Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0406

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-4 ta’ Ottubru 2024.
CV vs Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Krajský soud v Brně.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Artikolu 31 u 37 – Kunċett ta’ ‘pajjiż ta’ oriġini sigur’ – Indikazzjoni – Anness I – Kriterji – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Eżami, mill-qorti, tal-indikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur.
Kawża C-406/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:841

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Ottubru 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Artikolu 31 u 37 – Kunċett ta’ ‘pajjiż ta’ oriġini sigur’ – Indikazzjoni – Anness I – Kriterji – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Eżami, mill-qorti, tal-indikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur”

Fil-Kawża C‑406/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

CV

vs

Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan (Relatur), T. von Danwitz, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, I. Jarukaitis, A. Kumin, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: C. Di Bella, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, A. Hanje u P. P. Huurnink, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 36 u 37, tal-Artikolu 46(3), kif ukoll tal-Anness I tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CV u l-Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky (il-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika Ċeka, Dipartiment tal-Politika dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Intern”), dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati

3        Skont il-punt 2 tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 u li ġiet issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”) “[g]ħall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, it-terminu ‘refuġjat’ għandu japplika għal kull persuna li, [...] minħabba f’biża’ bir-raġun li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika partikolari, tkun tinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx trid titlob il-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; [...]”

 Il-KEDB

4        Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tipprevedi, fl-Artikolu 15 tagħha, intitolat “Deroga f’każ ta’ stat ta’ urġenza”:

“1.      Fi żmien ta’ gwerra jew ta’ xi emerġenza oħra pubblika li thedded il-ħajja tan-nazzjon, kull Parti Għolja Kontraenti tista’ tieħu miżuri li li jnaqqsu l-obbligi tagħha skond il-Konvenzjoni safejn ikun rigorożament meħtieġ mill-esiġenzi tas-sitwazzjoni, basta li dawk il-miżuri ma jkunux inkonsistenti ma’ l-obbligi l-oħra tagħha skond il-liġi internazzjonali.

2.      Ma għandha ssir bis-saħħa ta’ din id-disposizzjoni ebda deroga mill-Artikolu 2 ħlief dwar imwiet li jirriżultaw minn atti leġittimi ta’ gwerra, jew mill-Artikoli 3, 4 (paragrafu 1) u 7.

3.      Kull Parti Għolja Kontraenti li tagħmel użu minn dan id-dritt ta’ deroga għandha tinforma b’kollox lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-miżuri li tkun ħadet u r raġunijiet tagħhom. Għandha wkoll tinforma lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa meta dawk il-miżuri jkunu spiċċaw joperaw u d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni jkunu qegħdin jerġgħu jiġu eżegwiti kompletament.”

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2005/85/KE

5        Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 2005, L 326, p. 13), ġiet imħassra bid-Direttiva 2013/32. L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2005/85, intitolat “Indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi kunsidrati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29, l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jintroduċu leġislazzjoni li tippermetti, konformement ma’ l-Anness II, l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi diversi minn dawk li jidhru fil-lista komuni minima, bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-iskop ta’ l-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-ażil. Dan jista’ jinkludi l-indikazzjoni ta’ parti minn pajjiż bħala bla periklu fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness II ikunu sodisfatti fir-rigward ta’ dik il-parti.”

6        L-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva tal-aħħar, intitolat “Il-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Pajjiż terz indikat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu konformement ma’ l-Artikolu 29 jew ma’ l-Artikolu 30 jista’, wara eżami individwali ta’ l-applikazzjoni, ikun kunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu għal applikant partikolari għall-ażil biss jekk:

(a)      l-applikant ikollu/ikollha ċ-ċittadinanza ta’ dak il-pajjiż; jew

(b)      l-applikant ikun persuna apolida u kien, preċedentement, abitwalment residenti f’dak il-pajjiż;

u ma ppreżenta l-ebda raġuni serja sabiex il-pajjiż ma jiġix kunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu fis-sens tal-kwalifikazzjoni tiegħu bħala rifuġjat skond id-Direttiva [tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96)].”

7        L-Anness II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Indikazzjoni ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet ta’ l-Artikoli 29 u 30(1)”, jiddefinixxi l-kriterji li jippermettu li pajjiż terz jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur.

 Id-Direttiva 2011/95/UE

8        Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), tipprovdi, fl-Artikolu 9 tagħha, intitolat “Atti ta’ persekuzzjoni”:

“1.      Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, att għandu:

(a)      ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħu li jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-[KEDB]; jew

(b)      ikunu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu f’manjiera simili kif imsemmi f’punt (a).

2.      Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

(a)      atti ta’ vjolenza fiżiċi jew mentali, inkluż atti ta’ vjolenza sesswali;

(b)      miżuri legali, amministrattivi, miżuri mill-pulizija u/jew miżuri ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja;

(c)      prosekuzzjoni jew kastig li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju;

(d)      ċaħda ta’ rimedju ġudizjarju li tirriżulta f’kastig sproporzjonat jew diskriminatorju;

(e)      prosekuzzjoni jew kastig għar-rifjut li wieħed iwettaq servizz militari f’konflitt, fejn it-twettiq ta’ servizz militari jkun jinkludi delitti jew atti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ esklużjonijiet kif dikjarat fl-Artikolu 12(2);

(f)      atti ta’ natura speċifika għas-sess jew għat-tfal.

3.      Bi qbil ma punt (d) tal-Artikolu 2, irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1 ta dan l-Artikolu jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra atti bħal dawn.”

 Id-Direttiva 2013/32

9        Il-premessi 18 u 20 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdu:

“(18)      Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[...]

(20)      F’ċirkostanzi definiti b’mod ċar fejn applikazzjoni x’aktarx li hi bla bażi jew fejn hemm tħassib serju dwar is-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jgħaġġlu l-proċedura ta’ eżami, b’mod partikolari billi jiġu introdotti limiti ta’ żmien iqsar, iżda raġonevoli, għal ċerti passi proċedurali, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u sħiħ u l-aċċess effettiv tal-applikant għal prinċipji bażiċi u garanziji previsti f’din id-Direttiva.”

10      L-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jipprevedi, fil-paragrafu 8 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li proċedura ta’ eżami konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tiġi mgħaġġla u/jew titmexxa fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu taħt l-Artikolu 43 jekk:

[...]

(b)      l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva jew

[...]”

11      L-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjonijiet bla bażi”, jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni bħala bla bażi biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].

2.      F’każijiet ta’ applikazzjonijiet bla bażi li fihom tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi elenkati fl-Artikolu 31(6) l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw applikazzjoni bħala manifestament bla bażi jekk tkun definita hekk fil-liġi nazzjonali.”

12      L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu”, jipprovdi:

“1.      Pajjiż terz indikat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu konformement ma’ din id-Direttiva jista’, wara eżami individwali tal-applikazzjoni, ikun ikkunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu għal applikant partikolari biss jekk:

(a)      l-applikant ikollu/ikollha ċ-ċittadinanza ta’ dak il-pajjiż; jew

(b)      l-applikant ikun/tkun persuna apolida u kien/kienet, preċedentement, abitwalment residenti f’dak il-pajjiż;

u ma ppreżenta/ppreżentat l-ebda raġuni serja sabiex il-pajjiż ma jiġix ikkunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu/tagħha fis-sens tal-kwalifika tiegħu/tagħha bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali regoli u modalitajiet ulterjuri għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu.”

