EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0343

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-30 ta’ Marzu 2023.
PT vs VB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Proċedura dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet – Artikolu 34(2) – Att promotur fl-Istat ta’ oriġini – Komunikazzjoni regolari ta’ ordni ta’ ħlas segwita minn notifika irregolari ta’ rikors f’azzjoni għall-ħlas taħt id-dritt Svizzeru.
Kawża C-343/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:276

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

30 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Proċedura dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet – Artikolu 34(2) – Att promotur fl-Istat ta’ oriġini – Komunikazzjoni regolari ta’ ordni ta’ ħlas segwita minn notifika irregolari ta’ rikors f’azzjoni għall-ħlas taħt id-dritt Svizzeru”

Fil-Kawża C‑343/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

PT

vs

VB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Kühne, bħala aġenti,

għall-Gvern Svizzeru, minn M. Kähr u L. Lanzrein, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Ernst u S. Noë, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(2) tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit‑30 ta’ Ottubru 2007, li l-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn PT u VB dwar dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva fil-Ġermanja ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti Svizzera.

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑15 ta’ Novembru 1965

3

L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑15 ta’ Novembru 1965 dwar in-Notifika [u l-Komunikazzjoni] Barra mill-Pajjiż ta’ Dokumenti Ġudizzjarji u Estraġudizzjarji f’Affarijieti Ċivili jew Kummerċjali huwa fformulat kif ġej:

“L-Awtorità Ċentrali tal-iStat indirizzat [l-Istat rikjest] għandha hi nnifisha tinnotifika d-dokument jew inkella għandha tagħmel arranġamenti biex dan jiġi notifikat minn aġenzija adattata, jew –

(a)

permezz ta’ metodu preskritt bil-liġi lokali tagħha għas-servizz ta’ dokumenti f’azzjonijiet domestiċi lil persuni li jkunu fi ħdan it-territorju lokali, jew

(b)

xi metodu partikolari mitlub mill-applikant, kemm-il darba dak il-metodu ma jkunx wieħed inkompatibbli mal-liġi tal-iStat indirizzat.

Bla ħsara għas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, id-dokument jista’ dejjem jiġi notifikat billi jintbagħat lil persuna indirizzata li taċċettah volontarjament.

Jekk id-dokument għandu jiġi notifikat taħt l-ewwel paragrafu hawn aktar qabel, l-Awtorità Ċentrali tista’ titlob li d-dokument jinkiteb jew jiġi tradott fil-lingwa uffiċjali jew xi waħda mil-lingwi uffiċjali tal-iStat indirizzat.

Dik il-parti tat-talba, fil-formola mehmuża mal-preżenti Konvenzjoni, li jkun fiha sommarju tad-dokument li jkun se jiġi notifikat, għandha tiġi notifikata flimkien mad-dokument.”

Il‑Konvenzjoni ta’ Lugano II

4

Il-Konvenzjoni ta’ Lugano II ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Islanda, mir-Renju tan-Norveġja u mill-Konfederazzjoni Svizzera.

5

Skont l-Artikolu 34(2) ta’ din il-konvenzjoni:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

[…]

2.

meta tkun ingħatat f’każ ta’ kontumaċja, jekk il-konvenut ma ġiex notifikat bid-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew b’dokumenti ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali mod li dan ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas li jibda l-proċedimenti sabiex jikkontesta s-sentenza meta kien possibbli għalih li jagħmel dan;”

6

L-Artikolu 38(1) tal-imsemmija konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Sentenza mogħtija fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni u li tkun eżekutorja f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat ieħor marbut b’din il-Konvenzjoni meta, fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata, tkun ġiet dikjarata eżekutorja hemmhekk.”

7

Skont l-Artikolu 53 tal-istess konvenzjoni:

“1.   Parti li titlob ir-rikonoxximent jew li tapplika għal dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà għandha tipproduċi kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha.

2.   Parti li tapplika għal dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà għandha tipproduċi wkoll iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55.”

