EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0430

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2023.
Proċeduri kriminali kontra VB u VB.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8(4) – Dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu – Proċeduri fil-kontumaċja – Ftuħ mill-ġdid tal-proċess – Notifika lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja bid-dritt tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura.
Kawżi magħquda C-430/22 u C-468/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:458

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

8 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8(4) – Dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu – Proċeduri fil-kontumaċja – Ftuħ mill-ġdid tal-proċess – Notifika lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja bid-dritt tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura”

Fil-Kawżi magħquda C‑430/22 u C‑468/22,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Ġunju 2022 u tat‑13 ta’ Lulju 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit‑28 ta’ Ġunju 2022 u fl‑14 ta’ Lulju 2022, fil-proċeduri kriminali kontra

VB (C‑430/22)

VB (C‑468/22)

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tas-Sitt Awla, u T. von Danwitz, Imħallef,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali fil-kontumaċja kontra VB, għal fatti ta’ traffikar ta’ drogi narkotiċi u ta’ pussess ta’ armi fi grupp organizzat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 9 u 39 tad-Direttiva 2016/343 huma fformulati kif ġej:

“(9)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta’ proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.

[…]

(39)

Fejn l-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà li jsir proċess fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati, iżda l-kundizzjonijiet għat-teħid ta’ deċiżjoni fin-nuqqas ta’ persuna suspettata jew akkużata partikolari ma jkunux sodisfatti minħabba li l-persuna suspettata jew akkużata ma setgħetx tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, pereżempju minħabba li l-persuna tkun ħarbet jew evadiet, għandu madankollu jkun possibbli li tittieħed deċiżjoni fl-assenza tal-persuna suspettata jew akkużata u li tiġi infurzata dik id-deċiżjoni. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma għandhom ukoll jiġu infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id- deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor. L-informazzjoni għandha tingħata bil-miktub. L-informazzjoni tista’ tingħata wkoll bil-fomm dment li l-fatt li l-informazzjoni ġiet ipprovduta jiġi nnotat skont il-proċedura ta’ reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali.”

4

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil- proċess tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

(a)

il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

(b)

il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat [inkarigat], li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

3.   Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata.

4.   Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il- possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.

5.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jipprevedu li l-imħallef jew il-qorti kompetenti jistgħu jeskludu lil persuna suspettata jew akkużata temporanjament mill-proċess fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-proċedimenti kriminali jitmexxew korrettament, sakemm dan jikkonforma mad-drittijiet tad-difiża.

6.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jipprovdu biex il-proċedimenti jew ċerti stadji tagħhom isiru bil-miktub, sakemm dan jikkonforma mad-dritt ta’ proċess ġust.”

5

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.”

Id-dritt Bulgaru

6

L-Artikolu 423(1) sa (4) tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprevedi:

“(1)   F’terminu ta’ sitt xhur minn meta tieħu konjizzjoni tal-kundanna kriminali definittiva […], il-persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess kriminali billi tinvoka l-assenza tagħha matul [il-proċedura kriminali].

(2)   It-talba ma tissospendix l-eżekuzzjoni tal-kundanna kriminali, ħlief jekk il-qorti tipprovdi mod ieħor.

(3)   Il-proċedura għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura kriminali tingħalaq fil-każ li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja ma tidhirx mingħajr raġuni valida.

(4)   Meta persuna kkundannata fil-kontumaċja titqiegħed taħt detenzjoni b’eżekuzzjoni ta’ kundanna definittiva u l-qorti tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kriminali, hija għandha tiddeċiedi dwar il-miżura ta’ detenzjoni fid-deċiżjoni tagħha.”

7

Il-punt 1 tal-Artikolu 425(1) u l-Artikolu 425(2) tan-NPK jipprevedu:

“(1)   Meta tiddeċiedi li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tkun fondata, il-qorti tista’:

1.

tannulla l-kundanna, is-sentenza, id-digriet jew id-deċiżjoni u tibgħat lura l-kawża għal eżami ġdid billi tindika f’liema stadju għandu jibda l-eżami mill-ġdid;

(2)   Fil-każijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 423(1), il-proċedura terġa’ tinfetaħ u l-kawża titmexxa għall-istadju li fih il-proċedura fil-kontumaċja tkun inbdiet.”

