EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0366

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Novembru 2023.
Viterra Hungary Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi tariffarji – Intestaturi 2304 u 2309 – Għalf tal-bhejjem mis-sojja.
Kawża C-366/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:876

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Novembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi tariffarji – Intestaturi 2304 u 2309 – Għalf tal-bhejjem mis-sojja”

Fil-Kawża C‑366/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Pécsi Törvényszék (il-Qorti ta’ Pécs, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

Viterra Hungary Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Viterra Hungary Kft., minn B. Balog, D. Kelemen u Z. Várszegi, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth, Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Béres u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi tariffarji 2304 u 2309 tan-Nomenklatura Magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas-6 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 294, p. 1 u r-rettifiki fil-ĠU 2016, L 329, p. 119, u fil-ĠU 2017, L 150, p. 19) (iktar ’il quddiem, in-“NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Viterra Hungary Kft. u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Uffiċċju Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija importata minn din il-kumpannija fl-Ungerija deskritta bħala għalf tal-bhejjem mis-sojja.

Il-kuntest ġuridiku

Is-SA

3

Is-Sistema Armonizzata tal-Indikazzjoni u tal-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, magħmula fi Brussel fl-14 ta’ Ġunju 1983, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (WCO), approvata, flimkien mal-Protokoll li Jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-Noti ta’ Spjega tas-SA ġew elaborati fi ħdan il-WCO, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

4

Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) ta’ din il-konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li tapplika r-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll għall-interpretazzjoni tan-Noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tagħha u tintrabat ukoll li ma tbiddilx il-portata tat-taqsimiet, tal-kapitoli, tal-intestaturi jew tas-subintestaturi.

5

Il-Kapitolu 23 tas-SA, intitolat “Residwi u skart mill-industriji tal-ikel; foraġġ tal-annimali ppreparat”, fih in-nota Nru 1 redatta kif ġej:

“L-intestatura 2309 tinkludi l-prodotti li jintużaw fl-għalf tal-annimali, mhux speċifikati jew imsemmijin banda oħra, miksubin bl-ipproċessar ta’ materjali veġetali jew annimali sa tali punt li jkunu tilfu l-karatteristiki essenzjali tal-materjal oriġinali, għajr l-iskart veġetali, ir-residwi veġetali u l-prodotti sekondarji ta’ dan l-ipproċessar.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Il-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali li jinsabu fin-Noti ta’ Spjega dwar il-Kapitolu 23 tas-SA huma fformulati kif ġej:

“Dan il-[k]apitolu jinkludi diversi fdalijiet u skart provenjenti mill-ipproċessar ta’ prodotti veġetali użati mill-industriji tal-ikel, kif ukoll ċerti prodotti ta’ fdalijiet ta’ oriġini annimali. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-prodotti għandhom użu identiku u ftit jew wisq esklużiv: l-għalf għall-annimali, jew waħedhom, jew f’taħlita ma’ prodotti oħra, minkejja li wħud minnhom huma tajbin għall-konsum mill-bniedem. B’mod eċċezzjonali, uħud minnhom (fond tal-inbid, argol, għalf tal-bhejjem, eċċ.) għandhom użu industrijali.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

In-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 23.04 tas-SA, li hija intitolata “Għalf tal-bhejjem (oilcake) u fdalijiet oħrajn solidi, kemm jekk mitħunin jew f’forma ta’ gerbub kif ukoll jekk le, li jirriżultaw mill-estrazzjoni ta’ żejt tas-sojja”, tiddikjara:

“Din l-intestatura tinkludi l-għalf tal-bhejjem u fdalijiet oħrajn solidi li jirriżultaw mill-estrazzjoni, permezz ta’ ppressar, permezz ta’ solventi jew permezz ta’ ċentrifugazzjoni, taż-żejt li jinsab fil-żrieragħ tas-sojja. Dawn il-fdalijiet jikkostitwixxu għalf preġjat għall-bhejjem.

Il-fdalijiet ta’ din l-intestatura jistgħu jinstabu bħala ħobż irromblat (galletti), ċapep jew taħt forma ta’ dqiq aħrax (dqiq tal-għalf tal-bhejjem). Jistgħu wkoll jiġu magħquda f’forma ta’ gerbub […]

Din l-intestatura tkopri wkoll id-dqiq tal-fażola tas-sojja mnaddaf miż-żejt mingħajr nisġa, tajjeb għall-konsum mill-bniedem.