13      L-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, intitolat “Indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi kkunsidrati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jintroduċu leġislazzjoni li tippermetti, konformement mal-Anness I, l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tal-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

2.      L-Istati Membri għandhom jirrivedu regolarment is-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi indikati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu taħt dan l-Artikolu.

3.      Il-valutazzjoni ta’ pajjiż sabiex jiġi determinat jekk huwiex pajjiż ta’ oriġini bla periklu konformement ma’ dan l-Artikolu għandha tkun ibbażata fuq firxa ta’ sorsi ta’ informazzjoni, inkluż b’mod partikolari informazzjoni mill-Istati Membri, mill-[Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO)], mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR)], mill-Kunsill tal-Ewropa u minn organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti oħra.

4.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni [Ewropea] bil-pajjiżi li jiġu indikati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu konformement ma’ dan l-Artikolu.”

14      L-Artikolu 43 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċeduri fuq il-fruntiera”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri, konformement mal-prinċipji u mal-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru dwar:

[...]

(b)      is-sustanza ta’ applikazzjoni fi proċedura taħt l-Artikolu 31(8).”z

15      L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

(i)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

[...]

(iii)      meħuda fuq il-fruntiera jew fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Stat Membru kif deskritt fl-Artikolu 43(1);

[...]

3.      Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

[...]

5.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti li jibqgħu fit-territorju tagħhom sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv jew, meta tali dritt ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju.

6.      Fil-każ li tittieħed deċiżjoni:

(a)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala manifestament bla bażi taħt l-Artikolu 32(2) jew bla bażi wara eżami f’konformità mal-Artikolu 31(8), ħlief każijiet fejn dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 31(8)(h);

[...]

qorti jew tribunal għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi jekk l-applikant jistax jibqa’ jew le fit-territorju tal-Istat Membru, jew fuq talba tal-applikant jew billi jiddeċiedi ex officio, jekk tali deċiżjoni tirriżulta fit-terminazzjoni tad-dritt tal-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru u fejn, f’każijiet bħal dawn, id-dritt ta’ rimanenza fl-Istat Membru sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju ma tkunx prevista fil-liġi nazzjonali.

[...]”

16      L-Artikolu 53 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tħassir”, jipprovdi:

“Id-Direttiva [2005/85] tiġi mħassra għal dawk l-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva bis-seħħ mill‑21 ta’ Lulju 2015, [...]

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.”

17      Skont l-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Indikazzjoni ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tal-Artikolu 37(1)”:

“Pajjiż ikun kunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu fejn, abbażi tas-sitwazzjoni legali, l-applikazzjoni tal-liġi fi ħdan sistema demokratika u ċ-ċirkostanzi politiċi ġenerali, ikun jista’ jiġi muri li ġeneralment u konsistentement ma hemmx persekuzzjoni kif definita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva [2011/95], ebda tortura jew trattament jew punizzjoni inumani jew degradanti, u ebda theddida minn vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.

Meta ssir din il-valutazzjoni, għandu jittieħed kont inter alia tal-entità tal-protezzjoni pprovduta kontra l-persekuzzjoni jew it-trattament ħażin permezz ta’ dawn li ġejjin:

(a)      il-liġijiet u r-regolamenti relevanti tal-pajjiż u l-mod li bih huma applikati;

(b)      l-osservanza tad-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u/jew il-Ftehim Internazzjonali għad-Drittijiet Ċivili u Politiċi u/jew il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura, b’mod partikolari d-drittijiet li minnhom ma tistax issir deroga taħt l-Artikolu 15(2) tal-[KEDB];

(c)      ir-rispett għall-prinċipju ta’ non-refoulement b’konformita’ mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra;

(d)      id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għal sistema ta’ rimedji effettivi kontra l-ksur ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet.”

 Ir‑Regolament (UE) 2024/1348

18      L-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348), intitolat “Il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sikur”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

Id-deżinjazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sikur kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali tista’ ssir b’eċċezzjonijiet għal partijiet speċifiċi tat-territorju tiegħu jew kategoriji ta’ persuni identifikabbli b’mod ċar.”

19      L-Artikolu 78 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tħassir”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-Direttiva [2013/32] hija mħassra b’effett mid-data msemmija fl-Artikolu 79(2), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 79(3).”

20      L-Artikolu 79 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dħul fi-seħħ u applikabbiltà”, jipprevedi, fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu:

“2.      Dan ir-Regolament għandu japplika mit‑12 ta’ Ġunju 2026.

3.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ applikazzjonijiet ippreżentati mit‑12 ta’ Ġunju 2026. L-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel dik id-data għandhom jiġu rregolati mid-Direttiva [2013/32]. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proċedura għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali fejn l-eżami għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali jkun beda mit‑12 ta’ Ġunju 2026. Fejn l-eżami għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali jkun beda qabel it‑12 ta’ Ġunju 2026, il-proċedura għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandha tiġi rregolata mid-Direttiva [2013/32].”

 Iddritt Ċek

 IlLiġi dwar lAżil

21      L-Artikolu 2(1)(b) u (k) taż-zákon č. 325/1999 Sb., o azylu (il-Liġi Nru 325/1999, dwar l-Ażil, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar l-Ażil”), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan l-att, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet

[...]

(b)      applikant għal protezzjoni internazzjonali, il-barrani li ppreżenta fir-Repubblika Ċeka applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li għadha ma tatx lok għal deċiżjoni definittiva. Barrani jkollu wkoll l-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali sakemm jiddekorri t-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 32 u matul il-proċedura ġudizzjarja relatata mal-azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Ministeru skont iż-[zákon č 150/2002 Sb., soudní řád správní (il-Liġi Nru 150/2002 – Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva”)] jekk l-imsemmi rikors ikollu effett sospensiv, jew sakemm il-Qorti Reġjonali tagħti deċiżjoni li ma tirrikonoxxix l-effett sospensiv, jekk il-barrani jkun talab li jibbenefika minnu. [...]

[...]

(k)      pajjiż ta’ oriġini sigur, l-Istat li l-barrani huwa ċittadin tiegħu, jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr Stat, l-Istat tal-aħħar residenza permanenti tagħha,

1.      fejn, ġeneralment u konsistentement, ma jkun hemm l-ebda persekuzzjoni, l-ebda tortura jew trattament jew kastig inuman jew degradanti, u fejn ma jkun hemm l-ebda theddida minħabba vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat internazzjonali jew intern,

2.      li la ċ-ċittadini tiegħu u lanqas persuni mingħajr Stat ma jitilqu minnu għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 12 jew l-Artikolu 14a,

3.      li rratifika u josserva trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi d-dispożizzjonijiet relatati ma’ rimedji effettivi, u

4.      li jippermetti lill-entitajiet legali jissorveljaw is-sitwazzjoni fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem,

[...]”

