This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0277
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 25 January 2024.#Global NRG Kereskedelmi és Tanácsadó Zrt. v Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal.#Request for a preliminary ruling from the Fővárosi Törvényszék.#Reference for a preliminary ruling – Internal market in natural gas – Directive 2009/73/EC – Article 41(17) – Natural gas transmission system – National regulatory authority – Fixing of system usage charges and connection fees – Fixing of remuneration for any services provided by the system operator – Concept of ‘a party affected by a decision of a regulatory authority’ – Appeal against that decision – Right to an effective remedy – Article 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union.#Case C-277/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ Jannar 2024.
Global NRG Kereskedelmi és Tanácsadó Zrt. vs Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Artikolu 41(17) – Network ta’ trażmissjoni tal-gass naturali – Awtorità regolatorja nazzjonali – Iffissar tat-tariffi għall-użu tan-netwerk u għall-konnessjoni man-netwerk – Iffissar tar-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti mill-operatur tan-netwerk – Kunċett ta’ ‘parti leża minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja’ – Rimedji kontra din id-deċiżjoni – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-277/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ Jannar 2024.
Global NRG Kereskedelmi és Tanácsadó Zrt. vs Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Artikolu 41(17) – Network ta’ trażmissjoni tal-gass naturali – Awtorità regolatorja nazzjonali – Iffissar tat-tariffi għall-użu tan-netwerk u għall-konnessjoni man-netwerk – Iffissar tar-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti mill-operatur tan-netwerk – Kunċett ta’ ‘parti leża minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja’ – Rimedji kontra din id-deċiżjoni – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-277/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:78
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
25 ta’ Jannar 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Artikolu 41(17) – Network ta’ trażmissjoni tal-gass naturali – Awtorità regolatorja nazzjonali – Iffissar tat-tariffi għall-użu tan-netwerk u għall-konnessjoni man-netwerk – Iffissar tar-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti mill-operatur tan-netwerk – Kunċett ta’ ‘parti leża minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja’ – Rimedji kontra din id-deċiżjoni – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑277/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2022, fil-proċedura
Global NRG Kereskedelmi és Tanácsadó Zrt.
vs
Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal,
fil-preżenza ta’:
FGSZ Földgázszállító Zrt.
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Global NRG Kereskedelmi és Tanácsadó Zrt., minn K. Bendzsel-Zsebik, M. Kohlrusz u B. Világi, ügyvédek, |
– |
għal Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal, minn L. Hoschek, A. T. Kiss u F. F. Tölgyessy, konsulenti legali, |
– |
għal FGSZ Földgázszállító Zrt., minn K. Barkasziné Takács u P. Németh, konsulenti legali, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, T. Scharf u A. Tokár, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Global NRG Kereskedelmi és Tanácsadó Zrt. (iktar ’il quddiem “Global NRG”), kumpannija li tikkummerċjalizza l-gass naturali, u l-Magyar Energetikai és Közmreuh-szabályozási Hivatal (l-Awtorità Ungeriża li Tirregola s-Settur tal-Enerġija u tas-Servizzi ta’ Utilità Pubblika) (iktar ’il quddiem ir-“regolatur nazzjonali”) dwar il-legalità tad-deċiżjoni tar-regolatur nazzjonali li tiffissa t-tariffi għall-użu u għall-konnessjoni man-network ta’ trażmissjoni ta’ gass naturali kif ukoll ir-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti mill-operatur ta’ dan in-netwerk. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2009/73
3 |
Il-premessa 33 tad-Direttiva 2009/73 tipprevedi: “ […] Il-korp indipendenti li lilu għandha d-dritt tappella parti li tintlaqat [leża] minn deċiżjoni ta’ regolatur nazzjonali, jista’ jkun qorti jew tribunal ieħor li jkollhom is-setgħa jwettqu reviżjoni [stħarriġ] ġudizzjarja.” |
4 |
L-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-aċċess għal partijiet terzi”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ aċċess għal parti terza għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, u faċilitajiet tal-LNG abbażi ta’ tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha, inklużi l-impriżi ta’ forniment u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. Din is-sistema, ibbażata fuq tariffi ppubblikati, għandha tiġi applikata oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ konformement mal-Artikolu 41 minn awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 39(1) u li dawk it-tariffi — u l-metodoloġiji, fejn il-metodoloġiji biss ikunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.” |
