’età ta’ “bejn 18 u 30 sena”, seta’ jiġi preżunt li hija ma kinitx ġiet aċċettata fil-proċedura ta’ reklutaġġ minħabba l-età tagħha biss, fatt li AP Assistenzprofis ma kkonfutatx. Min-naħa l-oħra, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li tirriżulta minnha la hija ġġustifikata fid-dawl tan-natura tas-servizzi ta’ assistenza personali, u lanqas ma hija awtorizzata skont l-Artikolu 8(1) jew skont l-Artikolu 10 tal-AGG, sa fejn, b’mod partikolari, età partikolari ma hijiex rilevanti għar-relazzjoni ta’ fiduċja fil-kuntest ta’ tali assistenza personali.

    34

    AP Assistenzprofis talbet li l-imsemmi rikors jiġi miċħud, billi sostniet li d-differenza eventwali fit-trattament bbażata fuq l-età kienet iġġustifikata taħt l-Artikolu 8(1) jew taħt l-Artikolu 10 tal-AGG. L-attività ta’ assistenza personali tikkonsisti f’akkumpanjament ta’ kuljum personali ħafna li jimplika dipendenza permanenti min-naħa tal-persuna assistita. Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ ċerta età jippermetti li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet strettament personali ta’ A. fil-kuntest tal-ħajja soċjali tagħha bħala studenta f’università.

    35

    Skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, huwa importanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 8(1) tas-SGB IX, ix-xewqat leġittimi u l-bżonnijiet suġġettivi ta’ kull persuna li tibbenefika minn assistenza personali. F’dan il-kuntest, ix-xewqa leġittima li l-persuna li tiżgura din l-assistenza jkollha ċerta età għandha titqies bħala “rekwiżit ġenwin u determinanti tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-AGG, sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan tas-servizzi ta’ assistenza segwit mill-Artikolu 78(1) tas-SGB IX, li jipproteġi d-dritt relatat mal-personalità, fis-sens tal-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-GG. AP Assistenzprofis tqis li l-imsemmi rekwiżit huwa wkoll proporzjonat. Barra minn hekk, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, fil-fehma tagħha, permessa taħt l-Artikolu 10 tal-AGG, peress li din id-differenza hija oġġettiva u raġonevoli, hija ġġustifikata minn għan leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħaq l-għan tal-assistenza personali, imsemmi fl-Artikolu 78 tas-SGB IX, huma xierqa u neċessarji.

    36

    Peress li l-Arbeitsgericht Köln (il-Qorti Industrijali ta’ Köln) laqgħet ir-rikors ta’ J.M.P. u l-appell ippreżentat minn AP Assistenzprofis ġie milqugħ permezz ta’ sentenza tal-Landesarbeitsgericht Köln (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja), J.M.P. sussegwentement ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja).

    37

    Preliminarjament, dik il-qorti tikkonstata, minn naħa, li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, peress li tikkonċerna l-kriterji ta’ għażla li jirrigwardaw l-aċċess għall-impjieg fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, hija tqis li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, wara r-risposta fin-negattiv tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, sofriet diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva.

    38

    L-imsemmija qorti tixtieq tippreċiża li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-każ partikolari tal-assistenza personali, li fih kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-persuna b’diżabbiltà jistgħu jitolbu protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jfittex li jikkjarifika sa fejn id-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u d-dritt tal-persuna b’diżabbiltà għal protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà tagħha għandhom jiġu rrikonċiljati fid-dawl tad-Direttiva 2000/78 li tikkonkretizza, fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta.

    39

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, l-ewwel nett, li l-assistenza personali hija bbażata, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jiġifieri l-Artikolu 8 tas-SGB IX, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tas-SGB I, fuq il-prinċipju tal-awtodeterminazzjoni, li huwa intiż li b’hekk jirrendi lill-persuni b’diżabbiltà kapaċi li jorganizzaw il-ħajja ta’ kuljum tagħhom bl-iktar mod awtonomu u indipendenti possibbli, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari x-xewqat leġittimi tal-benefiċjarji tas-servizzi ta’ assistenza. Skont l-Artikolu 78(1) tas-SGB IX, l-imsemmija servizzi jinkludu b’mod partikolari servizzi għall-kompiti ġenerali tal-ħajja ta’ kuljum bħall-ġestjoni tad-dar, l-organizzazzjoni tar-relazzjonijiet soċjali, l-ippjanar tal-ħajja personali kif ukoll il-parteċipazzjoni fil-ħajja komunitarja u kulturali.