22      L-Artikolu 3d ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      L-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu d-dritt jibqa’ fit-territorju; [...] Id-dritt li jibqa’ fit-territorju ma jagħtix dritt għal residenza fis-sens taż-[zákon č. 326/1999 Sb., o pobytu cizinců na území České republiky a o změně některých zákonů (il-Liġi Nru 326/1999 dwar ir-Residenza tal-Barranin fit-Territorju tar-Repubblika Ċeka u li Temenda Ċerti Liġijiet)]. Il-Ministeru għandu d-dritt li jirrestrinġi r-residenza tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju għal parti biss mit-territorju jew għaċ-ċentru ta’ akkoljenza taż-żona ta’ tranżitu ta’ ajruport internazzjonali jekk l-applikant ma jkunx awtorizzat jidħol fit-territorju.

2.      Jekk l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma jkunx persuna li rrepetiet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, ir-residenza tiegħu fit-territorju ma tistax tiġi mitmuma abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja; [...]”

23      L-Artikolu 16(2) u (3) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“2.      Hija wkoll miċħuda bħala manifestament infondata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ applikant li joriġina minn Stat li r-Repubblika Ċeka tqis bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, sakemm ma jurix li, fil-każ tiegħu, dan l-Istat ma jistax jitqies bħala tali.

3.      Jekk ikun hemm raġunijiet għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala manifestament infondata, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk l-applikant għal protezzjoni internazzjonali josservax ir-raġunijiet għall-għoti tal-ażil previsti fl-Artikoli 13 u 14 jew għal protezzjoni sussidjarja prevista fl-Artikolu 14b. Jekk ikunu jeżistu raġunijiet għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala manifestament infondata skont il-paragrafu 2, lanqas ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jistabbilixxix ċirkustanzi li juru li huwa jista’ jiġi espost għal persekuzzjoni għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 12 jew li hemm riskju li jsostni danni serji fis-sens tal-Artikolu 14a.”

24      Skont l-Artikolu 32(2) tal-Liġi dwar l-Ażil:

“Il-preżentata ta’ rikors [...] għandu jkollha effett sospensiv, bl-eċċezzjoni [...] tar-rikors kontra deċiżjoni mogħtija skont l-Artikolu 16(2) [...]”

25      L-Artikolu 85b(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Wara [...] deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala manifestament infondata, jekk din ma tkunx ġiet annullata minn qorti, jew wara deċiżjoni ta’ qorti reġjonali li ma tirrikonoxxix l-effett sospensiv jekk dan ikun intalab, il-Ministeru għandu joħroġ ex officio fir-rigward tal-barrani ordni ta’ tkeċċija valida għal massimu ta’ xahar, sakemm il-proċedura ma tkunx saret skont il-[Liġi Nru 326/1999 dwar ir-Residenza tal-Barranin fit-Territorju tar-Repubblika Ċeka u li Temenda Ċerti Liġijiet] [...]”

26      L-Artikolu 86(4) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Il-Ministeru għandu jistabbilixxi, permezz ta’ digriet, il-lista tal-pajjiżi ta’ oriġini siguri, [...] Huwa għandu jirrevedi, tal-inqas darba fis-sena, il-listi tal-pajjiżi stabbiliti b’digriet.”

 Id-Digriet Nru 328/2015 li Jimplimenta l-Liġi dwar l-Ażil u l-Liġi dwar il-Protezzjoni Temporanja ta’ Ċittadini Barranin

27      Il-punt 15 tal-Artikolu 2 tal-vyhláška č. 328/2015 Sb., kterou se provádí zákon o azylu a zákon o dočasné ochraně cizincssel (id-Digriet Nru 328/2015 li Jimplimenta l-Liġi dwar l-Ażil u l-Liġi dwar il-Protezzjoni Temporanja ta’ Ċittadini Barranin) jipprovdi:

“Ir-Repubblika Ċeka tqis bħala pajjiż ta’ oriġini bla perikolu [...] il-Moldova, minbarra t-Transnistrija, [...]”

 Il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva

28      L-Artikolu 75(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva jipprovdi:

“Il-qorti għandha teżamina l-punti kkontestati tad-deċiżjoni fil-limiti tal-motivi invokati. [...]”

29      L-Artikolu 76(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Il-qorti tannulla permezz ta’ sentenza, mingħajr seduta, id-deċiżjoni kkontestata minħabba difetti proċedurali

(a)      meta stħarriġ ikun impossibbli minħabba n-natura inkomprensibbli jew in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni,

(b)      peress li l-fatti li fuqhom tkun ibbażat ruħha l-awtorità amministrattiva sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata ma jkunux jikkorrispondu mal-proċess jew ma jkollhom ebda bażi, jew ikunu jeħtieġu li jiġu kkompletati b’mod kunsiderevoli jew fundamentali,

(c)      minħabba ksur sostanzjali tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura quddiem l-awtorità amministrattiva, jekk dan jista’ jwassal għal deċiżjoni fuq il-mertu illegali.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

30      Fid‑9 ta’ Frar 2022, CV, ċittadin tal-Moldova, ippreżenta fir-Repubblika Ċeka applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni, huwa indika li, matul is-sena 2015, huwa kien xhud, fil-Moldova, ta’ inċident li matulu s-sewwieq ta’ vettura kien tajjar u qatel persuna miexja fit-triq, u sussegwentement ħarab. Matul il-lejl stess ta’ dan l-inċident, xi individwi marru fid-dar ta’ CV, ħaduh f’foresta u aggredewh.

31      Wara li ħarab, CV inħeba għand xi ħbieb, qabel ma rritorna fid-dar tiegħu jumejn wara u kkonstata li d-dar tiegħu kienet ġiet maħruqa. Sussegwentement, huwa ħarab mill-Moldova u daħal fit-territorju Ċek, permezz ta’ passaport Rumen falz li kien kiseb mingħand persuna li kien jaf. Matul is-sena 2016 u s-sena 2019, CV irritorna fil-Moldova, filwaqt li għamel sforz sabiex jiżgura li ħadd, bl-eċċezzjoni tal-kuġini tiegħu, ma jkun jaf b’dan.

32      Insostenn tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, CV invoka t-theddid li huwa suġġett għalih fil-Moldova min-naħa ta’ individwi li l-awtoritajiet tal-pulizija ma rnexxilhomx jidentifikaw. Huwa indika wkoll li ma riedx jirritorna lejn ir-reġjun tal-oriġini tiegħu minħabba l-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa.

33      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda”), il-Ministeru għall-Intern ċaħad din l-applikazzjoni bħala manifestament infondata, fis-sens tal-Artikolu 16(2) tal-Liġi dwar l-Ażil, fid-dawl tal-elementi li huwa kien ġabar dwar is-sitwazzjoni politika u ta’ sigurtà fil-Moldova kif ukoll dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem f’dan il-pajjiż terz. B’mod partikolari, dan il-ministeru rrileva li, skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 328/2015 li Jimplimenta l-Liġi dwar l-Ażil u l-Liġi dwar il-Protezzjoni Temporanja ta’ Ċittadini Barranin, ir-Repubblika Ċeka tqis lir-Repubblika tal-Moldova, ħlief għat-Transnistrija, bħala “pajjiż ta’ oriġini sigur”, mingħajr ma CV irnexxielu juri li dan ma kienx japplika għall-każ partikolari tiegħu.