8

L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jipprevedi:

“Il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta’ Stat marbut b’din il-Konvenzjoni fejn ingħatat sentenza għandha toħroġ, fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ċertifikat skond il-formola standard fl-Anness V ta’ din il-Konvenzjoni.”

9

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu III tal-Protokoll Nru 1 dwar ċerti kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni, proċedura u eżekuzzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jipprovdi:

“L-Iżvizzera tirriżerva d-dritt li meta tirratifika tiddikjara li ma hix se tapplika s-segwenti parti tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 34(2):

‘ħlief jekk il-konvenut naqas li jistitwixxi proċedimenti sabiex jikkontesta s-sentenza meta kien possibbli għalih li jagħmel dan’.

Jekk l-Iżvizzera tagħmel dik id-dikjarazzjoni, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom japplikaw l-istess riserva fir-rigward ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ l-Iżvizzera.”

10

Konformement ma’ din ir-riżerva, il-Konfederazzjoni Svizzera ddikjarat li ma kinitx ser tapplika s-silta kkonċernata tal-Artikolu 34(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

Id‑dritt Svizzeru

11

L-Artikolu 38(2) tal-loi fédérale sur la poursuite pour dettes et la faillite (il-Liġi Federali dwar il-Proċeduri fir-Rigward tad-Djun u l-Falliment), tal‑11 ta’ April 1889, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (RS 281.1, iktar ’il quddiem, il-“LP”), jipprovdi:

“Il-proċedura tibda bil-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas. Hija tkompli permezz ta’ qbid, ta’ realizzazzjoni ta’ garanzija jew ta’ falliment.”

12

Skont l-Artikolu 67(1) ta’ din il-liġi:

“It-talba għall-ftuħ ta’ proċedura għandha ssir lill-Uffiċċju bil-miktub jew verbalment. Hija għandha tindika:

1.

l-isem u l-indirizz tal-kreditur u, fejn applikabbli, tal-mandatarju tiegħu; l-indirizz għan-notifika magħżul fl-Isvizzera, jekk jgħix barra mill-pajjiż. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni speċjali, l-Uffiċċju għandu jitqies bħala l-indirizz għan-notifika;

2.

l-isem u l-indirizz tad-debitur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant legali tiegħu; fil-każ ta’ talbiet għall-ftuħ ta’ proċedura kontra suċċessjoni, għandhom jiġu indikati l-eredi li lilhom għandha ssir il-komunikazzjoni;

3.

l-ammont tal-valur legali Svizzeru tal-kreditu jew tal-garanziji mitluba; jekk il-kreditu huwa suġġett għal interessi, ir-rata u l-jum li minnu jiddekorru;

4.

it-titolu u d-data tiegħu; fin-nuqqas ta’ titolu, il-kawża tal-obbligu.”

13

L-Artikolu 69 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1   Malli jirċievi t-talba għal-ftuħ ta’ proċedura, l-Uffiċċju għandu jfassal l-ordni ta’ ħlas.

2   Dan l-att għandu jinkludi:

1.

l-indikazzjonijiet mitluba fil-każ tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura;

2.

ordni li jitħallas, fi żmien għoxrin jum, l-ammont tad-dejn u tal-imposti, jew, meta l-proċedura titressaq kontra garanti ta’ oġġetti, ordni li dawn jiġu pprovduti f’dan it-terminu;

3.

l-avviż li d-debitur għandu jressaq oppożizzjoni fi żmien għaxart ijiem mill-komunikazzjoni, jekk ikollu l-intenzjoni jikkontesta d-dejn kollu jew parti minnu jew id-dritt tal-kreditur li jibda proċeduri;

4.

it-twissija li jekk id-debitur jonqos milli jonora l-ordni ta’ ħlas jew milli jressaq oppożizzjoni, il-proċedura ser issegwi l-kors tagħha.”

14

Skont l-Artikolu 71(1) tal-istess liġi:

“L-ordni ta’ ħlas għandu jiġi kkomunikat lid-debitur mat-tressiq tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedura.”