    40

    It-tieni nett, din il-qorti tirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2000/78 tinsab fost l-atti tal-Unjoni li jittrattaw il-kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni tan-NU, b’tali mod li din tista’ tiġi invokata sabiex tiġi interpretata l-imsemmija direttiva (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Nobel Plastiques Ibérica, C‑397/18, EU:C:2019:703, punti 3940 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), sa fejn din il-konvenzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha, tinkludi rekwiżiti konkreti sabiex il-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jgħixu bl-istess awtonomija u bl-istess libertà tal-għażla bħall-persuni l-oħra.

    41

    It-tielet nett, ir-rispett tal-imsemmi dritt għall-awtonomija u għal-libertà tal-għażla jippermetti li tiġi ggarantita d-dinjità tal-bniedem, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 1 tal-GG, fid-dawl tal-fatt li l-assistenza personali tikkonċerna l-oqsma kollha tal-ħajja u fid-dawl tal-fatt li, għaldaqstant, il-persuna li tipprovdi din l-assistenza tinterferixxi inevitabbilment u profondament fl-isfera privata u intima tal-persuna li tirċievi din l-assistenza. Għaldaqstant, ix-xewqat tal-persuna b’diżabbiltà kkonċernata li tibbenefika mill-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza personali għandhom jiġu rrispettati, sakemm dawn ix-xewqat ikunu, fil-każ konkret, raġonevoli.

    42

    Ir-raba’ nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jiġġustifikaw diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-possibbiltà li waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, bħall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, tkun tista’ titqies bħala li tista’ tiġġustifika tali diskriminazzjoni, filwaqt li ssostni li, fil-fehma tagħha, diversi elementi jimmilitaw fis-sens li tali dritt għal-libertà ta’ għażla għandu jiġi ggarantit lill-persuni b’diżabbiltà fil-kuntest tal-assistenza personali.

    43

    Min-naħa l-oħra, dik il-qorti ma teskludix li tali diskriminazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata taħt l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk ix-xewqa espressa minn persuna b’diżabbiltà, fil-kuntest tad-dritt tagħha għall-awtodeterminazzjoni, li l-persuna li tipprovdi l-assistenza personali tkun tappartjeni lil ċerta kategorija ta’ età, tikkostitwixxix “karatteristika” u, barra minn hekk, jekk preferenza għal tali kategorija ta’ età tistax tikkostitwixxi “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol”, rispettivament fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    44

    Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li leġiżlatur nazzjonali jsegwi l-għan, permezz tad-dritt għall-espressjoni tax-xewqat leġittimi u għal-libertà tal-għażla tal-persuni b’diżabbiltà meta jiġu pprovduti servizzi ta’ assistenza personali, li tissaħħaħ l-awtonomija personali tal-imsemmija persuni fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u l-motivazzjoni tagħhom sabiex jipparteċipaw fis-soċjetà jistax jikkostitwixxi “għan leġittimu”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

    45

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi l-ugwaljanza sħiħa fil-ħajja professjonali, huwiex rilevanti sabiex tiġi ġġustifikata diskriminazzjoni bbażata fuq l-età f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    46

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 4(1), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7 u/jew l-Artikolu 2(5) tad-[Direttiva 2000/78], moqrija fid-dawl tar-rekwiżiti tal-[Karta] kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 19 tal-[Konvenzjoni tan-NU], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età tista’ tiġi ġġustifikata?”

    Fuq id‑domanda preliminari

    47

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(5), l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 6(1) u/jew l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-NU, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li r-reklutaġġ ta’ persuna li tipprovdi assistenza personali jkun suġġett għal kundizzjoni ta’ età, skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tax-xewqat individwali tal-persuni li għandhom dritt, minħabba d-diżabbiltà tagħhom, għall-provvisti ta’ servizzi ta’ assistenza personali.

