EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0427

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Novembru 2023.
Proċeduri kriminali kontra BG.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ekonomika u monetarja – Rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Regolament (UE) Nru 575/2013 – Il-punti 1 u 42 tal-Artikoli 4(1) – Definizzjonijiet – Kunċetti ta’ ‘istituzzjonijiet ta’ kreditu’ u ta’ ‘awtorizzazzjoni’ – Għoti ta’ self mingħajr awtorizzazzjoni.
Kawża C-427/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:877

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ekonomika u monetarja – Rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Regolament (UE) Nru 575/2013 – Il-punti 1 u 42 tal-Artikoli 4(1) – Definizzjonijiet – Kunċetti ta’ ‘istituzzjonijiet ta’ kreditu’ u ta’ ‘awtorizzazzjoni’ – Għoti ta’ self mingħajr awtorizzazzjoni”

Fil-Kawża C‑427/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura kriminali kontra

BG,

fil-preżenza ta’:

Varhovna kasatsionna prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis, D. Triantafyllou u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1 u 42 tal-Artikoli 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2 u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra BG, li nstab ħati li ta self b’interessi lil żewġ persuni fiżiċi mingħajr ma kellu l-awtorizzazzjoni meħtieġa għal dan il-għan.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament (KE) Nru 575/2013

3        Skont kliem il-premessa 5 tar-Regolament Nru 575/2013:

“Flimkien, dan ir-Regolament u d-Direttiva 2013/36/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, bir-rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95),] għandhom jiffurmaw il-qafas ġuridiku li jirregola l-aċċess għall-attività, il-qafas superviżorju u r-regoli prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment (imsejħa flimkien bħala ‘istituzzjonijiet’). Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jinqara flimkien ma' dik id- Direttiva.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi li jikkonċernaw rekwiżiti prudenzjali ġenerali li l-istituzzjonijiet sorveljati skont id-Direttiva 2013/36/UE għandhom jikkonformaw magħhom fir-rigward tal-elementi li ġejjin:

a)      rekwiżiti ta’ fondi proprji li jirrelataw ma’ elementi intierament kwantifikabbli, uniformi u standardizzati ta’ riskju tal-kreditu, riskju tas-suq, riskju operattiv u riskju tas-saldu [ħlas];

b      rekwiżiti li jillimitaw skoperturi [riskji] kbar;

c)      wara li l-att iddelegat imsemmi fl-Artikolu 460 ikun daħal fis-seħħ, rekwiżiti tal-likwidità li jirrelataw ma’ elementi intierament kkwantifikabbli, uniformi u standardizzati ta’ riskju tal-likwidità;

d)      rekwiżiti ta’ rapportar li jirrelataw mal-punti (a), (b) u (c) u mal-lieva finanzjarja;

e)      rekwiżiti ta’ divulgazzjoni pubblika.”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser impriża li n-negozju tagħha jkun li tieħu depożiti jew fondi oħra ripagabbli mingħand il-pubbliku u li tagħti krediti f’isimha stess;

[...]

(3)      ‘istituzzjoni’ tfisser istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta ta’ investiment;

[...]

(26)            ‘istituzzjoni finanzjarja’ tfisser impriża oħra għajr istituzzjoni, li l-attività prinċipali tagħha tkun l-akkwiżizzjoni ta’ holdings jew li ssegwi attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fil-punti 2 sa 12 u l-punt 15, tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE; [...]

[...]

(42)      ‘awtorizzazzjoni’ tfisser strument maħruġ fi kwalunkwe forma mill-awtoritajiet li permezz tiegħu jingħata d-dritt li jitwettaq in-negozju;

[...]”