5 |
Skont l-Artikolu 41 tal-imsemmi direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtorità regolatorja”: “ 1. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:
[…] 6. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli biex jistipulaw jew japprovaw biżżejjed qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, mill-inqas il-metodoloġiji użati għall-kalkolu jew l-istabbiliment tat-termini u l-kondizzjonijiet għal:
[…] 10. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom l-awtorità li jesiġu li l-operaturi tas-sistema [network] ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, tal-ħżin, tal-LNG, jekk hekk ikun meħtieġ, jimmodifikaw it-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi t-tariffi u l-metodoloġiji msemmija f’dan l-Artikolu, biex jiżguraw li jkunu proporzjonati u applikati b’mod mhux diskriminatorju. […] […] 17. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adegwati fuq livell nazzjonali li bihom parti affettwata [leża] minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja jkollha d-dritt għall-appell lil [teżerċita rimedju quddiem] entità indipendenti mill-partijiet involuti u ta’ [minn] kwalunkwe gvern.” |
Ir‑Regolament (KE) Nru 715/2009
6 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU 2009, L 211, p. 36, bir-rettifiki fil-ĠU 2009, L 229, p. 29, u fil-ĠU 2009, L 309, p. 87), fil-paragrafu (1) tiegħu jipprevedi: “It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, applikati minn operaturi tas-sistema [network] ta’ trażmissjoni u approvati mill-awtoritajiet regolatorji fl-Artikolu 41(6) tad-Direttiva [2009/73] kif ukoll it-tariffi ppubblikati fl-Artikolu 32(1) ta’ dik id-Direttiva, għandhom ikunu trasparenti, jieħdu kont tal-ħtieġa tal-integrità tas-sistema u t-titjib tagħha u jirriflettu l-ispejjeż effettivament magħmulin, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma’ dawk ta’ operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti filwaqt li jinkludu qligħ xieraq fuq l-investimenti, u fejn ikun il-każ b’kont meħud tal-benchmarking ta’ tariffi mill-awtoritajiet regolatorji. It-tariffi, jew il-metodi li jintużaw biex jikkalkulawhom, għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju.” |
Id‑dritt Ungeriż
7 |
L-Artikolu 129/B tal-a földgázellátásról szóló 2008. évi XL. törvény (il-Liġi Nru XL tal‑2008 dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali”) jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu: “Fil-kuntest tal-proċeduri għall-iffissar tat-tariffi għall-użu tan-netwerk, tar-remunerazzjoni għas-servizzi li l-operatur tan-netwerk jista’ jiffattura l-eżekuzzjoni tagħhom skont tariffa speċjali u tat-tariffi ta’ konnessjoni, huwa biss l-operatur tan-netwerk ikkonċernat li huwa kkonċernat direttament.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
8 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Awwissu 2021, ir-regolatur nazzjonali stabbilixxa, għall-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2021 sat‑30 ta’ Settembru 2025, it-tariffa speċjali fil-qasam tal-provvista ta’ gass naturali, applikabbli minn FGSZ Földgázszállító Zrt., operatur tan-network ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, kif ukoll l-ammont tat-tariffi ta’ konnessjoni mal-pipelines (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq deċiżjoni preċedenti tar-regolatur nazzjonali, tat‑30 ta’ Marzu 2021, li tistabbilixxi l-metodu ta’ kalkolu tal-prezz ta’ referenza, li, wara rikors ippreżentat minn Global NRG, ġie ddikjarat illegali u annullat b’effett retroattiv mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija). |
9 |
Global NRG ippreżentat ukoll, quddiem il-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija ssostni li din id-deċiżjoni hija illegali minħabba, minn naħa, li d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2021 ġiet iddikjarata illegali u, min-naħa l-oħra, li t-tariffi applikabbli għas-servizz ta’ trasferiment ta’ dazji ġew iffissati bi ksur tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/460 tas‑16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar strutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass (ĠU 2017, L 72, p. 29). |
10 |
Global NRG issostni wkoll li, peress li d-dritt nazzjonali jagħti lill-utent tan-network ta’ trażmissjoni tal-gass naturali dritt għal rimedju kontra d-deċiżjonijiet, bħal dik tat‑30 ta’ Marzu 2021, dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz ta’ referenza li jservi bħala bażi għall-iffissar tat-tariffi għall-użu ta’ dan in-network, huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni li tali utent jiġi mċaħħad minn dritt għal rikors kontra d-deċiżjoni sussegwenti, li tiffissa t-tariffi għall-użu tal-imsemmi network. |
11 |
Ir-regolatur nazzjonali jitlob li r-rikors jiġi miċħud għar-raġuni, prinċipalment, li Global NRG ma għandhiex “locus standi minn perspettiva sostantiva”, peress li din il-kumpannija ma kinitx parti fil-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ma għandha ebda rabta diretta mas-suġġett ta’ din il-proċedura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Global NRG hija affettwata biss b’mod indirett minn din id-deċiżjoni u sempliċi interess ekonomiku min-naħa tagħha ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika dritt għal rimedju kontra l-imsemmija deċiżjoni. |
