This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0281
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 21 December 2023.#Criminal proceedings against G. K. and Others.#Request for a preliminary ruling from the Oberlandesgericht Wien.#Reference for a preliminary ruling – Judicial cooperation in criminal matters – European Public Prosecutor’s Office – Regulation (EU) 2017/1939 – Article 31 – Cross-border investigations – Judicial authorisation – Scope of the review – Article 32 – Enforcement of assigned measures.#Case C-281/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Proċeduri kriminali kontra G. K. et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill- Oberlandesgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament (UE) 2017/1939 – Artikolu 31 – Investigazzjonijiet transkonfinali – Awtorizzazzjoni ġudizzjarja – Portata tal-istħarriġ – Artikolu 32 – Infurzar ta’ miżuri assenjati.
Kawża C-281/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Proċeduri kriminali kontra G. K. et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill- Oberlandesgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament (UE) 2017/1939 – Artikolu 31 – Investigazzjonijiet transkonfinali – Awtorizzazzjoni ġudizzjarja – Portata tal-istħarriġ – Artikolu 32 – Infurzar ta’ miżuri assenjati.
Kawża C-281/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:1018
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
21 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament (UE) 2017/1939 – Artikolu 31 – Investigazzjonijiet transkonfinali – Awtorizzazzjoni ġudizzjarja – Portata tal-istħarriġ – Artikolu 32 – Infurzar ta’ miżuri assenjati”
Fil-Kawża C‑281/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ April 2022, fil-proċeduri kriminali kontra
G. K.,
B. O. D. GmbH,
S. L.
fil-preżenza ta’:
Österreichischer Delegierter Europäischer Staatsanwalt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, T. von Danwitz, F. Biltgen u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, S. Rodin, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Frar 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal G. K., B. O. D. GmbH u S. L., minn W. Gappmayer, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Österreichischer Delegierter Europäischer Staatsanwalt, minn L. De Matteis, T. Gut, I. Maschl-Clausen u F.‑R. Radu, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, J. Herrnfeld u C. Leeb, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche u M. Hellmann, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u A. Daniel, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman, A. Hanje u J. M. Hoogveld, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn M. Chicu, E. Gane u A. Wellman, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u S. Grünheid, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) u tal-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU 2017, L 283, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra G. K., B. O. D. GmbH u S. L., li huma akkużati li importaw biodiesel fl-Unjoni Ewropea billi kisru, permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz, il-leġiżlazzjoni doganali. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal-Unjoni
Id‑Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI
3 |
L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.” |
4 |
L-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi: “1. L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat. 2. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.” |
Id‑Direttiva 2014/41/UE
5 |
L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014 L 130, p. 16). “L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE [Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew] abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva.” |
6 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
2. Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità emittenti f’kull każ. 3. Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE.” |
7 |
L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mibgħut f’konformità ma’ din id-Direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva konċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-Direttiva.” |
Ir‑Regolament 2017/1939
8 |
Il-premessi 12, 14, 20, 30, 32, 60, 72, 73, 80, 83 u 85 tar-Regolament 2017/1939 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
9 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) u jistabbilixxi regoli dwar il-funzjonament tiegħu.” |
10 |
Il-punti 5 u 6 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
11 |
L-Artikolu 4 tal-istess regolament jipprovdi: “L-UPPE għandu jkun responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja fir-rigward ta’ awturi u kompliċi ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni […]. F’dak ir-rigward l-UPPE għandu jagħmel l-investigazzjonijiet, u jwettaq atti ta’ prosekuzzjoni u jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur fil-qrati kompetenti tal-Istati Membri, sa meta l-każ ikun finalment konkluż.” |