    48

    B’mod preliminari, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, minn naħa, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, inkwantu proċedura ta’ reklutaġġ ta’ persuna li tipprovdi assistenza personali li fil-kuntest tagħha jintalab li l-kandidati jkollhom “preferibbilment bejn 18 u 30 sena” tirrigwarda l-“kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […], inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva.

    49

    Min-naħa l-oħra, jidher li t-tweġiba fin-negattiv irċevuta minn J.M.P. mingħand AP Assistenzprofis wara li hija ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha ngħatat minħabba l-età tagħha u għalhekk tikkostitwixxi “diskriminazzjoni diretta” ibbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

    50

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk tali differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-Direttiva 2000/78.

    51

    Fir-rigward tal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, li hemm lok li jiġi eżaminat l-ewwel, għandu jiġi enfasizzat li, skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmija direttiva ma għandhiex tippreġudika l-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa kif ukoll għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn.

    52

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta adotta l-imsemmija dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, jipprevjeni u joffri medjazzjoni għal kunflitt bejn, minn naħa, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġu żgurati l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, il-prevenzjoni ta’ reati kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi, li huma indispensabbli għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika. Huwa għaldaqstant iddeċieda li, f’ċerti każijiet elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, il-prinċipji stabbiliti minn din tal-aħħar ma japplikawx għal miżuri li jinkludu differenzi fit-trattament ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri jkunu neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet hawn fuq imsemmija (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Editur awdjoviżiv għat-televiżjoni pubblika)C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Peress li dan l-Artikolu 2(5) jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet, dan għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Editur awdjoviżiv għat-televiżjoni pubblika)C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżultax minn miżura prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, konformement mal-imsemmi Artikolu 2(5).

    55

    F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ful-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 8(1) tas-SGB IX, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tas-SGB I, jipprevedi li, meta tittieħed deċiżjoni dwar il-provvisti ta’ servizzi ta’ assistenza personali u fit-twettiq ta’ dawn is-servizzi sabiex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-persuna b’diżabbiltà fis-soċjetà, għandhom ikunu rrispettati x-xewqat leġittimi tal-benefiċjarji ta’ dawn is-servizzi, inkwantu dawn ikunu raġonevoli u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali, l-età, is-sess, il-familja kif ukoll il-bżonnijiet reliġjużi u filosofiċi tal-imsemmija benefiċjarji.

    56

    Jidher għalhekk li din il-leġiżlazzjoni tawtorizza, jew saħansitra tobbliga, lill-fornituri ta’ assistenza personali, f’termini ta’ natura suffiċjentement preċiża, jirrispettaw, waqt it-tfassil tal-assistenza personali li għandha tiġi pprovduta lill-persuni b’diżabbiltà kkonċernati, ix-xewqat individwali tagħhom, inkluż, jekk ikun il-każ, dawk relatati mal-età tal-persuna mitluba tipprovdilhom din l-assistenza, u jadottaw miżuri individwali li japplikaw l-imsemmija leġiżlazzjoni billi jieħdu inkunsiderazzjoni dawn ix-xewqat, fosthom dik li tissuġġetta r-reklutaġġ ta’ tali persuna għal kundizzjoni ta’ età. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għal verifika eventwali li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta minn miżura prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

    57

    It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija miżura ssegwix wieħed mill-għanijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 2(5), u b’mod partikolari dak tal-“protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

    58

    80 F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni li permezz tagħha ġiet adottata l-istess miżura trid tilħaq għan intiż għall-protezzjoni tal-awtodeterminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, billi tiggarantixxi d-dritt għall-espressjoni tax-xewqat u għall-għażla libera tal-imsemmija persuni meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza personali u meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti, peress li dawn is-servizzi jikkonċernaw l-oqsma kollha tal-ħajja u jestendu fil-fond fl-isfera privata u intima tal-persuni li jirċevuhom. L-imsemmija leġiżlazzjoni hija intiża għalhekk li tiżgura d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jorganizzaw il-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom bl-iktar mod awtonomu u bl-iktar mod indipendenti possibbli.

    59

    Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali għan jaqa’ taħt l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, sa fejn dan huwa intiż għall-protezzjoni tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, li permezz tiegħu dawn għandhom ikunu f’pożizzjoni li jagħżlu kif, fejn u ma’ min jgħixu.