6        Il-punt 1 tal-Artikolu4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2019, Vol. 314, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 575/2013 kif emendat”) jistipula:

“Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser impriża li n-negozju tagħha jikkonsisti fi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      li tieħu depożiti jew fondi ripagabbli oħra mingħand il-pubbliku u tagħti krediti f’isimha stess;

b)      li twettaq kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (3) u (6) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (riformulazzjoni) (ĠU 2014, L 173, p. 349, bir-rettifiki fil-ĠU 2017, L 64, p. 116 u fil-ĠU 2021, L 410, p. 201)], fejn tapplika waħda minn dawn li ġejjin, iżda l-impriża ma tkunx negozjant tal-komoditajiet u tal-kwoti tal-emissjonijiet, impriża tal-investiment kollettiv jew impriża tal-assigurazzjoni:

(i)      il-valur totali tal-assi konsolidati tal-impriża ikun ugwali għal jew jaqbeż l-EUR 30 biljun;

(ii)      il-valur totali tal-assi tal-impriża jkun anqas minn EUR 30 biljun, u l-impriża tkun parti minn grupp li fih il-valur totali tal-assi konsolidati tal-impriżi kollha f'dak il-grupp li individwalment ikollhom assi totali ta' anqas minn EUR 30 biljun u li jwettqu kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (3) u (6) tat-Taqsima A tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE ikun ugwali għal jew jaqbeż l-EUR 30 biljun; jew

(iii)      il-valur totali tal-assi tal-impriża jkun anqas minn EUR 30 biljun, u l-impriża tkun parti minn grupp li fih il-valur totali tal-assi konsolidati tal-impriżi kollha fil-grupp li jwettqu kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (3) u (6) tat-Taqsima A tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE jkun ugwali għal jew jaqbeż l-EUR 30 biljun, fejn is-superviżur tal-konsolidazzjoni f’konsultazzjoni mal-kollega superviżur jiddeċiedu hekk sabiex jindirizzaw riskji potenzjali ta’ ċirkomvenzjoni u riskji potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni [Ewropea];

għall-finijiet tal-punti (b)(ii) u (b)(iii), meta l-impriża tkun parti minn grupp ta' pajjiż terz, l-assi totali ta' kull fergħa tal-grupp ta' pajjiż terz awtorizzati fl-Unjoni jiġu inklużi fil-valur totali kkombinat tal-assi tal-impriżi kollha fil-grupp”.

7        Skont il-punt 1 tar-Regolament 2019/2033t-titolu tar-Regolament Nru 575/2013 ġie ssostitwit bit-test li ġej:

“Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012”.

 IdDirettiva 2013/36

8        Skont il-premessi 2 u 42 tad-Direttiva 2013/36:

“(2)      Din id-Direttiva għandha tinkludi, fost l-oħrajn, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni għan-negozju, l-akkwist tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti, l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri domiċiljari u ospitanti f'dan ir-rigward u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kapital inizzjali u r-reviżjoni superviżorja tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment. [...] Din id-Direttiva għandha [...] tinqara flimkien mar-Regolament [Nru 575/2013] u għandhom flimkien ma’ dak ir-Regolament jiffurmaw il-qafas ġuridiku li jirregola l-attivitajiet bankarji, il-qafas superviżorju u r-regoli prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment.

[...]

(42)      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni fid-dritt tal-Istati Membri li tikkonċerna penali [sanzjonijiet] kriminali.”

9        L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

(a)      l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment (kollettivament imsejħa ‘istituzzjonijiet’);

[...]”

10      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

[...]

22)      ‘istituzzjoni finanzjarja’ tfisser istituzzjoni finanzjarja kif definita fil-punt (26) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

[...]

(38)      ‘awtorizzazzjoni’ tfisser awtorizzazzjoni kif definita fil-punt (42) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

[...]”

11      Intitolat “Rekwiżiti ġenerali għall-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu”, il-Kapitolu 1 tat-Titolu III tad-Direttiva 2013/36 jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 8 u 9 tagħha.

12      L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Awtorizzazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jiksbu awtorizzazzjoni qabel ma jibdew bl-attivitajiet tagħhom. [...]”

13      L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni kontra persuni jew impriżi li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu milli jwettqu n-negozju ta’ ġbir ta’ depożiti jew fondi rimborżabbli oħrajn mill-pubbliku”, jistipula, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu li persuni jew impriżi li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu jwettqu n-negozju ta’ ġbir ta’ depożiti jew fondi rimborżabbli oħrajn mill-pubbliku.”

14      Id-Direttiva 2013/36 tinkludi Titolu V, intitolat “Dispożizzjonijiet rigward il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi”, li l-Kapitolu 1 tiegħu, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva.

