This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0340
Judgment of the Court (First Chamber) of 21 December 2023.#Cofidis v Autoridade Tributária e Aduaneira.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD).#Reference for a preliminary ruling – Direct taxation – Article 49 TFEU – Freedom of establishment – Introduction of a tax on the liabilities of credit institutions for the purpose of funding the national social security system – Alleged discrimination against branches of foreign credit institutions – Directive 2014/59/EU – Framework for the recovery and resolution of credit institutions and investment firms – Scope.#Case C-340/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Cofidis vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-passiv tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex tiġi ffinanzjata s-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali – Diskriminazzjoni allegata fir-rigward ta’ fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin – Direttiva 2014/59/UE – Qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment – Kamp ta’ applikazzjoni.
Kawża C-340/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Cofidis vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-passiv tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex tiġi ffinanzjata s-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali – Diskriminazzjoni allegata fir-rigward ta’ fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin – Direttiva 2014/59/UE – Qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment – Kamp ta’ applikazzjoni.
Kawża C-340/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:1019
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
21 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-passiv tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex tiġi ffinanzjata s-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali – Diskriminazzjoni allegata fir-rigward ta’ fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin – Direttiva 2014/59/UE – Qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment – Kamp ta’ applikazzjoni”
Fil-Kawża C‑340/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti Arbitrali Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall)), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura
Cofidis
vs
Autoridade Tributária e Aduaneira,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ April 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Cofidis, minn P. Melcher, Rechtsanwalt, P. Núncio, D. Oda, F. Osório de Castro, A. Queiroz Martins u M. Teles, advogados, |
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, J. P. Cardoso da Costa, A. Pimenta u A. Rodrigues, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia, P. Caro de Sousa, A. Nijenhuis u D. Triantafyllou, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE u tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Cofidis, il-fergħa Portugiża ta’ Cofidis SA, istituzzjoni ta’ kreditu li s-sede tagħha tinsab fi Franza, u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità tat-Taxxa u tad-Dwana, il-Portugall) dwar talba għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn din il-fergħa abbażi tal-adicional de Solidariedade sobre o sector bancário (Solidarjetà Addizzjonali fis-Settur Bankarju, iktar ’il quddiem l-“ASSB”). |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessi 1, 5 u 103 tad-Direttiva 2014/59 jipprovdu:
[…]
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, din tistabbilixxi regoli u proċeduri ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni għall-entitajiet elenkati f’din id-dispożizzjoni. |
Id‑dritt Portugiż
5 |
L-Artikolu 18 u l-Anness VI tal-Lei Nru 27-A/2020, que aprova o Orçamento Suplementar para 2020 (il-Liġi Nru 27‑A/2020 li Tapprova l-Baġit Addizzjonali għall-2020), tal‑24 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Baġit Addizzjonali tal-2020”), stabbilixxew l-ASSB. |
6 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 9 tal-Anness VI tal-Liġi dwar il-Baġit Addizzjonali tal-2020, l-ASSB ġiet stabbilita bil-ħsieb li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ finanzjament tas-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali, bl-allokazzjoni sħiħa tad-dħul tagħha lill-Fundo de Estabilização Financeira da Segurança Social (il-Fond ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja tas-Sigurtà Soċjali). Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-istabbiliment tal-ASSB huwa intiż sabiex jikkumpensa għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), li minnha jgawdi s-settur bankarju fuq il-parti l-kbira tas-servizzi finanzjarji, b’mod li jqarreb il-piż fiskali sostnut minn dan is-settur lejn dak sostnut minn setturi ekonomiċi oħra. |
7 |
Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi Anness VI, huma suġġetti għall-ASSB, l-ewwel nett, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li s-sede tagħhom tinsab fit-territorju tal-Portugall (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet ta’ kreditu residenti”), it-tieni nett, is-sussidjarji Portugiżi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li s-sede tagħhom tinsab fit-territorju ta’ Stat ieħor (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti”), kif ukoll, it-tielet nett, il-fergħat Portugiżi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti. |
8 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi Anness VI jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-ASSB kif ġej: “L-ASSB hija dovuta fuq:
|
9 |
L-Artikolu 4 tal-istess Anness VI, dwar il-kwantifikazzjoni tal-bażi taxxabbli tal-ASSB, jipprovdi: “1. Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tal-punt (a) tal-artikolu preċedenti, il-passiv ifisser l-entrati kollha mdaħħla fil-karta tal-bilanċ li, tkun xi tkun il-forma jew il-modalità tagħhom, jirrappreżentaw dejn lejn terzi, bl-eċċezzjoni tal-entrati li ġejjin:
2. Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tal-punt a) tal-artikolu preċedenti, japplikaw ir-regoli li ġejjin:
|
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
10 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija fergħa Portugiża ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li s-sede tagħha tinsab fi Franza. Bħala fergħa ta’ istituzzjoni, hija suġġetta għall-ASSB, jiġifieri taxxa fuq is-settur bankarju introdotta mir-Repubblika Portugiża bil-ħsieb li ssostni finanzjarjament is-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali u tistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ bejn il-piż fiskali sostnut minn dan is-settur, li jibbenefika minn eżenzjoni mill-VAT fuq il-parti l-kbira tas-servizzi finanzjarji, u dak sostnut mis-setturi l-oħra kollha tal-ekonomija Portugiża. |
11 |
Fil‑11 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wettqet l-awtolikwidazzjoni tal-ASSB għall-ewwel semestru tas-sena 2020. Għal dan l-għan, hija ħallset ammont ta’ EUR 364 229.67. Fil‑5 ta’ Jannar 2021, hija madankollu ressqet talba amministrattiva quddiem l-awtorità fiskali, bil-għan li titlob ir-rimbors tal-imsemmi ammont. Bid-deċiżjoni tagħha tal‑21 ta’ Mejju 2021, din l-awtorità fiskali ċaħdet din it-talba. |
12 |
Fit‑23 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat azzjoni quddiem it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) – CAAD) (il-Qorti Arbitrali Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall), il-qorti tar-rinviju, għall-finijiet ta’ kontestazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Insostenn għal din l-azzjoni, hija sostniet partikolarment li l-ASSB tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. |
13 |
B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-ħolqien tal-ASSB imur kontra d-Direttiva 2014/59 u l-allegata armonizzazzjoni fiskali stabbilita minn din id-direttiva fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’termini ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija diġà intaxxata fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede tagħha, jiġifieri r-Repubblika Franċiża, abbażi tal-imsemmija direttiva, b’tali mod li r-Repubblika Portugiża ma tistax timponilha taxxa simili. |
14 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li l-ASSB tikser l-Artikolu 49 TFUE minħabba t-trattament diskriminatorju li għalih huma suġġetti l-fergħat Portugiżi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin. Fil-fatt, peress li ma għandhomx personalità ġuridika, dawn il-fergħat ma jkunux jistgħu jnaqqsu kapital proprju mill-bażi taxxabbli tagħhom abbażi tal-ASSB. |
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Qorti Arbitrali Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv)), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
16 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2014/59 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa li tolqot il-passiv tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li l-metodu ta’ kalkolu tagħha huwa allegatament simili għal dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn tali istituzzjonijiet skont din id-direttiva, iżda li d-dħul tagħha ma huwiex allokat għall-mekkaniżmi nazzjonali ta’ finanzjament ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni. |
Fuq l‑ammissibbiltà
17 |
Il-Gvern Portugiż isostni li din id-domanda hija inammissibbli, sa fejn hija nieqsa minn kull rilevanza għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li l-ASSB ma għandha ebda rabta mar-riżoluzzjoni u mal-irkupru tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, konsegwentement, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59. |