12 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont Global NRG, peress li t-tariffi stabbiliti mid-deċiżjoni kontenzjuża huma imposti kemm fuq l-operatur kif ukoll fuq l-utent tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, dawn jaffettwaw direttament id-drittijiet u l-interessi leġittimi ta’ dan l-utent. Madankollu, hija tippreċiża li, skont id-dritt Ungeriż, meta rikors jiġi ppreżentat minn persuna li, bħal Global NRG, għandha locus standi fuq il-livell proċedurali, għandu jiġi eżaminat jekk din il-persuna għandhiex ukoll locus standi minn perspettiva sostantiva, jiġifieri, jekk hijiex direttament affettwata fid-drittijiet jew fl-interessi leġittimi tagħha mid-deċiżjoni kkontestata, kundizzjoni li minnha tiddependi l-possibbiltà, għal dik il-qorti, li teżamina rikors ippreżentat minn tali persuna kontra din id-deċiżjoni fuq il-mertu. |
13 |
F’dan il-każ, skont dik il-qorti, qabel kull eżami fuq il-mertu tar-rikors ippreżentat minn Global NRG, għandu jiġi vverifikat jekk din il-kumpannija tistax tiġi kklassifikata bħala “parti affettwata [leża] minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja” fis-sens tal-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73. Sa fejn tali kunċett ma huwiex iddefinit minn din id-direttiva, dan għandu jiġi eżaminat fid-dawl tas-sentenzi tad‑19 ta Marzu 2015 E.ON Földgáz Trade (C‑510/13, EU:C:2015:189), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Tariffi ta’ aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni ta’ elettriku u ta’ gass naturali)(C‑771/18, EU:C:2020:584). |
14 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, fl-ewwel lok, dwar jekk dan l-Artikolu 41(17), moqri fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 129/B(1) tal-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali, li bis-saħħa tagħha, fil-kuntest tal-proċeduri għall-iffissar tat-tariffi għall-użu tan-network, ta’ trażmissjoni u ta’ konnessjoni, kif ukoll tar-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti mill-operatur ta’ din in-network, huwa biss dan tal-aħħar li jitqies bħala “parti affettwata [leża] minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 41(17), bl-esklużjoni tal-operaturi l-oħra kollha tas-suq fis-settur tal-gass naturali. Dik il-qorti tqis li dan l-Artikolu 129/B (1) jimponilha għalhekk l-obbligu li tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Global NRG mingħajr ma teżaminah fuq il-mertu, li, fil-fehma tagħha, jikkostitwixxi “restrizzjoni sproporzjonata” għad-dritt għal rimedju previst fl-imsemmi Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73. |
15 |
Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti, billi tibbaża ruħha fuq il-punti 48 u 49 tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, E.ON Földgáz Trade (C‑510/13, EU:C:2015:189), tqis li operatur, bħal Global NRG, għandu dritt għal rimedju minħabba li huwa direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-gass naturali huwa obbligat li jimponi fuq l-operatur it-tariffa speċjali stabbilita f’din id-deċiżjoni u li dan l-aħħar operatur ma jistax jeżerċita l-attività tiegħu qabel ma jħallas l-ammonti meħtieġa għal dan l-għan. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
17 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73, moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha huwa biss l-operatur tan-network ta’ trażmissjoni tal-gass naturali li jista’ jiġi kklassifikat bħala “parti leża” minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tiffissa t-tariffi ta’ konnessjoni ma’ dan in-network u ta’ użu tal-istess network kif ukoll ir-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti minn dan l-operatur u, għaldaqstant, huwa biss dan tal-aħħar li għandu locus standi sabiex jitlob “rimedju effettiv” kontra din id-deċiżjoni. |
18 |
L-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73, moqri flimkien mal-premessa 33 tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu, fuq livell nazzjonali, mekkaniżmi xierqa li jippermettu li parti leża minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali tadixxi korp indipendenti mill-partijiet ikkonċernati u mill-gvernijiet, li “jista’ jkun qorti jew tribunal ieħor li jkollhom is-setgħa jwettqu reviżjoni [stħarriġ] ġudizzjarja”. Tali rekwiżit huwa korollarju tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73), C‑718/18, EU:C:2021:662, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
19 |