15      Dan l-Artikolu 34, intitolat “Istituzzjonijiet finanzjarji”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-attivitajiet elenkati fl-Anness I jkunu jistgħu jitwettqu fit-territorji tagħhom, skont l-Artikolu 35, l-Artikolu 36(1), (2) u (3), l-Artikolu 39(1) u (2) u l-Artikoli 40 sa 46, jew bl-istabbiliment ta’ fergħa jew bil-forniment ta’ servizzi, minn xi istituzzjoni finanzjarja minn Stat Membru ieħor, sew jekk sussidjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew sussidjarja taħt sjieda konġunta ta’ żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew aktar, li l-Memorandum u l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħhom jippermettu t-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet u li jissodisfaw kull waħda minn dawn il-kondizzjonijiet:

[...]”

16      Il-punti 1 u 2 tal-Anness I tad-Direttiva 2013/36, intitolat “Lista tal-attivitajiet soġġetti għar-rikonoxximent reċiproku”, huma fformulati kif ġej:

“1.      Ġbir ta’ depożiti u fondi oħra li jitħallsu lura.

“2.      Self li jinkludi, fost l-oħrajn: kreditu tal-konsumaturi, ftehimiet ta’ kreditu b’rabta ma’ proprjetà immobbli, fatturaġġ riversibbli u irriversibbli (recourse u non-recourse factoring), il-finanzjament ta’ transazzjonijiet kummerċjali (inkluż il-forfeiting).”

 IdDirettiva 2014/65/UE

17      L-Anness I tad-Direttiva 2014/65 huwa intitolat “Lista ta’ servizzi, attivitajiet u strumenti finanzjarji”. It-Taqsima A ta’ dan l-Anness I, intitolata “Servizzi u attivitajiet ta’ investiment”, tipprevedi, fil-punti 3 u 6 tagħha:

“3.      In-negozjar f’isimhom stess;

[...]

“6.      Is-sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod;”

 Iddritt Bulgaru

 IlKodiċi Kriminali

18      L-Artikolu 252(1) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), jipprevedi:

“Kull min, mingħajr awtorizzazzjoni xierqa, iwettaq, bħala professjoni, tranżazzjonijiet bankarji, ta’ assigurazzjoni jew tranżazzjonijiet finanzjarji oħra, jipprovdi servizzi ta’ ħlas jew joħroġ flus elettroniċi li għalihom tali awtorizzazzjoni hija meħtieġa, huwa suġġett għal piena ta’ priġunerija ta’ bejn tlieta u ħames snin u għall-konfiska ta’ mhux iktar minn nofs il-beni tiegħu.”

 IlLiġi dwar lIstituzzjonijiet ta’ Kreditu

19      L-Artikolu 2(1) taż-Zakon za kreditnite institutsii (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu) (DV Nru 59, tal‑21 ta’ Lulju 2006), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu”), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “bank” (istituzzjoni ta’ kreditu) kif ġej:

“Persuna ġuridika li mingħand il-pubbliku tirċievi depożiti jew fondi oħra rimborsabbli u li tagħti krediti jew finanzjamenti oħra f’isimha stess u għar-riskju tagħha stess.”

20      Il-punt 3 tal-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “istituzzjoni finanzjarja” bħala persuna, minbarra istituzzjoni u kumpannija holding industrijali, li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-għoti ta’ krediti b’fondi li ma joriġinawx minn depożiti jew minn fondi oħra rimborsabbli rċevuti mill-pubbliku.

21      L-Artikolu 3a(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Għall-eżerċizzju tal-attivitajiet imsemmija fil-punti 6, 7 u 12 tal-Artikolu 2(2) u fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 3(1), bħala professjoni, il-persuna għandha tkun irreġistrata f’reġistru pubbliku tal-[Balgarska narodna banka (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) (BNB)] jekk waħda jew iktar minn dawn l-attivitajiet huma essenzjali għaliha. Il-kriterji għad-definizzjoni ta’ attività essenzjali huma stabbiliti permezz ta’ regolament tal-BNB.”

22      Skont l-Artikolu 13(1) tal-istess liġi, awtorizzazzjoni mogħtija mill-BNB hija meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet bankarji.

23      Id-dispożizzjonijiet komplementari tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu jipprevedu, fil-paragrafu (4) tagħhom, li din timplimenta, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/36.