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

8

L-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija) beda proċeduri kriminali kontra VB, li ġie akkużat li pparteċipa, flimkien ma’ diversi persuni oħra, fi grupp kriminali organizzat li għandu bħala għan il-kultivazzjoni u t-tqassim ta’ drogi narkotiċi kif ukoll il-pussess ta’ armi, attivitajiet li jikkostitwixxu reati kriminali suġġetti għal priġunerija.

9

Il-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmexxew fl-assenza ta’ VB. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali, dan tal-aħħar ma seta’ jirċievi l-ebda notifika formali tal-akkużi miġjuba kontrih. Barra minn hekk, huwa ma seta’ jiġi informat la bil-fatt li l-każ tiegħu tressaq quddiem qorti, u lanqas, a fortiori, dwar id-data u l-post tas-seduta kkonċernata kif ukoll dwar il-konsegwenzi tal-assenza ta’ dehra tiegħu.

10

Fil-fatt, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma rnexxilhomx jillokalizzaw lil VB, għaliex, matul il-fażi istruttorja tal-imsemmija proċeduri kriminali, dan ħarab eżatt qabel l-operazzjoni tal-pulizija intiża sabiex twaqqaf lill-persuni ssuspettati. VB ġie ddikjarat bħala “imfittex”, b’mod partikolari permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, iżda ma setax jiġi llokalizzat.

11

Matul il-fażi istruttorja u l-fażi ġudizzjarja tal-istess proċeduri kriminali, VB ġie difiż suċċessivament minn tliet avukati differenti, kollha maħtura ex officio, li qatt ma rawh u li qatt ma kellhom kuntatt miegħu jew mal-qraba tiegħu.

12

Il-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għadhom pendenti u l-parti l-kbira tal-provi nġabru. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa probabbli li VB ikun is-suġġett ta’ kundanna għal priġunerija fi tmiem dawn il-proċeduri kriminali.

13

Din il-qorti tindika, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 423(1) tan-NPK, il-persuna kkundannata fil-kontumaċja għandha d-dritt li titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fi żmien sitt xhur, mill-mument li hija ssir taf bil-kundanna tagħha. Madankollu, id-dritt Bulgaru ma jipprevedix li din il-persuna għandha tiġi informata minn qabel b’dan id-dritt li titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura. B’mod partikolari, ma jeżisti ebda obbligu fid-dritt Bulgaru li tissemma l-possibbiltà li jintalab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fis-sentenza mogħtija fl-assenza tal-persuna akkużata, u lanqas f’att ġudizzjarju ieħor indirizzat lil din tal-aħħar.

14

Barra minn hekk, id-dritt Bulgaru ma jipprevedix, bħala prinċipju, dritt predeterminat għall-ftuħ ta’ proċess ġdid fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja. B’mod partikolari, il-qorti li teżamina l-kawża kkonċernata u tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ din tal-aħħar fl-assenza tal-persuna akkużata ma għandhiex is-setgħa li tiddeċiedi jekk din il-persuna għandhiex dritt għal proċess ġdid minħabba l-assenza tagħha. Dan ikun il-każ sa fejn is-setgħa ta’ deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ tali dritt tingħata, fid-dritt Bulgaru, lill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), li għandha tiġi adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċess ġdid, konformement mal-Artikolu 423(1) tan-NPK, u għandha tevalwa jekk ir-raġunijiet għall-ftuħ ta’ proċess ġdid minħabba l-assenza tal-persuna akkużata jeżistux.

15

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tindika li d-dritt Bulgaru jeżiġi li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja tidher personalment sabiex it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura tiġi eżaminata fil-mertu, filwaqt li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 ma jipprevedix tali rekwiżit. Issa, dan ir-rekwiżit inaqqas kunsiderevolment l-effettività tad-dritt previst fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, sa fejn din il-persuna tinsab fir-riskju li tiġi arrestata meta tidher, u li b’hekk tiġi eżegwita l-kundanna tagħha fil-kontumaċja.

