EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0355

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-5 ta’ Ottubru 2023.
BV Osteopathie Van Hauwermeiren vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen Afdeling Gent.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Żamma tal-effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-355/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:737

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

5 ta’ Ottubru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Żamma tal-effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑355/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank van eerste aanleg Oost‑Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost-Vlaanderen, distrett ta’ Gent, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

BV Osteopathie Van Hauwermeiren BV

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, u I. Ziemele, Imħallef,

Avukata Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal BV Osteopathie Van Hauwermeiren BV, minn B. Hermans, S. Lippens u L. Van Lembergen, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, J.‑C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BV Osteopathie Van Hauwermeiren BV u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) fir-rigward ta’ proċess verbal kif ukoll ta’ avviż ta’ ġbir u ta’ rkupru tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta għall-perijodu mis-sena 2013 sas-sena 2019, ta’ multa u ta’ interessi.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[...]

(ċ)      il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat”.

 Iddritt Belġjan

4        L-Artikolu 44 tal-code de la taxe sur la valeur ajoutée (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) (Belgisch Staatsblad,  tas‑17 ta’ Lulju 1969, p. 7046, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), jipprevedi li ċerti provvisti ta’ servizzi hija eżenti mill-VAT.

5        L-Artikolu 8 tal-loi spéciale du 6 janvier 1989 sur la Cour constitutionnelle (il-Liġi Speċjali tas‑6 ta’ Jannar 1989 dwar il-Qorti Kostituzzjonali) (Belgisch Staatsblad, tas‑7 ta’ Jannar 1989, p. 315), jagħti s-setgħa lill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) iżżomm ċerti effetti ta’ dispożizzjoni annullata minnha.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

6        Osteopathie Van Hauwermeiren hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li kienet suġġetta għall-VAT mill‑1 ta’ Jannar 2006 sat‑30 ta’ Settembru 2020 għall-attività ekonomika: “attivitajiet oħra għas-saħħa tal-bniedem”.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Settembru 2017, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) għamlet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta, b’mod partikolari, mas-sistema fiskali nazzjonali applikabbli għall-attivitajiet tal-osteopati u relatati mal-interpretazzjoni, fost oħrajn, tal-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll mal-possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tagħmel użu minn dispożizzjoni nazzjonali li tagħtiha s-setgħa żżomm ċerti effetti ta’ att annullat biex jinżamm provviżorjament l-effett ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li hija ġġudikat li kienu inkompatibbli ma’ din id-direttiva sakemm dawn jitqiegħdu f’konformità mal-imsemmija direttiva.

8        Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet dawn id-domandi fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et (C‑597/17, EU:C:2019:544).

9        Wara din is-sentenza, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali), fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Diċembru 2019, annullat l-Artikolu 44(1) tal-Kodiċi tal-VAT, inkwantu din id-dispożizzjoni ma kinitx tippermetti l-għoti tal-eżenzjoni tal-VAT għal servizzi ta’ kiropratika jew ta’ osteopatija għal prattikanti oħra ta’ professjonijiet mediċi u paramediċi minbarra dawk imsemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, meta dawn il-prattikanti kellhom il-kwalifiki neċessarji biex jipprovdu servizzi ta’ kura lill-persuna li l-livell ta’ kwalità tagħha kienet suffiċjentement għolja biex tiġi kkunsidrata bħala simili għall-kura li kienet proposta mill-membri ta’ professjoni medika jew paramedika rregolata.

10      F’din is-sentenza, din il-qorti ddeċidiet ukoll li tagħmel użu mill-fakultà rrikonoxxuta lilha mill-Artikolu 8 tal-loi spéciale du 6 janvier 1989 sur la Cour constitutionnelle (il-Liġi Speċjali tas‑6 ta’ Jannar 1989 dwar il-Qorti Kostituzzjonali) u li żżomm l-effetti tal-imsemmija dispożizzjoni għall-fatti taxxabbli li jippreċedu l‑1 ta’ Ottubru 2019. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali marbuta mal-interessi kollha inkwistjoni, kemm pubbliċi kif ukoll privati, b’mod partikolari l-impossibbiltà konkreta li tiġi rrestitwita l-VAT miġbura indebitament mill-klijenti tal-kunsinni ta’ oġġetti jew tal-provvisti ta’ servizzi mwettqa mill-persuna taxxabbli jew ukoll li jintalbu jitħallsu minnhom fil-każ li n-nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa jiġi applikat b’mod żbaljat, b’mod partikolari meta jkunu involuti numru kbir ta’ persuni mhux identifikati jew meta l-persuni responsabbli mill-ħlas tat-taxxa ma jkollhomx sistema kontabilistika li tippermettilhom ulterjorment li jidentifikaw l-imsemmija kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi u l-valur tagħhom, jipprekludu applikazzjoni retroattiva tas-sentenza ta’ annullament.