 Ilproċedura filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

24      Matul il-perijodu bejn April 2016 u Settembru 2017, BG, ċittadin Bulgaru li matul dan il-perijodu kien jokkupa l-funzjoni ta’ kunsillier muniċipali, ta lil żewġ persuni fiżiċi self b’interess, fi flus kontanti.

25      Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, BG instab ħati li bħala professjoni wettqet tranżazzjonijiet bankarji mingħajr ma kellu l-awtorizzazzjoni meħtieġa għal dan l-għan mil-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu. Għaldaqstant, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 252(1) tal-Kodiċi Kriminali, huwa ġie kkundannat għal piena ta’ tliet snin priġunerija sospiża għal erba’ snin kif ukoll għall-konfiska ta’ ċerti beni li kienu proprjetà tiegħu.

26      Din is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ April 2021. BG għalhekk ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), li hija, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju.

27      Din il-qorti tosserva li, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), hija tista’, b’mod partikolari, tiddeċiedi li tillibera lill-imputat jekk il-fatti tal-kawża jippermettu li jiġi konkluż li dan ma huwiex l-awtur tal-att li huwa akkużat bih jew jekk dan l-att ma huwiex fl-oriġini ta’ reat, jew tibdel is-sentenza mogħtija fl-appell billi tikklassifika mill-ġdid l-imsemmi att bħala reat ieħor li jġorr piena identika jew inferjuri għal dik li jġorr ir-reat li għalih instab ħati.

28      Issa, sabiex jiġi ddeterminat jekk hija tistax teżerċita waħda jew l-oħra minn dawn is-setgħat, l-imsemmija qorti tindika li għandha tippreċiża, minn qabel, il-portata tad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punt 1 tal-Artikolu 4(1) u (24) tar-Regolament Nru 575/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/36 kif ukoll mal-punti 1 u 2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat s-sinjifikat effettiv tad-diversi elementi kostituttivi tar-reat imsemmi fl-Artikolu 252(1) tal-Kodiċi Kriminali, b’mod partikolari dak tal-kunċett ta’ “tranżazzjoni bankarja” li jinsab fih.

29      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega, l-ewwel nett, li, skont il-prassi tal-qrati u skont id-duttrina Bulgari, is-sinjifikat ta’ dawn l-elementi hija ċċarata, fid-dritt nazzjonali, minn liġijiet li ma jaqgħux taħt id-dritt kriminali, b’mod partikolari mil-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, li jirregolaw l-attivitajiet tal-banek u jiddefinixxu kunċetti bħal dawk ta’ “bank”, ta’ “tranżazzjoni bankarja”, ta’ “attività bankarja” u ta’ “kreditu bankarju”. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-liġi timplimenta, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/36.

30      Fir-rigward tas-sinjifikat tal-kunċett ta’ “attività bankarja”, l-imsemmija liġi tindika li din l-attività tikkonsisti, għal istituzzjoni ta’ kreditu, f’li tirċievi depożiti jew fondi oħra rimborsabbli mill-pubbliku u li tagħti krediti jew finanzjamenti oħra f’isem din l-istituzzjoni u għar-riskju tagħha stess. Għaldaqstant, skont din il-qorti, f’dak li jirrigwarda dan il-kunċett, id-definizzjoni hija konformi ma’ dik li tinsab fil- punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013.

31      It-tieni, l-imsemmija qorti tippreċiża li, skont l-Artikolu 252(1) tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar l‑Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, l-eżerċizzju ta’ kull attività bankarja, b’mod partikolari l-għoti ta’ krediti bankarji, imwettaq mingħajr awtorizzazzjoni permezz ta’ approvazzjoni maħruġa mill-BNB, jikkostitwixxi reat kriminali.

32      It-tielet, l-istess qorti tosserva li, f’diversi mid-deċiżjonijiet reċenti tagħha, ġie ppreċiżat il-kunċett ta’ “tranżazzjoni bankarja”, fis-sens tal-Artikolu 252(1) tal-Kodiċi Kriminali. Għalhekk, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, ġie deċiż li l-fatt li jingħata, bħala professjoni, self b’interess fuq fondi li ma joriġinawx minn depożiti rċevuti mill-pubbliku ma jistax jiġi ddefinit bħala tali tranżazzjoni. Fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għall-imsemmija deċiżjonijiet, l-imputati ġew illiberati minħabba li din id-dispożizzjoni kienet applikabbli biss għall-attivitajiet bankarji li għalihom kienet prevista sistema ta’ awtorizzazzjoni permezz ta’ approvazzjoni.