34      CV ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti, filwaqt li rrepeta, essenzjalment, l-elementi fformulati insostenn tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, huwa jsostni li, filwaqt li l-imsemmi ministeru kien obbligat jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha u jevalwa din l-applikazzjoni b’mod globali, l-istess ministeru qies bħala element determinanti uniku l-fatt li CV joriġina mir-Repubblika tal-Moldova.

35      Quddiem l-imsemmija qorti, il-Ministeru għall-Intern jippreċiża li huwa ma injorax is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-kunflitt li oriġina mill-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa. Madankollu, fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, ebda rapport ma indika li dan il-kunflitt kien ser jestendi lil hinn mill-Ukraina, jew li dan il-ministeru kellu, f’sens jew ieħor, jirrevedi l-kontenut tal-informazzjoni miġbura dwar ir-Repubblika tal-Moldova.

36      Barra minn hekk, l-istess qorti tindika li l-imsemmi ministeru rrikonoxxa l-eżistenza ta’ lakuni fundamentali fir-rigward tal-osservanza tad-dritt fil-Moldova, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġustizzja, b’tali mod li l-eżistenza ta’ każijiet ta’ atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95, ma tistax tiġi eskluża. B’mod partikolari, jeżistu riskji ta’ prosekuzzjoni jew ta’ kundanni kriminali sproporzjonati jew diskriminatorji, li jaffettwaw fil-parti l-kbira lill-avversarji politiċi, l-avukati tagħhom, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jew l-attivisti tas-soċjetà ċivili. Madankollu, il-Ministeru għall-Intern qies li CV ma jappartjeni għal ebda waħda minn dawn il-kategoriji. Barra minn hekk, CV ma indikax li kellu problemi mal-istituzzjonijiet Statali tal-Moldova.

37      Fid‑9 ta’ Mejju 2022, il-qorti tar-rinviju laqgħet it-talba ta’ CV intiża sabiex jiġi rrikonoxxut effett sospensiv għall-azzjoni tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda, billi laqgħet l-argument tiegħu fis-sens li r-rebħ tal-kawża wara li jkun telaq mit-territorju Ċek ikollu biss effett formali, peress li, fil-Moldova, huwa jkun espost għar-riskju ta’ perikoli serji min-naħa tal-individwi li kienu aggredewh hemmhekk fil-passat. Barra minn hekk, din il-qorti tindika li ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, fit‑28 ta’ April 2022, ir-Repubblika tal-Moldova kienet iddeċidiet, minħabba l-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, li testendi l-eżerċizzju tad-dritt ta’ deroga tagħha għall-obbligi li jirriżultaw mill-KEDB, skont l-Artikolu 15 ta’ din il-konvenzjoni, dritt li hija kienet invokat fil‑25 ta’ Frar 2022, minħabba l-kriżi tal-enerġija li hija kienet għaddejja minnha.

38      Peress li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ CV ġiet miċħuda b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-fatt li r-Repubblika Ċeka indikat lir-Repubblika tal-Moldova bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, bl-eċċezzjoni tat-Transnistrija, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, dwar il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini sigur” u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32 u tal-Anness I tagħha, dwar il-kriterji ta’ indikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur.

39      Minn naħa, hija tistaqsi jekk pajjiż terz jieqafx milli jiġi indikat bħala tali meta jinvoka d-dritt ta’ deroga previst fl-Artikolu 15 tal-KEDB.

40      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li Stat Membru jindika pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti partijiet tat-territorju tiegħu. F’dan ir-rigward, hija tindika li l-possibbiltà li ssir tali indikazzjoni parzjali, li kienet tinsab fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2005/85, li tħassret mid-Direttiva 2013/32, ma għadhiex prevista fl-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva tal-aħħar. Barra minn hekk, dik il-qorti tqis li l-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini sigur” għandu l-għan li jissemplifika l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, semplifikazzjoni li hija ġġustifikata biss għall-pajjiżi terzi li huwa verament improbabbli li ċ-ċittadini tagħhom jingħataw protezzjoni internazzjonali jew protezzjoni sussidjarja. Issa, dan huwa l-każ biss għall-pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti mill-Anness I tad-Direttiva 2013/322 fit-territorju kollu tagħhom.

41      It-tieni nett, jekk jitqies li pajjiż terz li jkun eżerċita d-dritt ta’ deroga previst fl-Artikolu 15 tal-KEDB ma jistax jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur jew li tali indikazzjoni ma tistax teskludi parti mit-territorju tal-pajjiż terz ikkonċernat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-istħarriġ li hija għandha teżerċita f’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, dispożizzjoni li ma ġietx trasposta fid-dritt Ċek, iżda li hija tqis li għandha effett dirett.

42      B’mod partikolari, dik il-qorti tindika li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi indikati bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri jistgħu jkunu, bħall-applikazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża pendenti quddiemha, suġġetti għal sistema partikolari ta’ eżami, li tippermetti, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari li dawn l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati fl-ambitu ta’ proċedura mħaffa u li jiġu ddikjarati, jekk ikun il-każ, bħala manifestament infondati. L-imsemmija qorti tenfasizza wkoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istat Membru li fih applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun ippreżenta tali applikazzjoni jista’ ma jawtorizzax lil dan jibqa’ fit-territorju tiegħu fl-istennija tal-eżitu tal-azzjoni tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din l-applikazzjoni.

43      Għaldaqstant, l-istess qorti tistaqsi dwar il-punt jekk, meta qorti tiġi adita b’azzjoni kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, adottata fl-ambitu ta’ tali sistema, hija għandhiex, abbażi tal-eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, tqajjem il-ksur tar-regoli previsti minn din id-direttiva għall-finijiet tal-indikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, anki jekk dan il-ksur ma jkunx ġie kkontestat mill-applikant li jkun ressaq din l-azzjoni.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kriterju ta’ indikazzjoni bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tal-Artikolu 37(1) tad-Direttiva [2013/32] li jinsab fl-Anness I(b) ta’ din id-direttiva (jiġifieri li pajjiż partikolari joffri protezzjoni mill-persekuzzjoni u t-trattament ħażin bis-saħħa tal-mod li bih jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-[KEDB], b’mod partikolari drittijiet li għalihom ma tista’ tiġi awtorizzata l-ebda deroga konformement mal-Artikolu 15(2) tal-[KEDB], għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk pajjiż jidderoga mill-obbligi previsti [minn din il-konvenzjoni] fil-każ ta’ stat ta’ emerġenza fis-sens tal-Artikolu 15 [tagħha], huwa ma jibqax jissodisfa l-imsemmi kriterju sabiex jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu?

2)      L-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva [2013/32] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jindika biss parzjalment pajjiż bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu, b’eċċezzjonijiet territorjali speċifiċi li fihom ma tapplikax il-preżunzjoni tan-natura bla periklu tal-imsemmija parti tal-pajjiż għall-applikant, u li jekk Stat Membru jindika bħala bla periklu pajjiż b’tali eċċezzjonijiet territorjali, l-imsemmi pajjiż ma jkunx jista’ jitqies fl-intier tiegħu bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet ta’ din id-direttiva?

