This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0420
Judgment of the Court (First Chamber) of 25 April 2024.#NW and PQ v Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság and Miniszterelnöki Kabinetirodát vezető miniszter.#Requests for a preliminary ruling from the Szegedi Törvényszék.#References for a preliminary ruling – Citizenship of the European Union – Article 20 TFEU – Union citizen who has never exercised his or her right of freedom of movement – Residence of a family member of that Union citizen – Threat to national security – Statement by a specialist national authority – Statement of reasons – Access to the file.#Joined Cases C-420/22 and C-528/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ April 2024.
NW u PQ vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság u Miniszterelnöki Kabinetirodát vezető miniszter.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szegedi Törvényszék.
Rinviji għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 TFUE – Ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Residenza ta’ membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni – Preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali – Teħid ta’ pożizzjoni ta’ awtorità nazzjonali speċjalizzata – Motivazzjoni – Aċċess għall-fajl.
Kawżi magħquda C-420/22 u C-528/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ April 2024.
NW u PQ vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság u Miniszterelnöki Kabinetirodát vezető miniszter.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szegedi Törvényszék.
Rinviji għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 TFUE – Ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Residenza ta’ membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni – Preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali – Teħid ta’ pożizzjoni ta’ awtorità nazzjonali speċjalizzata – Motivazzjoni – Aċċess għall-fajl.
Kawżi magħquda C-420/22 u C-528/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:344
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
25 ta’ April 2024 (*)
“Rinviji għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 TFUE – Ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Residenza ta’ membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni – Preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali – Teħid ta’ pożizzjoni ta’ awtorità nazzjonali speċjalizzata – Motivazzjoni – Aċċess għall-fajl”
Fil-Kawżi magħquda C‑420/22 u C‑528/22,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Ġunju u tat‑8 ta’ Awwissu 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fl‑24 ta’ Ġunju u fit‑8 ta’ Awwissu 2022, fil-proċeduri
NW (C‑420/22)
PQ (C‑528/22)
vs
Országos Idegenrendeszeti Főigazgatóság,
Miniszterelnöki Kabinetirodát vezetġ miniszter,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Lulju 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal NW, minn B. Pohárnok, ügyvéd,
– għal PQ, minn A. Németh u B. Pohárnok, ügyvédek,
– għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, A. Daniel u J. Illouz, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Katsimerou, E. Montaguti u A. Tokár, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Novembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, tal-Artikolu 9(3) u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), kif ukoll tal-Artikoli 7 u 24, tal-Artikolu 51(1) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn żewġ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, NW u PQ, u l-Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság (id-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Barranin, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Pulizija tal-Barranin”) u l-Miniszterelnöki Kabinetirodát vezetġ miniszter (il-Ministru responsabbli għall-ġestjoni tal-uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Ungerija), dwar deċiżjonijiet li għandhom l-għan, rispettivament, li jirtiraw il-permess ta’ residenza permanenti ta’ NW u li jordnaw lil dan tal-aħħar jitlaq mit-territorju tal-Ungerija kif ukoll li jiċħdu l-applikazzjoni għal permess ta’ stabbiliment nazzjonali ta’ PQ, rispettivament.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi:
“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.”
4 Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva:
“1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja:
a) riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantni lilu/ha nnifsu/ha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr rikors għas-sistema ta’ l-assietnza soċjali ta' l-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jagħtu kont tal-livell tal-paga minima u l-pensjoniijiet qabel l-applikazzjoni għall-istatus ta’ resident għat-tul;
b) l-assigurazzjoni tal-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini proprji tiegħu/tagħha fl-Istat membru konċernat;
2. L-Istati membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.”
5 L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“Biex jinkiseb status ta’ residenti għat-tul, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat għandu jibgħat applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fih ikun/tkun tirrisjedi. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpnajata b’evidenza dokuemntata li għandha tiġi stabbilita bil-liġi nazzjonali li hu/i jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 5 kif ukoll, jekk meħtieġ, b’dokument validu ta’ l-ivvjaġġar jew kopja tiegħu ċertifikata.
L-evidenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ ukoll tinkludi dokumentazzjoni fir-rigward ta’ l-akkommodazzjoni xierqa.”
6 L-Artikolu 9(3) tal-istess direttiva jippreċiża:
“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li resident għat-tul ma għandux ikollu aktar id-dritt li jżomm l-istatus ta’ resident għat-tul fil-każi fejn hu/i jikkostitwixxi theddida għall-politika pubblika, minħabba s-serjetà tar-reati li hu/i ikun għamel, iżda dik it-theddida mhix raġuni għat-tkeċċija [...]”.
7 L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi:
“Għandhom jingħataw raġunijiet għal kull deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal status ta' residenti għat-tul jew l-irtirar ta' dak l-istatus. Kull deċiżjoni bħal dik għandha tiġi notifikata liċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat skond il-proċeduri ta' notifikazzjoni taħt il-leġislazzjoni relevanti nazzjonali. In-notifikazzjoni għandha tispeċifika l-proċeduri ta’ rimedju disponibbli u żmien li fih hu/i jista' jaġixxi. azzjoni.”
8 L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“L-Istati Membri jistgħu joħorġu permessi ta' residenza b'validità permanenti jew illimitata li ikunu aktar favorevoli minn dawk preskritti f'din id-Direttiva. Dawk il-permessi ta' residenza ma għandhomx jikkonferixxu d-dritt ta' residenza fl-Istati Membri l-oħra kif hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu II ta' din id-Direttiva.”
Id‑dritt Ungeriż
9 L-Artikolu 94(2) sa (5) tax-szabad mozgás és tartózkodás jogával rendelkező személyek beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi I. törvény (il-Liġi Nru I tal‑2007, dwar id-Dħul u r-Residenza tal-Persuni li Jgawdu mil-Libertà ta’ Moviment u ta’ Residenza), tal‑5 ta’ Jannar 2007 (Magyar Közlöny 2007/1.), jispeċifika:
“2. Kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu permess ta’ residenza jew permess ta’ residenza permanenti li jkun inħariġlu, bħala membru tal-familja ta’ ċittadin Ungeriż [...] għandu, fuq talba tiegħu mressqa qabel l-iskadenza tal-permess ta’ residenza jew il-permess ta’ residenza permanenti, jinħariġlu permess ta’ stabbiliment nazzjonali [...] ħlief jekk:
[...]
c) raġuni għal ċaħda kif prevista fl-Artikolu 33(1)(c) u (2) tal-[harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi II. törvény (il-Liġi Nru II tal-2007 dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi), tal‑5 ta’ Jannar 2007 (Magyar Közlöny 2007/1.),] tipprekludi l-istabbiliment tiegħu.
[...]
3. Fir-rigward tal-paragrafu 2(c), il-korpi speċjalizzati tal-Istat innominati għandhom jiġu kkonsultati skont ir-regoli tal-Liġi Nru II tal‑2007 dwar il-ħruġ tal-permessi ta’ stabbiliment, sabiex jiksbu l-opinjoni tagħhom.
4. Meta ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin Ungeriż ikun detentur ta’ permess ta’ residenza validu jew ta’ permess ta’ residenza permanenti validu, dan għandu jiġi rtirat
[...]
b) jekk ir-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tqiegħed fil-perikolu l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali tal-Ungerija.
5. Għal kull kwistjoni speċjali msemmija fil-paragrafu 4(b), il-korpi speċjalizzati tal-Istat innominati għandhom jiġu kkonsultati skont ir-regoli tal-Liġi Nru II tal-2007, dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar il-ħruġ tal-permessi ta’ stabbiliment, sabiex jiksbu l-opinjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni.”