33      Ir-raba’, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-għoti ta’ krediti minn fondi li ma jirriżultawx mill-attività li tikkonsisti fit-teħid mingħand il-pubbliku ta’ depożiti jew ta’ fondi oħra rimborsabbli hija tranżazzjoni finanzjarja li għaliha l-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu jipprevedi sistema ta’ reġistrazzjoni, u mhux sistema ta’ awtorizzazzjoni. L-eżerċizzju ta’ din l-attività fuq bażi professjonali fl-assenza ta’ tali reġistrazzjoni ma jikkostitwixxix reat kriminali.

34      Madankollu, dik il-qorti tesprimi dubji dwar is-sens eżatt li għandu jingħata lid-definizzjoni ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu”, li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013. Għalhekk, hija tistaqsi jekk l-użu tal-konġunzjoni “u” f’din id-definizzjoni, li torbot l-attività li tikkonsisti fit-teħid mingħand il-pubbliku ta’ depożiti jew ta’ fondi oħra rimborsabbli ma’ dik li tikkonsisti fl-għoti ta’ krediti, ifisser li tali istituzzjoni twettaq self biss minn fondi rċevuti mill-pubbliku u ma tistax twettaq ukoll self minn fondi miksuba minn sorsi oħra, bħal spejjeż miġbura jew interessi. Dawn id-dubji jirriżultaw ukoll kemm mill-projbizzjoni espliċita, stabbilita fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/36, għall-persuni jew għall-impriżi li ma humiex l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jieħdu depożiti jew fondi oħra rimborsabbli mingħand il-pubbliku kif ukoll mill-fatt li l-punti 1 u 2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva jsemmu ż-żewġ attivitajiet ikkonċernati b’mod separat.

35      Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tqis li għandha bżonn ta’ kjarifiki fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-definizzjoni tat-terminu “awtorizzazzjoni”, li tinsab fil-punt 42 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013. Dan it-terminu jindika d-dokument li jagħti d-dritt li tiġi eżerċitata l-attività prevista fil-kuntest ta’ dan ir-regolament u tad-Direttiva 2013/36. B’mod iktar speċifiku, l-istess qorti tistaqsi jekk, billi tagħmel riferiment għal “strument [...] fi kwalunkwe forma [...] li permezz tiegħu jingħata d-dritt li jitwettaq in-negozju”, din id-definizzjoni tkopri kemm l-awtorizzazzjonijiet permezz ta’ approvazzjoni, previsti fid-dritt nazzjonali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll l-awtorizzazzjonijiet miksuba permezz ta’ reġistrazzjoni, li hija s-sistema ta’ awtorizzazzjoni prevista fid-dritt nazzjonali għall-istituzzjonijiet finanzjarji.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-definizzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-[Regolament Nru 575/2013], għandha tiġi interpretata fis-sens li l-għoti ta’ kreditu għandu jitwettaq biss permezz ta’ fondi li joriġinaw minn depożiti jew minn fondi oħra rimborsabbli li l-istituzzjoni ta’ kreditu tirċievi mingħand il-pubbliku, jew istituzzjoni ta’ kreditu tista’ anki tagħti krediti permezz ta’ fondi li joriġinaw minn sorsi oħra?

2)      Kif għandu jiġi interpretat il-kontenut ta’ ‘strument […] fi kwalunkwe forma […] li permezz tiegħu jingħata d-dritt li jitwettaq in-negozju’, fis-sens tal-punt 42 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, u dan l-istrument jinkludi kemm sistema ta’ awtorizzazzjoni permezz ta’ approvazzjoni u kif ukoll sistema ta’ awtorizzazzjoni permezz ta’ reġistrazzjoni għall-attivitajiet ta’ kreditu?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

37      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, dik il-qorti tindika li l-kawża li tressqet quddiemha hija ta’ natura urġenti, peress li l-fatti li bihom kien akkużat BG kienu seħħew fl-2016 u t-tul tal-proċedura fil-kawża prinċipali jirriskja li jippreġudika d-dritt għal smigħ xieraq.