12 |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2017/1939 jipprovdi: “L-UPPE għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti fil-Karta.” |
13 |
L-Artikolu 8(1) sa (4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “1. L-UPPE għandu jkun korp indiviżibbli tal-Unjoni li jopera bħala Uffiċċju uniku bi struttura deċentralizzata. 2. L-UPPE għandu jkun organizzat f’livell ċentrali u f’livell deċentralizzat. 3. Il-livell ċentrali għandu jikkonsisti minn Uffiċċju Ċentrali fis-sede tal-UPPE. L-Uffiċċju Ċentrali għandu jikkonsisti mill-Kulleġġ, l-Awli Permanenti, il-Kap Prosekutur Ewropew, il-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Ewropej u d-Direttur Amministrattiv. 4. Il-livell deċentralizzat għandu jikkonsisti mill-Prosekuturi Delegati Ewropej li għandhom ikunu fl-Istati Membri.” |
14 |
L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom jaġixxu f’isem l-UPPE fl-Istati Membri rispettivi tagħhom u għandu jkollhom l-istess setgħat bħall-prosekuturi nazzjonali fir-rigward ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u tressiq ta’ każijiet għall-ġustizzja, addizzjonalment u soġġett għas-setgħat speċifiċi u l-istatus mogħtija lilhom, u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom ikunu responsabbli għal dawk l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet li huma jkunu bdew, li ġew allokati lilhom jew li huma ħadu billi użaw id-dritt tagħhom ta’ evokazzjoni. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom isegwu d-direzzjoni u l-istruzzjonijiet tal-Awla Permanenti inkarigata b’każ kif ukoll l-istruzzjonijiet mill-Prosekutur Ewropew superviżur. […]” |
15 |
L-Artikolu 28(1) tal-istess regolament jipprovdi: “Il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta każ jista’, f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mal-liġi nazzjonali, jew iwettaq il-miżuri ta’ investigazzjoni u miżuri oħra waħdu jew jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tiegħu. […]” |
16 |
L-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2017/1939 jipprovdi: “Mill-inqas f’każijiet fejn ir-reat soġġett għall-investigazzjoni jkun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas erba’ snin ta’ priġunerija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Prosekuturi Delegati Ewropej ikunu intitolati li jordnaw jew jitolbu l-miżuri ta’ investigazzjoni li ġejjin:
[…]
[…]” |
17 |
Skont l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Investigazzjonijiet transkonfinali”: “1. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib billi jassistu u jikkonsultaw b’mod regolari ma’ xulxin f’każijiet transkonfinali. Fejn miżura teħtieġ li ssir fi Stat Membru ieħor barra mill-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, dan il-Prosekutur Delegat Ewropew tal-aħħar għandu jiddeċiedi dwar l-adozzjoni tal-miżura meħtieġa u jassenjaha lil Prosekutur Delegat Ewropew li jinsab fl-Istat Membru fejn il-miżura jkun meħtieġ li titwettaq. 2. Il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jista’ jassenja kwalunkwe miżura, li tkun disponibbli għalih f’konformità mal-Artikolu 30. Il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ tali miżuri għandhom ikunu regolati mil-liġi tal-Istati Membri tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ. Fejn il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jassenja miżura ta’ investigazzjoni lil Prosekutur Delegat Ewropew wieħed jew lil diversi minnhom minn Stat Membru ieħor, hu għandu fl-istess ħin jinforma lill-Prosekutur Ewropew superviżur tiegħu. 3. Jekk awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-miżura tkun meħtieġa taħt il-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti, il-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti għandu jikseb dik l-awtorizzazzjoni f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Jekk l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-miżura assenjata tiġi rifjutata, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jirtira l-assenjazzjoni. Madankollu, fejn il-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti ma tesiġix tali awtorizzazzjoni ġudizzjarja, iżda l-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ tesiġiha, l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb minn dan il-Prosekutur Delegat Ewropew tal-aħħar u tiġi ppreżentata flimkien mal-assenjazzjoni. 4. Il-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti għandu jwettaq il-miżura assenjata, jew jagħti istruzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti biex tagħmel dan. 5. Fejn il-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti jqis li: […]