3)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għal waħda mill-ewwel żewġ domandi preliminari [...], l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva [2013/32], moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita b’rikors li jirrigwarda deċiżjoni li tikkonstata n-natura manifestament infondata ta’ applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva, deċiżjoni mogħtija fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 31(8)(b) [tal-imsemmija] direttiva, għandha ex officio, anki fl-assenza ta’ oġġezzjonijiet imqajma mill-applikant, tieħu inkunsiderazzjoni l-kontradizzjoni bejn l-indikazzjoni ta’ pajjiż bħala pajjiż [ta’ oriġini] bla periklu u d-dritt tal-Unjoni għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

45      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Anness I tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li pajjiż terz ma jibqax jissodisfa l-kriterji li jippermettulu li jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur għas-sempliċi raġuni li huwa jinvoka d-dritt ta’ deroga mill-obbligi previsti mill-KEDB, skont l-Artikolu 15 ta’ din il-konvenzjoni.

46      Kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta minn dik il-qorti, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jilmenta mal-Ministeru għall-Intern li, minkejja li espona t-theddid li huwa suġġett għalih fil-Moldova u indika li ma jixtieqx jirritorna fir-reġjun ta’ oriġini tiegħu minħabba l-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, dan il-ministeru bbaża d-deċiżjoni ta’ ċaħda biss fuq il-fatt li huwa joriġina mir-Repubblika tal-Moldova u li r-Repubblika Ċeka indikat lil dan il-pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, ħlief għat-Transnistrija. Konsegwentement, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar l-effett li jista’ jkollu fuq tali indikazzjoni l-fatt li r-Repubblika tal-Moldova, fit‑28 ta’ April 2022, meta t-tilwima fil-kawża prinċipali kienet pendenti quddiemha, iddeċidiet li testendi l-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ deroga mill-obbligi li jirriżultaw mill-KEDB, skont l-Artikolu 15 tagħha, minħabba l-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa.

47      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva 2013/32, dwar, rispettivament, il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur u l-indikazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ pajjiżi terzi bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, jistabbilixxu sistema partikolari ta’ eżami li għaliha l-Istati Membri jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, liema sistema hija bbażata fuq forma ta’ preżunzjoni konfutabbli ta’ protezzjoni suffiċjenti fil-pajjiż ta’ oriġini, li tista’ tiġi kkonfutata mill-applikant jekk huwa jsemmi raġunijiet imperattivi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A, C‑404/17, EU:C:2018:588, punt 25).

48      Skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ din is-sistema partikolari ta’ eżami, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, skont l-Artikolu 31(8)(b) ta’ din id-direttiva, minn naħa, li jħaffu l-proċedura ta’ eżami u, min-naħa l-oħra, li jwettquha fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ tranżitu, konformement mal-Artikolu 43 tal-imsemmija direttiva.

49      Barra minn hekk, meta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, ippreżentata minn applikant li joriġina minn pajjiż ta’ oriġini sigur, tkun tqieset bħala infondata, sa fejn, konformement mal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2013/32, l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitlob protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw, skont dan l-Artikolu 32(2), tali applikazzjoni bħala manifestament infondata, jekk din tkun iddefinita bħala tali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

50      Barra minn hekk, waħda mill-konsegwenzi għall-persuna kkonċernata li l-applikazzjoni tagħha tiġi miċħuda abbażi tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur hija li, kuntrarjament għal dak li huwa previst fil-każ ta’ ċaħda sempliċi, hija tista’ ma tkunx awtorizzata tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata din l-applikazzjoni sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-azzjoni tagħha kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-imsemmija applikazzjoni, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46(5) u (6) tad-Direttiva 2013/32 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A, C‑404/17, EU:C:2018:588, punt 27).

51      Wara li saru dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva jirrigwarda, kif jindika t-titolu tiegħu, l-indikazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ pajjiżi terzi bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri. B’mod partikolari, dan l-Artikolu 37(1) jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jadottaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jippermettulhom, konformement mal-Anness I tal-imsemmija direttiva, jindikaw pajjiżi ta’ oriġini siguri, fil-livell nazzjonali, għall-finijiet tal-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

52      Dan l-Anness I jippreċiża, b’mod partikolari, li pajjiż terz jista’ jitqies pajjiż ta’ oriġini sigur fejn, abbażi tas-sitwazzjoni legali, tal-applikazzjoni tad-dritt fl-ambitu ta’ sistema demokratika u ta’ ċirkustanzi politiċi ġenerali, ikun jista’ jintwera li, ġeneralment u konsistentement, ma jsir qatt użu minn persekuzzjoni, kif iddefinita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95, u lanqas minn tortura, pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, u li ma jkunx hemm theddid minħabba vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat internazzjonali jew intern.

53      F’dan ir-rigward, l-imsemmi anness jelenka l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat, fost l-oħrajn, sa fejn il-pajjiż terz ikkonċernat joffri protezzjoni kontra l-persekuzzjoni u t-trattament ħażin. Fost dawn l-elementi hemm, fil-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-istess anness, il-mod li bih jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet iddefiniti fil-KEDB, b’mod partikolari d-drittijiet li għalihom ebda deroga ma tista’ tiġi awtorizzata skont l-Artikolu 15(2) ta’ din il-konvenzjoni.

54      Għalkemm dan l-artikolu tal-KEDB jipprovdi li huwa possibbli, fil-każ ta’ gwerra jew fil-każ ta’ perikolu pubbliku ieħor li jhedded il-ħajja tan-nazzjon, li jittieħdu miżuri li jidderogaw mill-obbligi previsti minn din il-konvenzjoni, l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà huwa marbut ma’ ċerti garanziji.

55      Fil-fatt, skont l-Artikolu 15(1) tal-KEDB, l-imsemmija possibbiltà għandha, qabelxejn, tiġi eżerċitata b’mod strett sa fejn is-sitwazzjoni tirrikjedi dan u bil-kundizzjoni li l-miżuri adottati ma jkunux f’kontradizzjoni mal-obbligi l-oħra li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali. Sussegwentement, dan l-Artikolu 15(2) jipprevedi li ebda deroga ma tista’ ssir fir-rigward tal-Artikolu 2 tal-KEDB, dwar id-dritt għall-ħajja, ħlief fil-każ ta’ mewt li tirriżulta minn atti leċiti tal-gwerra, tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 4(1) ta’ din il-konvenzjoni li jipprevedu, rispettivament, il-projbizzjoni tat-tortura u ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti kif ukoll il-projbizzjoni tal-iskjavitù, kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-imsemmija konvenzjoni, li jistabbilixxi l-prinċipju li ma jistax ikun hemm piena mingħajr liġi. Fl-aħħar nett, kif barra minn hekk issostni l-qorti tar-rinviju, il-miżuri adottati skont l-imsemmi Artikolu 15 jibqgħu suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

56      Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, mis-sempliċi invokazzjoni, minn pajjiż terz, tad-dritt ta’ deroga previst fl-Artikolu 15 tal-KEDB la jista’ jiġi dedott jekk dan il-pajjiż terz effettivament ħax miżuri li għandhom l-effett li jidderogaw mill-obbligi previsti minn din il-konvenzjoni u lanqas, jekk ikun il-każ, liema huma n-natura u l-portata tal-miżuri derogatorji adottati.