    60

    Tali dritt jimplika neċessarjament li dawn il-persuni għandhom ikollhom il-possibbiltà li jfasslu s-servizz ta’ assistenza personali li ser ikun qiegħed jingħatalhom, fatt li jinkludi li jiddeterminaw il-kriterji ta’ għażla tal-persuna inkarigata milli tipprovdi tali servizz u li jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess ta’ reklutaġġ tal-imsemmija persuna.

    61

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li d-dritt għall-espressjoni tax-xewqat u għall-għażla libera msemmi fil-punt 58 ta’ din is-sentenza jikkonkretizza d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw minn miżuri intiżi li jiżguraw l-awtonomija tagħhom, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità, li jagħmel parti mid-drittijiet irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 26 tal-Karta.

    62

    Min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-awtodeterminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà hija wkoll għan stabbilit fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-NU, li d-dispożizzjonijiet tagħha jistgħu jiġu invokati għall-interpretazzjoni ta’ dawk tad-Direttiva 2000/78, inkluż l-Artikolu 2(5) tagħha. Fil-fatt, din tal-aħħar għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Nobel Plastiques Ibérica, C‑397/18, EU:C:2019:703, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    It-tielet nett, għandu jiġi vverifikat jekk differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirriżultax minn miżura neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, għall-protezzjoni tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-persuna b’diżabbiltà kkonċernata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza personali.

    64

    F’dan il-każ, jidher li l-indikazzjoni tal-preferenza ta’ kategorija ta’ età ta’ bejn 18 u 30 sena fl-offerta ta’ impjieg inkwistjoni toriġina mill-bżonn individwali ta’ A. li tibbenefika minn assistenza personali sabiex hija tkun akkumpanjata fl-oqsma kollha tal-ħajja soċjali ta’ kuljum tagħha bħala studenta ta’ 28 sena, u b’hekk tali assistenza taffettwa l-isfera privata u intima tagħha fid-dawl tal-kompiti ġenerali li jikkonċernaw mhux biss l-organizzazzjoni tal-ħajja tagħha ta’ kuljum, inkluż l-ippjanar ta’ bżonnijiet strettament personali, iżda wkoll il-ġestjoni tal-ħajja soċjali u kulturali tagħha. Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmija preferenza għal ċerta kategorija ta’ età kienet immotivata b’mod partikolari mill-fatt li l-persuna li tipprovdi l-assistenza kellha tkun tista’ faċilment tintegra ruħha fl-ambjent personali, soċjali u universitarju ta’ A.

    65

    Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-preferenza għal ċerta kategorija ta’ età espressa mill-persuna b’diżabbiltà benefiċjarja ta’ servizzi ta’ assistenza personali jista’ jippromwovi r-rispett tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni ta’ din il-persuna waqt il-provvista ta’ dawn is-servizzi ta’ assistenza personali, sa fejn jidher raġonevoli li wieħed jistenna li persuna li tappartjeni għall-istess kategorija ta’ età bħall-persuna b’diżabbiltà tintegra ruħha iktar faċilment fl-ambjent personali, soċjali u universitarju ta’ din tal-aħħar.

    66

    Bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jidher għalhekk li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta minn miżura neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

    67

    Konsegwentement, peress li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 2(5), bil-kundizzjoni li din tkun tirriżulta minn miżura neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk din tistax tkun iġġustifikata wkoll skont l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 6(1) u/jew l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78.

    68

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-Artikolu 26 tal-Karta kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-NU, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li r-reklutaġġ ta’ persuna li tipprovdi assistenza personali jkun suġġett għal kundizzjoni ta’ età, skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tax-xewqat individwali tal-persuni li għandhom dritt, minħabba d-diżabbiltà tagħhom, għal provvisti ta’ servizzi ta’ assistenza personali, jekk tali miżura tkun neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

    Fuq l‑ispejjeż

    69

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqri fid-dawl tal-Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009,

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    ma jipprekludix li r-reklutaġġ ta’ persuna li tipprovdi assistenza personali jkun suġġett għal kundizzjoni ta’ età, skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tax-xewqat individwali tal-persuni li għandhom dritt, minħabba d-diżabbiltà tagħhom, għal provvisti ta’ servizzi ta’ assistenza personali, jekk tali miżura tkun neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top