[…] hu għandu jinforma lill-Prosekutur Ewropew superviżur tiegħu u jikkonsulta mal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ sabiex isolvu l-kwistjoni b’mod bilaterali. 6. Jekk il-miżura assenjata ma tkunx teżisti f’sitwazzjoni purament domestika, iżda tkun disponibbli f’sitwazzjoni transkonfinali koperta minn strumenti legali dwar ir-rikonoxximent reċiproku jew il-kooperazzjoni transkonfinali, il-Prosekuturi Delegati Ewropej ikkonċernati jistgħu, bi ftehim mal-Prosekuturi Ewropej superviżuri kkonċernati, jirrikorru għal tali strumenti. 7. Jekk il-Prosekuturi Delegati Ewropej ma jkunux jistgħu jsolvu l-kwistjoni fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol u l-assenjazzjoni tinżamm, il-kwistjoni għandha tiġi rinvijata lill-Awla Permanenti kompetenti. L-istess japplika meta l-miżura assenjata ma ssirx fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-assenjazzjoni jew fi żmien raġonevoli. […]” |
18 |
L-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament, intitolat “Infurzar ta’ miżuri assenjati”, jipprovdi: “Il-miżuri assenjati għandhom jitwettqu f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jassisti. Il-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandhom jiġu segwiti dment li tali formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jassisti.” |
19 |
L-Artikolu 41(1) u (2) tal-istess regolament jipprovdi: “1. L-attivitajiet tal-UPPE għandhom jitwettqu f’konformità sħiħa mad-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati kif minquxa fil-Karta, inkluż id-dritt ta’ proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża. 2. Kwalunkwe persuna suspettata jew akkużata fil-proċedimenti kriminali tal-UPPE għandha, bħala minimu, ikollha d-drittijiet proċedurali previsti fil-liġi tal-Unjoni, inklużi direttivi li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ persuni suspettati u akkużati fi proċeduri kriminali, kif implimentati mil-liġi nazzjonali, bħal:
|
Id‑dritt Awstrijak
20 |
L-Artikolu 11(2) tal-Bundesgesetz zur Durchführung der Europäischen Staatsanwaltschaft (il-Liġi Federali dwar l-Implimentazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) jipprovdi li, fl-investigazzjonijiet transkonfinali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, fil-każ ta’ implimentazzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni fit-territorju Awstrijak, ir-responsabbiltà tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament 2017/1939 hija tal-Landesgericht (il-Qorti Reġjonali, l-Awstrija) li fiha jkun jinsab is-sede tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kompetenti. |
21 |
L-Artikolu 119(1) tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex jitwettqu tfittxijiet. |
22 |
L-Artikolu 120(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi li t-tfittxijiet għandhom jiġu ordnati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja u li l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi huma awtorizzati provviżorjament li jwettqu tfittxijiet, mingħajr digriet jew awtorizzazzjoni, biss fil-każ ta’ perikolu imminenti. |
Id‑dritt Ġermaniż
23 |
L-Artikolu 102 tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem is-”StPO”) jipprovdi: “Kull min huwa ssuspettat li wettaq jew li pparteċipa fit-twettiq ta’ reat, jew li rċieva data misruqa, li kien kompliċi, li ostakola prosekuzzjoni kriminali jew li rċieva proprjetà misruqa jista’ jkun is-suġġett ta’ tfittxija fid-dar tiegħu u f’bini ieħor, kif ukoll ta’ tfittxija fuq il-persuna tiegħu u tal-affarijiet personali tiegħu, kemm għall-finijiet tal-arrest tiegħu kif ukoll meta jkun hemm lok li jiġi preżunt li t-tfittxija ser twassal għall-iskoperta ta’ provi.” |
24 |
Skont l-Artikolu 105(1) tas-StPO: “It-tfittxijiet jistgħu jiġu ordnati biss mill-qorti u, fil-każ ta’ perikolu imminenti, ukoll mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u mill-persunal awżiljarju tiegħu (Artikolu 152 tal-Gerichtsverfassungsgesetz (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja)] […]” |
25 |
L-Artikolu 3(2) tal-Gesetz zur Ausführung der EU-Verordnung zur Errichtung der Europäischen Staatsanwaltschaft (il-Liġi ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) jipprovdi: “Meta d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jkunu jipprevedu d-digriet jew il-konferma ta’ mħallef għal dover ta’ investigazzjoni, tali digriet jew konferma għandom jinkisbu mingħand imħallef Ġermaniż fir-rigward ta’ miżuri transkonfinali li għandhom jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor parteċipanti fl-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, skont l-Artikolu 31(3) tar-[Regolament 2017/1939], biss jekk id-dritt tal-Istat Membru l-ieħor ma jeżiġix tali digriet jew konferma minn imħallef.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
26 |
Prosekutur Delegat Ewropew Ġermaniż, li qiegħed jaġixxi f’isem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, fetaħ investigazzjoni dwar frodi fiskali fuq skala kbira u appartenenza ma’ organizzazzjoni kriminali stabbilita bil-għan li jitwettqu reati fiskali. |
27 |
Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, B. O. D., kif ukoll id-diretturi tagħha, G. K. u S. L., huma akkużati li importaw biodiesel fl-Unjoni li joriġina mill-Istati Uniti billi kisru, permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz, il-leġiżlazzjoni doganali u b’hekk ikkawżaw dannu li jammonta għas-somma ta’ EUR 1295000. |