10 L-Artikolu 33(1) u (2) tal-Liġi Nru II tal‑2007, dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jipprevedi:
“1. Ma jistax jirċievi permess ta’ stabbiliment temporanju, permess ta’ stabbiliment nazzjonali jew permess ta’ stabbiliment Komunitarju ċittadin ta’ pajjiż terz:
[...]
c) li kontriha ma teżisti ebda raġuni għal rifjut bħal dik prevista minn din il-liġi.
2. Ma jistax jirċievi permess ta’ stabbiliment temporanju, permess ta’ stabbiliment nazzjonali jew permess ta’ stabbiliment Komunitarju ċittadin ta’ pajjiż terz:
[...]
b) li l-istabbiliment tiegħu jipperikola s-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali tal-Ungerija.”
11 L-Artikolu 87(4) ta’ din il-liġi jipprevedi:
“L-opinjoni tal-korp speċjalizzat tal-Istat hija, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni speċjali, vinkolanti għall-awtorità tal-pulizija tal-barranin adita.”
12 L-Artikolu 11 tal-a minősített adat védelméről szóló 2009. évi CLV. törvény (il-Liġi Nru CLV tal-2009, dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Kklassifikata), tad‑29 ta’ Diċembru 2009 (Magyar Közlöny 2009/194.), jipprevedi:
“1. Il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li ssir taf bid-data personali tagħha li għandha n-natura ta’ informazzjoni kklassifikata nazzjonali abbażi ta’ awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni maħruġa mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni u mingħajr ma jkollu ċertifikat ta’ sigurtà personali. Il-persuna kkonċernata hija obbligata li tagħmel, qabel ma tieħu konjizzjoni tal-informazzjoni kklassifikata nazzjonali, dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità bil-miktub u tosserva r-regoli ta’ protezzjoni tal-imsemmija informazzjoni.
2. Id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni għall-konsultazzjoni għandha tittieħed mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni fuq talba tal-persuna kkonċernata u f’terminu ta’ ħmistax-il jum. L-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni għandha tiġi miċħuda mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni jekk l-għarfien tal-informazzjoni jwassal għal preġudizzju għall-interess pubbliku li ġġustifika l-klassifikazzjoni. Iċ-ċaħda li tingħata l-awtorizzazzjoni għall-konsultazzjoni għandha tkun immotivata mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni.
3. Fil-każ ta’ ċaħda li tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni, il-persuna kkonċernata tista’ tikkontesta d-deċiżjoni permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja amministrattiva. [...]”
13 L-Artikolu 12(1) ta’ din il-liġi jippreċiża:
“Is-servizz li jipproċessa l-informazzjoni kklassifikata jista’ jirrifjuta li l-persuna kkonċernata teżerċita d-dritt ta’ aċċess għad-data personali tagħha jekk l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jikkomprometti l-interess pubbliku li ġġustifika l-klassifikazzjoni.”
Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
Il-Kawża C‑420/22
14 NW, ċittadin ta’ pajjiż terz, iżżewweġ, fis-sena 2004, lil ċittadina Ungeriża. Wild ta’ nazzjonalità Ungeriża twieled minn din l-unjoni matul is-sena 2005. NW irabbi l-wild tiegħu ma’ martu.
15 Wara li NW irrisjeda legalment fl-Ungerija għal iktar minn ħames snin, l-awtoritajiet Ungeriżi ħarġulu permess ta’ residenza permanenti validu sal‑31 ta’ Ottubru 2022, fid-dawl tas-sitwazzjoni familjari tiegħu.
16 Permezz ta’ opinjoni mhux motivata tat‑12 ta’ Jannar 2021, l-Alkotmányvédelmi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni, l-Ungerija). qies li r-residenza ta’ NW fl-Ungerija kienet tippreġudika l-interessi ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Dan il-korp speċjalizzat ikklassifika d-data li fuqha huwa bbaża ruħu sabiex jagħti din l-opinjoni bħala informazzjoni klassifikata. L-imsemmija opinjoni ġiet ikkonfermata, fit‑13 ta’ April 2021, mill-Ministru tal-Intern, bħala korp speċjalizzat tat-tieni grad.
17 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Jannar 2021, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin tal-ewwel grad irtirat il-permess ta’ residenza permanenti ta’ NW u ordnatlu jitlaq mit-territorju tal-Ungerija, minħabba li r-residenza tiegħu f’dan it-territorju kienet tqiegħed fil-perikolu s-sigurtà nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru.
18 Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata, fl‑10 ta’ Mejju 2021, mid-Direttorat tal-Pulizija tal-Barranin, minħabba li l-Ministru tal-Intern kien ikkonstata li r-residenza ta’ NW fit-territorju Ungeriż kienet tippreġudika l-interessi tal-Ungerija fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Fid-deċiżjoni tiegħu, id-Direttorat tal-Pulizija tal-Barranin enfasizza li, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, ma setax iwarrab l-opinjoni mogħtija mill-Ministru għall-Intern u li għalhekk huwa kien obbligat jirtira l-permess ta’ residenza permanenti ta’ NW, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tiegħu.
19 NW ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tad-Direttorat tal-Pulizija tal-Barranin tal‑10 ta’ Mejju 2021 quddiem is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju.
20 Din il-qorti tirrileva li din id-deċiżjoni hija bbażata biss fuq l-opinjonijiet vinkolanti u mhux motivati maħruġa mill-korpi speċjalizzati tal-Istat, jiġifieri l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni u l-Ministru għall-Intern, opinjoni li hija bbażata fuq informazzjoni kklassifikata li għaliha la NW u lanqas l-awtoritajiet li jiddeċiedu dwar ir-residenza ma kellhom aċċess. Dawn l-aħħar awtoritajiet għalhekk ma eżaminawx in-neċessità u l-proporzjonalità tal-imsemmija deċiżjoni.
21 L-imsemmija qorti tenfasizza li mill-ġurisprudenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata huma ggarantiti mis-setgħa li għandha l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni dwar ir-residenza, li tikkonsulta l-informazzjoni kklassifikata li fuqha hija bbażata l-opinjoni tal-korpi speċjalizzati. Tali qorti għandha b’hekk tivverifika, meta tiġi mistiedna tagħmel dan mir-rikorrent, jekk il-fatti u d-data li fuqhom hija bbażata l-opinjoni kkonċernata jiġġustifikawx din id-deċiżjoni, mingħajr madankollu ma tista’ tinkludi fis-sentenza tagħha l-informazzjoni kklassifikata li hija saret taf biha.
22 Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, la l-persuna kkonċernata u lanqas ir-rappreżentant tagħha ma għandhom possibbiltà konkreta li jesprimu ruħhom dwar l-opinjoni mhux motivata ta’ dawn il-korpi. Għalkemm, ċertament, huma għandhom id-dritt li jressqu talba għal aċċess għall-informazzjoni kklassifikata li tikkonċerna din il-persuna, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-protezzjoni tal-interess pubbliku li ġġustifikat l-klassifikazzjoni tal-informazzjoni tipprevali, bħala prinċipju, fuq l-interess privat tal-persuna kkonċernata, peress li l-eżistenza ta’ raġuni ta’ klassifikazzjoni hija, essenzjalment, raġuni suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda talba għal awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni tal-persuna kkonċernata.
