Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0390

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Jannar 2024.
Obshtina Pomorie vs „ANHIALO AVTO“ OOD.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Okrazhen sad - Burgas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq – Kuntratti ta’ servizz pubbliku – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Kumpens għas-servizz pubbliku – Artikolu 4(1)(b) – Kontenut obbligatorju tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku – Parametri għall-kalkolu tal-kumpens għas-servizz pubbliku – Determinazzjoni minn qabel, oġġettiva u trasparenti tal-parametri – Nuqqas ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni – Applikazzjoni tar-regoli ta’ kalkolu tal-kumpens li jinsabu fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ħlas tal-kumpens – Determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens fil-liġi dwar il-baġit tal-Istat għas-sena kkonċernata u ħlas ta’ dan l-ammont lill-awtorità nazzjonali kompetenti – Stabbiliment ta’ parametri għall-kalkolu tal-kumpens b’riferiment għal regoli ġenerali.
Kawża C-390/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:75

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

25 ta’ Jannar 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq – Kuntratti ta’ servizz pubbliku – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Kumpens għas-servizz pubbliku – Artikolu 4(1)(b) – Kontenut obbligatorju tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku – Parametri għall-kalkolu tal-kumpens għas-servizz pubbliku – Determinazzjoni minn qabel, oġġettiva u trasparenti tal-parametri – Nuqqas ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni – Applikazzjoni tar-regoli ta’ kalkolu tal-kumpens li jinsabu fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ħlas tal-kumpens – Determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens fil-liġi dwar il-baġit tal-Istat għas-sena kkonċernata u ħlas ta’ dan l-ammont lill-awtorità nazzjonali kompetenti – Stabbiliment ta’ parametri għall-kalkolu tal-kumpens b’riferiment għal regoli ġenerali”

Fil-Kawża C‑390/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okrazhen sad – Burgas (il-Qorti tar-Reġjun ta’ Burgas, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

Obshtina Pomorie

vs

« ANHIALO AVTO » OOD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Obshtina Pomorie, minn Y. Boshnakov, avukat,

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Messina, E. Rousseva u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(b)(i) tiegħu.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Obshtina Pomorie (il-Komun ta’ Pomorie, il-Bulgarija) u « ANHIALO AVTO » OOD (iktar ’il quddiem “Anhialo”), kumpannija tat-trasport li għandha kuntratt ta’ servizz pubbliku, dwar il-kumpens dovut minn dan il-komun bħala korrispettiv għall-ispejjeż sostnuti mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont il-premessi 9, 27 u 30 tar-Regolament Nru 1370/2007:

“(9)

[…] Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-trasparenza, tat-trattament ugwali ta’ l-operaturi li qed jikkompetu u tal-proporzjonalità, meta jingħataw kumpens jew drittijiet esklussivi, huwa meħtieġ li kuntratt għal servizz pubbliku bejn l-awtorità kompetenti u l-operatur magħżul ta’ servizz pubbliku jiddefinixxi n-natura ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku u r-rimborż miftiehem. Il-forma jew it-titolu tal-kuntratt jista’ jvarja skond is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri.

[…]

(27)

Il-kumpens mogħti mill-awtoritajiet kompetenti biex ikopri l-ispejjeż magħmula fit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jiġi kkalkolat b’mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Meta awtorità kompetenti tippjana li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku mingħajr sejħa kompetittiva għall-offerti, jeħtiġilha wkoll tirrispetta r-regoli dettaljati li jiżguraw li l-ammont tal-kumpens ikun xieraq u jirrifletti xewqa għall-effiċjenza u l-kwalità ta’ servizzi.

[…]

(30)

Kuntratti għal servizz pubbliku li jingħataw direttament għandhom ikunu soġġetti għal aktar trasparenza.”

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku.”

5

Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(h)

‘għotja diretta’ tfisser l-għotja ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel;

(i)

‘kuntratt għal servizz pubbliku’ tfisser att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta’ servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri soġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku […] [S]kond il-liġijiet ta’ l-Istati Membri, il-kuntratt jista’ jikkonsisti wkoll f’deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti:

li tieħu l-forma ta’ att leġislattiv jew regolatorju individwali, jew

li fiha kondizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti nnifisha tipprovdi s-servizzi jew tafda l-forniment ta’ tali servizzi lil operatur intern;

[…]

(l)

‘regola ġenerali’ tfisser miżura li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi kollha tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri ta’ l-istess tip f’żona ġeografika partikolari li għaliha awtorità kompetenti hija responsabbli;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kuntratti għal servizz pubbliku u regoli ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku.”