28 |
Fid‑9 ta’ Novembru 2021, assistent Prosekutur Delegat Ewropew Awstrijak, fil-kuntest tal-assistenza pprovduta f’din l-investigazzjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament 2017/1939, minn naħa, ordna tfittxijiet u qbid, kemm fil-bini kummerċjali ta’ B. O. D. u tal-kumpannija omm tagħha kif ukoll fid-djar ta’ G. K. u ta’ S. L., li kollha jinsabu fl-Awstrija, u, min-naħa l-oħra, talab lill-qrati Awstrijaċi kompetenti jawtorizzaw dawn il-miżuri. |
29 |
Wara li kiseb l-awtorizzazzjonijiet mitluba, dan l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew Awstrijak ordna lill-awtorità finanzjarja kompetenti l-eżekuzzjoni effettiva tal-imsemmija miżuri, li din l-awtorità eżegwixxiet. |
30 |
Fl‑1 ta’ Diċembru 2021, G. K., B. O. D. u S. L. ippreżentaw rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati Awstrijaċi li awtorizzaw il-miżuri inkwistjoni quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju. |
31 |
Quddiem din il-qorti, G. K., B. O. D. u S. L. isostnu, b’mod partikolari, li ebda ksur ma twettaq fl-Awstrija, li s-suspetti fil-konfront tagħhom huma insuffiċjenti, li dawn id-deċiżjonijiet tal-qrati Awstrijaċi ma humiex motivati suffiċjentement, li t-tfittxijiet ordnati la kienu neċessarji u lanqas proporzjonati u li d-dritt tagħhom għal relazzjoni ta’ fiduċja mal-avukat tagħhom inkiser. |
32 |
Quddiem l-imsemmija qorti, l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew Awstrijak ikkonċernat isostni li, konformement mal-qafas legali stabbilit mir-Regolament 2017/1939 għall-investigazzjonijiet transkonfinali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri ta’ investigazzjoni assenjati huma rregolati mid-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ u jistgħu, b’analoġija mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2014/41, jiġu eżaminati biss mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru. Ir-reati inkwistjoni diġà ġew eżaminati mill-qorti istruttorja kompetenti quddiem l-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München, il-Ġermanja). L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew jistgħu, min-naħa tagħhom, jeżaminaw biss il-formalitajiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ investigazzjoni assenjati. |
33 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li, abbażi tal-formolazzjoni tal-Artikolu 31(3) u tal-Artikolu 32 tar-Regolament 2017/1939, huwa possibbli li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li, meta miżura ta’ investigazzjoni assenjata teħtieġ il-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, din il-miżura għandha tiġi eżaminata minn qorti ta’ dan l-Istat Membru fid-dawl tar-regoli proċedurali u sostantivi kollha previsti mill-imsemmi Stat Membru. |
34 |
Madankollu, hija tenfasizza li l-konsegwenza ta’ tali interpretazzjoni tkun li tali miżura jkollha, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ eżami komplet f’żewġ Stati Membri u skont id-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom, li jimplika li d-dokumenti kollha neċessarji sabiex jitwettqu tali eżamijiet għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-qorti kompetenti fi ħdan l-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew u, skont il-każ, tradotti. Tali sistema tkun tikkostitwixxi rigressjoni meta mqabbla ma’ dik stabbilita mid-Direttiva 2014/41, li fil-kuntest tagħha l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ biss jivverifika ċerti aspetti formali. |
35 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni tar-Regolament 2017/1939 fid-dawl tal-għan tal-effettività tal-prosekuzzjonijiet tista’ timplika, fi kwalunkwe każ fis-sitwazzjoni fejn ikun diġà twettaq stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, li l-istħarriġ imwettaq fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja meħtieġa fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew jirrigwarda biss ċerti aspetti formali. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
37 |
Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Jannar 2023, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki. Bi tweġiba għal din it-talba, il-qorti tar-rinviju indikat li G. K., B. O. D. u S. L. jissemmew fid-digriet tal-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München) tat‑2 ta’ Settembru 2021 li jawtorizza tfittxijiet fil-Ġermanja, mingħajr ma ġiet eżaminata l-ġustifikazzjoni ta’ eventwali tfittxijiet fil-bini kummerċjali ta’ B. O. D. u fid-djar ta’ G. K. u ta’ S. L. fl-Awstrija. |
Fuq id-domandi preliminari
38 |
Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament 2017/1939 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-istħarriġ imwettaq fi ħdan l-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, meta miżura ta’ investigazzjoni assenjata tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, jista’ jirrigwarda kemm il-provi dwar il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ din il-miżura kif ukoll dawk relatati mal-eżekuzzjoni tagħha. Hija tistaqsi, f’dan il-kuntest, dwar l-effett tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmija miżura li kien twettaq preċedentement fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ fuq il-portata tal-istħarriġ tal-istess miżura, abbażi ta’ din l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja, fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew. |
39 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament 2017/1939 għandu l-għan, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u li jiffissa l-modalitajiet ta’ funzjonament tiegħu. |
40 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkun kompetenti sabiex jinvestiga, iqiegħed taħt akkuża u jressaq il-qorti l-awturi u l-kompliċi ta’ reati kriminali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jwettaq investigazzjonijiet, jimplimenta atti ta’ prosekuzzjoni u jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur fil-qrati kompetenti tal-Istati Membri, sakemm il-kawża tinqata’ definittivament. |
41 |
L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkun korp indiviżibbli tal-Unjoni li jopera bħala uffiċċju tal-prosekutur pubbliku uniku bi struttura deċentralizzata. Il-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxu li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jiġi organizzat fuq livell doppju, jiġifieri, minn naħa, livell ċentrali, li jikkonsisti fl-Uffiċċju Ċentrali, li jinsab fis-sede tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u, min-naħa l-oħra, livell deċentralizzat, li huwa kkostitwit mill-Prosekuturi Delegati Ewropej assenjati fl-Istati Membri. |
42 |
Skont l-Artikolu 13(1) tal-istess regolament, moqri fid-dawl tal-premessi 30 u 32 tiegħu, l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom, bħala prinċipju, jitwettqu mill-Prosekuturi Delegati Ewropej, li jaġixxu f’isem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fl-Istati Membri rispettivi tagħhom. |
43 |
Minn qari flimkien ta’ dan l-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2017/1939 jirriżulta li l-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, jiġifieri l-Prosekutur Delegat Ewropew responsabbli mill-investigazzjonijiet u mill-prosekuzzjonijiet mibdija minnu, li ġew fdati lilu jew li ġie adit bihom bl-eżerċizzju tad-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu, jista’, konformement ma’ dan ir-regolament u mad-dritt tal-Istat Membru tiegħu, jieħu miżuri ta’ investigazzjoni u miżuri oħra fuq inizjattiva tiegħu stess, jew jinkariga lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tiegħu sabiex jieħdu dawn il-miżuri. |
44 |
Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ fi ħdan l-Istat Membru tiegħu, meta dan jiddeċiedi li jieħu miżura ta’ investigazzjoni li teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, huma l-qrati ta’ dak l-Istat Membru li għandhom jistħarrġu l-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti għal dan il-għan. B’kuntrast, fil-kawżi transkonfinali, meta miżura ta’ investigazzjoni għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru differenti minn dak tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, dan tal-aħħar għandu jkun jista’ jibbaża ruħu, kif jirriżulta mill-punt 6 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 72 tiegħu, fuq assistent Prosekutur Delegat Ewropew fl-Istat Membru fejn għandha tiġi eżegwita tali miżura. |
45 |
Is-sistema applikabbli għall-adozzjoni u għall-eżekuzzjoni ta’ tali miżura fil-kuntest ta’ investigazzjoni transkonfinali hija ddefinita mill-Artikoli 31 u 32 tal-istess regolament, li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, hemm lok li jsir riferiment għalihom sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li jista’ jitwettaq fi ħdan l-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, meta tali miżura tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formolazzjoni tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament 2017/1939, mill-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet transkonfinali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa bbażat fuq kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Prosekuturi Delegati Ewropej. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, fejn miżura teħtieġ li tiġi implimentata fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, dan tal-aħħar għandu jiddeċiedi dwar l-adozzjoni tal-miżura meħtieġa u jassenjaha lil assistent Prosekutur Delegat Ewropew li jinsab fl-Istat Membru fejn għandha tiġi eżegwita l-miżura. |
48 |
L-Artikolu 31(2) tal-imsemmi regolament jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ tali miżura għandhom ikunu rregolati mid-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ. |