Din l-intestatura teskludi:

[…]

(b)

Il-konċentrati tal-proteini miksuba bl-eliminazzjoni ta’ ċerti kostitwenti ta’ dqiq tas-sojja mnaddaf miż-żejt, maħsuba sabiex jiġu miżjuda ma’ preparazzjonijiet alimentari, u d-dqiq tal-fażola tas-sojja minsuġ (Nru 21.06).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

In-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 23.09 tas-SA, li hija intitolata “Preparazzjonijiet ta’ tip użati għal għalf ta’ annimali”, tindika:

“Din l-intestatura tinkludi l-preparazzjonijiet għall-għalf fil-forma ta’ ġulepp jew ta’ zokkor, kif ukoll il-preparazzjonijiet għall-konsum mill-annimali li jikkonsistu f’taħlita ta’ diversi elementi nutrittivi, maħsuba:

[…]

2)

jew li jikkompletaw ikel prodott fl-irziezet bl-introduzzjoni ta’ ċerti sustanzi organiċi jew inorganiċi (għalf li jikkumplementa);

3)

jew inkella li jidħlu fil-produzzjoni ta’ għalf komplet jew għalf li jikkumplementa.

[…]

Din l-intestatura ma tkoprix:

[…]

(c)

Il-preparazzjonijiet li, minħabba, b’mod partikolari, in-natura, il-livell ta’ purezza, il-proporzjonijiet rispettivi tal-komponenti differenti, il-kundizzjonijiet ta’ iġjene li fihom ġew elaborati u, jekk ikun il-każ, l-indikazzjonijiet li jinsabu fuq l-ippakkjar jew kull tagħrif ieħor ipprovdut għall-użu tagħhom, jistgħu jintużaw jew għall-għalf tal-annimali jew għall-konsum mill-bniedem (Nri 19.01 u 21.06, b’mod partikolari)

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

In-NM

9

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), in-Nomenklatura Magħquda, stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, din in-nomenklatura tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

10

Bis-saħħa tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tadotta, ta’ kull sena, regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-Nomenklatura Magħquda, flimkien mar-rati tad-dazji doganali konformement mal-Artikolu 1, kif jirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru u huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

11

Mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjoni tan-Nomenklatura Magħquda applikabbli fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821.

12

Skont ir-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fit-Taqsima A tat-Titolu I tal-ewwel parti tal-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.

1. It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2. (a)

Kwalunkwe referenza f’titlu [intestatura] għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

[…]

4. Oġġetti li ma jistgħux ikunu klassifikati skond ir-regoli ta’ hawn fuq għandhom ikunu klassifikati fit-titlu xieraq għall-oġġetti li huma l-iżjed jixbħu.

[…]”

13

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi Taqsima IV, intitolata “Preparazzjonijiet tal-ikel; xorb, spirti u ħall; tabakk u sostituti manifatturati tat-tabakk”, li fiha hemm il-Kapitolu 23, intitolat “Fdal u skart mill-industrija tal-ikel; għalf tal-annimali ppreparat”. In-Nota 1 ta’ dan il-kapitolu tiddikjara:

“Titlu 2309 jinkludi prodotti ta’ kwalità użata għal għalf ta’ l-annimali, mhux speċifikati jew imsemmijin band’oħra, magħmulin bl-ipproċessar ta’ materjali veġetali jew annimali f’tali stat li jkunu tilfu l-karatteristiċi essenzjali tal-materjal oriġinali, ħlief skart veġetali, fdal veġetali u riżultati ta’ dan l-ipproċessar.”