7

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom:

[…]

(b)

jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti:

(i)

il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat, u

(ii)

in-natura u l-firxa ta’ kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija,

b’mod li jevita l-kumpens żejjed. Fil-każ ta’ kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) u (6) dawn il-parametri għandhom jiġu determinati b’tali mod li l-ebda pagament ta’ kumpens ma jista’ jeċċedi l-ammont meħtieġ biex ikopri l-effetti finanzjarji netti fuq l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mit-twettiq ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku, b’kont meħud tad-dħul relatat miegħu miżmum mill-operatur ta’ servizz pubbliku u qligħ raġonevoli;

[…]”

8

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku”, jipprovdi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Fil-każ ta’ sfrattu [interuzzjoni] ta’ servizzi jew riskju immedjat ta’ tali sitwazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu miżura ta’ urġenza. Din il-miżura ta’ urġenza tista’ tieħu l-forma ta’ għoti dirett jew ftehim formali biex jestendi kuntratt għal servizz pubbliku jew rekwiżit biex jiġu fornuti ċerti obbligi ta’ servizz pubbliku. […]”

9

L-Artikolu 6 tar-regolament imsemmi, intitolat “Kumpens għas-servizz pubbliku”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull kumpens marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4, irrispettivament mill-mod li bih ingħata l-kuntratt. Il-kumpens kollu, ta’ kwalunkwe tip, marbut ma’ kuntratt mogħti direttament skond l-Artikolu 5(2),(4),(5) jew (6) jew marbut ma’ regola ġenerali għandu wkoll jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness.”

10

Il-punt 2 tal-Anness tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Regoli applikabbli għall-kumpens fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)”, jipprovdi li:

“Il-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total ta’ l-effetti, pożittivi jew negattivi, ta’ konformità ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul ta’ l-operatur ta’ servizz pubbliku. L-effetti għandhom ikunu valutati bi tqabbil tas-sitwazzjoni fejn l-obbligu tas-servizz pubbliku jiġi rrispettat mas-sitwazzjoni li tkun eżistiet kieku l-obbligu ma kienx ġie rrispettat. Sabiex jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett, l-awtorità kompetenti għandha tkun iggwidata mill-iskema segwenti:

Spejjeż magħmula b’rabta ma’ obbligu ta’ servizz pubbliku jew grupp ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku imposti mill-awtorità/awtoritajiet kompetenti, li jinsabu f’kuntratt għal servizz pubbliku u/jew f’regola ġenerali,

bit-tnaqqis ta’ kwalunkwe effetti finanzjarji pożittivi ġenerati fin-network imħaddem taħt l-obbligu(i) ta’ servizz pubbliku in kwistjoni,

bit-tnaqqis ta’ tariffa jew kwalunkwe dħul ieħor ġenerat fir-rispett ta’ l-obbligu(i) tas-servizz pubbliku in kwistjoni,

biż-żieda ta’ qligħ raġonevoli,

ugwali għall-effett finanzjarju nett.”

Id‑dritt Bulgaru

Il-liġi dwar it-trasport bit-triq

11

L-Artikolu 4 tad-dispożizzjonijiet finali taz-Zakon za avtomobilnite prevozi (il-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq), (DV Nru 82, tas‑17 ta’ Settembru 1999), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jistabbilixxi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:

“(1)   Il-baġit tal-Istat tar-Repubblika tal-Bulgarija kull sena għandu jinkludi l-ispejjeż:

1. għas-sussidju għat-trasport tal-passiġġieri fuq rotot tal-karozza tal-linja mhux profittabbli f’żoni intraurbani u għat-trasport f’reġjuni muntanjużi u oħrajn, fuq proposta tal-Ministru għat-Trasport, għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u għall-Komunikazzjonijiet;

2. għall-kumpens għat-tnaqqis fid-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-prezzijiet tal-ivvjaġġar previsti mil-leġiżlazzjoni għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi.

[…]

(3)   Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri tal-għoti tal-fondi msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-proċeduri tal-ħruġ ta’ biljetti għat-trasport ta’ ċerti kategoriji ta’ passiġġieri previsti mil-leġiżlazzjoni, huma ddeterminati f’digriet adottat mill-Kunsill tal-Ministri fuq proposta tal-Ministru għat-Trasport, għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u għall-Komunikazzjonijiet.”

Id‑Digriet Nru 3, tal‑4 ta’ April 2005

12

In-Naredba no 3 za usloviata i reda za predostavyane na sredstva za subsidirane na prevoza na patnitsite po nerentabilni avtobusni linii vav vatreshnogradskia transport i transporta v planinski i drugi rayoni (id-Digriet Nru 3 dwar il-Kundizzjonijiet u l-Proċeduri għall-Għoti ta’ Fondi Intiżi biex Jissussidjaw it-Trasport tal-Passiġġieri fuq Karozzi tal-Linja fir-Rigward tar-Rotot mhux Profittabbli fit-Trasport Interurban u fiż-Żoni Muntanjużi u Oħrajn), (DV no 33, tal‑15 ta’ April 2005), tal‑4 ta’ April 2005, kien jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu:

“Dan id-digriet jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti tas-sussidji previsti fil-baġit ċentrali għat-trasport intraurban ta’ passiġġieri u għat-trasport interurban ta’ passiġġieri fiż-żoni muntanjużi u tal-fruntiera b’popolazzjoni baxxa tal-pajjiż.”