Fl-ewwel lok, għalkemm il-kunċett ta’ “parti leża”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 41(17), ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2009/73, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat dispożizzjoni simili, jiġifieri l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE tat‑28 ta’ Ġunju 1990 dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni permezz tal-implimentazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuħ ta’ telekomunikazzjoni (ĠU 1990, L 192, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 97/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 1997 (ĠU 1997, L 295, p. 23), fis-sens li operatur li ma huwiex destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali jikseb il-kwalità ta’ parti leża, meta d-drittijiet tiegħu huma potenzjalment affettwati minn tali deċiżjoni minħabba, minn naħa, il-kontenut tagħha u, min-naħa l-oħra, l-attività eżerċitata jew prevista minn din il-parti. Hija ppreċiżat li rabta kuntrattwali bejn dan l-operatur u d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni ma hijiex meħtieġa sabiex id-drittijiet ta’ tali operatur ikunu potenzjalment affettwati minn din id-deċiżjoni (sentenza tal‑24 ta’ April 2008, Arcor,C‑55/06, EU:C:2008:244, punti 176 u 177). |
20 |
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet u ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230), li ma kienet tipprevedi, b’differenza mid-Direttiva 2009/73 li ġiet warajha, ebda dispożizzjoni li tagħti espliċitament lill-operaturi dritt għal rimedju ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet ta’ awtorità regolatorja nazzjonali, li, meta din tal-aħħar tadotta deċiżjoni fil-qasam tal-aċċess tal-operaturi tas-suq għan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, abbażi ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirrikonoxxi ċerti drittijiet lill-operatur detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ trażmissjoni tal-gass, dan l-operatur għandu jitqies li huwa potenzjalment leż f’dawn id-drittijiet minn din id-deċiżjoni, anki jekk ma huwiex id-destinatarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, E.ON Földgáz Trade,C‑510/13, EU:C:2015:189, punti 38, 48 u 51). |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 41(1)(a) tad-Direttiva 2009/73 jagħti lill-awtoritajiet regolatorja nazzjonali l-kompetenza li “jiffissaw jew japprovaw, b’konformità ma’ kriterji trasparenti, tariffi ta’ trasmissjoni regolata jew ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom”. L-Artikolu 41(6)(a) ta’ din id-direttiva jagħti wkoll lil din l-awtorità l-kompetenza sabiex tistabbilixxi jew tapprova tal-inqas il-metodi użati sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għan-netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni applikabbli. Barra minn hekk, l-Artikolu 41(10) tal-imsemmija direttiva jawtorizza lill-imsemmija awtorità titlob lil operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni jibdlu, jekk meħtieġ, il-kundizzjonijiet, inklużi t-tariffi u l-metodoloġiji msemmija f’dan l-artikolu, sabiex dawn it-tariffi jkunu proporzjonati u applikati b’mod mhux diskriminatorju. |
22 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009 jirriżulta li t-tariffi ta’ aċċess għan-netwerks għandhom ikunu trasparenti u applikati b’mod nondiskriminatorju għall-utenti kollha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Tariffi ta’ aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni ta’ elettriku u ta’ gass naturali) (C‑771/18, EU:C:2020:584, punt 46). |
23 |
Minn dan isegwi li operatur, bħal Global NRG, għandu jkun suġġett għal tariffi proporzjonati, trasparenti u nondiskriminatorji abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2009/73 u tar-Regolament Nru 715/2009. Bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, tali operatur jista’, minħabba l-ksur ta’ dawn id-drittijiet, jiġi affettwat mid-deċiżjoni kontenzjuża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwalità ta’ parti leża minn tali deċiżjoni u, għaldaqstant, id-dritt għall-eżerċizzju ta’ rimedju effettiv kontra din id-deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73, għandhom jiġu rrikonoxxuti lil tali operatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, E.ON Földgáz Trade, C‑510/13, EU:C:2015:189, punti 38, 48 u 51). |
24 |
Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, mingħajr madankollu ma jippreġudika d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Tariffi ta’ aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass naturali), C‑771/18, EU:C:2020:584, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Hija ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv, li, sabiex qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar kontestazzjoni li tirrigwarda drittijiet u obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, din il-qorti għandha, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, ikollha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Tariffi ta’ aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni ta’ elettriku u ta’ gass naturali) (C‑771/18, EU:C:2020:584, punt 64). |