14

Taħt dan il-kapitolu, l-intestatura 2304 hija fformulata kif ġej:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata konvenzjonali ta’ dazju (%)

Unità Supplimentari

2304 00 00

Għalf tal-bhejjem (oilcake) u fdalijiet oħrajn solidi, kemm jekk mitħunin jew f’forma ta’ gerbub kif ukoll jekk le, li jirriżultaw mill-estrazzjoni ta’ żejt tas-sojja

B’xejn

15

L-intestatura 2309 hija strutturata kif ġej:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata konvenzjonali ta’ dazju (%)

Unità Supplimentari

2309

Preparazzjonijiet ta’ tip użat għal għalf ta’ l-annimali

 

 

2309 10

– Ikel għal klieb jew għal qtates, ippreżentat għal bejgħ bl-imnut

 

 

[…]

 

 

 

2309 90

– Oħrajn:

 

 

2309 90 10

– – Materjali li jinħallu ta’ ħut jew ta’ mammiferi tal-baħar

3,8

2309 90 20

– – Prodotti msemmijin f’nota addizzjonali 5 għal dan il-kapitlu

B’xejn

 

– – Oħrajn, inkluż taħlitiet lesti:

 

 

 

– – – Li fihom lamtu, glukows, ġulepp tal-glukows, maltodestrina jew ġulepp tal-maltodestrina ta’ subtitli 1702 30 50, 1702 30 90, 1702 40 90, 1702 90 50 u 2106 90 55 jew prodotti ta’ ħalib

 

 

 

– – – – Li fih lamtu, glukows, ġulepp tal-glukows, maltodestrina jew ġulepp tal-maltodestrina

 

 

 

– – – – – Li ma fihx lamtu jew fih lamtu 10 % jew inqas bil-piż

 

 

2309 90 31

– – – – – – Mingħajr prodotti ta’ ħalib jew fih inqas minn 10 % bil-piż minn dawn il-prodotti

23 €/t […]

[…]

 

 

 

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Viterra Hungary, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, talbet ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ta’ merkanzija msejħa “għalf tal-bhejjem mis-sojja”, provenjenti mill-Brażil (iktar ’il quddiem il-“prodott inkwistjoni”), li hija kklassifikat fl-intestatura 2304 tan-NM.

17

Kampjun ta’ din il-merkanzija ġie eżaminat min-Nemzeti Adó-és Vámhivatal Szakértői Intézete (id-Dipartiment ta’ Perizja tal-Uffiċċju Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem id-“Dipartiment ta’ Perizja”).

18

Qabel kollox, dan id-dipartiment qies li l-prodott inkwistjoni kien intiż bħala għalf għall-annimali. Sussegwentement, dan ikkonstata li, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-manifattura ta’ dan il-prodott kien jinkludi numru ta’ stadji li jikkonsistu, l-ewwel, fit-tindif taż-żrieragħ tas-sojja u fit-tneħħija tal-impuritajiet esterni, it-tieni, fit-tħin u t-tħaddim tal-materjal sabiex tiġi ffaċilitata l-estrazzjoni taż-żejt, it-tielet, fl-ippakkjar u fit-tisħin minn qabel tal-prodott, ir-raba’, fl-estrazzjoni taż-żejt bl-għajnuna ta’ żgrassatur ordinarju magħmul mill-eżan sakemm il-komponenti f’żejt tal-għalf tal-bhejjem mis-sojja jiġi ridott għall-massimu, il-ħames, fis-separazzjoni taż-żejt u tas-solvent permezz ta’ distillament bil-fwar, is-sitt, fl-ipproċessar termiku li matulu l-għalf tal-bhejjem mis-sojja jiġi msajjar u permezz tal-evaporazzjoni jitlef il-komponenti ta’ solventi tiegħu (eżan), u s-seba’, fit-tnixxif u t-tkessih tal-għalf tal-bhejjem mis-sojja.

19

Finalment, id-Dipartiment ta’ Perizja kkunsidra li l-għan tal-ipproċessar termiku, imsejjaħ xiwi, kien li jitneħħew l-eżan u li jsiru inattivi l-fatturi antinutrizzjonali minħabba l-ħsara tagħhom għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Skont dan id-dipartimenti, ix-xiwi jbiddel il-valuri nutrizzjonali tal-prodott. It-tneħħija tal-fatturi antinutrizzjonali jippermetti li dan il-prodott jintuża bħala għalf għall-annimali u huwa element importanti mill-perspettiva tal-klassifikazzjoni tariffarja.