Id-digriet tal‑2015

13

In-Naredba za usloviata i reda za predostavyane na sredstva za kompensirane na namalenite prihodi ot prilaganeto na tseni za obshtestveni patnicheski prevozi po avtomobilnia transport, predvideni v normativnite aktove za opredeleni kategorii patnitsi, za subsidirane na obshtestveni patnicheski prevozi po nerentabilni avtobusni linii vav vatreshnogradskia transport i transporta v planinski i drugi rayoni i za izdavane na prevozni dokumenti za izvarshvane na prevozite (id-Digriet dwar il-Kundizzjonijiet u l-Proċeduri għall-Għoti ta’ Fondi Intiżi biex Jikkumpensaw it-Tnaqqis fid-Dħul mill-Applikazzjoni tat-Tariffi tat-Trasport Pubbliku bit-Triq tal-Passiġġieri Previsti mil-Leġiżlazzjoni għal Ċerti Kategoriji ta’ Passiġġieri, u sabiex Jissussidjaw it-Trasport Pubbliku tal-Passiġġieri fuq Rotot tal-Karozza tal-Linja mhux Profittabbli fil-Kuntest tat-Trasport Intraurban u f’Żoni Muntanjużi u Oħrajn, u l-Ħruġ ta’ Biljetti tat-Trasport) (DV Nru 51, tas‑7 ta’ Lulju 2015), tad‑29 ta’ Marzu 2015, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑2015”), jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) u (2) tiegħu:

“(1)   Dan id-digriet jiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti tal-fondi previsti fil-baġit ċentrali sabiex jikkumpensaw u jissussidjaw lit-trasportaturi li jissodisfaw obbligi ta’ servizz pubbliku għat-trasport mingħajr ħlas u bi prezz imnaqqas tal-passiġġieri u għat-trasport intraurban u interurban tal-passiġġieri fiż-żoni muntanjużi u fiż-żoni l-oħrajn b’popolazzjoni baxxa tal-pajjiż.

(2)   Il-fondi msemmija fil-paragrafu 1 jikkostitwixxu kumpens għal servizz pubbliku għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri skont it-tifsira tar-Regolament Nru 1370/2007] u għandhom jingħataw mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet u għall-proċeduri stabbiliti mill-imsemmi regolament u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ.”

14

L-Artikolu 2(1) ta’ dan id-digriet huwa fformulat kif ġej:

“Il-fondi msemmija f’dan id-digriet għandhom jingħataw sal-ammont iddeterminat mil-Liġi Baġitarja tal-Istat għas-sena kkonċernata.”

15

Skont l-Artikolu 3(1) u (4) tal-imsemmi digriet:

“(1)   Il-fondi msemmija f’dan id-digriet jingħataw fil-forma ta’ trasferimenti mmirati li joriġinaw mill-baġit ċentrali permezz tas-sistema ta’ pagamenti baġitarji elettroniċi (is-sistema SEBRA). Għal dan l-għan, huma stabbiliti limiti għall-komuni li osservaw il-proċedura legali għall-għoti tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri skont ir-Regolament Nru 1370/2007 u d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jew il-liġi dwar il-konċessjonijiet, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza, ta’ kompetizzjoni libera u ekwa, u ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

[…]

(4)   Is-sindki tal-komuni għandhom iħallsu lit-trasportaturi skont is-servizzi tat-trasport effettivament ipprovduti.”

16

L-Artikolu 55(1) u (2) tal-istess digriet jipprovdi:

“1.   Is-sussidji għat-trasport tal-passiġġieri għandhom jingħataw lit-trasportaturi mill-baġits tal-komuni, sa ammont li ma jeċċedix is-somma li tikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett tat-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku.

2.   L-effett finanzjarju nett jinkiseb billi jingħaddu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligu ta’ servizz pubbliku impost mill-awtorità kompetenti u li jinsab f’kuntratt ta’ servizz pubbliku u/jew f’regola ġenerali, nieqes kwalunkwe effett finanzjarju pożittiv iġġenerat fi ħdan in-network operat taħt l-obbligu ta’ servizz pubbliku inkwistjoni, nieqes id-dħul mit-tariffi jew kwalunkwe dħul ieħor iġġenerat matul it-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku inkwistjoni, u b’żieda ta’ qligħ raġonevoli.”

17

L-Artikolu 56 tad-digriet tal‑2015 jipprovdi:

“(1)   Is-sussidji jingħataw biss lit-trasportaturi li magħhom il-muniċipalità kkonċernata tkun ikkonkludiet kuntratti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1370/2007.