23 Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li tali talba tintlaqa’, la l-persuna kkonċernata u lanqas ir-rappreżentant tagħha ma jistgħu jużaw fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji l-informazzjoni kklassifikata li jkunu ngħataw aċċess għaliha, peress li l-awtorizzazzjoni għall-abbozzar ta’ kitba li jkun fiha s-sustanza ta’ din l-informazzjoni hija fil-prattika rrifjutata lilhom. Il-qorti adita b’rikors li jirrigwarda deċiżjoni dwar ir-residenza ma għandha, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, l-ebda setgħa f’dan ir-rigward.
24 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 10(1) tad-[Direttiva 2003/109] għandu, flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] - u, jekk ikun il-każ, mal-Artikoli 7 u 24 tiegħu -, jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-awtorità nazzjonali li tkun, għal raġunijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, mal-ordni pubbliku u/jew mas-sigurtà pubblika, adottat deċiżjoni ta’ rtirar ta’ permess ta’ residenza fit-tul mogħti qabel lil ċittadin ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, il-korpi speċjalizzati tal-Istat li jiddeċiedu dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni għandhom, meta l-awtorità responsabbli tindika li l-iżvelar ta’ data u ta’ informazzjoni jagħmel ħsara lis-sigurtà nazzjonali, jiżguraw li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat igawdi fil-każijiet kollha, bħar-rappreżentant tiegħu, id-dritt ta’ aċċess għall-inqas għall-punti sostanzjali tad-data u tal-informazzjoni kunfidenzjali jew ikklassifikata li huma l-bażi tad-deċiżjoni meħuda għar-raġunijiet indikati, kif ukoll id-dritt li jintużaw dawn l-elementi fil-qafas tal-proċedura li twassal [għal din id-]deċiżjoni?
2) Fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’tifsira preċiża għandha tingħata lill-kunċett ta’ ‘sustanza’ tar-raġunijiet kunfidenzjali li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni, filwaqt li jitqiesu l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta?
3) L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/109 għandu, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tistħarreġ il-legalità ta’ opinjoni ta’ korp speċjalizzat tal-Istat imsejsa fuq data kunfidenzjali jew ikklassifikata u tad-deċiżjoni sostantiva fil-qasam ta’ kontroll tal-barranin imsejsa fuq din l-opinjoni għandu jkollha l-ġurisdizzjoni meħtieġa sabiex tivverifika l-legalità (neċessità u proporzjonalità) tal-klassifikazzjoni, u sabiex tadotta deċiżjoni rispettiva li, fil-każ fejn il-klassifikazzjoni hija illegali, tippermetti li l-persuna kkonċernata u r-rappreżentant tagħha jsiru jafu u jużaw d-data kollha li fuqha hija bbażata l-opinjoni jew id-deċiżjoni tal-awtoritajiet amministrattivi u, fil-każ fejn il-klassifikazzjoni hija legali, tagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-barranin li tirrigwardaha, li ssir taf u li tuża minn tal-inqas il-punti sostanzjali tad-data kunfidenzjali?
4) L-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/109, flimkien mal-Artikoli 7, 24, l-Artikolu 51(1) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li ġiet adottata deċiżjoni ta’ immigrazzjoni li tirtira permess ta’ residenza għal żmien twil mogħti qabel fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni mhux motivata
a) li hija msejsa esklużivament fuq riferiment awtomatiku għal opinjoni, vinkolanti u li ma tippermetti ebda deroga, maħruġa minn korpi speċjalizzati tal-Istat u li tikkonstata perikolu jew preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali, għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku, u li lanqas ma hija, min-naħa tagħha, immotivata, u
b) li twettqet mingħajr eżami rigoruż tal-eżistenza, fil-każ individwali, ta’ raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ ordni pubbliku, u mingħajr ma ttieħdu
rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità?”
25 Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Awwissu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, il-qorti tar-rinviju kkompletat it-talba għal deċiżjoni preliminari.
26 Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, f’din it-talba, hija bbażat ruħha fuq il-premessa li NW kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109. Madankollu, peress li bejn NW u l-wild minuri tiegħu teżisti relazzjoni ta’ dipendenza, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li din il-premessa hija żbaljata, ikun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk NW għandux jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE.
27 Minħabba f’hekk, il-qorti tar-rinviju żiedet mad-domandi li diġà saru lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“a) tagħha deċiżjoni ta’ rtirar ta’ permess ta’ residenza, mogħti preċedentement lil ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni (wild minuri, konjuġi) residenti fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, tiġi adottata mingħajr ma jkun ġie eżaminat minn qabel jekk il-membru tal-familja kkonċernat, ċittadin ta’ pajjiż terz, għandux dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE?
b) L-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24, mal-Artikolu 51(1) kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk ikun hemm dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi applikat ipso iure mill-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll mill-qrati tal-Istat Membru meta tiġi adottata deċiżjoni tal-pulizija tal-barranin li tirtira l-permess ta’ residenza permanenti, li l-eċċezzjonijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, mal-ordni pubbliku u mas-sigurtà pubblika jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġġustifikawha, u li, jekk jista’ jiġi stabbilit li tapplika tali eċċezzjoni, l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità jitwettaq sabiex tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni tad-dritt ta’ residenza?
c) Fil-każ li r-rikorrent jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi wkoll għad-domandi 1 sa 4 tad-deċiżjoni tar-rinviju […] fid-dawl ta’ dan l-artikolu.”
Il-Kawża C‑528/22
28 PQ, ċittadin ta’ pajjiż terz, daħal legalment fl-Ungerija fix-xahar ta’ Ġunju 2005 bħala plejer tal-futbol professjonali u ilu jirrisjedi, minn dak iż-żmien, legalment f’dan l-Istat Membru. Huwa ilu jgħix mis-sena 2011 mas-sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Ungeriża. Żewġ ulied ta’ nazzjonalità Ungeriża twieldu minn din l-unjoni matul is-snin 2012 u 2021.
29 PQ għandu, flimkien mas-sieħba tiegħu, l-awtorità tal-ġenituri fuq it-tfal tagħhom. Huwa jgħix b’mod permanenti ma’ dawn tal-aħħar u jiżgura l-kustodja effettiva tagħhom fil-parti l-kbira tal-ħin. Uliedu għandhom rabta affettiva mill-qrib u relazzjoni ta’ dipendenza ma’ PQ, li ilu jieħu ħsiebhom sa mit-twelid tagħhom.
30 Permezz ta’ opinjoni mhux motivata tad-9 ta’ Settembru 2020, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni qies li r-residenza ta’ PQ fl-Ungerija kienet tippreġudika l-interessi ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Dan il-korp speċjalizzat ikklassifika d-data li fuqha huwa bbaża ruħu sabiex jagħti din l-opinjoni bħala informazzjoni klassifikata. L-imsemmija opinjoni ġiet ikkonfermata, fit‑12 ta’ Frar 2021, mill-Ministru tal-Intern, bħala korp speċjalizzat tat-tieni grad.
31 Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2020, l-Awtorità tal-Pulizija tal-Barranin tal-ewwel grad ċaħdet applikazzjoni għal permess ta’ stabbiliment nazzjonali mressqa minn PQ.
32 Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata, fil‑25 ta’ Marzu 2021, mid-Direttorat tal-Pulizija tal-Barranin, minħabba li l-Ministru tal-Intern kien ikkonstata li r-residenza ta’ PQ fit-territorju Ungeriż kienet tippreġudika l-interessi tal-Ungerija fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Fid-deċiżjoni tiegħu, id-Direttorat tal-Pulizija tal-Barranin enfasizza li, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, ma setax iwarrab l-opinjoni mogħtija mill-Ministru għall-Intern u li għalhekk kien obbligat jirtira t-talba ta’ PQ, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tiegħu.