16

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta teżamina kawża fl-assenza tal-persuna akkużata f’ċirkustanzi li juru b’mod ċar li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma humiex issodisfatti, hija għandhiex, fil-każ ta’ sentenza ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja, issemmi formalment, fis-sentenza ta’ kundanna, li l-persuna kkundannata għandha dritt għal proċess ġdid, sabiex in-notifika meħtieġa skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva ssir.

17

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika, f’dan ir-rigward, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għal din id-domanda, tqum il-kwistjoni tal-kontenut tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja.

18

Minn naħa, għandu jiġi ddeterminat jekk din il-persuna għandhiex tiġi informata li hija għandha dritt għal proċess ġdid, bil-kundizzjoni li tkun għamlet talba għal dan, u li s-sempliċi evalwazzjoni magħmula mill-qorti li teżamina din it-talba tirrigwarda t-tip ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura jew jekk l-imsemmija persuna għandhiex tiġi informata li hija għandha d-dritt li titlob proċess ġdid u li din il-qorti ser tevalwa l-fondatezza tat-talba tagħha. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk l-istess persuna għandhiex ukoll tiġi informata li hija għandha l-obbligu li tidher personalment quddiem il-qorti adita bit-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, li jkun jippreżupponi li tali obbligu huwa kompatibbli mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C-430/22, id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-[Direttiva 2016/343] għandha tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lil qorti nazzjonali, li tagħti deċiżjoni ta’ kundanna fl-assenza tal-persuna akkużata f’każ li ma huwiex fost dawk previsti fl-Artikolu 8(2), tindika espliċitament id-dritt tal-persuna akkużata għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, dritt li din il-persuna tgawdi taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, sabiex b’hekk din il-persuna tkun informata b’dan id-dritt f’mument ulterjuri, b’mod partikolari meta tiġi arrestata sabiex tiġi eżegwita l-piena tagħha? Din id-domanda qiegħda ssir sa fejn id-dritt nazzjonali ma jipprevedix li l-persuna kkundannata fl-assenza tagħha għandha tiġi informata bid-dritt tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura meta tiġi arrestata sabiex tiġi eżegwita l-piena li għaliha kienet ġiet ikkundannata fl-assenza tagħha. Id-dritt nazzjonali lanqas ma jipprevedi l-intervent ta’ qorti meta jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena.

2)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, u b’mod partikolari l-espressjoni ‘huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9’, għandha tiġi interpretata bħala li tirrikjedi li l-persuna akkużata tiġi informata dwar id-dritt għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura li huwa rrikonoxxut formalment, jew għandha tiġi interpretata bħala li tirrikjedi li l-persuna akkużata tiġi informata dwar id-dritt li titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura filwaqt li l-fondatezza ta’ tali talba tkun is-suġġett ta’ eżami ulterjuri?”

20

Fil-Kawża C‑468/22, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet ukoll li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Dispożizzjoni nazzjonali, bħalma hija l-Artikolu 423(3) tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), li tobbliga lil persuna li tressaq talba għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura kriminali minħabba l-kontumaċja tagħha f’każ li ma huwiex previst fl-Artikolu 8(2) tad-[Direttiva 2016/343] sabiex tidher personalment quddiem il-qorti sabiex din it-talba tiġi eżaminata fuq il-mertu, hija konformi mal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva u mal-prinċipju ta’ effettività?”

Fuq il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

21

Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ġiet xolta u li xi wħud mill-kawżi kriminali mressqa quddiem din il-qorti tal-aħħar, inklużi l-kawżi prinċipali, kienu ġew ittrasferiti lilha minn din id-data.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑430/22

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑430/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jimponix fuq qorti nazzjonali, fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti, li tindika b’mod espliċitu fis-sentenza ta’ kundanna d-dritt għal proċess ġdid, b’tali mod li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja tkun tista’ tiġi informata b’dan id-dritt fi stadju sussegwenti, u, b’mod partikolari, meta din tiġi arrestata għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena tagħha.