20

Id-Dipartiment tal-Perizja kkonkluda li l-prodott inkwistjoni kien preparazzjoni li tirriżulta minn trasformazzjoni addizzjonali, permezz ta’ pproċessar termiku tal-fdalijiet veġetali b’komponenti ridotta ta’ żejt, miksub waqt l-estrazzjoni taż-żejt tas-sojja permezz tal-eżan. Dan ħareġ ir-rakkomandazzjoni li dan il-prodott kellu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 tan-NM.

21

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑1 ta’ Awwissu 2019, ibbażati fuq il-konklużjonijiet tad-Dipartiment tal-Perizja u fuq is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Customs Support Holland (C‑144/15, EU:C:2016:133, punti 22, 3638), l-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Livell qieset li l-klassifikazzjoni tariffarja proposta minn Viterra Hungary ma kinitx korretta u li l-prodott inkwistjoni kellu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 tan-NM. Konsegwentement, hija imputat fuq Viterra Hungary żidiet ta’ dazji doganali u ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

22

Viterra Hungary ikkontestat dawn id-deċiżjonijiet quddiem id-Direttorat tal-Appell tal-Uffiċċju Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, billi sostniet li l-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Livell kienet ikkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-kundizzjonijiet li, skont is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Customs Support Holland (C‑144/15, EU:C:2016:133) huma rilevanti sabiex prodott ikun jista’ jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 tan-NM, kienu ġew issodisfatti. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-prodott inkwistjoni ma huwiex intiż esklużivament bħala għalf għall-annimali, ma jikkostitwixxix preparazzjoni u ma għaddiex minn ipproċessar definittiv, fis-sens ta’ din is-sentenza.

23

Id-Direttorat tal-Appelli tal-Uffiċċju Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana kkonferma d-deċiżjonijiet tal-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Livell.

24

Viterra Hungary ippreżentat rikors kontra d-deċiżjonijiet tad-Direttorat tal-Appelli tal-Uffiċċju Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana quddiem il-Pécsi Törvényszék (il-Qorti ta’ Pécs, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju.

25

Permezz tas‑sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2021, din ċaħdet ir-rikorsi ta’ Viterra Hungary. Billi bbażat ruħha fuq ir-riżultati ta’ perizja li kienet ordnat, hija qieset li l-prodott inkwistjoni kien intiż esklużivament bħala għalf għall-annimali, li kien preparat u li kien għadda minn ipproċessar definittiv. Hija enfasizzat ukoll li, skont din il-perizja, dan il-prodott kien identiku, għal finijiet tariffarji, għall-għalf tal-bhejjem mis-sojja provenjenti mill-Arġentina, li fir-rigward tiegħu l-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) kienet definittivament iddeċidiet li kellu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 tan-NM.

26

Viterra Hungary ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza tal-qorti tar-rinviju quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema). F’dan l-appell, hija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari.

27

Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Jannar 2022, il-Kúria (il-Qorti Suprema) annullat is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2021 tal-qorti tar-rinviju u reġgħet bagħtet il-kawża quddiem din il-qorti. Permezz ta’ dan id-digriet, il-Kúria (il-Qorti Suprema) indikat li l-qorti tar-rinviju kellha teżamina jekk il-klassifikazzjoni tal-prodott inkwistjoni fin-NM setgħetx issir fuq il-bażi tal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u li fil-każ li din il-qorti kellha tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma tatx deċiżjoni dwar din il-kwistjoni, setgħet tinbeda proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari bil-għan li tinkiseb klassifikazzjoni korretta.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Pécsi Törvényszék (il-Qorti ta’ Pécs) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari [n-NM] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prattika ta’ Stat Membru li tikkonsisti f’li jiġi kklassifikat bħala operazzjoni tal-ipproċessar definittiva li tiġġustifika klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2309 tan-[NM], bl-esklużjoni ta’ klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2304, it-twettiq, wara l-estrazzjoni taż-żejt taż-żerriegħa tas-soja bl-għajnuna ta’ solvent, l-eżan, ta’ operazzjoni ta’ xiwi, neċessarja sabiex jiġi eliminat mill-materjal residwu l-eżan użat sabiex jiġi estratt iż-żejt, li huwa ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali?