49 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tal-imsemmi regolament, jekk il-miżura assenjata tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, dan tal-aħħar għandu jikseb din l-awtorizzazzjoni konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru. |
50 |
Madankollu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament 2017/1939, fejn id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew ma jeżiġix tali awtorizzazzjoni ġudizzjarja, iżda din hija madankollu meħtieġa mid-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb mill-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ u għandha tiġi ppreżentata flimkien mal-assenjazzjoni. |
51 |
L-Artikolu 31(4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew għandu jeżegwixxi l-miżura assenjata jew jinkariga lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tagħmel dan. |
52 |
L-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament jipprovdi li tali miżura għandha tiġi implimentata konformement mal-istess regolament u mad-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew. |
53 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament 2017/1939 jipprevedi l-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew meta miżura ta’ investigazzjoni assenjata tkun teħtieġ tali awtorizzazzjoni skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, l-Artikoli 31 u 32 ta’ dan ir-regolament madankollu ma jispeċifikawx il-portata tal-istħarriġ li jista’ jitwettaq għall-finijiet ta’ din l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja mill-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru. |
54 |
Dan premess, mill-formolazzjoni tal-Artikolu 31(1) u (2) u mill-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ għandu jiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata u li din l-adozzjoni, kif ukoll il-ġustifikazzjoni ta’ din il-miżura, huma rregolati mid-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, filwaqt li l-eżekuzzjoni ta’ tali miżura hija rregolata mid-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew. |
55 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li jagħmlu parti minnu l-Artikoli 31 u 32 tal-istess regolament, għandu jiġi rrilevat li d-distinzjoni stabbilita minn dawn l-artikoli bejn il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata, minn naħa, u l-eżekuzzjoni tagħha, min-naħa l-oħra, tirrifletti l-loġika sottostanti s-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri, li hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku. |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa, min-naħa tiegħu, ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li dawn jippermettu li tinħoloq u tinżamm żona mingħajr fruntieri interni (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 92, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jimplika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka fir-rigward tal-fatt li kull wieħed mill-Istati Membri jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri oħra, minkejja li l-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu stess tista’ twassal għal soluzzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 52, u tal‑10 ta’ Jannar 2019, ET, C‑97/18, EU:C:2019:7, punt 33). |
58 |
Dan il-prinċipju huwa implimentat minn diversi strumenti li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri. |
59 |
Għalhekk, l-imsemmi prinċipju huwa b’mod partikolari espress fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jistabbilixxi r-regola li tgħid li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-istess prinċipju u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-ligi fl-istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
Fil-kuntest tas-sistema ta’ konsenja stabbilita mill-imsemmija deċiżjoni qafas, l-awtoritajiet ġudizzjarji msemmija, rispettivament, fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni qafas, jeżerċitaw funzjonijiet distinti marbuta, minn naħa, mal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, min-naħa l-oħra, mal-eżekuzzjoni ta’ tali mandat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 47). |
61 |
Għaldaqstant, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ emissjoni li għandha tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tista’, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, tiġi sussegwentement mistħarrġa mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 52, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et., C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 87 u 88). |
62 |
Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa wkoll espress fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/41, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu ordni ta’ investigazzjoni Ewropea abbażi ta’ dan il-prinċipju u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. |
63 |