57      Minn dan isegwi li ma jistax jitqies li pajjiż terz ma jibqax jissodisfa l-kriterji, imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li jippermettulu jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, fis-sens tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32, għas-sempliċi raġuni li huwa invoka d-dritt ta’ deroga previst fl-Artikolu 15 tal-KEDB.

58      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali invokazzjoni għandha twassal lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun indika l-pajjiż terz ikkonċernat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur sabiex jevalwaw jekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ dan id-dritt ta’ deroga, hemmx lok li tinżamm tali indikazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-applikanti li ġejjin minn dan il-pajjiż terz.

59      Fil-fatt, l-Artikolu 37(2) tad-Direttiva 2013/32 jeżiġi li l-Istati Membri jeżaminaw regolarment is-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi indikati bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri. B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jobbliga lill-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċirkustanzi li jippermettu l-preżunzjoni tas-sigurtà tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’pajjiż ta’ oriġini partikolari huma, min-natura tagħhom, suġġetti għal varjazzjonijiet.

60      Konsegwentement, dan ir-rekwiżit ta’ eżami regolari jkopri wkoll is-seħħ ta’ avvenimenti sinjifikattivi, sa fejn, minħabba l-importanza tagħhom, dawn jistgħu jaffettwaw il-kapaċità, għal pajjiż terz indikat bħala pajjiż sigur, li jkompli jissodisfa l-kriterji stabbiliti, għal dan l-għan, fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, u għalhekk li jiġi preżunt li jista’ jiggarantixxi s-sigurtà tal-applikanti.

61      Issa, l-invokazzjoni tad-dritt ta’ deroga previst fl-Artikolu 15 tal-KEDB tikkostitwixxi tali avveniment. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm miżuri kuntrarji għal dan l-Artikolu 15(2), li jidderogaw b’mod partikolari mill-projbizzjoni ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti stabbilita fl-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, jipprekludu, min-natura tagħhom, indikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, ma jistax jiġi eskluż li miżuri derogatorji li jaffettwaw drittijiet fundamentali minbarra dawk li l-imsemmi Artikolu 15(2) jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga jistgħu wkoll ikunu inkompatibbli mal-kriterji previsti fl-Anness I tad-Direttiva 2013/32 għall-finijiet tal-indikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur. Barra minn hekk, tali invokazzjoni turi, fi kwalunkwe każ, riskju notevoli ta’ bidla sinjifikattiva fir-rigward tal-mod ta’ kif jiġu applikati r-regoli fil-qasam tad-drittijiet u tal-libertajiet fil-pajjiż terz ikkonċernat.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Anness I tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li pajjiż terz ma jieqafx jissodisfa l-kriterji li jippermettulu li jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur għas-sempliċi raġuni li huwa jinvoka d-dritt għal deroga mill-obbligi previsti mill-KEDB, skont l-Artikolu 15 ta’ din il-konvenzjoni, b’dan li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun wettaq tali indikazzjoni għandhom madankollu jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt ikunux ta’ natura li jqiegħdu f’dubju din l-indikazzjoni.

 Fuq ittieni domanda

63      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li pajjiż terz ikun jista’ jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti partijiet mit-territorju tiegħu.

64      Fil-fatt, peress li r-Repubblika Ċeka indikat lir-Repubblika tal-Moldova bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, minbarra t-Transnistrija, din il-qorti esprimiet dubji dwar il-konformità ma’ din id-direttiva ta’ tali indikazzjoni parzjali.

65      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti u, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 113 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32, li, konformement mat-titolu tiegħu, jirrigwarda l-indikazzjoni, minn Stat Membru, ta’ pajjiżi terzi bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri, hemm riferiment, diversi drabi, għat-termini “pajjiż” u “pajjiż terz” mingħajr indikazzjoni li, għall-finijiet ta’ tali indikazzjoni, dawn it-termini jistgħu jinftiehmu bħala li jirreferu biss għal parti mit-territorju tal-pajjiż terz ikkonċernat.

67      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, jirriżulta, l-ewwel nett, minn dan l-Artikolu 37 li l-Istati Membri jistgħu jindikaw pajjiżi ta’ oriġini siguri, konformement mal-Anness I tal-imsemmija direttiva. Issa, bħall-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 37, il-kriterji stabbiliti f’dan l-anness ma jipprovdu ebda indikazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jindikaw bħala pajjiż ta’ oriġini sigur biss il-parti mit-territorju tal-pajjiż terz ikkonċernat li fiha dawn il-kriterji huma ssodisfatti.

68      Għall-kuntrarju, skont l-imsemmi anness, l-indikazzjoni ta’ pajjiż bħala pajjiż ta’ oriġini sigur tiddependi, kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, mill-possibbiltà li jintwera li, ġeneralment u konsistentement, ma jsir qatt użu mill-persekuzzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95, u lanqas mit-tortura, minn pieni jew trattamenti inumani jew degradanti u li ma jkunx hemm theddid minħabba vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat internazzjonali jew intern.

69      Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 92 u 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu tal-kliem “ġeneralment u konsistentement” donnu jindika li, fl-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għal parti mit-territorju tal-pajjiż terz ikkonċernat fl-Anness I tad-Direttiva 2013/32 jew fl-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-anness għandhom jiġu osservati fit-territorju kollu tal-pajjiż terz ikkonċernat sabiex dan ikun jista’ jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur.

70      It-tieni nett, kif ġie espost fil-punti 47 sa 50 ta’ din is-sentenza, l-indikazzjoni, minn Stat Membru, ta’ pajjiżi terzi bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri tippermetti li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ta’ applikanti li ġejjin minn dawn il-pajjiżi terzi jiġu suġġetti għal sistema partikolari ta’ eżami li hija ta’ natura derogatorja.

71      F’dan ir-rigward, jekk l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32 jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li pajjiżi terzi jiġu indikati bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti partijiet mit-territorju tagħhom, dan ikollu l-effett li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema partikolari ta’ eżami. Peress li tali interpretazzjoni ma ssib ebda sostenn fil-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 37 u lanqas, b’mod iktar wiesa’, f’din id-direttiva, ir-rikonoxximent ta’ tali possibbiltà jikkontradiċi l-interpretazzjoni stretta li d-dispożizzjonijiet ta’ natura derogatorja għandhom ikunu suġġetti għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑502/13, EU:C:2015:143, punt 61, u tat‑8 ta’ Frar 2024, Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti), C‑216/22, EU:C:2024:122, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32 ma jippermettix lill-Istati Membri jindikaw pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti partijiet mit-territorju tiegħu, hija kkonfermata mill-oriġini ta’ dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32, il-possibbiltà li pajjiżi terzi jiġu indikati bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri, għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, kienet mogħtija lill-Istati Membri mid-Direttiva 2005/85, b’mod partikolari fl-Artikolu 30 tagħha.