33 PQ ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tad-Direttorat tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni tal‑25 ta’ Marzu 2021 quddiem is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged), li hija l-qorti tar-rinviju.
34 Din il-qorti tiżviluppa kunsiderazzjonijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 20 sa 23 ta’ din is-sentenza.
35 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. a) L-Artikolu 20 [TFUE], moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prattika ta’ Stat Membru li skontha deċiżjoni ta’ rtirar ta’ permess ta’ residenza mogħti preċedentement lil ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni (tfal minuri, persuna f’koabitazzjoni barra mir-rabta taż-żwieġ) li jirrisjedu fl-Istat Membru li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità jew deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal estensjoni tad-dritt ta’ residenza (f’dan il-każ, applikazzjoni għal permess ta’ residenza nazzjonali) tiġi adottata mingħajr ma jiġi eżaminat minn qabel jekk il-membru tal-familja kkonċernat, ċittadin ta’ pajjiż terz, jibbenefikax minn dritt ta’ residenza derivat skont l-Artikolu 20 TFUE?
b) L-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 24, 51(1) u 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk jeżisti dritt ta’ residenza derivat abbażi tal-Artikolu 20 TFUE, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi applikat ipso jure mill-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll mill-qrati tal-Istat Membru meta jadottaw deċiżjoni ta’ kontroll tal-barranin li tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal estensjoni tad-dritt ta’ residenza (f’dan il-każ, applikazzjoni għal permess ta’ residenza nazzjonali), u meta jieħdu inkunsiderazzjoni l-eċċezzjonijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, mal-ordni pubbliku u mas-sigurtà pubblika biex jiġġustifikawha, u meta, jekk jista’ jiġi stabbilit li tali eċċezzjoni tapplika, jwettqu l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità sabiex jiġġustifikaw r-restrizzjoni tad-dritt ta’ residenza?
2) L-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta – u, jekk ikun il-każ, mal-Artikoli 7 u 24 tagħha – għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-awtorità nazzjonali li, għal raġunijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku u/jew is-sigurtà pubblika, adottat deċiżjoni li tirtira permess ta’ residenza ta’ residenti fit-tul mogħti preċedentement jew li tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal estensjoni tad-dritt ta’ residenza u, min-naħa l-oħra, il-korpi speċjalizzati tal-Istat li jiddeċiedu dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, għandhom, meta l-awtorità responsabbli tindika li l-iżvelar ta’ data u ta’ informazzjoni tkun ta’ ħsara għas-sigurtà nazzjonali, jiżguraw li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, l-istess bħar-rappreżentant tiegħu, ikollu fil-każijiet kollha d-dritt ta’ aċċess għall-elementi minn tal-inqas sostanzjali tad-data u tal-informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata li fuqha hija msejsa d-deċiżjoni adottata għar-raġunijiet indikati, kif ukoll id-dritt li jużaw dawn l-elementi fil-kuntest tal-proċedura li twassal għad-deċiżjoni?
3) Fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’tifsira preċiża għandha tingħata lill-kunċett ta’ ‘sustanza’ tar-raġunijiet kunfidenzjali li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni, filwaqt li jitqiesu l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta?
4) L-Artikolu 20 TFUE, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal- Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tistħarreġ il-legalità ta’ opinjoni ta’ korp speċjalizzat tal-Istat imsejsa fuq data kunfidenzjali jew ikklassifikata u tad-deċiżjoni sostantiva fil-qasam ta’ kontroll tal-barranin imsejsa fuq din l-opinjoni għandu jkollha l-ġurisdizzjoni meħtieġa sabiex tivverifika l-legalità (neċessità u proporzjonalità) tal-klassifikazzjoni, u sabiex tadotta deċiżjoni rispettiva li, fil-każ fejn il-klassifikazzjoni hija illegali, tippermetti li l-persuna kkonċernata u r-rappreżentant tagħha jsiru jafu u jużaw d-data kollha li fuqha hija bbażata l-opinjoni jew id-deċiżjoni tal-awtoritajiet amministrattivi u, fil-każ fejn il-klassifikazzjoni hija legali, tagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-barranin li tirrigwardaha, li ssir taf u li tuża minn tal-inqas il-punti sostanzjali tad-data kunfidenzjali?
5) L-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 24, 51(1) u 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat membru li skontha deċiżjoni ta’ kontroll tal-barranin li tirtira permess ta’ residenza ta’ residenti fit-tul mogħti preċedentement jew li tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal estensjoni tad-dritt ta’ residenza ġiet adottata abbażi ta’ evalwazzjoni mhux motivata
a) li hija msejsa esklużivament fuq riferiment awtomatiku għal opinjoni, vinkolanti u li ma tippermetti ebda deroga, maħruġa minn korpi speċjalizzati tal-Istat u li tikkonstata perikolu jew preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali, għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku, u li lanqas ma hija, min-naħa tagħha, immotivata, u
b) li twettqet mingħajr eżami rigoruż tal-eżistenza, fil-każ individwali, ta’ raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ ordni pubbliku, u mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali u lanqas ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità?”
36 Minħabba r-rabta bejn il-Kawżi C‑508/18 u C‑82/22 PPU, għandhom jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
37 Il-Gvern Ungeriż, mingħajr ma jqiegħed formalment fid-dubju l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, isostni li d-Direttiva 2003/109 ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali fil-Kawża C‑420/22 u li l-Artikolu 20 TFUE ma huwa applikabbli għal ebda waħda mill-kawżi prinċipali, li jimplika li l-Karta lanqas ma hija applikabbli għal dawn il-kawżi.
38 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/109 għat-tilwima fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑420/22, dan il-gvern isostni li NW kien jibbenefika minn permess ta’ residenza abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma għandhiex l-għan li tittrasponi din id-direttiva u li tipprevedi l-għoti ta’ tali permess mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-imsemmija direttiva.
39 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ċertament ibbażat ruħha, fid-deċiżjoni tar-rinviju kkonċernata, fuq il-premessa li l-istess direttiva hija applikabbli għal din it-tilwima. Madankollu, fid-digriet tat‑8 ta’ Awwissu 2022 imsemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li din il-premessa tista’ tkun żbaljata u stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tqis li dan huwa l-każ, sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula abbażi tal-Artikolu 20 TFUE.
40 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/109 tindika b’mod ċar li l-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul mogħti skont din id-direttiva hija suġġetta għal proċedura partikolari u, barra minn hekk, għall-obbligu li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Tahir (C‑469/13, EU:C:2014:2094, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 B’hekk, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ resident għal żmien twil liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament matul l-aħħar ħames snin fit-territorju tagħhom. Il-kisba ta’ dan l-istatus madankollu ma hijiex awtomatika. Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għandu, għal dan l-għan, iressaq applikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jirrisjedi, u din l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’dokumenti ta’ sostenn li jipprovaw li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmija direttiva (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Landeshauptmann von Wien (Telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil) (C‑432/20, EU:C:2022:39, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Għaldaqstant, ir-rekwiżiti dwar l-irtirar tal-istatus ta’ resident għat-tul stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2003/109 huma applikabbli għal deċiżjoni li tirtira permess ta’ residenza permanenti biss sa fejn dan l-istatus ikun inkiseb miċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz abbażi ta’ din id-direttiva.