Minn qari flimkien tal-Artikoli 6 u 9 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li s-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja prevista minnha hija bbażata, bħal dik stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fuq tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ emissjoni u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li fil-kuntest tagħha hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ emissjoni li għandha tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi neċessarji għall-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tista’, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, tiġi sussegwentement ivverifikata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni), C‑724/19, EU:C:2021:1020, punt 53). |
64 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri bbażata fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma hijiex mistennija tistħarreġ l-osservanza, mill-awtorità ta’ emissjoni, tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tad-deċiżjoni ġudizzjarja li hija għandha teżegwixxi. |
65 |
Fit-tielet lok, mill-premessi 12, 14, 20 u 60 tar-Regolament 2017/1939 jirriżulta li dan ir-regolament, permezz tal-istabbiliment ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, għandu l-għan li jiġġieled b’mod iktar effikaċi r-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
66 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 31(6) tar-Regolament 2017/1939, moqri fid-dawl tal-premessa 73 tiegħu, jirriżulta li r-regoli speċifiċi previsti minn dan ir-regolament għall-finijiet tal-investigazzjonijiet transkonfinali għandhom ikunu jistgħu jiġu kkompletati mill-possibbiltà li jintużaw strumenti legali fil-qasam, b’mod partikolari, tar-rikonoxximent reċiproku, bħall-istrument stabbilit mid-Direttiva 2014/41, sabiex jiġi żgurat li, meta miżura tkun neċessarja f’tali investigazzjoni, iżda ma tkunx teżisti fid-dritt nazzjonali għal sitwazzjoni purament interna, din il-possibbiltà tkun tista’ tintuża konformement mad-dritt nazzjonali li jimplimenta l-istrument ikkonċernat. |
67 |
Minn dan isegwi li, billi ddefinixxa l-proċeduri previsti mir-Regolament 2017/1939, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi mekkaniżmu li jiggarantixxi grad ta’ effikaċja tal-investigazzjonijiet transkonfinali mwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tal-inqas daqstant għoli daqs dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċeduri previsti fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri bbażat fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku. |
68 |
Madankollu, interpretazzjoni tal-Artikoli 31 u 32 ta’ dan ir-regolament fis-sens li l-għoti tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tal-imsemmi regolament jista’ jkun suġġett għal eżami, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, tal-elementi relatati mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-miżura ta’ investigazzjoni assenjata kkonċernata, twassal, fil-prattika, għal sistema inqas effikaċi minn dik stabbilita minn tali strumenti legali u għalhekk tippreġudika l-għan imfittex mill-istess regolament. |
69 |
Fil-fatt, minn naħa, sabiex tkun tista’ twettaq tali eżami, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew għandha, b’mod partikolari, teżamina fid-dettall il-fajl kollu, li għandu jintbagħat lilha mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, u skont il-każ, tradott. |
70 |
Min-naħa l-oħra, peress li l-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata jaqgħu, minħabba għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, taħt id-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew għandha, għall-finijiet tal-eżami tal-osservanza ta’ dawn iż-żewġ elementi, tapplika d-dritt tal-ewwel Stat Membru. Din l-awtorità ma tistax titqies li hija f’pożizzjoni aħjar mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ sabiex twettaq tali eżami fid-dawl tad-dritt ta’ dan l-aħħar Stat Membru. |
71 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-Regolament 2017/1939 jistabbilixxi, għall-finijiet tal-kooperazzjoni bejn il-Prosekuturi Delegati Ewropej fil-kuntest tal-investigazzjonijiet transkonfinali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, distinzjoni bejn ir-responsabbiltajiet marbuta mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-miżura assenjata, li jaqgħu taħt il-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, u dawk relatati mal-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura, li jaqgħu taħt l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew. |
72 |
Konformement ma’ dan it-tqassim tar-responsabbiltajiet, l-istħarriġ relatat mal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja li tkun meħtieġa skont id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew jista’ jkopri biss l-elementi relatati ma’ din l-eżekuzzjoni. |
73 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi enfasizzat li, konformement mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament 2017/1939, huwa l-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ li għandu jipprevedi stħarriġ ġudizzjarju minn qabel tal-kundizzjonijiet dwar il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Karta, li l-osservanza tagħha hija imposta fuq l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta. |