73      Dan l-Artikolu 30 kien jipprovdi espressament li l-Istati Membri setgħu wkoll jindikaw bħala sigur porzjon mit-territorju ta’ pajjiż terz jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Anness II tad-Direttiva 2005/85, li jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2013/32, ikunu ssodisfatti fir-rigward ta’ din il-porzjoni mit-territorju. Għalkemm l-Anness II tad-Direttiva 2005/85 kien jeżiġi, bħall-Anness I tad-Direttiva 2013/32, il-prova li “ġeneralment u konsistentement” qatt ma tintuża l-persekuzzjoni, mill-kliem stess tal-imsemmi Artikolu 30 jirriżulta li dan ir-rekwiżit kien japplika biss, fil-każ ta’ tali indikazzjoni parzjali, għall-porzjon mit-territorju indikat bħala sigur.

74      Konformement mal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/32, din ħassret id-Direttiva 2005/85, li l-Artikolu 30 tagħha, kif jirriżulta mit-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness III tad-Direttiva 2013/32, ġie ssostitwit bl-Artikolu 37 ta’ din tal-aħħar. Issa, il-possibbiltà li porzjon mit-territorju ta’ pajjiż terz jiġi indikat bħala sigur ma tidhirx iktar f’dan l-artikolu tal-aħħar.

75      L-intenzjoni li titneħħa din il-possibbiltà tirriżulta mit-test stess tal-emenda tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2005/85 li jinsab fil-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali [COM(2009) 554 final, p. 60], peress li l-imsemmija possibbiltà ġiet, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, espliċitament ikkanċellata u, fil-verżjonijiet l-oħra, imħassra.

76      Barra minn hekk, tali intenzjoni hija kkonfermata mill-ispjegazzjoni ddettaljata ta’ din il-proposta (COM(2009) 554 final, Anness, 14959/09 ADD 1, p. 15), li l-Kummissjoni kienet ipprovdiet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li ssemmi espressament ir-rieda li titneħħa l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li japplikaw il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur għal parti minn pajjiż terz u l-konsegwenza li tirriżulta minn tali tneħħija, jiġifieri li issa jkun meħtieġ li l-kundizzjonijiet materjali ta’ tali indikazzjoni jkunu ssodisfatti għat-territorju kollu tal-pajjiż terz ikkonċernat.

77      Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2013/32 ma jipprekludux tali konsegwenza u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva fis-sens li dan ma jippermettix lill-Istati Membri jindikaw bħala pajjiż ta’ oriġini sigur pajjiż terz li ċerti partijiet mit-territorju tiegħu ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet materjali ta’ tali indikazzjoni, previsti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva.

78      F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li d-Direttiva 2013/32 tfittex l-għan ġenerali li tistabbilixxi standards ta’ proċeduri komuni, din id-direttiva hija intiża, b’mod partikolari, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 18 tagħha, li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jsir “malajr kemm jista’ jkun, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut” (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 109).

79      Minn din il-perspettiva, il-premessa 20 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li, f’ċirkustanzi ddefiniti b’mod ċar, fejn, fost oħrajn, applikazzjoni tista’ tkun infondata, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jgħaġġlu l-proċedura ta’ eżami, b’mod partikolari billi jiġu introdotti termini iqsar, iżda raġonevoli, għal ċerti passi proċedurali, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u eżawrjenti u għal aċċess effettiv tal-applikant għall-garanziji u għall-prinċipji fundamentali previsti mill-istess direttiva.

80      Kif ġie espost fil-punti 47 sa 50 ta’ din is-sentenza, Stat Membru jista’ jissuġġetta l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-applikanti li ġejjin minn pajjiż terz li dan l-Istat Membru indika bħala pajjiż ta’ oriġini sigur għal sistema partikolari ta’ eżami, li hija bbażata fuq forma ta’ preżunzjoni konfutabbli ta’ protezzjoni suffiċjenti fil-pajjiż ta’ oriġini, li taħtha huwa possibbli, b’mod partikolari, li titħaffef il-proċedura ta’ eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

81      Sa fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jiżgura, permezz tad-Direttiva 2013/32, eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li huwa kemm rapidu kif ukoll eżawrjenti, huwa għandu, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu għall-finijiet tal-istabbiliment tal-proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, jibbilanċja dawn iż-żewġ għanijiet fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jindikaw pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur. Għalhekk, il-fatt li dan il-leġiżlatur ma pprevediex, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jeskludu parti mit-territorju ta’ pajjiż terz għall-finijiet ta’ tali indikazzjoni jirrifletti dan l-ibbilanċjar u l-għażla tiegħu li jipprivileġġa eżami eżawrjenti tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati minn applikanti li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ma jissodisfax, għat-territorju kollu tiegħu, il-kundizzjonijiet materjali stabbiliti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva.

82      Għalkemm l-Artikolu 61(2) tar-Regolament 2024/1348, li jħassar id-Direttiva 2013/32 b’effett mid-data tat‑12 ta’ Ġunju 2026, jintroduċi mill-ġdid tali possibbiltà, billi jipprovdi li l-indikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, tista’ tipprevedi eċċezzjonijiet għal partijiet speċifiċi mit-territorju tiegħu, din hija l-prerogattiva tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrivedi din l-għażla, billi jwettaq ibbilanċjar ġdid, sakemm ir-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Konvenzjoni ta’ Genève u mill-Karta jkunu osservati. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li s-sistema legali introdotta, għal dan l-għan, permezz ta’ dan ir-regolament hija differenti minn dik li kienet prevista mid-Direttiva 2005/85 jikkorrobora l-interpretazzjoni li skontha l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex din il-possibbiltà fid-Direttiva 2013/32.

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li pajjiż terz ikun jista’ jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur meta ċerti partijiet mit-territorju tiegħu ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali ta’ tali indikazzjoni, ipprovduti fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

 Fuq ittielet domanda

84      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti tiġi adita b’azzjoni kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali eżaminata fil-kuntest tas-sistema partikolari applikabbli għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill-applikanti li joriġinaw pajjiżi terzi indikati, konformement mal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri, din il-qorti għandha, abbażi tal-eżami sħiħ u ex nunc impost minn dan l-Artikolu 46(3), tqajjem ksur tal-kundizzjonijiet materjali ta’ tali indikazzjoni, stabbiliti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, anki jekk dan il-ksur ma jkunx espressament invokat insostenn ta’ din l-azzjoni.

85      Skont it-titolu tiegħu, l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 jirrigwarda d-dritt għal rimedju effettiv tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Fil-paragrafu 1 tiegħu, dan l-Artikolu 46 jirrikonoxxi lil dawn l-applikanti dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tagħhom. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 46 jiddefinixxi l-portata ta’ din id-dritt għal rimedju effettiv, billi jippreċiża li l-Istati Membri marbuta b’din id-direttiva għandhom jiżguraw li l-qorti li quddiemha d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kkonċernata tkun ikkontestata għandha twettaq “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu ddeterminati b’mod konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Issa, l-Artikolu 47 tal-Karta huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali. Għaldaqstant, il-pożizzjoni ma tistax tkun differenti fir-rigward tal-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 55 u 56, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      Minn din il-perspettiva, fir-rigward tal-portata tad-dritt għal rimedju effettiv, kif iddefinita f’dan l-Artikolu 46(3), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kliem “għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi” għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati, skont din id-dispożizzjoni, jadattaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li t-trattament tar-rimedji previsti jinkludi eżami, mill-qorti, tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 110).