15

L-Artikolu 74(1) tal-LP jipprovdi:

“Id-debitur li kontrih tkun infetħet proċedura u li jkollu l-intenzjoni jressaq oppożizzjoni għandu, verbalment jew bil-miktub, jagħmel id-dikjarazzjoni immedjata ta’ din l-oppożizzjoni lill-persuna li tikkomunikalu l-ordni ta’ ħlas jew lill-Uffiċċju fi żmien għaxart ijiem mill-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas.”

16

Skont l-Artikolu 78(1) ta’ din il-liġi, l-oppożizzjoni tissospendi l-proċedura.

17

L-Artikolu 79 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Il-kreditur li kontra l-proċedura tiegħu titressaq oppożizzjoni għandu jaġixxi permezz ta’ kawża ċivili jew amministrattiva sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt tiegħu. Huwa jista’ jitlob il-kontinwazzjoni tal-proċedura biss billi jibbaża ruħu fuq deċiżjoni eżekuttiva li twarrab espliċitament l-oppożizzjoni.”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

18

Fid‑19 ta’ Jannar 2013, fuq talba ta’ VB, l-office des poursuites de Genève (l-Uffiċċju tal-Proċeduri ta’ Genève, l-Isvizzera) ikkomunika lil PT, iddomiċiljat fil-Ġermanja, ordni għall-ħlas ta’ djun tal-kera. Fit‑28 ta’ Jannar 2013, PT ressaq oppożizzjoni kontra dan l-ordni ta’ ħlas, skont l-Artikolu 74 tal-LP.

19

VB ħarrek lil PT quddiem it-tribunal des baux et loyers du canton de Genève (il-Qorti tal-Kera tal-Canton ta’ Genève, l-Isvizzera), mingħajr ma talab ir-revoka tal-oppożizzjoni. Dik il-qorti pprovat tinnotifika r-rikors, redatt bil-Franċiż, fid-domiċilju ta’ PT, fil-Ġermanja. Dan tal-aħħar, li ma kienx jifhem il-Franċiż, irrifjuta din in-notifika fl-assenza ta’ traduzzjoni tar-rikors bil-Ġermaniż. Skont il-qorti tar-rinviju, PT ma rċieva ebda informazzjoni oħra matul it-tkomplija tal-proċedura. Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2014, ikkomunikata permezz ta’ pubblikazzjoni, it-tribunal des baux et loyers du canton de Genève (il-Qorti tal-Kera tal-Canton ta’ Genève) ikkundannat lil PT iħallas ammont totali ta’ 4 120.70 frank Svizzeri (CHF) (madwar EUR 4090), miżjud bl-interessi. L-oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas ma ġietx imwarrba f’din is-sentenza.

20

VB ressaq, quddiem il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja), talba għal dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2014 fil-Ġermanja, konformement mal-Artikolu 38(1) u mal-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Għal dan il-għan huwa ppreżenta kopji awtentikati u tradotti ta’ din is-sentenza kif ukoll taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54 ta’ din il-konvenzjoni. Peress li dik il-qorti laqgħet din it-talba, PT appella minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri, il-Ġermanja).

21

Dik il-qorti ċaħdet dan l-appell billi kkunsidrat li l-Artikolu 34(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma jipprekludix ir-rikonoxximent tas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2014. Fil-fehma tagħha, l-ordni ta’ ħlas ikkomunikat b’mod regolari lill-konvenut fid‑19 ta’ Jannar 2013 kellu jitqies bħala att promotur.

22

PT ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, l-ordni ta’ ħlas ġie kkomunikat b’mod regolari iżda n-notifika tar-rikors ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑15 ta’ Novembru 1965 dwar in-Notifika [u l-Komunikazzjoni] Barra mill-Pajjiż ta’ Dokumenti Ġudizzjarji u Estraġudizzjarji f’Affarijieti Ċivili jew Kummerċjali, minħabba l-assenza ta’ traduzzjoni ta’ dan l-att bil-Ġermaniż. Il-qorti tar-rinviju tqis li, fl-assenza ta’ din it-traduzzjoni, in-notifika ma kinitx tippermetti lil PT jiddefendi ruħu.