11      Fid‑19 ta’ Lulju 2020, Osteopathie Van Hauwermeiren issottomettiet id-dikjarazzjoni tagħha tal-VAT għat-tieni trimestru tal‑2020, li fiha niżżlet ammont ta’ EUR 45 355.81 fil-parti dwar ir-regolarizzazzjonijiet tal-VAT favuriha u talbet ir-rimbors ta’ dan l-ammont.

12      Fit‑2 ta’ Settembru 2020, ġie stabbilit proċess verbali mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana li fiha din indikat li Osteopathie Van Hauwermeiren kienet responsabbli mill-ħlas ta’ dan l-ammont tal-VAT, minn multa u minn interessi.

13      Skont din l-amministrazzjoni, ladarba l-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li żżomm l-effetti tal-Artikolu 44(1) tal-Kodiċi tal-VAT għall-fatti taxxabbli qabel l‑1 ta’ Ottubru 2019, it-tranżazzjonijiet tal-Osteopathie Van Hauwermeiren li għalihom kienet dovuta l-VAT qabel l‑1 ta’ Ottubru 2019 ma jaqgħux taħt l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, Osteopathie Van Hauwermeiren ma għandhiex dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa għal dawn it-tranżazzjonijiet.

14      Fit‑12 ta’ Jannar 2021, Osteopathie Van Hauwermeiren adixxiet lir-rechtbank van eerste aanleg Oost‑Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost‑Vlanderen, distrett ta’ Gent, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-konstatazzjoni, minn naħa, tal-illegalità u tan-natura infondata, b’mod partikolari, tal-proċess verbali tat‑2 ta’ Settembru 2020 u, min-naħa l-oħra, tan-nuqqas ta’ responsabbiltà tagħha għall-ħlas tal-ammonti li huma indikati fih, jiġifieri ammont ta’ EUR 45 355.81 ta’ VAT, multa ta’ EUR 4 530 u interessi li l-ammont tagħhom huwa ta’ EUR 382.63.

15      F’dan ir-rigward, Osteopathie Van Hauwermeiren sostniet li s-sentenza tal-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑5 ta’ Diċembru 2019 għandha tiġi eskluża minħabba li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Għalhekk issostni li hija għandha dritt għar-rimbors tal-VAT li hija ħallset għall-perijodu ta’ qabel l‑1 ta’ Ottubru 2019.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oost-Vlaanderen, distrett ta’ Gent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ April 1976 [Defrenne (43/75, EU:C:1976:56)], għandha tiġi interpretata fis-sens li din is-sentenza tagħti lill-qorti nazzjonali s-setgħa awtonoma li żżomm – fuq inizjattiva tagħha stess u mingħajr rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE – abbażi ta’ dispożizzjoni legali purament nazzjonali, l-effetti fir-rigward tal-passat ta’ dispożizzjoni nazzjonali dwar l-eżenzjoni mill-VAT tas-servizzi mediċi u paramediċi meta dik l-istess qorti (wara li preċedentement, fl-istess proċedura, ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għalihom permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019 [Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et (C‑597/17, EU:C:2019:544)], tkun ikkonstatat li d-dispożizzjoni kkontestata tmur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea u tkun annullat parzjalment id-dispożizzjoni legali nazzjonali kkontestata, filwaqt li żammet l-effetti fir-rigward tal-passat tad-dispożizzjoni legali nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea u b’hekk ċaħħdet għal kollox lill-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT mid-dritt għar-rimbors tal-VAT miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni?