18 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
19 |
F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokat allegata inkompatibbiltà tal-ASSB mad-Direttiva 2014/59 fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domanda magħmula ma tistax titqiegħed f’dubju. Barra minn hekk, l-argument tal-Gvern Portugiż dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59 jirrigwarda, fir-realtà, il-mertu tad-domanda magħmula. |
20 |
Konsegwentement, l-ewwel domanda hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
21 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li minnu hija tagħmel parti (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Karta tal-Identità diplomatika), C‑568/21, EU:C:2023:683, punt 32). |
22 |
L-ewwel nett, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59, din tiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni għall-entitajiet elenkati f’din id-dispożizzjoni. |
23 |
It-tieni nett, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 5 ta’ din id-direttiva, din ġiet adottata wara l-kriżi finanzjarja, li żvelat in-neċessità li jiġu previsti strumenti li jippermettu li tiġi affaċċjata l-insolvenza, b’mod partikolari, tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, billi r-riskji marbuta magħha jiġu sostnuti mill-azzjonisti u l-kredituri tagħhom, u mhux mill-persuni taxxabbli. Skont il-premessa 103 tal-imsemmija direttiva, huwa fil-fatt is-settur finanzjarju kollu li għandu jiffinanzja l-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja. |
24 |
F’dan il-kuntest, it-tielet nett, il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn dawn l-istituzzjonijiet skont l-istess direttiva ma jikkostitwixxux taxxi, iżda, għall-kuntrarju, huma bbażati fuq loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). |
25 |
Għaldaqstant, id-Direttiva 2014/59 bl-ebda mod ma għandha l-għan li tarmonizza t-tassazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jeżerċitaw attività fi ħdan l-Unjoni. |
26 |
Konsegwentement, id-Direttiva 2014/59 ma tistax tipprekludi l-istabbiliment ta’ taxxa nazzjonali, bħall-ASSB, li tolqot il-passiv tal-imsemmija istituzzjonijiet u li d-dħul tagħha huwa intiż li jiffinanzja s-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, mingħajr ma jkollha rabta mar-riżoluzzjoni u mal-irkupru ta’ dawn l-istess istituzzjonijiet. Il-fatt li l-metodu ta’ kalkolu ta’ tali taxxa jixbah lil dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa skont id-Direttiva 2014/59 huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
27 |
Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2014/59 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa li tolqot il-passiv tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li l-metodu ta’ kalkolu tagħha huwa allegatament simili għal dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn tali istituzzjonijiet skont din id-direttiva, iżda li d-dħul tagħha ma huwiex allokat għall-mekkaniżmi nazzjonali ta’ finanzjament ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda
28 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi taxxa li l-bażi tagħha hija kkostitwita mill-passiv tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu residenti, kif ukoll tas-sussidjarji u tal-fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni tippermetti t-tnaqqis ta’ kapital proprju u ta’ strumenti ta’ dejn simili għal kapital proprju, li ma jistgħux jinħarġu minn entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika, bħal dawn il-fergħat. |
Fuq l‑ammissibbiltà
29 |
Il-Gvern Portugiż jikkunsidra li t-tieni domanda hija inammissibbli sa fejn hija bbażata fuq l-affermazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti ma jistgħux inaqqsu kapital proprju mill-bażi taxxabbli tagħhom abbażi tal-ASSB. Issa, din l-affermazzjoni hija kkontestata mill-awtorità fiskali fil-kuntest tal-kawża prinċipali u l-qorti tar-rinviju għadha ma vverifikatx il-veraċità tagħha, b’tali mod li d-domanda magħmula minnha hija purament ipotetika. |
30 |
Sa fejn il-Gvern Portugiż isostni li t-tieni domanda saret b’mod prematur, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-qrati nazzjonali għandhom diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom u li, b’mod partikolari, huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jqisu xieraq (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Beobank, C‑351/21, EU:C:2023:215, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Sa fejn dan il-gvern jirrileva li l-imsemmija affermazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija kkontestata fl-ambitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih id-domandi preliminari jaqgħu, kif iddefinit mid-deċiżjoni ta’ rinviju. Għaldaqstant, peress li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi li hija qiegħda tagħmel, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine, C‑50/21, EU:C:2023:448, punti 42 u 43, u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-qorti tar-rinviju, il-fergħat ta’ istituzzjonijiet mhux residenti ma humiex f’pożizzjoni li jnaqqsu mill-bażi taxxabbli tagħhom, abbażi tal-ASSB, kapital proprju jew elementi tal-passiv li jistgħu jiġu assimilati ma’ kapital proprju, peress li dawn huma strumenti li jistgħu jinħarġu biss minn entitajiet li għandhom personalità ġuridika. |