43 Għaldaqstant, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ingħata permess ta’ residenza permanenti jew ta’ tul ta’ validità illimitat b’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti fl-imsemmija direttiva, kif jippermetti l-Artikolu 13 ta’ din tal-aħħar, l-irtirar ta’ dan il-permess ta’ residenza ma huwiex irregolat mid-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva.
44 F’dan il-każ, mir-risposta mogħtija mill-qorti tar-rinviju għal talba għal kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-permess ta’ residenza permanenti li miegħu hija marbuta t-tilwima fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑420/22 ingħata lil NW mhux abbażi tal-leġiżlazzjoni Ungeriża li tittrasponi d-Direttiva 2003/109, iżda fuq dik ta’ leġiżlazzjoni Ungeriża oħra, u, min-naħa l-oħra, li NW ma talabx il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza bbażat fuq din l-ewwel leġiżlazzjoni.
45 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-irtirar tal-permess ta’ residenza li jikkostitwixxi s-suġġett tat-tilwima prinċipali fil-Kawża C‑420/22 ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109.
46 Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-affermazzjoni ta’ NW waqt is-seduta li huwa ppreżenta, fit‑22 ta’ Ġunju 2023, applikazzjoni għal permess ta’ residenza bbażata fuq din id-direttiva, applikazzjoni li dwarha l-awtorità kompetenti għadha ma ddeċidietx.
47 Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑420/22 hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda d-Direttiva 2003/109.
48 F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-applikabbiltà tal-Artikolu 20 TFUE għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, il-Gvern Ungeriż isostni, qabelxejn, li, fil-Kawża C‑420/22, il-qorti tar-rinviju marret lil hinn mis-setgħa tagħha billi qajmet ex officio argument ibbażat fuq ksur ta’ dan l-artikolu. Huwa jsostni, sussegwentement, li, fil-Kawża C‑528/22, ma teżistix rabta ta’ dipendenza bejn PQ u l-membri Ungeriżi tal-familja tiegħu, filwaqt li l-applikabbiltà tal-imsemmi artikolu hija suġġetta għall-eżistenza ta’ tali rabta. Fl-aħħar nett, fiż-żewġ kawżi, dan il-gvern isostni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE għandha tiġi eskluża peress li, minn naħa, huma inkwistjoni deċiżjonijiet li ma jinvolvux l-obbligu ta’ tluq mit-territorju Ungeriż u, min-naħa l-oħra, li la NW u lanqas PQ ma invokaw dan l-artikolu quddiem l-awtoritajiet Ungeriżi kompetenti.
49 F’dan ir-rigward, qabel kollox, peress li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika li d-deċiżjoni tar-rinviju ttieħdet konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarja. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-fatt li l-qorti tar-rinviju marret lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlazzjoni Ungeriża billi qajmet ex officio argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 TFUE, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑420/22 sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu.
50 Sussegwentement, l-affermazzjoni li ma teżistix rabta ta’ dipendenza bejn PQ u l-membri Ungeriżi tal-familja tiegħu tikkontradixxi direttament il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minnhom.
51 Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
52 Fl-aħħar nett, l-argumenti l-oħra invokati mill-Gvern Ungeriż huma marbuta b’mod inseparabbli mar-risposti li għandhom jingħataw għad-domanda supplimentari fil-Kawża C‑420/22 kif ukoll għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑528/22.
53 Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kemm-il darba d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 Fid-dawl ta’ din il-preżunzjoni ta’ rilevanza, għandu jiġi kkunsidrat li, meta, bħal fil-każ ineżami, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-valiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li l-oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domanda magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
56 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari u dawn tal-aħħar huma ammissibbli sa fejn jirrigwardaw l-Artikolu 20 TFUE.
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel parti tad-domanda supplimentari fil-Kawża C‑420/22 u fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑528/22
57 Permezz tal-ewwel parti tad-domanda supplimentari fil-Kawża C‑420/22 u permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑528/22, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jirtiraw jew jirrifjutaw li joħorġu permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, peress li ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, mingħajr ma eżaminaw, minn qabel, jekk bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni teżistix relazzjoni ta’ dipendenza li ġġiegħel, de facto, lill-imsemmija ċittadini tal-Unjoni jitilqu mit-territorju tal-Unjoni, meħud kollu kemm hu, sabiex jakkumpanjaw lil dan il-membru tal-familja tagħhom.
58 Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M. D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
59 Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Fil-fatt, kwalunkwe drittijiet mogħtija lil tali ċittadini ma humiex drittijiet proprji ta’ dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati minn dawk li minnhom igawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni. L-għan u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE), C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jkunx applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, dan iċ-ċittadin jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija b’dan l-istatus (sentenzi tas‑27 ta’ April 2023, M. D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 58, u tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tajlandiża ta’ wild minuri Olandiż), C‑459/20, EU:C:2023:499, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
61 Madankollu, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jippreġudika l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, membru tal-familja ta’ dan tal-aħħar, relazzjoni ta’ dipendenza li twassal sabiex dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja lill-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz u li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat kollu kemm hu (sentenzi tas‑27 ta’ April 2023, M. D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 59, u tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tajlandiża ta’ wild minuri Olandiż), C‑459/20, EU:C:2023:499, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
62 Id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, huwa ġġustifikat għar-raġuni li tali residenza hija neċessarja sabiex dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jgawdi, b’mod effettiv, is-sostanza tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus sakemm tibqa’ teżisti r-relazzjoni ta’ dipendenza mal-imsemmi ċittadin (sentenza tat‑‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tajlandiża ta’ wild minuri Olandiż), C‑459/20, EU:C:2023:499, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
63 Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa fid-dawl tal-intensità tar-relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tal-ewwel wieħed, li għandu jiġi evalwat r-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, peress li tali evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE), C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
64 F’dan il-kuntest, għandu, fl-ewwel lok, jiġi enfasizzat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fis-sitwazzjonijiet partikolari ħafna msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 20 TFUE ma jipprekludix sempliċement it-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, iżda jimponi li jingħatalu dritt ta’ residenza.
65 Minn dan isegwi li dan l-artikolu jista’ jiġi invokat mhux biss kontra deċiżjonijiet li jimponu fuq ċittadin ta’ pajjiż terz obbligu li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iżda wkoll, kontra deċiżjonijiet li jirtiraw jew li jirrifjutaw li joħorġu permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 78; tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 65, kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tajlandiża ta’ wild minuri Olandiż), C‑459/20, EU:C:2023:499, punt 22).
66 Madankollu, peress li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jitlob l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat, skont l-Artikolu 20 TFUE, biss jekk, fin-nuqqas ta’ tali dritt ta’ residenza, kemm dan tal-aħħar kif ukoll iċ-ċittadin tal-Unjoni membru tal-familja tiegħu jkunu kostretti, minħabba r-relazzjoni ta’ dipendenza eżistenti bejniethom, jitilqu mit-territorju tal-Unjoni, l-għoti ta’ dan id-dritt ta’ residenza għandu jiġi previst biss meta ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imposti sabiex jinkiseb, abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra, u b’mod partikolari ta’ dawk tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni huwa ċittadin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
67 Għaldaqstant, għalkemm il-fatt li kawża tirrigwarda deċiżjoni li ma għandhiex direttament bħala effett li timponi fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni obbligu li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, dan l-artikolu ma jistax madankollu jiġi validament invokat meta dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jingħata dritt ta’ residenza b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni oħra applikabbli f’dan l-Istat Membru.