23

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali juru b’mod ċar li, peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma humiex issodisfatti, l-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva huwa applikabbli.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest ta’ din tal-aħħar, l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel parti minnha u, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-premessi tal-att tal-Unjoni inkwistjoni, sa fejn huma tali li jiċċaraw l-intenzjoni tal-awtur tal-att u li jikkostitwixxu elementi importanti ta’ interpretazzjoni ta’ dan l-att. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 32).

25

Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, din id-dispożizzjoni tindika li, meta l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li proċess jinżamm fl-assenza tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, iżda ma jkunx possibbli li jiġu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva minħabba li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata ma tkunx tista’ tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li deċiżjoni xorta waħda tkun tista’ tittieħed u tiġi eżegwita.

26

Hekk kif jispeċifika l-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva, f’tali każijiet huwa importanti li kemm id-dritt għal proċess ġdid kif ukoll il-possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni fil-kontumaċja jiġu mgħarrfa lill-persuna kkonċernata fil-mument li fih din tiġi informata b’din id-deċiżjoni.

27

Madankollu, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni Ewropea, din id-dispożizzjoni ma tiddeterminax il-modalitajiet preċiżi li skonthom tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-persuna kkonċernata, iżda tipprevedi sempliċement li din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-persuna kkonċernata meta hija tiġi informata bid-deċiżjoni fil-kontumaċja, b’mod partikolari fil-mument tal-arrest tagħha, peress li l-arrest normalment isegwi l-post fejn tinsab il-persuna mfittxija.

28

Dan huwa kkorroborat mill-premessa 39 tad-Direttiva 2016/343, li tipprovdi li l-imsemmija informazzjoni, li għandha tingħata bil-miktub, tista’ tingħata wkoll oralment, bil-kundizzjoni li jittieħed nota tal-fatt li din l-informazzjoni tkun ingħatat skont il-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista fid-dritt nazzjonali.

29

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2016/343 għandha bħala għan uniku li tistabbilixxi regoli minimi komuni u għalhekk ma twettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċeduri kriminali. Madankollu, il-modalitajiet previsti fid-dritt nazzjonali ma jistgħux jippreġudikaw l-għan ta’ din id-direttiva li jikkonsisti fil-garanzija tan-natura ġusta tal-proċedura u li għalhekk il-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun preżenti fil-proċess tagħha, fis-sens tal-Artikoli 8 jew 9 tal-imsemmija direttiva. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 43).

30

Minn dan isegwi li d-Direttiva 2016/343 ma timponix fuq il-qorti li tagħti d-deċiżjoni fil-kontumaċja kontra l-persuna kkonċernata assenti u mhux lokalizzata l-obbligu li tinkludi f’din id-deċiżjoni l-informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid u l-possibbiltà li tikkontesta din l-istess deċiżjoni. Fil-fatt, l-għażla tal-modalitajiet li skonthom tali informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni kkonċernati titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, sakemm din tinġab għall-attenzjoni tal-persuna kkonċernata fil-mument meta din tiġi informata bid-deċiżjoni inkwistjoni.

31

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑430/22 għandha tkun li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq qorti nazzjonali, fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti, l-obbligu li tindika b’mod espliċitu fis-sentenza ta’ kundanna d-dritt għal proċess ġdid.

Fuq it‑tieni domanda preliminari magħmula fil‑Kawża C‑430/22 u fuq id‑domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑468/22

32

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑430/22, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda f’din il-kawża, u lanqas għad-domanda magħmula fil-Kawża C‑468/22, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, huwa biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda li, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni tal-kontenut tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja, kif huwa previst fil-punt 18 ta’ din is-sentenza.

Fuq l‑ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq qorti nazzjonali, fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti, l-obbligu li tindika b’mod espliċitu fis-sentenza ta’ kundanna d-dritt għal proċess ġdid.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top