2)      Il-qorti nazzjonali tista’ – b’mod awtonomu u mingħajr rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE – iżżomm l-effetti fir-rigward tal-passat ta’ dispożizzjoni nazzjonali li ġie deċiż li tmur kontra d-Direttiva [2006/112], abbażi ta’ riferiment ġenerali għal ‘kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-interessi pubbliċi u privati kollha kkonċernati’ u abbażi ta’ allegata ‘impossibbiltà prattika li tiġi rrimborsata l-VAT miġbura indebitament lill-klijenti tal-kunsinni ta’ oġġetti jew tal-provvisti ta’ servizzi magħmula mil-persuna taxxabbli jew li jintalab il-pagament fil-każ ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa applikat b’mod żbaljat, b’mod partikolari meta jkunu kkonċernati numru kbir ta’ persuni mhux identifikati jew meta l-persuni taxxabbli ma jkollhomx sistema ta’ kontabbiltà li tippermettilhom jidentifikaw sussegwentement l-imsemmija kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi u l-valur tagħhom’, jekk il-persuni taxxabbli lanqas ma ngħataw il-possibbiltà li juru li tali ‘impossibbiltà konkreta’ ma teżistix?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq ittieni domanda

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi mressqa quddiemha (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2023, Danish Fluid System Technologies, C‑368/22, EU:C:2023:427, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda b’mod partikolari l-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT applikata b’mod żbaljat.

19      Għandu jiġi osservat li tali ċirkustanza ma tapplikax għall-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-kawża tirrigwarda s-sitwazzjoni inversa, jiġifieri sitwazzjoni ta’ ssuġġettar li, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ġie applikat b’mod żbaljat.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, li hemm lok li tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk qorti nazzjonali tistax tagħmel użu minn dispożizzjoni nazzjonali li tagħtiha s-setgħa li żżomm ċerti effetti ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li hija qieset li kienet inkompatibbli mad-Direttiva 2006/112, billi bbażat ruħha fuq allegata impossibbiltà ta’ restituzzjoni tal-VAT miġbura indebitament mill-klijenti tas-servizzi mwettqa minn persuna taxxabbli, b’mod partikolari minħabba n-numru kunsiderevoli ta’ persuni kkonċernati jew meta dawn il-persuni ma jkollhomx sistema kontabilistika li tippermettilhom jidentifikaw dawn is-servizzi u l-valur tagħhom.

 Fuq l-ammissibbiltà

21      Il-Gvern Belġjan isostni li t-tieni domanda hija inammissibbli.

22      Minn naħa, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tkun qed tiddeċiedi dwar il-motivi ddikjarati mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Diċembru 2019, filwaqt li, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, hija ma għandhiex is-setgħa li teżamina dawn il-motivi mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, ir-risposta għall-imsemmija domanda tissuponi evalwazzjoni tal-fatti u għaldaqstant tmur lil hinn mill-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2022:57, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Għalhekk, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura preliminari msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju saritx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 70).

25      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-qorti nazzjonali hija l-unika waħda kompetenti biex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), mill-kliem tat-tieni domanda jirriżulta li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tirrikjedi, min-naħa tagħha, applikazzjoni ta’ dan id-dritt għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

26      Għaldaqstant it-tieni domanda hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma obbligati jeliminaw il-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni u li tali obbligu huwa impost fuq kull korp tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C‑597/17, EU:C:2019:544, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għalhekk, meta dawn jikkonstataw li leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat għandhom, filwaqt li jħarsu l-għażla tal-miżuri li għandhom jittieħdu, jiżguraw li, malajr kemm jista’ jkun, id-dritt nazzjonali jitqiegħed f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u li jingħata effett sħiħ lid-drittjiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C‑597/17, EU:C:2019:544, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-kuntest, huma l-qrati nazzjonali validament aditi b’rikors kontra leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-Direttiva 2006/112 li għandhom jieħdu, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, miżuri intiżi li jevitaw l-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C‑597/17, EU:C:2019:544, punt 56).

30      Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’, b’mod eċċezzjonali u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni eżerċitata minn regola tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali li jmur kontriha. Tali limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tingħata biss fis-sentenza nnifisha li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 216 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Li kieku l-qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jagħtu supremazija lil dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru, anki fuq bażi provviżorja, is-supremazija u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreġudikata (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 217 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għandu jitfakkar ukoll li sentenza mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE torbot lill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha ġiet adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 74).

33      Barra minn hekk, peress li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola ta’ dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tippreċiża, meta dan ikun meħtieġ, it-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha, għandu jitqies li, sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni f’tilwima li jkollha quddiemha, qorti ordinarja hija obbligata twarrab l-evalwazzjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali li tirrifjuta li tagħti segwitu lil deċiżjoni preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja anki jekk din id-deċiżjoni preliminari ma tirriżultax minn talba għal deċiżjoni preliminari mressqa, b’rabta ma’ dik it-tilwima, minn din il-qorti ordinarja (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 77).