38      Fl‑14 ta’ Lulju 2022, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li din it-talba tiġi milqugħa, minħabba li r-rekwiżit relatata mal-urġenza previst f’dan l-Artikolu 107 ma kienx issodisfatt.

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

39      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 575/2013, li huwa s-suġġett tal-interpretazzjoni mitluba permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha madankollu ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar domanda preliminari li tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjonijiet li fihom, minkejja li l-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt ikunu ġew reżi applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment magħmul minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, id-dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      B’dan il-mod, interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom tkun iġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 33 u tal‑10 ta’ Settembru 2020, Tax-Fin-Lex, C‑367/19, EU:C:2020:685, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan ir-rigward, għandu jerġa’ jitfakkar li l-elementi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ġew reżi applikabbli mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex għandhom jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Banca A (Applikazzjoni tad-Direttiva fusion f’sitwazzjoni interna), C‑827/21, EU:C:2023:355, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), esponiet ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 575/2013 kif ukoll dwar ir-rabta li teżisti bejn dan ir-regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, mill-elementi konkreti li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dik il-qorti hija obbligata tibbaża ruħha fuq id-definizzjonijiet li jinsabu fl-imsemmi regolament sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li dawn id-definizzjonijiet ġew reżi applikabbli, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt Bulgaru, għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li jeżisti għaldaqstant interess ċert tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

46      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda u li jinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu”, ġie emendat bir-Regolament 2019/2033.

47      Qabel din l-emenda, dan il-kunċett kien iddefinit bħala li jfisser “impriża li n-negozju tagħha jkun li tieħu depożiti jew fondi oħra ripagabbli mingħand il-pubbliku u li tagħti krediti f'isimha stess”.

48      Wara l-imsemmija emenda, hija kkunsidrata bħala “istituzzjoni ta’ kreditu” impriża li l-attività tagħha tikkonsisti f’waħda jew iktar mill-attivitajiet imsemmija fil-punt 1(a) u (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 kif emendat.

49      Dawn l-aħħar attivitajiet huma, konformement ma’ dan il-punt 1(a) tal-Artikolu 4(1), “li tieħu depożiti jew fondi ripagabbli oħra mingħand il-pubbliku u tagħti krediti f’isimha stess” u, konformement mal-imsemmi punt 1(b) tal-Artikolu 4(1), “li twettaq kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (3) u (6) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva [2014/65]”, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet.

50      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, hija rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kriminali li abbażi tagħha ngħatat il-kundanna ta’ BG.

51      Min-naħa l-oħra, din il-kundanna tirrigwarda fatti li seħħew bejn ix-xahar ta’ April 2016 u x-xahar ta’ Settembru 2017, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament bir-Regolament 2019/2033.

52      Issa, ma huwiex eskluż li din l-emenda jkollha effett fir-rigward tal-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli (lex mitior). Għalkemm il-proċess li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprovdix indikazzjonijiet dwar il-mod li bih dan il-prinċipju huwa sanċit fid-dritt Bulgaru, xorta jibqa’ l-fatt li, f’kull każ, dan huwa ggarantit fl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tas‑17 ta’ Settembru 2009, Scoppola vs L‑Italja (Nru 2), CE:ECHR:2009:0917JUD001024903, § 109), li għaliha hija parti r-Repubblika tal-Bulgarija.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-emenda tal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 imwettqa bir-Regolament 2019/2033.

54      Fl-aħħar nett, u bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, jidher li BG ma eżerċitat ebda waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punt 1(b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 kif emendat.

55      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1(a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 kif emendat għandux jiġi interpretat fis-sens li impriża taqa’ taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu”, fis-sens tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 4(1), biss meta l-attività tagħha tikkonsisti fl-għoti ta’ krediti permezz ta’ fondi li joriġinaw minn depożiti jew minn fondi oħra rimborsabbli rċevuti mingħand il-pubbliku, bl-esklużjoni ta’ fondi li joriġinaw minn sorsi oħra.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li minnu din tifforma parti kif ukoll l-għanijiet u l-iskop li jfittex li jilħaq l-att li minnu hija tifforma parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tixħet dawl fuq elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast, C-449/21, EU:C:2023:207, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 kif emendat, għandu jiġi osservat li din tinkludi żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, li “tieħu depożiti jew fondi ripagabbli oħra mingħand il-pubbliku” u, min-naħa l-oħra, li “tagħti krediti f’isimha stess”. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ elementi huma marbuta bil-konġunzjoni “u”.