(2)   Il-kuntratti għandhom neċessarjament jirregolaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat is-sussidju;

2.

in-natura, l-iskala u l-portata ta’ kwalunkwe dritt esklużiv mogħti u t-tul ta’ żmien tal-kuntratt;

3.

il-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-ispejjeż marbuta direttament mal-provvista tas-servizzi, bħalma huma l-ispejjeż tal-persunal, l-enerġija, it-tariffi tal-infrastruttura, il-manutenzjoni u t-tiswija tal-vetturi tat-trasport pubbliku, tal-materjal fuq ir-roti u faċilitajiet meħtieġa għall-provvista tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, kif ukoll is-sehem mill-ispejjeż indiretti li huwa marbut mal-provvista tas-servizzi;

4.

il-mekkaniżmi għat-tqassim tad-dħul mill-bejgħ tal-biljetti, li jista’ jew jibqa’ għand l-operatur tas-servizz pubbliku, jew jitħallas lill-awtorità kompetenti, jew jinqasam bejniethom;

5.

l-ammont tal-qligħ raġonevoli;

6.

l-obbligu għas-sindki tal-komuni u tat-trasportaturi li jwettqu kontrolli effettivi tan-natura regolari tal-passiġġieri fuq ir-rotot tat-trasport intraurbani u interurbani ssussidjati.

[…]

(4)   Meta t-trasportaturi ma jirrispettawx it-termini tal-kuntratti, is-sindki tal-komuni jistgħu jnaqqsu l-ammont tas-sussidji u jistgħu wkoll jissospendu l-għoti tagħhom.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Awwissu 2013, il-Gvernatur tal-oblast ta’ Burgas (il-Bulgarija) awtorizza lis-Sindku tal-Komun ta’ Pomorie jagħti, għal perijodu li ma jeċċedix sitt xhur, l-għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1370/2007, tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank fuq rotot speċifiċi. Il-konklużjoni ta’ tali kuntratt kienet intiża biex tirrimedja l-interruzzjoni tas-servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri fuq ir-rotot ikkonċernati minħabba l-iskadenza tal-kuntratti konklużi preċedentement u l-għeluq simultanju tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ġdid għal servizz pubbliku.

19

Fl‑1 ta’ Novembru 2013, abbażi ta’ din id-deċiżjoni, il-Komun ta’ Pomorie, bħala awtorità lokali kompetenti, u Anhialo, bħala operatur ta’ servizz pubbliku, ikkonkludew kuntratt li permezz tiegħu din il-kumpannija ġiet fdata bl-operat tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri fir-rigward tar-rotot tal-karozzi tal-linja kkonċernati (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”). Konformement mal-Artikolu 2 ta’ dan il-kuntratt, it-tul tiegħu kien jiddekorri sal-għeluq tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt prevista mil-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi kuntratt, l-awtorità lokali kompetenti ntrabtet li tħallas lill-operatur, fit-termini stabbiliti mill-Ministeru għall-Finanzi, il-fondi li jikkorrispondu, jekk ikun il-każ, għal sussidju, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, u għal kumpens għall-vjaġġi mingħajr ħlas u bi prezz imnaqqas li setgħu jibbenefikaw minnhom ċerti kategoriji ta’ ċittadini eliġibbli, skont din il-leġiżlazzjoni.

20

Fil‑15 ta’ Jannar 2019, il-kuntratt inkwistjoni ġie xolt fi tmiem proċedura prevista mil-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Sa fejn huwa paċifiku li Anhialo pprovdiet is-servizzi ta’ trasport previsti minn dan il-kuntratt, din il-kumpannija talbet lill-Komun ta’ Pomorie l-ħlas tal-kumpens dovut skont l-imsemmi kuntratt għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2016 sal‑31 ta’ Diċembru 2018. Il-Komun ta’ Pomorie ħallsitha s-somma ta’ BGN 3690 (lev Bulgaru) (madwar EUR 1886), li tikkorrispondi għall-ammont totali tal-fondi stabbiliti u mħallsa mill-baġit ċentrali tar-Repubblika tal-Bulgarija lil dan il-komun bħala sussidji għat-trasport intra u interurban.

21

Sabiex tikkontesta l-ammont ta’ din is-somma, Anhialo ppreżentat rikors quddiem ir-Rayonen sad Pomorie (il-Qorti Distrettwali ta’ Pomorie, il-Bulgarija). Perizja ġudizzjarja fil-kontabbiltà stabbilixxiet l-effett finanzjarju nett, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Anness tar-Regolament Nru 1370/2007 u tal-Artikolu 55 tad-Digriet tal‑2015, għal din il-kumpannija fuq il-perijodu inkwistjoni. Din il-perizja stabbilixxiet li l-effett finanzjarju nett tal-obbligu ta’ servizz pubbliku li kellha l-imsemmija kumpannija kien jammonta għal madwar BGN 86000 (madwar EUR 43800). Quddiem dik il-qorti, Anhialo talbet il-ħlas ta’ parti mill-ammont dovut li baqa’ mhux imħallas, jiġifieri BGN 24 931.60 (madwar EUR 12700 fid-data kkonċernata).