2)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari [n-NM] għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott huwa ‘mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem’ meta

a)

l-użu tal-prodott għall-ikel tal-bniedem huwa totalment eskluż u impossibbli, jiġifieri l-prodott meqjus la jista’ jintuża u lanqas jiġi pproċessat għal finijiet ta’ ikel tal-bniedem u lanqas ma jista’ jintuża sabiex jiġi mmanifatturat prodott li jista’ jittiekel, jew

b)

il-prodott meqjus ma jistax jittiekel fl-istat li ġie importat fih, iżda jista’ jintuża sabiex jiġi mmanifatturat prodott li jista’ jittiekel wara l-użu tiegħu jew l-ipproċessar tiegħu għal finijiet ta’ ikel tal-bniedem?

3)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari [n-NM] għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott jitqies bħala ikel nutrittiv għall-annimali anki jekk il-prodott importat fil-forma ta’ ċipbord, gerbub jew granuli għandu jkun is-suġġett ta’ frammentazzjoni fiżika u inkluż f’taħlita intiża għall-konsum mill-annimali qabel ma jkun jista’ jiġi kkunsmat mill-annimali?

4)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari [n-NM] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika ta’ Stat Membru li tikkonsisti f’li jitqies bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem kull prodott ġenetikament immodifikat, jiġifieri li jipprekludi l-użu, għal finijiet ta’ ikel tal-bniedem, tal-fażola tas-soja ġenetikament immodifikata?

5)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari [n-NM] għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ prodott taħt l-intestatura 2304 jew 2309 tan-[NM], għandhom jiġu eżaminati

a)

l-użu effettiv tal-prodott wara l-importazzjoni tiegħu, jew

b)

il-karatteristiċi oġġettivi tal-prodott fil-mument tal-importazzjoni tiegħu, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk, fl-istat attwali li ġie impurtat fih, jista’ jintuża għal finijiet ta’ ikel tal-bniedem jew tal-annimali, jew tat-tnejn?

6)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari [n-NM] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-fażola tas-soja ma tkunx xierqa għall-konsum mill-bniedem ma jeskludix il-klassifikazzjoni tagħha fl-intestatura 2304 tan-[NM]?

7)

Skont interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari [tan-NM], fażola tas-soja bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, jiġifieri li kienet suġġetta għal operazzjoni ta’ xiwi, neċessarja sabiex jiġi eliminat l-eżan użat sabiex jiġi estratt iż-żejt, li huwa ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, taqa’ taħt l-intestatura 2304 jew inkella taħt l-intestatura 2309 tan-[NM]?”

Fuq id-domandi preliminari

29

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li prodott importat taħt forma ta’ ċipbord, gerbub jew granuli, miksub wara l-estrazzjoni taż-żejt tas-sojja permezz ta’ solvent u pproċessar termiku intiż li jelimina dan is-solvent sabiex dan il-prodott ikun jista’ jiġi inkorporat, wara frammentazzjoni fiżika, f’taħlita intiża għall-konsum mill-annimali, jaqa’ taħt l-intestatura 2304 ta’ din in-nomenklatura jew taħt l-intestatura 2309 tal-imsemmija nomenklatura.

30

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika l-prodotti inkwistjoni fin-NM b’mod korrett pjuttost milli tagħmel din il-klassifikazzjoni hija stess. Din il-klassifikazzjoni tirriżulta minn evalwazzjoni purament fattwali li t-twettiq tagħha ma taqax taħt il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, LB (Air loungers), C‑635/21, EU:C:2023:85, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mar-Regola Ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifiki, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif imfissra mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli korrispondenti. L-użu intenzjonat tal-prodott ikkonċernat jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni, sa fejn dan ikun inerenti għal dan il-prodott, u għandu jiġi evalwat skont il-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tal-imsemmi prodott (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, LB (Air loungers), C‑635/21, EU:C:2023:85, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li, għalkemm in-Noti ta’ Spjega tas-SA u tan-NM ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi utli għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, LB (Air loungers), C‑635/21, EU:C:2023:85, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għandu jingħad ukoll li għalkemm l-opinjonijiet tal-WCO li jikklassifikaw merkanzija fis-SA ma għandhomx setgħa legali vinkolanti, dawn jikkostitwixxu, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija fin-NM, elementi importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tal-intestaturi differenti tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Van Landeghem, C‑486/06, EU:C:2007:762, punt 25, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Pilato, C‑445/17, EU:C:2018:609, punt 26).