68 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-investigazzjoni li għandha titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja li huma ċertament l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt ta’ residenza dderivat li għandu, fis-sitwazzjonijiet partikolari ħafna msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, jiġi rrikonoxxut lil ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx madankollu jikkompromettu l-effett utli ta’ dan l-artikolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni) (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
69 Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’dan ir-rigward, li l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx l-obbligu li jeżaminaw sistematikament u fuq inizjattiva tagħhom stess l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE, peress li l-persuna kkonċernata għandha tipproduċi l-provi li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni) (C-836/18, C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
70 Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 20 TFUE, huma l-awtoritajiet nazzjonali msejħa sabiex jiddeċiedu dwar id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandhom jevalwaw, b’mod partikolari abbażi tal-elementi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jipprovdulu liberament u billi jwettqu, jekk ikun hemm bżonn, ir-riċerki neċessarji, jekk teżistix, bejn dawn iż-żewġ persuni, relazzjoni ta’ dipendenza bħal dik deskritta fil-punt 60 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea), C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 53, u tas‑27 ta’ April 2023, M. D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 65).
71 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, meta jipprevedu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jirtiraw jew jirrifjutaw li joħorġu permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li tiegħu huma jafu r-rabtiet familjari ma’ ċittadin tal-Unjoni, jiżguraw ruħhom, jekk ikun il-każ billi jiġbru l-informazzjoni neċessarja għal dan l-għan, li d-deċiżjoni li huma ser jadottaw ma għandhiex l-effett li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jiġi obbligat, de facto, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu.
72 Għal dan l-għan, dawn l-awtoritajiet għandhom, b’mod partikolari, jivverifikaw l-eżistenza eventwali, bejn il-persuni kkonċernati, ta’ relazzjoni ta’ dipendenza kif deskritta fil-puntt 60 ta’ din is-sentenza.
73 Fid-dawl tal-prinċipju mfakkar fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, meta l-imsemmija awtoritajiet ikollhom informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet familjari bejn iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz u ċittadin tal-Unjoni, il-fatt li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza bbażata espliċitament fuq l-Artikolu 20 TFUE u li ma jkunx invoka speċifikament dan l-artikolu quddiem l-istess awtoritajiet ma huwiex ta’ natura li jeżentahom milli jwettqu tali verifika.
74 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda supplimentari fil-Kawża C‑420/22 u għall-ewwel parti tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑528/22 għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jirtiraw jew jirrifjutaw li joħorġu permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, peress li ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, mingħajr ma eżaminaw, minn qabel, jekk bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni teżistix relazzjoni ta’ dipendenza li ġġiegħel, de facto, lill-imsemmija ċittadini tal-Unjoni jitilqu mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat kollu kemm hu, sabiex jakkumpanjaw lil dan il-membru tal-familja tagħhom, meta, minn naħa, l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jingħata dritt ta’ residenza b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni oħra applikabbli fl-imsemmi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, dawn l-awtoritajiet ikollhom informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet familjari bejn l-istess ċittadin ta’ pajjiż terz u l-istess ċittadini tal-Unjoni.
Fuq it‑tieni parti tad‑domanda supplimentari u fuq ir‑raba’ domanda fil-Kawża C‑420/22 kif ukoll fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda u fuq il-ħames domanda fil-Kawża C‑528/22
75 Permezz tat-tieni parti tad-domanda supplimentari u permezz tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑420/22 kif ukoll tat-tieni parti tal-ewwel domanda u permezz tal-ħames domanda fil-Kawża C‑528/22, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li jirtiraw jew li jirrifjutaw li joħorġu permess ta’ residenza, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-artikolu, abbażi biss ta’ opinjoni vinkolanti mhux motivata adottata minn korp inkarigat minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, mingħajr eżami rigoruż taċ-ċirkustanzi individwali kollha u tal-proporzjonalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut.
76 Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, mid-dritt ta’ residenza dderivat, li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE, għall-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmi fil-punt 60 ta’ din is-sentenza sabiex tiġi ggarantita ż-żamma tal-ordni pubbliku jew il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika. Dan jista’ jkun il-każ meta dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżenta theddida reali, attwali u serja biżżejjed għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika jew nazzjonali (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
77 Madankollu, rifjut ta’ dritt ta’ residenza bbażat fuq dan il-motiv jista’ jirriżulta biss minn evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom u, jekk ikun il-każ, l-interessi superjuri tal-wild minuri taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
78 Għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jiddeterminax liema awtorità għandha twettaq din l-evalwazzjoni, li tagħmel parti integrali mill-eżami li għandu jitwettaq skont l-Artikolu 20 TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-artikolu tista’ tiġi adottata biss wara tali evalwazzjoni.
79 Fit-tieni lok, peress li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix regoli li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-modalitajiet konkreti tal-eżami li għandu jitwettaq skont l-Artikolu 20 TFUE, dawn jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li huma ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li huma ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
80 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jiżguraw l-osservanza kemm tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punti 35 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
81 Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha minn awtorità amministrattiva jew minn qari tad-deċiżjoni stess, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li tersaq quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).951, punt 15, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53).
82 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, b’mod partikolari minn dawk relatati mar-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20TFUE kif ukoll mal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar din l-applikazzjoni, jirriżulta li awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tar-residenza ma tistax validament tillimita ruħha li timplementa deċiżjoni mhux motivata adottata minn awtorità nazzjonali oħra, li ma tkunx ikkonformat ruħha ma’ dan ir-rekwiżit, u tieħu, fuq din il-bażi biss, id-deċiżjoni li tirtira jew li tirrifjuta li toħroġ, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-artikolu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 79).
83 Din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma teskludi li parti mill-informazzjoni użata mill-awtorità kompetenti sabiex twettaq l-evalwazzjoni msemmija fil-punt 77 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi pprovduta minn korpi inkarigati minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tal-awtorità determinant. (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 82).
84 Bl-istess mod, l-imsemmija konstatazzjoni ma tipprojbixxix lil Stat Membru milli jagħti korp inkarigat minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali mis-setgħa li joħroġ opinjoni li timponi, b’mod vinkolanti, l-irtirar jew ir-rifjut ta’ ħruġ ta’ tali permess ta’ residenza, sakemm dan il-korp jikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ motivazzjoni u jkun jista’ jadotta tali opinjoni biss wara li jkun debitament ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha msemmija fil-punt 77 ta’ din is-sentenza.
85 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda addizzjonali u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑420/22 kif ukoll għat-tieni parti tal-ewwel domanda u għall-ħames domanda fil-Kawża C‑528/22 għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li jirtiraw jew li jirrifjutaw li joħorġu permess ta’ residenza, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-artikolu, abbażi biss ta’ opinjoni vinkolanti mhux motivata adottata minn korp inkarigat minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, mingħajr eżami rigoruż taċ-ċirkustanzi individwali kollha u tal-proporzjonalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut.
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda fil‑Kawża C‑143/22 kif ukoll it‑tieni u t‑tielet domanda fil-Kawża C‑213/22
86 Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑420/22 kif ukoll tat-tieni u tat-tielet domanda fil-Kawża C‑528/22, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 47 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 20 TFUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza, adottata fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-Artikolu 20, hija bbażata fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew ir-rappreżentant tiegħu jistgħu jaċċedu għal din l-informazzjoni biss wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni għal dan l-għan, ma jiġux ikkomunikati lilu lanqas is-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jużaw, għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni li seta’ jkollhom aċċess għaliha.