22

B’sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2021, ir-Rayonen sad Pomorie (il-Qorti Distrettwali ta’ Pomorie) laqgħet dan ir-rikors. Din il-qorti qieset b’mod partikolari li l-għan tal-kumpens ta’ servizz pubbliku, fis-sens tar-Regolament Nru 1370/2007, huwa li jiġi kkoreġut l-effett finanzjarju negattiv nett imġarrab mill-operatur għall-provvista tas-servizz pubbliku. Hija qieset li l-Komun ta’ Pomorie ma setax isostni li Anhialo ma kellhiex dritt għal kumpens ta’ servizz pubbliku minħabba li l-kuntratt inkwistjoni ma kienx jinkludi l-kundizzjonijiet obbligatorji msemmija fl-Artikolu 56(2) tad-digriet tal‑2015, peress li dan il-kuntratt kien ġie konkluż fl‑1 ta’ Novembru 2013, jiġifieri qabel l-adozzjoni ta’ dan id-digriet.

23

Il-Komun ta’ Pomorie appella minn din is-sentenza quddiem l-Okrazhen sad – Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju. Din sostniet li peress li r-Regolament Nru 1370/2007 għandu effett dirett mill-adozzjoni tiegħu, jiġifieri fit‑23 ta’ Ottubru 2007, ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4(1) tiegħu kienu fis-seħħ minn din id-data u li l-assenza tagħhom fil-kuntratt inkwistjoni ċċaħħad minn kull bażi l-ħlas ta’ sussidju. Il-Komun ta’ Pomorie jiddeduċi wkoll mill-Artikolu 5 tal-kuntratt inkwistjoni, li l-obbligu tiegħu li jittrasferixxi sussidji ma huwiex mingħajr kundizzjoni, iżda huwa suġġett għat-twettiq tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk, huwa ma jistax jiġi kkritikat għaliex, fl-assenza ta’ sussidju mħallas mill-baġit ċentrali tal-Istat lill-baġit tiegħu, ma tħallas l-ebda kumpens għal servizz pubbliku lit-trasportaturi. Il-komun isostni fl-aħħar nett li huwa ma jistax jiddetermina huwa stess l-ammont tal-kumpens u tas-sussidji u jista’ biss jipproċedi bi tqassim tal-ammonti allokati lilu għal dan l-għan b’mod immirat.

24

Anhialo ssostni quddiem il-qorti tar-rinviju li hija, kif jirriżulta mill-perizja legali fil-kontabbiltà, osservat ir-rekwiżiti kollha previsti mir-Regolament Nru 1370/2007 u mid-digriet tal‑2015. Hija ssostni li l-oġġezzjoni li tgħid li l-Istat huwa responsabbli għall-ħlas tas-sussidji lill-komun hija infondata. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 3(1) ta’ dan id-digriet jipprevedi li r-responsabbiltà għall-konformità tal-kuntratti ta’ trasport pubbliku mar-Regolament Nru 1370/2007 taqa’ kompletament fuq il-komuni. Minħabba dan, l-għoti ta’ sussidji mill-baġit ċentrali tal-Istat jiddependi biss fuq il-komun ikkonċernat u fuq l-osservanza minnu tar-rekwiżiti legali relatati mal-għoti tal-kuntratti għal servizz pubbliku. Għaldaqstant, il-Komun ta’ Pomorie, li huwa obbligata li jipprovdi t-trasport pubbliku fit-territorju tiegħu, jibqa’ dejjem responsabbli li jħallas kumpens sħiħ għas-servizz pubbliku lill-operatur tas-servizz pubbliku kkonċernat, irrispettivament minn jekk ingħatax sussidju jew le.

25

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Digriet tal‑2015 ġie adottat abbażi tal-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tad-dispożizzjonijiet finali tagħha, u li l-Artikolu 2(1) ta’ dan id-digriet jipprevedi li l-fondi għandhom jingħataw sal-ammont iddeterminat mil-Liġi Baġitarja tal-Istat għas-sena kkonċernata. Hija tesponi wkoll li l-Artikolu 56(1) tal-imsemmi digriet jipprovdi li s-sussidji għandhom jingħataw biss lill-operaturi ta’ servizz pubbliku li magħhom il-komun ikkonċernat ikkonkluda kuntratti li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mir-Regolament Nru 1370/2007. Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija interpretata mill-awtoritajiet kompetenti fis-sens li hija teżiġi, għall-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku, li dan ikun previst minn din il-liġi u jitħallas lill-awtorità kompetenti. Madankollu, ir-Regolament Nru 1370/2007, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu, ma jinkludix tali rekwiżit fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku.

26

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan ir-regolament jippermettix lil Stat Membru jistabbilixxi rekwiżiti u limitazzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku lil trasportatur għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku.