34      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 63 tas-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et (C‑597/17, EU:C:2019:544), li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni li taw lok għal din is-sentenza, qorti nazzjonali ma tistax tagħmel użu minn dispożizzjoni nazzjonali li tagħtiha s-setgħa żżomm ċerti effetti ta’ att annullat biex iżżomm provviżorjament l-effett ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li hija qieset li kienu inkompatibbli mad-Direttiva 2006/112 sakemm jitqiegħdu f’konformità ma’ din id-direttiva, bil-għan, b’mod partikolari, li jiġu limitati r-riskji ta’ nuqqas ta’ ċertezza legali li jirriżultaw mill-effett retroattiv ta’ dan l-annullament.

35      Il-punti msemmija mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża ma jistgħux jiġġustifikaw konklużjoni differenti.

36      B’hekk qed tiġi allegata l-impossibbiltà ta’ restituzzjoni tal-VAT miġbura indebitament mill-klijenti tas-servizzi mwettqa minn persuna taxxabbli, b’mod partikolari meta jkun involut numru kunsiderevoli ta’ persuni jew meta dawn il-persuni ma jkollhomx sistema kontabilistika li tippermettilhom jidentifikaw dawn is-servizzi u l-valur tagħhom. Għalhekk, tali kunsiderazzjoni hija dovuta għal diffikultajiet amministrattivi u prattiċi li jistgħu jaffaċċjaw l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-operaturi ekonomiċi fil-kuntest tar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament lill-klijenti tas-servizzi.

37      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, kieku kellu jitqies li kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jkunu ta’ natura li jwasslu, b’mod eċċezzjonali, għas-sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ tneħħija eżerċitat minn regola tad-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli fir-rigward tad-dritt nazzjonali kuntrarju għaliha, is-sempliċi riferiment għal diffikultajiet baġitarji u amministrattivi li jistgħu jirriżultaw mill-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistax ikun biżżejjed biex jiġu kkaratterizzati kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C‑597/17, EU:C:2019;544, punti 59 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-diffikultajiet amministrattivi u prattiċi li jistgħu jaffaċċjaw l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew l-operaturi ekonomiċi fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-identifikazzjoni tal-persuni li jistgħu jibbenefikaw minn rimbors, ma humiex tali, fihom infushom, li joħolqu riskju ta’ inkwiet serju u, għalhekk, l-eżistenza ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Németh, C‑290/05 u C‑333/05, EU:C:2006:652, punti 65 u 70, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punti 63 u 64).

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li qorti nazzjonali ma tistax tagħmel użu minn dispożizzjoni nazzjonali li tagħtiha s-setgħa li żżomm ċerti effetti ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li hija qieset li kienet inkompatibbli mad-Direttiva 2006/112, billi bbażat ruħha fuq allegata impossibbiltà ta’ restituzzjoni tal-VAT miġbura indebitament mill-klijenti tas-servizzi mwettqa minn persuna taxxabbli, b’mod partikolari minħabba n-numru kunsiderevoli ta’ persuni kkonċernati jew meta dawn il-persuni ma jkollhomx sistema kontabilistika li tippermettilhom jidentifikaw dawn is-servizzi u l-valur tagħhom.

 Fuq lewwel domanda

40      Fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda, li hija intiża biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet proċedurali li fihom qorti nazzjonali tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel użu minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tippermettilha żżomm provviżorjament l-effett ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun ser tannulla minħabba l-inkompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq lispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Qorti nazzjonali ma tistax tagħmel użu minn dispożizzjoni nazzjonali li tagħtiha s-setgħa li żżomm ċerti effetti ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li hija qieset li kienet inkompatibbli mad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, billi bbażat ruħha fuq allegata impossibbiltà ta’ restituzzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) miġbura indebitament mill-klijenti tas-servizzi mwettqa minn persuna taxxabbli, b’mod partikolari minħabba n-numru kunsiderevoli ta’ persuni kkonċernati jew meta dawn il-persuni ma jkollhomx sistema kontabilistika li tippermettilhom jidentifikaw dawn is-servizzi u l-valur tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top