36

F’dan il-każ, l-intestaturi tan-NM rilevanti jaqgħu taħt il-Kapitolu 23 ta’ din in-nomenklatura u huma, minn naħa, l-intestatura 2304, li hija intitolata “Għalf tal-bhejjem (oilcake) u fdalijiet oħrajn solidi, kemm jekk mitħunin jew f’forma ta’ gerbub kif ukoll jekk le, li jirriżultaw mill-estrazzjoni ta’ żejt tas-sojja”, u, min-naħa l-oħra, l-intestatura 2309 tal-imsemmija nomenklatura, li hija intitolata “Preparazzjonijiet ta’ tip użati għal għalf ta’ annimali”.

37

Min-Nota Nru 1 tal-Kapitolu 23 tan-NM jirriżulta li prodott jista’ jiġi kkunsidrat bħala “preparat” li jaqa’ taħt l-intestatura 2309 tan-NM biss jekk ma jkunx jikkonsisti fi fdalijiet jew skart li jaqgħu taħt intestatura oħra tal-Kapitolu 23 tan-NM jew li jkunu speċifikati jew inklużi band’oħra. Għaldaqstant, bħalma indikaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, l-intestatura 2309 tan-NM hija intestatura residwa b’mod partikolari fil-konfront tal-intestatura 2304 tan-NM.

38

Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk prodott, bħall-prodott inkwistjoni, jaqax taħt din l-aħħar intestatura.

39

L-intestatura 2304 tan-NM hija intitolata “Għalf tal-bhejjem (oilcake) u fdalijiet oħrajn solidi, kemm jekk mitħunin jew f’forma ta’ gerbub kif ukoll jekk le, li jirriżultaw mill-estrazzjoni ta’ żejt tas-sojja”.

40

La n-NM u lanqas in-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ma jiddefinixxu eżattament x’inhu kopert mit-terminu “fdalijiet”. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ għandha tiġi ddeterminata t-tifsira tiegħu konformement mat-tifsira normali ta’ dan it-terminu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, Global Gravity, C‑788/21, EU:C:2023:86, punt 46).

41

Fil-lingwaġġ ta’ kuljum, fdal jindika dak li jifdal wara operazzjoni fiżika jew kimika jew ipproċessar industrijali.

42

Din l-interpretazzjoni tat-terminu “fdalijiet” hija kkonfermata mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinsabu fin-noti ta’ spjega dwar il-Kapitolu 23 tas-SA li skonthom dan il-kapitolu jinkludi diversi fdalijiet u skart provenjenti mill-ipproċessar ta’ prodotti veġetali użati mill-industriji tal-ikel.

43

Barra minn hekk, min-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 23.04 tas-SA li tikkorrispondi għall-intestatura 2304 tan-NM, jirriżulta li l-fdalijiet li jaqgħu taħt din l-intestatura huma provenjenti mill-estrazzjoni, permezz ta’ ppressar, permezz ta’ solventi jew permezz ta’ ċentrifugazzjoni, taż-żejt li jinsab fil-żrieragħ tas-sojja u li jikkostitwixxu għalf għall-bhejjem popolari ħafna.

44

F’dan il-każ, prodott, bħall-prodott inkwistjoni, deskritt bħala għalf tal-bhejjem mis-sojja, importat taħt forma ta’ ċipbord, gerbub jew granuli, miksub wara l-estrazzjoni taż-żejt li jinsab fil-fażola tas-sojja permezz ta’ solvent, l-eżan, u intiż għall-konsum mill-annimali, jidher li fih il-karatteristiċi tal-prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 2304 tan-NM, hekk kif jirriżultaw mill-formulazzjoni ta’ din l-intestatura kif ukoll taħt in-nota ta’ spjega msemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq.