88      F’dan ir-rigward, qabelxejn, l-espressjoni “ex nunc” tenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, punti ġodda li jirriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rimedju. Tali evalwazzjoni tippermetti, fil-fatt, li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiġi pproċessata b’mod eżawrjenti mingħajr il-ħtieġa li l-fajl jintbagħat lura lill-awtorità determinanti. Is-setgħa li għaldaqstant għandha l-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni punti ġodda li din l-awtorità ma tkunx tat deċiżjoni dwarhom taqa’ fl-ambitu tal-għan tad-Direttiva 2013/32, kif imfakkar fil-punt 78 ta’ din is-sentenza (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, pointi 111 u 112).

89      Sussegwentement, l-aġġettiv “sħiħ” li jinsab fl-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jikkonferma li l-qorti hija obbligata teżamina kemm il-punti li l-awtorità determinanti tkun ħadet jew kellha tieħu inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li jkunu seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni minn din l-awtorità (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 113).

90      Fl-aħħar nett, il-kliem “fejn applikabbli”, li jinsab fil-parti mis-sentenza “inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]”, jenfasizza l-fatt li l-eżami sħiħ u ex nunc li għandha twettaq il-qorti ma għandux neċessarjament jirrigwarda l-eżami fil-mertu tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali u li għaldaqstant dan jista’ jirrigwarda l-aspetti proċedurali ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 115).

91      Issa, l-indikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur taqa’ taħt dawn l-aspetti proċedurali tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali sa fejn, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 48 sa 50 ta’ din is-sentenza, tali indikazzjoni hija ta’ natura li tinkludi effetti fuq il-proċedura ta’ eżami li tirrigwarda tali applikazzjonijiet.

92      Barra minn hekk, kif ġie espost fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jilmenta fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni ta’ ċaħda li, minkejja li kien espona t-theddid li huwa kien suġġett għalih fil-Moldova u indika li ma riedx jirritorna fir-reġjun ta’ oriġini tiegħu minħabba l-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, din l-awtorità bbażat din id-deċiżjoni biss fuq il-fatt li huwa joriġina mir-Repubblika tal-Moldova, peress li r-Repubblika Ċeka indikat dan il-pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, bl-eċċezzjoni tat-Transnistrija.

93      Għalhekk, l-indikazzjoni ta’ dan il-pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur tikkostitwixxi wieħed mill-elementi tal-proċess miġjuba għall-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju u li din għandha tqis fil-kuntest tal-azzjoni kontra l-imsemmija deċiżjoni.

94      Minn dan għandu jiġi konkluż li, f’tali ċirkustanzi, anki jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma invokax espressament, bħala tali, ksur eventwali tar-regoli previsti mid-Direttiva 2013/32 għall-finijiet ta’ tali indikazzjoni sabiex il-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ applikant li joriġina mill-imsemmi pajjiż terz tkun suġġetta għas-sistema partikolari li tirriżulta mill-indikazzjoni tiegħu bħala pajjiż ta’ oriġini sigur, dan l-eventwali ksur jikkostitwixxi punt legali li l-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra abbażi tal-eżami sħiħ u ex nunc impost mill-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva.

95      Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ ċaħda inkwistjoni hija bbażata esklużivament fuq il-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali joriġina mir-Repubblika tal-Moldova u li dan il-pajjiż terz għandu jitqies li huwa pajjiż ta’ oriġini sigur. Konsegwentement, għandu jitqies li l-element deċiżiv tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda bbażat fuq l-indikazzjoni tal-imsemmi pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur huwa neċessarjament kopert mill-azzjoni mressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra l-imsemmija deċiżjoni. Għalhekk, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din l-azzjoni għandha teżamina, fil-kuntest tagħha, il-legalità ta’ tali indikazzjoni skont dan l-Artikolu 46(3).

96      Fid-dawl, b’mod partikolari, tad-domandi tal-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha, kif esposti fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tagħha għandha, fir-rigward ta’ dan l-eżami sħiħ u ex nunc impost mill-imsemmi Artikolu 46(3), u abbażi tal-elementi tal-proċess, minn naħa, tirrigwarda l-invokazzjoni tal-Artikolu 15 tal-KEDB, jekk l-awtoritajiet kompetenti f’dan ir-rigward ma kinux f’pożizzjoni li jikkunsidraw il-portata ta’ tali avveniment sinjifikattiv fir-rigward tal-kapaċità tal-pajjiż terz indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur li jkompli jissodisfa l-kriterji previsti għal dan l-għan mid-Direttiva 2013/32. Min-naħa l-oħra, din l-evalwazzjoni għandha tikkonċerna ksur tal-kundizzjoni, li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li skontha l-indikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini sigur għandha testendi għat-territorju kollu tiegħu.

97      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali previsti mill-imsemmija direttiva, l-Istati Membri huma marbuta, bħala prinċipju, li jagħtu l-istatus mitlub, billi dawn l-Istati ma għandhomx setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti tiġi adita b’azzjoni kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali eżaminata fil-kuntest tas-sistema partikolari applikabbli għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill-applikanti li joriġinaw minn pajjiżi terzi indikati, konformement mal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri, din il-qorti għandha, abbażi tal-eżami sħiħ u ex nunc impost minn dan l-Artikolu 46(3), tqajjem, abbażi tal-elementi tal-proċess kif ukoll ta’ dawk miġjuba għall-għarfien tagħha matul il-proċedura quddiemha, ksur tal-kundizzjonijiet materjali ta’ tali indikazzjoni, ipprovduti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, anki jekk dan il-ksur ma jkunx ġie espressament invokat insostenn ta’ din l-azzjoni.

 Fuq lispejjeż

99      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Anness I tagħha,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

pajjiż terz ma jieqafx jissodisfa l-kriterji li jippermettulu li jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur għas-sempliċi raġuni li huwa jinvoka d-dritt għal deroga mill-obbligi previsti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata Ruma fl4 ta’ Novembru 1950, skont l-Artikolu 15 ta’ din il-konvenzjoni, b’dan li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun wettaq tali indikazzjoni għandhom madankollu jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt ikunux ta’ natura li jqiegħdu f’dubju din l-indikazzjoni.

2)      L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li pajjiż terz ikun jista’ jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sigur meta ċerti partijiet mit-territorju tiegħu ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali ta’ tali indikazzjoni, ipprovduti fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

3)      L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta qorti tiġi adita b’azzjoni kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali eżaminata fil-kuntest tas-sistema partikolari applikabbli għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill-applikanti li joriġinaw minn pajjiżi terzi indikati, konformement mal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri, din il-qorti għandha, abbażi tal-eżami sħiħ u ex nunc impost minn dan l-Artikolu 46(3), tqajjem, abbażi tal-elementi tal-proċess kif ukoll ta’ dawk miġjuba għall-għarfien tagħha matul il-proċedura quddiemha, ksur tal-kundizzjonijiet materjali ta’ tali indikazzjoni, ipprovduti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, anki jekk dan il-ksur ma jkunx ġie espressament invokat insostenn ta’ din l-azzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top