33 |
Issa, anki jekk il-qorti tar-rinviju tindika hija stess li din il-konstatazzjoni hija kkontestata fil-kuntest tal-kawża prinċipali mill-awtorità fiskali, kif isostni l-Gvern Portugiż, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddefinixxi hija stess il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi preliminari. |
34 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jistax jitqies li din id-domanda hija ta’ natura ipotetika. |
35 |
Konsegwentement, it-tieni domanda hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
36 |
B’mod preliminari, għandu jitfakkar li s-sede ta’ kumpannija sservi sabiex tiġi ddeterminata, bħan-nazzjonalità ta’ persuni fiżiċi, ir-rabta tagħha mal-ordinament ġuridiku ta’ Stat. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għal kumpannija residenti, inkluża sussidjarja residenti ta’ kumpannija mhux residenti, minn naħa, u għal fergħa ta’ kumpannija mhux residenti, min-naħa l-oħra, tikkonċerna t-trattament fiskali ta’ kumpannija residenti u ta’ kumpannija mhux residenti, rispettivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, X, C‑68/15, EU:C:2017:379, punti 35 u 36, u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment iggarantita fl-Artikoli 49 u 54 TFUE tinkludi, għall-kumpanniji kkostitwiti konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li għandhom is-sede legali tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali jew l-uffiċċju prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stati Membri oħra permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2022, W (Tnaqqis ta’ telf definittiv ta’ istituzzjoni permanenti mhux residenti), C‑538/20, EU:C:2022:717, punt 14, u tas‑16 ta’ Frar 2023, Gallaher, C‑707/20, EU:C:2023:101, punt 70). |
38 |
Peress li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 tat-Trattat FUE tħalli b’mod espliċitu lill-operaturi ekonomiċi l-possibbiltà li jagħżlu b’mod liberu l-forma legali xierqa għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor, din l-għażla libera ma għandhiex tkun limitata b’dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji (sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2006, CLT‑UFA, C‑253/03, EU:C:2006:129, punt 14; tas‑6 ta’ Settembru 2012, Philips Electronics UK, C‑18/11, EU:C:2012:532, punt 13, u tas‑17 ta’ Mejju 2017, X, C‑68/15, EU:C:2017:379, punt 40). |
39 |
Il-libertà ta’ għażla tal-forma legali xierqa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fi Stat Membru ieħor għandha għaldaqstant, b’mod partikolari, l-għan li tippermetti lill-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru li jiftħu fergħa fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċitaw fih l-attivitajiet tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għas-sussidjarji (sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2006, CLT‑UFA, C‑253/03, EU:C:2006:129, punt 15, u tas‑6 ta’ Settembru 2012, Philips Electronics UK, C‑18/11, EU:C:2012:532, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ggarantita fl-Artikolu 49 TFUE (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Manitou BF u Bricolage Investissement France, C‑407/22 u C‑408/22, EU:C:2023:392, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
B’dan il-mod, ma humiex ipprojbiti biss id-diskriminazzjonijiet manifesti bbażati fuq il-post tas-sede tal-kumpanniji, iżda hija pprojbita wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal, de facto, għall-istess riżultat (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Contship Italia, C‑433/21 u C‑434/21, EU:C:2022:760, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
B’mod partikolari, taxxa obbligatorja li tipprevedi kriterju ta’ differenzazzjoni apparentement oġġettiv, iżda li tisfavorixxi fil-parti l-kbira tal-każijiet, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha, lill-kumpanniji li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor u li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ kumpanniji li jkollhom is-sede tagħhom fl-Istat Membru tat-taxxa, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq il-post tas-sede tal-kumpanniji pprojbita mill-Artikoli 49 u 54 TFUE (sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország, C‑75/18, EU:C:2020:139, punt 43, u tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco‑Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika mingħajr distinzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu residenti, kif ukoll għas-sussidjarji u għall-fergħat Portugiżi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti. Il-bażi taxxabbli tal-ASSB hija komposta mill-passiv ta’ dawn l-entitajiet, jiġifieri, skont l-Artikolu 4 tal-Anness VI tal-Liġi dwar il-Baġit Addizzjonali tal-2020, l-elementi kollha inklużi fil-karta tal-bilanċ li, tkun xi tkun il-forma jew il-modalità tagħhom, jirrappreżentaw dejn fil-konfront ta’ terzi, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, ta’ elementi li, skont ir-regoli ta’ kontabbiltà applikabbli, huma inklużi bħala kapital proprju. |