58      Minn dan għandu jiġi dedott li impriża li ma teżerċita ebda attività msemmija f’dan il-punt 1(b) tal-Artikolu 4(1) taqa’ taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu”, fis-sens tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 4(1), biss jekk l-attività tagħha tikkonsisti, b’mod kumulattiv, f’li tieħu depożiti jew fondi rimborsabbli oħra mingħand il-pubbliku u li tagħti krediti f’isimha stess.

59      Barra minn hekk, għalkemm ma huwiex eskluż li krediti jingħataw minn fondi li joriġinaw minn sorsi li la huma depożiti u lanqas ma huma fondi oħra rimborsabbli meħuda mingħand il-pubbliku, bħala regola ġenerali, neċessarjament teżisti rabta bejn it-teħid ta’ depożiti u l-għoti ta’ krediti.

60      Dan huwa kkonfermat mill-għan tal-punt 1(a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 kif emendat, li jikkonsisti fil-provvista ta’ definizzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu”.

61      Fil-fatt, l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni huwa l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE tat‑12 ta’ Diċembru 1977 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 1977, L. 322, p. 30).

62      Issa, mill-oriġini ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu” hija bbażata fuq il-funzjoni eżerċitata b’mod partikolari mill-banek fiċ-ċirkwit monetarju tal-ekonomiji nazzjonali, fejn il-kompitu essenzjali tagħhom jikkonsisti fl-istabbiliment tar-rabta bejn it-tfaddil u l-investiment, jiġifieri fil-ġbir ta’ fondi u fis-self ta’ dawn il-fondi (Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet [ta’ kreditu] u l-eżerċizzju ta’ din l-attività (COM (74)2010 final, p. 6).

63      Minn dan isegwi li impriża li ma tiħux mingħand il-pubbliku depożiti jew fondi oħra rimborsabbli u li għalhekk tillimita ruħha li tagħti krediti minn fondi li joriġinaw minn sorsi oħra, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 kif emendat.

64      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li, wara l-emenda tar-Regolament Nru 575/2013 permezz tar-Regolament 2019/2033, l-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 4(1) issa jagħmel riferiment għal impriża li l-attività tagħha “[t]ikkonsisti fi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin”.

65      Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni astjena ruħu, meta wettaq din l-emenda, milli jissepara, fl-imsemmi punt 1(a) tal-Artikolu 4(1), l-attività li tikkonsisti fit-teħid mingħand il-pubbliku ta’ depożiti jew fondi oħra rimborsabbli mill-attività li tikkonsisti fl-għoti ta’ krediti, u dan jikkonferma li dawn iż-żewġ attivitajiet għandhom jinftiehmu bħala li jifformaw ħaġa waħda. Barra minn hekk, b’differenza minn din id-dispożizzjoni, il-punt 1(b) tal-istess Artikolu 4(1) jirreferi għal “kwalunkwe waħda mill-attivitajiet” imsemmija fil-punti 3 u 6 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65.

66      Barra minn hekk, fir-rigward tad-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/36 u dwar l-Anness I ta’ din id-direttiva, għandu jiġi osservat, minn naħa, li dan l-Artikolu 9(1) jistabbilixxi l-projbizzjoni espliċita, għall-persuni jew għall-impriżi minbarra l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, milli jieħdu depożiti jew fondi oħra rimborsabbli mingħand il-pubbliku, mingħajr ma jsemmi wkoll l-attività li tikkonsisti fl-għoti ta’ krediti, u, min-naħa l-oħra, li l-punti 1 u 2 ta’ dan l-Anness I jidentifikaw separatament it-teħid ta’ depożiti u l-għoti ta’ krediti. Madankollu, dan ma jaffettwax l-interpretazzjoni magħżula tal-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu”, fis-sens tar-Regolament Nru 575/2013.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1(a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 kif emendat għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża taqa’ taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu”, fis-sens tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 4(1) il-pubbliku depożiti jew fondi oħra rimborsabbli u li tagħti krediti f’isimha stess, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dawn id-depożiti jew fondi oħra miġbura mingħand il-pubbliku huma intiżi għall-għoti ta’ krediti, mingħajr ma jiġi eskluż li krediti jingħataw ukoll minn fondi li joriġinaw minn sorsi oħra.