26 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 129/B (1) tal-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali ma jippermettilhiex teżamina fuq il-mertu rikors ippreżentat minn operatur tas-suq tal-gass naturali affettwat minn deċiżjoni tar-regolatur nazzjonali bħal Global NRG, minħabba s-sempliċi fatt li dan l-operatur ma huwiex operatur ta’ network. Sa fejn din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma tistax tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73, fl-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali ma tistax titqies li tipprevedi “mekkaniżmi xierqa”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 41(17) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Tariffi ta’ aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni ta’ elettriku u ta’ gass naturali) (C‑771/18, EU:C:2020:584, punt 65). |
27 |
Jekk tali interpretazzjoni konformi ma hijiex possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha tħalli mhux applikat, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 129/B (1) tal-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali biss fil-każ fejn l-obbligu previst fl-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73 ikun suffiċjentement preċiż u inkundizzjonat sabiex ikun jista’ jitqies li għandu effett dirett. Fil-fatt, l-invokazzjoni, minn parti fil-kawża bħal Global NRG kontra awtorità pubblika bħar-regolatur nazzjonali, ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva li ma hijiex preċiża u inkundizzjonata biżżejjed sabiex tingħata effett dirett ma tistax twassal, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, sabiex l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali tiġi eskluża minn qorti ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski,C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta tistipula obbligu li ma huwa kkwalifikat bl-ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ ebda att, kemm jekk tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll jekk tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, suffiċjentement preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivokabbli. Barra minn hekk, anki jekk dispożizzjoni ta’ direttiva tħalli lill-Istati Membri ċerta marġni ta’ evalwazzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tista’ titqies li għandha natura inkundizzjonata u preċiża meta timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivoċi, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma huwa kkwalifikat bl-ebda kundizzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punti 18 u 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dan il-każ, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipprevedu mekkaniżmi ta’ rimedju xierqa sabiex kull parti leża tkun tista’ tikkontesta deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali quddiem korp indipendenti. Għalkemm l-Istati Membri jżommu ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedu dwar in-natura u l-modalitajiet ta’ dawn il-mekkaniżmi ta’ rimedju kif ukoll dwar il-forma tal-organu indipendenti, xorta jibqa’ l-fatt li, billi jimponi l-implementazzjoni ta’ tali mekkaniżmi, dan l-Artikolu 41(17) jimponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivoċi, obbligu preċiż li ma huwa kkwalifikat bl-ebda kundizzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regola li huwa jistipula u għalhekk jistabbilixxi, b’mod inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż, garanzija ta’ rimedju favur il-partijiet leżi. (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punti 22 sa 29, kif ukoll tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Komun ta’ Ginosa), C‑348/22, EU:C:2023:301, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73 għandu jiġi rrikonoxxut effett dirett, b’tali mod li l-qorti tar-rinviju għandha ma tapplikax id-dritt nazzjonali li jmur kontra din id-dispożizzjoni fil-każ fejn dan id-dritt ma jkunx jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mal-imsemmija dispożizzjoni. |
31 |
Fid-dawl tal-motivi kollha esposti iktar ‘il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73, moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha huwa biss l-operatur tan-network ta’ trażmissjoni tal-gass naturali li jista jiġi kklassifikat bħala “parti leża” minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tiffissa t-tariffi ta’ konnessjoni ma’ dan in-network u ta’ użu tal-istess network kif ukoll ir-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti minn dan l-operatur u, għaldaqstant, huwa biss dan tal-aħħar li għandu locus standi sabiex jitlob “rimedju effettiv” kontra din id-deċiżjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
32 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE. moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha huwa biss l-operatur tan-network ta’ trażmissjoni tal-gass naturali li jista jiġi kklassifikat bħala “parti leża” minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tiffissa t-tariffi ta’ konnessjoni ma’ dan in-network u ta’ użu tal-istess network kif ukoll ir-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti minn dan l-operatur u, għaldaqstant, huwa biss dan tal-aħħar li għandu locus standi sabiex jitlob “rimedju effettiv” kontra din id-deċiżjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.