44 |
Issa, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, kuntrarjament għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu residenti u għas-sussidjarji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti, il-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti jinsabu, minħabba li ma għandhomx personalità ġuridika, fl-impossibbiltà li jnaqqsu kapital proprju mill-bażi taxxabbli tagħhom abbażi tal-ASSB, peress li l-imsemmija entitajiet ma għandhomx, legalment, kapital proprju. Barra minn hekk, dawn il-fergħat ma humiex awtorizzati joħorġu strumenti ta’ dejn li jistgħu jiġu assimilati ma’ kapital proprju bħal, b’mod partikolari, bonds konvertibbli, bonds parteċipattivi, azzjonijiet preferenzjali li jistgħu jinġabru u bonds konvertibbli kontinġenti, b’tali mod li dawn lanqas ma jistgħu jnaqqsu tali strumenti mill-bażi taxxabbli tagħhom. |
45 |
Għalhekk jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix lill-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għas-sussidjarji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, filwaqt li tolqot mingħajr distinzjoni l-passiv tas-sussidjarji u tal-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti, din il-leġiżlazzjoni tippermetti lis-sussidjarji jnaqqsu l-bażi taxxabbli permezz tat-tnaqqis tal-kapital proprju u tal-istrumenti ta’ dejn simili għall-kapital proprju, minkejja li tali tnaqqis jidher li huwa legalment inaċċessibbli għall-imsemmija fergħat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tirrendi inqas attraenti, għall-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, l-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fil-Portugall permezz ta’ fergħa. |
47 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, differenza fit-trattament ta’ natura li tillimita l-għażla libera tal-forma legali xierqa għall-eżerċizzju ta’ attività fi Stat Membru ieħor, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita fl-Artikoli 49 u 54 TFUE. |
48 |
Sabiex din id-differenza fit-trattament tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, huwa meħtieġ li din tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Manitou BF u Bricolage Investissement France, C‑407/22 u C‑408/22, EU:C:2023:392, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
L-ewwel nett, huwa stabbilit li l-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, kif ukoll tal-għan u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI‑Fonds AEVN, C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-għanijiet tal-ASSB li jolqtu mingħajr distinzjoni s-settur bankarju kollu fil-Portugall, inklużi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu residenti, kif ukoll is-sussidjarji u l-fergħat Portugiżi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti, jikkonsistu filli jsostnu finanzjarjament is-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u filli jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċ bejn il-piż fiskali sostnut minn dan is-settur, li jibbenefika minn eżenzjoni mill-VAT fuq il-parti l-kbira tas-servizzi finanzjarji, u dak sostnut mis-setturi l-oħra kollha tal-ekonomija Portugiża. |
51 |
Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, id-dispożizzjonijiet nazzjonali ppreżentati mill-qorti tar-rinviju ma jagħmlu ebda distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu residenti u s-sussidjarji u l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti. |
52 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-għan u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jistabbilixxu tali distinzjoni. |
53 |
Konsegwentement, ma jidher li hemm xejn li jindika li s-sitwazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mhux residenti li teżerċita l-attività tagħha permezz ta’ fergħa ma hijiex oġġettivament komparabbli ma’ dik ta’ istituzzjoni ta’ kreditu residenti jew ta’ sussidjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mhux residenti. |
54 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, il-Gvern Portugiż sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-vantaġġ fiskali mogħti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu residenti, kif ukoll lis-sussidjarji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti, huwa ġġustifikat min-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali. |