27

Barra minn hekk, il-kuntratt inkwistjoni ma jiddefinixxix il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens għal servizz pubbliku, iżda jagħmel riferiment f’dan ir-rigward għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Skont il-qorti tar-rinviju, peress li l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprovdi li “il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali”, jistabbilixxu dawn il-parametri, l-użu tal-konġunzjoni “u” jista’ jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li l-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens jiġu ffissati f’regoli ġenerali, jiġifieri dawk adottati fil-kuntest tad-Digriet tal‑2015 u, qabel dan, tad-Digriet Nru 3 tal‑4 ta’ April 2005. Interpretazzjoni oħra tikkonsisti f’li dawn il-parametri għandhom neċessarjament jiġu stabbiliti mhux biss f’regoli ġenerali, iżda wkoll fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okrazhen sad – Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1370/2007] jippermettu li Stat Membru jistabbilixxi, permezz ta’ liġi nazzjonali jew ta’ regoli interni, fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens lit-trasportatur għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, rekwiżiti u limitazzjonijiet supplimentari li ma humiex previsti fl-imsemmi regolament?

2)

L-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 jippermetti l-ħlas ta’ kumpens lil trasportatur għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku f’sitwazzjoni fejn il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat is-sussidju ma jkunux stabbiliti bil-quddiem f’kuntratt ta’ servizz pubbliku iżda jkunu stabbiliti bil-quddiem f’regoli ġenerali, u f’sitwazzjoni fejn l-effett finanzjarju nett jew l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas ikunu ddeterminati konformement mal-mekkaniżmu previst [f’dan ir-regolament]?”

Fuq l‑ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-kumpens imħallas mill-awtorità kompetenti lil operatur ta’ servizz pubbliku fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku jista’ jingħata lil dan tal-aħħar biss jekk il-fondi li jikkorrispondu għal dan il-kumpens ikunu ġew previsti mil-Liġi dwar il-Baġit ta’ dan l-Istat Membru għas-sena kkonċernata u jkunu tħallsu lil din l-awtorità.

30

Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, dan għandu l-għan li jiddefinixxi kif, b’osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jintervjenu fil-qasam tat-trasport pubbliku tal-vjaġġaturi sabiex jiggarantixxu l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li jkunu b’mod partikolari iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità aħjar jew bi prezz irħas minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti li jiġu pprovduti.

31

Għal dan l-għan, dan ir-regolament jiddefinixxi, konformement mat-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 1(1), il-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jafdaw l-eżekuzzjoni tagħhom lil impriża, jagħtu kumpens lill-operaturi ta’ servizz pubbliku inkambju għall-ispejjeż sostnuti u/jew jagħtuhom drittijiet esklużivi inkambju għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku.

32

Ir-Regolament Nru 1370/2007 jinkludi għalhekk regoli speċjali li jipprevedu modalitajiet ta’ intervent fis-sistemi ġenerali ta’ kuntratti pubbliċi, li għandhom l-għan li jistabbilixxu qafas legali fil-qasam tal-għoti ta’ kumpens u/jew ta’ drittijiet esklużivi għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, DOBELES AUTOBUSU Parks et, C‑421/22, EU:C:2023:1028, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fost id-dispożizzjonijiet li jifformaw dan il-qafas legali, l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklużiv u/jew kumpens ta’ servizz pubbliku, tkun xi tkun in-natura tiegħu, inkambju għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, hija għandha tagħmel dan fil-kuntest ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, fejn b’hekk din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li l-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-kumpens marbut magħhom għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntest ta’ tali kuntratt (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, DOBELES AUTOBUSU Parks et, C‑421/22, EU:C:2023:1028, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Mill-kliem espliċitu tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li kumpens marbut ma’ tali kuntratt għal servizz pubbliku, ikunu xi jkunu l-modalitajiet tiegħu, għandu josserva r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li jiddetermina l-kontenut obbligatorju tiegħu.

35

Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 6(1), il-kumpens, meta jingħata fl-assenza ta’ kull proċedura ta’ sejħa għal offerti, għandu wkoll ikun konformi mad-dispożizzjonijiet iddettaljati previsti fl-Anness tar-Regolament Nru 1370/2007 dwar il-kalkolu tal-kumpens, li huma intiżi, kif jirriżulta mill-premessa 27 tiegħu, biex jiżguraw kemm l-adegwatezza tal-ammont tal-kumpens kif ukoll l-effettività u l-kwalità tas-servizz pubbliku. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, bħal fil-kawża prinċipali, mogħti direttament, fis-sens tal-Artikolu 2(h) ta’ dan ir-regolament, mill-awtorità lokali kompetenti lil operatur ta’ servizz pubbliku, bħala miżura ta’ emerġenza, skont l-Artikolu 5(5) tal-imsemmi regolament.

36

Issa, minn naħa, l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 jippreċiża li l-kuntratti għal servizz pubbliku, irrispettivament mill-modalitajiet tal-konklużjoni tagħhom, għandhom jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, il-parametri li abbażi tagħhom għandu jiġi kkalkolat il-kumpens meta jkun previst.