 Fuq ittieni domanda

68      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-punt 42 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi sistema ta’ awtorizzazzjoni permezz ta’ reġistrazzjoni għall-attivitajiet ta’ kreditu.

69      Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat il-kuntest li minnu tifforma parti din id-domanda.

70      Għalhekk, minn naħa, konformement mad-dispożizzjoni kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 252(1) tal-Kodiċi Kriminali, huwa punibbli, b’mod partikolari, “[k]ull min, mingħajr awtorizzazzjoni xierqa, iwettaq, bħala professjoni, tranżazzjonijiet bankarji, ta’ assigurazzjoni jew tranżazzjonijiet finanzjarji oħra,”. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-attivitajiet li għalihom hija prevista sistema ta’ awtorizzazzjoni fil-forma ta’ approvazzjoni.

71      Min-naħa l-oħra, skont dawn l-ispjegazzjonijiet, l-għoti ta’ krediti minn fondi li ma jirriżultawx mill-attività li tikkonsisti fit-teħid mingħand il-pubbliku ta’ depożiti jew ta’ fondi oħra rimborsabbli hija, jekk mhux tranżazzjoni bankarja, minn tal-inqas tranżazzjoni finanzjarja li fir-rigward tagħha d-dritt nazzjonali jipprevedi sistema ta’ reġistrazzjoni, u mhux sistema ta’ awtorizzazzjoni, b’tali mod li l-eżerċizzju, mingħajr reġistrazzjoni, ta’ tali attività fuq bażi professjonali ma jikkostitwixxix reat kriminali.

72      Issa, il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 575/2013, hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 252(1) tal-Kodiċi Kriminali, sa fejn jekk, abbażi ta’ interpretazzjoni wiesgħa, sistema ta’ reġistrazzjoni taqa’ wkoll taħt dawn il-kunċetti, anki t-twettiq, mingħajr reġistrazzjoni, ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji bħalma huma tranżazzjonijiet ordinarji ta’ self għandu jitqies bħala li jaqa’ taħt il-ksur previst f’din id-dispożizzjoni.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni Ewropea, li l-kunċett ta’ “approvazzjoni”, fis-sens tal-punt 42 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, għandu jinftiehem fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, li jinkludi d-Direttiva 2013/36.

74      Din id-direttiva tirregola, fil-kuntest tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tagħha, ir-rekwiżiti ġenerali li jippermettu l-aċċess għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. B’mod partikolari, l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiksbu awtorizzazzjoni qabel ma jibdew bl-attivitajiet tagħhom.

75      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji, li jkopru, konformement mad-definizzjoni li tinsab fil-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, l-impriżi li ma humiex istituzzjonijiet ta’ kreditu u li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti (biss jew fost l-oħrajn) fl-għoti ta’ self, id-Direttiva 2013/36 sempliċement tipprevedi, fil-kuntest tat-Titolu V tagħha, dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

76      Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kisba ta’ awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni finanzjarja, fis-sens tar-Regolament Nru 575/2013, huma rregolati biss fil-livell nazzjonali, b’tali mod li, f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ tali awtorizzazzjonijiet, il-portata tal-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, hija irrilevanti għall-proċedura fil-kawża prinċipali.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq lispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punti 1(a) tal-Artikoli 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas27 ta’ Novembru 2019,

għandu jiġi interpretata fis-sens li:

impriża taqa’ taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu”, fis-sens tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 4(1), biss meta l-attività tagħha tikkonsisti, b’mod kumulattiv, f’li tiġbor mingħand il-pubbliku depożiti jew fondi oħra rimborsabbli u li tagħti krediti f’isimha stess, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dawn id-depożiti jew fondi oħra miġbura mingħand il-pubbliku huma intiżi għall-għoti ta’ krediti, mingħajr ma jiġi eskluż li krediti jingħataw ukoll minn fondi li joriġinaw minn sorsi oħra.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top