55 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tali ġustifikazzjoni tkun tista’ tiġi aċċettata, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ ħlas fiskali partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock, C‑650/16, EU:C:2018:424, punt 45, kif ukoll tas‑27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2023:339, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
F’dan il-każ, ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li t-tnaqqis tal-kapital proprju mill-bażi taxxabbli abbażi tal-ASSB huwa kkumpensat bi ħlas fiskali partikolari, sostnut mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu residenti u mis-sussidjarji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti. |
57 |
Minn dan isegwi li r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ikkostitwita permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata min-neċessità li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali Portugiża. |
58 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni Ewropea sostniet, waqt is-seduta, li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata, fir-rigward tat-tnaqqis mill-bażi taxxabbli abbażi tal-ASSB tal-istrumenti ta’ dejn simili għall-kapital proprju, min-neċessità li jinżamm tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. Din l-istituzzjoni sostniet b’mod partikolari li l-esklużjoni tal-fergħat mill-benefiċċju ta’ dan it-tnaqqis kienet tippermetti li jiġi evitat li dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu jagħżlu liberament il-perimetru tal-bażi taxxabbli tagħhom abbażi tal-ASSB, billi jinkludu fih b’mod artifiċjali strumenti ta’ dejn simili għall-kapital proprju li joriġinaw mill-kumpanniji omm tagħhom, mingħajr ma l-imsemmija strumenti jkollhom neċessarjament rabta mal-attivitajiet tagħhom fil-Portugall. |
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn is-sistema inkwistjoni tkun intiża sabiex tipprekludi aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2023:339, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-għan huwa intiż b’mod partikolari sabiex jissalvagwardja s-simetrija bejn id-dritt li jiġu intaxxati l-profitti u s-setgħa li jitnaqqas it-telf ta’ istituzzjoni permanenti, sa fejn il-fatt li jiġi aċċettat li t-telf ta’ istituzzjoni permanenti mhux residenti jista’ jitnaqqas mid-dħul tal-kumpannija prinċipali jkollu l-konsegwenza li jippermetti li din tal-aħħar tagħżel liberament l-Istat Membru fejn hija tnaqqas dan it-telf (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Argenta Spaarbank, C‑350/11, EU:C:2013:447, punt 54). |
61 |
Madankollu, meta Stat Membru jkun għażel li ma jintaxxax l-entitajiet stabbiliti fit-territorju tiegħu, huwa ma jkunx jista’ jinvoka n-neċessità li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġġustifika t-tassazzjoni tal-entitajiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha, C‑303/07, EU:C:2009:377, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑27 ta’ April 2023, L Fund, C‑537/20, EU:C:2023:339, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
F’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża għażlet li ma tintaxxax l-istituzzjonijiet ta’ kreditu residenti u s-sussidjarji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti f’dak li jirrigwarda l-istrumenti ta’ dejn simili għall-kapital proprju. |
63 |
Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma jistax jinvoka n-neċessità li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġġustifika t-tassazzjoni tal-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti fir-rigward ta’ dawn l-istrumenti ta’ dejn li jistgħu jiġu assimilati mal-kapital proprju. |
64 |
Minn dan isegwi li r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ikkostitwita permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li hija ġġustifikata min-neċessità li jinżamm tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. |
65 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-libertà ta’ stabbiliment iggarantita fl-Artikoli 49 u 54 TFUE għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi taxxa li l-bażi taxxabbli tagħha hija kkostitwita mill-passiv tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu residenti, kif ukoll tas-sussidjarji u tal-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux residenti, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni tippermetti t-tnaqqis ta’ kapital proprju u ta’ strumenti ta’ dejn li jistgħu jiġu assimilati ma’ kapital proprju, li ma jistgħux jinħarġu minn entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika, bħal dawn il-fergħat. |
Fuq l‑ispejjeż
66 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.