74 |
It-tqassim tar-responsabbiltajiet deskritt fil-punti 71 u 72 ta’ din is-sentenza huwa għalhekk bla ħsara għar-rekwiżiti relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali waqt l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ investigazzjoni assenjati li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu ndħil fid-dritt ta’ kull persuna għar-rispett tal-ħajja privata u familjari tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll fid-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Gavanozov II, C‑852/19, EU:C:2021:902, punt 31). |
75 |
Fir-rigward ta’ miżuri ta’ investigazzjoni li jinvolvu ndħil serju f’dawn id-drittijiet fundamentali, bħalma huma t-tfittxijiet fi djar privati, il-miżuri kawtelatorji relatati ma’ beni personali u l-iffriżar tal-assi, imsemmija fl-Artikolu 30(1)(a) u (d) tar-Regolament 2017/1939, huwa l-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ li għandu jipprevedi, fid-dritt nazzjonali, salvagwardji adegwati u suffiċjenti, bħal stħarriġ ġudizzjarju minn qabel, sabiex tiġi żgurata l-legalità u n-neċessità ta’ tali miżuri. |
76 |
Barra minn hekk, lil hinn mill-garanziji ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali marbuta mal-istrumenti legali tal-Unjoni li l-Prosekuturi Delegati Ewropej jistgħu jirrikorru għalihom skont l-Artikolu 31(6) tar-Regolament 2017/1939 fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet transkonfinali, għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li, kemm skont il-premessi 80 u 83 kif ukoll l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali. Dan ir-rekwiżit ġenerali huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 41(1) u (2) tal-imsemmi regolament, li minnu jirriżulta li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu b’mod partikolari jirrispetta d-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati, li għandhom igawdu mill-inqas, id-drittijiet proċedurali previsti fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-istrumenti ta’ dan id-dritt identifikati f’din l-aħħar dispożizzjoni u fil-premessa 85 tal-istess regolament. |
77 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm l-awtoritajiet, b’mod partikolari dawk ġudizzjarji, tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew ma humiex awtorizzati jeżaminaw il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata, għandu madankollu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 31(5)(c) tar-Regolament 2017/1939, meta l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew iqis li miżura oħra inqas intrużiva tippermetti li jinkisbu l-istess riżultati bħall-miżura ta’ investigazzjoni assenjata inkwistjoni, huwa għandu jinforma lill-Prosekutur Pubbliku Ewropew tiegħu responsabbli mis-superviżjoni tal-kawża u għandu jikkonsulta mal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ sabiex isolvi l-kwistjoni fuq livell bilaterali. Skont l-Artikolu 31(7) ta’ dan ir-regolament, jekk il-Prosekuturi Delegati Ewropej ma jkunux jistgħu jsolvu l-kwistjoni f’terminu ta’ sebat ijiem ta’ xogħol u jekk l-assenjazzjoni tinżamm, il-kwistjoni għandha tiġi rrinvjata lill-Awla Permanenti kompetenti. |
78 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tliet domandi għanda tkun li l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament 2017/1939 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istħarriġ imwettaq fi ħdan l-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, meta miżura ta’ investigazzjoni assenjata tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, jista’ jirrigwarda biss l-elementi relatati mal-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura, bl-esklużjoni ta’ elementi relatati mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-imsemmija miżura; dawn l-elementi tal-aħħar għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju minn qabel fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ f’sitwazzjoni ta’ ndħil serju fid-drittijiet tal-persuna kkonċernata ggarantiti mill-Karta. |
Fuq l-ispejjeż
79 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) |
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
l-istħarriġ imwettaq fi ħdan l-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, meta miżura ta’ investigazzjoni assenjata tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, jista’ jirrigwarda biss l-elementi relatati mal-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura, bl-esklużjoni ta’ elementi relatati mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-imsemmija miżura; dawn l-elementi tal-aħħar għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju minn qabel fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ f’sitwazzjoni ta’ ndħil serju fid-drittijiet tal-persuna kkonċernata ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.