87 Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn id-dritt tal-Unjoni ma jinkludix regola speċifika li tiddefinixxi l-modalitajiet ta’ aċċess għall-fajl relatat ma’ proċedura li tirrigwarda d-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, il-modalitajiet konkreti tal-proċeduri stabbiliti għal dan l-għan jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru, fil-limiti li jirriżultaw mill-prinċipji u mid-dritt imfakkra fil-punti 79 u 80 ta’ din is-sentenza.
88 Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata għandu jiġi ggarantit kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll kwalunkwe proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
89 F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-proċedura amministrattiva, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tiegħu għandu jitqiegħed f’pożizzjoni, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri meta jieħdu miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu fir-rigward tal-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
90 Dan ir-rekwiżit għandu b’mod partikolari l-għan, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, li jippermetti lill-awtorità kompetenti li tikkonforma ruħha mal-obbligu ta’ din l-awtorità mfakkar fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, tipproċedi b’għarfien sħiħ tal-każ għall-evalwazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, fatt li jeħtieġ li d-destinatarju tad-deċiżjoni jkun jista’ jikkoreġi żball jew isostni tali elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tiegħu li jimmilitaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha kontenut partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
91 Peress li l-imsemmi rekwiżit jippreżumi neċessarjament li dan id-destinatarju jiġi offrut, jekk ikun il-każ permezz ta’ konsulent, possibbiltà konkreta li jsir jaf bl-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu bħala korollarju d-dritt ta’ aċċess għall-elementi kollha tal-fajl matul il-proċedura amministrattiva. (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
92 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-proċedura ġudizzjarju, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jimplika li r-rikorrent jista’ jaċċedi mhux biss għar-raġunijiet tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tiegħu, iżda wkoll għall-elementi kollha tal-fajl li fuqhom ibbażat ruħha l-amministrazzjoni, sabiex ikun jista’ effettivament jieħu pożizzjoni fuq dawn l-elementi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
93 Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, imsemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta, jimplika li l-partijiet f’kawża għandu jkollhom id-dritt li jsiru jafu bid-dokumenti jew l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiddiskutuhom, u dan jippreżupponi li l-persuna kkonċernata minn deċiżjoni dwar ir-residenza li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tkun tista’ tieħu konjizzjoni tal-elementi tal-fajl tagħha li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
94 Madankollu, għandu jitfakkar li d-drittijiet tad-difiża ma humiex assoluti u li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl li huwa l-korollarju tiegħu jista’ għalhekk jiġi limitat abbażi ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, l-interessi invokati sabiex tiġi ġġustifikata l-assenza ta’ żvelar ta’ element tal-fajl lil din il-persuna, b’mod partikolari meta dawn l-interessi jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
95 Madankollu, dan l-ibbilanċjar ma jistax iwassal, fid-dawl tal-osservanza neċessarja tal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex iċaħħad minn kull effettività d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u sabiex ineħħi mill-kontenut tiegħu d-dritt għal azzjoni legali li għandu jkollha persuna li tista’ tibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 47 TFUE, b’mod partikolari billi ma tikkomunikax lilha, jew jekk ikun il-każ lill-konsulent tagħha, tal-inqas, is-sustanza tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
96 L-imsemmi bbilianċjar jista’, min-naħa l-oħra, iwassal sabiex ċerti elementi tal-proċess ma jiġux ikkomunikati lill-persuna kkonċernata, meta l-iżvelar ta’ dawn l-elementi jista’ jikkomprometti b’mod dirett u partikolari s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn dan jista’ b’mod partikolari jipperikola l-ħajja, is-saħħa jew il-libertà tal-persuni jew jiżvela l-metodi ta’ investigazzjoni speċifikament użati minn korpi inkarigati minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali u b’hekk jostakola serjament, jew anki jipprekludi, it-twettiq futur tal-kompiti ta’ dawn il-korpi (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
97 Għaldaqstant, għalkemm l-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari meta s-sigurtà nazzjonali teżiġi dan, li ma jagħtux lill-persuna kkonċernata aċċess dirett għall-fajl kollu tagħha, dan id-dritt ma jistax, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ effettività, il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u d-dritt għal rimedju effettiv, jqiegħdu lil din il-persuna f’sitwazzjoni fejn la hija u lanqas ir-rappreżentant tagħha ma jkunu f’pożizzjoni li jsiru jafu b’mod utli, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ proċedura speċifika ddedikata għaż-żamma tas-sigurtà nazzjonali, is-sustanza tal-elementi determinanti inklużi f’dan il-fajl (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 53).
98 F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, meta l-iżvelar ta’ informazzjoni inkluża fil-fajl ikun ġie llimitat għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata ma huwiex żgurat b’mod suffiċjenti mill-possibbiltà li din il-persuna tikseb, taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal din l-informazzjoni flimkien ma’ projbizzjoni kompleta tal-użu tal-informazzjoni hekk miksuba għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva jew tal-eventwali proċedura ġudizzjarja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 54).
99 Min-naħa l-oħra, peress li mid-deċiżjonijiet tar-rinviji jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata huma ggarantiti suffiċjentement permezz tal-possibbiltà tal-qorti kompetenti li taċċedi għall-fajl, għandu jiġi enfasizzat li tali fakultà ma tistax tissostitwixxi l-aċċess għall-informazzjoni inkluża f’dan il-fajl mill-persuna kkonċernata jew mir-rappreżentant tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
100 Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedura ġudizzjarja jimplika li l-persuna kkonċernata, jekk ikun il-każ permezz ta’ konsulent, tista’ ssostni l-interessi tagħha billi tesprimi l-perspettiva tagħha dwar dawn l-elementi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 58).
101 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑420/22 kif ukoll għat-tieni u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑528/22 għandha tkun li l-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 47 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 20 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza, adottata fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-Artikolu 20, hija bbażata fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew ir-rappreżentant tiegħu jistgħu jaċċedu għal din l-informazzjoni biss wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni għal dan l-għan, ma jiġux ikkomunikati lilhom lanqas is-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jużaw, għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni li seta’ jkollhom aċċess għaliha.
Fuq is‑sitt domanda fil‑Kawża C‑382/11 u fuq ir‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑383/22
102 Permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑420/22 u permezz tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑528/22, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 20 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi li qorti, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni dwar ir-residenza skont dan l-Artikolu 20, ibbażata fuq informazzjoni kklassifikata, għandha l-ġurisdizzjoni li tivverifika l-legalità tal-klassifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni kif ukoll li tawtorizza l-aċċess tal-persuna kkonċernata għall-imsemmija informazzjoni kollha, fil-każ li hija tqis li din il-klassifikazzjoni hija illegali, jew għas-sustanza tal-istess informazzjoni, fil-każ li hija tqis li l-imsemmija klassifikazzjoni hija legali.
103 Għandu jiġi kkonstatat li r-regoli dwar il-klassifikazzjoni u d-deklassifikazzjoni tal-informazzjoni skont leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma humiex is-suġġett ta’ regoli armonizzati minn att tal-Unjoni.
104 Bl-istess mod, id-dritt tal-Unjoni ma jinkludix dispożizzjonijiet li jiddefinixxu preċiżament is-setgħat li għandu jkollha l-qorti nazzjonali kompetenti sabiex teżamina rikors ippreżentat kontra deċiżjoni dwar id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE.
105 Xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 79 u 80 ta’ din is-sentenza, dawn is-setgħat għandhom jiġu ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’osservanza b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta.
106 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju li deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u fuq dokumenti li l-partijiet infushom, jew wieħed mill-partijiet, ma setgħux jieħdu inkunsiderazzjoni u li, għaldaqstant, qatt ma setgħu jadottaw pożizzjoni dwarhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 56).