24

Peress li l-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas kienet segwita minn notifika irregolari tar-rikors, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat liema wieħed minn dawn l-atti għandu jitqies li huwa l-att promotur.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punt 2 tal-Artikolu 34 tal-[Konvenzjoni ta’ Lugano II], għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikors promotur f’kawża bbażata fuq talba għal ħlas dovut, ippreżentat wara li qabel kien inħareġ ordni ta’ ħlas fl-Isvizzera u mingħajr ma ntalab l-annullament tal-oġġezzjoni mressqa kontra l-ordni ta’ ħlas, jikkostitwixxi d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 34(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rikors f’azzjoni għall-ħlas taħt id-dritt Svizzeru, ippreżentat wara l-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas fl-Isvizzera u mingħajr talba għar-revoka tal-oppożizzjoni mressqa kontra dan l-ordni ta’ ħlas, jikkostitwixxi l-att promotur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

27

Għandu jitfakkar li l-Konvenzjoni ta’ Lugano II hija redatta f’termini kważi identiċi għal dawk tal-artikoli korrispondenti li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), u li għandha tiġi żgurata interpretazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ dawn l-istrumenti (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Pillar Securitisation, C‑694/17, EU:C:2019:345, punt 27).

28

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li jikkorrispondi għall-Artikolu 34(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, jirriżulta li l-qorti tal-Istat Membru rikjest hija obbligata tirrifjuta jew tirrevoka, fil-każ ta’ rikors, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni barranija mogħtija fil-kontumaċja jekk l-att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx ġie kkomunikat jew innotifikat lill-konvenut kontumaċi fi żmien xieraq u b’tali mod li dan ikun jista’ jiddefendi ruħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jeżerċita rimedju kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini meta kien f’pożizzjoni li jagħmel dan (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency,C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 32).

29

F’dan ir-rigward, peress li l-Konfederazzjoni Svizzera kkomunikat riżerva taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu III tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tas-silta tal-Artikolu 34(2) ta’ din il-konvenzjoni, imsemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, dwar l-eżerċizzju ta’ rimedju kontra d-deċiżjoni barranija mogħtija fil-kontumaċja, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom japplikaw l-istess riżerva fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-qrati Svizzeri.

30

Konsegwentement, fil-kuntest tal-Artikolu 34(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u fir-rigward tar-relazzjonijiet mal-Konfederazzjoni Svizzera, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni barranija għandha tiġi rrifjutata, mingħajr eċċezzjoni, jekk l-att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx ġie kkomunikat jew innotifikat lill-konvenut kontumaċi fi żmien xieraq u b’tali mod li dan ikun jista’ jiddefendi ruħu.

31

F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, tali rifjut huwa meħtieġ jekk ma jkunx l-ordni ta’ ħlas maħruġ mill-Uffiċċju tal-Proċeduri li jitqies bħala l-att promotur, iżda jkun ir-rikors ippreżentat sussegwentement quddiem it-tribunal du canton de Genève (il-Qorti tal-Canton ta’ Genève).

32

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ att promotur jew ta’ att ekwivalenti jirreferi għall-att jew għall-atti li l-komunikazzjoni jew in-notifika tagħhom lill-konvenut, imwettqa b’mod regolari u fi żmien xieraq, jippermettulu jinvoka d-drittijiet tiegħu qabel ma tingħata sentenza eżekuttiva fl-Istat ta’ oriġini (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1995, Hengst Import, C‑474/93, EU:C:1995:243, punt 19).

33

Abbażi ta’ din id-definizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala att promotur ordni ta’ ħlas taħt id-dritt Ġermaniż (Zahlungsbefehl), li l-komunikazzjoni tiegħu tippermetti lir-rikorrent, fl-assenza ta’ oppożizzjoni, jikseb deċiżjoni eżekuttiva (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1981, Klomps, 166/80, EU:C:1981:137, punt 9) kif ukoll ordni ta’ ħlas taħt id-dritt Taljan (decreto ingiuntivo) innotifikat flimkien mar-rikors (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1995, Hengst Import, C‑474/93, EU:C:1995:243, punti 2021).