45

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk karatteristiċi oħra ta’ dan il-prodott jeskluduhx mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-intestatura 2304 tan-NM, jiġifieri l-fatt li l-imsemmi prodott, wara l-estrazzjoni taż-żejt miż-żrieragħ tas-sojja permezz ta’ solvent, għadda minn ipproċessar termiku, imsejjaħ xiwi, intiż li jelimina dan is-solvent, il-fatt li għandu jkun suġġett għal frammentazzjoni fiżika u jiġi inkorporat ma’ taħlita qabel ma jiġi kkonsmat mill-annimal jew ukoll iċ-ċirkustanza li, jekk ikun il-każ, ma jkunx tajjeb għall-konsum mill-bniedem.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, ġaladarba min-noti ta’ spjega relatati mal-intestatura 23.04 tas-SA jirriżulta li l-prodotti li jaqgħu taħt din l-intestatura, inklużi dawk li jirriżultaw mill-estrazzjoni ta’ żejt tas-sojja permezz ta’ solvent, huma “għalf għall-bhejjem popolari ħafna”, dawn il-prodotti għandhom ikunu jistgħu jiġu kkunsmati mill-annimali. Issa, għal dan il-għan, huwa neċessarju li s-solvent użat għall-estrazzjoni taż-żejt jiġi eliminat, ġaladarba dan huwa ta’ ħsara għas-saħħa tal-annimali. L-ipproċessar termiku msejjaħ xiwi, intiż li jelimina dan is-solvent, għandu għalhekk jitqies li huwa indissoċjabbli mill-produzzjoni tal-fdalijiet imsemmija mill-intestatura 2304 tan-NM provenjenti mill-estrazzjoni taż-żejt permezz ta’ solvent.

47

Barra minn hekk, peress li l-estrazzjoni taż-żejt permezz ta’ solvent huwa proċess tekniku normali għall-produzzjoni ta’ għalf tal-bhejjem mis-sojja, hekk kif jirriżulta mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li jitqies li x-xiwi, li minnu jgħaddi l-prodott inkwistjoni, jikkostitwixxi pproċessar li jneħħilu n-natura tiegħu ta’ fdal, iwassal sabiex il-prodotti kollha li jirriżultaw mill-estrazzjoni taż-żejt li jinsab fiż-żerriegħa tas-sojja permezz ta’ solvent ma jkunux jaqgħu taħt din l-intestatura u għaldaqstant parti kbira mis-sustanza ta’ din l-intestatura tiġi eliminata.

48

L-interpretazzjoni tan-NM fis-sens li l-fatt li prodott, bħall-prodott inkwistjoni, ikun għadda minn ipproċessar termiku, ma jneħħilux in-natura tiegħu ta’ fdal li jaqa’ taħt l-intestatura 2304 tan-NM hija wkoll issostanzjata mill-avviż ta’ klassifikazzjoni SA tal-WCO 2304.00/1 tal‑1991, inkluż fl-Anness 2 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni li jikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, element importanti għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ din l-intestatura. Fil-fatt, dan l-avviż jikklassifika fl-intestatura 23.04 tas-SA “[d]qiq tal-fażola tas-sojja mnaddaf miż-żejt b’kontenut ta’ proteina kkalkolat fuq il-prodott xott, ta’ madwar 50 %, miksub permezz ta’ pproċessar termiku bil-fwar tal-fażola tas-sojja mnixxfa sseparata mill-qoxra tagħha, estrazzjoni permezz ta’ solventi u tħin”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

49

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tispjega li l-għalf tal-bhejjem mis-sojja taħt forma ta’ ċipbord, gerbub jew granuli, minħabba l-kontenut għoli ta’ proteina tiegħu, kellu jiġi ssuġġettat għal frammentazzjoni fiżika, jiġifieri mgħaffeġ u inkorporat f’taħlita intiża għall-konsum mill-annimali.

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-noti ta’ spjega dwar il-Kapitolu 23 tas-SA jirriżulta li l-parti l-kbira mill-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kapitolu, u għaldaqstant b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt l-intestatura 2304 tan-NM, huma intiżi għall-“konsum mill-annimali, jew waħedhom, jew f’taħlita ma’ prodotti oħra”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] B’hekk, il-fatt li prodott, bħall-prodott inkwistjoni, għandu, wara li jiġi importat, jitgħaffeġ u jiġi inkorporat ma’ taħlita sabiex ikun jista’ jiġi kkunsmat minn annimal ma jeskludihx mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-intestatura 2304 tan-NM.