37

Min-naħa l-oħra, meta l-kuntratt ta’ servizz pubbliku jkun ġie konkluż fl-assenza ta’ kwalunkwe proċedura ta’ sejħa għal offerti, it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-regolament, moqrija flimkien mal-punt 2 tal-anness tiegħu, tipprovdi li dawn il-parametri għandhom jiġu ddeterminati b’mod li l-kumpens ma jistax jaqbeż ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett għall-operatur ta’ servizz pubbliku tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Dan l-ammont jinkiseb billi jitnaqqsu mill-ispejjeż inkorsi għall-eżekuzzjoni ta’ tali obbligi l-effetti finanzjarji pożittivi tagħhom u d-dħul tariffarju ġġenerat matul l-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, u billi jiżdied ir-riżultat miksub b’somma abbażi tal-“profitt raġonevoli” li għandu d-dritt jistenna kull operatur.

38

Kif jirriżulta mill-premessi 9 u 30 tar-Regolament Nru 1370/2007, tali obbligi li jikkonċernaw il-korrispettivi miftiehma f’kuntratt ta’ servizz pubbliku huma intiżi biex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza, peress li dan l-aħħar prinċipju jkollu importanza iktar u iktar essenzjali meta l-kuntratt ta’ servizz pubbliku jagħti kumpens fl-assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.

39

Ċertament, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti, sa fejn huma għandhom jiffissaw il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens dovut lil operatur ta’ servizz pubbliku, igawdu neċessarjament minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jistabbilixxu skema ta’ kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, DOBELES AUTOBUSU PARKS et, C‑421/22, EU:C:2023:1028, punt 42), li madankollu din hija rregolata strettament mit-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 4(1)(b) u mir-regoli ddettaljati li jinsabu fl-anness ta’ dan ir-regolament meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-kumpens jingħata fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku fl-assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.

40

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri, meta jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilhom minn regolament, li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, għandhom jużaw dan il-marġni ta’ diskrezzjoni fil-limiti tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, sabiex ma jippreġudikawx il-kontenut u l-għanijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland, C‑319/20, EU:C:2022:322, punti 5860 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, kumpens, li l-ammont tiegħu mħallas lil operatur ta’ servizz pubbliku fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku jiddependi huwa stess mill-ammont tal-fondi stabbilit kull sena mil-Liġi dwar il-Baġit tal-Istat Membru kkonċernat u mill-ħlas sussegwenti ta’ dawn il-fondi lill-awtorità lokali kompetenti, huwa bbażat fuq parametri ta’ kalkolu li jiksru r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007, moqri flimkien mal-punt 2 tal-anness tiegħu. Fil-fatt, kuntrarjament għar-rekwiżiti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tali parametri, minn naħa, ma humiex stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, u, min-naħa l-oħra, ma humiex relatati mal-effett finanzjarju nett għall-operatur ta’ trasport pubbliku tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ servizz pubbliku.

42

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li tali sistema ta’ kumpens ma tippermettix lill-operatur ta’ servizz pubbliku kkonċernat jiddetermina, bil-preċiżjoni kollha meħtieġa, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, il-kumpens li għandu dritt jirċievi mill-awtorità kompetenti inkambju għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuqu.

43

F’dan ir-rigward, din is-sistema tista’, minħabba n-nuqqas ta’ sigurtà dovuta għall-assenza ta’ trasparenza fir-rigward tal-ammont tal-kumpens li jista’ jitħallas, tippreġudika l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1370/2007, li jikkonsisti, kif jirriżulta diġà mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, fid-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kumpens sabiex tiġi ggarantita, f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi, il-provvista ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri li jkunu kemm effettivi u finanzjarjament profittabbli, bl-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ kwalità ta’ dawn is-servizzi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, DOBELES AUTOBUSU PARKS et, C‑421/22, EU:C:2023:1028, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Minn dan isegwi li tali skema teċċedi l-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lill-Istati Membri mill-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-iskemi ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku.

45

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-kumpens imħallas mill-awtorità kompetenti lil operatur ta’ servizz pubbliku fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku jista’ jingħata lil dan tal-aħħar biss jekk il-fondi li jikkorrispondu għal dan il-kumpens ikunu ġew previsti mil-Liġi dwar il-Baġit ta’ dan l-Istat Membru għas-sena kkonċernata u jkunu tħallsu lil din l-awtorità.

Fuq it‑tieni domanda

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-ħlas, mill-awtorità kompetenti, ta’ kumpens lil operatur ta’ servizz pubbliku fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku meta l-parametri li fuqhom huwa kkalkolat dan il-kumpens ma jkunux stabbiliti f’dan il-kuntratt, iżda jkunu stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, f’regoli ġenerali li jiddeterminaw l-ammont tal-imsemmi kumpens.

47

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih isseħħ u l-għanijiet imfittxija mir-regoli li jifformaw parti minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport), C‑515/18, EU:C:2019:893, punt 23).