107 Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu, sabiex jevitaw, għal raġunijiet relatati mas-sigurtà tal-Istat, f’każijiet eċċezzjonali, il-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tal-motivi preċiżi u kompleti li fuqhom hija bbażata deċiżjoni dwar residenza, jipprevedu tekniki u regoli tad-dritt proċedurali li jippermettu li jiġu kkonċiljati, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet leġittimi tas-sigurtà tal-Istat fir-rigward tan-natura u tas-sorsi tal-informazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi ggarantit b’mod suffiċjenti lill-individwu r-rispett tad-drittijiet proċedurali tiegħu, bħad-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 57).
108 Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta sistema li fiha l-qorti kompetenti tista’ tieħu konjizzjoni kemm tal-motivi kollha kif ukoll tal-provi relatati li fuqhom ittieħdet id-deċiżjoni inkwistjoni, iżda wkoll tivverifika jekk ir-raġunijiet marbuta mas-sigurtà tal-Istat invokati mill-awtorità nazzjonali jipprekludux effettivament jew le l-komunikazzjoni kompleta ta’ dawn il-motivi u ta’ dawn il-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 57).
109 Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien suffiċjenti, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta, li l-qorti kompetenti tkun tista’, fil-każ li hija tqis li l-imsemmija raġunijiet ma humiex validi, tagħti l-possibbiltà lill-awtorità nazzjonali li tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-motivi u l-provi neqsin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 63).
110 F’tali każ, jekk l-awtorità nazzjonali tiddeċiedi li ma tipproċedix bil-komunikazzjoni tal-motivi u tal-provi kollha relatati magħha, il-qorti kompetenti għandha, sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 47 tal-Karta, teżamina l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni abbażi biss tal-motivi u tal-provi li jkunu ġew ikkomunikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 63).
111 Għall-kuntrarju, fil-każ fejn il-qorti kompetenti tiddeċiedi li r-raġunijiet invokati mill-awtorità nazzjonali jipprekludu l-komunikazzjoni kompleta ta’ dawn il-motivi u ta’ dawn il-provi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti kompetenti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-motivi u dawn il-provi billi tibbilanċja b’mod xieraq ir-rekwiżiti rilevanti u rrilevat li, meta din il-qorti jkollha l-intenzjoni li tagħmel dan, hija għandha tiżgura li s-sustanza tal-motivi li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata b’mod li tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punti 64 sa 68).
112 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, meta dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni jinkiser, l-imsemmija qorti hija obbligata li tislet, skont id-dritt nazzjonali, il-konsegwenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 68).
113 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li l-komunikazzjoni tal-motivi kollha jew ta’ parti minnhom u tal-provi għandha, jekk ikun il-każ, tiġi kkunsidrata mill-qorti kompetenti indipendentement minn kwalunkwe klassifikazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri jistgħu jirriżervaw lill-awtoritajiet inkwistjoni s-setgħa li jikkomunikaw jew le dawn il-motivi jew dawn il-provi, sakemm il-qorti kompetenti jkollha s-setgħa li tislet il-konsegwenzi tad-deċiżjoni finalment adottata f’dan ir-rigward minn dawn l-awtoritajiet.
114 Fil-każijiet kollha, tali soluzzjoni tkun ta’ natura, meta l-awtorità nazzjonali tostakola b’mod inġustifikat il-komunikazzjoni tal-elementi kollha jew ta’ parti minnhom li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni inkwistjoni, li tiżgura l-osservanza sħiħa tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn din tiggarantixxi li n-nuqqas ta’ osservanza, minn din l-awtorità, tal-obbligi proċedurali tagħha ma jwassalx sabiex id-deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u dokumenti li l-applikant ma setax jieħu konjizzjoni tagħhom u li dwarhom huwa għalhekk ma kienx f’pożizzjoni li jieħu pożizzjoni.
115 Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 130 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jitqies li dan l-artikolu jimplika li l-qorti kompetenti sabiex tistħarreġ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE għandha neċessarjament ikollha s-setgħa li tiddeklassifika ċerta informazzjoni u li tikkomunika hija stess din l-informazzjoni lill-applikant, peress li tali deklassifikazzjoni u tali komunikazzjoni ma humiex indispensabbli sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva waqt l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.
116 Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C‑420/22 u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑528/22 għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 20 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li qorti, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni dwar ir-residenza skont dan l-Artikolu 20, ibbażata fuq informazzjoni kklassifikata, għandha l-ġurisdizzjoni li tivverifika l-legalità tal-klassifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni kif ukoll li tawtorizza l-aċċess tal-persuna kkonċernata għall-imsemmija informazzjoni kollha, fil-każ li hija tqis li din il-klassifikazzjoni hija illegali, jew għas-sustanza tal-istess informazzjoni, fil-każ li hija tqis li l-imsemmija klassifikazzjoni hija legali. Min-naħa l-oħra, din il-qorti għandha, sabiex tiżgura d-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna, tislet, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li ma tikkomunikax il-motivi kollha jew parti minnhom ta’ din id-deċiżjoni u tal-provi relatati.
Fuq l‑ispejjeż
117 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-Kawżi C‑420/22 u C‑528/22 huma magħqudin għall-finijiet tas-sentenza.
2) L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jirtiraw jew jirrifjutaw li joħorġu permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, peress li ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, mingħajr ma eżaminaw, minn qabel, jekk bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni teżistix relazzjoni ta’ dipendenza li ġġiegħel, de facto, lill-imsemmija ċittadini tal-Unjoni jitilqu mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat kollu kemm hu, sabiex jakkumpanjaw lil dan il-membru tal-familja tagħhom, meta, minn naħa, l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jingħata dritt ta’ residenza b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni oħra applikabbli fl-imsemmi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, dawn l-awtoritajiet ikollhom informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet familjari bejn l-istess ċittadin ta’ pajjiż terz u l-istess ċittadini tal-Unjoni.
3) L-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li jirtiraw jew li jirrifjutaw li joħorġu permess ta’ residenza, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-artikolu, abbażi biss ta’ opinjoni vinkolanti mhux motivata adottata minn korp inkarigat minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, mingħajr eżami rigoruż taċ-ċirkustanzi individwali kollha u tal-proporzjonalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut.
4) Il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mal-Artikolu 20 FUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza, adottata fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont dan l-Artikolu 20, hija bbażata fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew ir-rappreżentant tiegħu jistgħu jaċċedu għal din l-informazzjoni biss wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni għal dan l-għan, ma jiġux ikkomunikati lilhom lanqas is-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jużaw, għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni li seta’ jkollhom aċċess għaliha.
5) L-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 20 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li qorti, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni dwar ir-residenza skont dan l-Artikolu 20, ibbażata fuq informazzjoni kklassifikata, għandha l-ġurisdizzjoni li tivverifika l-legalità tal-klassifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni kif ukoll li tawtorizza l-aċċess tal-persuna kkonċernata għall-imsemmija informazzjoni kollha, fil-każ li hija tqis li din il-klassifikazzjoni hija illegali, jew għas-sustanza tal-istess informazzjoni, fil-każ li hija tqis li l-imsemmija klassifikazzjoni hija legali. Min-naħa l-oħra, din il-qorti għandha, sabiex tiżgura d-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna, tislet, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li ma tikkomunikax il-motivi kollha jew parti minnhom ta’ din id-deċiżjoni u tal-provi relatati.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.