51

Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward taċ-ċirkustanza li jista’ jirriżulta li l-prodott inkwistjoni ma jkunx tajjeb għall-konsum mill-bniedem, għandu jiġi osservat li mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinsabu fin-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 2304 tas-SA jirriżulta li l-“fdalijiet” li jaqgħu taħt din l-intestatura jintużaw b’mod prinċipali għall-konsum mill-annimali. Barra minn hekk, dawn jistgħu jkunu tajbin għall-konsum mill-bniedem mingħajr ma dan il-fatt ikun kundizzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jaqgħu taħt l-imsemmija intestatura.

52

Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott bħal dak inkwistjoni jaqa’ taħt l-intestatura 2304 tan-NM.

53

Din l-interpretazzjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argumenti invokati mill-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ibbażati fuq is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Customs Support Holland (C‑144/15, EU:C:2016:133).

54

Minn naħa, għal dak li jikkonċerna l-argument li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li prodott simili għall-prodott inkwistjoni, jiġifieri l-Imcosoy 62 li huwa konċentrat ta’ proteina tas-sojja, ma kienx jaqa’ taħt l-intestatura 2304 tan-NM, jeħtieġ li jiġi osservat li mill-punti 33, 35 u 41 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li din il-konklużjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq il-fatt li dan il-prodott kien miksub mid-dqiq estratt mis-sojja, wara proċess intiż, minn naħa, għall-estrazzjoni tax-xaħam li jifdal minn dan id-dqiq u ċerti sustanzi ta’ ħsara u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-komponenti oħra minbarra dawk ta’ proteina. Fil-fatt, il-proċess ta’ pproċessar tad-dqiq ta’ estrazzjoni tas-sojja, li minnu jirriżulta l-Imcosoy 62, kien ifittex għan żootekniku ddeterminat peress li kien maħsub li joħloq konċentrat tal-proteina li jista’ jittiekel mill-għoġġiela żgħar ħafna, b’differenza mid-dqiq ta’ estrazzjoni tas-sojja.

55

Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali enfasizzat li l-prodott inkwistjoni ma kien għadda minn ebda pproċessar intiż li jżid il-kontenut fi proteini, li jnaqqas l-istruttura f’fibri jew li jbiddel il-kompożizzjoni tiegħu u li x-xiwi kellu bħala għan li jelimina l-eżan, li ma huwiex komponenti naturali tas-sojja. Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, prodott bħall-prodott inkwistjoni għandu jitqies li żamm in-natura ta’ fdal li jirriżulta mill-estrazzjoni taż-żejt tas-sojja, li jaqa’ taħt l-intestatura 2304 tan-NM, kuntrarjament għall-prodott li kien inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Customs Support Holland (C‑144/15, EU:C:2016:133).

56

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument li l-prodott inkwistjoni jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet, iddikjarati f’din is-sentenza, sabiex prodott jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 tan-NM, għandu jitfakkar li, peress li din l-intestatura hija ta’ natura residwa fir-rigward tal-intestatura 2304 tan-NM, meta prodott jiġi kklassifikat f’din l-aħħar intestatura, il-fatt li jissodisfa, jekk ikun il-każ, ukoll il-kundizzjonijiet biex jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309 ta’ din in-nomenklatura huwa nieqes minn rilevanza għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott importat taħt forma ta’ ċipbord, gerbub jew granuli, miksub wara l-estrazzjoni taż-żejt tas-sojja permezz ta’ solvent u pproċessar termiku intiż li jelimina dan is-solvent sabiex dan il-prodott ikun jista’ jiġi inkorporat, wara frammentazzjoni fiżika, f’taħlita intiża għall-konsum mill-annimali, jaqa’ taħt l-intestatura 2304 ta’ din in-nomenklatura.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821, tas-6 ta’ Ottubru 2016,

 

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

 

prodott importat taħt forma ta’ ċipbord, gerbub jew granuli, miksub wara l-estrazzjoni taż-żejt tas-sojja permezz ta’ solvent u pproċessar termiku intiż li jelimina dan is-solvent sabiex dan il-prodott ikun jista’ jiġi inkorporat, wara frammentazzjoni fiżika, f’taħlita intiża għall-konsum mill-annimali, jaqa’ taħt l-intestatura 2304 ta’ din in-nomenklatura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top