48

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007, għandu jiġi rrilevat li, fil-fehma tagħhom, il-kuntratti għal servizz pubbliku “u” ir-regoli ġenerali għandhom, skont il-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni, jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, il-parametri li abbażi tagħhom għandu jiġi kkalkolat il-kumpens ta’ servizz pubbliku, meta dan ikun previst.

49

Minn dan il-kliem jirriżulta b’mod ċar li, fost l-atti li jippermettu li jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens, hemm mhux biss il-kuntratti għal servizzi pubbliċi, iżda wkoll ir-regoli ġenerali, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 1370/2007, bħala miżuri li japplikaw mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi pubbliċi kollha ta’ trasport tal-passiġġieri tal-istess tip f’żona ġeografika partikolari fejn awtorità kompetenti hija responsabbli.

50

Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma jimponix li l-parametri kollha għall-kalkolu tal-kumpens previst minn kuntratt għal servizz pubbliku jkunu ddefiniti f’tali kuntratt, iżda jeżiġi biss li dawn il-parametri jiġu ddeterminati minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, kemm jekk f’kuntratt għal servizz pubbliku jew f’regoli ġenerali.

51

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, fit-tieni lok, mill-kuntest li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 2(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kuntratt għal servizz pubbliku” l-atti legalment vinkolanti li juru l-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku sabiex jafdaw lil dan tal-aħħar il-ġestjoni u l-operat tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri suġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku. Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li, skont id-dritt tal-Istati Membri, il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jista’ jikkonsisti wkoll f’deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti li tieħu l-forma ta’ att individwali, leġiżlattiv jew regolatorju, jew li tinkludi kundizzjonijiet li taħthom din l-awtorità tipprovdi hija stess is-servizzi jew tafda l-provvista tagħhom lil operatur intern.

52

Minn dan jirriżulta li, kif tikkonferma wkoll il-premessa 9 tar-Regolament Nru 1370/2007, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn is-sistemi legali tal-Istati Membri, il-kunċett ta’ “kuntratt għal servizz pubbliku”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi kkunsidrat f’sens wiesa’, u jkopri mhux biss atti ta’ natura kuntrattwali, iżda wkoll atti ta’ natura differenti, b’mod partikolari leġiżlattivi u regolamentari. Minn dan jirriżulta li tali kuntratt jista’ jikkonsisti fil-kombinazzjoni ta’ att ġuridiku ġenerali li jattribwixxi l-ġestjoni ta’ servizz pubbliku lil operatur u ta’ att amministrattiv li jispeċifika r-rekwiżiti relatati ma’ dan is-servizz, u b’hekk jikkonferma, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-parametri għall-kalkolu tal-kumpens ta’ servizz pubbliku jistgħu jiġu ddeterminati b’riferiment għal regoli ġenerali, ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari.

53

F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1370/2007, għandu jitfakkar li, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 36 u 38 ta’ din is-sentenza, l-għan ta’ trasparenza huwa ta’ importanza essenzjali fir-rigward tal-parametri ta’ kalkolu ta’ kumpens għal servizz pubbliku, b’mod partikolari meta dan ma jingħatax fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.

54

Issa, ma huwiex neċessarju, sabiex jintlaħaq dan l-għan, li l-parametri kollha għall-kalkolu tal-kumpens ikunu previsti fil-kuntratt għal servizz pubbliku konkluż bejn l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-operatur ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, peress li regoli ġenerali relatati ma’ tali parametri huma, konformement mal-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007, stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti u josservaw, barra minn hekk, fl-assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, ir-regoli ddettaljati stabbiliti fl-anness ta’ dan ir-regolament, operatur ta’ servizz pubbliku jkun f’pożizzjoni li jiddetermina, bil-preċiżjoni kollha meħtieġa, l-ammont tal-kumpens dovut lilu għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuqu.

55

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-ħlas mill-awtorità kompetenti ta’ kumpens lil operatur ta’ servizz pubbliku fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku meta l-parametri li abbażi tagħhom dan il-kumpens huwa kkalkolat ma humiex stabbiliti f’dan il-kuntratt, iżda huma stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, f’regoli ġenerali li jiddeterminaw l-ammont tal-imsemmi kumpens.

Fuq l‑ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-kumpens imħallas mill-awtorità kompetenti lil operatur ta’ servizz pubbliku fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku jista’ jingħata lil dan tal-aħħar biss jekk il-fondi li jikkorrispondu għal dan il-kumpens ikunu ġew previsti mil-Liġi dwar il-Baġit ta’ dan l-Istat Membru għas-sena kkonċernata u jkunu tħallsu lil din l-awtorità.

 

2)

L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-ħlas mill-awtorità kompetenti ta’ kumpens lil operatur ta’ servizz pubbliku fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku meta l-parametri li abbażi tagħhom dan il-kumpens huwa kkalkolat ma humiex stabbiliti f’dan il-kuntratt, iżda huma stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, f’regoli ġenerali li jiddeterminaw l-ammont tal-imsemmi kumpens.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top