34

Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kinitx tissodisfa din id-definizzjoni ta’ att promotur awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni taħt id-dritt Ġermaniż (Vollstreckungsbefehl), li hija minnha nnifisha eżekuttiva u li tingħata wara l-komunikazzjoni ta’ ordni ta’ ħlas (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1981, Klomps, 166/80, EU:C:1981:137, punt 9).

35

Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ sekwenza ta’ żewġ proċeduri li kull waħda minnhom tippermetti li tinkiseb, fit-tmiem tagħha, deċiżjoni eżekuttiva li tirrigwarda l-istess obbligu, il-bidu tal-ewwel proċedura ma jistax jitqies bħala l-att promotur tat-tieni waħda, fis-sens tal-Artikolu 34(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, sakemm ma jkunx hemm unità funzjonali bejn iż-żewġ proċeduri.

36

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dritt Svizzeru, il-proċedura ta’ ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas quddiem l-Uffiċċju tal-Proċeduri hija distinta mill-proċedura ġudizzjarja applikabbli għal azzjoni għall-ħlas.

37

Fil-kuntest tal-ewwel proċedura, id-debitur jista’, konformement mal-Artikolu 74(1) tal-LP, iressaq oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas f’terminu ta’ għaxart ijiem. L-oppożizzjoni twaqqaf il-proċedura quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni u ġġiegħel lill-kreditur jaġixxi b’mod ġudizzjarju. Konformement mal-Artikolu 79 tal-LP, huwa biss billi jibbaża ruħu fuq deċiżjoni eżekuttiva li twarrab espliċitament l-oppożizzjoni li l-kreditur jista’ jitlob il-kontinwazzjoni tal-proċedura. Huwa fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja għall-ħlas, mibdija sussegwentement, li l-qorti tkun tista’ tiddeċiedi simultanjament dwar ir-revoka tal-oppożizzjoni.

38

It-tieni proċedura, jiġifieri l-azzjoni ġudizzjarja għall-ħlas, hija awtonoma mill-proċedura għall-irkupru ta’ dejn. Huwa minnu li l-azzjoni għall-ħlas permezz tal-proċedura ġudizzjarja hija intiża li jiġi rkuprat dejn li kien is-suġġett ta’ proċedura permezz ta’ ordni ta’ ħlas, konformement mal-Artikoli 38, 67 u 69 tal-LP. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, it-tressiq tal-azzjoni għall-ħlas mingħajr talba għar-revoka tal-oppożizzjoni ma hijiex intiża li tikkonkludi l-proċedura għall-irkupru ta’ dejn li kienet ġiet sospiża permezz tal-oppożizzjoni li, min-naħa tagħha, ma hijiex rekwiżit meħtieġ għall-azzjoni għall-ħlas.

39

Għaldaqstant, sa fejn fil-proċedura ċivili għall-ħlas ma ntalbitx ir-revoka tal-oppożizzjoni, għandu jiġi kkunsidrat, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li ma teżistix unità funzjonali bejn il-proċedura għall-irkupru ta’ dejn u l-azzjoni ġudizzjarja għall-ħlas, unità li kieku kienet tippermetti li l-ordni ta’ ħlas jitqies li huwa att promotur, fis-sens tal-Artikolu 34(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 34(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikors f’azzjoni għall-ħlas taħt id-dritt Svizzeru, ippreżentat wara l-ħruġ minn qabel ta’ ordni ta’ ħlas fl-Isvizzera u mingħajr talba għar-revoka tal-oppożizzjoni mressqa kontra dan l-ordni ta’ ħlas, jikkostitwixxi l-att promotur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 34(2) tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit‑30 ta’ Ottubru 2007, li l-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ir-rikors f’azzjoni għall-ħlas taħt id-dritt Svizzeru, ippreżentat wara l-ħruġ minn qabel ta’ ordni ta’ ħlas fl-Isvizzera u mingħajr talba għar-revoka tal-oppożizzjoni mressqa kontra dan l-ordni ta’ ħlas, jikkostitwixxi l-att promotur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Ġermaniż.

Top